This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019IR3731
Opinion of the European Committee of the Regions – Local and regional authorities shaping the future Eastern Partnership
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-awtoritajiet lokali u reġjonali qed isawru s-Sħubija tal-Lvant tal-futur
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-awtoritajiet lokali u reġjonali qed isawru s-Sħubija tal-Lvant tal-futur
ĠU C 79, 10.3.2020, pp. 45–49
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
10.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 79/45 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-awtoritajiet lokali u reġjonali qed isawru s-Sħubija tal-Lvant tal-futur
(2020/C 79/09)
|
Relatur ġenerali |
: |
Tadeuš ANDŽEJEVSKI (LT/KRE), Membru tal-Kunsill Muniċipali tad-Distrett ta' Vilnius |
|
Dokument ta' referenza |
: |
Konsultazzjoni strutturata tal-UE dwar il-futur tas-Sħubija tal-Lvant imnedija fis-26 ta’ Lulju 2019 |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Kummenti ġenerali
|
1. |
jilqa’ l-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant (SL), programm stabbilit għaxar snin ilu bħala inizjattiva konġunta bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u sitt pajjiżi msieħba fl-Ewropa tal-Lvant u fil-Kawkasu tan-Nofsinhar: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukranja. Il-KtR jirrimarka li l-Polonja u l-Iżvezja kienu l-forza mexxejja wara l-ħolqien tas-SL bħala politika strutturata li tappoġġja l-kooperazzjoni reġjonali u ssaħħaħ ir-relazzjoni tal-UE mal-imsieħba tagħha mill-Ewropa tal-Lvant. Il-KtR jemmen li, matul is-snin, is-SL saret għodda importanti għall-impatt tal-Unjoni Ewropea fuq il-pajjiżi tal-fruntieri tal-Lvant tagħha. Matul dan id-deċennju tal-attivitajiet tas-SL, ġew stabbiliti għadd ta’ proġetti u inizjattivi funzjonali biex jiġu indirizzati r-riformi meħtieġa fil-pajjiżi tas-SL u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili f’dawk il-pajjiżi; |
|
2. |
jappoġġja l-iżvilupp ulterjuri tas-SL fl-għaxar snin li ġejjin ta’ kooperazzjoni mal-UE u jħeġġeġ li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tas-SL fl-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll fil-programmi settorjali tal-UE, u fuq kollox billi titwessa’ l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ dawk il-programmi u l-użu tagħhom. Jirrakkomanda li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jiżdied gradwalment fil-pajjiżi tas-SL fir-rigward tal-ġestjoni tal-programmi tal UE implimentati f’dawk il-pajjiżi; |
|
3. |
b’mod partikolari, iħeġġeġ l-estensjoni tal-qafas legali li jiddetermina s-SL, pereżempju billi jissaħħu l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni ffirmati mal-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova li jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi li jmiss tal-UE. Għalhekk jilqa’ l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ma’ dawn it-tliet pajjiżi; u jinnota li l-proċess tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi għandu jkollu fil-mira tiegħu l-prospett tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, jinnota wkoll il-ħtieġa li l-kooperazzjoni tiġi estiża wkoll mal-pajjiżi l-oħrajn tas-SL, inkluż billi jiġu stabbiliti prijoritajiet komuni tas-sħubija bejn l-UE u pajjiżi individwali, biex jiffurmaw il-bażi għall-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas għal kooperazzjoni ulterjuri; |
|
4. |
sar involut b’mod attiv fil-ħidma tas-SL, permezz tal-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tal-inizjattiva fil-livell tal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi, bħall-istabbiliment tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) jew task forces li jappoġġjaw ir-riformi ta’ deċentralizzazzjoni fil-pajjiżi individwali (b’mod partikolari l-Ukrajna), ikkontribwixxa għat-tisħiħ tal-awtonomija lokali fil-pajjiżi tas-SL, kif ukoll il-kooperazzjoni reġjonali kemm bejn il-pajjiżi stess tas-SL kif ukoll bejnhom u l-Istati Membri tal-UE; |
|
5. |
jirrakkomanda t-tisħiħ istituzzjonali tal-CORLEAP, sabiex din issir aktar effikaċi fit-tisħiħ tad-deċentralizzazzjoni fil-pajjiżi tas-SL. Għal dan il-għan, jirrakkomanda li l-kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u l-pajjiżi tas-SL tissaħħaħ fil-qafas tal-CORLEAP; |
|
6. |
jirrimarka li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hi minquxa fil-kostituzzjonijiet u s-sistemi ġuridiċi tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant, u li l-pajjiżi kollha tas-SL rratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali importanti kollha f’dan il-qasam mingħajr riżervi. Il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa wkoll ankrat sew fit-Trattati tal-UE. L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li l-UE jkollha l-għan li tippromovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-azzjonijiet kollha tagħha, u għalhekk anki fis-Sħubija tal-Lvant. Jinkoraġġixxi wkoll lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu assistenza permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika tan-nisa fl-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u fil-pajjiżi tas-SL; |
|
7. |
jemmen li f’termini ta’ ħidma futura tas-SL, l-awtoritajiet lokali u reġjonali se jkollhom ukoll rwol sinifikanti biex jiżguraw li l-objettivi tas-Sħubija jinkisbu b’suċċess. Għalhekk, il-Kumitat jistenna li fis-Summit tas-SL ippjanat li jsir taħt il-Presidenza Kroata tal-Kunsill tal-UE, ir-rakkomandazzjonijiet u l-Opinjonijiet tiegħu, imfassla f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet li huma l-eqreb taċ-ċittadini, jitqiesu mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE; |
|
8. |
jirrimarka li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt: l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-UE u tas-Sħubija tal-Lvant jikkostitwixxu livell fundamentali ta’ leġittimità demokratika u għandhom rwol ċentrali x’jaqdu fil-promozzjoni ta’ kultura tal-istat tad-dritt u fil-monitoraġġ tal-konformità mal-prinċipji assoċjati magħha; |
|
9. |
jappoġġja aktar riformi ta’ deċentralizzazzjoni fil-pajjiżi tas-SL, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija ta’ dawn il-pajjiżi fir-rigward tal-organizzazzjoni territorjali u istituzzjonali tagħhom. Għalhekk japprova bla riżervi l-konklużjonijiet tad-9 Konferenza Annwali tal-CORLEAP tat-12 ta’ Settembru 2019 li saret f’Turku, il-Finlandja, li tappella għal approċċ strateġiku biex jissaħħu l-inizjattivi reġjonali u lokali mmirati lejn id-demokratizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni — inkluż fil-qasam tal-finanzi pubbliċi; |
|
10. |
jappoġġja l-appell min-naħa ta’ għadd ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi permess involviment akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-programmi tal-UE implimentati fil-pajjiżi tas-SL li huma assoċjati mal-UE, inklużi dawk il-programmi relatati mal-iżvilupp ta’ ppjanar sostenibbli, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u t-tisħiħ tal-investiment, kif ukoll l-infrastruttura lokali u reġjonali. L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għandhom ikunu prinċipju gwida għall-pajjiżi tal-UE u tas-SL u jiġu promossi bħala bażi għall-kooperazzjoni fl-oqsma kollha koperti mill-SDGs. Eżempji ta’ dan jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fil-programm URBACT u l-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini, kif ukoll programmi għall-ħarsien tal-klima bħal LIFE. Barra minn hekk, iqis li huwa xieraq li l-programmi tat-TAIEX u ta’ ġemellaġġ jiġu estiżi biex jippermettu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-pajjiżi tas-SL; |
|
11. |
jappoġġja, barra minn hekk, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tas-SL fid-definizzjoni tal-objettivi tas-SL u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom; f’dan ir-rigward jirrikonoxxi l-kunċett tal-involviment differenti ta’ pajjiżi individwali fis-SL u jirrispetta l-prinċipju li ma jinħoloqx antagoniżmu bejn dawn il-pajjiżi; |
|
12. |
jirrakkomanda li l-20 riżultat tanġibbli għall-2020 jiġġeddu abbażi tas-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli globali tal-Aġenda 2030 biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħhom fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant; |
|
13. |
L-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata fl-appoġġ tagħha għall-integrità territorjali, l-indipendenza u s-sovranità tal-imsieħba kollha tagħha. L-impenn, ir-rispett u l-aderenza b’mod sħiħ mal-prinċipji mnaqqxin fil-Karta tan-NU, fl-Att Finali ta’ Helsinki tal-1975 u fil-Karta ta’ Pariġi tal-OSKE tal-1990 huma fundamentali għall-viżjoni komuni tagħna ta’ Ewropa fil-paċi u magħquda. |
|
14. |
jappoġġja sforzi mġedda għall-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitti mhux riżolti fir-reġjun fuq il-bażi tal-prinċipji u n-normi tad-dritt internazzjonali. Ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, il-bini tal-fiduċja u relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi ġirien huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-kooperazzjoni. Il-KtR jilqa’ bi pjaċir l-isforzi u r-rwol imsaħħaħ tal-UE fir-riżoluzzjoni tal-konflitti u fit-tisħiħ tal-fiduċja fil-qafas jew b’appoġġ għall-formati u l-proċessi ta’ negozjar maqbula eżistenti, inkluż permezz ta’ preżenza fuq il-post, meta jkun adatt; |
|
15. |
jilqa’ b’sodisfazzjoni l-involviment akbar mal-imsieħba kollha fl-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-innovazzjoni, u t-titjib tal-prestazzjoni tal-kwalità u l-kompetittività tagħhom, filwaqt li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet diġà eżerċitati ta’ persuni minn minoranzi nazzjonali kif imnaqqxa fil-Konvenzjonijiet tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa u l-protokolli relatati, in-nondiskriminazzjoni ta’ persuni minn minoranzi u r-rispett għad-diversità u l-kunsiderazzjoni sħiħa tal-għarfien espert tal-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa meta ssir riforma ta’ dawn is-sistemi. |
|
16. |
jappoġġja b’mod partikolari, soluzzjoni paċifika għall-kunflitt attwali fir-reġjuni tal-Lvant tal-Ukrajna u għall-kwistjoni tal-annessjoni illegali tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa; |
Appoġġ għal governanza tajba fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant
|
17. |
jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità u l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi tas-SL fil-livelli kollha, u b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali. Jappoġġja wkoll t-titjib tal-kwalifiki tal-uffiċjali pubbliċi u ż-żieda fit-trasparenza fir-rigward tar-reklutaġġ tal-ħaddiema taċ-ċivil u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ standards kontra l-korruzzjoni u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi demokratiċi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet; |
|
18. |
jilqa’, għalhekk, l-“Inizjattiva tal-UE kontra l-korruzzjoni fl-Ukrajna” (EUACI), li qed tiġi implimentata mill-Aġenzija Daniża għall-Iżvilupp u kofinanzjata mill-fondi tal-UE u mid-Danimarka. L-objettiv tal-programm huwa li jgħin lill-amministrazzjoni lokali tnaqqas ir-riskju ta’ korruzzjoni, inkluż permezz tal-ħolqien ta’ proċeduri amministrattivi stabbli u trasparenti, biex b’hekk iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u l-midja jiġu pprovduti b’aktar trasparenza fir-rigward tal-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika; |
|
19. |
jirrikonoxxi, f’dan il-kuntest, ir-rwol tal-Iskola Nazzjonali għall-Amministrazzjoni Pubblika f’Varsavja (Krajowa Szkoła Administracji Publicznej), li b’segwitu għas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fl-2011, taħt programm tal-Akkademja tas-Sħubija tal-Lvant għall-Amministrazzjoni Pubblika, organizzat disa’ sessjonijiet ta’ taħriġ għall-amministraturi pubbliċi f’livelli differenti ta’ gvern fil-pajjiżi tas-SL; |
|
20. |
jinnota, f’dan ir-rigward, li fost aktar minn 500 uffiċjal imħarreġ, proporzjon żgħir biss kienu impjegati lokali jew reġjonali; jitlob, għalhekk, li l-pajjiżi jew l-istituzzjonijiet tal-UE jorganizzaw korsijiet ta’ taħriġ sabiex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-pajjiżi tas-SL b’tali mod li jinvolvu aktar mill-qrib lill-uffiċjali pubbliċi; ifakkar li l-awtoritajiet fil-pajjiżi tas SL ta’ spiss jargumentaw li l-implimentazzjoni u t-tmexxija diretta ta’ proġetti tal-Unjoni minn awtoritajiet individwali f’pajjiżhom huma mxekkla min-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva ta’ dawk l-awtoritajiet; |
|
21. |
jappoġġja, f’dan il-kuntest, l-inizjattiva tal-CORLEAP li tiġi stabbilita pjattaforma li torganizza korsijiet ta’ taħriġ onlajn u l ħolqien ta’ Skola tal-Amministrazzjoni Pubblika għall-Ewropa tal-Lvant f’wieħed mill-pajjiżi tas-SL, li l-kompitu tagħha jkun li tipprovdi taħriġ b’mod komprensiv u kkoordinat, bl-użu tal-aħjar prattiki Ewropej f’dan il-qasam, għall-amministraturi f’diversi livelli fil-pajjiżi tas-SL; huwa tal-fehma li dan jippermetti li l-proċess ta’ taħriġ għall-uffiċjali f’dawk il-pajjiżi jiġi standardizzat, li jissaħħaħ it-tagħlim tal-lingwa Ingliża fost l-oħrajn, u li jiġu provduti standards professjonali u etiċi għoljin; |
|
22. |
jilqa’ l-proġett pilota tal-UE implimentat permezz tas-sistema TAIEX-REGIO PEER 2 PEER għal amministraturi pubbliċi fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, li hija bbażata fuq il-prinċipji ta’ mentoring u monitoraġġ tal-impjiegi, biex b’hekk tinkiseb l-esperjenza fl-Istati Membri tal-UE u mbagħad l-għarfien u l-esperjenzi miksuba jiġu mgħoddija lill-amministrazzjonijiet tagħhom fil-pajjiżi tas-SL; jipproponi li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-programm u jinkoraġġixxi l-estensjoni tal-programm għall-pajjiżi kollha tas-SL; jilqa’ t-tnedija tal-programm tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-issekondar ta’ esperti nazzjonali għat-taħriġ vokazzjonali (ENFP — National Experts in Professional Training) għall-pajjiżi tas-SL, kif ukoll it-tħabbir ta’ fażi ġdida tal-programm għall-professjonisti żgħażagħ (EU4Youth) għal dawn il-pajjiżi. Mod ieħor kif jistgħu jittejbu l-ħiliet amministrattivi fil-pajjiżi tas-SL jista’ jkun li huma jieħdu sehem fl-inizjattiva JASPERS, li tipprovdi għajnuna fit-tħejjija ta’ proġetti tal-UE; |
|
23. |
jappoġġja sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri tal-UE u dawk tal-pajjiżi tas-SL, kif ukoll sħubijiet simili bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi individwali tas-SL. Il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet hija eżempju ta’ dan it-tip ta’ sħubija. Huwa tal-fehma li l-laqgħat ta’ sħubija jistgħu jkunu opportunità għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-esperjenzi, għal skambji kulturali u taż-żgħażagħ, għall-organizzazzjoni ta’ taħriġ, għal żjarat minn esperti, esperjenza ta’ xogħol għall-amministraturi, kif ukoll attivitajiet oħrajn; |
|
24. |
għalhekk japprezza s-suċċess tal-proġett pilota dwar is-sħubijiet bejn il-bliet u r-reġjuni tal-Istati Membri tal-UE u ta’ entitajiet simili fl-Ukrajna (fil-qafas tal-programm “U-LEAD with Europe”). Dan il-programm ta’ kooperazzjoni ta’ sena, immexxi taħt il-patroċinju tal-KtR, kellu l-għan li jippromovi d-deċentralizzazzjoni fl-Ukrajna u b’mod partikolari li jtejjeb il-governanza ekonomika f’oqsma bħall-enerġija, it-turiżmu u l-iżvilupp taż-żoni rurali; |
|
25. |
jipproponi, fil-kuntest tal-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-livell lokali u reġjonali fil-pajjiżi tas-SL, jiġu promossi l-ħidma analitika u esperta dwar l-iżvilupp lokali u reġjonali, u li jiġu indirizzati dawk il-problemi u l-ostakli l-aktar kritiċi għall-iżvilupp, li ġew identifikati f’dan il-livell. Din il-ħidma esperta tista’ titħejja mill-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili (gruppi ta’ riflessjoni) u minn istituzzjonijiet analitiċi jew xjentifiċi oħrajn, f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet simili mill-Istati Membri tal-UE; |
|
26. |
huwa tal-fehma li l-appoġġ tekniku u organizzattiv għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-midja lokali u l-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-livell lokali u reġjonali fil-pajjiżi tas-SL; |
|
27. |
iqis li r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u l-involviment tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni sussegwenti ta’ dawn id-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala element importanti għal governanza tajba; |
Appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali
|
28. |
jappoġġja l-inizjattivi kollha għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi tas-SL, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali; jilqa’, għalhekk, l inizjattiva tal-Unjoni Ewropea “Sindki għat-Tkabbir Ekonomiku” (M4EG — Mayors for Economic Growth), imnedija fl-2017, li topera fil-qafas tas-SL u li għandha l-għan, fost affarijiet oħra, li tgħin lill-awtoritajiet lokali jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, pereżempju permezz ta’ bidliet regolatorji, it-titjib tal-aċċess għall-finanzi, l-iżvilupp tal-infrastruttura, il-kapital uman u l-kapaċità li jiġu attirati investituri esterni; |
|
29. |
itenni, f’konformità mal-Opinjoni preċedenti tiegħu CIVEX-VI/030, is-sejħa biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data statistika uffiċjali ta’ kwalità għolja fil-livell lokali u reġjonali tal-pajjiżi tas-SL għall-ġestjoni b’mod aktar effettiv u strateġiku tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Fejn possibbli, l-istatistika għanha tiġi diżaggregata skont il-ġeneru; |
|
30. |
jirrimarka li, fin-nuqqas ta’ din id-data statistika, huwa impossibbli li jiġi vvalutat il-potenzjal ekonomiku tar-reġjuni jew iż-żoni individwali fil-livell lokali u li tiġi vvalutata l-effikaċja tal-proġetti soċjoekonomiċi implimentati minnhom, li jagħmilha wkoll diffiċli li tiġi miġġielda l-korruzzjoni u jipprevjeni l-ħolqien ta’ trasparenza fl-isfera soċjali; |
|
31. |
jappoġġja wkoll l-iskambju ta’ esperjenza u ta’ assistenza esperta min-naħa tal-Istati Membri tal-UE fil-ġestjoni strateġika tal-baġits lokali, ġestjoni aktar effiċjenti tas-servizzi lokali, l-introduzzjoni ta’ baġit parteċipatorju li jinvolvi liċ-ċittadini, eċċ.; |
|
32. |
jirrakkomanda li jiġi żgurat appoġġ aktar b’saħħtu għal inizjattivi li jagħtu spinta lill-intraprenditorija lokali u reġjonali fil-pajjiżi tas-SL, b’mod partikolari l-SMEs, kif ukoll li jiġu promossi l-prinċipji tal-intraprenditorija soċjali; |
|
33. |
jirrakkomanda, barra minn hekk, li jiġu introdotti programmi li jappoġġjaw l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi tas-SL, filwaqt li titqies il-ħtieġa li dawn il-programmi jiġu deċentralizzati fil-livell lokali jew reġjonali; għalhekk jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva ta’ “Il-Patt tas-Sindki tal-Lvant” (CoM East — Covenant of Mayors East) li għandha l-għan li tippromovi u timplimenta l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima fil-pajjiżi tas-SL. B’mod partikolari, din l-inizjattiva għandha l-għan li tgħin lill-awtoritajiet lokali f’dawn il-pajjiżi biex jintroduċu l-enerġija rinnovabbli u jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, kif ukoll biex jadattaw għat-tibdil fil-klima; |
|
34. |
jappoġġja l-parteċipazzjoni akbar tal-pajjiżi tas-SL fil-programmi Erasmus+, Ewropa Kreattiva, COSME u Orizzont 2020, kif ukoll l-inizjattivi sussegwenti ta’ dan it-tip fil-perspettiva finanzjarja pluriennali tal-UE li jmiss. Fl-istess ħin, iħeġġeġ il-ħolqien ta’ preferenzi organizzattivi fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fil-programmi msemmija, pereżempju li jkunu parti minn konsorzji stabbiliti bejn entitajiet mill-pajjiżi tas-SL u mill-Istati Membri tal-UE; |
|
35. |
jirrakkomanda li l-prinċipji tat-trasparenza u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tas-SL għandhom jiġu integrati fl-implimentazzjoni ta’ programmi konġunti bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi tas-suq lokali, inklużi l-SMEs, kif ukoll ma’ investituri barranin; |
L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni transfruntiera
|
36. |
huwa tal-fehma li l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni transfruntiera huma għodda importanti li tista’ tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-objettivi tas-SL, b’mod partikolari għall-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tas-SL u l-Istati Membri tal-UE, u għall-iżvilupp lokali u reġjonali; |
|
37. |
jilqa’, għalhekk, l-iżvilupp tal-programmi territorjali tas-SL (Programmi għall-Kooperazzjoni Territorjali tas-Sħubija tal-Lvant — EaPTC), implimentati bil-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet reġjonali u lokali magħżula f’erba’ pari ta’ pajjiżi, jiġifieri l-Armenja u l-Georgia, l-Ażerbajġan u l-Georgia, il-Belarussja u l-Ukrajna, il-Moldova u l-Ukrajna; Iqis, madankollu, li l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali għandhom jiġu implimentati mhux biss, kif kien il-każ sa issa, bejn il-pajjiżi tas-SL, iżda wkoll bejn ir-reġjuni tal-fruntiera tal-pajjiżi tas-SL u l-Istati Membri tal-UE. |
|
38. |
huwa tal-fehma li l-għan tal-kooperazzjoni transkonfinali għandu jkun: l-iżvilupp ta’ kuntatti bejn il-persuni, l-iskambji kulturali u taż-żgħażagħ, l-iskambju ta’ esperjenzi fost is-soċjetà ċivili u l-operazzjonijiet tal-midja lokali, l-iskambji xjentifiċi u ta’ esperti maħsuba biex jappoġġjaw id-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp lokali u reġjonali, u biex jgħinu fit-titjib tal-funzjonament tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll is-sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali; |
|
39. |
iqis li t-tfassil tal-kooperazzjoni transkonfinali jista’ jkun ibbażat fuq programmi komparabbli li qed jiġu implimentati fl-UE. Għal dan il-għan, għandhom jiġu applikati proċeduri li taw prova tal-valur tagħhom taħt il-programm Interreg, li ġie implimentat b’suċċess fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE għal aktar minn 20 sena; |
|
40. |
fil-programmi transfruntiera jiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari, għall-element uman li jiżgura li ż-żoni tal-fruntiera tal-pajjiżi tas-SL, kif ukoll tal-UE, ikunu żoni ta’ kooperazzjoni u ta’ spiss anke ta’ rikonċiljazzjoni. Huwa tal-fehma li proġetti P2P fuq skala żgħira li jistgħu jiġu sseparati b’mod amministrattiv minn programmi akbar, għandhom il-potenzjal li jattiraw interess wiesa’. Il-proġetti P2P huma mfassla biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-burokrazija żejda u jkunu kemm jista’ jkun aċċessibbli għal benefiċjarji potenzjali (skejjel, sptarijiet, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, gruppi reliġjużi, eċċ.) billi jnaqqsu l-input tal-partijiet interessati tagħhom stess; għall-iżvilupp futur ta’ strutturi permanenti b’personalità ġuridika, jista’ jiġi analizzat ukoll jekk jistax jiġi previst tip ta’ “Raggruppament ta’ Kooperazzjoni Territorjali tas-Sħubija tal-Lvant” (simili għar-REKT); |
|
41. |
iqis li l-finanzjament għal programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera għandu jkun ikkonċentrat fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali magħżula fil-pajjiżi tas-SL u li l-ewwel għandha tinkiseb l-esperjenza mill-proġetti pilota; |
Komunikazzjoni
|
42. |
iqis li l-iżvilupp tal-konnessjonijiet bit-triq, bil-ferrovija u bit-telekomunikazzjonijiet huwa element importanti biex japprofondixxi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tas-SL innifishom u bejnhom u l-Istati Membri tal-UE; |
|
43. |
jilqa’, għalhekk, l-iżvilupp tal-Pjattaforma ta’ Investiment tal-Viċinat (NIP — Neighbourhood Investment Platform), li l-attivitajiet tagħha huma parzjalment iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u parzjalment minn sorsi oħrajn ibbażati fuq taħlita ta’ għotjiet u self (“blending”). L-EFSD jipprovdi wkoll garanziji finanzjarji għal dawn l-investimenti. Sal-2019, kienu nbdew jew ġew approvati madwar 15-il proġett għas-Sħubija tal-Lvant taħt l-NIP, b’finanzjament ta’ EUR 151 miljun, filwaqt li jista’ jiġi mobilizzat total ta’ EUR 1,8 biljun mis-sorsi kollha. Ħafna minn dan l-investiment ġie allokat għall-iżvilupp tal-infrastruttura tan-netwerk, inkluża l-infrastruttura tat-trasport. Investiment ieħor ġie allokat għall-infrastruttura lokali taħt il-Programm ta’ Investiment fl-Infrastruttura Muniċipali (Municipal Infrastructure Investment Programme); |
|
44. |
jemmen li l-inizjattivi fil-qasam tat-trasport m’għandhomx jitwettqu biss b’fondi tal-UE li huma ddedikati direttament għas-SL, iżda wkoll fil-kuntest ta’ programmi ta’ finanzjament imħallat; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon l-investiment fil-pajjiżi tas-SL taħt il-Pjan ta’ Azzjoni indikattiv għall-Investiment tat-TEN-T u l-possibbiltà li jiġu implimentati attivitajiet taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jinnota li wħud minn dawn l-investimenti huma wkoll ta’ natura lokali u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ konnessjonijiet tat-trasport fil-bliet u r-reġjuni tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; huwa tal-fehma li għandhom jiżdiedu l-opportunitajiet biex jintużaw programmi u finanzjamenti ulterjuri mill-UE u li għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dawn il-fondi għall-pajjiżi tas-SL; |
|
45. |
iqis li, sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-SL, hemm il-ħtieġa li jiżdied il-limitu massimu għall-fondi tal-UE fil-perspettiva finanzjarja li jmiss għall-perjodu ta’ wara l-2020; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-finanzjament għall-istrument il-ġdid allokat għall-azzjoni esterna jiżdied b’madwar 25 % (Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali). Jirrimarka, madankollu, li l-baġit għas-Sħubija tal-Lvant għandu jiżdied għal livell simili. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu ddedikati riżorsi speċifiċi fi ħdan dan l-istrument għall-implimentazzjoni tal-objettivi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi tas-SL, kif ukoll għall-kooperazzjoni transfruntiera. |
Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ