EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR3729

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kontribut tar-reġjuni u l-bliet għall-iżvilupp tal-Afrika

OJ C 141, 29.4.2020, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/25


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kontribut tar-reġjuni u l-bliet għall-iżvilupp tal-Afrika

(2020/C 141/06)

Relatur:

Robert ZEMAN (CZ/PPE), Kunsillier ta’ Prachatice

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Sfond

1.

ifakkar li l-iżvilupp sostenibbli u politika ta’ żvilupp ta’ suċċess jiddependu minn, u jaffettwaw, ħafna kwistjonijiet u politiki oħra, bħall-appoġġ ġenerali għall-ħolqien tar-relazzjonijiet personali u oqfsa għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-politiki soċjali u tas-saħħa, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, is-sigurtà u s-sikurezza, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-promozzjoni tal-iskambju tal-għarfien u l-amministrazzjoni tajba eċċ.; l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi ewlenin f’ħafna minn dawn il-kwistjonijiet, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, u għalhekk huwa ta’ importanza kruċjali li jiġu żviluppati ideat ġodda dwar kif jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli b’mod partikolari fl-Afrika;

2.

jitlob li l-UE tadotta approċċ komprensiv u jenfasizza li, sabiex il-miżuri proposti jkollhom suċċess, huwa assolutament neċessarju li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba rilevanti fil-pajjiżi Afrikani u l-istituzzjonijiet internazzjonali, pereżempju l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) (1) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) (2);

3.

jinnota li l-kooperazzjoni fuq skala kbira fil-qasam tal-ekonomija u l-iżvilupp hija waħda mill-modi kif jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni lejn l-Unjoni; jenfasizza li l-indirizzar tal-kwistjoni kumplessa tal-migrazzjoni bl-implikazzjonijiet multipli tagħha teħtieġ u ser tkompli teħtieġ ammont konsiderevoli ta’ riżorsi pubbliċi fl-UE. Approċċ bħal dan jista’ jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-perċezzjonijiet negattivi soċjali u relatati mas-sigurtà assoċjati mal-migrazzjoni lejn l-UE, u biex jittaffew ċerti tensjonijiet fis-soċjetajiet Ewropej li qed jalimentaw l-estremiżmu politiku u soċjali;

Il-ħidma u l-Opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni sa issa

4.

għalhekk huwa jfakkar fil-ħidma importanti ħafna li diġà twettqet mill-Kumitat tar-Reġjuni u b’mod partikolari l-Oinjonijiet abbozzati minn Hans Janssen, Peter Bossman u Jesús Gamallo Aller (3), u jipproponi dawn l-ideat li ġejjin għal riflessjoni kif ukoll xi miżuri prattiċi oħrajn biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika, sabiex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-pressjonijiet fuq l-individwi biex jemigraw (4);

5.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) bħala sors ewlieni ta’ finanzjament għall-appoġġ immirat għall-iżvilupp sostenibbli; itenni t-talba tiegħu biex jinħolqu programmi speċjali li jkollhom il-baġits tagħhom stess – mhux biss fil-qafas tal-NDICI (5) – immirati li jappoġġjaw il-ħidma tal-bliet u r-reġjuni tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp, inklużi diversi proġetti fl-Afrika. Dawn il-programmi idealment jistgħu jiġu ġestiti direttament minn reġjuni madwar l-UE u li huma kapaċi jinvolvu lill-bliet, il-muniċipalitajiet, il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ minn dawk ir-reġjuni sabiex ikunu involuti fi proġetti li, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (6), għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja f’żoni ġeografiċi partikolari;

6.

jissottolinja li tali programmi għandhom jitqiesu bħala fit-tul sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom għal involviment fit-tul;

7.

sabiex ir-reġjuni jitħeġġu jipparteċipaw fi programmi bħal dawn, b’mod partikolari dawk li m’għandhomx diġà esperjenza partikolari fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-programmi għandhom jipprevedu sistema ta’ inċentivi u appoġġ tekniku;

8.

huwa konvint li l-introduzzjoni ta’ tali programmi speċjali tista’ tippermetti lir-reġjuni, il-bliet, in-negozji, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u ċ-ċittadini Ewropej li jgħixu f’dawn ir-reġjuni jżidu l-potenzjal tagħhom li jkunu attivi fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli barra mill-UE, li japprofondixxu l-għarfien tagħhom dwar il-ħajja f’postijiet oħra fid-dinja, notevolment fl-Afrika u jiżviluppaw opportunitajiet ta’ negozju fil-proċess;

9.

jipproponi li dawn il-programmi jkunu msejsa fuq talbiet għal parteċipazzjoni lir-reġjuni b’enfasi speċjali fuq il-kooperazzjoni transfruntiera, sabiex jinġabru flimkien l-esperjenzi, ir-riżorsi umani kif ukoll l-għarfien espert;

10.

jitlob li tali programmi jkunu sempliċi kemm jista’ jkun mil-lat amministrattiv;

Il-ħolqien ta’ relazzjonijiet personali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet bħala għodda fundamentali biex tiġi appoġġjata kooperazzjoni effettiva għall-iżvilupp

11.

ifakkar li xi reġjuni ultraperiferiċi tal-UE għandhom rabtiet storiċi mill-qrib mal-Afrika kif ukoll esperjenza f’oqsma ta’ interess għall-ġirien tagħhom; jitlob li jiġu massimizzati l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, billi jintużaw b’mod l-aktar flessibbli l-opportunitajiet ipprovduti għall-perjodu li jmiss, fil-qafas tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea u tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI).

12.

iqis kruċjali li jiġu kapitalizzati l-kooperazzjoni u l-alleanzi li l-muniċipalitajiet u r-reġjuni tal-Unjoni Ewropea għandhom mal-kontropartijiet Afrikani tagħhom, sabiex jiġu introdotti l-approċċ ta’ konsistenza bejn il-politiki, kif ukoll l-għarfien fir-rigward tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni u l-innovazzjoni reġjonali (f’konformità mal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti);

13.

jenfasizza li huwa essenzjali, għas-sostenibilità fit-tul tal-proġetti, li kemm jista’ jkun tissaħħaħ il-kapaċità f’termini ta’ relazzjonijiet sabiex tiġi żgurata s-sjieda tal-proġetti miż-żewġ partijiet u b’hekk jiżdied l-impatt tagħhom fuq iċ-ċittadini kkonċernati;

14.

huwa konvint li l-mobilità, it-tisħiħ u l-espansjoni ta’ relazzjonijiet ta’ sħubija ġenwini, l-ewwel permezz tar-rappreżentanti, u sussegwentement direttament bejn ir-residenti tar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u tal-Unjoni Afrikana, huma essenzjali sabiex jiġi żgurat appoġġ wiesa’ għall-implimentazzjoni ta’ tali proġetti mill-pubbliku ġenerali. L-awtoritajiet u l-korpi lokali huma fost l-entitajiet politiċi bl-ogħla rispett u leġittimità f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni effettiva ta’ proġetti li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fl-Afrika;

15.

jinnota, fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-membri tiegħu, li relazzjonijiet personali kwalitattivi, attivi u diversifikati biżżejjed bejn dawk li jfasslu l-politika, is-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini huma essenzjali bħala l-bażi ta’ proġetti speċifiċi u li huma kapaċi jiżguraw il-vijabbiltà u l-funzjonament tajjeb fit-tul;

16.

huwa konvint li sensibilizzazzjoni ta’ kwalità tal-kundizzjonijiet reali tal-għajxien taċ-ċittadini, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Afrika, hija fost l-għodod importanti biex jitnaqqas l-interess fil-migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa. Din is-sensibilizzazzjoni ma tistax issir biss mill-midja; għandha sseħħ, kemm jista’ jkun, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-pari, pereżempju skambji diretti bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jistgħu jippromovu fehim reċiproku aħjar tar-realtajiet kulturali u soċjoekonomiċi differenti u jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ żvilupp, li għandhom jinħolqu u jiġu appoġġjati b’mod finanzjarju;

17.

iħeġġeġ kontributi mill-iktar wesgħin tal-bliet u tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tagħhom anke f’dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li attwalment m’għandhomx rabtiet ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp intensivi ma’ pajjiżi Afrikani; tali kontributi jistgħu jwasslu għal implimentazzjoni usa’, aktar varjata u aktar effettiva ta’ proġetti u attivitajiet li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi Afrikani, filwaqt li tissaħħaħ il-leġittimità ta’ din il-kooperazzjoni f’għajnejn iċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri; Sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet kulturali u lingwistiċi, huma rakkomandati wkoll sħubijiet reġjonali u muniċipali trilaterali.

Approċċ komprensiv għall-kooperazzjoni mar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Afrika bħala bażi għas-suċċess fit-tul

18.

jenfasizza li t-trasferiment tal-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej biex jitwettqu l-kompiti ta’ kuljum tal-amministrazzjoni diretta tat-territorju u għall-kooperazzjoni ma’ xulxin, partikolari bejn il-fruntieri, jagħmel parti, flimkien mal-approċċ olistiku li ma jiffokax biss fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, mill-aktar għodod effettivi għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-pajjiżi tal-Unjoni Afrikana;

19.

jissuġġerixxi, għalhekk, li proġetti li jaqsmu l-aħjar prattika, bħall-Inizjattiva ta’ Nikosija tal-KtR huma għodda utli biex tinbena kooperazzjoni diretta u konkreta bejn l-UE u l-imsieħba mhux fl-UE fil-livell lokali u reġjonali (7);

20.

jipproponi li l-proġetti amministrati mir-reġjuni tal-Unjoni għandhom ifittxu sħubijiet mill-qrib man-negozji, l-NGOs jew l-esperti tagħhom, fil-forma ta’ kooperazzjoni mal-muniċipalitajiet u l-intrapriżi tagħhom, il-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet u l-ħaddiema Afrikani attivi fil-post. Dawn il-proġetti jridu jkunu msejsa fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (8) (l-ippjanar urban, il-provvista u t-trattament tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart u l-ġbir tiegħu fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, eċċ.), u jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet b’mod flessibbli u fit-tul;

21.

huwa konxju li l-implimentazzjoni ta’ proġetti mmirati biex jippromovu l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika hija attività estremament kumplessa, eżiġenti u ta’ spiss riskjuża, u għalhekk jemmen li għandhom jinħolqu strumenti addizzjonali li jappoġġjaw il-bliet u r-reġjuni tal-UE fil-proġetti ta’ kooperazzjoni tagħhom, iffokati fuq is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-proġetti, kif ukoll il-promozzjoni ta’ attivitajiet konġunti li jinċentivaw u jistabbilizzaw l-implimentazzjoni tagħhom fit-tul;

22.

jipproponi li l-proġetti, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-attivitajiet l-oħra għandu jkollhom b’mod partikolari l-għan li jistabbilizzaw is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u jsaħħu il-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjetà (9), kemm bħala grupp kif ukoll bħala individwi, inkluż permezz tal-implimentazzjoni bejn il-pari, biex b’hekk jippermettu l-iżvilupp personali u t-tisħiħ tal-fiduċja tagħhom f’futur aħjar u, għalhekk, il-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-ambjent lokali tagħhom;

23.

iqis li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju huma l-pedament ta’ soċjetà ċivili funzjonali, moderna u stabbli, u għalhekk jipproponi, apparti l-proġetti li jippromovu l-ħolqien ta’ intrapriżi bħal dawn fl-Afrika, li jiġu implimentati attivitajiet bħalma huma t-traineeships fl-UE, l-iskambju tal-ħaddiema, il-ħolqien possibbli ta’ intrapriżi konġunti Ewropej u Afrikani, u t-tipi l-oħrajn kollha tal-attivitajiet li jistgħu jżidu l-impjieg fin-negozji ż-żgħar;

24.

huwa konxju li, min-naħa, hemm bżonn li jiġu appoġġjati s-soluzzjonijiet lokali fl-oqsma tal-impjiegi, l-intraprenditorija, is-saħħa, il-protezzjoni ambjentali u attivitajiet oħra, iżda wkoll, fl-istess ħin, li jingħata kontribut għat-tisħiħ tal-kummerċ reċiproku, l-intraprenditorija u l-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali;

25.

jinnota li l-attivitajiet kollha għandhom l-għan li jikkontribwixxu biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ individwi, familji u komunitajiet lokali speċifiċi, sabiex jiġi promoss it-tkabbir tal-klassi medja bħala vettur ta’ soċjetà stabbli u b’saħħitha.

26.

jirrikonoxxi li s-suċċess ta’ proġetti li jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli għandu jkun assistit minn attivitajiet ta’ informazzjoni dwar l-esperjenzi tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom li jistgħu jkunu utli għall-imsieħba lokali. Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati persuni ta’ kuntattli jistgħu jikkooperaw fuq proġetti mwettqa jew li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ, lill-iskejjel u lill-korpi rappreżentattivi interessati biex isibu msieħba adatti għall-kondiviżjoni tal-esperjenzi, l-apprendistati, eċċ.;

27.

jipproponi li jsir użu mit-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni disponibbli u min-netwerks soċjali sabiex tiġi mifruxa l-informazzjoni l-aktar affiddabbli possibbli bl-aktar mod wiesa’ possibbli u fl-istess ħin b’mod l-aktar personalizzat possibbli, sabiex jitnaqqas l-impatt tal-miżinformazzjoni u tad-diżinformazzjoni, kemm fl-UE kif ukoll fuq il-pajjiżi fl-Afrika;

28.

iqis li relazzjonijiet u kooperazzjoni msaħħa bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea u tal-Unjoni Afrikana jistgħu jwasslu fil-futur għal titjib sostanzjali fil-kwalità ta’ dawn ir-relazzjonijiet anke fil-livell tal-Unjoni Ewropea u tal-Unjoni Afrikana. Relazzjonijiet ġodda ta’ sħubija bejn pari li jkunu aktar mill-qrib jistgħu jippermettu forom oħra importanti ta’ kooperazzjoni u żvilupp ekonomiku u soċjali gradwali, li jwassal ukoll biex titnaqqas il-pressjoni migratorja;

Il-proġetti pilota bħala element indispensabbli biex jiġu vverifikati fil-prattika is-suppożizzjonijiet teoretiċi ta’ din l-Opinjoni

29.

jafferma l-konvinzjoni tiegħu li l-Unjoni Ewropea għandha taħseb globalment u taġixxi fil-livell lokali, u jemmen li l-approċċ bażiku ta’ dan il-pjan għandu dejjem ikun minn isfel għal fuq. Għalhekk, din l-Opinjoni tenfasizza l-ħtieġa li tintuża l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, kif ukoll tan-negozji u l-esperti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif imiss ta’ attivitajiet u proġetti, u dan f’kooperazzjoni mal-kontropartijiet Afrikani tagħhom;

30.

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li jiġi promoss, sa fejn hu possibbli, l-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà fil-bliet u l-muniċipalitajiet tal-pajjiżi Afrikani u, għalhekk, jitlob li kemm jista’ jkun malajr jitnedew proġetti pilota u attivitajiet rilevanti oħra, li huma essenzjali biex tinbeda b’suċċess għajnuna fit-tul għall-pajjiżi Afrika fejn, għal raġunijiet politiċi u ta’ sigurtà, huwa possibbli li jitnaqqas l-interess fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari mhux biss lejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll fi ħdan l-Afrika.

Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://www.unhcr.org/.

(2)  https://www.iom.int/.

(3)  Il-Viċinat u d-Dinja, Hans Janssen, 2018; Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, Peter Bossman, 2018; Il-Migrazzjoni fuq ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali, Hans Janssen, 2017; Qafas ta’ sħubija ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni, Peter Bossman, 2017; Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp – Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna, Jesús Gamallo Aller, 2017; Il-ħarsien tar-refuġjati fiż-żoni tal-oriġini tagħhom: perspettiva ġdida, Hans Janssen, 2016; Ħajja deċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva, Hans Janssen, 2015.

(4)  Il-Fondazzjoni Mo Ibrahim: https://mo.ibrahim.foundation/sites/default/files/2020-01/2019_Forum_Report_2.pdf.

(5)  Il-Viċinat u d-Dinja, Hans Janssen, 2018.

(6)  L-SDGs tan-NU: https://www.undp.org/content/undp/en/home/sustainable-development-goals.html.

(7)  L-Inizjattiva ta’ Nikosija: https://cor.europa.eu/en/our-work/Pages/Libya.aspx.

(8)  L-SDGs tan-NU: https://www.undp.org/content/undp/en/home/sustainable-development-goals.html.

(9)  Il-Fondazzjoni Mo Ibrahim: https://mo.ibrahim.foundation/sites/default/files/2020-01/2019_Forum_Report_2.pdf.


Top