EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XR1976

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-implikazzjonijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE

COR 2018/01976

OJ C 361, 5.10.2018, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 361/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar l-implikazzjonijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE

(2018/C 361/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-progress matul l-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, u l-abbozz tal-Ftehim tal-Irtirar tal-Kummissjoni Ewropea tat-28 ta’ Frar 2018,

Wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill Ewropew (Art. 50) tat-23 ta’ Marzu 2018 dwar il-fehim ġenerali tal-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, bl-approvazzjoni tat-termini tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, m’għandha teżisti l-ebda diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE li waslu fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li waslu fl-UE27 sa tmiem il-perjodu ta’ transizzjoni. Jilqa’ l-fatt li d-drittijiet taħt il-Ftehim tal-Irtirar ta’ ċittadini tar-Renju Unit li se jibqgħu fl-UE, u ta’ ċittadini tal-UE li se jibqgħu fir-Renju Unit, jiġu protetti matul il-ħajja kollha u jitlob li jkun żgurat li kwalunke tibdil fil-ġejjieni li jsir fil-politika fl-Istati Membri tal-UE jew fir-Renju Unit ma jpoġġix dawn id-drittijiet ikunu fil-periklu. Dan jinkludi d-dritt għall-kura tas-saħħa u r-rikonoxximent reċiproku ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

2.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar f’termini ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi fil-qafas futur tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fin-negozjati biex jiċċaraw l-elementi ewlenin dwar il-bażi għal kooperazzjoni (bħalma huma l-istruttura, il-governanza, l-ambitu u l-mekkaniżmi għal soluzzjoni tat-tilwim, l-infurzar u l-parteċipazzjoni) kemm jista’ jkun malajr, biex tingħata orjentazzjoni u ċertezza għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.

3.

Jenfasizza l-importanza ta’ allinjament regolatorju bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq u għalhekk mal-UE, l-hekk imsejħa “backstop clause”. Ifakkar li trid tinstab soluzzjoni ottimab, sostenibbli u legalment operattiva għall-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda u jittama li jkun hemm aktar progress għas-Summit tal-Kunsill Ewropew f’Ġunju.

4.

Jinnota li l-ħruġ tar-Renju Unit se jkollu konsegwenzi inevitabbli u skont il-ftehim li jintlaħaq bejn l-UE u r-Renju Unit, ir-relazzjoni l-ġdida tista’ tagħmel l-iskambju ta’ prodotti u servizzi, kif ukoll il-moviment ta’ persuni u kapital, aktar diffiċli milli f’unjoni doganali u suq uniku li magħhom ir-Renju Unit bħalissa jappartjeni. Għalhekk jitlob għal prammatiżmu sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għal kull naħa filwaqt li tiġi rispettata l-integrità tal-unjoni doganali u tas-suq uniku.

5.

Jinnota madankollu li, għalkemm hemm firxa ta’ għażliet potenzjali f’termini tar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-UE, m’hemmx biżżejjed enfasi dwar x’għandha tkun ir-relazzjoni futura fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jenfasizza li ħafna kwistjonijiet importanti jeħtieġu azzjoni lokali u reġjonali u għalhekk hija meħtieġa l-kooperazzjoni kontinwa bl-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

6.

Ifakkar li mir-referendum ’l hawn il-KtR ipprovda pjattaforma għal djalogu kontinwu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-Renju Unit, filwaqt li wettaq konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet fil-fond tal-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fil-livell sottonazzjonali; dawn jindikaw li l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE x’aktarx ser ikunu asimetriċi mhux biss fis-setturi differenti tal-ekonomija, iżda wkoll madwar ir-reġjuni u l-pajjiżi, b’xi reġjuni u Stati Membri iktar esposti minħabba n-natura u l-iskala tar-rabtiet kummerċjali tagħhom mar-Renju Unit;

7.

Jinnota li l-xogħol analitiku tal-KtR juri li l-maġġoranza tar-reġjuni, sa issa, ma rnexxielhomx jagħmlu valutazzjoni xierqa tal-impatt possibbli tal-ħruġ tar-Renju Unit, b’mod partikolari minħabba l-inċertezza rigward in-negozjati u r-relazzjoni futura. Jinnota li n-nuqqas ta’ data dwar l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit inevitabbilment se jillimita l-ambitu biex issir tħejjija effettiva u biex jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni.

8.

Minħabba l-inċertezzi relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u l-konsegwenzi konkreti tiegħu, il-livelli kollha ta’ governanza kemm fir-Renju Unit kif ukoll fl-UE27 għandhom ikomplu iħejju, għal kull riżultat possibbli, kif ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew. Huwa partikolarment importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jħejju għal kull xenarju. Jenfasizza l-importanza li jinżamm livell għoli ta’ trasparenza waqt l-istadji kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, bħala prerekwiżit li jippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jindirizzaw l-eżiti kollha possibbli.

9.

Jitlob sforz addizzjonali biex il-bidliet fir-relazzjonijiet futuri jiġu kkomunikati lis-soċjetà Jiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari, għall-fatt li s-sensibilizzazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni se jgħinu lin-negozji, b’mod partikolari ‘l-SMEs, biex iħejju aħjar biex jiffaċċjaw aġġustamenti ekonomiċi u strutturali, u jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw strateġiji speċifiċi adattati għall-ħtiġijiet tagħhom sabiex jiġi mitigat l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit, fejn ikun meħtieġ u ġustifikat.

10.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jitħallewx jikkumbattu ma’ dawn l-isfidi weħidhom u li dawn l-isfidi jiġu mitigati kemm jista’ jkun permezz ta’ relazzjoni futura pożittiva. F’dan il-kuntest jinnota bi tħassib kbir il-proposti reċenti għall-QFP mill-Kummissjoni Ewropea u jtenni l-konvinzjoni tiegħu li politika ta’ koeżjoni b’saħħitha, inklużi programmi ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea rinforzati bħall-Interreg, hija essenzjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE biex jindirizzaw il-konsegwenzi negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit; barra minn hekk, jenfasizza li politiki oħrajn tal-UE wkoll bħall-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd għandhom jintużaw biex jitnaqqsu dawn l-impatti negattivi, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-finanzjament futur tagħhom. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tevalwa qabel id-29 ta’ Marzu 2019 il-ħtieġa possibbli għal fond ta’ stabbilizzazzjoni għar-reġjuni l-aktar milquta ħażin mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

11.

Jinnota li jista’ jkun neċessarju wkoll li jkun hemm flessibbiltà suffiċjenti fir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jindirizzaw sitwazzjonijiet kritiċi speċifiċi;

12.

Ifakkar li filwaqt li r-Renju Unit bħala pajjiż terz ma jkunx jista’ jipparteċipa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE – l-aħjar mod kif jiġi mitigat l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE huwa permezz ta’ ftehim ambizzjuż, bl-istabbiliment ta’ sħubija ġenwina bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż iżda mhux limitat għal relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi; jenfasizza li anke jekk tali ftehim jista’ jiġi finalizzat u konkluż biss meta r-Renju Unit ikun ħareġ mill-UE, l-isforzi għandhom isiru biex tiġi faċilitata l-konklużjoni f’waqtha tiegħu. Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu previsti ftehimiet speċifiċi dwar il-politika barranija u ta’ difiża, li jżommu rabta bejn ir-Renju Unit u l-UE, flimkien mal-kondiviżjoni tal-intelliġenza.

13.

Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tagħti prijorità lill-konnettività ta’ persuni u ta’ prodotti bejn ir-reġjuni fl-Unjoni Ewropea kif ukoll bejn l-UE u r-Renju Unit. Jenfasizza b’mod partikolari r-rwol kritiku tal-portijiet, l-ajruporti kif ukoll tan-netwerks tat-toroq u tal-ferrovija biex jiżguraw din il-konnettività u jixtieq li jkun hemm iffukar mill-ġdid ta’ politika u ta’ investiment f’dan ir-rigward.

14.

Ifakkar fil-ħtieġa tar-Renju Unit biex tinżamm il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi Ewropej kif ukoll ir-rikonoxximent tal-leġislazzjoni Ewropea dwar kwistjonijiet sanitarji, fitosanitarji u ambjentali sabiex jiġi evitat li jinħolqu kontrolli ġodda għal esportazzjonijiet li jxekkel il-konsenji lejn dak il-pajjiż.

15.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim proviżorju dwar perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fir-Raba’ Parti tal-abbozz tal-Ftehim tal-Irtirar, li matulu l-liġi tal-Unjoni għandha tapplika għal u fir-Renju Unit, li jipprovdi aktar ċertezza legali u ż-żmien għan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE-27 u r-Renju Unit;

16.

Ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea tas-27 għandhom interess li r-Renju Unit ikun permess li jipparteċipa, bħala pajjiż terz, f’ċerti programmi tal-Unjoni, li għalihom jagħti kontribuzzjoni finanzjarja adatta, b’mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, ir-riċerka, l-innovazzjoni, kif ukoll l-aġenziji rilevanti, u f’relazzjoni mill-qrib fir-rigward tas-sigurtà, il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni.

17.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-erba’ prinċipji sottostanti tal-abbozz tal-Ftehim tal-Irtirar, jiġifieri li jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini eżistenti jiġu salvagwardjati, li l-impenji finanzjarji tal-UE-28 se jiġu rispettati, li l-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fuq il-gżira tal-Irlanda tinżamm, u li fruntiera fiżika bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda tiġi evitata.

18.

Iqis li huwa essenzjali li ftehim ta’ sħubija futur jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-moviment ta’ persuni naturali fuq il-bażi ta’ reċiproċità sħiħa u n-nondiskriminazzjoni fost l-Istati Membri, lil hinn minn kull perijodu ta’ transizzjoni. Sabiex tiġi żgurata mobilità fil-ġejjieni, il-ftehim għandu jiggarantixxi r-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali, akkademiċi u vokazzjonali.

19.

Jenfasizza li huwa importanti ħafna li jiġi żgurat li l-ebda fruntiera fiżika ma tiġi stabbilita fil-gżira tal-Irlanda u li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira ma jkunx fil-perikolu; għaldaqstant jappella lir-Renju Unit u l-UE biex ikomplu jfittxu soluzzjonijiet li jippermettu li jitkompla l-moviment ta’ prodotti, persuni u servizzi bejn it-territorji tagħhom, mingħajr ma jiġu affettwati b’mod negattiv id-drittijiet u l-obbligi tal-Irlanda taħt il-liġi tal-UE, inkluż ir-rispett tal-moviment liberu ta’ ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-programmi EU PEACE u Interreg mar-Renju Unit, bħala sħab.

20.

Ifakkar it-tamiet espressi preċedentement li r-reġjun ta’ Andalucia u speċifikament l-eluf ta’ ħaddiema tas-seba’ muniċipalitajiet fid-distrett ta’ Campo de Gibraltar, li jaqsmu l-fruntiera lejn Ġibiltà ta’ kuljum biex jaħdmu, u ċittadini miż-żewġ naħat, ma joħorġux telliefa bħala riżultat tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, minħabba l-livell għoli ta’ interdipendenza ekonomika u soċjali f’din iż-żona.

21.

Ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea għandhom żvantaġġi strutturali identifikati fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Id-dipendenza kbira fuq l-ekonomija tar-Renju Unit ta’ xi wħud minn dawn ir-reġjuni toħloq il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni tal-UE sabiex jiġi kkumpensat l-impatt negattiv possibbli fuq l-ekonomiji fraġli tagħhom..

22.

Jitlob lill-Partijiet biex jipprevedu b’mod espliċitu li l-entitajiet konġunti msemmija fl-abbozz tal-Ftehim tal-Irtirar jindirizzaw id-dimensjoni territorjali u jenfasizza li se jinvestiga struttura adatta, bħal Kumitat Konġunt li jkun simili għal korpi oħrajn li l-KtR għandu ma’ stati li mhumiex membri tal-UE, għall-kooperazzjoni tiegħu stess mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-Renju Unit waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni u lil hinn minnu.

23.

Lil hinn mill-2020, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti adatti sabiex jiġi żgurat aċċess faċli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-Renju Unit biex jikkooperaw mal-kontropartijiet tal-UE permezz tal-parteċipazzjoni fi programmi ta’ kooperazzjoni tal-UE b’mod simili bħal ma jagħmlu attwalment pajjiżi bħan-Norveġja jew l-Iżlanda, kif ukoll permezz ta’ strateġiji makroreġjonali u fi ħdan oqfsa tar-REKT.

24.

Ifakkar, f’dan il-kuntest, li anke jekk il-KtR m’għandux rwol formali fin-negozjati, uħud mill-membri tiegħu u l-awtoritajiet li huma jirrappreżentaw ser ikollhom il-possibilità li jadottaw pożizzjonijiet formali skont ir-rwol rispettivi tagħhom fl-oqfsa legali nazzjonali differenti tagħhom; bħala konsegwenza, jitlob li n-negozjati futuri dwar il-ftehim futur ta’ sħubija jsiru b’mod trasparenti u inklużiv sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jressqu fehmiethom u jirreaġixxu b’mod adatt u f’waqtu u jantiċipaw kwalunkwe riperkussjonijiet, partikolarment ekonomiċi, u għalhekk jissalvagwardjaw it-territorji tagħhom. Itenni l-fehma tiegħu li l-KtR qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex ifassal u jimplimenta mekkaniżmi istituzzjonali biex jiġu promossi konsultazzjoni u interazzjoni regolari wara l-ħruġ mal-gvern lokali u mal-parlamenti u l-assemblej devoluti fir-Renju Unit u jaqbel li jibdew isiru preparazzjonijiet interni sabiex tiġi evitata lakuna fir-relazzjonijiet minħabba l-ħruġ.

25.

Jenfasizza li l-proċess tan-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u r-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit juri l-ispejjeż u r-riskji tan-“non-Ewropa” u l-valur miżjud tal-Unjoni Ewropea bħala komunità b’futur u valuri bbażati fuq is-solidarjetà reali u l-kisbiet konkreti għall-benessri taċ-ċittadini tagħha u dan jibda mil-libertà tal-moviment. Iqis, barra minn hekk, li l-kuntest tan-negozjati joffri l-opportunità sabiex titnieda mill-ġdid l-integrazzjoni Ewropea bħala proċess miftuħ, li għandu l-għan li tinbena Unjoni Ewropea aktar ġusta u aktar inklużiva, ibbażata fuq valuri komuni u l-promozzjoni ta’ governanza f’diversi livelli bejn l-Unjoni Ewropea u l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

26.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lin-negozjatur ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea, lill-koordinaturi tal-Brexit għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew; lill-Gvern tar-Renju Unit, lill-assemblej u ‘l-gvernijiet tal-amministrazzjonijiet u l-gvernijiet devoluti tar-Renju Unit, u lill-Presidenza Bulgara tal-Kunsill tal-UE.

Brussell, is-17 ta’ Mejju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


Top