EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XC0920(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2018 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Il-Każ AT.40469 — Denon & Marantz (restrizzjonijiet vertikali)) (notifikat bid-dokument C(2018) 4774 final)

C/2018/4774

OJ C 335, 20.9.2018, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 335/5


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-24 ta’ Lulju 2018

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(Il-Każ AT.40469 — Denon & Marantz (restrizzjonijiet vertikali))

(notifikat bid-dokument C(2018) 4774 final)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2018/C 335/05)

Fl-24 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil D&M Holdings Inc., D&M Germany GmbH u D&M Europe BV (kollettivament “D&M”). D&M hija manifattur fis-settur tal-elettronika tal-awdjo/tal-vidjo għall-konsumatur u fis-settur tad-divertiment fid-dar. D&M Germany GmbH u D&M Europe BV huma sussidjarji u proprjetà kollha kemm huma ta’ D&M Holdings Inc. (il-Ġappun)

(2)

Id-Deċiżjoni tirrigwarda żewġ każijiet ta’ ksur separati u kontinwi tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE D&M Germany GmbH u D&M Europe BV implementaw prattiki li kellhom l-għan li jirrestrinġu l-abbiltà tal-bejjiegħa bl-imnut li jiddeterminaw il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom b’mod indipendenti fil-Ġermanja u fin-Netherlands rispettivament.

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(3)

Il-każ kontra D&M oriġina minn spezzjonijiet mhux imħabbra fl-10 ta’ Marzu 2015 fil-bini ta’ bejjiegħ bl-imnut online fil-Ġermanja li jbigħ inter alia prodotti tad-D&M.

(4)

Fit-2 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti bil-għan li tieħu deċiżjoni skont il-Kapitolu III ta’ Regolament (KE) Nru 1/2003.

(5)

Ftit wara l-bidu tal-proċedimenti, D&M indikat l-interess tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni u ppreżentat evidenza ulterjuri dwar l-imġiba rilevanti.

(6)

Sussegwentement, D&M ippreżentat offerta formali biex tikkoopera fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

(7)

Fit-13 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet indirizzata lid-D&M. Fil-25 ta’ Ġunju 2018, D&M ippreżentat ir-risposta tagħha għad-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet.

(8)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fl-10 ta’ Lulju 2018.

(9)

Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fl-24 ta’ Lulju 2018.

2.2.   Destinatarji u tul ta’ żmien

(10)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 TFUE billi pparteċipaw direttament, matul il-perjodu indikat hawn isfel, fi prattiki antikompetittivi:

Impriża

Tul ta’ żmien

Il-każ ta’ ksur fil-Ġermanja: D&M Germany GmbH

Mid-19 ta’ April 2011 sad-19 ta’ Jannar 2015

Il-każ ta’ ksur fin-Netherlands: D&M Europe BV

Mit-30 ta’ Mejju 2011 sas-6 ta’ Frar 2014

2.3.   Il-każijiet ta’ ksur fil-qosor

(11)

Matul il-perjodi tal-każijiet ta’ ksur, D&M mmonitorjati l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-bejjiegħa bl-imnut u talbet u kisbet il-ftehim tal-bejjiegħa li jżidu l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid sal-livell mixtieq. Ħafna drabi dan kien miksub mill-mod kif titpoġġa pressjoni fuq il-bejjiegħa bl-imnut bi prezzijiet baxxi u, f’xi każijiet, billi jittieħdu miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra l-bejjiegħa bl-imnut mhux konformi, b’mod partikolari billi temporanjament ikunu imblokkati l-kontijiet tagħhom u billi titwaqqaf l-provvista tal-prodotti rilevanti.

(12)

D&M fil-Ġermanja u n-Netherlands segwew strateġija mmirata biex tilħaq u żżomm il-livell tal-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid stabbli. L-impjegati tad-D&M, inkluż il-maniġment tagħha, immonitorjaw f’kull wieħed miż-żewġ Stati Membri, il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid u regolarment ikkuntattjaw lill-bejjiegħa bl-imnut biex jitolbuhom iżidu l-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom. Din l-imġiba kienet immotivata wkoll minn ilmenti li waslu minn ċerti bejjiegħa bl-imnut dwar pressjoni tal-bejgħ mill-ġdid eżerċitata fuq ipprezzar aggressiv minn bejjiegħa bl-imnut oħra li ma kinux qed jitħallew ibigħu prodotti tad-D&M bi prezzijiet ogħla mixtieqa u b’hekk jiksbu marġni ta’ profitt li huma stennew. Il-bejjiegħa bl-imnut regolarment qablu mat-talbiet tad-D&M u aġġustaw il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom.

(13)

Id-D&M fil-Ġermanja u n-Netherlands għamlu pressjoni fil-forma ta’ theddid u ħadu miżuri ta’ ritaljazzjoni fil-konfront ta’ bejjiegħa bl-imnut li waqqgħu l-livelli tal-prezz mixtieq.

2.4.   Rimedji

(14)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida dwar il-Multi tal-2006 (2).

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(15)

Fl-istabbiliment tal-multi, il-Kummissjoni qieset il-valur tal-bejgħ fl-2014 għall-Ġermanja u fl-2013 għan-Netherlands, li huma l-aħħar snin kummerċjali kompluti tal-parteċipazzjoni tad-D&M fil-każijiet tal-ksur.

(16)

Il-Kummissjoni qieset li ż-żamma tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, min-natura tiegħu stess, jillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li arranġamenti vertikali u prattiki miftiehma bħaż-żamma tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, huma, min-natura tagħhom stess, ta’ spiss inqas ta’ dannu għall-kompetizzjoni milli arranġamenti orizzontali. Meta jitqiesu dawn il-fatturi u fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, il-proporzjon tal-valuri tal-bejgħ ġie stabbilit għal 7 %.

(17)

Il-Kummissjoni qieset it-tul ta’ żmien taż-żewġ każijiet tal-ksur separati u kontinwi, kif imsemmi hawn fuq.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(18)

Ma hemm l-ebda ċirkustanza aggravanti jew mitiganti f’dan il-każ.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(19)

L-ebda waħda mill-multi kkalkulati ma qabżet l-l0 % tal-fatturat dinji tad-D&M.

2.4.4.   Tnaqqis fil-multa fid-dawl tal-kooperazzjoni

(20)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, biex jiġi rifless li d-D&M ikkooperat effettivament mal-Kummissjoni lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tagħmel dan, il-multa li altrimenti kellha tkun imposta jinħtieġ li, skont il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Multi, titnaqqas b’40 %.

3.   KONKLUŻJONI

(21)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ammont finali tal-multa imposta fuq D&M skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għall-każ ta’ ksur separat u kontinwu fil-Ġermanja jammonta għal EUR 6 327 000 u għall-każ ta’ ksur separat u kontinwu fin-Netherlands jammonta għal EUR 1 392 000.

(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.


Top