EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0283

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposti għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakoli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-istrumenti ta' finanzjament estern

SWD/2018/283 final - 2018/0197 (COD)

Strasburgu, 29.5.2018

SWD(2018) 283 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposti għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni

dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakoli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier

dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-istrumenti ta' finanzjament estern

{COM(2018) 372 final}
{SEC(2018) 268 final}
{SWD(2018) 282 final}


Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt

1.Missjoni u kamp ta’ applikazzjoni

Il-missjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond ta’ Koeżjoni (FK) hija stabbilita fit-Trattat: il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Dan ifisser it-tnaqqis tad-differenzi reġjonali u nazzjonali f’firxa wiesgħa ta’ temi: l-innovazzjoni, il-kompetittività, l-impjiegi, l-ambjent, it-trasport, l-infrastruttura tal-edukazzjoni u tas-saħħa, u l-iżvilupp urban sostenibbli

Waħda mill-prijoritajiet trasversali hija l-kooperazzjoni transfruntiera taħt il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (“ETC” jew “Interreg”) u l-Impenn Trans Fruntier Ewropew (ECBC).

Sabiex jista’ jkun hemm konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE b'ġestjoni kondiviża, ir-regoli dwar it-twettiq u l-implimentazzjoni tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni huma rregolati kemm jista’ jkun skont ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (“CPR”). Dan jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għal seba’ fondi b’ ġestjoni kondiviża fil-livell tal-UE:

·FK:        Il-Fond ta' Koeżjoni

·FEMS:        Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

·FEŻR:        Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

·FSE+:        Il-Fond Soċjali Ewropew Plus

·AMIF:        Il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni

·FSI:        Il-Fond għas-Sigurtà Interna.

·BMI:        L-Istrument ta’ Ġestjoni tal-Fruntieri

2.Il-lezzjonijiet meħuda minn programmi preċedenti

Fejn jidħlu l-istrateġija, il-prijoritajiet u l-impatt tal-politika, l-evalwazzjoni ex post iddifferenzjat bejn diversi temi:

·Ta’ valur miżjud u ta’ impatt għolji: appoġġ lill-SMEs, strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u ffaċilitar biex titjieb il-prestazzjoni tar-reġjuni fejn jidħlu l-katina ekonomika, l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, l-iżvilupp urban sostenibbli u l-kooperazzjoni reġjonali

·Ta’ impatt iżgħar, bħal fil-każ tas-sostenn lil impriżi kbar u l-investimenti fl-ajruporti (ħlief fir-reġjuni ultraperiferiċi).

Simplifikazzjoni: il-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv. Il-valutazzjonijiet ex post tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni sabet li s-sistemi ta’ ġestjoni, kontroll u awditjar kienu kumplessi żżejjed. Dan kien sors ta’ inċertezza amministrattiva u dewmien fl-implimentazzjoni. Il-kumplessità kienet kwistjoni partikolari fil-pajjiżi tal-UE-15, fejn il-finanzjament kien relattivament iżgħar, li jindika l-ħtieġa ta’ proporzjonalità.

Il-ħtieġa għal flessibbiltà bħala reazzjoni għall-ħtiġijiet emerġenti: L-evalwazzjoni ex post tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni sabet li l-adattament tal-programmi fil-kriżi ekonomika kienet waħda mill-istejjer ta’ suċċess fil-perjodu 2007-2013 u għandha tkompli tiġi żviluppata.

Il-potenzjal tal-istrumenti finanzjarji (SF): L-evalwazzjoni ex post tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni sabet li l-istrumenti finanzjarji għandhom il-potenzjal li jkunu mezz aktar effiċjenti kif jiġi ffinanzjat l-investiment f’xi oqsma ta’ politika, iżda hemm dewmien fl-implimentazzjoni u t-tifrix ulterjuri tagħhom huwa ta’ sfida.

Il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika dwar “Fondi tal-UE fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni” (mill-10 ta’ Jannar 2018 sal-9 ta’ Marzu 2018). Il-konklużjonijiet prinċipali għandhom x’jaqsmu mal-ħtieġa għal simplifikazzjoni: il-partijiet interessati sabu li l-proċeduri kumplessi huma fil-wisa’ l-akbar ostaklu quddiem is-suċċess, segwiti minn rekwiżiti ta’ awditjar u kontroll kumplikati, nuqqas ta’ flessibbiltà, diffikultà biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja u dewmien fil-pagamenti.

Barra minn hekk, dawk li wieġbu dwar il-bilanċ appoġġaw bis-sħiħ:

·Politika ta’ koeżjoni għar-reġjuni kollha (għalkemm b’enfażi kontinwa fuq reġjuni inqas żviluppati).

·L-innovazzjoni tal-politika, inklużi strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u investiment intelliġenti b’mod aktar ġenerali.

·Il-kontinwazzjoni u l-iżvilupp ta’ konċentrazzjoni tematika.

·Attenzjoni fuq l-isfidi lokali (speċjalment l-iżvilupp urban sostenibbli).

·Il-kooperazzjoni interreġjonali, kemm transfruntiera kif ukoll madwar l-Ewropa.

3.Opzjonijiet ta’ politika

L-opzjonijiet ifissru l-alternattivi li jittrattaw it-tnaqqis fil-baġit:

·Opzjoni 1: Qatgħa trasversali.

·Opzjoni 2: Tnaqqis fil-kontribuzzjoni lejn ir-reġjuni aktar żviluppati.

·Opzjoni 3: Iż-żamma tal-appoġġ f’oqsma kruċjali (konċentrazzjoni tematika) u tnaqqis f’temi oħra.

L-Opzjoni 3 hija l-alternattiva ppreferuta, għal raġunijiet li jinkludu:

·Li tinżamm attenzjoni fuq it-temi tal-ogħla valur miżjud tal-UE, fejn l-evidenza ta’ evalwazzjoni tindika li l-politika kellha l-ogħla impatt.

·Ħafna mill-akbar sfidi (il-globalizzazzjoni u t-trasformazzjoni ekonomika, it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u lejn ekonomija ċirkolari, l-isfidi ambjentali, il-migrazzjoni u ċikli ta’ faqar urban) qegħdin dejjem iżjed jaffettwaw ħafna reġjuni madwar l-UE, inklużi dawk l-aktar żviluppati. L-investiment tal-UE huwa kemm neċessarja kif ukoll sinjal ta’ solidarjetà.

·Iż-żamma tal-massa kritika - l-investimenti fir-reġjuni l-aktar żviluppati diġà huma żgħar f’termini kull ras.

·Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika tappoġġa lill-FEŻR fir-reġjuni kollha. Dan ix-xenarju jiżgura wkoll viżibbiltà aħjar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istati Membri kollha.

4.Objettivi ta’ prijorità u konċentrazzjoni tematika

Ħdax-il objettiv tematiku użati fl-2014-2020 ġew issimplifikati għal ħames objettivi ta’ politika ċari f’dan ir-regolament:

1.Ewropa aktar intelliġenti - trasformazzjoni industrijali innovattiva u intelliġenti.

2.Ewropa ekoloġika, b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju.

3.Ewropa aktar konnessa - mobbiltà u konnettività ICT reġjonali.

4.Ewropa iktar soċjali - l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

5.Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini – żvilupp sostenibbli u integrat ta’ żoni urbani, rurali u kostali permezz ta’ inizjattivi lokali.

Din is-simplifikazzjoni tagħti lok għal sinerġiji u flessibbiltà bejn diversi fergħat f'objettiv speċifiku, b’mod li jitneħħew distinzjonijiet artifiċjali bejn id-diversi politiki li jikkontribwixxu għall-istess objettiv. Hija tistabbilixxi wkoll il-bażi għal konċentrazzjoni tematika.

Sabiex jiġi żgurat li, f’kuntest ta’ tnaqqis fil-baġit, ikun għad hemm massa kritika ta’ investiment, il-FEŻR u r-Regolament tal-Fond ta’ Koeżjoni jżommu r-rekwiżiti għal konċentrazzjoni tematika. Il-maġġoranza (bejn 65 % sa 85 %) tar-riżorsi se jkunu kkonċentrat fuq il-kontribuzzjoni għall-objettivi ta’ politika li l-evidenza tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt jindikaw li għandhom l-ogħla valur miżjud, kif ukoll l-akbar kontribut għall-prijoritajiet tal-UE:

·PO1: “Ewropa aktar intelliġenti bil-promozzjoni ta’ trasformazzjoni ekonomika innovattiva u intelliġenti”;

·PO2: “Ewropa aktar ekoloġika, bl-użu ta’ anqas karbonju, permezz tal-promozzjoni ta’ tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, investiment ekoloġiċi u blu, l-ekonomija ċirkolari, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju”.

Sabiex jingħata lok għall-flessibbiltà, fil-livell nazzjonali se japplikaw kriterji ta’ konċentrazzjoni tematika.

Għal pajjiżi b’:

% minimu “PO1”

% minimu “PO2”

ING inqas minn 75 %

35 %

30 %

ING bejn 75 % u 100 %

45 %

30 %

ING ogħla minn 100 %

60 %

PO1 + PO2 = minimu ta’ 85 %

5.Koerenza mal-prijoritajiet tal-UE u ma’ politiki oħrajn tal-UE

Kondizzjonalitajiet ex ante se jkomplu, iżda bħala “kundizzjonijiet abilitanti”. Dawn se jkunu inqas u ffukati mill-qrib fuq oqsma li jkollhom l-akbar impatt fuq l-effettività tas-sostenn mill-FEŻR u l-FK. Barra minn hekk, se jiġu riveduti tul il-perjodu.

Se jkun hemm allinjament akbar mal-proċess tas-Semestru Ewropew. Fl-istadju ta’ programmazzjoni, l-Istati Membri se jidentifikaw CSRs relevanti mill-aħħar sentejn (2019 u 2020), għall-inklużjoni fil-programmi. Is-CSRs mbagħad jiġu diskussi bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru (kif ukoll f’laqgħat tal-kumitat ta’ monitoraġġ) bħala parti mid-djalogu annwali ta’ politika.

Ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni jwassal għal iktar koerenza u allinjament tar-regoli madwar is-seba’ (7) fondi ta’ ġestjoni kondiviża kkonċernati.

Minħabba l-konċentrazzjoni tematika dwar PO1, kwistjoni importanti hi dik li tolqot il-koerenza ma’ Orizzont Ewropa. Orizzont Ewropa se tiffoka fuq l-“eċċellenza Ewropea” (il-ġenerazzjoni u l-isfruttament tal-għarfien ġdid, ta’ riċerka mill-aktar avvanzata), il-FEŻR fuq ir-“rilevanza reġjonali” (it-tixrid tal-għarfien u t-teknoloġija eżistenti lejn postijiet li jkollhom bżonnha, b’mod li din tkun inkorporata lokalment permezz ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, il-bini ta’ sistemi lokali ta’ innovazzjoni).

Sabiex ikun hemm konsistenza mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), hemm sinerġija u komplimentarjetà msaħħa fejn is-CEF se jiffoka b’mod partikolari fuq in-“netwerk ċentrali” filwaqt li l-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni se jipprovdi wkoll sostenn għan-“netwerk komprensiv”, inkluż l-iżgurar ta’ aċċess reġjonali u lokali kif ukoll tal-konnessjonijiet ta’ trasport f’żoni urbani.

6.Interreg u l-mekkaniżmi transfruntiera Ewropej

Filwaqt li nibnui fuq is-suċċess ta’ programmmi preċedenti Interreg, qegħdin nipproponu evoluzzjoni fuq il-linji li ġejjin:

Il-Programmi transfruntiera jenħtieġ li jinbidlu minn programmi li primarjament jimmaniġġaw u jqassmu l-fondi lejn aġir bħala istituzzjonijiet ta’ skambju, li jiffaċilitaw l-attività transfruntiera u jkunu ċentru ta’ ppjanar strateġiku.

L-addizzjoni ta’ kooperazzjoni barra l-UE. Dan se jieħu l-forma ta’ (1) linja speċifika għar-reġjuni l-aktar imbiegħda (2) l-inkorporazzjoni ta’ finanzjament preżenti IPA/ENI biex isostni t-tkabbir u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien.

Interreg se jkompli jkun jista’ jirrikorri għal kull objettiv ta’ prijorità (fejn xieraq) u għalkemm iffinanzjat mill-FEŻR se jkun kopert f’regolament ETC li se jistabbilixxi regoli speċifiċi fil-kuntest ta’ Interreg.

F’ħafna każijiet, l-ostakli transfruntiera (speċjalment fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa, ir-regolamentazzjoni tax-xogħol, it-trasport pubbliku lokali u l-iżvilupp tan-negozju) ġejjin minn differenzi fil-prattiki amministrattivi u l-oqfsa legali nazzjonali. Dawn l-ostakli amministrattivi huma diffiċli li jiġu indirizzati mill-programmi waħedhom, billi jirrekjedu deċiżjonijiet lil hinn mill-istrutturi tal-programm.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet permezz ta’ strument ġuridiku disponibbli li jippermetti l-użu tar-regoli ta’ Stat Membru wieħed fi Stat Membru ġar. Billi l-azzjoni hija volontarja u fakultattiva, li tintuża (jew le) fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri kkonċernat, hija tirrispetta s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Hija wkoll ma għandha l-ebda inċidenza ta’ spejjeż għall-baġit tal-UE.

L-istrument joffri żewġ opzjoniiet: Impenn Trans Fruntier Ewropew (“ECBC”)(li fih innifsu jippermetti deroga mir-regoli normali) jew Dikjarazzjoni Trans Fruntiera Ewropea (“ECBS”) (il-firmatarji jintrabtu formalment li jippreżentw leġiżlazzjoni li temenda r-regoli normali). Il-mekkaniżmu se jkopri proġetti konġunti għal kull partita ta’ infrastruttura b’impatt f’reġjun transfruntier jew kwalunkwe servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovdut f’reġjun transfruntier.

7.Sistema ta’ twettiq aktar sempliċi

Hemm evidenza ta’ kosti amministrattivi sostanzjali marbuta mal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni. Skont studju reċenti 1 huwa stmat li dawn ilaħħqu 3 % tal-ispejjeż medji tal-programm għall-FEŻR u 2,2 % għall-Fond ta’ Koeżjoni. Il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji (inklużi l-SMEs) huwa ogħla.

Il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni se jinħolqu mir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni. Ħafna minnhom huma diffiċli biex jiġu kkwantifikati finanzjarjament bil-quddiem, iżda l-istudju stima li:

·Użu akbar ta’ għażliet ta’ spejjeż issimplifikati (jew pagamenti bbażati fuq il-kundizzjonijiet) għall-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni jistgħu jnaqqsu sostanzjalment l-ispejjeż amministrattivi totali – b’20-25 % jekk dawn l-opzjonijiet jiġu applikati b’mod ġenerali.

·Approċċ iktar proporzjonat fejn jidħlu l-kontroll u l-awditjar ikun jimplika tnaqqis maġġuri fl-għadd ta’ verifiki u fil-piż tal-awditjar għal programmi b’“riskju baxx”. Dan inaqqas l-ispejjeż amministrattivi totali tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni bi 2-3 % u l-ispejjeż tal-programmi affettwati b’ammont ferm akbar.

Simplifikazzjonijiet ulterjuri jinkludu:

·L-ikkombinar ta’ fondi differenti – u ta’ strumenti u għotjiet finanzjarji – hu kkodifikat f’regoli sempliċi;

·Mhux se jkun hemm aktar regoli speċifiċi għal investimenti li jiġġeneraw introjtu;

·Mhux se jkun hemm proċess ta’ proġett maġġuri (minflok, il-proġetti strateġiċi se jkunu segwiti mill-kumitat ta’ monitoraġġ).

·Il-finanzjament se jiġi ssimplifikat, pereżempju permezz tal-approċċ tas-siġill ta’ eċċellenza.

·L-istrumenti finanzjarji se jiġu integrati aħjar fil-proċess ta’ pprogrammar u implimentazzjoni sa mill-bidu nett u l-valutazzjoni ex ante tiġi ssimplifikata skont dan - qiegħda tiġi proposta l-flessibbiltà għall-ikkombinar tal-għotjiet mal-istrumenti finanzjarji;

·Ir-regoli tal-eliġibbiltà ġew iċċarati, u r-regoli dwar l-ispejjeż u t-tariffi tal-ġestjoni ġew issimplifikati filwaqt li nżammu bbażati fuq il-prestazzjoni b’mod li tiġi nkoraġġita l-ġestjoni effiċjenti;

·Mhux se jkun hemm aktar rappurtar separat dwar l-istrumenti finanzjarji billi dawn huma inkorporati fl-istess sistema ta’ rappurtar bħal kull forma oħra ta’ finanzjament;

(1)    Spatial Foresight & t33, New assessment of administrative costs and burden in ESI Funds, preliminary results.
Top