L-entitajiet tas-settur pubbliku jżommu ammonti enormi ta’ dejta magħrufa bħala informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI) pereżempju dejta ġuridika, dejta dwar it-traffiku, dejta meteoroloġika u dejta ekonomika u finanzjarja. F’każ li jiġi permess li dik id-dejta terġa’ tintuża għal finijiet oħra, inkluż għal finijiet kummerċjali (eż. għal servizzi tan-navigazzjoni bis-satellita, applikazzjonijiet tat-temp, eċċ.), jista’ jiġi stimolat it-tkabbir ekonomiku, filwaqt li tiġi xprunata l-innovazzjoni u jiġu indirizzati diversi problemi tas-soċjetà, pereżempju fl-oqsma tal-kura tas-saħħa jew tat-trasport pubbliku.
Id-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (id-Direttiva PSI) ħolqot qafas ġuridiku bażiku għall-użu mill-ġdid tal-PSI fis-suq uniku billi imponiet ċerti obbligi fuq il-korpi tas-settur pubbliku. Skont l-Artikolu 13 (il-klawżola ta’ rieżami) tad-Direttiva, u bħala segwitu għall-impenn li sar fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, din il-valutazzjoni tal-impatt tinkludi evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-verżjoni attwali tad-Direttiva, u tistabbilixxi l-għażliet ta’ politika meħtieġa biex jiġu indirizzati l-erba’ oqsma problematiċi:
1.Id-dejta dinamika: Il-forniment ta’ aċċess f’ħin reali għal dejta miżmuma mill-korpi tas-settur pubbliku, b’mod partikolari għal dejta dinamika, bl-użu ta’ mezzi tekniċi xierqa (Interfaċċi ta’ Programmazzjoni tal-Applikazzjonijiet (APIs)) huwa rari. Dan ifisser li ta’ spiss id-dejta dinamika ma tkunx tista’ terġa’ tintuża biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda, bħal pereżempju applikazzjonijiet tal-ivvjaġġar f’ħin reali.
2.It-tariffar: Diversi korpi tas-settur pubbliku għadhom jimponu wisq tariffi għall-użu mill-ġdid tad-dejta tas-settur pubbliku — ħafna aktar minn kemm huwa meħtieġ biex jiġu koperti l-ispejjeż għar-riġenerazzjoni u d-disseminazzjoni. Minn perspettiva makroekonomika, dawn it-tariffi huma kontroproduttivi għax jikkostitwixxu ostaklu għas-suq għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). B’riżultat ta’ dan, l-imposti għandhom it-tendenza li jsaħħu l-pjattaformi multinazzjonali l-kbar għad-detriment tal-SMEs, li ma jkunux jistgħu jaffordjaw jixtru dejta pubblika. L-evidenza turi li, tipikament, it-tneħħija tat-tariffi tirriżulta f’żieda qawwija fid-domanda għad-dejta tas-settur pubbliku, li twassal għal aktar innovazzjoni, għal aktar tkabbir tan-negozju u, fl-aħħar mill-aħħar, għal dħul akbar tal-baġit (permezz tat-taxxi) għas-settur pubbliku.
3.Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI: Id-dejta ġġenerata mis-settur tal-utilitajiet u mis-settur tat-trasport hija prezzjuża, u għandha potenzjal enormi għal użu mill-ġdid. Madankollu, l-entitajiet li huma attivi f’dawn is-setturi mhumiex koperti mid-Direttiva PSI. L-istess jgħodd għad-dejta tar-riċerka li tirriżulta mill-fondi pubbliċi, din hija sors prezzjuż ieħor ta’ dejta.
4.Lock-in tad-dejta tas-settur pubbliku: Id-detenturi ta’ dejta pubblika ġieli jagħmlu arranġamenti mas-settur privat sabiex jiksbu aktar valur mid-dejta tagħhom. Dan joħloq ir-riskju ta’ vantaġġi eċċessivi għall-innovatur, li minnhom jibbenefikaw kumpaniji kbar u li jwasslu għal limitazzjoni tal-għadd ta’ utenti potenzjali li jużaw mill-ġdid id-dejta inkwistjoni.
|
L-għan ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li jittejjeb l-effett, li diġà huwa wieħed pożittiv, tad-Direttiva PSI. Dan se jsir permezz tat-tisħiħ ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi u permezz tal-aġġornament tagħhom, bl-għan li jiżdied l-ammont tad-dejta tas-settur pubbliku disponibbli għall-użu mill-ġdid. B’mod partikolari, l-inizjattiva se ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-SMEs fis-suq tad-dejta billi jiġi żgurat li ma jiffaċċjawx ostakli tas-suq li jwaqqfuhom milli jagħmlu użu mill-ġdid ta’ dejta pubblika għal finijiet kummerċjali.
|