Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0085

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita

SWD/2018/85 final

Brussell, 28.3.2018

SWD(2018) 85 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita

{COM(2018) 163 final}
{SWD(2018) 84 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt tal-emenda tar-Regolament (KE) 924/2009 biex jonqsu l-ispejjeż tat-tranżizzjoni transfruntiera fil-Komunità

A. Ħtieġa għal azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

L-ispejjeż għalja ta’ pagamenti transfruntiera (6 % tal-pagamenti kollha tal-UE) huma ta’ xkiel għat-tlestija tas-Suq Uniku. Il-problema ġiet indirizzata għal pajjiżi taż-żona tal-euro fejn tranżazzjonijiet transfruntiera u domestiċi fl-euro jiswew l-istess. Għall-kuntrarju, pagamenti transfruntiera f’muniti oħra minbarra l-euro, jew fl-euro minn pajjiżi barra ż-żona tal-euro, huma soġġetti għal tariffi għalja, u dan joħloq soċjetà b’żewġ livelli ta’ utenti tas-servizzi ta’ pagament fl-UE: il-maġġoranza kbira li jgawdu mill-benefiċċji taż-Żona Unika ta’ Pagamenti fl-Euro, u minoranza li jgħixu f’żoni ta’ muniti relattivament żgħar bi spejjeż kbar għat-tranżazzjonijiet transfruntiera kollha tagħhom. Dawn l-ispejjeż għalja jirriflettu volumi baxxi u nuqqas ta’ infrastrutturi moderni fil-każ ta’ muniti barra mill-euro, iżda wkoll nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva u regolatorji dwar fornituri ta’ servizzi ta’ pagamenti li jgħaddu l-ispejjeż baxxi ta’ tranżazzjonijiet fl-euro lill-utenti f’pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li tnaqqas it-tariffi għal pagamenti transfruntiera fl-UE u b’hekk tikkontribwixxi għal integrazzjoni aħjar taċ-ċittadini u negozji kollha tal-UE fl-ekonomija tal-UE. Dan għandu jinkiseb permezz ta’ allinjament tat-tariffi imposti għal tranżazzjonijiet transfruntiera ma dawk applikabbli għal tranżazzjonijiet domestiċi, filwaqt li jiġi żgurat li dan ma jirriżultax f’żieda ta’ tariffi għal servizzi oħra. Barra minn hekk, kull meta jkun hemm kambju tal-munita fi tranżazzjoni transfruntiera, għandhom jiġu żgurati t-trasparenza tat-tariffi u, fejn rilevanti, it-tqabbil tal-għażliet għall-utenti ta’ servizzi ta’ pagament.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu jieħdu l-azzjoni meħtieġa huma stess, u dan huwa previst fl-għażliet fir-Regolament 924/2009. Madankollu, Stat Membru wieħed biss qatt għamel dan, u ma hemm ebda sinjali li oħrajn segwew dan l-eżempju. Anqas mhu probabbli li l-problema tiġi riżolta fil-ġejjieni qarib minn pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro li jissieħbu fiż-żona tal-euro, kif kien mistenni meta l-prinċipji tar-Regolament 924/2009 ġiet l-ewwel introdotta fl-2001. Għaldaqstant ix-xenarju għall-eliminazzjoni tal-ostakli fis-Suq Uniku marbuta mal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet transfruntiera ma mmaterjalizzax. Għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Peress li n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-UE naqas milli jirrisolvi l-problema, ġew meqjusa erba’ alternattivi ta’ politika, kollha kemm huma jestendu l-prinċipju tal-ugwalizzazzjoni tal-ispejjeż ta’ tranżazzjonijiet domestiċi fil-munita nazzjonali u l-ispejjeż ta’ tranżazzjoni transfruntiera:

(1) fil-munita nazzjonali;

(2) fil-munita nazzjonali u fl-euro;

(3) fl-euro biss;

(4) f’kull munita ta l-Istati Membri tal-UE, irrispettivament minn fejn isiru.

L-għażla 3 hija effiċjenti peress li l-infrastrutturi moderni għal pagamenti transfruntiera fl-euro huma disponibbli għall-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagamenti kif ukoll f’pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro. Il-maġġoranza ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera f’pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro huma fl-euro, għalhekk l-għażla 3 tkun tkopri sehem kbir ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera. Peress li tranżazzjoni fl-euro huma rħas, ir-riskju li t-tariffi għal tranżazzjonijiet domestiċi jogħlew biex jagħmlu tajjeb għal tranżazzjonijiet transfruntiera għalja f’muniti li mhumiex l-euro huwa wieħed żgħir. L-għażla 3 hija wkoll konsistenti mal-għan iktar fit-tul li l-euro tkun il-munita komuni għall-Istati Membri kollha. L-aċċettazzjoni ta’ din l-għażla mill-partijiet ikkonċernati ikun ukoll ogħla milli għal kwalunkwe għażla oħra.

Min jappoġġa liem għażla? 

Fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jkunu jixtiequ jżommu kollox kif inhu, iżda jqisu l-għażla 3 bħala l-aktar waħda aċċettabbli, jekk ikun hemm inizjattiva leġiżlattiva. Għal utenti ta’ servizzi ta’ pagament, l-għażliet 2 u 4 jistgħu jkunu ta’ aktar benefiċċju, ġaladarba li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ma jgħollux prezzijiet oħra (tariffi tal-ġestjoni tal-kont, tariffi fuq il-kambju tal-munita) biex jagħmlu tajjeb għal tranżazzjonijiet transfruntiera għalja mhux fl-euro. Il-Parlament Ewropew jaf jippreferi li jiġu inklużi aktar tranżazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni, filwaqt li nistgħu nistennew li l-Istati Membri jkunu favur l-għażla 3, ġaladarba ma implimentawx volontarjament l-għażliet 1 u 2, kif previst fir-Regolament attwali 924/2009.

C. L-impatti tal-alternattivi preferuti

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażliet preferuti (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

Prezzijiet medji għal tranżazzjonijiet transfruntiera fl-euro f’pajjiżi barra ż-żona tal-euro bħalissa huma stmati għal EUR 8 għal trasferiment ta’ kreditu, EUR 0.40 għal pagament b’kard u EUR 2.30 għal ġbid ta’ flus kontanti. L-għażla ppreferuta tkun tnaqqas dawn il-prezzijiet għal l-istess livell ta’ tranżazzjonijiet f’munita lokali li jilħqu medja ta’ EUR 1, EUR 0 u EUR 0.63 rispettivament. Jekk wieħed jassumi li s-sehem ta’ tranżazzjonijiet fl-euro fit-tranżazzjonijiet transfruntiera totali mhux se jonqos, l-utenti tas-servizzi ta’ pagament jistgħu jistennew li jiffrankaw EUR 900 miljun fis-sena. Jibbenefikaw ukoll minn strutturi tariffarji aktar trasparenti u inqas kumplessi li jistgħu iwasslu għal aktar kompetizzjoni. L-ispejjeż imnaqqas ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera jrawmu integrazzjoni ekonomika aktar profonda tal-UE u, b’riżultat, ekonomija iktar produttiva u kompetittiva. Jista’ jkun hemm ukoll benefiċċji politiċi, peress li din l-inizjattiva tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini b’mod simili għal kif kien ir-regolament dwar ir-roaming fit-telekomunikazzjoni, għalkemm b’inqas impatt fuq il-ħajja taċ-ċittadini.

X'inhuma l-ispejjeż tal-għażliet preferuti (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)? 

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament se jitilfu ammont ta’ dħul li jaqbel mal-iffrankar li se jagħmlu l-utenti, imma dan it-telf jista’ jitnaqqas fuq perjodu itwal permezz ta’ volumi ta’ tranżazzjonijiet ikbar. Spejjeż addizzjonali għall-awtoritajiet pubbliċi (superviżuri) marbuta mal-infurzar tar-Regolament ikunu marġinali.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

SMEs fiż-żona tal-euro jistgħu jistennew domanda ogħla minn Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro fejn tariffi għoljin għal pagamenti transfruntiera huma ostaklu sinifikanti. SMEs fi Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro se jkunu jistgħu jilħqu r-residenti u n-negozji kollha tal-UE b’pagamenti bi spejjeż baxxi, minflok il-popolazzjoni tal-pajjiż ta’ domiċilju tagħhom biss. Għaldaqstant, se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jikkompetu fis-Suq Uniku. L-iżgħar SMEs se jibbenefikaw l-aktar, peress li ma jistgħux jinnegozjaw it-tariffi li jħallsu għal pagamenti transfruntiera.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Ebda impatt sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament se jaraw id-dħul tagħhom jonqos mal-implimentazzjoni u bħala kontromiżura, l-ispejjeż tal-kambju tal-munita jistgħu jiġu użati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament biex jirkupraw it-telf tad-dħul minħabba li dawn l-ispejjeż huma inqas magħrufa mill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament biex iqabbluhom. Id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament diġà timponi rekwiżiti ta’ trasparenza li jenħtieġ li jiġu ddettaljati aktar u jsiru aktar effettiva. Minħabba d-dimensjoni teknika ħafna tal-kambju tal-munita f’ambjent li qed jinbidel malajr, l-Awtorità Bankarja Ewropea għandha tingħata l-kompitu li tiddefinixxi Standards Tekniċi Regolatorji biex ikunu inkwadrati aħjar il-prattiki ta’ kambju tal-munita.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Jenħtieġ li l-politika tiġi riveduta wara tliet snin biex jiġi vverifikat jekk il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament ppruvaw jirkupraw id-dħul mitluf billi jgħollu prezzijiet oħra u jekk aktar tranżazzjonijiet għandhomx jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. 

Top