EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018SC0057

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fornituri ta’ Servizzi ta’ Finanzjament Kollettiv (ECSP) għan-Negozji u Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

SWD/2018/057 final - 2018/048 (COD)

Brussell,8.3.2018

SWD(2018) 57 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-Fornituri ta’ Servizzi ta’ Finanzjament Kollettiv (ECSP) għan-Negozji

u

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

{COM(2018) 113 final}

{COM(2018) 99 final}
{SWD(2018) 56 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar proposta leġiżlattiva għal reġim Ewropew ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Il-finanzjament kollettiv huwa servizz finanzjarju teknoloġiku li għandu l-potenzjal li jgħin proġetti tan-negozju li jeħtieġu finanzjament u lill-investituri biex jiddiversifikaw il-portafoll tagħhom. Il-finanzjament kollettiv dejjem aktar qed jistabbilixxi ruħu bħala parti essenzjali mill-iskala tal-finanzjament għal negozji ġodda u negozji li jkunu għadhom jibdew. Ta’ sikwit ikun l-għodda prinċipali ta’ finanzjament għall-kumpaniji fi stadju bikri ffinanzjati u fejn il-kapital ta’ riskju jew saħansitra l-fondi ta’ ekwità privata jkunu qegħdin jieħdu biss parzjalment interess fihom. Il-finanzjament kollettiv jipprovdi alternattiva għas-self bankarju mhux garantit, bħas-self kurrenti bankarju jew is-self mill-karti tal-kreditu, li bħalissa huma s-sorsi ewlenin ta’ finanzjament estern għall-SMEs. Il-finanzjament kollettiv jikkomplementa l-finanzjamenti bankarji u b’hekk jiddiversifika s-sorsi ta’ finanzjament fl-ekonomija. Jipprovdi opportunitajiet ġodda b’mod partikolari għall-kumpaniji li jkunu innovattivi u għadhom jibdew mingħajr storja estensiva ta’ kollateral, assi fissi jew finanzjarja.

Minkejja dan ir-rwol importanti, is-swieq tal-finanzjament kollettiv tal-UE għall-finanzjament tan-negozji fil-biċċa l-kbira huma sottożviluppati meta mqabbla ma’ ekonomiji ewlenin oħrajn, u l-aktar importanti, mhumiex kapaċi joperaw kif suppost fuq livell transfruntiera. Studji reċenti u evidenza miġbura permezz ta’ konsultazzjonijiet immirati kkonfermaw li, minħabba reġimi regolatorji frammentati u kunfliġġenti, il-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv mhumiex kapaċi jespandu u jipprovdu b’mod liberu s-servizzi tagħhom fuq livell pan-Ewropew. Bl-istess mod, l-investituri joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom b’mod transfruntier minħabba nuqqas ta’ fiduċja f’dawk il-pjattaformi u l-oqfsa regolatorji frammentati tagħhom applikabbli għall-forniment tas-servizzi.

X'mistennija tikseb din l-inizjattiva?

L-inizjattiva għandha l-għan li tippermetti attività ta’ finanzjament kollettiv fis-Suq Uniku tal-UE kollu għall-finanzjament fi stadju bikri u finanzjament alternattiv għall-SMEs, f’konformità mal-objettiv tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). L-inizjattiva tkun ukoll ta’ għajnuna biex is-sistema finanzjarja Ewropea tkun iddiversifikata ulterjorment għall-benefiċċju tal-istabbiltà finanzjarja, tal-protezzjoni tal-investituri u tal-kompetizzjoni fost l-atturi tas-suq. L-inizjattiva għandha żewġ objettivi speċifiċi. L-ewwel objettiv huwa li tippermetti lill-pjattaformi li jespandu b’mod transfruntiera, jiġifieri billi jinħoloq reġim ta’ liċenzjar li jkun jista’ jintuża fl-UE kollha mingħajr ma jkun hemm bżonn awtorizzazzjoni ulterjuri f’kull pajjiż tal-UE. It-tieni objettiv huwa li jkun żgurat li l-pjattaformi jkunu soġġetti għal qafas li jaċċerta ġestjoni kif suppost tal-pjattaformi u protezzjoni tal-fornituri tal-fondi, billi titqiegħed lenti fuq il-ġestjoni tajba tar-riskji, b’mod partikolari fuq l-imġiba tan-negozji, ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità, il-ġestjoni tar-riskji, id-diliġenza dovuta, u fuq id-divulgazzjoni adegwata tal-informazzjoni. Dan għandu jżid il-fiduċja tal-investituri biex jinvolvu ruħhom b’mod transfruntiera.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

L-azzjoni meħuda se tindirizza l-problemi kif identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt, jiġifieri d-diffikultà li jsibu l-pjattaformi biex jespandu minn fruntiera għall-oħra tal-UE kif ukoll in-nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward tal-investimenti u l-ġbir ta’ fondi b’mod transfruntiera li qegħdin niffaċċjaw bħalissa. L-azzjoni tal-UE tnaqqas b’mod sinifikanti l-kumplessità, il-piżijiet finanzjarji u dawk finanzjarji għall-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha, jiġifieri l-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv, is-sidien tal-proġetti u l-investituri filwaqt li fl-istess ħin jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri tas-servizzi kollha li jagħmlu użu mill-istess tikketta tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X'għażliet ta' politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Il-Valutazzjoni tal-Impatt qieset l-għażliet ta’ politika segwenti:

·L-Għażla 1 - Xenarju bażi (l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE)

·L-Għażla 2 - Bini fuq kapital reputazzjonali: armonizzazzjoni minima flimkien ma’ awtoregolamentazzjoni

·L-Għażla 3 - Approċċ ibbażat fuq il-prodotti: il-finanzjament kollettiv jitqiegħed fil-ġabra unika tar-regoli eżistenti

·L-Għażla 4 - Soluzzjoni komplementari bbażata fuq is-servizzi: reġim volontarju ta’ “Fornitur ta’ Finanzjament Kollettiv Ewropew (ECP - European Crowdfunding Provider)” li jiddefinixxi ċerti standards komuni tal-UE għar-reġimi tal-finanzjament kollettiv.

Wara li ġew evalwati u kkunsidrati l-impatti, ir-raba’ għażla (reġim tal-ECP) instabet li kienet ippreferuta għaliex tipprovdi qafas regolatorju ċar biex jindirizza l-problemi identifikati, filwaqt li tibqa’ proporzjonata u timminimizza l-kostijiet ta’ konformità.

Liema għażla u min jappoġġaha? 

Il-partijiet ikkonċernati esprimew l-appoġġ tagħhom għal approċċ regolatorju permezz ta’ diversi konsultazzjonijiet pubbliċi fil-miftuħ. L-ewwel nett, fir-rigward tal-Green Paper tal-2015 dwar is-CMU, u minkejja li xi wħud minn dawk li wieġbu ddikjaraw biċ-ċar li ma kien hemm bżonn l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE, kien hemm bosta minn dawk li wieġbu li talbu għal ċertezza regolatorja fil-livell tal-UE sabiex tkun iffaċilitata l-attività transfruntiera u fiduċja akbar permezz tat-trasparenza u l-protezzjoni tal-investituri. It-tieni, fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-2017 dwar ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tas-CMU, ħafna minn dawk li wieġbu għamlu dikjarazzjonijiet simili billi argumentaw favur l-iżvilupp ta’ qafas legali xieraq għall-finanzjament kollettiv madwar l-UE kollha sabiex jinħoloq suq ta’ daqs suffiċjenti. It-tielet, fil-konsultazzjoni dwar FinTech li għalqet fil-15 ta’ Ġunju 2017, ħafna minn dawk li wieġbu kienu tal-fehma li r-reġimi regolatorji nazzjonali fixklu l-attività ta’ finanzjament kollettiv transfruntiera u li għalhekk kien hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-UE. Fost l-oqsma potenzjali msemmija għall-armonizzazzjoni kien hemm ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-pjattaformi, ir-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u r-regoli għall-protezzjoni tal-investituri.

Barra minn hekk, abbażi tal-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu, ħafna mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli (l-10 ta’ Novembru 2017) esprimew l-appoġġ tagħhom għar-regolamentazzjoni tal-UE f’dan il-qasam (l-għażla 4) u xi Stati Membri ssuġġerew inizjattiva għall-armonizzazzjoni tar-reġimi nazzjonali (l-għażla 3).

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażla ppreferuta tipprovdi metodu sempliċi u komprensiv għall-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv biex dawn jespandu l-operazzjonijiet transfruntiera tagħhom taħt tikketta ġdida tal-UE. Dispożizzjonijiet komuni dwar ir-rekwiżiti ta’ trasparenza u governanza għall-pjattaformi se jagħtu wkoll garanziji lill-investituri transfruntiera fir-rigward ta’ protezzjoni kif suppost kontra kwistjonijiet bħal kunflitti ta’ interess jew attivitajiet frawdolenti u informazzjoni aħjar dwar il-proġetti li jkunu qegħdin jiġu ffinanzjati. L-azzjoni kumplessiva tista’ tnaqqas l-ispiża tan-non-Ewropa b’minn tal-anqas EUR 20 biljun f’volum ġdid tas-suq fl-Ewropa.

Billi tipprovdi opportunitajiet addizzjonali ta’ finanzjament, b’mod partikolari għall negozji ġodda u SMEs innovattivi, l-inizjattiva hija mistennija wkoll li jkollha effett pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni. L-SMEs bħalissa jimpjegaw 67 % tal-forza lavorattiva Ewropea u huma xprun sinifikanti tal-innovazzjoni. Fl-istess waqt, l-SMEs għadhom jesperjenzaw problemi sinifikanti biex jiġbru l-fondi. Is-sondaġġ Innobarometru 2016 tal-Kummissjoni Ewropea jikkonferma li l-aċċess għall-finanzjament huwa ostaklu ewlieni għall-ixprunar tar-Riċerka u l-Iżvilupp u għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew servizzi innovattivi.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażliet ippreferuti jiġġeneraw kostijiet ta’ konformità għall-fornituri tal-pjattaformi, li huma elenkati fid-dettall fl-Anness 3 tal-Valutazzjoni tal-Impatt u jvarjaw skont jekk l-entità regolatorja kinitx diġà awtorizzata skont il-MiFID u skont jekk il-fornituri tal-pjattaformi jfittxux jew fittxewx li jiksbu awtorizzazzjoni f’aktar minn pajjiż wieħed. Se jkun hemm żieda fil-kostijiet ta’ konformità jekk attwalment l-attività tal-pjattaforma ma tkunx irregolata u jekk din tipprovdix jew hijiex beħsiebha tipprovdi servizzi f’pajjiż wieħed biss. L-għażla ppreferuta jaf ukoll tiġġenera kostijiet għall-amministrazzjonijiet. Il-proposta jaf ikollha xi implikazzjonijiet fuq il-baġit għall-ESMA, stmati għal madwar EUR 2,5 miljun, li għandhom jinqasmu bejn l-industrija u l-baġit tal-UE fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni sħiħa.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

In-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma l-utenti prinċipali tal-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv. Għaldaqstant, din l-inizjattiva se taċċerta li dawn ikollhom sorsi addizzjonali ta’ finanzjament disponibbli bħala alternattiva għall-miżuri ta’ finanzjament tradizzjonali bħal finanzjament bankarju, self kurrenti bankarju jew dejn fuq il-karta tal-kreditu li ta’ sikwit ikunu jiswew wisq għan-negozji fi stadju bikri. Billi t-tariffa medja għall-aċċess għal finanzjament kollettiv tkun tipikament anqas mill-kostijiet ta’ finanzjament bankarju fuq terminu qasir, l-inizjattiva jaf twassal ukoll fi tnaqqis tal-kostijiet ta’ finanzjament għall-SMEs fil-fażi bikrija u tal-ewwel espansjoni.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

L-għażla ppreferuta għandha implikazzjonijiet f’termini ta’ kostijiet u ta' piż amministrattiv għall-NCAs u għall-ESMA. Id-daqs u d-distribuzzjoni ta’ dawn il-kostijiet se jiddependu fuq ir-rekwiżiti preċiżi imposti fuq l-ECPs u l-kompiti superviżorji u ta’ monitoraġġ relatati. Madankollu, l-implikazzjonijiet f’termini ta’ kostijiet għas-superviżuri se jkunu ferm anqas minn dawk li jirriżultaw minn awtorizzazzjoni rispettiva skont il-MiFID.

Filwaqt li ma hemm l-ebda stima konkreta disponibbli fir-rigward tal-livelli tal-kostijiet, wieħed jista’ jassumi li l-kostijiet ta’ superviżjoni se jkunu paragunabbli ma’ dawk assoċjati mar-reġimi nazzjonali li jkopru biss l-attività ta’ “trażmissjoni tal-ordnijiet”. Se jkun hemm ukoll impatt b’rabta mal-kostijiet fuq il-baġit tal-UE, skont l-involviment tal-ESMA fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni u ta’ superviżjoni. Jekk wieħed jassumi li l-ESMA se tkun inkarigata mill-awtorizzazzjoni tal-ECPs, huwa stmat li se jkun hemm kostijiet ta’ darba ta’ madwar EUR 500 000 sabiex jiġu installati s-sistemi tal-IT rispettivi u jkun hemm arranġamenti għal tim li jkun inkarigat mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? Massimu ta’ 6 linji

Ebda.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Is-suq tal-finanzjament kollettiv qiegħed jikber b’pass mgħaġġel u l-mudelli tan-negozji qegħdin jevolvu f’konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi rapidi. Għaldaqstant se jkun hemm monitoraġġ fuq bażi regolari tar-rilevanza tal-approċċ tal-politika f’konformità mal-approċċ ta’ Regolamentazzjoni Aħjar sabiex ikun aċċertat li l-iskop tal-azzjoni (finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment u s-self fi proġetti sa massimu ta’ EUR 1 miljun) u l-portata tal-miżuri jkunu dejjem allinjati mal-objettivi tagħhom u ma jsirux sproporzjonati.

Top