EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0821

Proposta għal REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija

COM/2018/821 final

Brussell, 11.12.2018

COM(2018) 821 final

2018/0416(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-Artikolu 397 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1 (“id-Direttiva tal-VAT”) jipprevedi li “il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta din id-Direttiva”.

Fuq dik il-bażi, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 2 (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT”) jipprevedi regoli vinkolanti dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT. B’mod aktar partikolari, it-Taqsima 2 tal-Kapitolu XI ta’ dan ir-Regolament tistipula dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni tal-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jipprovdu servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli, kif definit fl-Artikoli 358 sa 369k tad-Direttiva dwar il-VAT (imsejħa “punt uniku ta’ servizz żgħir”). Il-punt uniku ta’ servizz żgħir jippermetti lill-fornituri ta’ tali servizzi jużaw portal tal-internet fl-Istat Membru li fih huma identifikati biex jagħtu rendikont tal-VAT dovuta fi Stati Membri oħra.

Fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2017/2455 3 (“id-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku”), li temenda d-Direttiva tal-VAT li, fost l-oħrajn:

Testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt uniku ta’ servizz żgħir għat-tipi kollha ta’ servizzi kif ukoll għall-bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija u bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi, li jibdel il-punt uniku ta’ servizz żgħir f’punt uniku ta’ servizz;

Tintroduċi dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal persuni taxxabbli li jiffaċilitaw ċerti provvisti magħmula minn persuni taxxabbli oħrajn permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu stabbiliti regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati meħtieġa biex jappoġġaw dawn l-emendi tad-Direttiva tal-VAT li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan jinkiseb permezz ta’ emenda fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku li tagħmel parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT 4 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Id-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, ġiet identifikata bħala inizjattiva ewlenija fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali 5 , kif ukoll fl-istrateġija għal Suq Uniku 6 u fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Gvern Elettroniku 7 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta tissejjes fuq l-Artikolu 397 tad-Direttiva tal-VAT. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta din id-Direttiva.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta temenda d-dispożizzjonijiet dettaljati meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ punt uniku ta’ servizz żgħir stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT, wara l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. It-tħaddim ta’ punt uniku ta’ servizz jiddependi fuq sistema tal-IT mifruxa mal-UE li tippermetti l-iskambju elettroniku tar-reġistrazzjoni tal-VAT u l-informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-VAT bejn l-Istati Membri, li jridu jkunu bbażati fuq dispożizzjonijiet legali dettaljati armonizzati. Barra minn hekk, jimplimenta d-dispożizzjonijiet inklużi fid-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku rigward il-persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili. Dawn id-dispożizzjonijiet iridu jiġu applikati b’mod armonizzat mill-Istati Membri kollha sabiex ma jinħolqux lakuni li jistgħu jiġġeneraw telf fid-dħul.

Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Din il-proposta hi meħtieġa sabiex ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT jiġi adattat biex jitqiesu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT kif emendat permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku. Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet maħsuba permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku.

Għażla tal-istrument

Il-proposta temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni li rriżultat fl-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, kienet tinkludi evalwazzjoni tal-punt uniku ta’ servizz żgħir li, fost l-oħrajn, identifikat għadd ta’ nuqqasijiet, bħall-kumplessità għall-persuni taxxabbli li jagħmlu korrezzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Dawn in-nuqqasijiet ġew indirizzati fid-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku iżda jeħtieġu dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni dettaljati li jridu jitfasslu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fi ħdan il-qafas tal-Grupp dwar il-Futur tal-VAT, il-Kummissjoni wettqet diversi konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, kemm mingħand l-amministrazzjoni tat-taxxa kif ukoll l-amministrazzjoni doganali. Hija ltaqgħet ukoll man-negozji kkonċernati kemm fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti tal-VAT kif ukoll f’laqgħat speċifiċi ma’ interfaċċi elettroniċi u operaturi postali. Fl-aħħar nett, kien hemm ukoll workshop Fiscalis 2020 iddedikat apposta li sar f’Marzu 2018 f’Malta fejn rappreżentanti tal-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana u tas-setturi kummerċjali kkonċernati, b’mod konġunt iddiskutew il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-miżuri kkonċernati huma ta’ natura purament teknika u sempliċiment qed jistipulaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kunsill. Għalhekk, ma kien hemm ebda bżonn li ssir valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta timplimenta d-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt uniku ta’ servizz żgħir għall-provvisti ta’ servizzi transkonfinali kollha bejn in-negozji u l-konsumaturi kif ukoll għal bejgħ b’distanza ta’ merkanzija (kemm intra-UE, kif ukoll minn pajjiżi jew territorji terzi lejn l-UE). Il-punt uniku ta’ servizz huwa simplifikazzjoni importanti għall-fornituri kkonċernati għax jippermetti li jiddikjaraw u jħallsu l-VAT fi Stat Membru wieħed fuq il-provvisti kollha li jsiru lil klijenti fi Stati Membri oħra. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-SMEs li għalihom l-ispejjeż tal-konformità mal-obbligi tal-VAT huma relattivament aktar importanti milli għal kumpaniji ikbar.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-implimentazzjoni ser tiġi ssorveljata mill-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (SCAC), appoġġat mis-sottokumitat tal-IT tiegħu, il-Kumitat Permanenti dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (SCIT).

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

1.    Intervent indirett tal-fornitur waqt id-dispaċċ jew it-trasport

L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva tal-VAT kif emendat permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku jiddefinixxi l-“bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta’ oġġetti” u “bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi”. Dawn id-definizzjonijiet ikopru wkoll il-provvisti ta’ merkanzija meta l-fornitur jintervjeni indirettament meta jintbagħtu jew jiġu ttrasportati lill-klijent. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u uniformi ta’ dawn id-definizzjonijiet, hemm bżonn tiġi ddefinita t-tifsira ta’ “indirettament”. Sa issa, dan il-kunċett ġie ċċarat biss f’linji gwida tal-Kumitat tal-VAT. Il-proposta ddaħħal it-test ta’ dawn il-linji gwida fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa (l-Artikolu 1, il-punt (1)(b), li jżid Artikolu 5a ġdid fir-Regolament).

2.    Dispożizzjonijiet dwar l-interfaċċi elettroniċi

L-Artikoli 14a u 242a tad-Direttiva tal-VAT kif emendati permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, jintroduċu dispożizzjonijiet speċifiċi għal interfaċċi elettroniċi bħal post tas-suq, pjattaforma jew portal li jiffaċilita ċerti provvisti ta’ merkanzija jew servizzi magħmula minn persuni taxxabbli oħrajn. Fid-dikjarazzjonijiet inklużi fil-minuti tal-Kunsill meta adotta d-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regoli ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, waqt li jqisu l-elementi li ġejjin:

Definizzjoni tas-sitwazzjoni fejn persuna taxxabbli titqies li tiffaċilita l-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika (din hija proposta fl-Artikolu 1, punt (1)(b), li jżid Artikolu 5b ġdid fir-Regolament u l-punt (4), li jżid Artikolu 54b ġdid fir-Regolament);

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet li, meta l-ħlas jiġi aċċettat jiddeterminaw f’liema perjodu taxxabbli għandhom jiġu ddikjarati l-provvisti minn persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija fil-Komunità permezz ta’ interfaċċa elettronika jew minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tuża l-iskema speċjali għall-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija minn territorji terzi jew pajjiżi terzi (dan hija speċifikat mill-Artikolu 1, il-punt (3), li jżid Kapitolu Va u Artikolu 41a ġodda fir-Regolament u l-punt (5), li jżid Artikolu 61b ġdid fir-Regolament);

It-tip ta’ informazzjoni li trid tinżamm fir-reġistru ta’ persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvista ta’ merkanzija u servizzi fil-Komunità bl-użu ta’ interfaċċa elettronika. Jenħtieġ li titqies liema informazzjoni hija disponibbli għal dawn il-persuni taxxabbli, liema hija rilevanti għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u liema hija proporzjonata għall-għan tad-dispożizzjoni, kif ukoll il-ħtieġa tal-konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 (ara l-Artikolu 1, il-punt (4), li jżid Taqsima 1a u Artikolu 54c ġodda tar-Regolament).

Wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u n-negozji, l-Artikolu 1, il-punt (1)(b), idaħħal Artikolu 5c ġdid fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT li jispeċifika li:

Meta jitqies li interfaċċa elettronika tkun irċeviet u pprovdiet il-merkanzija hi stess, ma għandhiex tinżamm obbligata li tħallas kwalunkwe ammont ta’ VAT f’eċċess ta’ VAT li tkun iddikjarat u ħallset fuq il-bejgħ li jkun sar mill-interfaċċa elettronika. Tali dispożizzjoni hija meħtieġa sabiex tippermetti li l-Istati Membri jeħilsu lill-interfaċċi elettroniċi minn ħlasijiet tal-VAT addizzjonali, meta interfaċċa elettronika tiddependi fuq informazzjoni pprovduta mill-fornitur li jbigħ merkanzija mill-interfaċċa elettronika u jista’ jipprova li aġixxa b’intenzjonijiet tajba;

Kwalunkwe fornitur li jbigħ merkanzija permezz tal-interfaċċa għandu jitqies bħala persuna taxxabbli u l-klijent tiegħu bħala persuna mhux taxxabbli. Din il-preżunzjoni teħles lill-interfaċċa mill-piż li toqgħod tagħti prova tal-kwalità tal-bejjiegħ u l-klijent.

3.    Dispożizzjonijiet relatati mal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt uniku ta’ servizz (l-Artikolu 1, il-punt (5), li jissostitwixxi t-Taqsima 2 tal-Kapitolu XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT)

Il-parti l-kbira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jaġġornaw it-Taqsima 2 tal-Kapitolu XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-funzjonament tajjeb punt uniku ta’ servizz żgħir, wara l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

Barra minn hekk, bħala riżultat tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, huma proposti għadd ta’ bidliet li jmorru lil hinn minn sempliċi allinjament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz żgħir. Dan it-tibdil jikkonċerna l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)L-Artikolu 369q tad-Direttiva tal-VAT kif emendat permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku jipprevedi li l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jalloka numru ta’ identifikazzjoni lill-intermedjarju li jaġixxi f’isem u fl-interess ta’ persuna taxxabbli li tuża punt uniku ta’ servizz għall-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi. It-tieni paragrafu jiżdied mal-Artikolu 57e tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-VAT li jiċċara li dan in-numru ta’ identifikazzjoni huwa awtorizzazzjoni li tippermettilu jaġixxi bħala intermedjarju u ma jistax jintuża mill-intermedjarju biex jiddikjara l-VAT fuq tranżazzjonijiet taxxabbli.

(b)L-Artikolu 57g tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT jipprevedi li meta persuna taxxabbli volontarjament tieqaf tuża l-punt uniku tas-servizz żgħir irrispettivament minn jekk din il-persuna tkomplix tipprovdi merkanzija jew servizzi li jistgħu jkunu eliġibbli għall-użu tiegħu, huwa għandu jiġi eskluż minn punt uniku tas-servizz żgħir fi kwalunkwe Stat Membru ieħor għal żewġ trimestri. Din id-dispożizzjoni tneħħiet peress li mhijiex meqjusa utli mill-Istati Membri u tista’ toħloq piżijiet addizzjonali fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati.

(c)Id-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku tippermetti li jsiru korrezzjonijiet preċedenti fid-denunzji tal-VAT tal-punt uniku ta’ servizz, fi żmien tliet snin, f’dikjarazzjoni sussegwenti minflok ma wieħed ikollu jippreżenta mill-ġdid id-dikjarazzjoni tal-perjodu tat-taxxa li miegħu huma relatati l-korrezzjonijiet, kif huwa l-każ fil-punt uniku ta’ servizz żgħir. Id-Direttiva tal-VAT għall-kummerċ elettroniku madankollu ma tispeċifikax kif korrezzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet relatati ma’ perjodi tat-taxxa li jmorru lura għal qabel l-1 ta’ Jannar 2021 għandhom isiru mill-2021. Sabiex jitrażżan l-impatt teknoloġiku tal-bidla minn sistema għal oħra, ikun aħjar jekk tinżamm fis-seħħ is-sistema attwali biex isiru l-korrezzjonijiet fid-dikjarazzjoni tal-VAT tal-punt uniku ta’ servizz żgħir li jikkonċernaw il-perjodi mir-raba’ trimestru tal-2017 sar-raba’ trimestru tal-2020. Il-proposta temenda l-Artikolu 61 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT kif xieraq.

(d)Taħt il-punt uniku tas-servizz, il-korrezzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-VAT iridu jiġu ppreżentati f’dikjarazzjoni sussegwenti. Ladarba d-dikjarazzjoni tal-VAT finali tkun ġiet ippreżentata, mhux se jibqa’ possibbli li persuna taxxabbli eskluża mill-punt uniku ta’ servizz skont l-Artikolu 61a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-VAT tippreżenta dikjarazzjonijiet tal-VAT sussegwenti. Għaldaqstant, il-proposta tistipula li kwalunkwe korrezzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet finali u f’dawk preċedenti li jirriżultaw wara l-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni finali għandhom jinħelsu direttament mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

(e)Ir-reġistri li għandhom jinżammu minn persuna taxxabbli li tuża l-punt uniku ta’ servizz bħalissa tinkludi l-isem tal-klijent, fejn ikun magħruf mill-persuna taxxabbli. Peress li din l-informazzjoni trid tinżamm biss jekk disponibbli, mhuwiex meħtieġ li jiġi ddeterminat l-Istat Membru li fih il-provvista tkun taxxabbli, u tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, din l-informazzjoni ma għadhiex inkluża fir-reġistri li jridu jinżammu mill-persuni taxxabbli li jużaw il-punt uniku ta’ servizz elenkati fl-Artikolu 63c tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-VAT. Aktar tagħrif dwar ir-ritorn ta’ merkanzija u kunsinni jew in-numri tat-tranżazzjoni huma inklużi fl-Artikolu 63c biex jiffaċilitaw il-kontroll ta’ dawn l-operazzjonijiet.

4.    Dispożizzjonijiet oħra

L-Artikolu 14 jitħassar wara t-tħassir tal-Artikolu 34 tad-Direttiva tal-VAT permezz tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku (l-Artikolu 1, il-punt (2)).

L-Artikolu 2 jistipula li l-miżuri għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021, li hija d-data ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku li timplimenta din il-proposta. Barra minn hekk, dan jipprevedi l-possibbiltà għal persuni taxxabbli li jirreġistraw għall-punt uniku ta’ servizz mill-1 ta’ Ottubru 2020, biex ikunu jistgħu jagħmlu użu minnu sa mill-1 ta’ Jannar 2021.

2018/0416 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi ffaċilitati permezz ta’ interfaċċi elettroniċi u l-iskemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jbigħu b’distanza merkanzija u xi provvisti domestiċi ta’ merkanzija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 8 , u b’mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Europea,

Billi:

(1)Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 9 ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455/UE 10 li fost l-oħrajn estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskemi speċjali għall-persuni taxxabbli mhux stabbiliti li jfornu servizzi ta’ telekomunikazzjoni, ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli, għat-tipi kollha ta’ servizzi kif ukoll għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija u bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi. Id-Direttiva (UE) 2017/2455 introduċiet ukoll dispożizzjonijiet speċjali għal persuni taxxabbli li jiffaċilitaw ċerti provvisti jew servizzi magħmula minn persuni taxxabbli oħrajn permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili.

(2)Id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dawk l-iskemi speċjali stipulati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 11 jenħtieġ li jiġu aġġornati wara l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

(3)Id-definizzjonijiet ta’ “bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta’ oġġetti” u “bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi” fid-Direttiva 2006/112/KE tkopri wkoll provvisti ta’ merkanzija meta l-fornitur jintervjeni indirettament meta jibgħatha jew jittrasportaha lill-klijent. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u uniformi ta’ dawk id-definizzjonijiet fl-Istati Membri u biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali kemm għall-operaturi ekonomiċi, kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, huwa neċessarju li tiġi ċċarata u definita t-tifsira tat-terminu “indirettament” f’dan il-kuntest.

(4)Bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi fil-Komunità u sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali għal persuni taxxabbli suġġetti għar-regoli dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa li jinfurzaw dawn ir-regoli, jeħtieġ li tiġi definita aktar it-tifsira tat-terminu “jiffaċilita” u li jiġi ċċarat meta persuna taxxabbli ma titqiesx li tiffaċilita l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi permezz ta’ interfaċċa elettronika.

(5)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-VAT jeħtieġ li jiġi definit b’mod ċar il-mument li fih il-ħlas mill-klijent jista’ jiġi kkunsidrat bħala aċċettat sabiex jiġi determinat f’liema perjodu taxxabbli jridu jiġu ddikjarati l-provvisti minn persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija fil-Komunità bl-użu ta’ interfaċċa elettronika jew minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tuża l-iskema speċjali għall-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi.

(6)Jeħtieġ li jiġi ddeterminat it-tip ta’ informazzjoni li jenħtieġ li tinżamm fir-reġistru ta’ persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi fil-Komunità permezz ta’ interfaċċa elettronika. Jenħtieġ li din tqis in-natura tal-informazzjoni disponibbli għal dawn il-persuni taxxabbli, ir-rilevanza tagħha għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u r-rekwiżit li tali kontabbiltà u żamma tar-rekords jenħtieġ li jkunu proporzjonati sabiex jikkonformaw mad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 .

(7)Persuna taxxabbli li tiffaċilita ċerti provvisti ta’ merkanzija fil-Komunità permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika hi meqjusa li tkun irċeviet u provvdiet il-merkanzija hija stess u hija obbligata li tħallas il-VAT fuq dawn il-provvisti. Huwa importanti li jitqies li tali persuna taxxabbli tista’ tiddependi fuq il-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-fornituri li jbigħu merkanzija permezz tal-interfaċċa elettronika sabiex jiddikjaraw u jħallsu l-ammont ta’ VAT dovut b’mod korrett. Huwa għalhekk raġonevoli li jiġi stipulat li tali persuna taxxabbli ma għandhiex tinżamm obbligata li tħallas kwalunkwe ammont ta’ VAT f’eċċess tal-VAT li tkun iddikjarat u ħallset fuq dawn il-provvisti, meta l-informazzjoni li rċeviet tkun żbaljata u fejn tista’ turi li ma kinitx taf u li raġonevolment ma setgħatx tkun taf. Dan jippermetti lill-Istati Membri jeħilsu lil dawk il-persuni taxxabbli mill-obbligu li jħallsu VAT addizzjonali meta jkunu qed jaġixxu b’intenzjonijiet tajba.

(8)Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq ċerti persuni taxxabbli li jiffaċilitaw il-provvisti ta’ merkanzija fil-Komunità bl-użu ta’ interfaċċa elettronika, huwa xieraq li jinħelsu mill-piż li jkollhom jipprovaw l-istatus tal-bejjiegħ u tal-klijent. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti ċerti preżunzjonijiet li permezz tagħhom il-fornituri li jbigħu merkanzija permezz ta’ dik l-interfaċċa elettronika, jiġu preżunti li huma persuni taxxabbli u li l-klijenti tagħhom huma persuni mhux taxxabbli.

(9)Biex jiġi evitat id-dubju, jeħtieġ jiġi speċifikat li n-numru ta’ identifikazzjoni allokat lil intermedjarju li jaġixxi f’isem u fl-interessi ta’ persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ importazzjoni huwa awtorizzazzjoni li tippermettilu jaġixxi bħala intermedjarju u ma jistax jintuża mill-intermedjarju biex jiddikjara l-VAT fuq it-tranżazzjonijiet taxxabbli li jwettaq huwa stess.

(10)Id-dispożizzjoni li teskludi persuna taxxabbli li volontarjament waqfet tuża skema speċjali biex terġa’ tidħol f’dik l-iskema speċjali matul perjodu ta’ żewġ trimestri, mhijiex meqjusa utli mill-Istati Membri u tista’ toħloq piżijiet addizzjonali fuq il-persuna taxxabbli kkonċernata. Dik id-dispożizzjoni għalhekk jenħtieġ li titħassar.

(11)Sabiex jitrażżan l-impatt teknoloġiku tal-bidla fil-mod li jridu jsiru l-korrezzjonijiet għad-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-VAT taħt skema speċjali, ikun aħjar jekk jiġi stipulat li korrezzjonijiet f’dikjarazzjoni tal-VAT relatata ma’ perjodu ta’ taxxa li jippreċedi d-data li fiha l-Istati Membri jridu japplikaw il-miżuri nazzjonali biex ikunu konformi mal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva (UE) 2017/2455, jridu jsiru permezz tal-emendi ta’ dik id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-korrezzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-VAT ser ikollhom jiġu ppreżentati f’dikjarazzjoni sussegwenti għall-perjodi tat-taxxa sal-1 ta’ Jannar 2021, persuni taxxabbli esklużi minn skema speċjali mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu korrezzjonijiet f’dikjarazzjonijiet sussegwenti. Bħala konsegwenza, hemm bżonn jiġi previst li dawn il-korrezzjonijiet jenħtieġ li jinħelsu direttament mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri tal-konsum ikkonċernati.

(12)Minħabba li l-isem tal-klijent irid jinżamm biss fir-reġistri ta’ persuna taxxabbli li tuża skema speċjali jekk disponibbli għal dik il-persuna taxxabbli, u minħabba li mhux meħtieġ li jiġi stabbilit l-Istat Membru fejn il-provvista hija suġġetta għall-VAT, u jista’ jqajjem kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data, allura ma għadux meħtieġ li jiddaħħal l-isem tal-klijent f’reġistri li jridu jinżammu minn persuni taxxabbli li jagħmlu użu minn skema speċjali. Madankollu, biex jitħaffef il-kontroll ta’ provvisti ta’ merkanzija koperta minn skema speċjali, hemm bżonn tiddaħħal informazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-merkanzija u n-numri tal-kunsinna jew tat-tranżazzjoni fost l-informazzjoni li għandha tinżamm minn persuni taxxabbli.

(13)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)Il-Kapitolu IV huwa emendat kif ġej:

(a)l-intestatura tal-Kapitolu IV hi ssostitwita b’dan li ġej:

TRANŻAZZJONIJIET TAXXABBLI

(TITOLU IV TAD-DIRETTIVA 2006/112/KE)

TAQSIMA 1

Provvista ta’ merkanzija

(Artikoli 14 sa 19 tad-Direttiva 2006/112/KE)”;

(b)Jiddaħħlu l-Artikoli 5a, 5b u 5ċ li ġejjin:

“Artikolu 5a

Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-merkanzija għandha titqies li ntbagħtet jew li ġiet ittrasportata mill-fornitur jew f’ismu, inkluż meta l-fornitur jintervjeni indirettament fid-dispaċċ jew fit-trasport tal-merkanzija, fil-każijiet li ġejjin:

(a)meta d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija jkun taħt sottokuntratt mill-fornitur lil parti terza li tikkonsenja l-merkanzija lill-klijent;

(b)meta d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija jkun ipprovdut minn parti terza, iżda l-fornitur ikollu r-responsabbiltà totali jew parzjali għall-provvista tal-merkanzija lill-klijent;

(c)meta l-fornitur joħroġ il-fattura u jiġbor it-tariffi tat-trasport mill-klijent u jibgħathom ulterjorment lil parti terza li ser torganizza d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija;

(d)meta l-fornitur jippromwovi bi kwalunkwe mezz servizzi ta’ twassil ta’ parti terza lill-klijent, ipoġġi lill-klijent u l-parti terza f’kuntatt jew inkella jipprovdi lill-parti terza l-informazzjoni meħtieġa għall-provvista tal-merkanzija lill-konsumatur.

Madankollu, il-merkanzija ma għandhiex titqies li ntbagħtet jew ġiet ittrasportata mill-fornitur jew f’ismu meta l-klijent jittrasporta l-merkanzija hu stess jew meta l-klijent jirranġa l-forniment tal-merkanzija ma’ persuna terza u l-fornitur ma jintervjenix direttament jew indirettament sabiex jipprovdi jew jgħin fl-organizzazzjoni tad-dispaċċ jew tat-trasport ta’ dik il-merkanzija.

Artikolu 5b

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, it-terminu “jiffaċilita” jfisser l-użu ta’ interfaċċa elettronika li jippermetti li klijent u fornitur li jbigħ merkanzija permezz ta’ interfaċċa elettronika jidħlu f’kuntatt, u dan jirriżulta fi provvista ta’ merkanzija lil dak il-klijent permezz ta’ dik l-interfaċċa elettronika.

Madankollu, persuna taxxabbli ma għandhiex tiffaċilita provvista ta’ merkanzija meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)ma tistabbilixxix, direttament jew indirettament, it-termini ġenerali li taħthom issir il-provvista tal-merkanzija;

(b)mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fil-ħlas mill-konsumatur rigward ħlas li jkun sar;

(c)mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fl-ordni jew fil-forniment tal-merkanzija.

Barra minn hekk, l-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE ma għandux japplika għal persuna taxxabbli li tipprovdi biss kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)l-ipproċessar tal-ħlasijiet fir-rigward tal-provvista tal-merkanzija;

(b)l-elenkar jew ir-reklamar tal-merkanzija;

(c)id-direzzjonar mill-ġdid jew it-trasferiment tal-klijenti lejn interfaċċi elettroniċi oħra fejn il-merkanzija hija offruta għall-bejgħ, mingħajr ebda intervent ieħor fil-provvista.

Artikolu 5c

1.    Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, persuna taxxabbli, li hi meqjusa li rċeviet u provvdiet il-merkanzija hija stess, ma għandhiex tkun obbligata li tħallas il-VAT f’eċċess tal-VAT li tkun iddikkjarat u ħallset fuq dawn il-provvisti meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-persuna taxxabbli tkun tiddependi fuq informazzjoni pprovduta mill-fornituri li jbigħu merkanzija permezz ta’ interfaċċa elettronika jew minn partijiet terzi oħra sabiex tiddikjara b’mod korrett u tħallas il-VAT fuq dawn il-provvisti;

(b)l-informazzjoni rċevuta mill-persuna taxxabbli tkun żbaljata;

(c)il-persuna taxxabbli tista’ turi li hija ma kinitx u ma setgħetx raġonevolment tkun taf li din l-informazzjoni kienet żbaljata.

2.    Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, dawn li ġejjin għandhom jiġu preżunti:

(a)li dik il-persuna li tbigħ merkanzija permezz ta’ interfaċċa elettronika hija persuna taxxabbli;

(b)li l-persuna li tixtri dik il-merkanzija hija persuna mhux taxxabbli.

Madankollu, il-persuna taxxabbli li titqies li tkun irċeviet u pprovdiet il-merkanzija hija stess tista’ tirribatti l-preżunzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu fejn ikollha informazzjoni kuntrarja.”;

(c)l-intestatura li ġejja tiddaħħal qabel l-Artikolu 6:

TAQSIMA 2

Provvista ta’ servizzi

(Artikoli 24 sa 29 tad-Direttiva 2006/112/KE)”;

(2)jitħassar l-Artikolu 14.;

(3)jiddaħħal il-Kapitolu Va li ġej:

“KAPITOLU Va

AVVENIMENT LI JAGĦTI LOK GĦAL ĦLAS U IMPOŻIZZJONI TA’ VAT

(TITOLU VI TAD-DIRETTIVA 2006/112/KE)

Artikolu 41 a

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 66a tad-Direttiva 2006/112/KE, iż-żmien meta jiġi aċċettat il-ħlas ifisser il-ħin meta l-konferma tal-ħlas, il-messaġġ tal-awtorizzazzjoni tal-ħlas jew l-impenn ta’ ħlas mingħand il-klijent ikun riċevut mill-fornitur li jbigħ merkanzija permezz tal-interfaċċa elettronika, jew f’ismu, irrispettivament minn meta jsir il-ħlas ta’ flus reali.”;

(4)fil-Kapitolu X tiddaħħal it-Taqsima 1a li ġejja:

“TAQSIMA 1a

Kontabbiltà

(Artikoli 241 sa 249 tad-Direttiva 2006/112/KE)

Artikolu 54b

1.    Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, it-terminu “jiffaċilita” jfisser l-użu ta’ interfaċċa elettronika li jippermetti li klijent u fornitur li jbigħ merkanzija jew servizzi ta’ provvista permezz ta’ interfaċċa elettronika, jidħlu f’kuntatt, u dan jirriżulta fi provvista ta’ merkanzija lil dak il-klijent permezz ta’ dik l-interfaċċa elettronika.

Madankollu, it-terminu “jiffaċilita” ma għandux ikopri provvista ta’ merkanzija jew servizzi meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-persuna taxxabbli ma tistabbilixxix, direttament jew indirettament, it-termini ġenerali li skonthom issir il-provvista tal-merkanzija;

(b)il-persuna taxxabbli mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fil-ħlas mill-konsumatur rigward ħlas li jkun sar;

(c)il-persuna taxxabbli mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fl-ordni jew fil-forniment tal-merkanzija;

(d)il-persuna taxxabbli mhijiex, direttament jew indirettament, involuta fl-ordni jew fil-provvista tas-servizz.

2.    Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, it-terminu “jiffaċilita” ma għandux ikopri każijiet fejn persuna taxxabbli tipprovdi biss kwalunkwe wieħed minn dan li ġej:

(a)l-ipproċessar tal-ħlasijiet fir-rigward tal-provvista tal-merkanzija;

(b)l-elenkar jew ir-reklamar tal-merkanzija jew is-servizzi;

(c)id-direzzjonar mill-ġdid jew it-trasferiment tal-klijenti lejn interfaċċi elettroniċi oħra fejn il-merkanzija jew is-servizzi huma offruti, mingħajr ebda intervent ieħor fil-provvista.

Artikolu 54c

1.    Il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, għandha żżomm ir-rekords li ġejjin fir-rigward ta’ provvisti fejn hi meqjusa li rċeviet u pprovdiet il-merkanzija hija stess skont l-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, jew fejn tieħu sehem fil-provvista ta’ servizzi pprovduti elettronikament li għalihom huwa preżunt li taġixxi f’isimha stess skont l-Artikolu 9a ta’ dan ir-Regolament:

(a)ir-reġistri kif stabbiliti fl-Artikolu 63c ta’ dan ir-Regolament, fejn il-persuna taxxabbli tkun għażlet li tapplika waħda mill-iskemi speċjali stipulati fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)ir-reġistri kif stabbiliti fl-Artikolu 242 tad-Direttiva 2006/112/KE, fejn il-persuna taxxabbli tkun għażlet li tapplika waħda mill-iskemi speċjali stipulati fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE.

2.    Il-persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 242a tad-Direttiva 2006/112/KE, għandha żżomm l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-provvisti għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1:

(a)l-isem u l-indirizz tal-fornitur li l-provvisti tagħhom huma ffaċilitati permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika u jekk disponibbli:

(i)l-indirizz elettroniku jew is-sit web tal-fornitur;

(ii)in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru tat-taxxa nazzjonali tal-fornitur;

(iii)in-numru tal-kont tal-bank jew in-numru tal-kont virtwali tal-fornitur

(b)id-deskrizzjoni tal-merkanzija, il-valur tagħhom u jekk disponibbli, il-post fejn jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, kif ukoll iż-żmien tal-provvista;

(c)id-deskrizzjoni tas-servizzi, il-valur tagħhom u jekk disponibbli, l-informazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-post tal-provvista u l-ħin tal-provvista.”;

(5)It-Taqsima 2 tal-Kapitolu XI hija ssostitwita b’dan li ġej:

“TAQSIMA 2

Skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jipprovdu servizzi lil persuni mhux taxxabbli, li jagħmlu bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija

(Artikoli 358 sa 369x tad-Direttiva 2006/112/KE)

Sottotaqsima 1

Definizzjonijiet

Artikolu 57a

Għall-iskopijiet ta’ din it-Taqsima, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“skema mhux tal-Unjoni” tfisser l-iskema speċjali għal servizzi fornuti minn persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fil-Komunità kif stipulat fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

(2)“skema tal-Unjoni” tfisser l-iskema speċjali għal bejgħ b’distanza intra-Komunitarju ta’ merkanzija, għall-provvisti ta’ merkanzija fi ħdan Stat Membru magħmula minn interfaċċi elettroniċi li jiffaċilitaw dawk il-provvisti u għas-servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità iżda mhux fl-Istat Membru tal-konsum kif stipulat fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

(3)“skema ta’ importazzjoni” tfisser l-iskema speċjali għall-bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi kif stabbilit fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE;

(4)“skema speċjali” tfisser l-“iskema mhux tal-Unjoni”, l-“iskema tal-Unjoni” jew l-“iskema ta’ importazzjoni”, skont kif jirrikjedi l-kuntest;

(5)“persuna taxxabbli” tfisser persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 359 tad-Direttiva 2006/112/KE li titħalla tuża l-iskema mhux tal-Unjoni, persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 369b ta’ dik id-Direttiva li titħalla tuża l-iskema tal-Unjoni jew persuna taxxabbli msemmija fl-Artikolu 369m ta’ dik id-Direttiva li titħalla tuża l-iskema ta’ importazzjoni;

(6)“intermedjarju” tfisser persuna kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 369l tad-Direttiva 2006/112/KE;

Suottotaqsima 2

Applikazzjoni tal-iskema tal-Unjoni

Artikolu 57b

1.Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni tkun stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità, l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-post tan-negozju għandu jkun l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni tkun stabbiliet in-negozju tagħha barra mill-Komunità iżda jkollha aktar minn stabbiliment wieħed fiss fil-Komunità, hija tista’ tagħżel kwalunkwe Stat Membru fejn ikollha stabbiliment fiss bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 369a tad-Direttiva 2006/112/KE.

2.Meta persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fil-Komunità tuża l-iskema tal-Unjoni għall-bejgħ ta’ merkanzija, l-Istat Membru li minnu tinbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija, għandu jkun l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. Fejn ikun hemm aktar minn Stat Membru wieħed minn fejn tinbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija, hija tista’ tagħżel kwalunkwe Stat Membru li minnu tinbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija, bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 369a tad-Direttiva 2006/112/KE.

Sottotaqsima 3

Kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema tal-Unjoni

Artikolu 57c

L-iskema tal-Unjoni ma għandhiex tapplika għal servizzi pprovduti fi Stat Membru fejn il-persuna taxxabbli stabbiliet in-negozju tagħha jew għandha stabbiliment fiss. Il-provvisti ta’ dawk is-servizzi għandhom jiġu ddikjarati lill-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti ta’ dak l-Istat Membru f’dikjarazzjoni tal-VAT kif previst fl-Artikolu 250 tad-Direttiva 2006/112/KE.

Sottotaqsima 4

Identifikazzjoni

Artikolu 57d

1.Meta persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li għandha l-intenzjoni tuża l-iskema mhux tal-Unjoni jew l-iskema tal-Unjoni, dik l-iskema speċjali għandha tapplika mill-ewwel jum tat-trimestru sussegwenti.

Madankollu, meta l-ewwel provvista ta’ merkanzija jew servizzi li jridu jkunu koperti bl-iskema mhux tal-Unjoni jew bl-iskema tal-Unjoni, isseħħ qabel dik id-data, l-iskema speċjali għandha tibda tapplika mid-data ta’ dik l-ewwel provvista, dment li l-persuna taxxabbli tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar il-bidu tal-attivitajiet tagħha li jeħtieġ ikunu koperti mill-iskema, mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar wara dik l-ewwel provvista.

2.Fejn persuna taxxabbli jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li għandha l-intenzjoni tuża l-iskema tal-importazzjoni, dik l-iskema speċjali għandha tapplika mill-jum li fih il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tkun ġiet allokata n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-iskema ta’ importazzjoni kif stipulat fil-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 369q tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 57e

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jidentifika l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni permezz tan-numru ta’ identifikazzjoni tagħha tal-VAT kif imsemmi fl-Artikoli 214 u 215 tad-Direttiva 2006/112/KE.

In-numru ta’ identifikazzjoni individwali allokat lil intermedjarju skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 369q tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jippermettilu li jaġixxi bħala intermedjarju f’isem persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskema ta’ importazzjoni. Madankollu, dan in-numru ma jistax jintuża mill-intermedjarju biex jiddikjara l-VAT fuq tranżazzjonijiet taxxabbli.

Artikolu 57f

1.Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-definizzjoni stipulata fil-punt (2) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 369a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru li fih ġiet identifikata ma għandux jibqa’ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Madankollu, meta dik il-persuna taxxabbli tkun għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tuża dik l-iskema speċjali, biex tkompli tuża dik l-iskema, hija għandha tindika l-Istat Membru ieħor li fih tkun stabbiliet in-negozju tagħha bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid, jew Stat Membru li fih għandha stabbiliment fiss jekk hija ma tkunx stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità,. Meta l-persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni għall-provvista ta’ merkanzija ma tkunx stabbilita fil-Komunità, għandha tindika Stat Membru li minnu tibgħat jew tittrasporta l-merkanzija bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid.

Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mat-tieni subparagrafu, dik il-bidla għandha tapplika mid-data li fiha l-persuna taxxabbli ma jibqax ikollha post tan-negozju jew stabbiliment fiss fl-Istat Membru li qabel kien indikat bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, jew mid-data li fiha dik il-persuna taxxabbli ma tibqax tibgħat jew tittrasporta l-merkanzija minn dak l-Istat Membru.

2.Meta persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ importazzjoni jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-definizzjoni stipulati fil-punti (b) sa (e) tal-punt (3) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 369l tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru li fih il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tagħha ġie identifikat ma għandux jibqa’ l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Madankollu, meta dik il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tagħha tkun għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tuża dik l-iskema speċjali, biex tkompli tuża dik l-iskema, hija għandha tindika l-Istat Membru ieħor li fih tkun stabbiliet in-negozju tagħha bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid, jew, Stat Membru li fih għandha stabbiliment fiss jekk hija ma tkunx stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità.

Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mat-tieni subparagrafu, dik il-bidla għandha tapplika mid-data li fiha l-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju tagħha ma jibqax ikollha stabbiliment ta’ negozju jew stabbiliment fiss fl-Istat Membru li kien indikat qabel bħala l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Artikolu 57g

1.Persuna taxxabbli li tuża l-iskema tal-Unjoni jew dik mhux tal-Unjoni tista’ ttemm l-użu ta’ dawk l-iskemi speċjali anke jekk tkompli tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi li jistgħu jkunu eliġibbli għal dawk l-iskemi speċjali. Il-persuna taxxabbli għandha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni mill-inqas 15-il jum qabel tmiem it-trimestru ta’ qabel dak li fih biħsiebha tieqaf tuża l-iskema. Il-waqfien għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tat-trimestru li jkun imiss.

L-obbligi tal-VAT relatati mal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li jirriżultaw wara d-data meta l-waqfien ikun sar effettiv, għandhom jinħelsu direttament mal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

2.Persuna taxxabbli li tuża l-iskema ta’ importazzjoni tista’ tieqaf tuża dik l-iskema irrispettivament minn jekk għadhiex twettaq bejgħ b’distanza ta’ merkanzija importata minn territorji terzi jew pajjiżi terzi. Il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni mill-inqas 15-il jum qabel tmiem ix-xahar ta’ qabel dak li fih biħsiebha tieqaf tuża l-iskema. Il-waqfien għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tax-xahar li jkun imiss u l-persuna taxxabbli ma għandhiex tibqa’ titħalla tuża l-iskema għall-provvisti mwettqa minn dak il-jum ’il quddiem.

Sottotaqsima 5

Obbligi ta’ rappurtar

Artikolu 57h

1.Persuna taxxabbli jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha, mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar ta’ wara, tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni b’mezzi elettroniċi dwar kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)il-waqfien tal-attivitajiet tagħha koperti minn skema speċjali;

(b)kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tagħha koperti minn skema speċjali b’tali mod li ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tuża dik l-iskema speċjali;

(c)kwalunkwe bidla tal-informazzjoni pprovduta preċedentement lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

2.Meta l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jinbidel f’konformità mal-Artikolu 57f, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tinforma liż-żewġ Stati Membri rilevanti bil-bidla, mhux aktar tard mill-għaxar jum tax-xahar wara l-bidla tal-istabbiliment. Hija għandha tikkomunika lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni l-ġdid id-dettalji tar-reġistrazzjoni kif meħtieġ meta persuna taxxabbli tagħmel użu minn skema speċjali għall-ewwel darba.

Sottotaqsima 6

Esklużjoni

Artikolu 58

1.Meta persuna taxxabbli li tuża waħda mill-iskemi speċjali tissodisfa wieħed jew aktar mill-kriterji għall-esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 369e jew għat-tħassir mir-reġistru ta’ identifikazzjoni stipulat fl-Artikolu 363 jew fil-paragrafi 1 u 3 ta’ l-Artikolu 369r tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jeskludi lil dik il-persuna taxxabbli minn dik l-iskema.

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni biss jista’ jeskludi persuna taxxabbli milli tuża waħda mill-iskemi speċjali.

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-esklużjoni jew it-tħassir ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli, inkluża l-informazzjoni pprovduta minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

2.L-esklużjoni ta’ persuna taxxabbli minn din l-iskema mhux tal-Unjoni jew l-iskema tal-Unjoni għandha tkun effettiva mill-ewwel jum tat-trimestru wara l-jum meta d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli. Madankollu, meta l-esklużjoni tkun dovuta għal bidla fil-post tan-negozju jew tal-istabbilitment fiss li minnu jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, l-esklużjoni għandha tkun effettiva mid-data ta’ dik il-bidla.

3.L-esklużjoni ta’ persuna taxxabbli mill-iskema ta’ importazzjoni għandha tkun effettiva mill-ewwel jum tax-xahar wara l-jum meta d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli, ħlief fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta l-esklużjoni tkun dovuta għal bidla fil-post tan-negozju jew tal-istabbiliment fiss tagħha, u f’dak il-każ l-esklużjoni għandha tkun effettiva mid-data ta’ dik il-bidla.

(b)meta l-esklużjoni tkun dovuta għan-nuqqas persistenti tagħha ta’ konformità mar-regoli ta’ din l-iskema, u f’dak il-każ l-esklużjoni għandha tkun effettiva mill-jum wara dak li d-deċiżjoni dwar l-esklużjoni tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli.

4.Ħlief għas-sitwazzjoni koperta mill-punt (b), in-numru individwali ta’ identifikazzjoni tal-VAT allokat għall-użu tal-iskema ta’ importazzjoni għandu jibqa’ validu għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ għall-importazzjoni ta’ merkanzija li ġiet pprovduta qabel id-data tal-esklużjoni, li madankollu ma jistax jaqbeż ix-xahrejn minn dik id-data.

5.Meta intermedjarju jissodisfa wieħed mill-kriterji għal tħassir stipulati fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 369r tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jħassar lill-intermedjarju mir-reġistru ta’ identifikazzjoni u għandu jeskludi mill-iskema ta’ importazzjoni, persuni taxxabbli rrappreżentati mill-intermedjarju .

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni biss jista’ jħassar intermedjarju mir-reġistru ta’ identifikazzjoni.

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar it-tħassir fuq kwalunkwe informazzjoni disponibbli, inkluża l-informazzjoni pprovduta minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

It-tħassir ta’ intermedjarju mir-reġistru ta’ identifikazzjoni għandu jkun effettiv mill-ewwel jum tax-xahar wara l-jum li fih id-deċiżjoni dwar it-tħassir tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-persuna taxxabbli, ħlief fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta t-tħassir ikun dovut għal bidla fil-post tan-negozju jew fl-istabbilitment fiss tiegħu, u f’dak il-każ it-tħassir għandu jkun effettiv mid-data ta’ dik il-bidla;

(b)meta t-tħassir tal-intermedjarju jkun dovut għan-nuqqas persistenti tiegħu ta’ konformità mar-regoli ta’ din l-iskema ta’ importazzjoni, u f’dak il-każ it-tħassir għandu jkun effettiv mill-jum wara dak li fih id-deċiżjoni dwar it-tħassir tintbagħat b’mezzi elettroniċi lill-intermedjarju u lill-persuni taxxabbli li jirrappreżenta.

Artikolu 58a

Persuna taxxabbli li tuża skema speċjali li, għal perjodu ta’ sentejn ma tkun għamlet ebda provvista ta’ merkanzija jew servizzi koperti minn dik l-iskema fl-ebda Stat Membru tal-konsum, għandha tkun preżunta li waqfet mill-attivitajiet taxxabbli tagħha skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 363, il-punt (b) tal-Artikolu 369e, il-punt (b) tal-Artikolu 369r(1) jew il-punt (b) tal-Artikolu 369r(3) tad-Direttiva 2006/112/KE rispettivament. Dan il-waqfien ma jipprekludix lill-persuna milli tuża skema speċjali jekk terġa’ tibda l-attivitajiet tagħha koperti minn kwalunkwe skema.

Artikolu 58b

1.Meta persuna taxxabbli tiġi eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali għal nuqqas persistenti ta’ konformità mar-regoli dwar dik l-iskema, dik il-persuna taxxabbli għandha tibqa’ eskluża milli tuża kwalunkwe waħda minn dawk l-iskemi fi kwalunkwe Stat Membru għal sentejn wara l-perjodu tad-dikjarazzjoni li matulu l-persuna taxxabbli tkun ġiet eskluża.

Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fir-rigward ta’ l-iskema ta’ importazzjoni fejn l-esklużjoni hija dovuta għal nuqqas persistenti ta’ konformità mar-regoli mill-intermedjarju li jaġixxi f’isem il-persuna taxxabbli.

Meta intermedjarju jitħassar mir-reġistru ta’ identifikazzjoni għal nuqqas persistenti ta’ konformità mar-regoli tal-iskema ta’ importazzjoni, ma għandux jitħalla jaġixxi bħala intermedjarju għal sentejn wara x-xahar li matulu tħassar minn dak ir-reġistru.

2.Persuna taxxabbli jew intermedjarju għandha titqies li b’mod persistenti ma kkonformatx mar-regoli relatati ma’ waħda mill-iskemi speċjali, skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 363, il-punt (d) tal-Artikolu 369e, il-punt (d) tal-Artikolu 369r(1), il-punt (c) tal-Artikolu 369r(2) jew il-punt (d) tal-Artikolu 369r(3) tad-Direttiva 2006/112/KE, mill-inqas fil-każijiet li ġejjin:

(a)meta skont l-Artikolu 60a, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jkun ħareġ tfakkiriet lilha jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha, għal tliet perjodi preċedenti ta’ dikjarazzjonijiet tal-VAT fuq xulxin u d-dikjarazzjoni tal-VAT ma tkunx ġiet ippreżentata għal kull wieħed minn dawn il-perjodi ta’ dikjarazzjoni fi żmien għaxart ijiem wara li t-tfakkira tkun inbagħtet;

(b)meta skont l-Artikolu 63a, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni jkun ħareġ tfakkiriet lilha jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha, għal tliet perjodi preċedenti ta’ dikjarazzjonijiet tal-VAT fuq xulxin u l-ammont sħiħ tal-VAT iddikjarat ma jkunx tħallas minnha jew minn intermedjarju li jaġixxi f’isimha għal kull wieħed minn dawn il-perjodi ta’ dikjarazzjoni fi żmien għaxart ijiem wara li tkun inbagħtet it-tfakkira, ħlief fejn l-ammont mhux imħallas li jibqa’ hu anqas minn EUR 100 għal kull perjodu ta’ dikjarazzjoni;

(c)meta wara talba mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni u xahar wara tfakkira sussegwenti mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha tkun naqset milli tagħmel disponibbli elettronikament ir-reġistri msemmijin fl-Artikoli 369, 369k u 369x tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 58c

Persuna taxxabbli li tkun ġiet eskluża mill-iskema tal-Unjoni jew mhux tal-Unjoni għandha twettaq l-obbligi kollha tal-VAT relatati ma’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li jirriżultaw wara d-data meta l-esklużjoni ssir effettiva, direttament mal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

Sottotaqsima 7

Dikjarazzjoni tal-VAT

Artikolu 59

1.Kwalunkwe perjodu ta’ dikjarazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 364, l-Artikolu 369f jew l-Artikolu 369s tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jkun perjodu ta’ dikjarazzjoni separat.

2.Meta, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57d, l-iskema mhux tal-Unjoni jew tal-Unjoni tapplika mid-data tal-ewwel provvista, il-persuna taxxabbli għandha tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT separata għat-trimestru li matulu tkun seħħet l-ewwel provvista.

3.Meta persuna taxxabbli tkun ġiet irreġistrata taħt l-iskema tal-Unjoni u dik mhux tal-Unjoni waqt xi perjodu ta’ dikjarazzjoni, hija għandha tippreżenta dikjarazzjonijiet tal-VAT u tagħmel il-ħlasijiet korrispondenti lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għal kull skema fir-rigward tal-provvisti li seħħew u l-perjodi koperti minn dik l-iskema.

4.Meta jinbidel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 57f wara l-ewwel jum tal-perjodu ta’ dikjarazzjoni in kwistjoni, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tippreżenta d-dikjarazzjonijiet tal-VAT u tagħmel il-ħlasijiet korrispondenti kemm lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni ta’ qabel kif ukoll il-ġdid, li jkopru l-provvisti li saru matul il-perjodi rispettivi li fihom l-Istati Membri kienu Stat Membru ta’ identifikazzjoni.

Artikolu 59a

Fejn persuna taxxabbli li qed tuża skema speċjali ma pprovdiet l-ebda merkanzija jew servizz fl-ebda Stat Membru tal-konsum taħt dik l-iskema speċjali matul perjodu ta’ dikjarazzjoni u ma għandha l-ebda korrezzjonijiet x’tagħmel fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, hija jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT li tindika li ma saret l-ebda provvista matul dak il-perjodu (dikjarazzjoni tal-VAT b’valur żero).

Artikolu 60

L-ammonti fuq id-dikjarazzjonijiet tal-VAT skont l-iskemi speċjali ma għandhomx jiddawwru ’l fuq jew ’l isfel sal-eqreb unità monetarja sħiħa. Għandu jiġi rapportat u mħallas l-ammont eżatt tat-taxxa tal-VAT.

Artikolu 60a

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar, b’mezzi elettroniċi, lill-persuni taxxabbli jew l-intermedjarji li jaġixxu f’isimhom li naqsu milli jippreżentaw dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 364, l-Artikolu 369f jew l-Artiklu 369s tad-Direttiva 2006/112/KE, dwar l-obbligu tagħhom li jippreżentaw tali dikjarazzjoni. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu joħroġ it-tfakkira fl-għaxar jum wara dak li fih kellha tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni, u għandu jinforma b’mezzi elettroniċi lill-Istati Membri l-oħrajn li t-tfakkira nħarġet.

Kwalunkwe tfakkira u pass sussegwenti li jittieħdu biex tiġi vvalutata u biex tinġabar il-VAT huma r-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

Minkejja kwalunkwe tfakkira li tkun inħarġet, u kwalunkwe pass meħud, minn Stat Membru tal-konsum, il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tippreżenta d-dikjarazzjoni tal-VAT lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Artikolu 61

1.    Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT rigward perjodi sal-aħħar perjodu ta’ dikjarazzjoni fl-2020 inkluż, wara li tiġi ppreżentata, għandhom isiru biss permezz ta’ emendi għal dik id-dikjarazzjoni u mhux permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.

Bidliet fiċ-ċifri li jinsabu f’dikjarazzjoni tal-VAT rigward perjodi mill-ewwel perjodu ta’ dikjarazzjoni fl-2021 wara li tiġi ppreżentata, għandhom isiru biss permezz ta’ aġġustamenti f’dikjarazzjoni sussegwenti.

2.    L-emendi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati elettronikament lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni fi żmien tliet snin mid-data meta d-dikjarazzjoni inizjali kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata.

Madankollu, ir-regoli ta’ Stat Membru tal-konsum dwar il-valutazzjonijiet u l-emendi ma għandhomx jiġu affettwati.

Artikolu 61 a

1.Persuna taxxabbli jew intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tippreżenta d-dikjarazzjoni tal-VAT finali tagħha u kwalunkwe preżentazzjonijiet tardivi ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, u ħlasijiet korrispondenti, lill-Istat Membru li kien l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni qabel il-waqfien, l-esklużjoni jew il-bidla, meta:

(a)ittemm l-użu ta’ waħda mill-iskemi speċjali;

(b)tiġi eskluża minn waħda mill-iskemi speċjali;

(c)tbiddel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 57f.

Kwalunkwe korrezzjoni fid-dikjarazzjonijiet finali u f’dawk preċedenti li jirriżultaw wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni finali għandhom jinħelsu direttament mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

2.L-intermedjarju għandu jippreżenta d-dikjarazzjonijiet tal-VAT finali fir-rigward tal-persuni taxxabbli kollha li jkun qed jaġixxi f’isimhom u kwalunkwe preżentazzjonijiet tardivi ta’ dikjarazzjonijiet preċedenti, u ħlasijiet korrispondenti, lill-Istat Membru li kien l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni qabel it-tħassir jew il-bidla, meta:

(a)jitħassar mir-reġistru ta’ identifikazzjoni;

(b)ibiddel l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 57f(2).

Kwalunkwe korrezzjoni fid-dikjarazzjonijiet finali u f’dawk preċedenti li jirriżultaw wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni finali għandhom jinħelsu direttament mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat.

Sottotaqsima 7a

L-iskema ta’ importazzjoni — avveniment li jagħti lok għall-ħlas

Artikolu 61b

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 369n tad-Direttiva 2006/112/KE, iż-żmien meta jiġi aċċettat il-ħlas ifisser il-ħin meta l-konferma tal-ħlas, il-messaġġ tal-awtorizzazzjoni tal-ħlas jew l-impenn ta’ ħlas mingħand il-klijent ikun riċevut minn mill-persuna taxxabbli li qed tagħmel użu mill-iskema ta’ importazzjoni jew minnha, jew, għall-iskopijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14a tad-Direttiva 2006/112/KE, mill-fornitur li jbigħ merkanzija permezz tal-interfaċċa elettronika, irrispettivament minn meta jsir il-ħlas ta’ flus reali.

Sottotaqsima 8

Munita

Artikolu 61c

Meta Stat Membru ta’ identifikazzjoni li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro jiddeċiedi li d-dikjarazzjoni tal-VAT trid issir fil-munita nazzjonali tiegħu, dik id-deċiżjoni għandha tapplika għad-dikjarazzjonijiet tal-VAT tal-persuni taxxabbli kollha li qed jużaw l-iskemi speċjali.

Sottotaqsima 9

Ħlasijiet

Artikolu 62

Mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63a, u l-Artikolu 63b, persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tagħmel kwalunkwe ħlas lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Ħlasijiet tal-VAT li jsiru mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha skont l-Artikolu 367, l-Artikolu 369i jew l-Artikolu 369v tad-Direttiva 2006/112/KE, għandhom ikunu speċifiċi għad-dikjarazzjoni tal-VAT ppreżentata skont l-Artikolu 364, l-Artikolu 369f jew l-Artikolu 369s ta’ dik id-Direttiva. Kwalunkwe aġġustament sussegwenti tal-ammonti mħallsa għandu jsir mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha permezz ta’ referenza għal dik id-dikjarazzjoni biss u ma jistax jiġi allokat lil dikjarazzjoni oħra, jew aġġustat f’dikjarazzjoni sussegwenti. Kull ħlas għandu jirreferi għan-numru ta’ referenza ta’ dik id-dikjarazzjoni speċifika.

Artikolu 63

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li jirċievi ħlas żejjed minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-VAT ppreżentata skont l-Artikolu 364, l-Artikolu 369f jew l-Artikolu 369s tad-Direttiva 2006/112/KE għandu jirrimborsa l-ħlas żejjed direttament lill-persuna taxxabbli kkonċernata jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha.

Meta Stat Membru ta’ identifikazzjoni jkun irċieva ammont fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tal-VAT li sussegwentement irriżulta skorrett, u dak l-Istat Membru diġà qassam dak l-ammont lill-Istati Membri tal-konsum, kull wieħed minn dawk l-Istati Membri tal-konsum għandu jħallas lura l-parti rispettiva ta’ kull ħlas żejjed direttament lill-persuna taxxabbli jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha.

Madanakollu, meta l-ħlas żejjed huwa relatat ma’ perjodi sal-aħħar perjodu ta’ dikjarazzjoni fl-2018, inkluż, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jħallas lura l-porzjon rilevanti tal-parti tal-ammont korrispondenti li nżammet f’konformità mal-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 u l-Istat Membru ta’ konsum għandu jħallas lura d-differenza bejn l-ammont żejjed imħallas u l-ammont imħallas lura mill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

L-Istati Membri tal-konsum għandhom jinformaw, b’mezzi elettroniċi, lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni dwar l-ammont ta’ dawk il-ħlasijiet lura.

Artikolu 63a

Meta persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha tippreżenta dikjarazzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 364, l-Artikolu 369f jew l-Artikolu 369s tad-Direttiva 2006/112/KE, iżda ma jkun sar ebda ħlas jew il-ħlas ikun inqas minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjoni, fl-għaxar jum wara l-aħħar jum li fih kellu jsir il-ħlas skont l-Artikolu 367 jew l-Artikolu 369i jew l-Artikolu 369v tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar, b’mezzi elettroniċi, lill-persuna taxxabbli jew lill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha dwar kwalunkwe ħlas tal-VAT dovut.

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jinforma, b’mezzi elettroniċi, lill-Istati Membri tal-konsum li t-tfakkira ntbagħtet.

Kwalunkwe tfakkira sussegwenti u l-passi li jittieħdu biex tinġabar il-VAT għandhom ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-konsum ikkonċernat. Meta tali tfakkiriet sussegwenti jkunu nħarġu minn Stat Membru ta’ konsum, il-VAT korrispondenti għandha titħallas lil dak l-Istat Membru.

L-Istat Membru ta’ konsum għandu jinforma, b’mezzi elettroniċi, lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li nħarġet tfakkira.

Artikolu 63b

Meta l-ebda dikjarazzjoni tal-VAT ma tiġi ppreżentata, jew meta d-dikjarazzjoni tal-VAT tkun ġiet ppreżentata tard jew tkun inkompluta jew tkun skorretta, jew meta l-ħlas tal-VAT ikun tard, kwalunkwe mgħax, penali jew kwalunkwe piż ieħor għandu jiġi kkalkulat u vvalutat mill-Istat Membru tal-konsum. Il-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandha tħallas tali mgħax, penali jew kull piż ieħor direttament lill-Istat Membru tal-konsum.

Suottotaqsima 10

Rekords

Artikolu 63c

1.    Sabiex jitqiesu bħala dettaljati biżżejjed skont it-tifsira tal-Artikoli 369 u 369k tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-reġistri miżmuma mill-persuna taxxabbli għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-Istat Membru tal-konsum fejn huma pprovduti l-merkanzija jew is-servizzi;

(b)it-tip ta’ servizzi jew id-deskrizzjoni u l-kwantità ta’ merkanzija pprovduta;

(c)id-data tal-provvista tal-merkanzija jew tas-servizzi;

(d)l-ammont taxxabbli b’indikazzjoni tal-munita użata;

(e)kull żieda jew tnaqqis sussegwenti tal-ammont taxxabbli;

(f)ir-rata ta’ VAT applikata;

(g)l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas b’indikazzjoni tal-munita użata;

(h)id-data u l-ammont ta’ ħlasijiet riċevuti;

(i)kwalunkwe ħlas fuq il-kont riċevut qabel il-provvista tal-merkanzija jew tas-servizzi, jekk ikun il-każ;

(j)meta tinħareġ irċevuta, l-informazzjoni li tinsab fuq l-irċevuta;

(k)fir-rigward tas-servizzi, l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post fejn il-klijent huwa stabbilit jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew li s-soltu jirrisjedi fih u, fir-rigward tal-merkanzija, l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post fejn jibda u jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija lill-klijent;

(l)kwalunkwe prova ta’ dikjarazzjonijiet possibbli ta’ merkanzija, inkluż l-ammont taxxabbli u r-rata tal-VAT applikati.

2.    Sabiex jitqiesu bħala dettaljati biżżejjed skont it-tifsira tal-Artikolu 369x tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-reġistri miżmuma mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-Istat Membru tal-konsum fejn huma pprovduti l-merkanzija jew is-servizzi;

(b)id-deskrizzjoni u l-kwantità ta’ merkanzija pprovduta;

(c)id-data tal-provvista tal-merkanzija;

(d)l-ammont taxxabbli b’indikazzjoni tal-munita użata;

(e)kull żieda jew tnaqqis sussegwenti tal-ammont taxxabbli;

(f)ir-rata ta’ VAT applikata;

(g)l-ammont ta’ VAT li għandu jitħallas b’indikazzjoni tal-munita użata;

(h)id-data u l-ammont ta’ ħlasijiet riċevuti;

(i)kwalunkwe ħlas fuq il-kont riċevut qabel il-provvista tal-merkanzija, jekk ikun il-każ;

(j)meta tinħareġ irċevuta, l-informazzjoni li tinsab fuq l-irċevuta;

(k)l-informazzjoni użata biex jiġi ddeterminat il-post fejn jibda u jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija lill-klijent;

(l)prova ta’ dikjarazzjonijiet possibbli ta’ merkanzija, inkluż l-ammont taxxabbli u r-rata tal-VAT applikati;

(m)in-numru tal-kunsinna uniku jew in-numru tat-tranżazzjoni uniku.

3.    L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi rreġistrata mill-persuna taxxabbli jew mill-intermedjarju li jaġixxi f’isimha b’tali mod li tista’ tkun disponibbli b’mezzi elettroniċi mingħajr dewmien u għal kull oġġett jew servizz ipprovdut.

Fejn persuna taxxabbli jew l-intermedjarju jaġixxi f’isimha tintalab tippreżenta, b’mezzi elettroniċi, ir-rekords imsemmija fl-Artikoli 369, 369k u 369x tad-Direttiva 2006/112/KE u din tonqos milli tippreżentahom fi żmien 20 jum mid-data tat-talba, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jfakkar lill-persuna taxxabbli jew l-intermedjarju li jaġixxi f’isimha biex tippreżenta dawk ir-reġistri. L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jinforma b’mezzi elettroniċi lill-Istati Membri tal-konsum li t-tfakkira ntbagħtet.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli u lill-intermedjarji li jaġixxu f’isimhom biex jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 360, l-Artikolu 369c jew l-Artikolu 369o tad-Direttiva 2006/112/KE għar-reġistrazzjoni taħt l-iskemi speċjali mill-1 ta’ Ottubru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(2)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).
(4)    COM(2016) 148 final - “Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Iż-żmien biex niddeċiedu”
(5)    COM (2015) 192 final.
(6)    COM (2015) 550 final.
(7)    COM (2016) 179 final.
(8)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(9)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(10)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).
(11)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(12)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
Top