EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0682

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim taż-ŻEE (Omnibus II)

COM/2018/682 final

Brussell, 12.10.2018

COM(2018) 682 final

2018/0351(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda
għall-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim taż-ŻEE

(Omnibus II)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta) għandu l-għan li jemenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE sabiex jinkorporad-Direttiva 2014/51/Uefirfir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol - EIOPA - European Insurance and Occupational Pensions Authority) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq - ESMA- European Securities and Markets Authority) 1 .

L-adattamenti li jidhru fl-abbozz tad-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċement adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha għalhekk tiġi stabbilita mill-Kunsill.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt jestendi l-politika tal-UE diġà eżistenti għall-Istati taż-ŻEE-EFTA (in-Norveġja, l-Iżlanda, u l-Liechtenstein).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-estensjoni tal-acquis tal-UE għall-Istati taż-ŻEE-EFTA, permezz tal-inkorporazzjoni tagħhom fil-Ftehim ŻEE titwettaq f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji ta’ dan il-Ftehim li jimmiraw lejn l-istabbiliment ta’ Żona Ekonomika Ewropea dinamika u omoġena, ibbażata fuq regoli komuni u kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-leġiżlazzjoni li għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE hija bbażata fuq l-Artikoli 50, 53, 62 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 2 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ Deċiżjonijiet bħal dawn, wara proposta mill-Kummissjoni.

Is-SEAE flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni jibagħt l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Is-SEAE jittama li jkun fil-qagħda li jippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ ikun malajr.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għar-raġuni li ġejja.

L-għan ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata l-omoġeneità tas-Suq Intern, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-effetti, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-proċess tal-inkorporazzjoni tal-acquis tal-UE fil-Ftehim ŻEE jitwettaq f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea li jikkonferma l-approċċ li ttieħed.

Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħha.

L-għażla tal-istrument

F’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, l-istrument magħżul huwa d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jiżgura l-implimentazzjoni u l-operat effettivi tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Għal dan l-għan, għandu jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim ŻEE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONI EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ma japplikax

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja mistennija bħala riżultat tal-inkorporazzjoni tal-atti msemmija hawn fuq fil-Ftehim taż-ŻEE.

5.ELEMENTI OĦRA

Ma japplikax

2018/0351 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda

għall-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim taż-ŻEE


(Omnibus II)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 53, 62 u 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 3 , u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 ("il-Ftehim ŻEE") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, inter alia, l-Anness IX tal-Ftehim ŻEE li fih dispożizzjonijiet dwar is-servizzi finanzjarji.

(3)Id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IX għall-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

(5)Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mehmuża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva 2014/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 1)
(2)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6–8
(3)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(4)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(5)    Id-Direttiva 2014/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ĠU L 153, 22.5.2014, p. 1.
Top

Brussell, 12.10.2018

COM(2018) 682 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda
għall-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim taż-ŻEE

(OMNIBUS II)


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru

ta’ 0.0.0

li temenda l-Anness IX (Servizzi Finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2014/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) 1 għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness IX għall-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.Il-Punt 1 (id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jiġi emendat kif ġej:

(i)jiżdied l-inċiż li ġej:

‘-32014 L 0051: Id-Direttiva 2014/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 1).";

(ii)jiżdiedu l-adattamenti li ġejjin:

‘(k)Referenzi għas-setgħat tal-EIOPA skont l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu, fil-każijiet previsti fi u f’konformità mal-punt 31h ta’ dan l-Anness, għas-setgħat tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.

(l)Fl-Artikoli 52(2) y 77f(l), il-kliem “, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA” jiddaħħlu wara l-kelma “il-Kunsill”.

(m)Fl-Artikolu 65a, il-kliem “jew, skont il-każ, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA” għandhom jiddaħħlu wara l-kelma “EIOPA”.

(n)Fl-Artikolu 70, ir-referenzi għal “banek ċentrali tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ)” u “banek ċentrali tas-SEBĊ” għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(o)Fl-Artikolu 138(4), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kelma “EIOPA” għandha tinqara “l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” u l-kliem “kif iddikjarat mill-AEAPX” għandhom jinqraw “kif iddikjarat mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA abbażi tal-abbozzi mħejjija mill-EIOPA”.

(p)Informazzjoni li toriġina fl-Istati tal-EFTA m’għandhiex tiġi skambjata mill-EIOPA bħala parti minn arranġamenti ta’ kooperazzjoni konklużi ma’ pajjiż terz jew l-awtoritajiet tiegħu skont l-Artikoli 172 (4)(e) jew 260(5)(e) mingħajr il-qbil espress tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu żvelawha u, fejn xieraq, biss għall-iskopijiet li dawk l-awtoritajiet qablu magħhom.

(q)Fl-Artikolu 308b(15), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “23 ta’ Mejju 2014” għandhom jinqraw “id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru …/… ta’… [din id-deċiżjoni]”.”.

2.L-inċiż li ġej qed jiżdied fil-punti 29b (id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), 31eb (ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u 31i (ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

-32014 L 0051: Id-Direttiva 2014/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2014 (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 1)."

3.Dan li ġej jiżdied mal-punt 31h (ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“, kif emendat bi:

-32014 L 0051: Id-Direttiva 2014/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 1).”

Artikolu 2

It-test tad-Direttiva 2014/51/UE bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE*.

2Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President
   
   
   
   Is-Segretarji
   għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
   

(1)    ĠU L 153, 22.5.2014, p. 1.
(2) *    [Ma huma indikati ebda rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
Top