EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0334

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

COM/2018/334 final - 2018/0173 (CNS)

Brussell, 25.5.2018

COM(2018) 334 final

2018/0173(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

{SEC(2018) 254 final}
{SWD(2018) 258 final}
{SWD(2018) 259 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Is-sistema tal-UE għat-taxxi tas-sisa armonizzati hija ddefinita b’diversi atti legali. Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa, b’enfasi partikolari fuq il-produzzjoni, il-ħżin u l-moviment ta’ prodotti soġġetti għas-sisa bejn l-Istati Membri. Il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku huma koperti bid-Direttiva 2003/96/KE u t-tabakk manifatturat huwa kopert bid-Direttiva 2011/64/UE.

Id-Direttiva 92/83/KEE dwar l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku tistabbilixxi r-regoli komuni dwar l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa applikati għall-alkoħol u għax-xorb alkoħoliku. Id-Direttiva 92/83/KEE tiddefinixxi u tikklassifika t-tipi differenti ta’ alkoħol u xorb alkoħoliku skont il-karatteristiċi tagħhom u tipprovdi qafas legali għar-rati mnaqqsa, l-eżenzjonijiet u d-derogi f’xi setturi.

Mill-adozzjoni tad-Direttiva fl-1992, l-ewwel u l-unika evalwazzjoni nbdiet fl-2014. Għalhekk, id-Direttiva ġiet identifikata mill-Kummissjoni biex tiġi evalwata skont il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni 1 . Fl-Anness II tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 2 tħabbret inizjattiva REFIT dwar din id-Direttiva u d-Direttiva 2008/118/KE. Flimkien ma’ din il-proposta, il-Kunsill se jiġi ppreżentat ukoll proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2008/118/KE.

Id-Direttiva mhijiex tlaħħaq mal-isfidi u mal-opportunitajiet li joffru t-teknoloġiji u l-iżviluppi l-ġodda fl-industrija tal-alkoħol. Ġew identifikati xi problemi u għad hemm xi ineffiċjenzi li jistgħu joħolqu distorsjonijiet tas-suq intern. Id-diversità kbira fil-livelli tad-dazju bejn l-Istati Membri 3 , li tipprovdi inċentiv kbir għall-evażjoni tat-taxxa flimkien ma’ dgħufijiet oħra fit-tfassil tat-taxxa, teħtieġ li jintużaw proċeduri amministrattivi onerużi kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi. Dawn l-ispejjeż amministrattivi u ta’ konformità sproporzjonati għall-operaturi ekonomiċi jillimitaw il-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi żgħar u medji fil-kummerċ intra-UE tal-alkoħol u tax-xorb alkoħoliku.

Ir-rakkomandazzjonijiet u s-sejbiet tal-evalwazzjoni 4 tqiesu fir-rapport tal-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill f’Ottubru 2016 5 . F’Diċembru tal-2016 l-Istati Membri appoġġaw b’mod unanimu s-sejħa għal reviżjoni tad-Direttiva u sussegwentement il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2016 6 fejn il-Kummissjoni ntalbet twettaq l-istudji u l-konsultazzjoni meħtieġa biex tippreżenta proposta għal reviżjoni.

L-istudju u l-valutazzjoni tal-impatt iffukaw fuq l-istess oqsma ewlenin imsemmija fir-rapport tal-Kummissjoni u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, jiġifieri:

·In-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għall-alkoħol żnaturat. Il-proposta tikkjarifika l-Artikoli rilevanti tad-Direttiva biex iżżid iċ-ċertezza tad-dritt.

·In-nuqqasijiet fil-klassifikazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku. Il-proposta taqsam il-kategorija “xorb ieħor iffermentat” f’żewġ subkategoriji. L-ewwel subkategorija se żżomm it-trattament attwali, filwaqt li t-tieni waħda se tiddefinixxi u tindirizza b’mod separat ix-xorb ieħor iffermentat b’mod tradizzjonali.

·In-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa għall-produtturi ż-żgħar u għax-xorb alkoħoliku b’qawwa alkoħolika baxxa. Proposta għall-estensjoni tar-rati mnaqqsa għall-produtturi ż-żgħar tas-sidru u għaż-żieda fil-livell limitu fejn jistgħu jiġu applikati r-rati mnaqqsa għall-birra. Qed jiġi propost ukoll l-iżvilupp ta’ ċertifikat uniformi fl-UE kollha għall-birreriji żgħar u indipendenti u għall-produtturi tas-sidru.

·Dispożizzjonijiet mhux ċari għall-kejl tal-gradi Plato 7 għall-birra ħelwa jew aromatizzata. Il-proposta tikkjarifika l-Artikoli rilevanti biex iżżid iċ-ċertezza tad-dritt.

L-istudju tal-2017 adotta approċċ ġenerali għall-problemi li jistgħu jinqalgħu, li ġew identifikati b’sorsi differenti, relatati mal-funzjonament tad-Direttiva 92/83/KEE. L-analiżi ta’ segwitu taż-żewġ studji wasslet għall-konklużjoni li mhux l-aspetti kollha tal-oqsma problematiċi kienu jeħtieġu azzjoni tal-UE. Għalhekk, ġew identifikati l-oqsma li ġejjin fil-konklużjonijiet tal-Kunsill li mhumiex indirizzati f’din il-proposta:

·l-estensjoni għal xorb ieġor (jiġifieri l-etanol) tal-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa għall-produzzjoni privata tax-xorb iffermentat (jiġifieri birra, inbid u xorb ieħor iffermentat) maħsub għall-konsum fil-familja. Ma ttieħdux passi aktar dwar dan minħabba r-riskji għas-saħħa u tal-frodi assoċjati u minħabba n-nuqqas ta’ appoġġ mill-Istati Membri.

·l-estensjoni tar-rati mnaqqsa għall-produtturi ż-żgħar tal-inbid u tal-inbejjed imqawwija. Ittieħdet id-deċiżjoni li ma tiġix indirizzata din il-kwistjoni peress li l-introduzzjoni tagħha mhu se ġġib l-ebda benefiċċju għal dawn il-produtturi ż-żgħar.

·it-tnaqqis tar-rati tat-taxxa tas-sisa għall-inbid b’qawwa alkoħolika baxxa, għall-etanol u għall-prodotti intermedjarji. Ittieħdet id-deċiżjoni li dan il-punt ma jitkompliex peress li l-konformità tad-definizzjonijiet ta’ dawn il-prodotti fil-livell tal-UE, effettivament ma twassal għall-ebda benefiċċju.

L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE biex jitjieb il-qafas regolatorju biex ikun ta’ benefiċċju għan-negozji, għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta żżomm l-għanijiet tad-Direttiva 92/83/KEE li kienu kompletament konformi mal-politiki u l-għanijiet eżistenti rilevanti għall-istrutturi tat-taxxa tas-sisa applikati għall-alkoħol u għax-xorb alkoħoliku.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-Istrateġija għal Suq Uniku tal-2015 8 , fejn il-Kummissjoni għandha l-għan li telimina d-differenzi fil-livell nazzjonali biex tiżgura u ttejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku.

Il-miżura proposta dwar l-alkoħol żnaturat hija konsistenti mar-rekwiżiti tal-Artikolu 168 tat-TFUE fejn il-Kummissjoni tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Din il-miżura għandha l-għan li tnaqqas il-frodi fiskali u l-impatti negattivi fuq is-saħħa tal-alkoħol żnaturat li jista’ jintuża biex jiġi prodott l-alkoħol illeċitu.

Bħalissa, l-impatti fuq is-saħħa tar-rati mnaqqsa għall-produtturi ż-żgħar tas-sidru u tal-birra b’qawwa alkoħolika baxxa ma jistgħux jiġu determinati b’mod konklużiv. Madankollu, dawn mhux mistennija jkunu sinifikanti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 113 tat-TFUE. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, li jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea 9 , l-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu sew mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

Is-sors tal-kumplikazzjonijiet attwali għall-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa tal-alkoħol żnaturat, għall-klassifikazzjoni ta’ ċertu xorb alkoħoliku, għall-istatus tal-birreriji żgħar u indipendenti u għall-kejl tal-grad Plato huwa preċiżament in-nuqqas ta’ regoli ċari fil-livell tal-UE. Id-deċiżjonijiet meħuda b’mod unilaterali mill-Istati Membri joħolqu kumplessità addizzjonali u inċertezza tad-dritt. L-estensjoni tar-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa għall-produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti mhix possibbli peress li d-Direttiva effettivament tipprevjeni li l-Istati Membri jikkoreġu dan l-iżbilanċ billi dawn jistgħu japplikaw rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa għall-produtturi ż-żgħar tal-birra u tal-etanol iżda mhux għall-produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti. Dan jgħodd ukoll għal-livell limitu tal-alkoħol b’qawwa alkoħolika baxxa.

Il-biċċa l-kbira tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri indikaw li jeħtieġ li jittejbu d-definizzjonijiet u r-regoli komuni tal-alkoħol u tax-xorb alkoħoliku għall-finijiet tas-sisa fil-livell tal-UE. Dan huwa rifless fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-6 ta’ Diċembru 2016, fejn il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex twettaq l-istudji meħtieġa biex tħejji proposta leġiżlattiva possibbli għar-reviżjoni tad-Direttiva 92/83/KEE.

Proporzjonalità

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta’ proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ikkonċernati u, b’dak il-mod, jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat biex jiġi żgurat li s-suq intern jaħdem b’mod tajjeb u effettiv. B’mod partikolari, l-estensjoni proposta tar-rati mnaqqsa għall-produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti se ttejjeb il-kompetittività ta’ dawn il-produtturi u l-effetti negattivi ikunu limitati f’termini ta’ dħul mitluf u ta’ piżijiet amministrattivi, u tpoġġihom fuq l-istess livell tal-produtturi ż-żgħar tal-birra u tal-etanol.

Għażla tal-istrument

Qed tiġi proposta Direttiva biex temenda d-Direttiva 92/83/KEE. L-ebda inizjattiva nazzjonali, bilaterali jew internazzjonali oħra ma tipprovdi l-istess livell ta’ effettività f’termini ta’ funzjonament tas-suq intern u ta’ monitoraġġ u kontroll tal-alkoħol soġġett għas-sisa. Bl-istess mod, jinkiseb valur miżjud sinifikanti mill-istabbiliment ta’ definizzjonijiet u regoli komuni tal-alkoħol u tax-xorb alkoħoliku għall-finijiet tas-sisa fil-livell tal-UE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Waqt li kienet qed titħejja din il-proposta, ġew evalwati r-regoli eżistenti dwar l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa applikati għall-alkoħol u għax-xorb alkoħoliku. Bejn l-2014 u l-2016 twettaq studju estern (evalwazzjoni) minn konsulent 10 . Ir-rakkomandazzjonijiet u s-sejbiet tal-istudju estern (evalwazzjoni) tqiesu fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni (SWD) ippreżentat lill-Kunsill f’Ottubru tal-2016 11 . F’Diċembru tal-2016 l-Istati Membri appoġġaw b’mod unanimu s-sejħa għal reviżjoni tad-Direttiva, u sussegwentement il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2016 12 fejn il-Kummissjoni ntalbet twettaq l-istudji u l-konsultazzjoni meħtieġa biex tippreżenta proposta għal reviżjoni. Fl-2017, konsulent ieħor 13 wettaq studju estern dwar l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-istrateġija ta’ konsultazzjoni kellha l-għan li tiġbor il-feedback mill-partijiet ikkonċernati dwar ir-regoli attwali għall-istrutturi tat-taxxi tas-sisa applikati għall-alkoħol u għax-xorb alkoħoliku u biex jiġbru l-fehmiet tagħhom dwar it-tibdil possibbli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

L-istrateġija kienet tikkonsisti minn (i) konsultazzjoni dettaljata ta’ 161 parti kkonċernata f’diversi Stati Membri u fil-livell tal-UE u (ii) konsultazzjoni pubblika miftuħa fuq l-internet li saret matul 12-il ġimgħa, mit-18 ta’ April 2017 sal-11 ta’ Lulju 2017, fejn waslu 166 kontribuzzjoni. Ir-rapport fil-qosor tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati huwa disponibbli fl-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja din il-proposta.

Konsulent estern għen lill-Kummissjoni biex twettaq Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa ħalli jinġabru l-kummenti u l-feedback tal-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjonijiet identifikati u l-għażliet possibbli għal reviżjoni tad-Direttiva.  

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta hija bbażata fuq l-analiżi tal-istudju ta’ evalwazzjoni li sar bejn l-2014 u l-2016, ir-rapport tal-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill f’Ottubru 2016 u l-istudju li sar fl-2017. L-istudju tal-2017 ġabar u analizza l-evidenza tal-ispejjeż u l-benefiċċji eżistenti li jirriżultaw mid-Direttiva, biex tiġi ddeterminata l-iskala tal-problemi identifikati fl-istudju ta’ evalwazzjoni. Dan l-istudju żviluppa l-għażliet biex jiġu emendati r-regoli attwali, u vvaluta l-impatti ekonomiċi u soċjali ta’ dawn l-għażliet.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta ġiet eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fl-24 ta’ Jannar 2018. Il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva, b’ċerti riżervi, dwar il-proposta, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet, li tqiesu f’din il-valutazzjoni. B’mod partikolari, ġew espressi xi riżervi dwar il-valutazzjoni tal-effetti ġenerali tal-miżuri REFIT proposti f’termini tas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. L-opinjoni tal-Bord, ir-rakkomandazzjonijiet u l-ispjegazzjoni ta’ kif tqiesu, huma inklużi fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-proposta.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ir-reviżjoni tad-Direttiva hija parti mill-programm REFIT tal-Kummissjoni. L-evidenza miġbura fl-evalwazzjoni u l-feedback mill-applikazzjoni ta’ kuljum tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva wasslet għall-konklużjoni li kien hemm nuqqas perċettibbli taċ-ċertezza tad-dritt, anke jekk dan huwa diffiċli biex jitkejjel, dwar it-trattament ta’ prodotti speċifiċi li jistgħu joħolqu spejjeż addizzjonali potenzjali għall-operaturi ekonomiċi. Ħafna mill-problemi identifikati kienu speċifiċi għal ċerti swieq jew għal ċerti prodotti. F’termini tal-għanijiet ta’ REFIT, dawn jiffukaw b’mod partikolari fuq dawk l-oqsma fejn l-operaturi ekonomiċi josservaw spejjeż u piżijiet regolatorji eċċessivi. Aktar milli fuq dawn l-ispejjeż u l-piżijiet, il-proposta tiffoka fuq l-ispejjeż u l-piżijiet regolatorji żejda, li jistgħu jiġu evitati li kieku d-Direttiva taħdem aħjar. Il-proposta tiffoka l-aktar fuq l-ispejjeż ta’ intrigu żejjed li jirriżultaw min-nuqqas ta’ inċertezza tad-dritt relatati mat-trattament ta’ prodotti speċifiċi. Il-kjarifika tal-eżenzjoni għall-użijiet indiretti tal-alkoħol żnaturat parzjalment se tiżgura t-trattament aktar ġust fl-UE kollha u se tnaqqas l-ispejjeż għall-utenti fil-minoranza tal-Istati Membri li bħalissa ma jqisux li l-alkoħol żnaturat kompletament li jintuża għal dawn l-użijiet indiretti jikkwalifika għal din l-eżenzjoni.

Il-piż amministrattiv annwali li jirriżulta mill-estensjoni proposta tal-iskema ta’ rata mnaqqsa għall-produtturi ż-żgħar tas-sidru hija stmata għal EUR 178 għal kull produttur tas-sidru jew għal total aggregat ta’ EUR 200 000 fis-sena. Dawn il-piżijiet jixbhu ħafna lil dawk li jiltaqgħu magħhom il-birreriji ż-żgħar li jibbenefikaw minn din l-iskema. Għal aktar informazzjoni ara t-Taqsima 8 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta dwar l-ispejjeż u l-piżijiet ta’ din id-Direttiva.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa, kumitat konsultattiv dwar kwistjonijiet tas-sisa li fih jieħdu sehem rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u li huwa ppresedut mill-Kummissjoni, se jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-emendi proposti tad-Direttiva u se jiddiskuti u jikkjarfika kwistjonijiet ta’ interpretazzjonijiet differenti possibbli bejn l-Istati Membri dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida.

Il-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa se jirrapporta dwar il-problemi kollha ta’ implimentazzjoni u dwar l-evoluzzjoni tal-problemi ta’ funzjonament tad-Direttiva u se jiddiskuti u jikkjarfika kwistjonijiet ta’ interpretazzjonijiet differenti possibbli bejn l-Istati Membri relatati mal-leġiżlazzjoni l-ġdida. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jevalwaw il-funzjonament tal-evoluzzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni l-ġdida mill-inqas ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, biex is-swieq ikollhom ċans jaġġustaw ruħhom u jilħqu jimmaterjalizzaw ir-riżultati u l-impatti.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni mhumiex meħtieġa għax il-proposta għandha l-għan li tissimplifika u tiċċara is-sistema eżistenti.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-punt 1 tal-Artikolu 1 jimmodifika l-Artikolu 3 biex jikkjarifika d-dispożizzjonijiet dwar il-kejl tal-gradi Plato tal-birra.

Il-punt 2 tal-Artikolu 1 jimmodifika l-Artikolu 4 biex jipprovdi ċertifikat uniformi għall-birreriji ż-żgħar indipendenti fl-UE kollha. Dan se jtejjeb il-funzjonalità transfruntiera tal-għajnuna eżistenti għall-birreriji ż-żgħar.

Il-punt 3 tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 5 biex jiżdied il-livell limitu fejn jistgħu jiġu applikati r-rati mnaqqsa għall-birra b’qawwa alkoħolika baxxa.

Il-punt 4 tal-Artikolu 1 jimmodifika l-Artikolu 12 biex tiġi introdotta definizzjoni ta’ “sidru”. Dan se jiffaċilita wkoll l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa għall-produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti, li se jiġu introdotti fil-punt 6.

Il-punt 5 tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 13 biex iqis ir-rati mnaqqsa mhux obbligatorji għall-produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti, introdotti fil-punt 6.

Il-punt 6 tal-Artikolu 1 idaħħal l-Artikolu 13a biex jintroduċi r-rati mnaqqsa mhux obbligatorji għall-produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti.

Il-punt 7 tal-Artikolu 1 jimmodifika l-Artikolu 27 biex jikkjarifika d-dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet għall-alkoħol żnaturat u biex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għall-operaturi ekonomiċi u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Il-punt 8 tal-Artikolu 1 iħassar l-Artikolu 28 li bħalissa jippermetti lir-Renju Unit japplika eżenzjonijiet għal ċerti prodotti li ma għadhomx eżentati fir-Renju Unit.

Il-punt 9 tal-Artikolu 1 idaħħal l-Artikolu 28a li jagħti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

2018/0173 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 14 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 15 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi: 

(1)Xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE 16 huma skaduti u mhux ċari u b’hekk jirriżultaw fi proċeduri amministrattivi onerużi ta’ bla bżonn kemm għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi. L-ispejjeż għall-operaturi ekonomiċi biex jikkonformaw ma’ dawk il-proċeduri jillimitaw il-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi żgħar u medji fil-kummerċ tal-alkoħol u tax-xorb alkoħoliku fis-suq intern.

(2)Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet li jiffissaw it-taxxi tas-sisa fuq il-birra, u b’mod partikolari rigward il-kejl tal-gradi Plato għall-birra ħelwa jew aromatizzata, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-kejl tal-gradi Plato.

(3)Il-qawwa alkoħolika tal-birra li fuqha jistgħu jiġu applikati rati mnaqqsa għall-birra b’qawwa alkoħolika baxxa, ġeneralment tkun baxxa wisq biex tipprovdi xi inċentiv tanġibbli għall-birreriji biex ikunu innovattivi u joħolqu prodotti ġodda b’qawwa alkoħolika baxxa. Biex jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ birra b’qawwa alkoħolika baxxa, jenħtieġ li jiżdied il-livell limitu fejn jistgħu jiġu applikati r-rati mnaqqsa għall-birra b’qawwa alkoħolika baxxa.

(4)Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni ta’ ċertu xorb bħala “xorb ieħor iffermentat” u tiġi indirizzata l-inċertezza tad-dritt li tikkawża t-trattament differenti ta’ dak ix-xorb fis-suq intern, jeħtieġ li tiġi stabbilita d-definizzjoni tat-terminu “sidru”.

(5)L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa għall-birra u għall-etanol prodotti f’volumi żgħar minn produtturi żgħar u indipendenti. Biex is-sidru ma jiġix ittrattat b’mod differenti mill-birra u mill-etanol, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom ukoll is-setgħa li japplikaw rati mnaqqsa għas-sidru prodott f’volumi żgħar minn produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti.

(6)Biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-istatus tagħhom bħala produtturi żgħar u indipendenti fl-Istati Membri kollha, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fuq il-birra u s-sidru, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni għall-istabbiliment ta’ struttura ta’ ċertifikat uniformi li jikkonferma l-produzzjoni annwali tal-produttur żgħir u l-konformità tagħha mal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 92/83/KEE. Jenħtieġ li dawn is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 .

(7)Biex jitnaqqas il-piż minn fuq l-operaturi ekonomiċi biex jikkonformaw u biex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li jiġu riveduti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għal kull tip ta’ alkoħol żnaturat.

(8)Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-eżenzjoni għall-alkoħol żnaturat kompletament, jeħtieġ li jiġu kkjarifikati aktar il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-alkoħol żnaturat kompletament. Sabiex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt jeħtieġ li jiġu kkjarfikati wkoll il-proċeduri tal-bidliet għan-notifika tar-rekwiżiti għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol.

(9)Biex jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-Istati Membri għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni biex taċċetta jew tiċħad ir-rekwiżiti għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol notifikat mill-Istati Membri. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(10)Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-eżenzjoni għall-alkoħol żnaturat parzjalment, jeħtieġ li jiġu kkjarifikati l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-alkoħol żnaturat parzjalment u li jiġi stabbilit li l-manutenzjoni u t-tindif tat-tagħmir tal-manifattura huma parti mill-proċess ta’ manifattura u għalhekk l-alkoħol żnaturat parzjalment li jintuża għal dak il-għan, huwa kopert mill-eżenzjoni. Biex jitnaqqas l-użu frawdolenti ta’ dik l-eżenzjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti aktar kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha.

(11)L-eżenzjonijiet għar-Renju Unit stabbiliti fir-rigward ta’ żewġ xarbiet alkoħoliċi speċifiċi kienu jirriflettu l-eżenzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Renju Unit. Peress li dawk l-eżenzjonijiet mit-taxxa tas-sisa armonizzata tħassru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Renju Unit, dawn ma baqgħux rilevanti u jenħtieġ li jitneħħew fil-livell tal-Unjoni.

(12)Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jitnaqqsu l-piż ta’ konformità tal-operaturi ekonomiċi u l-piż amministrattiv għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, ma jistgħux jinkisbu sew mill-Istati Membri, iżda minħabba l-effetti tal-azzjoni, aktar jistgħu jinkisbu fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(13)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 92/83/KEE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 92/83/KEE hija emendata kif ġej:

(1) fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ingredjenti kollha tal-birra, anke dawk li jiżdiedu wara l-fermentazzjoni, għandhom jitqiesu biex jitkejlu l-gradi Plato.”;

(2) fl-Artikolu 4, jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:

“4. L-Istati Membri għandhom, fuq talba, jipprovdu ċertifikat lill-birreriji żgħar indipendenti stabbiliti fit-territorju tagħhom li jikkonferma l-produzzjoni totali annwali tagħhom ta’ birra u l-konformità tagħhom mal-kriterji tal-paragrafu 2.

5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-istruttura taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28a(2).”;

(3) fl-Artikolu 5, il-kliem “2,8 %” huma sostitwiti bil-kliem “3,5 %”;

(4) fl-Artikolu 12, jiżdied il-punt 3 li ġej:

“3. It-terminu “sidru”jfisser xorb li għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum li teċċedi 1,2 % vol iżda li ma teċċedix 8,5 % vol, miksub biss mill-fermentazzjoni tal-meraq tat-tuffieħ jew tal-lanġas, jew tat-tnejn li huma, u mingħajr ma jiżdied ebda alkoħol jew xorb alkoħoliku ieħor.”;

(5) fl-Artikolu 13(2) il-kliem “Ħlief skond kif hemm provdut fil-paragrafu 3” huwa sostitwit bil-kliem “Ħlief kif hemm previst fil-paragrafu 3 u fl-Artikolu 13a”;

(6) jiżdied l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 13a

1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsa ta’ dazju, li jistgħu jkunu differenzjati skont il-produzzjoni annwali tal-produtturi tas-sidru inkwistjoni, għas-sidru magħmul minn produtturi tas-sidru żgħar indipendenti fi ħdan il-limiti segwenti:

- ir-rati mnaqqsa m’għandhomx ikunu applikati għall-intrapriżi li jipproduċu iżjed minn 15 000 ettolitru ta’ sidru fis-sena,

- ir-rati mnaqqsa, li jistgħu jaqgħu taħt ir-rata minima, m’għandhomx ikunu ffissati għal iżjed minn 50 % taħt ir-rata standard nazzjonali tat-taxxa tas-sisa għas-sidru.

2. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “produttur tas-sidru żgħir u indipendenti” għandu jfisser produttur tas-sidru li huwa legalment u ekonomikament indipendenti minn kull produttur tas-sidru ieħor, li juża l-bini li jinsab fiżikament lil hinn minn dak ta’ xi produttur tas-sidru ieħor u li ma joperax bil-liċenzja. Madankollu, jekk żewġ produtturi tas-sidru żgħar jew aktar jikkoperaw, u l-produzzjoni annwali tagħhom flimkien ma teċċedix il-15 000-il ettolitru, dawk il-produtturi tas-sidru jistgħu jkunu ttrattati bħala produttur tas-sidru żgħir u indipendenti wieħed.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull rata mnaqqsa li jintroduċu tapplika ugwalment għas-sidru ttrasportat fit-territorju tagħhom minn produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari dawn għandhom jassiguraw li l-ebda kunsinna individwali minn Stat Membru ieħor ma teħel qatt iżjed dazju mill-ekwivalenti nazzjonali preċiż tagħha.

4. L-Istati Membri għandhom, fuq talba, jipprovdu ċertifikat lill-produtturi tas-sidru żgħar u indipendenti stabbiliti fit-territorju tagħhom li jikkonferma l-produzzjoni totali annwali tagħhom ta’ sidru tal-produttur tas-sidru u l-konformità tagħhom mal-kriterji tal-paragrafu 2.

5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-istruttura taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28a(2).”;

(7) l-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i) il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mit-taxxa tas-sisa taħt il-kundizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jkun evitat kull evażjoni, ħelsien jew abbuż:”;

(ii) il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) meta jitqassam fil-forma ta’ alkoħol żnaturat kompletament fi kwalunkwe Stat Membru skont ir-rekwiżiti ta’ dak l-Istat Membru, jew fil-forma ta’ alkoħol żnaturat li jkun ġie importat fi Stat Membru u ġie żnaturat skont ir-rekwiżiti ta’ dak l-Istat Membru, fejn dawk ir-rekwiżiti jkunu ġew innotifikati kif xieraq bil-miktub u awtorizzati skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu;”;

(iii) il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) meta jintuża bħala parti mill-proċess ta’ manifattura ta’ xi prodott li mhuwiex għall-konsum mill-bnedmin, inkluż għall-manutenzjoni u t-tindif tat-tagħmir tal-manifattura, bil-kundizzjoni li l-alkoħol ikun ġie żnaturat skont ir-rekwiżiti tal-Istat Membru li fih iseħħ dak il-proċess ta’ manifattura:”

(b) jiżdied il-paragrafu li ġej:

“1A. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(b) l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-[kapitolu 4 tad-Direttiva 2008/118/KE] għall-moviment ta’ kull prodott li fih l-alkoħol u li mhuwiex għall-konsum mill-bnedmin:

- meta l-proċess ta’ manifattura ma jkunx tlesta u l-prodott inkwistjoni ma jkunx fil-forma lesta tiegħu, jew

- meta l-prodott inkwistjoni jkun fih alkoħol ta’ qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ 90 % jew aktar.”;

(c) il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3. Stat Membru li jixtieq idaħħal bidla fir-rekwiżiti għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol imsemmi fil-paragrafu 1(a), għandu jinnotifika dawk ir-rekwiżiti l-ġodda lill-Kummissjoni bil-miktub, flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-iżnaturanti li beħsiebha tħaddem.

Jekk il-Kummissjoni tqis li ma għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, għandha tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien xahar minn meta tirċievi dik l-informazzjoni u tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa. Hekk kif il-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni kollha li tqis li hi meħtieġa, din għandha tibgħat in-notifika lill-Istati Membri fi żmien xahar.”;

(d) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jawtorizzaw jew jiċħdu r-rekwiżiti notifikati skont il-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28a(2).”;

(8) l-Artikolu 28 jitħassar;

(9) fit-Taqsima VIII, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 28a

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejuna mill-Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2020, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2020.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/refit-making-eu-law-simpler-and-less-costly/refit-platform_mt.
(2)    COM(2016) 710 final
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimizzazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29, tistabbilixxi r-rati minimi tas-sisa. Filwaqt li proposta għal emenda tad-Direttiva 92/84/KEE tista’ tnaqqas l-inċentiv għall-evażjoni tat-taxxa u tħalli impatt pożittiv fuq is-saħħa pubblika, din il-valutazzjoni tal-impatt mhux se tiffoka fuq dan, minħabba l-appoġġ limitat tal-partijiet ikkonċernati u l-esperjenza preċedenti tal-Kummissjoni li tipproponi emenda ta’ din id-Direttiva.
(4)    Ramboll Management Consulting, Coffey, Europe Economics, “Evaluation of Council Directive 92/83/EEC on the harmonisation of the structures of excise duties on alcohol and alcoholic beverages”, 2016
(5)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku [traduzzjoni mhux uffiċjali], Brussell, 28.10.2016, COM (2016) 676 final.
(6)    http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15009-2016-INIT/mt/pdf
(7)    Il-metodu Plato jfittex li jagħti stima dwar il-konċentrazzjoni tal-estratt f’likwidu bħala perċentwal skont il-piż. Iż-żieda taz-zokkor jew tal-aromi fil-birra wara l-fermentazzjoni tista’ taffettwa b’mod artifiċjali l-grad Plato tagħha.
(8)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji (COM (2015) 550 final) p. 4.
(9)    Il-verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 13).
(10)    Ramboll Management Consulting, Coffey, Europe Economics, “Evaluation of Council Directive 92/83/EEC on the harmonisation of the structures of excise duties on alcohol and alcoholic beverages”, 2016
(11)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, Brussell, 28.10.2016, COM (2016) 676 final.
(12)    http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15009-2016-INIT/mt/pdf
(13)    Grupp immexxi minn Economisti Associati s.r.l., li jinkludi ċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS), iċ-Ċentru għar-Riċerka Ekonomika u Soċjali (CASE - Center for Social and Economic Research), wedoIT-solutions GmbH u ECOPA wettaq l-istudju bl-isem ta’ “Study on Council Directive 92/83/EEC on the structures of excise duty on alcohol and alcoholic beverages”
(14)    ĠU C , , p. .
(15)    ĠU C , , p. .
(16)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21).
(17)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
Top