EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0324

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri

COM/2018/324 final - 2018/0136 (COD)

Brussell, 2.5.2018

COM(2018) 324 final

2018/0136(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi

Kif spjegat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ Frar 2018 “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020 1 , l-Unjoni hija komunità ta’ dritt u l-valuri tagħha jikkostitwixxu l-bażi stess tal-eżistenza tagħha. Dawn jidħlu fl-istruttura ġuridiku u istituzzjonali kollha tagħha u fil-politiki u fil-programmi kollha tagħha. Għalhekk ir-rispett ta’ dawn il-valuri jrid jiġi żgurat fil-politiki kollha tal-Unjoni. Dan jinkludi fil-baġit tal-UE, fejn ir-rispett tal-valuri fundamentali huwa prekundizzjoni essenzjali għall-ġestjoni finanzjarja soda u effettiva tal-fondi tal-UE. Ir-rispett tal-istat tad-dritt huwa importanti għaċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll għall-inizjattivi kummerċjali, għall-innovazzjoni u għall-investiment. L-ekonomija Ewropea tiffjorixxi l-aktar meta l-qafas ġuridiku u istituzzjonali jaderixxi bis-sħiħ mal-valuri komuni tal-Unjoni.

Il-potenzjal tal-baġit tal-UE jista’ jinkiseb kompletament, biss jekk l-ambjent ekonomiku, regolatorju u amministrattiv fl-Istati Membri jkun wieħed ta’ appoġġ. Bil-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, l-Istati Membri kollha u l-benefiċjarji diġà huma meħtieġa juru li l-qafas regolatorju tal-ġestjoni finanzjarja huwa sod, li r-regolamentazzjoni rilevanti tal-UE tkun qed tiġi implimentata b’mod korrett, u li teżisti l-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali meħtieġa biex il-finanzjament tal-UE jkun suċċess. Barra minn hekk, il-kondizzjonalità politika tista’ trawwem kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’oqsma fejn l-ekonomiji ta’ skala jew l-esternalitajiet huma sinifikanti. Ġew introdotti wkoll dispożizzjonijiet ġodda skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014 – 2020 biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-effettività tal-finanzjament tal-UE tkun imxekkla minn politiki ekonomiċi u fiskali mhux sodi.

Ir-rispett effettiv tal-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-fiduċja li l-infiq tal-UE fl-Istati Membri huwa protett biżżejjed. Kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt”, 2 l-istat tad-dritt huwa s-sinsla ta’ kull demokrazija kostituzzjonali moderna. Huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, dan huwa wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll bil-Preamboli tat-Trattat u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan jiżgura li l-azzjonijiet mill-Istat jitwettqu f'qafas ġuridiku effettiv u affidabbli, li jkunu jistgħu jiġu skrutinizzati u jekk meħtieġ sfidati, u li jkun jista’ jingħata rimedju effettiv.

Il-kostituzzjonijiet u s-sistemi ġudizzjarji differenti tal-Istati Membri tal-UE huma, fil-prinċipju, imfassla tajjeb biex jiżgura l-istat tad-dritt u mgħammra b’salvagwardji intrinsiċi biex jipproteġu liċ-ċittadini kontra kull theddida għall-istat tad-dritt. Madankollu, għadd ta’ avvenimenti reċenti wrew dgħufijiet ġeneralizzati fis-sistemi nazzjonali ta’ kontroll u bilanċ u wrew kif nuqqas ta’ rispett għall-istat tad-dritt jista’ jsir kwistjoni ta’ tħassib serju u komuni fl-Unjoni Ewropea kollha. Ir-riżultat kien talba ċara minn istituzzjonijiet bħall-Parlament Ewropew kif ukoll mill-pubbliku inġenerali lill-UE biex jittieħdu azzjonijiet biex jiġi protett l-istat tad-dritt.

Din l-azzjoni ttieħdet bl-għodod disponibbli u nkisbu riżultati. Madankollu, meta wieħed iqis ir-rabta bejn ir-rispett lejn l-istat tad-dritt u l-fiduċja reċiproka u s-solidarjetà finanzjarja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u li l-mekkaniżmi ta’ kontroll ma jistgħux ikunu effettivi sakemm ma jkunux sostnuti minn applikazzjoni effettiva ta’ kontroll amministrattiv u legali u minn rimedji fil-każ ta’ għemil ħażin, l-obbligi eżistenti li jiġu żgurati sistemi effettivi ta’ kontroll jenħtieġ li jkunu ssupplimentati minn miżuri li jiżguraw ir-rispett tal-istat tad-dritt.

Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra r-riskju ta’ telf finanzjarju kkawżat minn nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward l-istat tad-dritt f’xi Stat Membru, l-Unjoni Ewropea jenħtieġ tingħatalha l-possibbiltà tadotta miżuri xierqa f’każijiet bħal dawn. Dan jenħtieġ ikun fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill wara proposta mill-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill, sakemm dan ma jiddeċidix, b’maġġoranza kwalifikata, li jiċħad il-proposta tal-Kummissjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew ukoll jenħtieġ li jkun involut bis-sħiħ fl-istadji kollha.

Jeħtieġ li l-miżuri jiġu adottati f’rispett sħiħ tal-prinċipji tat-trasparenza u tal-proporzjonalità. Huwa wkoll importanti li jiġi żgurat li l-konsegwenzi tal-miżuri jkollhom rabta suffiċjenti mal-għan tal-finanzjament. Dan juri wkoll il-bżonn li jiġi żgurat li l-konsegwenzi jaqgħu fuq dawk responsabbli għan-nuqqasijiet identifikati. Għalhekk, jenħtieġ jiġi rifless il-fatt li l-benefiċjarji individwali tal-finanzjament tal-UE, bħalma huma l-istudenti f’Erasmus, ir-riċerkaturi jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ma jistgħux jitqiesu bħala responsabbli għal dan il-ksur.

Din il-proposta tistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward l-istat tad-dritt fl-Istati Membri Il-proposta tista’ tkun integrata fir-Regolament Finanzjarju abbażi tal-istess bażi ġuridika, meta ssir ir-reviżjoni tiegħu fil-futur.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika

Il-proposta se tikkontribwixxi għall-iżgurar tar-rispett għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha f’konformità mal-Artikolu 2 TUE u biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Billi tikkontribwixxi biex jiġi żgurat ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni xierqa tal-baġit tal-Unjoni, il-proposta se tappoġġa l-politiki l-oħra kollha tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-fondi tal-Unjoni.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS- SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 322(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fuq l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Is-Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Ir-regoli finanzjarji li jirregolaw il-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ma setgħux jiġu adottati fil-livell tal-Istati Membri.

Il-proporzjonalità

Il-proposta tipprevedi miżuri proporzjonati għal nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt, inklużi s-sospensjoni u t-tnaqqis ta’ finanzjament taħt impenji eżistenti, jew il-projbizzjoni li jiġu konklużi impenji ġodda ma’ kategoriji speċifiċi ta’ benefiċjarji. Il-proporzjonalità se tkun żgurata b’mod partikulari billi jitqiesu s-serjetà tas-sitwazzjoni, iż-żmien li għadda mindu seħħ l-aġir rilevanti, id-duratura u r-rikorrenza tiegħu, l-intenzjoni u l-livell ta’ kollaborazzjoni tal-Istat Membru biex itemm il-ksur tal-istat tad-dritt u l-effetti ta’ dak in-nuqqas fuq il-fondi rispettivi tal-Unjoni.

L-għażla tal-istrument

Meta wieħed iqis li l-objettiv huwa li jingħata kontribut għall-implimentazzjoni korretta tal-baġit ġenerali tal-Unjoni; il-proposta tieħu l-forma ta’ Regolament awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 322 TFUE, l-istess bażi ġuridika tar-Regolament Finanzjarju 3 .

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET RETROSPETTIVI, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet retrospettivi/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ma hemm l-ebda programm attwali komparabbli. Madankollu hemm esperjenza miġbura mill-indirizzar fil-livell tal-Unjoni Ewropea ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istat tad-dritt fl-Istati Membri. Dan wera li, filwaqt li jeżistu ċerti għodod, dawn mhumiex imfassla speċifikament biex jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn l-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tkun tista’ titqiegħed f’riskju minħabba nuqqasijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-istat tad-dritt.

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

Ma sarux konsultazzjonijiet ma’ partijiet konċernati, iżda s-suġġett ġie diskuss b’mod wiesa’, inkluż fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

Il-kompetenza esterna

Meta tfasslu r-regoli attwali tqiesu sorsi esterni, b’mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa. L-użu tal-għarfien espert estern mill-Kunsill tal-Ewropa huwa prevista wkoll, fejn xieraq, meta jiġu implimentati l-miżuri proposti.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt billi l-miżura għandha bħala l-uniku objettiv tagħha li tevita li l-baġit tal-Unjoni jintlaqat ħażin minn sitwazzjonijiet fejn nuqqas ġeneralizzat f’dak li għandu x’jaqsam mal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew iqiegħed f’riskju l-ġestjoni finanzjarja soda u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk l-għażliet kienu li jew jinżamm l-istatus quo, bla ebda proċedura finanzjarja speċifika f’każ ta’ problemi relatati mal-istat tad-dritt u li potenzjalment jaffettwaw il-ġestjoni soda tal-fondi tal-Unjoni, jew li tiġi żviluppata tali proċedura.

Id-drittijiet fundamentali

Il-proposta se jkollha impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali billi se żżid il-livell attwali ta’ protezzjoni kontra nuqqasijiet fir-rigward tal-istat tad-dritt.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Billi żżid il-protezzjoni kontra prattiki, ommissjonijiet jew miżuri possibbli minn awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw l-istat tad-dritt f’dak l-Istat Membru u li jaffettwaw jew jirriskjaw li jaffettwaw il-kapaċità tiegħu li jimplimenta l-obbligi baġitarji tiegħu, il-proposta se jkollha impatt pożittiv fuq il-ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istat Membru konċernat sabiex jiġi deċiż jekk jistax jiġi propost li jitneħħew il-miżuri.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” 4 , u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Frar 2018 “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020” 5 , kif ukoll l-istandards u l-prinċipji żviluppati mill-Kunsill tal-Ewropa.

L-Artikolu 1 jispeċifika s-suġġett u l-ħtieġa li jiġi protett il-baġit tal-Unjoni kontra nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru, li jista’ jaffettwa jew jiriskja li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja soda u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Artikolu 2 jistipula d-definizzjonijiet.

L-Artikolu 3 jispjega l-miżuri li se jittieħdu biex tiġi indirizzata sitwazzjoni ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt. Dan l-Artikolu jispjega liema funzjonijiet partikolari tal-istat jistgħu jiġu affettwati u jkollhom impatt negattiv fuq il-ġestjoni finanzjarja soda tal-fondi tal-Unjoni.

L-Artikolu 4 jelenka t-tip ta’ miżuri li jistgħu jittieħdu u jikkjarifika li dawn għandhom jiġu indirizzati lejn l-Istati Membri bħala r-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni.

L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-proċeduri li jenħtieġ li jiġu segwiti mill-Kummissjoni meta tipproponi miżuri lill-Kunsill, li jenħtieġ jiddeċiedi permezz ta’ votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata inversa.

L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-proċedura biex jitneħħew il-miżuri meta s-sitwazzjoni li jkunu mmirati lejha tkun ġiet indirizzata fl-Istat Membru partikolari, kif ukoll il-konsegwenzi tat-tneħħija f’termini baġitarji.

L-Artikolu 7 jirrigwarda l-informazzjoni pprovduta lill-Parlament Ewropew.

L-Artikolu 8 fih id-dispożizzjonijiet finali.


2017/ (COD)

2018/0136 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja

Billi:

(1)L-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri essenzjali li fuqhom hija mibnija l-Unjoni. Kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha.

(2)L-istat tad-dritt jitlob li s-setgħat pubbliċi kollha jaġixxu fil-limiti stabbiliti mil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. Dan jirrikjedi, b’mod partikolari, li jkunu rispettati 7 l-prinċipji tal-legalità 8 , taċ-ċertezza legali 9 , tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi 10 , tas-separazzjoni tas-setgħat 11 , u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti 12 .

(3)L-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali l-oħra li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, bħalma huma l-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Ir-rispett tal-istat tad-dritt huwa marbut intrinsikament mar-rispett tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali: ma jistax ikun hemm demokrazija u rispett għad-drittijiet fundamentali mingħajr rispett lejn l-istat tad-dritt u vice versa.

(4)Kull meta l-Istati Membri jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, u jkun xi jkun il-metodu ta’ implimentazzjoni li jużaw, ir-rispett tal-istat tad-dritt huwa prekondizzjoni essenzjali biex jikkonformaw mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja soda stabbilit fl-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)Ġestjoni finanzjarja soda tista’ tiġi żgurata biss mill-Istati Membri jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f’konformità mal-liġi, u jekk il-ksur tagħha jkun segwit b’mod effettiv mis-servizzi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni, u jekk id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju minn qrati indipendenti u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(6)Il-korpi ġudizzjarji jenħtieġ li jaġixxu b’mod indipendenti u imparzjali u s-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom b’mod xieraq. Dawn jenħtieġ li jkollhom biżżejjed riżorsi u proċeduri biex jaġixxu b’mod effettiv u b’rispett sħiħ għad-dritt ta’ proċess ġust. Dawn il-kundizzjonijiet huma meħtieġa bħala garanzija minima kontra deċiżjonijiet illegali u arbitrarji mill-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(7)L-indipendenza tal-ġudikatura tippresupponi, b’mod partikolari, li l-korp konċernat ikun jista’ jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu kompletament b’mod awtonomu, mingħajr ma jkun soġġett għall-ebda restrizzjoni ġerarkika jew ikun subordinat għal kwalunkwe korp ieħor, u mingħajr ma jirċievi struzzjonijiet minn x’imkien, u li għalhekk huwa protett minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jfixklu l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-garanziji tal-indipendenza u tal-imparzjalità jeżiġu regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korp u tal-ħatra, tat-tul ta’ servizz u tar-raġunijiet għar-rifjut u t-tkeċċija ta’ membri tiegħu, sabiex jitneħħa kull dubju raġonevoli li jista’ jkollhom xi wħud dwar l-impermeabbiltà ta’ dak il-korp għal fatturi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi ppreżentati quddiemu.

(8)Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwiex importanti biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda wkoll għall-inizjattivi imprenditorjali, għall-innovazzjoni, għall-investiment u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li jiffjorixxu l-aktar meta jkun hemm fis-seħħ qafas ġuridiku u istituzzjonali sod.

(9)L-Artikolu 19 TUE, li jagħti espressjoni konkreta għall-valur tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-Unjoni hija essenzjali għall-eżistenza tal-istat tad-dritt u tirrikjedi qrati indipendenti 13 . Huwa essenzjali li tinżamm l-indipendenza tal-qrati, kif ikkonfermat mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 14 . Dan huwa minnu, b’mod partikolari, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta’ miżuri, kuntratti jew strumenti oħra li jagħtu lok għal nefqa jew dejn pubbliku, fost l-oħrajn fil-kuntest tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku li jistgħu jinġiebu quddiem il-qrati.

(10)B’hekk hemm relazzjoni ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda.

(11)Nuqqasijiet ġeneralizzati fl-Istati Membri fir-rigward tal-istat tad-dritt li jaffettwaw b’mod partikolari l-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(12)L-identifikazzjoni ta’ nuqqas ġeneralizzat teħtieġ valutazzjoni kwalitattiva mill-Kummissjoni. Din il-valutazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq informazzjoni minn sorsi disponibbli u istituzzjonijiet rikonoxxuti, inklużi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet u netwerks internazzjonali rilevanti, bħalma huma l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa u n-netwerks Ewropej tal-qrati supremi u l-kunsilli tal-ġudikatura.

(13)Jenħtieġ li jiġu determinati l-miżuri li se jkun possibbli li jiġu adottati f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati u l-proċedura biex jiġu adottati. Dawn il-miżuri jenħtieġ jinkludu s-sospensjoni ta’ pagamenti u ta’ impenji, tnaqqis tal-finanzjament taħt l-impenji eżistenti, u projbizzjoni li jiġu konklużi impenji ġodda mar-riċevituri.

(14)Jenħtieġ li japplika l-prinċipju tal-proporzjonalità meta jiġu determinati l-miżuri li se jkunu adottati, b’mod partikolari billi jitqiesu s-serjetà tas-sitwazzjoni, iż-żmien li għadda mindu seħħ l-aġir rilevanti, id-duratura u r-rikorrenza tiegħu, l-intenzjoni u l-livell ta’ kollaborazzjoni tal-Istat Membru biex itemm in-nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-effetti ta’ dak in-nuqqas fuq il-fondi rispettivi tal-Unjoni.

(15)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament, u minħabba l-importanza tal-effetti finanzjarji tal-miżuri li jkunu qed jiġu imposti skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni fuq il-Kunsill, li jenħtieġ jaġixxi fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Sabiex tiffaċilita l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ tintuża votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata inversa.

(16)Qabel ma tipproponi l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ tinforma lill-Istat Membru konċernat dwar għaliex hija qed tqis li f’dak l-Istat Membru jista’ hemm nuqqas ġeneralizzat rigward tal-istat tad-dritt L-Istati Membri jenħtieġ jitħallew jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Il-Kummissjoni u l-Kunsill jenħtieġ jikkunsidraw dawn il-kummenti.

(17)Il-Kunsill jenħtieġ ineħħi l-miżuri b’effett sospensiv fuq proposta mill-Kummissjoni, jekk is-sitwazzjoni li tkun wasslet għall-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun ġiet rimedjata biżżejjed.

(18)Il-Kummissjoni jenħtieġ iżżomm lill-Parlament Ewropew infurmat dwar kull miżura proposta u adottata skont dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Suġġett

Din ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“l-istat tad-dritt” jirreferi għall-valur tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jinkludi l-prinċipji tal-legalità, li timplika proċess trasparenti, akkontabbli, demokratiku u pluralista għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; iċ-ċertezza tad-dritt; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti, inkluż tad-drittijiet fundamentali; is-separazzjoni tas-setgħat u l-ugwaljanza quddiem il-liġi;

(b)“nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt” tfisser prassi mifruxa jew rikorrenti jew ommissjoni, jew miżura minn awtoritajiet pubbliċi li jkollha effett fuq l-istat tad-dritt;

(c)“entità tal-gvern” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi kollha fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-Istati Membri, fis-sens tal-[punt 42 tal-Artikolu 2] tar-Regolament (UE, Euratom) Nru [...] (ir-“Regolament Finanzjarju”).

Artikolu 3
Miżuri

1.Miżuri xierqa għandhom jittieħdu meta nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja li jaffettwa l-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja soda jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari:

(a)il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru li qed jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-akkwist pubbliku jew tal-proċeduri tal-għotjiet, u meta jwettqu monitoraġġ u kontrolli;

(b)il-funzjonament xieraq tas-servizzi ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni pubblika fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta’ frodi, korruzzjoni jew ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

(c)rieżami ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti ta’ azzjonijiet jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) u (b);

(d)il-prevenzjoni u s-sanzjonar tal-frodi, tal-korruzzjoni jew ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u l-impożizzjoni ta’ pieni effettivi u dissważivi fuq dawk ir-riċevituri minn qrati nazzjonali jew minn awtoritajiet amministrattivi;

(e)l-irkupru tal-fondi mħallsa indebitament;

(f)il-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet skont l-atti legali rispettivi tagħhom u l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali.

2.Dawn li ġejjin jistgħu, b’mod partikolari, jitqiesu bħala nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward l-istat tad-dritt,

(a)it-tqiegħed f’riskju tal-indipendenza tal-ġudikatura;

(b)in-nuqqas li jiġu impediti, ikkoreġuti u ssanzjonati deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali mill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji u umani li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tagħhom jew in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interessi;

(c)il-limitazzjoni tad-disponibbiltà u tal-effikaċja tar-rimedji legali, inkluż permezz ta’ regoli proċedurali restrittivi, nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ sentenzi jew il-limitazzjoni ta’ investigazzjonijiet, ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjonar effettivi ta’ ksur tal-liġi.

Artikolu 4
Kontenut tal-miżuri

1.Jistgħu jiġu adottati waħda jew aktar minn dawn il-miżuri xierqa

(a)meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta skont il-punti (a) u (c) tal-Artikolu 62 tar-Regolament Finanzjarju, u meta entità tal-gvern tkun ir-riċevitur:

(1)sospensjoni tal-pagamenti jew tal-implimentazzjoni tal-impenn legali jew it-terminazzjoni tal-impenn legali skont l-Artikolu [131(3)] tar-Regolament Finanzjarju;

(2)projbizzjoni li tidħol f’impenji legali ġodda;

(b)meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni kondiviża skont [il-punt (b) tal-Artikolu 62] tar-Regolament Finanzjarju:

(1)sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar jew tal-emendar tiegħu;

(2)sospensjoni tal-impenji;

(3)tnaqqis tal-impenji, inkluż permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji jew trasferimenti għal programmi ta’ nfiq oħra;

(4)tnaqqis fil-prefinanzjament;

(5)interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti;

(6)sospensjoni tal-pagamenti.    

2.Sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tipprevedix mod ieħor, l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma għandhiex taffettwa l-obbligu tal-entitajiet governattivi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jew tal-Istati Membri msemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1, li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwat mill-miżura, u b’mod partikolari l-obbligu li jagħmlu l-pagamenti lir-riċevituri jew lill-benefiċjarji finali.

3.Il-miżuri meħuda għandhom ikunu proporzjonati man-natura, mal-gravità u mal-ambitu tan-nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt. Dawn il-miżuri għandhom, sa fejn huwa possibbli, jimmiraw lejn l-azzjonijiet tal-Unjoni affettwati jew potenzjalment affettwati minn dak in-nuqqas.

Artikolu 5
Proċedura

1.Meta l-Kummissjoni tqis li għandha raġunijiet raġonevoli biex temmen li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 huma ssodisfati, hija għandha tibgħat notifika bil-miktub lil dak l-Istat Membru, fejn tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażat il-konstatazzjonijiet tagħha

2.Il-Kummissjoni tista’ tqis l-informazzjoni kollha rilevanti, inklużi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

3.Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa għall-valutazzjoni tagħha, kemm qabel kif ukoll wara li tkun għamlet konstatazzjoni skont paragrafu 1.

4.L-Istat Membru konċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa u jista’ jagħmel osservazzjonijiet f’limitu ta’ żmien speċifikat mill-Kummissjoni, li ma għandux ikun inqas minn xahar mid-data tan-notifika tal-konstatazzjoni. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Istat Membru jista’ jipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju.

5.Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni li tasal u kwalunkwe osservazzjoni magħmula mill-Istat Membru konċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju, meta tkun qed tiddeċiedi jekk tippreżentax jew le proposta għal deċiżjoni dwar miżuri xierqa.

6.Meta l-Kummissjoni tqis li nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt huwa stabbilit, hija għandha tippreżenta proposta għal att ta’ implimentazzjoni dwar miżuri xierqa lill-Kunsill.

7.Id-Deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata mill-Kunsill, sakemm dan ma jiddeċidix, b’maġġoranza kwalifikata, li jiċħad il-proposta tal-Kummissjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

8.Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta t-test kif emendat bħala deċiżjoni tal-Kunsill.

Artikolu 6
Tneħħija tal-miżuri

1.L-Istat Membru konċernat jista’, fi kwalunkwe ħin, jippreżenta quddiem il-Kummissjoni evidenza biex juri li nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt ġie rimedjat jew ma għadux jeżisti.

2.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istat Membru konċernat. Ladarba nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt li fuq il-bażi tagħhom ġew adottati l-miżuri xierqa ma jibqgħux jeżistu b’mod sħiħ jew parzjalment, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li tneħħi dawk il-miżuri b’mod sħiħ jew parzjalment. Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2, 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 5 għandha tapplika.

3.Meta l-miżuri li jikkonċernaw is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar jew tal-emendi tiegħu msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 4(2)(b) jew is-sospensjoni tal-impenji msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(2)(b) jitneħħew, l-ammonti li jikkorrispondu mal-impenji sospiżi għandhom jiddaħħlu fil-baġit skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru XXXX (ir-Regolament QFP). L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit wara s-sena n + 2.

Artikolu 7
Informazzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe miżura proposta jew adottata skont l-Artikoli 4 u 5

Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2018) 98 final.
(2)    COM(2014) 158 final.
(3)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1–96.
(4)    COM(2014) 158 final.
(5)    COM(2018) 98 final.
(6)    […]
(7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt”, COM(2014) 158 final, Anness I.
(8)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, CAS Succhi di Frutta, C-496/99 PECLI:UE:C:2004:236, paragrafu 63.
(9)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-12 ta’ Novembru 1981, Amministrazione delle finanze dello Stato v Srl Meridionale Industria Salumi and others Ditta Italo Orlandi & Figlio and Ditta Vincenzo Divella v Amministrazione delle finanze dello Stato. Il-KawżiMagħquda minn 212 sa 217/80, ECLI:UE:C:1981:270, il-paragrafu 10.
(10)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Settembru 1989, Hoechst, il-Kawżi Magħquda 46/87 u 227/88, ECLI:UE:C:1989:337, paragrafu 19
(11)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16, ECLI:UE:C:2016:861, paragrafu 36; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Novembru 2016, PPU Poltorak, C-452/16, ECLI:UE:C:2016:858, paragrafu 35; u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Diċembru 2010, DEB,C-279/09, ECLI:UE:C:2010:811, paragrafu 58.
(12)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses v Tribunal de Contas C-64/16, ECLI:UE:C:2018:117, paragrafi 31, 40-41.
(13)    Kawża C-64/16, para 32-36.
(14)    Kawża C-64/16, para 40-41.
Top