EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0323

Proposta għal Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

COM/2018/323 final

Brussell, 2.5.2018

COM(2018) 323 final

2018/0137(NLE)

Proposta għal

Ftehim Interistituzzjonali

bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba


IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI EWROPEA,

minn hawn 'il quddiem imsejħa l-istituzzjonijiet,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

1.L-iskop ta’dan il-Ftehim, li ġie adottat skont l-Artikolu 295 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), huwa li tiġi implimentata d-dixxiplina baġitarja u jittejjeb il-funzjonament tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji kif ukoll sabiex jiġi żgurat immaniġġjar finanzjarju tajjeb.

2.Id-dixxiplina baġitarja f’dan il-Ftehim tkopri n-nefqa kollha. Dan il-Ftehim jorbot l-istituzzjonijiet kollha interessati sakemm jibqa' jseħħ.

3.Dan il-Ftehim ma jbiddilx is-setgħat baġitarji rispettivi tal-istituzzjonijiet kif stabbilit mit-Trattati, fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru XXXX/20XX 1 (“ir-Regolament QFP”)] u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru XXXX/20XX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ("ir-Regolament Finanzjarju")].

4.Kull emenda għal dan il-Ftehim tirrikjedi l-ftehim komuni tal-istituzzjonijiet kollha.

5.Dan il-Ftehim jikkonsisti fi tliet taqsimiet:

   Il-Parti I fiha dispożizzjonijiet relatati mal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u mal-istrumenti speċjali.

   Il-Parti II hija relatata mal-kooperazzjoni interistituzzjonali waqt il-proċedura baġitarja.

   Il-Parti III fiha dispożizzjonijiet relatati mal-ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-Unjoni.

6.Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fil-XX/XX/XXXX u jissostitwixxi l-Ftehim Interistituzzjonali tat 2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba 3 .

PARTI I
QFP U STRUMENTI SPEĊJALI

A. Dispożizzjonijiet relatati mal-QFP

7.Għall-għanijiet ta' ġestjoni finanzjarja tajba, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw kemm jista’ jkun waqt il-proċedura baġitarja u fil-ħin tal-adozzjoni tal-baġit li jitħallew marġini suffiċjenti disponibbli taħt il-limiti għall-intestaturi diversi tal-QFP.

L-aġġornament tal-previżjonijiet għal approprjazzjonijiet ta' pagament wara l-2027

8.Fl-2024, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-previżjonijiet għal approprjazzjonijiet ta' pagament wara l-2027.

Dan l-aġġornament għandu jqis l-informazzjoni kollha rilevanti, inkluż l-implimentazzjoni reali tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għal impenji u approprjazzjonijiet baġitarji ta’ pagamenti, kif ukoll it-tbassir għall-implimentazzjonijiet. Għandu jqis ukoll ir-regoli mfassla biex jiżgura li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jiżiluppaw b’mod ordnat meta mqabbla mal-approprjazzjonijiet ta' impenn u mat-tbassir tat-tkabbir tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni.

B. Dispożizzjonijiet relatati mal-istrumenti speċjali

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

9.Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-immobilizzar tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, kif stabbilit fl-att bażiku legali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment għall-linji baġitarji rilevanti.

Trasferimenti relatati mal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom isiru f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

10.Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea kif stabbilit fl-att bażiku rilevanti, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta għal strument baġitarju xieraq f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza

11.Meta l-Kummissjoni tqis li jkun hemm bżonn li jsir rikors għar-Riżerva għal għajnuna f’emerġenza, għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta ta’ trasferiment mir-Riżerva għal-linji baġitarji korrispondenti, skont ir-Regolament Finanzjarju.

Strument ta' Flessibbiltà

12.Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta għall-immobilizzar tal-Istrument ta' Flessibbiltà wara li tkun eżaminat il-possibbiltajiet kollha għall-allokazzjoni mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet taħt l-intestatura li teħtieġ nefqa addizzjonali.

Il-proposta għandha tidentifika l-bżonnijiet li għadhom jiġu koperti u l-ammont. Proposta bħal din tista’ ssir b’rabta mal-abbozz ta' baġit jew mal-abbozz ta' baġit emendatorju.

L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.

Marġni ta' Kontinġenza

13.Il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza, jew parti minnu, għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara analiżi bir-reqqa tal-possibbiltajiet finanzjarji kollha l-oħra. Proposta bħal din tista’ ssir b’rabta mal-abbozz ta' baġit jew mal-abbozz ta' baġit emendatorju.

Il-Marġni ta' Kontinġenza jista’ jiġi mobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE.

PARTI II
TITJIB TAL-KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI FI KWISTJONIJIET BAĠITARJI

A. Il-Proċedura ta’ Kooperazzjoni Interistituzzjonali

14.Id-dettalji ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja huma stabbiliti fl-Anness.

Trasparenza Baġitarja

15.Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali biex jakkumpanja l-baġit ġenerali tal-Unjoni, u tiġbor l-informazzjoni disponibbli u mhux kunfidenzjali marbuta ma’:

   l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni, inklużi dawk derivati minn operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti mwettqa mill-Unjoni f’konformità mas-setgħat tagħha skont it-Trattati,

   id-dħul, in-nefqa, l-attiv u l-passiv tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) 4 , tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (European Financial Stability Facility, EFSF), tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), u ta' mekkaniżmi oħra possibbli futuri,

-    in-nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, sal-punt li ma tiġix inkluża fil-baġit ġenerali tal-Unjoni

B. L-inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji f'atti leġiżlattivi

16.Kull att leġiżlattiv, li jikkonċerna programm pluriennali, adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għandu jkun fih dispożizzjoni li fiha l-leġiżlatur jistabbilixxi l-pakkett finanzjarju għall-programm.

Dan l-ammont jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u l-Kummissjoni meta din tħejji l-abbozz tal-baġit, jintrabtu li ma jitbegħdux minn dak l-ammont b’aktar minn 15 % għall-medda kollha tal-programm ikkonċernat, sakemm ma jinqalgħux ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u għat-tul li għalihom jingħataw raġunijiet espliċiti u preċiżi filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati li nġabru wara l-implimentazzjoni tal-programm, imsejsa b’mod partikolari fuq valutazzjonijiet. Kull żieda li tirriżulta minn varjazzjoni bħal din għandha tibqa’ taħt il-limitu massimu eżistenti għall-intestatura kkonċernata, mingħajr preġudizzju għall-użu ta’ strumenti msemmija fir-Regolament QFP u f'dan ir-Regolament.

Dan il-punt ma japplikax għall-approprjazzjonijiet għal koeżjoni adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u allokati minn qabel mill-Istati Membri, li fihom pakkett finanzjarju għal kemm idum il-programm u lanqas għal proġetti fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament QFP.

17.Atti legalment vinkolanti tal-Unjoni li jirrigwardaw programmi pluriennali li mhumix suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja ma għandux ikun fihom "ammont meqjus neċessarju".

Jekk il-Kunsill ikun jixtieq jinkludi ammont ta' referenza finanzjarja, dak l-ammont għandu jittieħed bħala li juri r-rieda tal-leġiżlatur u ma għandux jaffettwa s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif stabbilit fit-TFUE. Għandha tiġi inkluża dispożizzjoni f'dan ir-rigward fl-atti legalment vinkolanti kollha tal-Unjoni li fihom ammont simili ta' referenza finanzjarja.

C. In-nefqa rigward ftehimiet dwar is-sajd

18.Nefqa fuq arranġamenti tas-sajd għandha tkun soġġetta għar-regoli speċifiċi li jmiss.

Il-Kummissjoni timpenja ruħha li jżomm lill-Parlament Ewropew informat regolarment dwar it-tħejjija u t-tmexxija tan-negozjati, inklużi l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom.

Fil-kors tal-proċedura leġiżlattiva marbuta mal-ftehimiet dwar is-sajd, l-istituzzjonijiet jimpenjaw ruħhom li jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-proċeduri kollha jitwettqu kemm jista' jkun malajr.

L-ammonti li hemm provvediment għalihom fil-baġit għal ftehimiet ġodda dwar is-sajd jew għat-tiġdid tal-ftehimiet tas-sajd li jidħlu fis-seħħ wara l-1 ta’ Jannar tas-sena finanzjarja kkonċernata għandhom jitpoġġew fir-riżerva.

Jekk l-approprjazzjonijiet li jirrelataw mal-ftehim dwar is-sajd (inkluża r-riżerva) jirriżultaw li ma jkunux biżżejjed, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-informazzjoni meħtieġa, dwar il-kawżi tas-sitwazzjoni, u l-miżuri li jistgħu jiġu adottati taħt il-proċeduri stabbiliti. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri xierqa.

Kull tlett xhur il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-sajd fis-seħħ u l-previżjonijiet finanzjarji għall-bqija tas-sena.

19.Mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tiggverna n-negozjati tal-ftehimiet dwar is-sajd, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom, fil-qafas ta’ kooperazzjoni baġitarja, li jaslu għal ftehim fil-ħin dwar l-iffinanzjar xieraq tal-ftehimiet dwar is-sajd.

D. Il-finanzjament tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK)

20.L-ammont totali tan-nefqa amministrattiva tal-PESK għandu jiddaħħal kollu kemm hu f’kapitoli tal-baġit wieħed, bit-titlu PESK. Dan l-ammont għandu jkopri l-bżonnijiet reali prevedibbli, evalwati fil-qafas tal-elaborazzjoni tal-abbozz ta' baġit, fuq il-bażi ta’ previżjonijiet imfassla kull sena “mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, (ir-“Rappreżentant Għoli”). Għandu jitħalla marġni raġonevoli biex ikopri azzjonijiet mhux previsti. L-ebda fondi ma jistgħu jiddaħħlu f'riżerva.

21.Fir-rigward tan-nefqa għall-PESK, li huwa addebitat lill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 41 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, u fuq il-bażi tal-abbozz ta’ baġit stabbilit mill-Kummissjoni, għandhom jippruvaw li kull sena jaqblu dwar l-ammont ta' nefqa amministrattiva u dwar id-distribuzzjoni ta' dan l-ammont bejn l-artikoli tal-kapitolu baġitarju tal-PESK. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim, huwa mifhum li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom idaħħlu fil-baġit l-ammont li jidher fil-baġit preċedenti jew l-ammont propost fl-abbozz tal-baġit, skont liema minnhom huwa l-aktar baxx.

L-ammont totali ta’ nefqa amministrattiva tal-PESK għandha titqassam bejn l-artikoli tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK kif issuġġerit fit-tielet paragrafu. Kull artikolu għandu jkopri azzjonijiet diġà adottati, azzjonijiet li huma previsti iżda li għadhom ma ġewx adottati u ammonti għal azzjonijiet futuri – jiġifieri mhux imbassra – li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill matul is-sena finanzjarja in kwistjoni.

Fil-kapitolu dwar l-estimi għall-PESK, l-artikoli li fihom jistgħu jiddaħħlu l-azzjonijiet PESK jistgħu jaqraw skont dawn il-linji li ġejjin:

-    missjonijiet ewlenin individwali kif imsemmija fl-Artikolu 52(1)(f) tar-Regolament Finanzjarju,

-    missjonijiet oħra (għal operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżi, prevenzjoni tal-kunflitt, riżoluzzjoni u stabbilizzazzjoni, u monitoraġġ u implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ paċi u sigurtà),

-    nonproliferazzjoni u diżarm,

-    miżuri ta’ emerġenza,

-    miżuri ta’ tħejjija u ta’ segwitu,

-    Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea.

Billi, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha l-awtorità, li b'mod awtonomu tittrasferixxi approprjazzjonjiet bejn l-artikoli fil-kapitolu tal-baġit PESK, il-flessibbiltà li titqies meħtieġa għall-implimentazzjoni minnufih tal-azzjonijiet CFSP għandha tkun żgurata skont dan. Fil-każ li l-ammont tal-kapitolu tal-baġit tal-PESK waqt is-sena finanzjarja ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż neċessarji, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ifittxu soluzzjoni b'urġenza, fuq proposta tal-Kummissjoni.

22.Kull sena, ir-Rappreżentant Għoli għandu jikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar dokument li jħares 'il quddiem li għandu jiġi trażmess sal-15 ta’ Ġunju tas-sena inkwistjoni, u jistabbilixxi aspetti ewlenin u għażliet bażiċi tal-PESK, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena n-1 u valutazzjoni tal-koordinazzjoni u kumplimentarjetà tal-PESK mal-istrumenti finanzjarji esterni l-oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli għandu jżomm lill-Parlament Ewropew informat b’mod regolari billi jagħmel laqgħat konġunti ta’ konsultazzjoni mill-anqas ħames darbiet f’sena, fil-qafas tad-djalogu politiku regolari dwar il-PESK, li għandu jiġi miftiehem mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru kull sena. Il-parteċipazzjoni f’dawn il-laqgħat għandha tiġi determinata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill rispettivament, meta jiġi kkunsidrat l-objettiv u n-natura tal-informazzjoni skambjata f’dawn il-laqgħat.

Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna tipparteċipa f’dawn il-laqgħat.

Jekk il-Kunsill jadotta deċiżjoni fil-qasam tan-nefqa li tinvolvi l-PESK, ir-Rappreżentant Għoli għandu minnufih u f'kull każ jibgħat lill-Parlament Ewropew stima tal-ispejjeż previsti ("prospett finanzjarju") mhux aktar tard minn ħamest’ijiem tax-xogħol wara, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw termini ta' perjodu, persunal impjegat, użu ta' bini u infrastrutturi oħra, faċilitajiet ta' trasport, ħtiġijiet għat-taħriġ u arranġamenti dwar is-sigurtà.

Darba kull tliet xhur il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-PESK u t-tbassir finanzjarju għall-bqija tas-sena finanzjarja.

E. L-involviment tal-istruzzjonijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ politika tal-iżvilupp

23.Il-Kummissjoni għandha twaqqaf djalogu informali mal-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet ta’ politika tal-iżvilupp irrelevantement mis-sors ta’ finanzjament tagħhom.

PARTI III
ĠESTJONI FINANZJARJA TAJBA TAL-FONDI TAL-UNJONI

A. Ipprogrammar Finanzjarju

24.Il-Kummissjoni darbtejn f’sena għandha tippreżenta pprogrammar finanzjarju komplut għall-intestaturi I, II (ħlief għas-sottolimitu għal “koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”), III (għal “ambjent u klima” u “marittimu u sajd”), IV, V u VI tal-QFP, l-ewwel darba b’dokumenti li jakkumpanjaw l-abbozz ta' baġit u t-tieni darba wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dan l-ipprogrammar, strutturat skont l-intestatura, qasam politiku u linja baġitarja, jinħtieġ li jidentifika:

(a)Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b’distinzjoni bejn programmi pluriennali u azzjonijiet annwali:

Għal programmi pluriennali, jinħtieġ li l-Kummissjoni tindika l-proċedura li skontha ġew adottati (proċedura leġiżlattiva ordinarja jew proċedura leġiżlattiva speċjali), it-tul tagħhom, il-pakkett finanzjarju totali u s-sehem allokat għan-nefqa amministrattiva,

għal azzjonijiet annwali (relatati ma’ proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji u aġenziji) u azzjonijiet iffinanzjati skont il-prerogattivi tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni jinħtieġ li tipprovdi estimi pluriennali.

(b)Proposti leġiżlattivi pendenti: Proposti leġiżlattivi li għaddejjin, bl-aħħar aġġornament.

Jinħtieġ li l-Kummissjoni tqis modi ta’ kontroreferenzjar tal-ipprogrammar finanzjarju l-ipprogrammar finanzjarju tagħha li għandu jipprovdi tbassir aktar preċiż u affidabbli. Għal kull proposta leġiżlattiva, jinħtieġ li l-Kummissjoni tindika jekk hijiex inkluża fl-ipprogrammar ikkomunikat fil-ħin tal-Abbozz ta' Baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-Baġit. Jinħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiġu infurmati b’mod partikolari:

(a)bl-atti leġiżlattivi kollha ġodda adottati u l-proposti pendenti kollha ppreżentati li iżda mhumiex inklużi fl-ipprogrammar ikkomunikat fiż-żmien tal-Abbozz ta’ Baġit jew wara l-adozzjoni finali tal-Baġit (bl-ammonti korrispondenti);

(b)bil-leġiżlazzjoni prevista fil-programm ta' ħidma annwali leġiżlattiv tal-Kummissjoni, b’indikazzjoni ta’ jekk l-azzjonijiet humiex probabbli li jkollhom impatt finanzjarju.

Kull fejn ikun meħtieġ, jinħtieġ li l-Kummissjoni tindika l-ipprogrammar li jirriżulta mill-ġdid mill-proposti leġiżlattivi l-ġodda.

B. Aġenziji u skejjel Ewropej

25.Qabel ma tippreżenta proposta għall-ħolqien ta’ aġenzija ġdida, jinħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi valutazzjoni tal-impatt tajba, kompleta u oġġettiva, filwaqt li tikkunsidra fost oħrajn il-massa kritika tal-persunal u tal-kompetenzi, aspetti tal-kost-benefiċċji, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, l-impatt fuq l-attivitajiet nazzjonali u tal-Unjoni u l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta’ nefqa kkonċernata. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-proċedura rilevanti li tiggverna t-twaqqif tal-aġenzija, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom, fil-qafas ta’ kooperazzjoni baġitarja, li jaslu għal ftehim fil-ħin dwar l-iffinanzjar fuq l-aġenzija proposta.

Għandhom jiġu applikati l-passi proċedurali li jmiss:

-    l-ewwel nett, b’mod sistematiku, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull proposta għat-twaqqif ta’ aġenzija ġdida lill-ewwel trilogu li jsegwi l-adozzjoni tal-proposta tagħha, u għandha tippreżenta l-abbozz ta’ att legali li jipproponi l-ħolqien tal-aġenzija u għandha tispjega l-konsegwenzi tiegħu għall-bqija tal-perjodu tal-ipprogrammar finanzjarju;

-    It-tieni nett, matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tassisti lil-leġislatur fil-valutazzjoni tal-konsegwenzi finanzjarji tal-emendi proposti. Jinħtieġ li dawn il-konsegwenzi finanzjarji jiġu kkunsidrati matul it-trilogi leġiżlattivi rilevanti,

-    it-tielet, qabel il-konklużjoni tal-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni għandha tippreżenta dikjarazzjoni finanzjarja aġġornata li tqis il-modifiki potenzjali li jsiru mil-leġiżlatur; din id-dikjarazzjoni finanzjarja finali għandha titqiegħed fuq l-aġenda tat-trilogu leġiżlattiv finali u tiġi approvata formalment mil-leġiżlatur. Għandha titqiegħed ukoll fuq l-aġenda tat-trilogu baġitarju sussegwenti (f'każijiet urġenti, f'forma simplifikata), bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-finanzjament;

-    ir-raba', il-qbil milħuq waqt trilogu, b'kont meħud tal-valutazzjoni baġitarja tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proċess leġiżlattiv, għandu jiġi kkonfermat f'dikjarazzjoni konġunta. Dan il-ftehim għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kull wieħed f'konformità mar-regoli ta ' proċedura tiegħu.

L-istess proċedura għandha tiġi applikata fil-każ ta’ xi emenda għal att legali li jikkonċerna aġenzija, li jista' jkollha impatt fuq ir-riżorsi tal-aġenzija kkonċernata.

Jekk il-ħidma ta’ aġenzija tiġi mmodifikata b’mod sostanzjali mingħajr ma ssir emenda fl-att legali li jistabbilixxi l-aġenzija kkonċernata, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill permezz ta’ rendikont finanzjarju rivedut, sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jilħqu ftehim f’waqtu dwar l-iffinanzjar tal-aġenzija.

26.Id-dispożizzjonijiet rilevanti mill-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati ffirmata fid-19 ta ' Lulju 2012 jinħtieġ li jitqiesu b'mod xieraq fil-proċedura baġitarja.

27.Meta jkun previst il-ħolqien ta’ Skola Ewropea ġdida mill-Bord tal-Gvernaturi, għandha tiġi applikata, mutatis mutandis, proċedura simili għall-implikazzjonijiet baġitarji tagħha fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill    Għall-Kummissjoni

Il-President    Il-President    Il-President

(1)    ĠU L , p. .
(2)    ĠU L…, p.
(3)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4)    Kif stabbilit fil-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba’ Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 210, 6.8.2013) u l-Ftehimiet Interni preċedenti.
Top

Brussell, 2.5.2018

COM(2018) 323 final

ANNESS

għall-

proposta għal Ftehim interistituzzjonali

bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba


ANNESS - KOOPERAZZJONI INTERISTITUZZJONALI MATUL IL-PROĊEDURA BAĠITARJA

Parti A. Kalendarju tal-proċedura baġitarja

1.L-istituzzjonijiet għandhom jaqblu dwar kalendarju prammatiku kull sena fi żmien biżżejjed qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja fuq il-bażi tal-prattika attwali.

Parti B. Prijoritajiet għall-proċedura baġitarja

2.Fi żmien biżżejjed qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta' baġit mill-Kummissjoni, għandu jissejjaħ trilogu li fih jiġu diskussi l-prijoritajiet possibbli għall-baġit tas-sena finanzjarja li jmiss.

Parti C. Stabbiliment tal-abbozz ta' baġit u l-aġġornar tal-estimi

3.L-istituzzjonijiet, iżda mhux il-Kummissjoni, huma mistiedna jadottaw ir-rendikont tal-estimi tagħhom sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Marzu.

4.Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta' baġit li fih jidhru l-ħtiġijiet finanzjarji attwali tal-Unjoni.

Hija għandha tqis:

(a)it-tbassir imressaq mill-Istati Membri marbut mal-Fondi Strutturali;

(b)il-kapaċità għall-utilizzar tal-approprjazzjonijiet, waqt li jsir sforz biex tinżamm rabta stretta bejn l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament;

(c)il-possibbiltajiet li jitniedu politiki ġodda permezz ta’ proġetti pilota, azzjonijiet preparatorji ġodda, jew it-tnejn, jew it-tkomplija ta’ azzjonijiet pluriennali li jkunu waslu biex jintemmu, wara li jiġi vvalutat jekk huwiex possibbli li jiġi żgurat li jkun hemm att bażiku, fis-sens tar-Regolament Finanzjarju (id-definizzjoni ta’ att bażiku, il-ħtieġa ta’ att bażiku għall-implementazzjoni u l-eċċezzjonijiet);

(d)il-ħtieġa biex jiġi żgurat li kull bidla fin-nefqa marbuta mas-sena ta’ qabel hija skont l-obbligi tad-dixxiplina baġitarja.

5.Sa fejn hu possibbli, l-istituzzjonijiet għandhom jevitaw li jdaħħlu elementi fil-baġit li jinvolvu ammonti insinifikanti ta’ nfiq għall-operazzjonijiet.

6.Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu wkoll li jżommu f’moħħhom il-valutazzjoni tal-possibbiltajiet għall-implementazzjoni tal-baġit li l-Kummissjoni inkludiet fl-abbozzi tagħha u f’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit attwali.

7.Fl-interessi ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u minħabba bidliet maġġuri fit-titoli u l-kapitoli tan-nomenklatura baġitarja dwar ir-responsabbiltajiet tar-rappurtar maniġerjali tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu li jiddiskutu mal-Kummissjoni kwalunkwe bidla maġġuri matul il-konċiljazzjoni.

8.Fl-interess ta ' kooperazzjoni istituzzjonali leali u soda, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jżommu kuntatti regolari u attivi fil-livelli kollha, permezz tan-negozjaturi rispettivi tagħhom, matul il-proċedura baġitarja kollha, u b’mod partikolari matul il-perjodu ta ' konċiljazzjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li jkun hemm skambju reċiproku, f’waqtu u kontinwu, ta’ informazzjoni rilevanti u dokumenti kemm f’livelli formali u informali, kif ukoll li jagħmlu laqgħat tekniċi jew informali, skont il-ħtieġa, matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikollhom aċċess ugwali u f’waqtu għal informazzjoni u dokumenti.

9.Sa dak iż-żmien meta jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta ittri ta’ emenda tal-abbozz ta' baġit skont l-Artikolu 314(2) TFUE u tista’ wkoll, permezz ta’ ittra ta’ emenda, taġġorna l-iestimi tan-nefqa għall-agrikoltura. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta informazzjoni dwar aġġornamenti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tiġi kkunsidrata minnhom, hekk kif dik l-informazzjoni tkun disponibbli. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-raġunijiet iġġustifikati kif xieraq li jistgħu jkunu meħtieġa minnhom.

Parti D. Proċedura baġitarja qabel il-proċedura ta’ konċiljazzjoni

10.Għandu jsir trilogu f’data li tantiċipa sewwa dik tal-qari tal-Kunsill sabiex l-istituzzjonijiet ikollhom żmien jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar l-abbozz ta’ baġit.

11.Sabiex, meta jasal iż-żmien xieraq, il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-eżegwibilità tal-emendi previsti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li joħolqu azzjonijiet preparatorji jew proġetti pilota ġodda jew li jtawlu dawk eżistenti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, sabiex tkun tista’ ssir fil-pront l-ewwel diskussjoni f’dan it-trilogu.

12.Jista’ jitlaqqa’ trilogu qabel il-votazzjoni fil-plenarja tal-Parlament Ewropew

Parti E. Proċedura ta’ konċiljazzjoni

13.Jekk il-Parlament Ewropew jadotta emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, il-President tal-Kunsill għandu, matul l-istess seduta plenarja, jieħu nota tad-differenzi fil-pożizzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet u jinforma lill-President tal-Parlament Ewropew li jaqbel li immedjatament jitlaqqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. L-ittra li ssejjaħ il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol tal-ġimgħa ta’ wara t-tmiem tas-sessjoni parzjali parlamentari li matulha jkun ittieħed il-vot plenarju, u l-perjodu ta’ konċiljazzjoni għandu jibda l-għada. Il-perjodu ta ' żmien ta' 21 jum għandu jiġi kkalkulat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71( 1 ).

14.Jekk il-Kunsill ma jkunx jista’ jaqbel dwar l-emendi kollha adottati mill-Parlament Ewropew, jinħtieġ li jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ ittra mibgħuta qabel l-ewwel laqgħa prevista għal matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni. F’dak il-każ, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jipproċedi skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti li ġejjin.

15.Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiġi ppresedut b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandhom jiġu ppreseduti mill-presidenza konġunta mill-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa. Skont ir-regoli ta’ proċedura tagħha stess, kull istituzzjoni għandha tinnomina l-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa u tistabbilixxi l-mandat tagħha għan-negozjati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu rappreżentati f’livell xieraq fil-Kumitat ta ' Konċiljazzjoni, b’mod li kull delegazzjoni tkun tista’ timpenja politikament lill-istituzzjoni rispettiva tagħha, u li jista’ jsir progress reali lejn ftehim finali.

16.Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 314(5) TFUE, il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċeduri tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u għandha tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa biex tirrikonċilja l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

17.It-trilogi għandhom isiru tul il-perjodu kollu tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, f’livelli differenti ta’ rappreżentanza, bil-għan li jiġu solvuti l-problemi marbuta ma’ kwistjonijiet pendenti u titħejja l-bażi għal ftehim li jrid jintlaħaq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

18.Il-Laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u t-trilogi għandhom isiru alternattivament fil-bini tal-Parlament Ewropew u f’dak tal-Kunsill, bil-għan li l-faċilitajiet jinqasmu ndaqs, inklużi l-faċilitajiet ta’ interpretazzjoni.

19.Id-dati tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tat-trilogi għandhom jiġu miftiehma minn qabel bi ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet.

20.Għandu jkun hemm sett komuni ta’ dokumenti (“input documents”) li jqabblu d-diversi stadji tal-proċedura baġitarja disponibbli għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni( 2 ). Dawn id-dokumenti għandhom jinkludu ċifri “linja b’linja”, totali skont l-intestaturi tal-QFP u dokument konsolidat b’ċifri u rimarki dwar il-linji baġitarji kollha meqjusa teknikament “miftuħa”. Bla preġudizzju għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, għandu jkun hemm dokument speċjali li jelenka l-linji baġitarji kollha meqjusa teknikament magħluqa( 3 ). Dawn id-dokumenti għandhom jiġu kklassifikati skont in-nomenklatura baġitarja.

Għandhom jiġu mehmuża wkoll dokumenti oħrajn mad-dokumenti inizjali għall-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, inklużi ittra ta’ implimentabbiltà mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-emendi tal-Parlament Ewropew, u kwalunkwe ittra jew ittri minn istituzzjonijiet oħrajn li jirrigwardaw il-pożizzjoni tal-Kunsill jew l-emendi tal-Parlament Ewropew.

21.Bil-għan li jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-perjodu ta’ konċiljazzjoni, it-trilogi għandhom:

jiddefinixxu l-ambitu tan-negozjati dwar il-kwistjonijiet baġitarji li għandhom jiġu indirizzati;

japprovaw il-lista tal-linji baġitarji meqjusa bħala teknikament magħluqin, suġġett għall-ftehim finali dwar il-baġit sħiħ tas-sena finanzjarja;

jiddiskutu l-kwistjonijiet identifikati taħt l-ewwel inċiż bil-ħsieb li jintlaħqu ftehimiet li possibbilment jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni;

jindirizzaw kwistjonijiet tematiċi, anki skont l-intestaturi tal-QFP.

Għandhom jintlaħqu konklużjonijiet tentattivi b’mod konġunt matul jew immedjatament wara kull trilogu, u simultanjament, għandha tiġi miftiehma l-aġenda tal-laqgħa ta’ wara. Dawn il-konklużjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-istituzzjoni li tkun qed tospita t-trilogu u għandu jitqies li jkunu ġew approvati proviżorjament wara 24 siegħa, bla ħsara għad-deċiżjoni finali tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

22.Il-konklużjonijiet tat-trilogi u dokument għall-approvazzjoni possibbli għandhom ikunu disponibbli lill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni waqt il-laqgħat tiegħu, flimkien mal-linji baġitarji li fir-rigward tagħhom intlaħaq qbil matul it-trilogi.

23.It-test konġunt previst fl-Artikolu 314(5) TFUE għandu jiġi stabbilit mis-segretarjati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-assistenza tal-Kummissjoni. Dan it-test għandu jkun kompost minn ittra ta’ trażmissjoni indirizzata mill-presidenti taż-żewġ delegazzjonijiet lill-President tal-Parlament Ewropew u dak tal-Kunsill, li fiha tidher id-data tal-ftehim milħuq fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, kif ukoll l-annessi li għandhom jinkludu:

iċ-ċifri linja b’linja għall-elementi kollha tal-baġit u ċifri sommarji skont l-intestaturi tal-QFP;

dokument konsolidat li jindika ċ-ċifri u t-test finali għal-linji kollha li jkunu ġew modifikati waqt il-proċedura ta ' konċiljazzjoni;

il-lista tal-linji mhux immodifikati b’rabta mal-abbozz ta' baġit jew il-pożizzjoni tal-Kunsill dwarha.

Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ wkoll japprova konklużjonijiet u rendikonti konġunti possibbli b’rabta mal-baġit.

24.It-test konġunt għandu jiġi tradott fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (permezz tas-servizzi pprovduti mill-Parlament Ewropew) u għandu jiġi ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fi żmien 14-il jum mid-data tal-ftehim dwar it-test konġunt skont il-punt 23.

Il-baġit għandu jkun suġġett għal finalizzazzjoni lingwistika legali wara l-adozzjoni tat-test konġunt, billi l-annessi tat-test konġunt jiġu integrati mal-linji baġitarji li ma jkunux ġew modifikati matul il-proċedura ta ' konċiljazzjoni.

25.L-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa (it-trilogu jew il-konċiljazzjoni) għandha tipprovdi faċilitajiet ta’ interpretazzjoni komprensivi li jkopru l-lingwi kollha fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni kif ukoll arranġamenti lingwistiċi ad hoc fit-trilogi.

L-istituzzjoni li tkun qed tospita l-laqgħa għandha tieħu ħsieb il-kopji tad-dokumenti tal-kamra u t-tqassim tagħhom.

Is-servizzi tat-tliet istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw biex ir-riżultati tan-negozjati jiġu traskritti sabiex ikun jista’ jiġi ffinalizzat it-test konġunt.

Parti F. Baġits Emendatorji

Prinċipji ġenerali

26.Konsapevoli li ħafna drabi l-baġits emendatorji jiffukaw fuq kwistjonijiet speċifiċi u xi kultant urġenti, l-istituzzjonijiet jaqblu dwar il-prinċipji li ġejjin biex jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni interistituzzjonali xierqa biex il-proċess tat-teħid ta ' deċiżjonijiet dwar baġits emendatorji jkun mingħajr diffikultajiet u ma jdumx, filwaqt li kemm jista’ jkun jiġi evitat li jkollha tissejjaħ laqgħa ta’ konċiljazzjoni għall-baġits emendatorji.

27.Kemm jista’ jkun, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu sforz biex jillimitaw l-għadd ta’ baġits emendatorji.

Kalendarju

28.Il-Kummissjoni għandha tinforma bil-quddiem lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-dati possibbli għall-adozzjoni tal-abbozzi tal-baġits emendatorji bla preġudizzju għad-data finali tal-adozzjoni.

29.Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, skont ir-regoli interni tal-proċedura rispettivi tagħhom, għandhom jagħmlu ħilithom biex jeżaminaw l-abbozz ta' baġit emendatorju propost mill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità wara l-adozzjoni tiegħu mill-Kummissjoni.

30.Sabiex titħaffef il-proċedura, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiżguraw li l-kalendarji ta' ħidma rispettivi tagħhom ikunu kemm jista’ jkun ikkoordinati sabiex il-proċeduri jkunu jistgħu jsiru b’mod koerenti u konverġenti. Għalhekk, mill-aktar fis possibbli, huma għandhom ifittxu jistabbilixxu kalendarju indikattiv għad-diversi stadji li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit emendatorju.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iqisu l-urġenza relattiva tal-baġit emendatorju u l-ħtieġa li jiġi approvat fi żmien xieraq sabiex ikun effettiv matul is-sena finanzjarja kkonċernata.

Kooperazzjoni matul il-qari

31.L-istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw in bona fede tul iż-żmien kollu li tieħu l-proċedura biex, kemm jista’ jkun, iwittu t-triq għall-adozzjoni tal-baġits emendatorji f’fażi bikrija tal-proċedura.

Meta jkun xieraq u meta tinqala’ l-possibbiltà ta’ diverġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, qabel ma kull wieħed minnhom jieħu l-pożizzjoni finali tiegħu dwar il-baġit emendatorju, jew il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin, jistgħu jipproponu li jissejjaħ trilogu speċifiku biex jiġu diskussi d-diverġenzi u jippruvaw jilħqu kompromess.

32.L-abbozzi kollha tal-baġits emendatorji proposti mill-Kummissjoni, iżda li ma jkunux għadhom ġew approvati b’mod finali, għandhom jiddaħħlu sistematikament fl-aġenda tat-trilogi ppjanati għall-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozzi tal-baġits emendatorji u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, kemm jista’ jkun, jgħarrfu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom qabel ma jitlaqqa’ t-trilogu.

33.Jekk jintlaħaq kompromess matul it-trilogu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jintrabtu li jikkunsidraw ir-riżultati tat-trilogu waqt id-deliberazzjoni dwar il-baġit emendatorju skont it-TFUE u r-regoli ta’ proċedura tagħhom.

Kooperazzjoni wara l-qari

34.Jekk il-Parlament Ewropew japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi, il-baġit emendatorju għandu jiġi adottat f’konformità mat-TFUE.

35.Jekk il-maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament Ewropew jadottaw l-emendi, għandu japplika l-Artikolu 314(4)(c) TFUE. Madankollu, qabel jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jissejjaħ trilogu.

jekk jintlaħaq ftehim matul it-trilogu u suġġett li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu dwar ir-riżultati tat-trilogu, il-konċiljazzjoni għandha tintemm permezz ta’ skambju ta’ ittri mingħajr ma jkollha ssir laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

jekk matul it-trilogu ma jintlaħaqx ftehim, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni għandu jiltaqa’ u jorganizza l-ħidma tiegħu skont iċ-ċirkustanzi, bil-ħsieb li jagħlaq kemm jista’ jkun il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet qabel l-iskadenza ta’ 21 jum stabbilita fl-Artikolu 314(5) TFUE. Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jista’ jikkonkludi bi skambju ta’ ittri.

Parti G. Reste à liquider (RAL)

36.Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet totali ta’ pagament b'rabta mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn sabiex tiġi evitata kull bidla anormali tar-RAL minn sena għal oħra, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jissorveljaw mill-qrib il-livell tar-RAL sabiex jiġi mmitigat ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni minħabba nuqqas ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fi tmiem il-QFP.

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm livell u profil maniġġabbli għall-pagamenti fl-intestaturi kollha, ir-regoli ta’ diżimpenn għandhom jiġu applikati b’mod strett fl-intestaturi kollha, b’mod parikolari r-regoli għad-diżimpenji awtomatiċi.

Matul il-proċedura baġitarja, l-istituzzjonijiet għandhom jiltaqgħu b’mod regolari bil-ħsieb li jivvalutaw b’mod konġunt is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti għall-implimentazzjoni baġitarja fis-sena attwali u fis-snin futuri. Dan għandu jsir permezz ta’ laqgħat interistituzzjonali speċifiċi fil-livell xieraq, li qabilhom il-Kummissjoni għandha tinforma b’ mod dettaljat dwar is-sitwazzjoni attwali, skont il-Fond u l-Istat Membru, tal-implimentazzjoni tal-pagamenti, tat-talbiet għal rimborżi riċevuti u tal-previżjonijiet riveduti. B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha tagħha li jirriżultaw mill-impenji eżistenti u futuri fil-perjodu 2021-2027 f'konformità mal-Artikolu 323 TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom janalizzaw u jiddiskutu l-estimi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell meħtieġ ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament.

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).
(2)      Id-diversi stadji jinkludu: il-baġit tas-sena finanzjarja kurrenti (inklużi baġits emendatorji adottati); l-abbozz inizjali tal-baġit; il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit; l-emendi tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill u l-ittri ta’ emendi ppreżentati mill-Kummissjoni (jekk ma jkunux diġà approvati b’mod sħiħ mill-istituzzjonijiet kollha).
(3)      Linja baġitarja meqjusa teknikament magħluqa hija linja li dwarha ma jkun hemm l-ebda nuqqas ta' qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u li dwarha ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda ittra ta' emenda.
Top