EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0308

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili

COM/2018/308 final - 2018/0155 (NLE)

Brussell,18.5.2018

COM(2018) 308 final

2018/0155(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Kuntest tal-Proposta

·Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fis-7 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill ta awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni biex twettaq negozjati mal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fir-rigward tas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili biex b’hekk jiġu ffaċilitati l-kummerċ u l-investiment fil-prodotti, fil-parts u fl-apparati ajrunawtiċi bejn l-UE u ċ-Ċina. Il-Kunsill indirizza ġabra ta’ direttivi ta’ negozjati lill-Kummissjoni biex din twettaq dawn in-negozjati, u ħatar kumitat speċjali għall-konsultazzjonijiet f’dan ir-rigward.

·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-Ftehim jirrifletti l-istruttura tal-Ftehimiet Bilaterali eżistenti dwar is-Sikurezza fl-Avjazzjoni (“BASAs”) bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada u l-Brażil).

·Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim se jaqdi l-għan fundamentali tal-politika tal-avjazzjoni esterna tal-Unjoni billi jtejjeb is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment fil-prodotti ajrunawtiċi.

2.Bażi Ġuridika, Sussidjarjetà u Proporzjonalità

·Bażi ġuridika

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu.

·Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli.

·Proporzjonalità

Mhux applikabbli.

·Għażla tal-istrument

Il-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa l-aktar strument effiċjenti biex jintlaħaq l-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u tal-monitoraġġ tal-prodotti, parts u apparati ajrunawtiċi kif ukoll is-sorveljanza tal-produzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali.

3.Riżultati tal-Evalwazzjonijiet Ex Post, tal-Konsultazzjonijiet mal-Partijiet Ikkonċernati u tal-Valutazzjonijiet tal-Impatti

·L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni wettqet in-negozjati b’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali. Waqt in-negozjati saru wkoll konsultazzjonijiet mal-industrija. Tqiesu l-kummenti li saru f’dan il-proċess.

·Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

·Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

·Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.Implikazzjonijiet Baġitarji

Mhux applikabbli.

5.Elementi Oħrajn

·Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Mhux applikabbli.

·Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Fid-29 ta’ Settembru 2017, wara erba’ (4) ċikli ta’ negozjati bejn il-Kummissjoni (DĠ MOVE) u l-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili taċ-Ċina (CAAC), iż-żewġ timijiet tan-negozjar qablu dwar abbozz ta’ test għall-Ftehim u l-anness tiegħu dwar l-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali. It-test ġie inizjalat fit-8 ta’ Diċembru 2017.

Bħal fil-każ tal-BASAs eżistenti, il-Ftehim huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka fis-sistemi rispettivi tal-partijiet u fuq il-paragun tad-differenzi regolatorji. Għaldaqstant, dan jinvolvi obbligi u metodi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-aġenti tekniċi biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu joħorġu ċ-ċertifikati tagħhom dwar il-prodott, part jew apparat ajrunawtiku mingħajr ma jiġu mtennija l-valutazzjonijiet kollha magħmula mill-awtorità l-oħra.

L-abbozz jistipula li kull parti għandha taċċetta s-sejbiet ta’ konformità bħala riżultati tal-proċeduri speċifikati tal-Awtorità Kompetenti tal-Parti l-oħra (Artikolu 4.1). Il-mezzi biex dan isir, jiġifieri l-kooperazzjoni u l-aċċettazzjoni reċiproka tas-sejbiet taċ-ċertifikazzjoni tal-partijiet rispettivi fil-qasam tal-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali (metodi, ambitu f’termini ta’ prodotti jew servizzi u differenzi regolatorji), huma stabbiliti fl-Annessi tal-Ftehim.

L-abbozz tal-Ftehim jiżgura wkoll li tinżamm il-kunfidenza reċiproka bejn il-partijiet permezz tal-mekkaniżmu xieraq. Huwa jipprevedi sistema ta’ kooperazzjoni u konsultazzjoni kontinwa li tkun implimentata permezz ta’ kooperazzjoni akbar fil-qafas ta’ verifiki, spezzjonijiet, notifiki u konsultazzjonijiet f’waqthom dwar kull kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (Artikoli 4.5, 7, 8 u 9).

L-abbozz tal-Ftehim jagħti wkoll il-possibbiltà lill-Partijiet li jikkunsidraw modi kif itejbu aktar il-funzjonament tal-Ftehim u li jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal modifiki li jinkludu ż-żieda ta’ annessi ġodda mal-Ftehim permezz tal-Kumitat Konġunt (Artikolu 3).

Dispożizzjonijiet ewlenin tal-Ftehim:

L-abbozz tal-Ftehim ikopri mill-bidu l-prodotti aeronawtiċi kollha. Madankollu, dispożizzjoni fl-Anness 1 (paragrafu 4.4.2.2.) se tiżgura, għal prodotti Ċiniżi ġodda li jidħlu fis-suq tal-UE, li l-EASA teżerċita proċeduri u skrutinju speċjali waqt l-ewwel validazzjoni ta’ kategorija ta’ prodott partikolari u li kwalunkwe validazzjoni sussegwenti mbagħad issegwi l-prinċipju tal-“Livell ta’ Involviment”. L-Anness 1 (paragrafu 4.4.2.1.) fih lista dettaljata ta’ fatturi skont liema għandu jiġi stabbilit il-“Livell ta’ Involviment”.

Rigward l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati maħruġa minn kull parti, ġie miżjud Appendiċi fl-Anness 1, li jiddeskrivi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ aċċettazzjoni u ta’ validazzjoni taċ-ċertifikati. Biex jitqiesu l-livelli differenti ta’ maturità tas-sistemi regolatorji implimentati fl-UE u fiċ-Ċina, l-Appendiċi jiddikjara li l-modalitajiet għaċ-ċertifikati tal-UE u għaċ-ċertifikati maħruġa mis-CAAC huma differenti. Id-dispożizzjonijiet fl-Appendiċi inaqqsu u jillimitaw sostanzjalment l-involviment tas-CAAC fil-validazzjoni taċ-ċertifikati tal-EASA u għalhekk jiffrankaw il-ħin u l-kostijiet għall-industrija Ewropea. Min-naħa l-oħra, għaċ-ċertifikati tas-CAAC, se jkun hemm biss tnaqqis fil-Livell ta’ Involviment tal-EASA għal tibdil minuri u tiswijiet (aċċettazzjoni awtomatika) u għal xi Ordni tal-Istandard Tekniku.

Rigward il-produzzjoni Ċiniża ta’ prodotti ajrunawtiċi għall-esportazzjoni lejn l-UE, ġie miftiehem ukoll li l-EASA se tħejji lista ta’ Detenturi taċ-Ċertifikat ta’ Produzzjoni Ċiniż, li l-produzzjoni tagħhom hija aċċettata mill-Unjoni Ewropea (Anness, paragrafu 4.5.9.). Din il-lista se tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-EASA. Is-CAAC mhux se tkun involuta formalment fil-ħolqien jew fil-manutenzjoni ta’ din il-lista, u s-CAAC lanqas m’għandu dritt tal-veto fuq il-kontenut tal-lista. Din id-dispożizzjoni kienet inkluża fil-Ftehim, minħabba s-sejbiet li rriżultaw mill-eżerċizzju tal-bini ta’ kunfidenza mill-EASA, li rriżulta f’għadd ta’ osservazzjonijiet.

Fir-rigward tas-siti tal-manifattura tal-UE fiċ-Ċina, il-Ftehim jipprevedi li Ċertifikat tal-Produzzjoni tal-EASA jista’ jiġi estiż biex jinkludi siti tal-manifattura fiċ-Ċina (Anness, paragrafu 4.5.4.), li huwa partikolarment importanti għall-industrija tal-UE li għandha s-siti tal-produzzjoni fiċ-Ċina. L-arranġamenti eżistenti ma jistgħux jinbidlu mingħajr l-approvazzjoni taż-żewġ naħat (Anness, paragrafu 4.5.5.).

Meta mqabbel ma’ BASAs eżistenti, il-Ftehim diġà jinkludi fl-Artikolu 3 (kamp ta’ applikazzjoni) kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ kooperazzjoni, li jkopri oqsma ta’ kooperazzjoni futuri potenzjali, b’mod partikolari dwar il-liċenzjar u t-taħriġ tal-persunal, it-tħaddim ta’ inġenji tal-ajru, kif ukoll is-servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

Il-Ftehim joħloq ukoll il-qafas għall-kooperazzjoni regolatorja, l-assistenza reċiproka u t-trasparenza (Artikolu 7) u fih ukoll dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza (Artikolu 8). Il-Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi li jsaħħu l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta’ data u informazzjoni riżervata (Artikolu 10 u Anness paragrafu 4.3) u l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi (Artikolu 14.2).

Fl-aħħarnett, il-Ftehim jistabbilixxi kumitat konġunt għall-amministrazzjoni tal-Ftehim (Artikolu 11) u l-ewwel sottokumitat konġunt relatat mal-ajrunavigabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali (Anness, paragrafu 3.1).

2018/0155 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)    Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, innegozjat Ftehim dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati;

(2)    F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill [ ], il-Ftehim ġie ffirmat fil-…….. 2018, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(3)    Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat.

(4)    Jeħtieġ li jiġu stipulati l-arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi konġunti stabbiliti mill-Ftehim, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-emendar tal-Ftehim u tal-Annessi tiegħu, iż-żieda ta’ annessi ġodda, it-terminazzjoni ta’ annessi individwali, il-konsultazzjonijiet u s-soluzzjoni tat-tilwim, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

2.    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa tipproċedi, f’isem l-Unjoni, biex tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 17.1 tal-Ftehim, u b’hekk tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

1.    L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Kumitat Konġunt tal-Partijiet stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Ftehim mill-Kummissjoni Ewropea, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u akkumpanjata mill-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni bħala rappreżentanti tal-Istati Membri.

2.    L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata fil-Bord tas-Sorveljanza taċ-Ċertifikazzjoni stabbilit fil-paragrafu 3.1.1. tal-Anness1 tal-Ftehim mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni assistita mill-Awtoritajiet tal-Avjazzjoni direttament ikkonċernati mill-aġenda għal kull laqgħa.

Artikolu 4

1.    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-Partijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

l-adozzjoni jew l-emendar tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt tal-Partijiet previst fl-Artikolu 11 tal-Ftehim.

2.    Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill, tista’ tieħu l-azzjoni li ġejja:

tadotta miżuri ta’ salvagwardja skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim,

titlob li jsiru konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim,

tieħu miżuri għas-sospensjoni skont l-Artikolu 16 tal-Ftehim,

kwalunkwe emenda tal-annessi tal-Ftehim skont l-Artikolu 17.6 tal-Ftehim safejn dawn l-emendi jkunu konsistenti mal-atti legali rilevanti tal-Unjoni, u ma jinvolvu l-ebda modifika tagħhom,

kwalunkwe azzjoni oħra li trid tittieħed minn Parti kif previst fil-Ftehim, soġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-liġi tal-UE.

3.    Il-Kunsill għandu jiddeċiedi, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, dwar proposta mill-Kummissjoni u skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, fir-rigward ta’ kwalunkwe emenda oħra għall-Ftehim li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, inkluża t-terminazzjoni tal-Annessi individwali skont l-Artikolu 17.4 tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

Top

Brussell,18.5.2018

COM(2018) 308 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili


FTEHIM

DWAR IS-SIKUREZZA FL-AVJAZZJONI ĊIVILI

BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

L-UNJONI EWROPEA u l-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA (minn hawn ’il quddiem magħrufa individwalment bħala “Parti” u kollettivament “il-Partijiet”),

WARA LI GĦARFU t-tendenza kontinwa lejn id-disinn, il-produzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni multinazzjonali tal-Prodotti Ajrunawtiċi Ċivili;

XEWQANA li jippromwovu s-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u l-kwalità u l-kompatibbiltà ambjentali u li jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ Prodotti Ajrunawtiċi Ċivili;

XEWQANA li jtejbu l-kooperazzjoni u jżidu l-effiċjenza fi kwistjonijiet marbuta mas-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili;

WARA LI KKUNSIDRAW li l-kooperazzjoni tagħhom tista’ tikkontribwixxi b’mod pożittiv sabiex tinkoraġġixxi armonizzazzjoni internazzjonali akbar tal-istandards u l-proċessi;

WARA LI KKUNSIDRAW it-tnaqqis possibbli fil-piż ekonomiku impost fuq l-industrija tal-avjazzjoni bi spezzjonijiet tekniċi, evalwazzjonijiet, u ttestjar żejda;

WARA LI GĦARFU li kwalunkwe aċċettazzjoni reċiproka tas-sejbiet fil-konformità u taċ-ċertifikati jeħtieġ li toffri assigurazzjoni ta’ konformità mar-regolamenti tekniċi applikabbli jew standards ekwivalenti għall-assigurazzjoni offruta mill-proċeduri ta’ waħda mill-Partijiet stess;

WARA LI GĦARFU li kwalunkwe aċċettazzjoni reċiproka bħal din teħtieġ ukoll il-fiduċja kontinwa ta’ kull Parti fl-affidabbiltà tal-proċessi ta’ konstatazzjoni tal-konformità tal-Parti l-oħra fl-oqsma kollha koperti b'dan il-Ftehim;

WARA LI GĦARFU x-xewqa tal-Partijiet għal kooperazzjoni regolatorja fis-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u l-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali abbażi tal-komunikazzjoni kontinwa u l-fiduċja reċiproka,

WARA LI GĦARFU l-impenji rispettivi tal-Partijiet skont ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali li jittrattaw is-sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u l-kompatibbiltà ambjentali,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għanijiet

L-għanijiet ta’ dan il-Ftehim huma:

(a)il-faċilitazzjoni tal-aċċettazzjoni reċiproka tas-sejbiet ta’ konformità u taċ-ċertifikati maħruġa mill-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti, kif previst fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim

(b)il-faċilitazzjoni tad-dimensjoni multinazzjonali tal-industrija tal-avjazzjoni ċivili.

(c)il-faċilitazzjoni u l-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti u tas-servizzi Ajrunawtiċi Ċivili.

(d)il-promozzjoni tal-kooperazzjoni lejn livell għoli ta’ sikurezza fl-avjazzjoni ċivili u l-kompatibbiltà ambjentali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“Organizzazzjonijiet approvati” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika ċertifikata mill-Awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Parti, biex teżerċità privileġġi marbuta mas-suġġett fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

(b)“Ċertifikat” tfisser kwalunkwe approvazzjoni, liċenzja jew dokument ieħor maħruġ bħala forma ta’ rikonoxximent tal-konformità ta’ prodott ajrunawtiku ċivili, organizzazzjoni jew persuna mar-rekwiżiti applikabbli li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Partijiet rispettivi.

(c)“Prodott Ajrunawtiku Ċivili” tfisser kwalunkwe inġenju tal-ajru ċivili, magna ta’ inġenju tal-ajru, jew skrun ta’ inġenju tal-ajru jew sottounità, apparat, parti, jew komponent installat jew li għandu jiġi installat fuqu.

(d)“Awtorità Kompetenti” tfisser aġenzija tal-gvern jew entità li tiġi ddeżinjata bħala Awtorità Kompetenti minn xi waħda mill-Partijiet għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, biex teżerċita dritt legali sabiex tevalwa l-konformità u li tissorvelja l-użu ta’ Prodotti Ajrunawtiċi Ċivili, servizzi , operazzjonijiet jew ċertifikati fil-ġurisdizzjoni ta’ waħda mill-Partijiet, u li tista’ tieħu azzjoni ta’ infurzar biex dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli fil-ġurisdizzjoni ta’ dik il-Parti.

(e)“Rappreżentanti ddeżinjati” tfisser kwalunkwe persuna legali jew naturali b’mandat skont il-liġi li twettaq valutazzjonijiet tal-konformità u li tikkomunika s-sejbiet f’isem l-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni ċivili taċ-Ċina.

(f)“Monitoraġġ” ifisser is-sorveljanza perjodika minn Awtorità Kompetenti biex tiġi ddeterminata l-konformità kontinwa mar-rekwiżiti legali xierqa applikabbli.

(g)“Aġent Tekniku" tfisser, għall-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili taċ-Ċina - CAAC, u għall-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni - EASA.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim jinkludi l-oqsma li ġejjin:

(a)Iċ-Ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà u l-Monitoraġġ ta’ Prodotti Ajrunawtiċi Ċivili;

(b)L-ittestjar ambjentali u Ċertifikati ta’ Prodotti Ajrunawtiċi Ċivili;

(c)Iċ-ċertifikazzjoni u l-monitoraġġ ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni;

(d)Iċ-ċertifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet ta’ manutenzjoni;

(e)Il-liċenzjar u t-taħriġ tal-persunal;

(f)It-tħaddim ta’ inġenji tal-ajru;

(g)Is-servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru; u

(h)Oqsma oħra soġġetti għall-Annessi għall-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f'Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Konvenzjoni").

2.Għal kwistjonijiet fl-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiżviluppaw Annessi u Proċeduri ta’ Implimentazzjoni assoċjati li jiddeskrivu t-termini, il-kundizzjonijiet u l-metodi għal aċċettazzjoni reċiproka ta’ sejbiet ta’ konformità u Ċertifikati, inklużi arranġamenti tranżizzjonali fejn meħtieġ, meta jaqblu li l-istandards, ir-regoli, il-prattiki, il-proċeduri u s-sistemi tal-avjazzjoni ċivili rispettivi tagħhom huma ekwivalenti jew kompatibbli biżżejjed biex jippermettu l-aċċettazzjoni ta’ Ċertifikati u sejbiet ta’ konformità ma’ standards miftiehma magħmula minn Parti waħda f'isem l-oħra. Differenzi tekniċi bejn is-sistemi tal-avjazzjoni ċivili tal-Partijiet għandhom jiġu indirizzati fl-Annessi.

Artikolu 4

Obbligi ġenerali

1.Kull Parti għandha taċċetta sejbiet ta’ konformità u Ċertifikati magħmula mill-Awtoritajiet Kompetenti tal-Parti l-oħra, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi għal dan il-Ftehim, inklużi arranġamenti tranżitorji fejn meħtieġ, li jifformaw parti integrali minnu.

2.Ħlief kif speċifikat fl-Annessi għal dan il-Ftehim, dan il-Ftehim m'għandux jinftiehem li jinvolvi aċċettazzjoni reċiproka jew rikonoxximent ta’ standards jew regolamenti tekniċi tal-Partijiet.

3.Is-sejbiet magħmula minn Rappreżentanti Ddeżinjati jew Organizzazzjonijiet Approvati, awtorizzati mil-leġiżlazzjoni applikabbli ta’ xi waħda mill-Partijiet biex jagħmlu l-istess sejbiet bħal Awtorità Kompetenti, għandhom jingħataw l-istess validità bħal dawk magħmula minn Awtorità Kompetenti nnifisha għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

4.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-Awtoritajiet Kompetenti tagħhom jibqgħu kapaċi u jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom skont dan il-Ftehim, inklużi l-Annessi tiegħu.

5.Biex tkun żgurata l-fiduċja kontinwa minn kull Parti fl-affidabbiltà tal-proċessi ta’ konstatazzjoni tal-konformità tal-Parti l-oħra, kull Aġent Tekniku jista’ jipparteċipa fl-attivitajiet interni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, skont proċeduri definiti fl-Annessi ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 5

Preżervazzjoni ta’ Awtorità Regolatorja u Miżuri ta’ Salvagwardja

1.Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jinftiehem li jillimita l-awtorità ta’ Parti milli: 

A.Tistabbilixxi, permezz tal-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi tagħha, il-livell ta’ protezzjoni li tqis xieraq għas-sikurezza, għall-ambjent, u wkoll fir-rigward tar-riskji fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

B.Tieħu l-miżuri xierqa u immedjati kollha kull meta jkun hemm riskju raġonevoli li prodott, servizz jew kwalunkwe attività fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, jista’:

(a)jikkomprometti s-saħħa jew is-sikurezza ta’ persuni jew tal-ambjent;

(b)ma jikkonformax mal-miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi applikabbli ta’ dik il-Parti; jew

(c)b’xi mod jonqos milli jissodisfa rekwiżiti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness applikabbli għal dan il-Ftehim.

2.Meta xi waħda mill-Partijiet tieħu miżuri skont il-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tinforma bil-miktub lill-Parti l-oħra fi żmien 15-il jum li tkun ħadet tali miżuri, u tagħti r-raġunijiet għalihom.

3.Miżuri meħuda skont dan l-Artikolu m'għandhomx jinftiehmu jew jiġu interpretati minn kwalunkwe Parti bħala ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 6

Komunikazzjoni

1.Malli jiffirmaw dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-punti ta’ kuntatt rilevanti għall-implimentazzjoni tiegħu.

2.Il-komunikazzjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim bejn il-Partijiet u / jew l-Awtoritajiet Kompetenti għandhom ikunu bil-lingwa Ingliża.

3.Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-identità tal-Awtorità jew l-Awtoritajiet Kompetenti tagħha.

Artikolu 7

Kooperazzjoni regolatorja, assistenza reċiproka u trasparenza

1.Kull Parti għandha tassigura li l-Parti l-oħra tinżamm infurmata dwar il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards u r-rekwiżiti relevanti tagħha kollha kif ukoll dwar is-sistema tagħha għall-ħruġ taċ-Ċertifikati.

2.Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bir-reviżjonijiet sinifikanti proposti tagħhom għal-liġijiet, regolamenti, standards u rekwiżiti rilevanti tagħhom, u għas-sistemi tagħhom għall-ħruġ taċ-Ċertifikati, jekk dawn ir-reviżjonijiet jista’ jkollhom impatt fuq dan il-Ftehim. Sa fejn ikun prattikabbli, huma għandhom joffru lil xulxin l-opportunità biex jikkummentaw dwar dawn ir-reviżjonijiet u jqisu kif jixraq tali kummenti.

3.L-Aġenti Tekniċi jistgħu jiżviluppaw proċeduri dwar il-kooperazzjoni regolatorja fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

4.Għall-iskop li jinvestigaw u jsolvu kwistjonijiet ta’ sikurezza, il-Partijiet jistgħu jippermettu lil xulxin jipparteċipaw bħala osservaturi fl-attivitajiet ta’ superviżjoni ta’ xulxin kif speċifikat fl-Anness rilevanti.

5.Għal skopijiet ta’ sorveljanza u spezzjonijiet, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti għandhom jassistu lill-Awtoritajiet Kompetenti tal-Parti l-oħra bl-għan li jiksbu aċċess mingħajr xkiel għal entitajiet regolati suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħha.

Artikolu 8

Skambju ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza

Il-Partijiet jaqblu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u soġġetti għal-leġiżlazzjoni applikabbli tagħhom:

(a)li jipprovdu lil xulxin, fuq talba u f'ħin opportun, informazzjoni disponibbli għall-Aġenti Tekniċi tagħhom relatati ma’ aċċidenti jew inċidenti jew okkorrenzi serji fir-rigward ta’ prodotti, servizzi jew attivitajiet koperti bl-Annessi għal dan il-Ftehim, u

(b)li jiskambjaw informazzjoni oħra ta’ sikurezza skont il-proċeduri żviluppati mill-Aġenti Tekniċi.

Artikolu 9

Kooperazzjoni fl-Attivitajiet ta’ Infurzar

Il-Partijiet jaqblu, soġġetti għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, li jipprovdu, meta mitluba u soġġetti għad-disponibbiltà ta’ riżorsi meħtieġa, permezz tal-Aġenti Tekniċi jew Awtoritajiet Kompetenti tagħhom, kooperazzjoni reċiproka u assistenza f'investigazzjonijiet jew proċeduri ta’ infurzar skont l-ambitu ta’ dan il-Ftehim. Barra minn hekk, kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti oħra minnufih dwar kwalunkwe investigazzjoni meta jkunu involuti interessi reċiproċi.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità u Protezzjoni ta’ Dejta u Informazzjoni Riżervati

1.Kull Parti taqbel li żżomm, soġġetta għal kwalunkwe limitazzjoni imposta skont il-leġiżlazzjoni tagħha, il-kunfidenzjalità tad-dejta u tal-informazzjoni li tirċievi mill-Parti l-oħra fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim.

2.B’mod partikolari, soġġetti għal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom, il-Partijiet la għandhom jiżvelaw lil parti terza, inkluż il-pubbliku, u lanqas jippermettu lil Awtorità Kompetenti li tiżvela lil parti terza, inkluż il-pubbliku, kwalunkwe dejta u informazzjoni li huma jirċievu mingħand xulxin skont dan il-Ftehim li jikkostitwixxu sigrieti kummerċjali, proprjetà intellettwali, informazzjoni kunfidenzjali kummerċjali jew finanzjarja, dejta jew informazzjoni riżervata li għandha x'taqsam ma’ investigazzjoni li tkun għaddejja. Għal dan il-għan, tali dejta u informazzjoni għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali, riżervati jew sigriet kummerċjali, u għandhom ikunu mmarkati b'mod ċar bħala tali, kif xieraq.

3.Parti jew Awtorità Kompetenti tista’, meta tipprovdi dejta u informazzjoni lill-Parti l-oħra jew lil Awtorità Kompetenti tal-Parti l-oħra, tindika dawk il-partijiet tad-dejta u tal-informazzjoni li hija tikkunsidra bħala eżenti mill-iżvelar.

4.Jekk Parti ma taqbilx mal-klassifikazzjoni mill-Parti l-oħra ta’ dejta u informazzjoni pprovduti bħala kunfidenzjali, riżervati jew sigriet kummerċjali, allura l-Parti li ma taqbilx mal-klassifikazzjoni għandha titlob konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 biex tindirizza l-kwistjoni.

5.Kull Parti għandha tieħu l-prekawzjonijiet raġonevoli kollha li jkunu meħtieġa biex tipproteġi d-dejta u l-informazzjoni li tirċievi taħt dan il-Ftehim minn żvelar mhux awtorizzat.

6.Il-Parti li tirċievi d-dejta u l-informazzjoni mill-Parti l-oħra skont dan il-Ftehim m’għandhiex tikseb xi drittijiet riżervati fi proprjetà intellettwali jew industrijali minħabba li tkun irċevietha mill-Parti l-oħra.

Artikolu 11

Kumitat Konġunt tal-Partijiet

1.Kumitat Konġunt, iffurmat minn rappreżentanti ta’ kull Parti huwa b’dan stabbilit. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli għall-funzjonament effettiv ta’ dan il-Ftehim u għandu jiltaqa’ f’intervalli regolari biex jevalwa l-effikaċja tal-implimentazzjoni tiegħu.

2.Il-Kumitat Konġunt jista’ jikkunsidra kwalunkwe suġġett marbut mal-funzjonament u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, huwa għandu jkun responsabbli biex:

(a)isolvi kwalunkwe mistoqsija relatata mal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim inklużi l-Annessi tiegħu,

(b)jikkunsidra modi sabiex jitjieb l-operat ta’ dan il-Ftehim u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Partijiet għall-emendar ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 17,

(c)jadotta emendi għall-Annessi,

(d)jikkoordina l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ Annessi ġodda skont l-Artikolu 17; u

(e)jadotta, kif ikun xieraq, proċeduri ta’ ħidma dwar kooperazzjoni u trasparenza regolatorja għall-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3.

3.Il-Kumitat Konġunt għandu jifformola u jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

Artikolu 12

Irkupru tal-kostijiet

Kull Parti għandha tfittex li tassigura li kwalunkwe tariffa jew ħlas impost mill-Aġent Tekniku tagħha lil persuna ġuridika jew fiżika li l-attivitajiet tagħha jkunu rregolati b’dan il-Ftehim ikunu ġusti, raġonevoli u proporzjonati mas-servizzi pprovduti, u ma għandhomx joħolqu ostaklu għall-kummerċ.

Artikolu 13

Ftehimiet Oħra

1.Ħlief fejn huwa speċifikat mod ieħor fl-Annessi, l-obbligi stipulati fi ftehimiet konklużi minn xi waħda mill-Partijiet ma’ pajjiż terz li ma jkunx parti għal dan il-Ftehim ma jkollhom la forza u lanqas effett fir-rigward tal-Parti l-oħra skont il-Ftehim.

2.Malli jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu post kwalunkwe ftehim bilaterali dwar is-sikurezza fl-avjazzjoni jew arranġamenti bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni koperta b'dan il-Ftehim li tkun ittieħdet azzjoni fuqha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.

3.Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-Aġenti Tekniċi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jemendaw jew itemmu, kif xieraq, arranġamenti preċedenti bejniethom.

4.Soġġett għall-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet minn kwalunkwe ftehim internazzjonali ieħor.

Artikolu 14

Applikazzjoni

1.Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għas-sistema regolatorja tal-avjazzjoni ċivili tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u, min-naħa l-oħra, għas-sistema regolatorja tal-avjazzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea.

2.Il-Partijiet għandhom l-istess għan li jimmassimizzaw il-benefiċċji ta’ dan il-Ftehim billi possibbilment jiġi estiż biex jinkludi pajjiżi terzi. Għal dan il-għan, il-Kumitat Konġunt, stabbilit skont l-Artikolu 11, għandu jikkunsidra, kif xieraq, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri, inklużi kwalunkwe emendi neċessarji għal dan il-Ftehim li jkunu meħtieġa biex pajjiżi terzi jaderixxu ma’ dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Konsultazzjonijiet u Soluzzjoni ta’ Nuqqasijiet ta’ Qbil

1.Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvu kwalunkwe nuqqas ta’ qbil bejniethom fir-rigward tal-kooperazzjoni tagħhom taħt dan il-Ftehim fl-inqas livell tekniku possibbli permezz ta’ konsultazzjoni skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Annessi għal dan il-Ftehim.

2.F’każ li xi nuqqas ta’ qbil ma jiġix solvut kif ipprovdut fil-Paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, wieħed mill-Aġenti Tekniċi jista’ jirreferi n-nuqqas ta’ qbil lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 11, li għandu jikkonsulta dwar il-kwistjoni.

3.Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra dwar kwalunkwe materja relatata ma’ dan il-Ftehim. Il-Parti l-oħra għandha tidħol f’konsultazzjonijiet fi żmien miftiehem bejn il-Partijiet fi żmien 45 jum.

Artikolu 16

Sospensjoni tal-Obbligi ta’ Aċċettazzjoni Reċiproka

1.Parti tista’ tissospendi, kompletament jew parzjalment, l-obbligi ta’ aċċettazzjoni tagħha speċifikati skont Anness ta’ dan il-Ftehim, meta l-Parti l-oħra tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha speċifikati skont il-Ftehim, inklużi l-Annessi tiegħu.

2.Qabel tissospendi l-obbligi ta’ aċċettazzjoni tagħha, Parti għandha titlob konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 15. Jekk il-konsultazzjonijiet ma jsolvux nuqqas ta’ qbil dwar xi wieħed mill-Annessi, waħda mill-Partijiet tista’ tinforma lill-Parti l-oħra bil-ħsieb tagħha li tissospendi l-aċċettazzjoni tas-sejbiet ta’ konformità u ċ-Ċertifikati skont l-Anness, li dwarhom ikun hemm nuqqas ta’ qbil. Tali notifika għandha tkun bil-miktub u tispjega r-raġunijiet għas-sospensjoni.

3.Sospensjoni bħal din għandha tidħol fis-seħħ 30 jum wara d-data tan-notifika, sakemm, qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu, il-Parti li tkun bdiet is-sospensjoni, ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra bil-miktub li qiegħda tirtira n-notifika tagħha. Tali sospensjoni ma għandhiex taffettwa l-validità tas-sejbiet ta’ konformità u ċ-Ċertifikati magħmula mill-Awtorità Kompetenti tal-Parti inkwistjoni qabel id-data li fiha daħlet fis-seħħ is-sospensjoni. Kwalunkwe sospensjoni bħal din li tkun saret effettiva tista’ tiġi rtirata immedjatament wara skambju ta’ korrispondenza bil-miktub għal dak il-għan mill-Partijiet.

Artikolu 17

Dħul fis-Seħħ, Terminazzjoni u Emendi

1.Dan il-Ftehim, inklużi l-Annessi tiegħu, għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara li d-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw noti diplomatiċi li jikkonfermaw it-tlestija tal-proċeduri rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

2.Il-Ftehim, inklużi l-Annessi tiegħu, huwa vinkolanti għaż-żewġ Partijiet u għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm jiġi tterminat minn waħda mill-Partijiet.

3.Parti waħda tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin b’notifika bil-miktub ta’ sitt xhur lill-Parti l-oħra, sakemm l-imsemmi avviż ta’ terminazzjoni ma jkunx ġie rtirat bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet qabel ma jiskadi dan il-perjodu

4.Wara avviż tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim fl-intier tiegħu jew ta’ xi Annessi tiegħu, il-Partijiet għandhom ikomplu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim jew kwalunkwe Anness tiegħu sad-data effettiva tat-terminazzjoni.

5.It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim m'għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi ċertifikati mogħtija mill-Partijiet skont it-termini ta’ dan il-Ftehim, inklużi l-Annessi tiegħu.

6.Il-Partijiet jistgħu jemendaw dan il-Ftehim b’kunsens reċiproku bil-miktub. L-emendi lil dan il-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-aħħar notifika bil-miktub minn Parti waħda lill-Parti l-oħra li l-proċeduri interni tagħha għad-dħul fis-seħħ ikunu tlestew. L-emendi tal-Annessi għandhom isiru b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 11.

7.F’każijiet fejn Parti waħda tfittex li temenda l-Ftehim billi tneħħi jew iżżid Anness wieħed jew aktar u żżomm l-Annessi l-oħra, il-Partijiet għandhom ifittxu li jemendaw dan il-Ftehim b’kunsens, skont il-proċeduri f’dan l-Artikolu. Jekk ma jintlaħaqx kunsens biex jiġu ppreżervati l-Annessi l-oħra, il-Ftehim għandu jiġi tterminat fit-tmiem ta’ sitt xhur mid-data tal-avviż sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

8.Kull Anness individwali żviluppat wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3, għandu jidħol fis-seħħ wara deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 11.

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, li huma awtorizzati kif xieraq għal dan l-iskop, iffirmaw dan il-Ftehim magħmul, f’żewġ kopji, fi XX, illum XX ta’ XXX 201X, bil-Bulgaru, iċ-Ċek, il-Kroat, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Iżvediż u biċ-Ċiniż, b’kull verżjoni tkun ugwalment awtentika. F'każ ta’ diverġenza fl-interpretazzjoni, għandha tirbaħ il-verżjoni bl-Ingliż.

GĦALL-UNJONI EWROPEA / GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

ANNESS 1

AJRUNAVIGABBILTÀ U ĊERTIFIKAZZJONI AMBJENTALI

1.KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

1.1.Dan l-Anness ikopri 1) l-aċċettazzjoni reċiproka ta’ sejbiet ta’ konformità, ċertifikati u dokumentazzjoni, u 2) appoġġ tekniku rigward:

(a)l-ajrunavigabbiltà u l-ajrunavigabbiltà kontinwa ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili (minn hawn' il quddiem imsejħa "prodotti");

(b)organizzazzjonijiet ta’ disinn u produzzjoni; u

(c)storbju, ventilazzjoni tal-fjuwil, u emissjonijiet tal-egżost, inklużi emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju meta applikabbli.

1.2.Magni użati jew mibnija mill-ġdid, skrejjen, parts u apparati ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness meta jitqiesu individwalment. L-inġenji tal-ajru użati jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness.

1.3.L-Approvazzjonijiet tal-Manifatturi tal-Partijiet maħruġa fil-kuntest tas-sistema ta’ sorveljanza tal-ajrunavigabbiltà taċ-Ċina ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Anness.

2.DEFINIZZJONIJIET

2.1.Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)"Rapport ta’ Evalwazzjoni ta’ Inġenju tal-Ajru" tfisser ir-rapport żviluppat mill-Grupp tal-Evalwazzjoni tal-Inġenji tal-Ajru taħt il-Kapitolu 15 ta’ CCAR-21-R4. Rapport ta’ Evalwazzjoni ta’ Inġenju tal-Ajru mhuwiex kopert direttament miċ-ċertifikat tat-tip CAAC jew validazzjoni ta’ ċertifikat tat-tip, iżda huwa vvalutat minn Grupp ta’ Evalwazzjoni tal-Inġenji tal-Ajru fis-sistema CAAC biex jappoġġa aspetti operazzjonali speċifiċi tat-tip li għalihom huwa responsabbli d-detentur taċ-ċertifikat tat-tip.

(b)"Tikketta ta’ Approvazzjoni tal-Ajrunavigabbiltà" tfisser dikjarazzjoni minn persuna jew organizzazzjoni taħt is-superviżjoni regolatorja tal-Parti li Tesporta, li tgħid li Prodott Ajrunawtiku Ċivili ġdid, minbarra inġenju tal-ajru komplut, jikkonforma ma’ disinn approvat u huwa f'kundizzjoni għal tħaddim sigur. Il-Formola CAAC, AAC-038 u l-Formola 1 EASA huma Tikketti ta’ Approvazzjoni tal-Ajrunavigabbiltà.

(c)"Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni" tfisser l-Awtorità li ħarġet Ċertifikat tad-Disinn bħala Awtorità li twettaq ir-responsabbiltajiet ta’ Stat ta’ Disinn għal Prodott.

(d)Tibdiliet fid-disinn tat-tip huma kklassifikati bħala minuri u maġġuri. “Tibdila minuri” hija waħda li ma jkollha l-ebda effett apprezzabbli fuq il-massa, il-bilanċ, is-saħħa strutturali, l-affidabbiltà, il-karatteristiċi operazzjonali, il-ħoss, l-ivventjar tal-karburant, l-emissjoni ta’ egżost, jew kwalunkwe karatteristika oħra li tista’ taffettwa l-ajrunavigabbiltà tal-prodott. Il-bidliet l-oħra kollha huma “bidliet maġġuri”.

(e)“Ċertifikat tad-Disinn” ifisser forma ta’ rikonoxximent minn Parti li d-disinn jew il-bidla f’disinn ta’ prodott ajrunawtiku ċivili jissodisfa standards ta’ ajurnavigabbiltà u, kif applikabbli, rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali b'mod partikolari rigward storbju, ivventjar ta’ karburanti jew emissjonijiet ta’ egżost, stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ f'dik il-Parti.

(f)“Rekwiżiti Operazzjonali relatati mad-Disinn” ifissru r-rekwiżiti operazzjonali, inklużi ambjentali, li jaffettwaw il-karatteristiċi tad-disinn tal-prodott jew id-dejta dwar id-disinn relatata mal-operazzjonijiet jew il-manutenzjoni tal-prodott li jagħmluha eliġibbli għal tip ta’ operazzjoni partikolari.

(g)“Esportazzjoni” tfisser il-proċess li bih Prodott Ajrunawtiku Ċivili jiġi rilaxxat minn sistema regolatorja għal oħra.

(h)“Ċertifikat għall-Esportazzjoni tal-kapaċità tan-navigazzjoni fl-ajru” tfisser dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni mill-Parti li Tesporta - jew, għal inġenji tal-ajru użati, mill-Awtorità Kompetenti tal-Istat tar-Reġistru li minnu jiġi esportat il-prodott - li inġenju tal-ajru sħiħ jikkonforma mar-rekwiżiti tal-ajrunavigabbiltà u ambjentali nnotifikati mill-Parti li Timporta.

(i)“Il-Parti li Tesporta” tfisser il-Parti li mis-sistema ta’ sorveljanza tal-produzzjoni tagħha jiġi esportat Prodott Ajrunawtiku Ċivili.

(j)“Importazzjoni” tfisser il-proċess li bih prodott ajrunawtiku ċivili esportat jiġi introdott f'sistema regolatorja.

(k)“Il-Parti li Timporta” tfisser il-Parti li fiha jiġi importat Prodott Ajrunawtiku Ċivili.

(l)“Approvazzjoni tal-modifika tad-disinn” tfisser ċertifikat ta’ disinn maħruġ mill-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili taċ-Ċina biex japprova bidliet minuri magħmula minn organizzazzjoni jew persuna għajr dak li għandu l-approvazzjoni tat-tip tad-disinn, għal disinn tat-tip approvat.

(m)“Dejta dwar l-Idoneità Operazzjonali” tfisser is-sett ta’ dejta meħtieġa li għandha tiġi stabbilita mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u approvati skont l-EASA Parti 21.A.15 d) tar-Regolament (UE) Nru 748/2012. Id-Dejta dwar l-Idoneità Operazzjonali hija approvata bħala parti miċ-ċertifikat tat-tip maħruġ mill-Aġent Tekniku tal-Unjoni Ewropea biex tappoġġja aspetti operattivi speċifiċi tat-tip li għalihom huwa responsabbli d-detentur taċ-ċertifikat tat-tip.

(n)“Ċertifikat tal-Produzzjoni” tfisser ċertifikat maħruġ minn Parti waħda għal organizzazzjoni li tkun konformi mar-regolament tal-produzzjoni applikabbli fis-seħħ f'dik il-Parti.

(o)“Awtorità ta’ Validazzjoni” tfisser l-Aġent Tekniku li awtomatikament jaċċetta jew jivvalida, kif speċifikat f'dan l-Anness, Ċertifikat maħruġ mill-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni.

3.Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni

3.1.Stabbiliment u Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni

3.1.1.Korp ta’ koordinazzjoni teknika msejjaħ il-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni, responsabbli lejn il-Kumitat Konġunt tal-Partijiet, huwa b’dan stabbilit taħt it-tmexxija konġunta tal-Aġenti Tekniċi. Għandu jinkludi rappreżentanti minn kull Aġent Tekniku.

3.1.2.Il-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

3.1.3.It-tmexxija konġunta tista’ tistieden parteċipanti addizzjonali biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-mandat tal-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni.

3.2.Mandat

3.2.1.Il-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni għandu jiltaqa’ f'intervalli regolari sabiex jiżgura t-tħaddim u l-implimentazzjoni effettivi ta’ dan l-Anness. Il-funzjonijiet tiegħu għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a)Il-kontribut biex jitnaqqsu d-differenzi fis-sistemi regolatorji, l-istandards u l-proċessi taċ-ċertifikazzjoni tal-Partijiet;

(b)L-iżvilupp, l-approvazzjoni u r-reviżjoni tal-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika msemmija fil-paragrafu 4.2;

(c)Qsim ta’ informazzjoni dwar tħassib maġġuri dwar is-sikurezza u, fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati;

(d)Is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet tekniċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tal-Awtoritajiet Kompetenti li jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness;

(e)Fejn xieraq, l-iżvilupp ta’ mezzi effettivi għal kooperazzjoni, appoġġ tekniku u skambju ta’ informazzjoni dwar rekwiżiti ta’ sikurezza u ambjentali, sistemi ta’ ċertifikazzjoni u sistemi ta’ ġestjoni u ta’ standardizzazzjoni tal-kwalità;

(f)Li jiġu proposti emendi rigward dan l-Anness lill-Kumitat Konġunt tal-Partijiet.

(g)Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5.2.2, jiġu ddefiniti proċeduri biex tiġi żgurata l-fiduċja kontinwa minn kull Parti fl-affidabilità tal-proċessi tal-konstatazzjoni tal-konformità tal-Parti l-oħra;

(h)L-analiżi, u t-teħid ta’ azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri msemmija f’ (g)

3.2.2.Il-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni għandu jirrapporta kwistjonijiet mhux solvuti lill-Kumitat Konġunt tal-Partijiet u jiżgura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitat Konġunt tal-Partijiet dwar dan l-Anness.

4.Implimentazzjoni

4.1.Awtoritajiet kompetenti

4.1.1.L-awtoritajiet kompetenti fir-rigward taċ-Ċertifikazzjoni tad-Disinn huma:

(a)għal Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina: l-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili taċ-Ċina (CAAC); u

(b)għall-Unjoni Ewropea: l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA).

4.1.2.L-awtoritajiet kompetenti fir-rigward taċ-Ċertifikazzjoni tal-Produzzjoni huma:

(a)għal Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina: l-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili taċ-Ċina (CAAC); u

(b)għall-Unjoni Ewropea: l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4.2.Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika

4.2.1.Il-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni għandu jiżviluppa proċeduri ta’ ħidma msejħa “Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika” biex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, notevolment billi jiddefinixxi r-rekwiżiti tal-interfaċċa u l-attivitajiet bejn l-Awtoritajiet Kompetenti.

4.2.2.Dawn il-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika se jindirizzaw id-differenzi bejn is-sistemi ta’ ajrunavigabbiltà u ta’ ċertifikazzjoni ambjentali tal-Partijiet.

4.3.Skambju u protezzjoni ta’ dejta u informazzjoni kunfidenzjali u riżervati

4.3.1.Id-dejta u l-informazzjoni skambjati fil-qafas ta’ attivitajiet fl-ambitu ta’ dan l-Anness huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-Ftehim.

4.3.2.Id-dejta u l-informazzjoni skambjati matul attivitajiet ta’ validazzjoni għandhom ikunu limitati fin-natura u l-kontenut għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dimostrazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tekniċi applikabbli, kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.3.3.Kwalunkwe nuqqas ta’ qbil fir-rigward ta’ talba għal dejta u informazzjoni minn Awtorità Kompetenti jew minn Aġent Tekniku għandu jiġi ttrattat permezz ta’ proċess ta’ eskalazzjoni gradwali, kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika. Kull Parti żżomm id-dritt li tirreferi n-nuqqas ta’ qbil lill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni għar-riżoluzzjoni.

4.4.Disinn

4.4.1.Dispożizzjonijiet Ġenerali

4.4.1.1.Dan l-Anness jindirizza ċ-Ċertifikati tad-Disinn u l-bidliet tiegħu fl-ambitu ddefinit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-anness, u b'mod partikolari:

(a)Ċertifikati tat-tip, inklużi, kif applikabbli, id-dejta dwar l-idoneità operazzjonali;

(b)Ċertifikati tat-tip supplimentari, inkluż, kif applikabbli, id-dejta dwar l-idoneità operazzjonali;

(c)Approvazzjonijiet tad-Disinn ta’ Modifika;

(d)Approvazzjonijiet tad-disinn tat-tiswija;

(e)Approvazzjonijiet ta’ parts u apparati.

4.4.1.2.Ċertifikati tat-tip ristrett maħruġa mill-Aġent Tekniku Ewropew u ċertifikati tat-tip għall-inġenji ta’ kategorija ristretta maħruġa mill-Aġent Tekniku Ċiniż se jiġu indirizzati fuq bażi ta’ każ b'każ mill-Aġenti Tekniċi kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.4.1.3.Għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, il-Partijiet jaqblu li, soġġett għar-rekwiżiti ta’ kwalifika kontinwa ddefiniti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Anness:

(a)Fis-sistema regolatorja Ewropea, id-dimostrazzjoni tal-kapaċità ta’ kwalunkwe organizzazzjoni tad-disinn biex tassumi r-responsabbiltajiet tagħha hija kkontrollata biżżejjed permezz ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-organizzazzjoni tad-disinn.

(b)Fis-sistema regolatorja Ċiniża, id-dimostrazzjoni tal-kapaċità ta’ organizzazzjoni tad-disinn hija żgurata permezz ta’ sistema ta’ assigurazzjoni tad-disinn u kontrolli diretti mwettqa mill-Aġent Tekniku. Din is-sistema tipprovdi għal livell ekwivalenti indipendenti ta’ kontroll tal-konformità.

4.4.1.4.Applikazzjoni għal Ċertifikat tad-Disinn għandha ssir lill-Awtorità ta’ Validazzjoni permezz tal-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni, fejn xieraq u kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.4.2.Livell ta’ involviment tal-Awtorità ta’ Validazzjoni

4.4.2.1.Il-livell ta’ involviment tal-Awtorità ta’ Validazzjoni matul il-proċessi ta’ validazzjoni ddefiniti fil-paragrafu 4.4.5. ta’ dan l-Anness u ddettaljati fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika għandhom jiġu ddeterminati prinċipalment minn:

(a)l-esperjenza u r-rekords tal-Awtorità Kompetenti tal-Parti l-oħra bħala Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni;

(b)l-esperjenza diġà miksuba minn din l-Awtorità ta’ Validazzjoni waqt eżerċizzji ta’ validazzjoni preċedenti mal-Awtorità Kompetenti tal-Parti l-oħra;

(c)in-natura tad-disinn validat, il-prestazzjoni u l-esperjenza tal-applikant mal-Awtorità ta’ Validazzjoni; u

(d)ir-riżultat tal-valutazzjonijiet inizjali u kontinwi tal-kwalifiki rekwiżiti, iddefiniti fil-paragrafu 5.2.

4.4.2.2.L-Awtorità ta’ Validazzjoni għandha teżerċita proċeduri u skrutinju speċjali, b'mod partikolari fuq il-proċessi u l-metodi tal-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni, matul l-ewwel validazzjoni ta’ kategorija ta’ prodott partikolari, kif iddettaljat fi Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika. Għal kull applikazzjoni addizzjonali f'kategorija ta’ prodott partikolari, li tiġi rċevuta qabel ma tkun tlestiet l-ewwel validazzjoni, l-Awtorità ta’ Validazzjoni għandha tiddetermina fuq bażi ta’ każ b'każ jekk il-proċeduri speċjali u l-iskrutinju għandhomx jiġu eżerċitati u sa liema punt.

4.4.2.3.L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji ta’ hawn fuq se tkun imkejla, sorveljata u riveduta regolarment mill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni, bl-użu ta’ metriċi ddefiniti fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.4.3.Bażi taċ-Ċertifikazzjoni

4.4.3.1.Għall-iskop li jinħareġ ċertifikat tat-tip, l-Awtorità ta’ Validazzjoni għandha tirreferi għall-istandards tal-ajrunavigabbiltà għal prodott simili tagħha stess li kienu fis-seħħ fid-data effettiva ta’ applikazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni stabbilita mill-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni, ikkumplimentati, meta applikabbli ,b'kundizzjonijiet tekniċi addizzjonali, kif iddefiniti fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.4.3.2.Ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali użati matul il-proċess ta’ validazzjoni ta’ ċertifikat tat-tip għandhom ikunu r-rekwiżiti applikabbli fis-seħħ fil-Parti tal-Awtorità ta’ Validazzjoni fid-data tal-applikazzjoni għall-validazzjoni lill-Awtorità ta’ Validazzjoni.

4.4.3.3.L-Awtorità ta’ Validazzjoni għandha tispeċifika, meta applikabbli, kwalunkwe:

(a)eżenzjoni għall-istandards applikabbli;

(b)devjazzjoni mill-istandards applikabbli;

(c)fatturi ta’ kumpens li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ sikurezza meta l-istandards applikabbli ma jiġux imħarsa.

4.4.3.4.L-Awtorità ta’ Validazzjoni għandha tispeċifika kwalunkwe kundizzjoni speċjali applikata jew maħsuba li tkun applikata jekk il-kodiċi relatat tal-ajrunavigabbiltà ma jkunx fih standards ta’ sikurezza adegwati jew xierqa għall-prodott, għaliex:

(a)il-prodott għandu karatteristiċi ta’ disinn ġodda jew mhux tas-soltu b'rabta mal-prattiki tad-disinn li fuqhom il-kodiċi tal-ajrunavigabbiltà applikabbli jkun ibbażat; jew

(b)l-użu maħsub tal-prodott ma jkunx wieħed konvenzjonali; jew

(c)l-esperjenza minn prodotti simili oħra fis-servizz jew minn prodotti li jkollhom karatterisitiċi tad-disinn simili, tkun uriet li jistgħu jiżviluppaw xi kundizzjonijiet ta’ nuqqas ta’ sikurezza.

4.4.3.5.Meta tispeċifika eżenzjonijiet, devjazzjonijiet, fatturi li jikkumpensaw jew kundizzjonijiet speċjali, l-Awtorità ta’ Validazzjoni għandha tagħti l-konsiderazzjoni dovuta lil dawk tal-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni u m'għandhiex tkun aktar eżiġenti biex il-prodotti jiġu vvalidati milli kieku tkun għal prodotti simili tagħha stess. L-Awtorità ta’ Validazzjoni għandha tinnotifika lill-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni bi kwalunkwe eżenzjonijiet, devjazzjonijiet jew kundizzjonijiet speċjali bħal dawn.

4.4.4.Proċess ta’ Ċertifikazzjoni tad-Disinn

4.4.4.1.L-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni għandha tiżgura li l-Awtorità ta’ Validazzjoni tirċievi d-dejta u l-informazzjoni kollha rilevanti, kif iddefiniti fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, meħtieġa biex l-Awtorità ta’ Validazzjoni ssir u tibqa’ familjari mad-disinn u ċ-ċertifikazzjoni tal-Prodotti Ajrunawtiċi Ċivili li huma soġġetti għal validazzjoni.

4.4.4.2.L-Awtorità ta’ Validazzjoni għandha toħroġ iċ-ċertifikat tat-tip tagħha għal inġenju tal-ajru, magna jew skrun meta:

(a)l-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni tkun ħarġet iċ-ċertifikat tagħha stess;

(b)l-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni tiċċertifika lill-Awtorità ta’ Validazzjoni li l-prodott jikkonforma mal-bażi taċ-ċertifikazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 4.4.3;

(c)il-kwistjonijiet kollha mqajma waqt il-proċess ta’ validazzjoni mmexxi mill-Awtorità ta’ Validazzjoni ġew solvuti; u

(d)rekwiżiti amministrattivi addizzjonali, kif iddefiniti fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, ġew issodisfati mill-applikant.

4.4.4.3.Sabiex jinkiseb u jinżamm Ċertifikat ta’ Disinn Validat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, l-applikant għandu jkollu u jżomm għad-dispożizzjoni tal-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-disinn, tpinġijiet u rapporti tat-testijiet, inklużi rekords ta’ spezzjoni għall-prodott iċċertifikat, sabiex jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi żgurata l-ajrunavigabbiltà kontinwa u l-konformità mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent applikabbli tal-prodott.

4.4.5.Proċessi ta’ validazzjoni u aċċettazzjoni awtomatika

4.4.5.1.Ċertifikati tad-Disinn li kienu, jew li qegħdin fil-proċess li jkunu, maħruġa mill-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni, jew huma awtomatikament aċċettati jew ivvalidati mill-Awtorità ta’ Validazzjoni:

(e)Għal ċertifikati soġġetti għall-validazzjoni, l-Awtorità ta’ Validazzjoni toħroġ iċ-Ċertifikat tagħha stess permezz ta’ proċess ta’ validazzjoni li jimplika livell proporzjonat ta’ involviment, iddefinit skont il-prinċipji tal-paragrafu 4.4.2. u kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

(f)Għal ċertifikati soġġetti għal aċċettazzjoni awtomatika, l-Awtorità ta’ Validazzjoni tirrikonoxxi u taċċetta ċ-ċertifikati tal-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni mingħajr ebda investigazzjoni teknika jew eżerċizzju ta’ validazzjoni. F'dan il-każ, iċ-ċertifikat maħruġ mill-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni huwa rikonoxxut mill-Awtorità ta’ Validazzjoni bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikat tagħha maħruġ skont il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tagħha. L-Awtorità tal-validazzjoni ma toħroġx iċ-ċertifikat korrispondenti tagħha stess.

4.4.5.2.Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.4.2, il-proċess ta’ validazzjoni, kif deskritt fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, għandu jkun ibbażat kemm jista’ jkun fuq evalwazzjonijiet tekniċi, testijiet, spezzjonijiet u ċertifikazzjonijiet ta’ konformità magħmula mill-Aġent Tekniku l-ieħor.

4.4.5.3.Il-modalitajiet ta’ aċċettazzjoni u validazzjoni taċ-ċertifikati huma ppreżentati fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Anness ( Appendiċi 1 – Modaliajiet tal-aċċettazzjoni u tal-validazzjoni taċ-ċertifikati )

4.4.6.Trasferiment taċ-Ċertifikati

4.4.6.1.Fil-każ li detentur taċ-Ċertifikat tad-Disinn jittrasferixxi ċ-Ċertifikat tiegħu lil entità oħra, l-Aġent Tekniku responsabbli għaċ-Ċertifikat tad-Disinn għandu jinnotifika minnufih lill-Aġent Tekniku l-ieħor dwar it-trasferiment u japplika l-proċedura miftiehma relatata mat-trasferiment ta’ ċertifikati kif iddefinit fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.4.7.Rekwiżiti operazzjonali relatati mad-disinn

4.4.7.1.L-Aġenti Tekniċi għandhom jiżguraw li, fejn meħtieġ, id-dejta u l-informazzjoni relatati mar-rekwiżiti operazzjonali relatati mad-disinn jiġu skambjati matul il-proċess ta’ validazzjoni.

4.4.7.2.Soġġett għall-ftehim bejn l-Aġenti Tekniċi, għal xi rekwiżiti operazzjonali relatati mad-disinn l-Awtorità ta’ Validazzjoni tista’ taċċetta d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni.

4.4.8.Dokumenti operazzjonali u dejta relatata mat-Tip

4.4.8.1.Xi settijiet speċifiċi tat-Tip ta’ dokumenti operazzjonali u dejta, inklużi dejta dwar l-idoneità operazzjonali fis-sistema tal-Unjoni Ewropea u Rapporti tal-Evalwazzjoni tal-Ajruplani fis-sistema Ċiniża, u pprovduti mid-detentur taċ-ċertifikat tat-tip, huma approvati jew aċċettati mill-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni.

4.4.8.2.Dawn id-dokumenti u d-dejta operazzjonali jistgħu jkunu jew awtomatikament aċċettati jew ivvalidati mill-Awtorità ta’ Validazzjoni kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.4.9.Ċertifikazzjoni konkorrenti

4.4.9.1.Meta jiġi miftiehem reċiprokament mill-applikant u ż-żewġ Aġenti Tekniċi, jista’ jintuża proċess ta’ ċertifikazzjoni konkorrenti, fejn xieraq u kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika. Iż-żewġ Aġenti Tekniċi jirrikonoxxu l-benefiċċji possibbli ta’ tali proċess.

4.5.Produzzjoni

4.5.1.Peress li s-sistemi tal-Partijiet għall-produzzjoni ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili huma meqjusa bħala komparabbli biżżejjed, il-Parti li Timporta għandha taċċetta s-sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-produzzjoni u ta’ sorveljanza tal-Parti l-oħra fl-ambitu ta’ dan l-Anness, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4.5.2 sa 4.5.10.

4.5.2.Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.5.4 u 4.5.5 u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn l-Aġenti Tekniċi, l-Aġent Tekniku tal-Parti li Timporta m'għandux joħroġ approvazzjoni tal-produzzjoni għal manifattur li jinsab primarjament fil-Parti li tkun qed Tesporta..

4.5.3.Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.5.1 japplikaw ukoll:

(a)jekk ir-responsabbiltajiet ta’ Stat ta’ Disinn huma eżerċitati minn pajjiż terz, sakemm l-Awtorità Kompetenti tal-Parti li Tesporta tkun stabbilixxiet u implimentat proċeduri mal-Awtorità tal-Istat tad-Disinn biex tikkontrolla l-interfaċċa bejn id-detentur taċ-Ċertifikat tad-Disinn u d-detentur taċ-Ċertifikat tal-Produzzjoni;

(b)għall-produzzjoni ta’ parts u apparati minn detentur ta’ Ċertifikat ta’ Produzzjoni waħdu, li primarjament ikun jinsab barra mit-territorji tal-Partijiet;

(c)soġġett għal reviżjoni bejn l-Aġenti Tekniċi fuq bażi ta’ każ b'każ, għall-produzzjoni ta’ magni u skrejjen minn detentur ta’ Ċertifikat ta’ Produzzjoni waħdu, li primarjament ikun jinsab barra mit-territorji tal-Partijiet.

4.5.4.Il-Partijiet jaqblu li Ċertifikat tal-Produzzjoni maħruġ mill-Awtorità Kompetenti tal-Parti li Tesporta lil organizzazzjonijiet li jinsabu primarjament fit-territorju ta’ dik il-Parti u aċċettati skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.5.1 jista’ jiġi estiż biex jinkludi siti u faċilitajiet ta’ manifattura li jinsabu fit-territorju tal-Parti l-oħra jew fit-territorju ta’ pajjiż terz, irrispettivament mill-istatus legali ta’ dawn is-siti u faċilitajiet ta’ manifattura, u irrispettivament mit-tip ta’ prodott ajrunawtiku manifatturat f'dawn is-siti. F'dan il-każ, l-Awtorità Kompetenti tal-Parti li Tesporta għandha tibqa’ responsabbli għas-sorveljanza ta’ dawn is-siti u faċilitajiet ta’ manifattura u l-Parti li timporta m'għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat tagħha għall-istess prodott.

4.5.5.L-arranġamenti bejn l-Aġenti Tekniċi li jkopru s-superviżjoni tal-produzzjoni tas-siti u l-faċilitajiet tal-manifattura li jinsabu fit-territorju tal-Parti l-oħra fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim m'għandhomx jiġu mmodifikati mingħajr il-kunsens taż-żewġ Aġenti Tekniċi.

4.5.6.Iċ-Ċertifikati ta’ Produzzjoni indipendenti maħruġa mill-Aġent Tekniku ta’ Parti waħda lill-Organizzazzjonijiet tal-Produzzjoni li jinsabu fit-territorju tal-Parti l-oħra, li għadhom fis-seħħ fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, għandhom jiġu riveduti fuq bażi ta’ każ b'każ mill-Aġenti Tekniċi. B'konsultazzjoni mad-detenturi taċ-Ċertifikat tal-Produzzjoni, xi Ċertifikati tal-Produzzjoni jistgħu jintemmu f'perjodu ta’ żmien raġonevoli.

4.5.7.F'każijiet fejn id-detentur taċ-Ċertifikat tal-Produzzjoni huwa rregolat minn Awtorità Kompetenti ta’ Parti waħda, u d-detentur taċ-Ċertifikat tad-Disinn huwa regolat minn Awtorità Kompetenti tal-Parti l-oħra, l-Aġenti Tekniċi għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiddefinixxu r-responsabbiltajiet ta’ kull Parti biex tikkontrolla l-interfaċċa bejn id-detentur taċ-Ċertifikat tad-Disinn u d-detentur taċ-Ċertifikat tal-Produzzjoni.

4.5.8.Għall-iskop ta’ esportazzjoni ta’ Prodotti Ajrunawtiċi Ċivili fil-qafas ta’ dan l-Anness meta d-detentur taċ-Ċertifikat tad-Disinn u l-Organizzazzjoni tal-Produzzjoni ma jkunux l-istess entità legali, id-detentur taċ-Ċertifikat tad-Disinn għandu jistabbilixxi arranġamenti xierqa mal-Organizzazzjoni tal-Produzzjoni biex jiżgura koordinazzjoni sodisfaċenti bejn il-produzzjoni u d-disinn u l-appoġġ xieraq tal-ajrunavigabbiltà kontinwa tal-Prodott Ajrunawtiku Ċivili.

4.5.9.Lista ta’ detenturi taċ-Ċertifikat tal-Produzzjoni Ċiniż, inklużi detenturi ta’ Approvazzjonijiet Ċiniżi tal-Ordni Teknika Standard, li l-produzzjoni tagħhom hija aċċettata mill-Unjoni Ewropea, se tiġi ppubblikata u aġġornata regolarment fuq il-Pubblikazzjoni Uffiċċjali tal-Aġent Tekniku tal-Unjoni Ewropea,

4.5.10.Prodotti mmanifatturati skont ir-rekwiżiti ta’ "produzzjoni taħt ċertifikat tat-tip" fis-sistema Ċiniża tal-avjazzjoni regolatorja, jew skont il-proċedura ta’ "Produzzjoni mingħajr Approvazzjoni ta’ Organizzazzjoni tal-Produzzjoni" fis-sistema regolatorja tal-avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, se jiġu kkunsidrati każ b'każ mill-Aġenti Tekniċi.

4.6.Ċertifikati u formoli tal-esportazzjoni

4.6.1.Formoli

4.6.1.1.Il-formoli tal-Parti li Tesporta huma:

(a)Meta l-Parti li Tesporta tkun iċ-Ċina: Formola CAAC AAC-157 għal inġenji tal-ajru ġodda u użati, u Formola AAC-038 għal prodotti ġodda oħra.

(b)Meta l-Parti li Tesporta hija l-Unjoni Ewropea: Formola 27 tal-EASA għal inġenji tal-ajru ġodda u użati, u l-Formola 1 tal-EASA għal prodotti ġodda oħra.

4.6.2.Inġenji tal-ajru ġodda

4.6.2.1.Kif deskritt fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, l-Awtorità Kompetenti tal-Parti li Tesporta, jew l-organizzazzjoni tal-produzzjoni approvata, kif applikabbli, għandhom joħorġu Ċertifikat ta’ Ajrunavigabbiltà għall-Esportazzjoni (Formola 157 tal-CAAC jew Formola 27 tal-EASA), li jiċċertifika li dak l-inġenju tal-ajru:

(a)ikun konformi ma’ disinn tat-tip approvat mill-Parti li Timporta skont dan l-Anness;

(b)ikun f’kundizzjoni li jitħaddem mingħajr periklu, li jinkludi l-osservanza tad-direttivi applikabbli fir-rigward tal-ajrunavigabbiltà tal-Parti li Timporta, kif innotifikati minn dik il-Parti; u

(c)jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali kollha preskritti mill-Parti li Timporta, kif innotifikati minn dik il-Parti.

4.6.2.2.Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.5 ta’ dan l-Anness, il-Parti li Timporta għandha taċċetta, għal inġenji tal-ajru ġodda, iċ-Ċertifikati ta’ Ajrunavigabbiltà għall-Esportazzjoni tal-Parti li Tesporta.

4.6.3.Inġenji tal-ajru użati

4.6.3.1.Għal inġenju tal-ajru użat li għalih ingħata Ċertifikat tad-Disinn mill-Parti li Timporta, l-Awtorità Kompetenti tal-Istat tar-Reġistru li minnha jiġi esportat il-prodott għandha toħroġ Ċertifikat tal-Ajrunavigabbiltà għall-Esportazzjoni li jiċċertifika li l-inġenju tal-ajru:

(a)ikun konformi ma’ disinn tat-tip approvat mill-Parti li Timporta skont dan l-Anness;

(b)huwa f’kundizzjoni li jitħaddem mingħajr periklu, li jinkludi l-osservanza tad-direttivi applikabbli fir-rigward tal-ajrunavigabbiltà tal-Parti li Timporta, kif innotifikati minn dik il-Parti;

(c)saritlu manutenzjoni kif suppost bl-użu ta’ proċeduri u metodi approvati matul il-ħajja ta’ servizz tiegħu, kif muri mill-ġurnali ta’ abbord u r-rekords tal-manutenzjoni; u

(d)jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali kollha preskritti mill-Parti li Timporta, kif innotifikati minn dik il-Parti.

4.6.3.2.Inġenji tal-ajru użati jistgħu jiġu esportati biss jekk ikun hemm detentur ta’ jew ċertifikat tat-tip jew ċertifikat tat-tip ristrett/ċertifikat tat-tip għal kategorija ristretta biex isostni l-ajrunavigabbiltà kontinwa ta' dak l-inġenju tal-ajru.

4.6.3.3.Għall-inġenji tal-ajru użati, immanifatturati skont is-sistema ta’ sorveljanza tal-produzzjoni tagħha, kull Parti taqbel li tassisti, meta tiġi mitluba, lill-Parti l-oħra biex tikseb dejta u informazzjoni dwar:

(a)il-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru fil-mument li telaq mingħand il-manifattur; u

(b)bidliet u tiswijiet sussegwenti applikati għall-inġenju tal-ajru, li hija tkun approvat.

4.6.3.4.Il-Parti li Timporta tista’ titlob rekords ta' spezzjoni u manutenzjoni kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.6.3.5.Jekk, fil-proċess tal-evalwazzjoni tal-istatus tal-ajrunavigabbiltà ta’ ajruplan użat li qed jitqies għall-esportazzjoni, l-Awtorità Kompetenti tal-Parti li Tesporta ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti kollha speċifikati fil-paragrafu 4.6.3.1 jew 4.6.3.3, hija għandha:

(a)Tinnotifika lill-Awtorità Kompetenti tal-Parti li Timporta;

(b)Tikkoordina, mal-Awtorità Kompetenti tal-Parti li Timporta kif speċifikat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, l-aċċettazzjoni jew iċ-ċaħda tagħhom tal-eċċezzjonijiet għar-rekwiżiti applikabbli; u

(c)Tiddokumenta kwalunkwe eċċezzjoni aċċettata meta tesporta l-prodott.

4.6.4.Prodott Ajrunawtiku Ċivili Ġdid esklużi inġenji tal-ajru kompluti

4.6.4.1.Kif deskritt fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, l-Awtorità Kompetenti tal-Parti li Tesporta, jew l-organizzazzjoni tal-produzzjoni approvata, kif applikabbli, għandha toħroġ Tikketta ta’ Approvazzjoni tal-Ajrunavigabbiltà (Formola CAAC AAC-038 jew Formola 1 tal-EASA) li tiċċertifika li Prodott Ajrunawtiku Ċivili (minbarra inġenju tal-ajru komplut):

(a)huwa konformi ma’ dejta dwar id-disinn approvata mill-Parti li Timporta;

(b)ikun f’kundizzjoni li jitħaddem mingħajr periklu; u

(c)jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali kollha preskritti mill-Parti li Timporta, kif innotifikati minn dik il-Parti.

4.6.4.2.Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4.5 ta’ dan l-Anness, il-Parti li Timporta għandha taċċetta t-Tikketta ta' Approvazzjoni tal-Ajrunavigabbiltà tal-Parti tal-esportazzjoni.

4.7.Ajrunavigabbiltà Kontinwa

4.7.1.L-Aġenti Tekniċi huma impenjati li jieħdu azzjoni biex jindirizzaw kundizzjonijiet mhux sikuri fi prodotti li għalihom huma jkunu l-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni.

4.7.2.Fuq talba, Awtorità Kompetenti minn Parti waħda għandha, fir-rigward ta’ prodotti tal-ajrunawtika ċivili ddisinjati jew immanifatturati taħt is-sistema ta’ disinn jew produzzjoni tagħha, tassisti lill-Awtorità Kompetenti tal-Parti l-oħra, biex tiddetermina kwalunkwe azzjoni meqjusa meħtieġa għall-ajrunavigabbiltà kontinwa tal-prodotti.

4.7.3.Meta d-diffikultajiet tas-servizz jew kwistjonijiet oħra ta’ sikurezza potenzjali li jaffettwaw prodott fl-ambitu ta’ dan l-Anness iwasslu għal investigazzjoni mwettqa mill-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni, l-Aġent Tekniku tal-Parti l-oħra għandu, meta mitlub, jappoġġa din l-investigazzjoni u jiskambja informazzjoni rilevanti rrappurtata mill-entitajiet regolati rispettivi tagħha dwar fallimenti, malfunzjonijiet, difetti jew okkorrenzi oħra li jaffettwaw dan il-prodott.

4.7.4.L-obbligi ta’ rappurtar mid-detentur taċ-ċertifikat lill-Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni u l-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilit b'dan l-Anness għandhom jitqiesu li jissodisfaw l-obbligu ta’ kull detentur taċ-ċertifikat li jirrapporta fallimenti, ħsarat, difetti jew okkorrenzi oħra lill-Awtorità ta’ Validazzjoni.

4.7.5.Azzjonijiet biex jiġu indirizzati kundizzjonijiet mhux siguri u l-iskambju ta’ informazzjoni ta' sikurezza msemmija fil-paragrafu 4.7.1 sa 4.7.4 għandhom jiġu ddefiniti fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

4.7.6.L-Aġent Tekniku ta’ Parti waħda għandu jżomm lill-Aġent Tekniku tal-Parti l-oħra infurmata bl-informazzjoni obbligatorja kontinwata dwar l-ajrunavigabbiltà fir-rigward ta’ prodotti ajrunawtiċi ċivili ddisinjati jew immanifatturati taħt is-sistema ta’ sorveljanza ta’ Parti waħda u li huma fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dan l-Anness.

4.7.7.Kwalunkwe tibdil fl-istatus ta’ ajrunavigabbiltà ta’ ċertifikat maħruġ mill-Aġent Tekniku ta’ xi Parti għandu jiġi kkomunikat fil-ħin lill-Aġent Tekniku tal-Parti l-oħra.

5.Kwalifikazzjoni tal-Awtoritajiet kompetenti

5.1.Rekwiżiti ta’ kwalifikazzjoni għall-aċċettazzjoni ta’ sejbiet u ċertifikati

5.1.1.Kull Parti għandha żżomm sistema ta’ ċertifikazzjoni u superviżjoni strutturata u effettiva għall-attivitajiet varji fl-ambitu ta’ dan l-Anness, inklużi:

(a)Struttura legali u regolatorja, li tiżgura b'mod partikolari setgħat regolatorji fuq entitajiet regolati;

(b)Struttura organizzattiva, inkluża deskrizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet;

(c)Riżorsi suffiċjenti, inkluż persunal ikkwalifikat kif jixraq b'għarfien, esperjenza u taħriġ biżżejjed;

(d)Proċessi adegwati li jkunu ddokumentati f'politiki u proċeduri;

(e)Dokumentazzjoni u rekords

(f)Programm ta’ spezzjoni stabbilit li jiżgura livell uniformi ta’ implimentazzjoni tal-qafas regolatorju fost il-komponenti varji tas-sistema ta’ sorveljanza.

5.2.Kwalifiki inizjali u kontinwi tal-Awtoritajiet Kompetenti

5.2.1.Kwalifika inizjali tal-Awtoritajiet Kompetenti

5.2.1.1.Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5.2.1.3, l-Awtoritajiet Kompetenti elenkati fil-paragrafu 4.1 jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fil-paragrafu 5.1, bħala riżultat ta’ proċess ta' bini ta’ fiduċja mibdi qabel l-iffirmar tal-Ftehim.

5.2.1.2.B'mod partikolari, valutazzjonijiet reċiproċi inizjali ppermettew liż-żewġ Partijiet jikkonkludu li fiż-żmien tal-iffirmar tal-Ftehim, is-sistemi ta’ sorveljanza tas-sikurezza taż-żewġ Partijiet kienu kompatibbli biżżejjed biex jippermettu l-konklużjoni ta’ dan l-Anness.

5.2.1.3.Il-Partijiet qablu li fis-setturi tad-disinn u l-produzzjoni, il-livelli ta’ dipendenza fuq ċertifikati, approvazzjonijiet u sejbiet ta’ konformità matul il-proċessi ta’ aċċettazzjoni u validazzjoni rispettivi tal-Awtoritajiet Kompetenti skont dan l-Anness ser ikunu differenti matul perjodu tranżizzjonali.

5.2.1.4.Għandhom ikomplu valutazzjonijiet reċiproċi rikorrenti bejn il-Partijiet kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

5.2.2.Kwalifika kontinwa tal-Awtoritajiet Kompetenti

5.2.2.1.Sabiex tinżamm fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ xulxin, l-Aġenti Tekniċi għandhom jivvalutaw regolarment il-konformità tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Parti l-oħra mar-rekwiżiti tal-kwalifiki stabbiliti fil-paragrafu 5.1.

5.2.2.2.Il-modalitajiet ta’ dawn l-evalwazzjonijiet reċiproċi kontinwi għandhom jiġu ddefiniti fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

5.2.2.3.L-Awtoritajiet Kompetenti għandhom jissottomettu ruħhom għal evalwazzjonijiet bħal dawn u jiżguraw li l-entitajiet irregolati jipprovdu aċċess għaż-żewġ Aġenti Tekniċi.

5.2.2.4.Jekk Aġent Tekniku wieħed jemmen li l-kompetenza teknika tal-Awtorità Kompetenti m'għadhiex adegwata, jew li l-aċċettazzjoni ta’ sejbiet jew ċertifikati maħruġa minn Awtorità Kompetenti għandhom jiġu sospiżi, l-Aġenti Tekniċi għandhom jikkonsultaw sabiex jidentifikaw azzjonijiet ta’ rimedju.

5.2.2.5.Jekk il-kunfidenza ma tiġix restawrata b’mezzi aċċettabbli reċiprokament, kwalunkwe Aġent Tekniku jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni.

5.2.2.6.Jekk il-kwistjoni ma tkunx solvuta fil-livell tal-Bord ta’ Superviżjoni taċ-Ċertifikazzjoni, kwalunkwe Parti tista' tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim, u l-paragrafu 3.2.2 ta’ dan l-Anness.

6.Komunikazzjonijiet

6.1.Il-komunikazzjonijiet kollha bejn l-Awtoritajiet Kompetenti, inkluża d-dokumentazzjoni kif iddettaljata fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, għandhom isiru bl-Ingliż.

6.2.L-Aġenti Tekniċi jistgħu jaqblu dwar eċċezzjonijiet każ b'każ.

7.Konsultazzjonijiet Tekniċi

7.1.Skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim, l-Aġenti Tekniċi għandhom jindirizzaw kwistjonijiet assoċjati mal-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness permezz ta’ konsultazzjoni.

7.2.L-Aġenti Tekniċi għandhom jagħmlu kull sforz biex isolvu kwistjonijiet fl-iktar livell tekniku baxx possibbli bl-użu tal-proċess deskritt fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika qabel ma jressqu l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

8.Appoġġ għal attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni

8.1.Fuq talba, wara qbil reċiproku, u kif jippermettu r-riżorsi, l-Awtoritajiet Kompetenti jistgħu jipprovdu appoġġ tekniku, dejta u informazzjoni lil xulxin f'attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u sorveljanza kontinwa dwar l-ajrunavigabbiltà relatati mad-disinn, il-produzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ambjentali. Il-proċess biex jiġi pprovdut appoġġ bħal dan għandu jkun deskritt fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

8.2.L-appoġġ mitlub u pprovdut taħt il-paragrafu 8.1 ma jaffettwax obbligi oħra ta’ skambju ta’ dejta u informazzjoni stabbiliti f'dan l-Anness.

8.3.Kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, l-appoġġ jista’ jinkludi, iżda mhux limitat għal, dan li ġej:

(a)Determinazzjoni tal-konformità;

(b)Monitoraġġ u sorveljanza.

8.4.L-appoġġ jista’ jintalab ukoll fir-rigward tal-importazzjoni ta’ inġenju tal-ajru użat li qabel kien esportat minn kwalunkwe Parti. L-Awtorità Kompetenti ta’ kull Parti tista’ tassisti lill-Awtorità Kompetenti tal-Parti l-oħra, biex tikseb informazzjoni dwar il-konfigurazzjoni tal-inġenju tal-ajru fiż-żmien meta dan ġie esportat.



9.Appendiċi 1 - Modalitajiet ta’ aċċettazzjoni u validazzjoni ta’ ċertifikati

9.1.Ċertifikati maħruġa fi ħdan is-sistema regolatorja tal-Unjoni Ewropea

Ċertifikat

Aċċettazzjoni / Validazzjoni

Kumment

Ċertifikat tat-tip maħruġ mill-Awtorità Kompetenti tal-Unjoni Ewropea

Validazzjoni

Validazzjoni skont il-prinċipji tal-Livell ta’ Involviment dokumentati fil-paragrafu 4.4.2 ta' dan l-Anness u fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika; xi dejta tiġi awtomatikament aċċettata kif speċifikat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, li ser tinkludi b'mod partikolari, dan li ġej:

a)Manwal tat-titjir ta’ inġenju tal-ajru;

b)Manwal tal-installazzjoni tal-magna (għal ċertifikat tat-tip tal-magna);

c)Rekwiżit tal-limitazzjoni tal-ajrunavigabbiltà (inklużi l-istruzzjonijiet tal-limitazzjoni tal-ajrunavigabbiltà u r-rekwiżiti ta’ manutenzjoni ta’ ċertifikazzjoni);

d)Manwal tat-tiswija strutturali;

e)Struzzjoni għall-ajrunavigabbiltà kontinwa ta’ sistemi ta’ interkonnessjoni ta’ wajers elettriċi;

f)Manwal tal-bilanċ tal-piż.

Ċertifikat tat-tip supplimentari maħruġ mill-Awtorità Kompetenti tal-UE, Bidliet Sinifikanti maġġuri approvati mill-Awtorità Kompetenti tal-UE

Validazzjoni

Ċertifikat tat-tip Supplimentari sinifikanti, bidla maġġuri sinifikanti: validazzjoni skont il-prinċipji tal-Livell ta’ Involviment dokumentati fil-paragrafu 4.4.2 ta' dan l-Anness u fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika; Ċerti ċertifikati tat-tip Supplimentari sinifikanti jew bidliet kbar sinifikanti, kif speċifikati fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, se jiġu vvalidati taħt proċess ta’ validazzjoni ssimplifikata limitata għal familjarizzazzjoni teknika mingħajr l-involviment tal-Awtorità ta’ Validazzjoni fit-turija ta’ attivitajiet ta’ konformità.

Ċertifikat tat-tip Supplimentari mhux sinifikanti: validazzjoni permezz ta’ proċess amministrattiv dettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

Bidliet kbar mhux sinifikanti u tiswijiet maġġuri

Aċċettazzjoni awtomatika

Approvazzjoni ta’ Ordni ta’ Standard Tekniku maħruġ mill-Awtorità Kompetenti tal-UE

Validazzjoni

Validazzjoni permezz ta’ proċess amministrattiv speċifikat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika.

Bidliet minuri u tiswijiet approvati mill-Awtorità Kompetenti tal-UE jew minn organizzazzjoni approvata skont id-dritt tal-UE

Aċċettazzjoni awtomatika

9.2.Ċertifikati maħruġa fis-sistema regolatorja Ċiniża 

Ċertifikat

Aċċettazzjoni

Kumment

Ċertifikat tat-tip maħruġ mill-Aġent Tekniku Ċiniż

Validazzjoni

Proċess ta’ validazzjoni, skont il-prinċipji tal-Livell ta' Involviment dokumentati fil-paragrafu 4.4.2 tal-Anness u fil-Proċeduri ta' Implimentazzjoni Teknika

Ċertifikat tat-tip supplimentari maħruġ mill-Aġent Tekniku Ċiniż;

Bidliet kbar u tiswijiet approvati mill-Awtorità Kompetenti Ċiniża

Validazzjoni

Proċess ta’ validazzjoni, skont il-prinċipji tal-Livell ta' Involviment dokumentati fil-paragrafu 4.4.2 tal-Anness u fil-Proċeduri ta' Implimentazzjoni Teknika

Approvazzjoni ta’ Ordni ta’ Standard Tekniku maħruġa mill-Awtorità Kompetenti Ċiniża

Validazzjoni

Proċess ta’ validazzjoni, skont il-prinċipji tal-Livell ta' Involviment dokumentati fil-paragrafu 4.4.2 tal-Anness u fil-Proċeduri ta' Implimentazzjoni Teknika Ċerti Approvazzjonijiet ta’ Ordni ta’ Standard Tekniku, kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, se jiġu vvalidati taħt proċess ta’ validazzjoni razzjonalizzat limitat għal familjarizzazzjoni teknika mingħajr l-involviment tal-Awtorità ta’ Validazzjoni fit-turija ta’ attivitajiet ta’ konformità.

Bidliet minuri u tiswijiet approvati mill-Awtorità Kompetenti Ċiniża

Aċċettazzjoni awtomatika

9.3.Dispożizzjonijiet implimentattivi

9.3.1.Il-proċess amministrattiv imsemmi fit-tabelli ta’ hawn fuq ma jinvolvi l-ebda investigazzjoni teknika: meta l-pakkett ta’ applikazzjoni komplut, kif iddettaljat fil-Proċeduri ta’ Implimentazzjoni Teknika, ikun ġie riċevut mill-Awtorità ta’ Validazzjoni, iċ-Ċertifikat ivvalidat jinħareġ mill-Awtorità ta’ Validazzjoni fi żmien massimu ta’ tliet (3) sa ħames (5) ġimgħat, skont il-kumplessità tal-prodott.

9.3.2.Il-klassifikazzjonijiet minuri / maġġuri u sinifikanti / mhux sinifikanti jsiru mill-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni skont il-kriterji u d-definizzjonijiet definiti f'dan l-Anness u interpretati skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli tal-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni.

9.3.3.Meta tiddetermina jekk ċertifikat tat-tip Supplimentari speċifiku jew bidla maġġuri huwiex sinifikanti jew mhux sinifikanti, l-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni għandha tikkunsidra l-bidla fil-kuntest mal-bidliet kollha tad-disinn rilevanti preċedenti u r-reviżjonijiet relatati kollha mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni applikabbli inkorporati fiċ-ċertifikat tat-tip għall-prodott . It-tibdiliet li jissodisfaw wieħed minn dawn il-kriterji li ġejjin huma kkunsidrati awtomatikament bħala sinifikanti:

(a)il-konfigurazzjoni ġenerali jew il-prinċipji ta’ kostruzzjoni ma jinżammux;

(b)is-suppożizzjonijiet użati għaċ-ċertifikazzjoni tal-prodott li se jinbidel ma jibqgħux validi.

Top