Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0212

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu

COM/2018/212 final - 2018/0104 (COD)

No longer in force, Date of end of validity: 20/06/2019

Strasburgu,17.4.2018

COM(2018) 212 final

2018/0104(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2018) 110 final}

{SWD(2018) 111 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-iżgurar tas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità huwa element ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, kif ukoll fil-bini ta’ Unjoni tas-Sigurtà ġenwina. Ħafna mill-inizjattivi meħuda mill-UE fi snin reċenti għat-tisħiħ u r-rinforz tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni jiddependu fuq is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità. L-emenda reċenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 1 tagħmel obbligatorju l-iċċekkjar sistematiku tal-persuni kollha u l-verifika tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità tad-detentur, bi tqabbil mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u mal-bażi ta’ dejta ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD).

Kulma jmur, iċ-ċittadini tal-UE qed jivvjaġġaw aktar. Aktar minn 15-il miljun ċittadin tal-UE jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom, u aktar minn 11-il miljun minnhom jaħdmu fi Stat Membru li mhuwiex il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom 2 . Kull sena, aktar minn biljun persuna jivvjaġġaw fi ħdan l-UE jew jaqsmu l-fruntieri esterni tagħha 3 .

Din il-proposta għal Regolament tagħmel parti mill-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Diċembru 2016 biex jissaħħaħ ir-rispons Ewropew għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, 4 li fih il-Kummissjoni identifikat azzjonijiet biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-sigurtà tad-dokumenti, inklużi karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza, fil-kuntest tal-attakki terroristiċi reċenti fl-Ewropa. L-objettivi ta’ dak il-Pjan ta’ Azzjoni ġew sussegwentement approvati mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill 5 , li taw segwitu lill-appelli ripetuti tal-Kunsill biex tittejjeb is-sigurtà tad-dokumenti tal-identità u ta’ residenza 6 .

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 dwar “It-titjib tas-sigurtà f’dinja ta’ mobilità: skambju mtejjeb tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni li jifilħu aktar”, 7 il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għal dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità aktar siguri kull fejn ikun meħtieġ li tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna mingħajr dubju, u saħqet li approċċ imtejjeb ikun jiddependi fuq sistemi robusti għall-prevenzjoni ta’ abbużi u tat-theddid għas-sigurtà interna li jirriżulta minn nuqqasijiet fis-sigurtà tad-dokumenti. Barra minn hekk, fir-Rapport tal-2017 dwar iċ-ċittadinanza, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tanalizza l-għażliet politiċi għat-titjib tas-sigurtà tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza 8 .

Minn 26 Stat Membru tal-UE li joħorġu karti tal-identità liċ-ċittadini tagħhom, is-sjieda tal-karti tal-identità hija komuni u obbligatorja fi 15-il Stat Membru 9 . F’konformità mad-dritt tal-UE dwar il-moviment liberu tal-persuni (id-Direttiva 2004/38/KE 10 ), il-karti tal-identità jistgħu jintużaw bħala dokumenti tal-ivvjaġġar miċ-ċittadini tal-UE, kemm meta jivvjaġġaw fi ħdan l-UE kif ukoll biex jidħlu fl-UE minn pajjiżi li mhumiex membri fl-UE, u dawn verament jintużaw spiss għall-ivvjaġġar. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ftehimiet ma’ għadd ta’ pajjiżi terzi li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE biex jivvjaġġaw bl-użu tal-karti tal-identità tagħhom. Dan jinkludi wkoll vjaġġar lejn pajjiżi terzi biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ terroriżmu u jirritornaw lejn l-UE.

Attwalment, il-livelli ta’ sigurtà tal-karti tal-identità nazzjonali ppreżentati mill-Istati Membri u tad-dokumenti ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor u għall-familji tagħhom ivarjaw b’mod sinifikanti, u dan iżid ir-riskju ta’ falsifikazzjoni u ta’ frodi tad-dokumenti, kif ukoll iwassal għal diffikultajiet prattiċi għaċ-ċittadini meta jfittxu li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jużaw il-karti tal-identità tagħhom ukoll biex fil-ħajja ta’ kuljum jistabbilixxu l-identità tagħhom għal entitajiet pubbliċi u privati, meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE (ċittadini mobbli tal-UE).

F’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE, ċittadini mobbli u l-membri tal-familja tagħhom, li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, jirċievu wkoll dokument li jagħti prova tar-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti tagħhom. Filwaqt li dawn id-dokumenti ta’ residenza mhumiex dokumenti tal-ivvjaġġar, dawk il-membri tal-familja ta’ ċittadini mobbli tal-UE li mhumiex huma nfushom ċittadini ta’ Stat Membru jistgħu jużaw il-karti ta’ residenza flimkien ma’ passaport biex ikollhom id-dritt li jidħlu fl-UE mingħajr viża meta jakkumpanjaw jew jiltaqgħu ma’ ċittadin tal-UE.

Il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti jew ir-rappreżentanza falza ta’ fatti materjali rigward il-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ residenza ġew identifikati bħala l-aktar każ rilevanti ta’ frodi fil-kuntest tad-Direttiva, 11 li min-naħa tagħha tippermetti l-ġlieda kontra dan il-frodi fl-Artikolu 35 tagħha.

F’dan l-isfond, huwa kruċjali li l-UE u speċjalment l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex itejbu s-sigurtà tad-dokumenti maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom b’ċittadinanza ta’ pajjiżi terzi. Is-sigurtà msaħħa tad-dokumenti hija fattur importanti fit-titjib tas-sigurtà fl-UE u fil-fruntieri tagħha, kif ukoll biex tappoġġa l-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. L-inklużjoni ta’ identifikaturi bijometriċi, u b’mod partikolari l-inklużjoni ta’ marki tas-swaba’, tagħmel id-dokumenti aktar affidabbli u siguri. F’dak il-kuntest, hija ta’ importanza kruċjali li gradwalment jiġu eliminati mill-aktar fis possibbli dokumenti b’karatterstiki ta’ sigurtà dgħajfin.

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2018 jinkludi l-preżentazzjoni ta’ inizjattiva leġiżlattiva (REFIT) biex titjieb is-sigurtà tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru 12 . L-għan huwa li tissaħħaħ is-sigurtà Ewropea billi jiġu eliminati d-diskrepanzi fis-sigurtà li jirriżultaw minn dokumenti mhux siguri, kif ukoll li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu tal-UE miċ-ċittadini mobbli tal-UE u mill-membri tal-familja tagħhom, billi jiżdiedu l-affidabbiltà u l-aċċettazzjoni tad-dokumenti tagħhom f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-UE toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, l-ażil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Iċ-ċittadini Ewropej iqisu l-moviment liberu bħala wieħed mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea. Huwa jkopri d-dritt li wieħed jidħol u joħroġ mit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u d-dritt li wieħed jibqa’ u jgħix hemm. Il-miżuri li jirrigwardaw il-moviment liberu huma inseparabbli mill-miżuri introdotti biex tiġi ggarantita s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea.

Ħafna mill-miżuri ta’ sigurtà tal-UE jiddependu fuq is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità – bħall-kontrolli sistematiċi stabbiliti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 13 fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. It-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni permezz tal-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għas-sigurtà, il-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, kif ġie propost reċentement mill-Kummissjoni 14 , se jiddependi wkoll fuq sigurtà tad-dokumenti msaħħa, inkluż għat-twettiq tal-kontroll tal-identità mill-awtoritajiet kompetenti fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE.

Id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu (2004/38/KE) tistipula l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u residenza (kemm temporanju kif ukoll permanenti) fl-Unjoni, għaċ-ċittadini tal-UE u għall-membri tal-familja tagħhom. Din id-Direttiva tipprevedi li, flimkien ma’ karti tal-identità jew passaport validu, iċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jistgħu jidħlu u jgħixu fi Stat Membru ieħor u japplikaw għad-dokumenti ta’ residenza xierqa. Madankollu, id-Direttiva ma tirregolax il-format u l-istandards biex il-karti tal-identità jintużaw għad-dħul jew għall-ħruġ mill-Istati Membri tal-UE. B’mod simili, hija ma’ tipprevedix standards speċifiċi għad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom li ma jkunux ċittadini tal-UE, minbarra t-titlu li għandu jingħata lil dawn tal-aħħar, jiġifieri “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin tal-Unjoni” (ara l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38).

Fi snin reċenti, ġew introdotti standards tal-UE għal bosta dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar li jintużaw fl-Ewropa. Id-dritt tal-UE diġà jipprevedi standards għal karatteristiċi ta’ sigurtà u bijometrija (immaġni tal-wiċċ u marki tas-swaba’) fil-passaporti u fid-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri 15 , kif ukoll formati uniformi għall-viżi 16 u għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi 17 . Dawn l-istandards jintużaw ukoll għall-permessi ta’ qsim tal-fruntieri 18 u għall-permessi maħruġa fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatat mal-migrazzjoni legali. Reċentement, ġie adottat disinn komuni ġdid għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bl-għan li jkomplu jittejbu l-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħhom 19 . Fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-format mixtieq tagħhom għal karti ta’ residenza u karti ta’ residenza permanenti tagħhom għal membri tal-familja ta’ ċittadini mobbli tal-UE li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz. Meta jagħmlu dan, huma jistgħu jagħżlu li jsegwu l-istess “format uniformi” previst fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz 20 , emendat kif imsemmi hawn fuq fl-2017, dment li l-istatus tal-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni jkun indikat b’mod ċar fuq il-karta u li tkun evitata konfużjoni mal-permessi ta’ residenza li huma s-suġġett tar-Regolament Nru 1030/2022 21 . Fl-2008, l-Istati Membri esprimew ir-rieda tagħhom li jużaw il-format uniformi għal dan l-iskop f’dikjarazzjoni tal-Kunsill, 22 u bosta Stati Membri segwew dan l-impenn mhux vinkolanti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 21 TFUE jikkonferixxi fuq iċ-ċittadini tal-UE d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE. L-Artikolu 21 jipprevedi l-possibbiltà li l-Unjoni taġixxi u tadotta dispożizzjonijiet bil-ħsieb li tiffaċilita d-dritt ta’ moviment u residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri, jekk tkun meħtieġa azzjoni biex jintlaħaq l-objettiv ta’ faċilitazzjoni tal-eżerċitar ta’ dan id-dritt. Tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Ir-Regolament propost għandu l-għan li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE f’ambjent sigur, jiġiferi li jiffaċilita d-dritt tagħhom li jivvjaġġaw u jgħixu fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE bil-karti tal-identità nazzjonali tagħhom u li joqgħodu fuq dawk il-karti bħala prova affidabbli tan-nazzjonalità tagħhom, kif ukoll li jagħtihom id-dritt li joqgħodu fuq id-dokumenti ta’ residenza maħruġa lilhom bħala residenti ta’ Stat Membru għajr il-pajjiż taċ-ċittadinanza tagħhom.

Il-proposta se tipprevedi dokumenti aktar siguri, permezz ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà aħjar għall-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza, li se jippermettu l-eżerċitar tad-drittijiet tal-moviment liberu f’ambjent aktar sigur. Dan jipproteġi lill-awtoritajiet pubbliċi, liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom mill-kriminalità, mill-falsifikazzjoni u mill-frodi tad-dokumenti. Għalhekk, din il-proposta tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà globali fl-UE.

L-Artikolu 21(2) TFUE jipprovdi bażi ġuridika espressa għal miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-frodi fil-forma ta’ falsifikazzjoni tad-dokumenti u billi tiġi żgurata l-fiduċja meħtieġa għall-moviment liberu.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

It-theddida terroristika li l-Unjoni qed tiffaċċja hija transnazzjonali u ma tistax tiġi indirizzata minn Stati Membri individwali waħidhom. Terroristi u kriminali serji huma attivi irrispettivament mill-fruntieri u, kif enfasizzat fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016, il-frodi tad-dokumenti tippermetti t-twettiq tal-attività kriminali tagħhom. Karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza siguri huma elementi essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja meħtieġa għall-moviment liberu f’żona ta’ libertà u sigurtà.

Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea hija impenjata biex tiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Sa issa, l-Istati Membri eżerċitaw il-kompetenzi tagħhom biex jimplimentaw politiki nazzjonali rigward id-dokumenti tal-identità u ta’ residenza, mingħajr ma neċessarjament ħadu inkunsiderazzjoni l-objettivi tal-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-persuni jew tat-titjib tas-sigurtà fl-Unjoni. Diġà ttieħdu bosta miżuri biex jiġu indirizzati problemi identifikati fil-livell nazzjonali. Pereżempju, xi Stati Membri ħolqu reġistri onlajn li jippermettu li organizzazzjonijiet fis-settur pubbliku u f'dak privat jiċċekkjaw l-awtentitċità tad-dokumenti. Madankollu, ma hemmx approċċ komuni għat-titjib tal-karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ dawn id-dokumenti u għall-istabbiliment tad-dejta li dawn għandhom jipprovdu bħala minimu. Dan jirriżulta fi problemi kontinwi madwar l-Istati Membri u jipprovdu opportunità għall-frodi tad-dokumenti.

Jekk ma jittiħdux miżuri konsistenti fil-livell tal-UE, id-diskrepanzi fis-sigurtà ma jiġux indirizzati b’mod komprensiv. In-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-UE tirriżulta wkoll f’aktar problemi prattiċi għaċ-ċittadini tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u n-negozji f’kuntest fejn iċ-ċittadini tal-UE jgħixu u jivvjaġġaw madwar l-Unjoni u jaqsmu l-fruntieri tagħha. Huwa ċar li l-indirizzar ta’ problemi sistemiċi relatati mas-sigurtà u l-moviment liberu, biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà għall-karti tal-identità nazzjonali u d-dokumenti ta’ residenza permezz ta’ standards minimi komuni, jeħtieġ azzjoni fuq skala tal-UE. L-objettivi ta’ kwalunkwe inizjattiva li tittieħed għar-rimedju tas-sitwazzjoni attwali ma jistgħux jinkisbu f’livell nazzjonali. Dawn id-dokumenti għandhom dimensjoni Ewropea intrinsika minħabba fil-konnessjoni tagħhom mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

Ir-Regolament propost ma jkunx jeħtieġ li l-Istati Membri joħorġu dokumenti li ma jinħarġux diġà.

Proporzjonalità

Azzjoni tal-UE tista’ żżid valur konsiderevoli fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi, u f’ħafna każijiet hija l-uniku mod kif tista’ tinkiseb u tinżamm sistema b’konverġenza u kumpatibbli. Is-sigurtà fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fil-fruntieri esterni tagħha tqiegħdet taħt tensjoni konsiderevoli f’dawn l-aħħar xhur u snin. L-isfidi kontinwi għas-sigurtà enfasizzaw ir-rabta inseparabbli bejn il-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni Ewropea u l-ġestjoni robusta tal-fruntieri esterni. Il-miżuri għat-titjib tas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, bħall-kontrolli sistematiċi tal-persuni kollha bi tqabbil ma bażijiet ta’ dejta, inklużi ċ-ċittadini tal-UE li jaqsmu l-fruntieri esterni, jiddgħajfu jekk l-istrument prinċipali għall-identifikazzjoni taċ-ċittadini jkun problematiku anke fil-kuntest nazzjonali.

Barra minn hekk, iċ-ċittadini ma jistgħux joqgħodu fuq id-dokumenti tagħhom biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom jekk ma jistgħux ikunu ċerti li d-dokumenti tagħhom se jiġu aċċettati barra l-Istati Membri fejn ikunu nħarġulhom.

L-eliminazzjoni tar-“rabtiet l-aktar dgħajfin”, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ standards minimi għall-informazzjoni pprovduta fuq dawn id-dokumenti u għall-karatteristiċi ta’ sigurtà komuni għall-Istati Membri kollha li joħorġuhom, jiffaċiltaw l-eżerċitar tal-moviment liberu u jtejbu s-sigurtà fl-UE u fil-fruntieri tagħha. Ħafna Stati Membri diġà żviluppaw u introduċew karti tal-identità protetti kontra t-tbagħbis. Mhijiex meħtieġa armonizzazzjoni kompleta, u qed tiġi proposta miżura proporzjonali li tiżgura standards minimi tas-sigurtà għad-dokumenti. Din tinkludi l-introduzzjoni ta’ marki tas-swaba’ obbligatorji, li huma l-mod l-aktar affidabbli biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna, kif ukoll miżura proporzjonali fid-dawl tat-theddid għas-sigurtà li l-Unjoni qed tiffaċċja. Għall-karti ta’ residenza maħruġa lil membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, huwa ssuġġerit l-użu tal-istess format li diġà ġie miftiehem fil-livell tal-Unjoni fir-Regolament Nru 1030/2002 rigward permessi ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, li japplika għalihom.

Għażla tal-istrument

Regolament huwa l-uniku strument legali li jiżgura l-implimentazzjoni diretta u komuni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha. F’qasam fejn id-diverġenzi kienu detrimentali għall-moviment liberu u s-sigurtà, regolament ikun jiżgura li tinkiseb il-komunalità mixtieqa.

3.KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet ma’ partijiet interessati

Il-proċess ta’ konsultazzjoni kkombina għodod ta’ influwenza ġenerali, bħal konsultazzjoni pubblika, ma’ konsultazzjonijiet aktar iffukati mal-Istati Membri u gruppi ta’ partijiet interessati. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni qieset ukoll ir-reazzjoni diretta riċevuta miċ-ċittadini u l-opinjoni espressa mill-Pjattaforma REFIT, li ħeġġet lill-Kummissjoni tanalizza l-fattibbiltà tal-armonizzazzjoni tad-dokumenti tal-identità u ta’ residenza, jew ta’ kwalunkwe waħda mill-karatteristiċi ewlenin tagħhom, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu u jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati miċ-ċittadini mobbli tal-UE fil-pajjiżi ospitanti tagħhom.

Informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni tinsab fl-Anness 2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja dan id-dokument.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni tat kuntratt liċ-Ċentru għas-Servizzi ta’ Strateġija u Evalwazzjoni (CSES) biex iwettaq studju dwar “L-inizjattivi ta’ politika tal-UE dwar id-dokumenti ta’ residenza u tal-identità biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu” (iffinalizzat f’Awwissu 2017).

Twettqet reviżjoni tal-kunċetti tal-inizjattiva miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

Studju mwettaq minn Milieu għall-Parlament Ewropew “Il-Kuntest Legali u Politiku għall-istabbiliment ta’ Dokument tal-Identità Ewropew”, Mejju 2016, ipprovda informazzjoni utli wkoll 23 .

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Valutazzjoni tal-Impatt li tappoġġa din il-proposta rċeviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, b’xi suġġerimenti għal titjib 24 . Il-valutazzjoni tal-Impatt qieset għadd ta’ alternattivi għall-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza meta mqabbel mal-istatus quo: inklużi miżuri ta’ liġijiet mhux vinkolanti, rekwiżiti minimi komuni, u armonizzazzjoni usa’. L-istatus quo tqies bħala mhux sodisfaċenti u l-armonizzazzjoni usa’ ma tqisitx bħala proporzjonali.

Għalhekk, l-għażla preferuta kienet l-issettjar ta’ standards minimi tas-sigurtà għall-karti tal-identità u rekwiżiti minimi komuni għad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u, fil-każ tal-karti ta’ residenza għal membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz, l-użu ta’ format uniformi komuni għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiż terz. Dan irid jiġi akkumpanjat minn miżuri ta’ liġijiet mhux vinkolanti, biex tiġi żgurata implimentazzjoni li tkun imfassla apposta għas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

Il-miżuri f’din l-alternattiva jtejbu l-aċċettazzjoni tad-dokumenti madwar l-UE u l-karatteristiċi ta’ sigurtà mtejba tad-dokumenti li hija tipprevedi jrendu ffrankar dirett u rikorrenti tal-ispejjeż, kif ukoll inqas skariġġ għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi (eż. gwardji tal-fruntiera li jiċċekkjaw id-dokumenti) u għall-operaturi ta’ servizzi pubbliċi u privati (eż. linji tal-ajru, saħħa, banek u fornituri ta’ assigurazzjoni u tas-sigurtà soċjali).

Benefiċċji oħra tal-alternattiva preferuta jinkludu tnaqqis fil-frodi tad-dokumenti u fis-serq ta’ identità, kif ukoll livell ta’ sigurtà ġeneralment aħjar (tnaqqis ta’ kriminalità, ta’ frodi u ta’ terroriżmu) fl-UE u fil-fruntieri tagħha. Mal-alternattiva preferuta żdiedi l-marki tas-swaba’ obbligatorji sabiex tkompli titjieb l-effettività f’termini ta’ sigurtà. L-inklużjoni ta’ żewġ identifikaturi bijometriċi (immaġni tal-wiċċ, marki tas-swaba’) itejbu l-identifikazzjoni tal-persuni u jallinjaw il-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-UE u l-karti ta’ residenza maħruġa lil membri tal-familja li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-istandards, rispettivament, tal-passaporti maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u l-permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE). Dokumenti mtejba jiffaċilitaw ukoll il-moviment liberu tal-persuni billi jippermettu użu aktar veloċi, aktar faċli u aktar sigur tad-dokumenti.

Il-perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali tal-karti tal-identità u l-karti ta’ residenza għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li ma jikkonformawx mal-istandards stipulati fl-għażla preferuta tqassar għal ħames snin. Id-dokumenti l-inqas siguri se jiġu eliminati gradwalment fi żmien sentejn. Kwalunkwe dewmien ulterjuri fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-modifiki joħloq diskrepanzi fis-sigurtà fit-tul, inaqqas l-effettività tagħhom u l-koerenza ma’ miżuri ta’ sigurtà oħra li ġew adottati reċentement fl-UE u fil-fruntieri esterni tagħha. Għalhekk, eliminazzjoni gradwali iqsar taċċellera l-kisbiet fis-sigurtà li għandhom jiġu pprovduti mid-dokumenti mtejba.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-inizjattiva hija inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 taħt l-inizjattivi ta’ REFIT fil-Qasam tal-Ġustizzja u d-Drittijiet Fundamentali Bbażati fuq Fiduċja Reċiproka.

Din l-inizjattiva twieġeb għal opinjoni tal-Pjattaforma REFIT. Fl-opinjoni tagħha 25 , il-Pjattaforma REFIT ħeġġet lill-Kummissjoni biex tanalizza l-fattibbiltà tal-armonizzazzjoni tad-dokumenti tal-identità u ta’ residenza, jew ta’ kwalunkwe waħda mill-karatteristiċi ewlenin tagħhom, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu u jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati miċ-ċittadini mobbli tal-UE fil-pajjiżi ospitanti tagħhom.

Il-Kummissjoni qieset ukoll xi opportunitajiet biex tissimplifika u tnaqqas il-piżijiet. Il-benefiċjarji ta’ din il-proposta jinkludu ċittadini, negozji u amministrazzjonijiet pubbliċi. Il-valutazzjoni tal-impatt stmat l-iffrankar annwali tal-ispejjeż iġġenerat, fost l-oħrajn, minn kontrolli aċċellerati ta’ qabel l-imbarkazzjoni madwar l-UE, minn kontrolli aċċellerati tad-dokumenti madwar l-UE waqt il-ftuħ ta’ kont tal-bank, u minn inqas pagamenti ta’ kumpens għall-awtoritajiet u l-linji tal-ajru. Iċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi se jibbenefikaw ukoll minn inqas skariġġ permezz ta’ sensibilizzazzjoni aħjar dwar il-formati tad-dokumenti u d-drittijiet marbuta mad-dokumenti, kif ukoll ta’ aktar aċċettazzjoni ta’ dokumenti aktar siguri.

Drittijiet fundamentali u protezzjoni tad-dejta

Il-proposta taffettwa b’mod pożittiv id-dritt fundamentali dwar libertà ta’ moviment u ta’ residenza skont l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Karta), billi tindirizza d-diffikultajiet fir-rikonoxximent u s-sigurtà insuffiċjenti kemm tal-karti tal-identità kif ukoll tad-dokumenti ta’ residenza, b’mod partikolari għall-membri tal-familja li ma jkunux ċittadini tal-UE. Identifikazzjoni aktar affidabbli ta’ individwi tkun possibbli permezz tal-użu ta’ dejta bijometrika li tiżgura li d-dejta personali tkun preċiża u protetta kif xieraq.

Il-proposta timplika l-ipproċessar tad-dejta personali, inkluża dejta bijometrika. Jeżistu impatti potenzjali fuq id-drittijiet fundamentali ta’ individwi, jiġifieri l-Artikolu 7 tal-Karta dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-Artikolu 8 dwar id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. L-ipproċessar tad-dejta personali ta’ individwi, inklużi l-ġbir, l-aċċess għad-dejta personali u l-użu tagħha, jaffettwa d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-deta personali skont il-Karta. L-interferenza ma’ dawn id-drittijiet fundamentali trid tkun iġġustifikata 26 .

Rigward id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali inkluża s-sigurtà tad-dejta, tapplika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE 27 , jiġifieri r-Regolament Nru 2016/679. Ma hija prevista ebda deroga mir-reġim ta’ protezzjoni tad-dejta tal-Unjoni u fl-Istati Membri għandhom jiġu implimentati regoli, kundizzjonijiet u salvagwardji robusti u ċari, f’konformità mal-acquis tal-protezzjoni tad-data, kif xieraq. L-inklużjoni obbligatorja tad-dejta bijometrika fil-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-UE u l-karti ta’ residenza maħruġa lill-membri tal-familja tagħhom li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi se tiġi implimentata b’salvagwardji speċifiċi, f’konformità ma’ dawk stabbiliti għall-passaporti u dokumenti oħra tal-ivvjaġġar 28 u dawk għall-permessi ta’ residenza 29 .

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Sabiex tiżgura implimentazzjoni effettiva tal-miżuri previsti u timmonitorja r-riżultati tagħhom, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti minn awtoritajiet nazzjonali u aġenziji tal-UE.

Il-Kummissjoni se tadotta programm ta’ monitoraġġ biex timmonitorja l-outputs, ir-riżultati u l-impatti ta’ dan ir-Regolament. Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom se tinġabar id-dejta u evidenza oħra meħtieġa, u l-intervalli li fihom se jsir dan. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni sena wara l-bidu tal-applikazzjoni, u sussegwentement fuq bażi annwali, xi informazzjoni li titqies essenzjali għall-monitoraġġ effettiv tal-funzjonament ta’ dan ir-Regolament. Il-biċċa l-kbira minn din l-informazzjoni se tinġabar mill-awtoritajiet kompetenti matul id-durata tal-kompiti tagħhom, u għalhekk mhumiex se jkunu meħtieġa sforzi addizzjonali ta’ ġbir tad-dejta.

Il-Kummissjoni se tevalwa l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tal-qafas legali li jirriżulta, mhux qabel sitt snin wara d-data tal-applikazzjoni, sabiex tiżgura li jkun hemm biżżejjed dejta relatata mal-applikazzjoni tar-Regolament. L-evalwazzjoni għandha tinkludi l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati biex jinġabar feedback dwar l-effetti tal-bidliet leġiżlattivi u l-miżuri mhux vinkolanti implimentati. Il-punt ta’ riferiment li miegħu se jitkejjel il-progress huwa s-sitwazzjoni bażika meta l-att leġiżlattiv jidħol fis-seħħ.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kapitolu I (l-Artikoli 1 u 2) tal-proposta jiddeskrivi s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Dan jikkonċerna d-dokument kollha marbuta mal-eżerċizzju tal-moviment liberu miċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom, u li jissemmew fid-Direttiva 2004/38 KE dwar il-Moviment Liberu. Dawn jinkludu karti tal-identità nazzjonali li jippermettu l-ħruġ minn Stat Membru u d-dħul fi Stat Membru ieħor, dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u karti ta’ residenza maħruġa lill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Il-Kapitolu II jipprovdi d-dettalji, fl-Artikolu 3, dwar ir-rekwiżiti ġenerali inklużi l-karatteristiċi minimi ta’ sigurtà li l-karti tal-identità nazzjonali jridu jissodisfaw. Huma jibnu fuq l-ispeċifikazzjonijiet fid-dokument 9303 tal-ICAO. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-ICAO huma komuni għal dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw mill-magni, u jiżguraw interoperabbiltà globali meta dawn id-dokumenti jiġu vverifikati bl-użu ta’ spezzjoni viżwali u mezzi ta’ qari bil-magni.

L-Artikolu 4 jiddeskrivi r-rekwiżiti speċifiċi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tinġabar dejta bijometrika.

L-Artikolu 5 jipprevedi perjodu ta’ eliminazzjoni gradwali ta’ ħames snin għall-formati preċedenti, minbarra għal karti li ma jinqrawx mill-magni f’konformità mad-dokument 9303, il-parti 3 tal-ICAO (is-seba’ edizzjoni, 2015), li jridu jiġu eliminati gradwalment fi żmien sentejn mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Il-perjodi ta’ eliminazzjoni gradwali jippermettu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw mill-aktar fis possibbli d-diskrepanza eżistenti fis-sigurtà għall-karti tal-identità, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà jekk il-karti tal-identità ma jkunux jissodisfaw l-istandards stabbiliti fid-dokument 9303, il-parti 3 tal-ICAO dwar il-qari tad-dokumenti mill-magni.

Il-Kapitolu III (l-Artikolu 6) jittratta dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE. Dawn id-dokumenti huma disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u li jiddikjaraw id-dritt tagħhom ta’ residenza fl-Istat Membru li jospitahom, li jingħata direttament mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Dawn huma wkoll prova tar-residenza. Standards minimi tas-sigurtà relatati mal-format ta’ dawn id-dokumenti jiffaċilitaw il-verifika u l-awtentikazzjoni tagħhom minn Stati Membri oħra, b’mod partikolari fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin.

Il-Kapitolu IV jittratta karti ta’ residenza maħruġa lill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Dawk il-karti jinħarġu lil membri tal-familja li ma jkunux ċittadini tal-Unjoni. Huma jiddikjaraw id-dritt idderivat tagħhom ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti bħala membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Barra minn hekk, fejn dawn il-membri tal-familja jkunu suġġetti għal obbligu ta’ viża tad-dħul, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jew, fejn xieraq, mal-liġi nazzjonali, il-karti ta’ residenza jeżentawhom mill-obbligu li jkollhom viża meta jkunu qed jakkumpanjaw jew jiltaqgħu ma’ ċittadin tal-Unjoni.

Bħala dokument li jista’ jinvolvi eżenzjoni ta’ viża f’dawn iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li jiġi rinforzat il-livell ta’ sigurtà tal-karatteristiċi tiegħu. Speċifikament, fir-rigward tal-permessi ta’ residenza li jinħarġu mill-Istati Membri lil residenti mhux ċittadini tal-UE, jenħtieġ li l-karatteristiċi ta’ sigurtà jkunu l-istess bħal dawk previsti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz (l-Artikolu 7), kif emendat. Madankollu, kif previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE, fit-titolu tad-dokument trid tiġi inkluża referenza għall-istatus bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jużaw kodiċi standardizzat, b’mod partikolari jekk ir-referenza tkun twila wisq biex tidħol fl-attribut tat-titolu.

Id-dettalji tal-arranġament għall-eliminazzjoni gradwali ta’ karti ta’ residenza li mhumiex konformi huma stipulati fl-Artikolu 8. Il-karti li diġà nħarġu fil-format uniformi kif deskritt fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1030/2002 kif emendat mir-Regolament Nru 380/2008, iżda li għadhom ma jinkludux il-bidliet introdotti mir-Regolament (UE) Nru 2017/1954, se jiġu eliminati gradwalment fi żmien ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost. Għall-karti l-oħra, li għadhom ma inkludewx l-emendi introdotti mir-Regolament Nru 380/2008 u li ma jilħqux dak il-livell ta’ sigurtà tad-dokumenti, hija prevista eliminazzjoni gradwali ta’ sentejn.

Il-Kapitolu V jistipula d-dispożizzjonijiet komuni għat-tliet tipi ta’ dokumenti.

L-Artikolu 9 jiddeskrivi l-obbligu li l-Istati Membr jiddeżinjaw punti ta’ kuntatt għall-implimentazzjoni tar-Regolament.

L-Artikolu 10 jistipula l-qafas għall-protezzjoni tad-dejta u jkompli jispeċifika s-salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta.

L-Artikolu 11 jistipula li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm iddettaljat għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 12 jistipula li jenħtieġ li -Kummissjoni tippreżenta Rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u Rapport dwar is-sejbiet prinċipali tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq l-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar u skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 30 . Sabiex tkun tista’ toħroġ dan ir-Rapport, il-Kummissjoni trid toqgħod fuq il-kontribuzzjoni mill-Istati Membri.

L-Artikolu 13 jipprevedi d-dħul fis-seħħ tar-Regolament jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, u d-data tal-applikazzjoni tiegħu 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

2018/0104 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 31 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 32 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)It-Trattati tal-UE impenjaw ruħhom biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni filwaqt li jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-popli tagħhom, billi jistabbilixxu spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja , f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkonferixxi fuq kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta’ moviment liberu, suġġett għal ċerti limitazzjonijiet u kundizzjonijiet. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tagħti effett għal dak id-dritt 33 . L-Artikolu 45 tal-Karta jipprevedi wkoll il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Il-libertà ta’ moviment tinvolvi d-dritt ta’ ħruġ u ta’ dħul fl-Istati Membri b’karta tal-identità jew passaport validu.

(3)Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/38/KE, l-Istati Membri jridu joħorġu u jġeddu karti tal-identità u passaporti liċ-ċittadini tagħhom f’konformità mal-liġijiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38/KE jipprovdi li huma jistgħu jeħtieġu li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom jirreġistraw mal-awtoritajiet rilevanti. L-Istati Membri huma meħtieġa joħorġu ċertifikati ta’ reġistrazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stipulati fih. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll joħorġu karti ta’ residenza lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u, mal-applikazzjoni, joħorġu dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti kif ukoll karti ta’ residenza permanenti.

(4)L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jirrifjutaw, itemmu jew jirtiraw kwalunkwe dritt ikkonferit minn din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż tad-drittijiet jew frodi. Il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti jew il-preżentazzjoni falza ta’ fatt materjali li jikkonċerna l-kundizzjonijiet marbuta mad-dritt ta’ residenza ġew identifikati bħala każijiet tipiċi ta’ frodi skont id-Direttiva 34 .

(5)Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-2016, ta’ Diċembru, dwar is-sigurtà tad-dokumenti indirizza r-riskju minn karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza frodulenti 35 , u r-Rapport tal-2017 dwar iċ-ċittadinanza kien jinkludi impenn li jiġu analizzati l-għażliet politiċi biex tittejjeb is-sigurtà tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza. 

(6)Dan ir-Regolament ma jeħtieġx li l-Istati Membri jintroduċu karti tal-identità jew dokumenti ta’ residenza fejn mhumiex previsti skont il-liġi nazzjonali, u lanqas ma jaffettwa l-kompetenza tal-Istati Membri li joħorġu dokumenti ta’ residenza oħra skont il-liġi nazzjonali li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, pereżempju karti ta’ residenza maħruġa għar-residenti kollha fit-territorju irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.

(7)Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-użu, mill-Istati Membri, ta’ karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza b’funzjoni eID għal skopijiet oħra, u lanqas ma jaffettwa r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 36 li jipprevedi rikonoxximent reċiproku madwar l-Unjoni ta’ identifikazzjonijiet elettroniċi fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi u li jgħin liċ-ċittadini biex imorru jgħixu fi Stati Membri oħra billi jeħtieġ li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika jiġu rikonoxxuti fi Stati Membri oħra. Jenħtieġ li karti tal-identità mtejba jiżguraw identifikazzjoni aktar faċli u jikkontribwixxu għal aċċess aħjar għas-servizzi.

(8)Verifika xierqa tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza teħtieġ li l-Istati Membri jużaw it-titolu korrett għal kull tip ta’ dokument. Sabiex jiffaċilita l-iċċekkjar tad-dokumenti fl-Istati Membri l-oħra, jenħtieġ li t-titolu tad-dokument jidher ukoll f’mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(9)Karatteristiki tas-sigurtà huma neċessarji biex jiġi vverifikat jekk dokument huwiex awtentiku u biex tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna. L-istabbiliment ta’ standards minimi tas-sigurtà u l-integrazzjoni ta’ dejta bijometrika fil-karti tal-identità u l-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru hija pass importanti biex l-użu tagħhom fl-Unjoni ssir aktar sigura. Jenħtieġ li l-inklużjoni ta’ dawn l-identifikaturi bijometriċi tippermetti li ċ-ċittadini jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom tal-moviment liberu.

(10)Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet tad-Dokument 9303 (is-seba’ edizzjoni, 2015) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organisation, ICAO) dwar dokumenti li jinqraw mill-magni li jiżguraw interoperabbiltà globali, inkluż għall-qari tad-dokumenti mill-magni u l-użu ta’ spezzjoni viżwali.

(11)Jenħtieġ li l-proċedura biex jittieħdu l-marki tas-swaba’ u immaġni tal-wiċċ tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u tiġi applikata f’konformità mas-salvagwardji stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

(12)Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ standards minimi ta’ sigurtà u standards tal-format tippermetti li l-Istati Membri joqgħodu fuq l-awtentiċità ta’ dawk id-dokumenti meta ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu. Filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li jiġu previsti karatteristiċi nazzjonali addizzjonali, jenħtieġ li jiġi żgurat li dawk il-karatteristiċi ma jnaqqsux l-effiċjenza tal-karatteristiċi ta’ sigurtà komuni, jew inkella jaffettwaw b’mod negattiv l-interoperabbiltà transfruntiera tal-karti tal-identità, bħall-possibbiltà li l-karti tal-identità jinqraw minn magni li jintużaw minn Stati Membri li ma jkunux ħarġu dawk il-karti.

(13)Ir-Regolament għandu jirrispetta l-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li ġiet ratifikata mill-Istati Membri u mill-Unjoni 37 . Għalhekk, jenħtieġ li titħeġġeġ l-integrazzjoni ta’ karatteristiċi addizzjonali li jrendu l-karti tal-identità aktar aċċessibbli u faċli biex jintużaw minn persuni b’diżabbiltà, bħal persuni b’vista batuta.

(14)Jenħtieġ li dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni jinkludu ċerta informazzjoni biex jiġi żgurat li huma jiġu identifikati bħala tali fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li dan jiffaċilita r-rikonoxximent tal-użu tad-dritt għal moviment liberu miċ-ċittadini mobbli tal-UE, kif ukoll tad-drittijiet li huma inerenti għal dan l-użu, iżda jenħtieġ li l-armonizzazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa xieraq biex tiġi indirizzata d-dgħufija tad-dokumenti attwali.

(15)Rigward id-dokumenti ta’ residenza maħruġa lil membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, huwa xieraq li jintużaw l-istess format u karatteristiċi ta’ sigurtà previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 38 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) Nru 2017/1954 39 . Minbarra li jagħtu prova tad-dritt ta’ residenza, huma jeżentaw ukoll lid-detenturi li inkella jkunu suġġetti għal obbligu ta’ viża mill-ħtieġa li jiksbu viża, meta jkunu qed jakkumpanjaw jew jiltaqgħu ma’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni. 

(16)L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE jipprovdi li dokumenti li jinħarġu lil membri tal-familja li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jissejħu “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin tal-Unjoni”.

(17)Karti tal-identità kif ukoll karti ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni bi standards tas-sigurtà insuffiċjenti għandhom jiġu eliminati gradwalment, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm ir-riskju għas-sigurtà kif ukoll l-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri. B’mod ġenerali, jenħtieġ li perjodu ta’ ħames snin ikun biżżejjed biex jintlaħaq bilanċ bejn il-frekwenza li biha dokumenti normalment jiġu sostitwiti u l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-diskrepanza eżistenti fis-sigurtà fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, għal raġunijiet ta’ sigurtà, karti li ma jkollhomx karatteristiċi importanti, b’mod partikolari li jkunu jistgħu jinqraw mill-magni, huwa meħtieġ perjodu iqsar ta’ sentejn.

(18)Fir-rigward tad-dejta personali li trid tiġi pproċessata fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, japplika r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta)  40 . Huwa neċessarju li jiġu speċifikati aktar salvagwardji applikabbli għad-dejta personali pproċessata. Jenħtieġ li s-suġġetti tad-dejta jkunu konxji li fil-dokumenti tagħhom jeżisti mezz ta’ ħżin li jkun fih id-dejta bijometrika tagħhom, inkluża l-aċċessibbiltà tiegħu mingħajr kuntatt kif ukoll l-istanzi kollha fejn tintuża d-dejta maħżuna fil-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza tagħhom. F’kull każ, jenħtieġ li s-suġġetti tad-dejta jkollhom aċċess għad-dejta personali pproċessata fil-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza tagħhom, u jirrettifikawhom.

(19)Huwa neċessarju li f’dan ir-Regolament tiġi speċifikata l-bażi għall-ġbir u l-ħżin tad-dejta fuq il-mezz ta’ ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza. F’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jew id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jaħżnu dejta oħra fuq mezz ta’ ħżin għal servizzi elettroniċi jew skopijiet oħra relatati mal-karta tal-identità jew id-dokument ta’ residenza. Jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ din id-dejta, inkluż il-ġbir tagħha u l-iskopijiet li għalihom tista’ tintuża, jiġi awtorizzat mid-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni. Jenħtieġ li d-dejta nazzjonali kollha tiġi sseparata fiżikament jew loġistikament mid-dejta bijometrika msemmija f’dan ir-Regolament.

(20)Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw dan ir-Regolament sa mhux aktar minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri joħorġu dokumenti li jirrispettaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

(21)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirraporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tliet snin wara d-data ta’ applikazzjoni tiegħu, inkluż dwar ix-xerqien tal-livell ta’ sigurtà. F’konformità mal-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 41 , jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ speċifiċi, sabiex tivvaluta l-effetti reali tar-Regolament u l-ħtieġa għal kwalunkwe azzjoni ulterjuri.

(22)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tadotta xi miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(23)Ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, id-dritt għall-moviment liberu u d-dritt għal rimedju effettiv.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament isaħħaħ l-istandards tas-sigurtà applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom, kif ukoll għad-dokumenti ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal:

(a)karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom stess, kif jissemma fl-Artikolu 4 (3) tad-Direttiva 2004/38/KE;

(b)ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru ospitanti għal aktar minn tliet xhur, f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/38/KE, u għal dokumenti li jiċċertifikaw residenza permanenti maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni malli japplikaw, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/38/KE;

(c)karti ta’ residenza maħruġa lil membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE, u karti ta’ residenza permanenti maħruġa lil membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, f’konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38/KE.

KAPITOLU II
KARTI TAL-IDENTITÀ NAZ
ZJONALI

Artikolu 3

Standards tas-sigurtà/format/speċifikazzjonijiet

(1)Il-karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri għandhom jiġu prodotti fil-format ID-1 u għandhom jikkonformaw mal-istandards minimi tas-sigurtà stipulati fid-Dokument 9303 tal-ICAO (is-seba’ edizzjoni, 2015).

(2)It-titolu tad-dokument (“Karta tal-identità”) għandu jidher fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li joħorġu u f’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(3)Il-karti tal-identità għandhom jinkludu mezz ta’ ħżin sigur ħafna li għandu jkun fih immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-karta u żewġ marki tas-swaba’ f’formati interoperabbli.

(4)Il-mezz ta’ ħżin għandu jkollu biżżejjed kapaċità biex jiggarantixxi l-integrità, l-awtentitċità u l-kunfidenzjalità tad-dejta. Id-dejta maħżuna għandha tkun aċċessibbli mingħajr kuntatt u tinżamm sikura kif previst fid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

(5)Il-persuni li ġejjin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jipprovdu marki tas-swaba’:

(a)tfal taħt l-età ta’ 12-il sena;

(b)persuni li għalihom huwa fiżikament impossibbli li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’.

(6)L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu dettalji u osservazzjonijiet għall-użu nazzjonali, kif meħtieġ fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom.

(7)Fejn l-Istati Membri jinkorporaw interfaċċa doppja jew mezz ta’ ħżin separat fil-karta tal-identità, il-mezz ta’ ħżin addizzjonali għandu jikkonforma mal-istandards ISO rilevanti u ma jinterferix mal-mezz ta’ ħżin imsemmi fil-paragrafu 3.

(8)Fejn l-Istati Membri jaħżnu dejta għas-servizzi elettroniċi fil-karti tal-identità, bħall-gvern elettroniku u l-kummerċ elettroniku, id-dejta nazzjonali għandha tkun fiżikament u loġistikament separata mid-dejta bijometrika imsemmija fil-paragrafu 3.

(9)Fejn l-Istati Membri jżidu karatteristiċi ta’ sigurtà nazzjonali għall-karti tal-identità, l-interoperabbiltà transfruntiera tal-karti tal-identità u l-effiċjenza tal-istandards minimi tas-sigurtà ma għandhomx jitnaqqsu.

(10)Il-karti tal-identità għandu jkollhom perjodu massimu ta’ validità ta’ 10 snin. Jistgħu jiġu pprovduti derogi għal gruppi ta’ età speċifiċi.

Artikolu 4

Ġbir ta’ identifikaturi bijometriċi

(1)L-identifikaturi bijometriċi għandhom jinġabru minn membri tal-persunal li jkunu kwalifikati u awtorizzati kif xieraq mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ħruġ tal-karti tal-identità.

(2)Fejn jinstabu diffikultajiet fil-ġbir tal-identifikaturi bijometriċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm stabbiliti proċeduri xierqa biex jiggarantixxu d-dinjità tal-persuna kkonċernata.

Artikolu 5

Eliminazzjoni gradwali

Karti tal-identità li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sa ħames snin wara [id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament], skont liema data minnhom tasal l-ewwel. Madankollu, karti tal-identità li ma jkunux jinkludu parti li tinqara minn magna (machine-readable zone, MRZ) li tkun tikkonforma mad-dokument 9303, il-parti 3 (is-seba’ edizzjoni, 2015) tal-ICAO ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sa sentejn wara [id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament], skont liema data minnhom tasal l-ewwel.

Kapitolu III
Dokumenti ta’ Residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni

Artikolu 6

Informazzjoni minima li trid tiġi indikata

Dokumenti ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jindikaw mill-inqas dan li ġej:

(a)it-titolu tad-dokument fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat u f’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

(b)ir-referenza ċara li d-dokument huwa maħruġ f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE;

(c)in-numru tad-dokument;

(d)l-isem (il-kunjom u l-isem/ismijiet) tad-detentur;

(e)id-data tat-twelid tad-detentur;

(f)id-data tal-ħruġ;

(g)il-post tal-ħruġ.

Kapitolu IV
KARTI TA’ RESIDENZA GĦAL
MEMBRI TAL-FAMILJA LI MHUMIEX ĊITTADINI TA’ STAT MEMBRU

Artikolu 7

Format uniformi

(1)Meta joħorġu karti ta’ residenza lil membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li ma jkunux ċittadini ta’ Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jużaw l-istess format stabbilit mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) Nru 2017/1954 u kif implimentat mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 3069 tal-14 ta’ Awwissu 2002 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-implimentazzjoni tal-format uniformi għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiż terz, kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 6178 tat-30.9.2013.

(2)Bid-deroga mill-paragrafu 1, karta għandha tindika b’mod ċar li hija nħarġet f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE u għandu jkollha t-titolu “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin tal-Unjoni” jew “Karta ta’ residenza permanenti ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”, rispettivament. L-Istati Membri jistgħu jużaw il-kodiċi standardizzat “Art 10 DIR 2004/38/KE” jew “Art 20 DIR 2004/38/KE”, rispettivament.

(3)L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu dejta għall-użu nazzjonali f’konformità mad-dritt nazzjonali. Meta jdaħħlu u jaħżnu din id-dejta, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-istess rekwiżiti kif stipulati fl-Artikolu 4, it-tieni subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) Nru 2017/1954.

Artikolu 8

Eliminazzjoni gradwali tal-karti ta’ residenza eżistenti

(1)Karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li ma jkunux f’format stabbilit għall-permessi ta’ residenza fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 380/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fi [id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sa [sentejn wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], skont liema data minnhom tasal l-ewwel.

(2)Karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jkunu f’format stabbilit għall-permessi ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiż terz fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 380/2008, iżda li ma jkunux f’format stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 2017/1954 fi [id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], ma għandhomx jibqgħu validi malli jiskadu jew sa [ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], skont liema data minnhom tasal l-ewwel.

KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 9

Punt ta’ kuntatt

(1)Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità waħda bħala punt ta’ kuntatt għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Huwa għandu jikkomunika isem dik l-awtorità lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Jekk Stat Membru jibdel l-awtorità ddeżinjata tiegħu, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

(2)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta’ kuntatt ikunu konxji u jkunu jistgħu jikkooperaw mas-servizzi eżistenti u rilevanti ta’ assistenza u informazzjoni fil-livell tal-Unjoni, bħal L-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, EURES, korpi previsti taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/54/UE, in-Netwerk Enterprise Europe u l-Punti ta’ Kuntatt Uniku.

Artikolu 10

Protezzjoni tad-dejta personali

(1)Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/679, il-persuni li tinħarġilhom karta tal-identità jew dokument ta’ residenza għandu jkollhom id-dritt li jivverifikaw id-dejta personali inkluża fid-dokumenti u, fejn xieraq, li jitolbu rettifika jew tħassir.

(2)Informazzjoni f’forma li tinqara mill-magni għandha tiġi inkluża f’karta tal-identità jew dokument ta’ residenza biss f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li joħroġhom.

(3)Id-dejta bijometrika miġbura u maħżuna fil-mezz ta’ ħżin tal-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza għandha tintuża biss f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali għall-verifikazzjoni:

(a)l-awtentiċità tal-karta tal-identità jew id-dokument ta’ residenza;

(b)l-identità tad-detentur permezz ta’ karatteristiċi komparabbli direttament disponibbli meta l-karta tal-identità jew id-dokument ta’ residenza jkun meħtieġ li jintwera bil-liġi.

Artikolu 11

Monitoraġġ

Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm iddettaljat għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatti ta’ dan ir-Regolament.

Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistipula l-mezzi li permezz tagħhom se tinġabar id-dejta u evidenza oħra meħtieġa, u l-intervalli li fihom se jsir dan. Huwa għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-dejta u ta’ evidenza oħra.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-dejta u evidenza oħra meħtieġa għall-monitoraġġ.

Artikolu 12

Rappurtar u Evalwazzjoni

(1)Erba’ snin wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(2)Mhux iktar tard minn 6 snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet prinċipali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-evalwazzjoni għandha titwettaq skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar.

(3)L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapporti.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta’ dejta rilevanti.
(2)    Ir-Rapport annwali tal-2016 dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE (dejta tal-2015).
(3)    Tabelli dwar il-vjaġġi transfruntiera taċ-ċittadini tal-UE għall-2015 (ir-raġunijiet kollha) - http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Tourism_statistics.
(4)    COM(2016) 790 final.
(5)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ ir-rispons Ewropew għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, adottati fis-27 ta’ Marzu 2017 http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/03/27/jha-travel-document-fraud/ .
(6)    Fl-2005, l-Istati Membri kienu diġà adottaw b’mod unanimu l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar standards minimi li jirrelataw mas-sigurtà ta’ proċessi ta’ ħruġ ta’ karti tal-identità għall-Istati Membri (id-dokument tal-Kunsill 14390/05). Dan ġie segwit b’Riżoluzzjoni fl-2006 http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%2014938%202006%20INIT .
(7)    COM(2016) 602 final.
(8)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, adottati fil-11 ta’ Mejju 2017 http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9080-2017-INIT/mt/pdf .
(9)    Barra minn hekk, f’ħames Stati Membri oħra ċ-ċittadini huma obbligati jżommu fuqhom dokument mhux speċifiku għal skopijiet ta’ identifikazzjoni. Fil-prattika, din spiss ħafna tkun karta tal-identità.
(10)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(11)    COM (2009) 313 final.
(12)    Dan is-suġġett ġiet diskuss ukoll fil-qafas tal-Pjattaforma REFIT (Opinjoni tal-Pjattaforma REFIT dwar is-sottomissjoni minn ċittadin (LtL 242) dwar id-Dokumenti tal-Identità u tal-Ivvjaġġar, is-7 ta’ Ġunju 2017). Il-Pjattaforma REFIT ħeġġet lill-Kummissjoni biex tanalizza l-fattibbiltà tal-armonizzazzjoni tad-dokumenti tal-identità u ta’ residenza, jew ta’ kwalunkwe waħda mill-karatteristiċi ewlenin tagħhom, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu u jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati miċ-ċittadini mobbli tal-UE fil-pajjiżi ospitanti tagħhom.
(13)    Ir-Regolament (UE) Nru 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar it-tisħiħ tal-verifiki fuq il-fruntieri esterni ma’ bażijiet ta’ dejta rilevanti.
(14)    Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE (il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni), COM(2017) 794 final.    Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE (fruntieri u viża) u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI, ir-Regolament (UE) 2016/399 u r-Regolament (UE) 2017/2226.
(15)    Ir-Regolament (KE) Nru 2252/2004 (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1). Ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex parti minn din il-miżura.
(16)    Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).
(17)    Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).
(18)    Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1).
(19)    Ir-Regolament (UE) 2017/1954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.
(20)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz (ĠU L 157 tal-15.6.2002, p. 1).
(21)    Kif irrikonoxxut fl-Artikolu 5a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1030/2002.
(22)    Id-Dokument tal-Kunsill tal-11 ta’ Ġunju 2008 (13.06), PV/CONS 26 JAI 188, 8622/08 ADD 1.
(23)     http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/556957/IPOL_STU(2016)556957_EN.pdf .
(24)    http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/?fuseaction=ia
(25)    L-Opinjoni XIII.3a tal-Pjattaforma REFIT li ġiet adottata f’Ġunju 2017.
(26)    Il-QtĠ-UE stabbiliet il-kriterji għall-ġustifikazzjoni ta’ din l-interferenza fil-kuntest tar-Regolament Nru 2252/2004 fil-Kawża C-291/12 Schwarz vs Stadt Bochum, ECLI:UE:C:2013:670. Hija fakkret li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-Karta jridu jkunu “previsti mil-liġi, bil-kundizzjoni li jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u bil-kundizzjoni, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li dawn il-limitazzjonijiet ikunu neċessarji u li effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor”, u sabet li l-objettiv “li tiġi evitata l-falsifikazzjoni tal-passaporti filwaqt li t-tieni wieħed huwa li jiġi ostakolat l-użu frawdolenti tagħhom” kien jissodisfa dawk il-kriterji.
(27)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI.
(28)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004.
(29)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002.
(30)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1–14.
(31)    ĠU C , , p. .
(32)    ĠU C , , p. .
(33)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(34)    COM (2013) 837 final ta’ 25.11.2013, p. 7 u COM (2009) 313 final ta’ 2.7.2009, p. 15.
(35)    COM(2016) 790 final.
(36)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE, ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(37)    ĠU L 23, 26.11.2009
(38)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).
(39)    ĠU L 286 tal-1.11.2017, p. 9.
(40)    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(41)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1–14.
Top