Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0770

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U L-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b'saħħitha quddiem l-inċertezza globali

COM/2018/770 final

Brussell, 21.11.2018

COM(2018) 770 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019:



Għal Ewropa aktar b'saħħitha quddiem l-inċertezza globali


Introduzzjoni

Fl-2019, l-ekonomija tal-Ewropa hija mistennija li tkompli tikber, li tipprovdi impjiegi lil għadd rekord ta’ persuni u toħroġ miljuni ta’ nies mill-faqar u mill-eskużjonijiet soċjali. Riformi strutturali, investiment u politiki fiskali responsabbli implimentati mill-Istati Membri, flimkien ma’ azzjoni deċiżiva fuq livell Ewropew, inkluż il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, ikkontribwew biex tiġi restawrata l-istabbiltà u biex titgawda prosperità akbar illum il-ġurnata fl-ekonomija Ewropea. L-impjieg tela’ għal livell rekord ta’ 239 miljun ruħ u l-qgħad waqa’ lura għal-livell ta’ qabel il-kriżi, biex b’hekk ġew megħjuna aktar minn 10 miljun persuna biex joħorġu mill-faqar jew l-esklużjoni soċjali matul dawn l-aħħar snin 1 .

L-ekonomija Ewropea issa dieħla fis-sitt sena tagħha ta’ tkabbir bla interruzzjoni. Il-firxa ta’ rati ta’ tkabbir taż-żona tal-euro hija l-iżgħar fl-istorja tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Tkompliet il-konverġenza reali, b’rati ta’ tkabbir ogħla rreġistrati fl-Istati Membri b’livelli aktar baxxi ta’ PDG per capita. Tkabbir robust u rati ta’ interess baxxi appoġġaw t-tnaqqis kontinwu fid-defiċits tal-gvernijiet nazzjonali, li f’ħafna każijiet marru lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Id-diskrepanza fl-investiment li ġabet magħha l-kriżi issa tinsab kważi magħluqa. Wara ħafna snin diffiċli, il-Greċja kkonkludiet b’suċċess il-programm ta’ assistenza finanzjarja tagħha, b’postha fil-qalba taż-żona tal-euro u l-Unjoni Ewropea żgurat.

It-tkabbir tal-ekonomija, madankollu, mhuwiex ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u l-pajjiżi kollha bl-istess mod u jibqa’ vulnerabbli għall-instabbiltà globali u għall-isfidi fuq terminu medju sa twil. L-elementi fundamentali għal tkabbir fit-tul fl-Ewropa huma f’posthom. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku huwa pprojettat li jkun moderat u qed jiffaċċja riskji negattivi sinifikanti. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament baqgħu ta’ appoġġ, iżda huwa mistenni xi ssikkar hekk kif it-tkabbir ikompli, l-inflazzjoni terġa’ taqbad u l-politika monetarja gradwalment tiġi għan-normal. It-tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi f’pajjiżi b’dejn għoli jista’ jwassal għal aktar spejjeż ta’ finanzjament fl-ekonomija kollha, inkluż fis-settur bankarju. Xi Stati Membri għadhom qegħdin jesperjenzaw rati għoljin ta’ qgħad u dħul nett tal-familji taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Oħrajn ibatu minn nuqqas ta’ impjiegi jew nuqqas ta’ ħiliet. It-tkabbir fil-produttività huwa mrażżan u d-diffużjoni tat-teknoloġiji diġitali għaddejja bil-mod. L-isfidi fit-tul - bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-diġitalizzazzjoni u l-impatti tagħha fuq ix-xogħol, i t-tibdil fil-klima u l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali - għadhom urġenti. Fatturi ta’ riskju oħrajn jinkludu l-issikkar tal-politika monetarja iktar mgħaġġel fl-Istati Uniti u l-implikazzjonijiet potenzjali tiegħu fuq l-istabbiltà finanzjarja fi swieq emerġenti; tensjonijiet ġeopolitiċi kontinwi b’impatt fuq il-kummerċ globali u l-inċertezzi persistenti dwar ir-relazzjonijiet futuri tal-Unjoni mar-Renju Unit.

L-isfidi dejjem akbar u l-inċertezza globali jfakkruna li l-momentum ekonomiku attwali joffri opportunità li ma għandhiex tintilef. L-isforzi ta’ riforma mġedda, l-investiment b’miri ċari u t-tnaqqis tal-livelli ta’ dejn, f’konformità mar-regoli fiskali Ewropea komuni, huma kruċjali biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jsiru aktar b’saħħithom, aktar inklużivi u reżiljenti. Il-politiki ekonomiċi u fiskali għandhom jippreservaw l-istabbiltà makroekonomika, jindirizzaw livelli għolja ta’ dejn u jinħolqu buffers kontra xokkijiet domestiċi jew esterni biex itaffu l-impatti soċjali u tal-impjiegi. L-investiment u r-riformi strutturali jridu jiffokaw saħansitra aktar fuq it-tisħiħ tat-tkabbir potenzjali.

Ekonomija reżiljenti u inklużiva se tippermetti lill-Unjoni biex issaħħaħ il-qawwiet tagħha globalment u tippromovi l-benefiċċji tal-multilateraliżmu u tal-integrazzjoni ekonomika. L-euro huwa fattur ta’ stabbiltà u tarka għar-riskji dejjem akbar tal-perspettiva ekonomika globali. Madankollu, jenħtieġ li l-arkitettura tagħha tiġi msaħħa ulterjorment. Suq Uniku integrat b’mod sħiħ u li jiffunzjona tajjeb se jgħin ukoll biex jipproteġi lill-Ewropa minn xokkijiet u kriżijiet futuri, filwaqt li Unjoni tas-Swieq Kapitali ġenwina se tiftaħ aktar fondi għat-tkabbir tal-Ewropa. Li nipprovdu lill-Unjoni tagħna b’baġit fuq żmien twil li jirrifletti l-iżviluppi mgħaġġla fil-qasam tal-innovazzjoni, l-ambjent ekonomiku u l-ġeopolitika huwa wkoll kruċjali biex tiġi appoġġata l-bidla strutturali u l-Ewropa tiġi magħmula aktar b’saħħitha u iktar koeżiva fid-dawl ta’ numru akbar ta’ inċertezzi, kemm internament kif ukoll esternament. Biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni u titrawwem il-konverġenza ’l fuq lejn kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar, huwa meħtieġ li wieħed jirrikorri għall-prinċipji pproklamati fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak f’nazzjonali.

1.Erba’ snin wara: It-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment imwassla

Fl-2014, l-Ewropa kinet għadha ħierġa mill-agħar kriżi finanzjarja u ekonomika f’ġenerazzjonijiet. Ir-riżultat ekonomiku reali kien qed jirkupra biss għal-livelli ta’ qabel il-kriżi u perjodu twil ta’ investiment baxx, flimkien ma’ fatturi oħra, kien ta’ piż fuq il-produttività u l-kompetittività. L-iżbilanċi pubbliċi kbar u żbilanċi makroekonomiċi oħra kienu ta’ theddida għall-irkupru fraġli. Il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi kienu jinħassu b’mod profond madwar l-Unjoni, b’qgħad għoli ħafna, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, u l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali li dejjem jiżdiedu.

Grafika1 — Il-Firxa tat-tkabbir tal-PDG fiż-żona tal-euro (2000–2018). Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Illum, fil-biċċa l-kbira, l-Ewropa dawret il-paġna fuq il-kriżi ekonomika u finanzjarja. L-ekonomija Ewropea issa dieħla fis-sitt sena tagħha ta’ tkabbir bla interruzzjoni. Dan tkabbir ekonomiku qawwi kien akkumpanjat b’irkupru fl-investiment, domanda tal-konsumatur aktar b’saħħitha, finanzi pubbliċi aktar sodi u ħolqien tal-impjiegi kontinwu, għalkemm b’ritmu differenti madwar il-pajjiżi. Il-firxa tar-rati ta’ tkabbir fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro niżlet għall-inqas livell tagħha sa mill-bidu tal-Unjoni Monetarja (ara l-grafika 1) 2 .

Il-prestazzjoni mikroekonomika tjiebet ukoll matul dawn l-aħħar snin. Id-distakk tal-produttività mal-Istati Uniti ġie stabbilizzat u l-produzzjoni tal-manifattura tal-UE żdiedet b’mod konsiderevoli. L-oġġetti u s-servizzi manifatturati tal-Ewropa baqgħu attraenti fis-suq globali, minkejja t-tnaqqis fid-domanda minn swieq emerġenti u prezzijiet ogħla taż-żejt. Il-konnettività diġitali madwar l-Istati Membri kibret b’aktar minn 40 % mill-2014.

Meta ħa l-kariga tiegħu, il-President Juncker ressaq aġenda ambizzjuża għall-“Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku”. L-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment kienu fuq quddiem nett tal-10 prijoritajiet ippreżentati. Minn dak iż-żmien ’l hawn, it-tliet pilastri ewlenin għall-politika ekonomika u soċjali tal-UE taw spinta kkoordinata lill-investiment, lill-impenn imġedded għar-riformi strutturali, u lit-twettiq ta’ politiki fiskali responsabbli. F’konformità mal-Linji Gwida Integrati, 3 dawn l-elementi ffurmaw trianglu virtuż, li għen biex jissaħħaħ l-irkupru u jiġi appoġġat it-tkabbir ekonomiku.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għen b’mod sinifikattiv biex jitwettqu l-wegħdiet li saru fl-2014. 4  Dan diġà żied il-PDG tal-UE b’0.6 % u huwa mistenni jikkontribwixxi b’0.7 % oħra sal-2020. Huwa ffaċilita l-użu tal-investiment pubbliku u privat fi proġetti li jiżguraw tkabbir fuq terminu twil. Billi jikkumplementa azzjonijiet nazzjonali biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi, il-Pjan Juncker ta spinta kbira u ddiversifika d-disponibbiltà ta’ strumenti finanzjarji matul l-irkupru. Huwa stmat li l-operazzjonijiet tiegħu diġà appoġġaw il-ħolqien ta’ iktar minn 750 000 impjieg, u din iċ-ċifra hija mistennija li tiżdied għal 1.4 miljun sal-2020.

Il-progress li sar lejn l-iżgurar ta’ politiki fiskali u riformi strutturali sodi kien essenzjali biex jitnaqqsu l-livelli tad-dejn u jiġi stimulat il-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Fil-qafas tas-Semestru Ewropew, ir-riformi strutturali appoġġaw it-tkabbir inklużiv u l-impjiegi, filwaqt li ffaċilitaw it-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi. L-integrazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-Semestru Ewropew mill-2018 appoġġjat aktar dan il-proċess. Id-dixxiplina fiskali ssalvagwardjat l-istabbiltà finanzjarja f’ħafna Stati Membri. Il-finanzi pubbliċi jinsabu issa fuq bażi aktar soda, għalkemm f’pajjiżi b’dejn għoli jenħtieġ li jitrawmu mill-ġdid u b’mod aktar sod il-buffers fiskali. Il-kwalità tal-infiq pubbliku tjiebet, bis-saħħa wkoll tal-irkupru tal-investiment. Il-kundizzjonijiet aħjar għan-negozji, inklużi miżuri li jħaffu l-piż amministrattiv jew li jagħmlu s-sistemi tat-taxxa aktar effiċjenti, kienu wkoll essenzjali biex jinħoloq l-ambjent regolatorju t-tajjeb u jiġi promoss ambjent ta’ intraprenditorija u ħolqien tal-impjiegi. Il-progress fil-livell nazzjonali u dak tal-UE f’oqsma bħas-servizzi, l-infrastruttura, il-broadband, l-enerġija, it-trasport, l-ekonomija ċirkolari, ir-riformi tas-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, ir-riċerka, it-taħriġ u l-innovazzjoni ħoloq opportunitajiet ġodda għall-impjiegi u t-tkabbir.

Grafika 2 - Żviluppi fis-suq tax-xogħol

Dawn l-iżviluppi kollha ppromwovew tkabbir inklussiv u kkontribwixxew għal titjib sostanzjali fis-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali. Ir-rata ta’ impjieg tan-nies ta’ bejn l-20 u l-64 telgħet għal 73.2 % fit-tieni kwart tal-2018 - l-ogħla livell li qatt intlaħaq fl-UE (ara l-grafika 2). Bit-tendenza attwali, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-Ewropa 2020 ta’ 75 % fl-2020. Bħala riżultat, ir-rata tal-qgħad niżlet għal 6.8 %, lura għal-livell ta’ qabel il-kriżi. Il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, qiegħed jonqos wkoll. Madankollu dawn jibqgħu għoljin f'numru ta’ Stati Membri. Minħabba l-kundizzjonijiet imtejba tas-suq tax-xogħol, in-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, 113 miljun persuna fl-2017, waqa’ għall-ewwel darba taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi. Xorta waħda, il-faqar fix-xogħol huwa għoli u qed jiżdied f’ħafna Stati Membri. Ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali jibqa’ sfida b’mod partikolari għat-tfal, persuni b’diżabilità u nies bi sfond ta’ migrazzjoni.

2.L-isfidi ewlenin għall-ġejjieni

Minkejja l-progress li sar, ir-riskji u l-isfidi esterni qegħdin jiżdiedu, li jeħtieġ rispons Ewropew aktar b’saħħtu u magħqud. Mill-avvanz taċ-Ċina fil-katina tal-valur globali għat-tfixkil mill-Istati Uniti tal-ordni ekonomiku ta’ wara l-gwerra u wkoll il-protezzjoniżmu kummerċjali, l-UE se jkollha tilqa’ l-isfida ta’ ambjent globali inċert u li qed jinbidel malajr.

Futur prosperu jiddependi fuq il-kapaċità tal-Ewropa li tindirizza vulnerabbiltajiet persistenti, tagħti tweġibiet għal sfidi iktar fit-tul u tirreżisti r-riskji globali li dejjem jiżdiedu. Il-globalizzazzjoni għenet it-tkabbir ekonomiku, iżda ma ġabitx l-istess benefiċċji għal kulħadd. Ċerti reġjuni u setturi ssieltu biex jagħmlu l-aħjar użu tal-integrazzjoni tas-suq u l-innovazzjoni teknoloġika. Il-livelli għolja ta’ inugwaljanza għadhom jippersistu, minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli.

F’diversi Stati Membri, ir-ritmu tar-riforma kajman, it-tkabbir baxx fil-produttività u l-livelli għolja ta’ dejn huma ta’ piż fuq il-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija. Il-popolazzjoni li qed tixjieħ, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima jagħmlu pressjoni dejjem akbar fuq il-forza tax-xogħol, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-industrija tagħhna, li jixprunana għall-innovazzjoni u r-riforma biex jiġu sostnuti l-istandards tal-għajxien għoljin.

Kaxxa: Riskji u sfidi ewlenin

üVulnerabbiltajiet persistenti: Tkabbir baxx fil-produttività; l-inugwaljanza fid-dħul persistenti u t-tnaqqis kajman tal-faqar; id-disparitajiet reġjonali u territorjali; id-dejn pubbliku u privat għoli u żbilanċi makroekonomiċi li jifdal oħra, speċjalment fiż-żona tal-euro.

üSfidi fit-terminu qasir: Il-protezzjoniżmu li dejjem jiżdied u t-tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw ir-relazzjonijiet tal-kummerċ; l-instabbiltà fis-swieq emerġenti; in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u nuqqasijiet emerġenti ta’ ħaddiema f’ċerti pajjiżi u setturi; il-migrazzjoni; id-diffużjoni bil-mod ta’ teknoloġiji diġitali ġodda; l-irtirar gradwali tal-istimulu tal-bank ċentrali; it-telf tal-momentum tar-riforma / riskji ta’ treġġigħ lura tar-riforma u l-aggravament tal-iżbilanċi fiskali.

üSfidi fit-terminu medju/twil: L-isfruttar tal-potenzjal tat-tkabbir tad-diġitalizzazzjoni; l-impatti tat-trasformazzjonijiet teknoloġiċi fuq il-ħaddiema u setturi speċifiċi; l-impatti tat-tibdiliet demografiċi u r-rwol tal-migrazzjoni; il-mitigazzjoni u l-adattazzjoni għat-tibdil fil-klima; użu sostenibbli tar-riżorsi naturali.

L-istabbiltà makroekonomika u l-finanzi pubbliċi sodi jibqgħu prekondizzjoni għat-tkabbir sostenibbli. L-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali u r-rikreazzjoni ta’ spazju fiskali ta’ manuvra qed isaħħu lil xulxin f’dan ir-rigward: riformi li jagħtu spinta lit-tkabbir iwasslu għal livelli aktar baxxi ta’ dejn, filwaqt li t-tnaqqis tad-dejn jista’ joħloq spazju għall-investiment u t-tkabbir. Filwaqt li l-pajjiżi kollha għandhom ineħħu l-ostakli għall-investiment, tkun ta’ għajnuna biex jinkiseb mill-ġdid il-bilanċ, jekk il-pajjiżi taż-żona tal-euro, li għandhom surplus kbir fil-kontijiet kurrenti, jiġu inkoraġġuti li jinvestu.

It-trattament tax-xokkijiet futuri potenzjali jeħtieġ progress li suppost ilu jsir fl-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-enfasi trid tkun fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja b’mod urġenti — inkluż l-istabbiliment ta’ garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni — u l-ħolqien ta’ funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni ċentrali sinifikattiva biex ikunu jistgħu jiġu trattati xokkijiet asimmetriċi kbar filwaqt li jinżammu inċentivi qawwija għar-riformi strutturali fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni għamlet diversi proposti konkreti biex jintlaħaq dak l-għan — li ħafna minnhom issa qed jistennew l-adozzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill. L-inċertezzi ekonomiċi globali qed jaffettwaw in-negozju u l-kunfidenza tal-konsumatur kif ukoll il-perspettiva ekonomika. Dan qed jgħolli l-ispiża tal-azzjoni mdewma u qed isaħħaħ il-każ għall-konsolidazzjoni tar-rwol internazzjonali tal-euro. Ekonomija b’saħħitha se tippermetti lill-UE biex tqawwi l-punti pożittivi tagħha globalment, u b’hekk tippromwovi l-multilateraliżmu.

Grafika 3 — Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

Protezzjoniżmu u tensjonijiet kummerċjali li qed jiżdiedu fuq il-palk dinji kabbru wkoll l-importanza ta’ Suq Uniku li jiffunzjona sew 5 . Biex jitaffa dan it-theddid, huwa essenzjali li jiwettqu malajr ir-riformi pendenti tal-kapital u s-swieq tal-enerġija u l-ekonomija diġitali, jitwettqu azzjonijiet ta’ infurzar kredibbli u jitkomplew ir-riformi fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi fil-livell nazzjonali. L-adozzjoni tal-miżuri proposti tal-UE 6 għat-tisħiħ tal-mobilità tax-xogħol billi jiġu stabbiliti regoli ċari u ġusti hija kruċjali biex jiġi żgurat li s-suq intern jibbenefika liċ-ċittadini b’mod aktar wiesa’. Ftehim dwar regoli armonizzati għal bażi fiskali korporattiva u konsolidata jneħħi l-ostakoli fiskali transfruntiera u jibbenefika lin-negozju fis-Suq Uniku.

Matul l-aħħar żewġ deċennji, il-produttività totali tal-fatturi fiż-żona tal-euro baqgħet lura meta mqabbel mal-kompetituri globali ewlenin (ara l-grafika 3). Li tingħata spinta lill-produttività huwa kruċjali għas-sostenn tat-tkabbir ekonomiku. B’mod partikolari, din tista’ tippermetti lill-UE tibqa’ kompetittiva, tappoġġa t-tkabbir tal-pagi, toħloq impjiegi ta’ kwalità u tippromwovi l-konverġenza ’l fuq tal-istandards tal-għajxien. It-tkabbir ogħla tal-produttività jkun jippermetti wkoll lill-UE li tespandi l-kontribut tagħha fil-katini ta’ valur globali.

Jeżistu differenzi konsiderevoli fil-prestazzjoni tal-produttività fost il-kumpaniji, ir-reġjuni u s-setturi tal-UE. B’mod partikolari, it-tkabbir fil-produttività f’bosta setturi tas-servizzi qed jonqos milli żżomm mall-pass tal-manifattura u mal-kompetizzjoni internazzjonali. Dan jaffettwa b’mod sinifikanti l-kompetittività tal-UE, peress li 9 minn kull 10 impjiegi maħluqa reċentement kienu fis-setturi tas-servizzi. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-aktar kumpaniji produttivi żiedu l-produttività tagħhom, filwaqt li l-inqas kumpaniji produttivi qed jistaġnaw. Dan jissuġġerixxi li d-diffużjoni teknoloġika mill-aktar kumpaniji innovattivi għall-bqija tal-ekonomija naqqset il-pass. It-titjib fl-effiċjenza allokattiva jkun tgħin fiċ-ċaqliq tal-kapital u x-xogħol minn kumpaniji inqas produttivi għal oħrajn aktar produttivi, biex b’hekk titnaqqas il-firxa u tiżdied il-produttività globali. Minħabba li l-produttività hija xprun tat-tkabbir fil-pagi, dan ikollu wkoll effett ta’ żieda fuq il-pagi.

Biex jirnexxu, ekonomiji dejjem aktar diġitalizzati u globalizzati jeħtieġu aktar investimenti u iżjed intelliġenti fil-ħiliet u fl-edukazzjoni. Id-diġitalizzazzjoni toffri benefiċċji importanti iżda tinvolvi wkoll sfidi għall-ħaddiema u għal min iħaddem. Il-bidla teknoloġika kontinwa qed issarraf f’ristrutturar rapidu anke fl-industriji tradizzjonali, li jitlob forza tax-xogħol b’livell ta’ kwalifiki msaħħaħ u titjib tal-ħiliet. Anke issa, in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet huwa konsiderevoli, b’40 % ta’ min iħaddem fl-UE jirrappurta diffikultajiet fir-reklutaġġ tan-nies bil-ħiliet it-tajba. Bħala medja fl-UE, ir-rati ta’ impjieg tal-ħaddiema b’edukazzjoni baxxa huma kważi 30 punti perċentwali inferjuri minn dawk tal-ħaddiema b’livell għoli ta’ edukazzjoni. Aktar minn 60 miljun adult ma għandhomx il-litteriżmu, numeriżmu u ħiliet diġitali meħtieġa.

Id-disparitajiet reġjonali u territorjali wiesgħa jibqgħu kwistjoni ewlenija ta’ tħassib. L-UE ilha magna ta’ konverġenza unika, billi tgħin biex tiżgura koeżjoni akbar fi ħdan u bejn l-Istati Membri f’Unjoni mkabbra. Madankollu, f’ħafna pajjiżi tal-UE, ċerti reġjuni għadhom lura. Filwaqt li l-ifqar reġjuni għandhom isiru aktar prosperi mill-2010, id-distakk ekonomiku tagħhom minn mar-reġjuni sinjuri, twessa’. Il-bidla teknoloġika u t-tranżizzjoni tal-enerġija tista’ żżid dan id-distakk, sakemm ma jittieħdux il-miżuri xierqa biex tingħata spinta lill-kompetittività reġjonali (pereżempju l-ħolqien ta’ inċentivi għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, l-indirizzar tat-tnaqqis demografiku). F’dan ir-rigward, l-investiment li sar permezz tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandu rwol b’saħħtu, flimkien ma’ riformi nazzjonali mmirati biex isaħħu t-tkabbir potenzjali, l-inklużività u l-governanza tajba. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid jippromwovu rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-bżonnijiet ta’ riformi strutturali identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-investiment Ewropew fl-Istati Membri, bil-għan li jitrawmu l-kompetittività u l-koeżjoni.

Anki jekk l-inugwaljanza fid-dħul hija aktar baxxa fl-UE milli f’ekonomiji żviluppati oħra, għadha ogħla mil-livelli ta’ qabel il-kriżi. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu l-għan li jiżgura konverġenza lejn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar. Ir-riformi huma kruċjali f’dan ir-rigward, inkluż l-iżvilupp ta’ skemi ta’ protezzjoni soċjali inklużivi u li jiffavorixxu t-tkabbir, sistemi ta’ benefiċċji tat-taxxa aktar ġusti u istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jikkombinaw b’mod effettiv il-flessibbiltà u s-sigurtà. Hekk kif jitfaċċaw forom ġodda ta’ xogħol, inkluż xogħol għall-kont propju u tal-pjattaforma, il-protezzjoni soċjali li tradizzjonalment kienet immirata biex tkopri l-ħaddiema f’kuntratti indefiniti full-time se jkolha tiġi modernizzata u adattata. F’dinja globalizzata, l-abbiltà ta’ gvern wieħed li jintaxxa l-ikbar sidien tad-dħul u l-ġid saret dejjem aktar limitata. Li tiġi żgurata tassazzjoni aktar ġusta, inkluż tal-ekonomija diġitali f’konformità mal-miżuri proposti tal-UE, hija prekundizzjoni għal tkabbir aktar inklużiv.

It-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa huwa sfida għas-sistemi tal-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. Il-proporzjon bejn in-numru ta’ persuni ’il fuq mill-65 sena u dawk fl-età bejn il-15 u l-64 sena huwa pproġettat li jiżdied minn 28.8 % fl-2015 għal 35.1 % fl-2025 u għal aktar minn 50 % fl-2050. Dan għandu implikazzjonijiet importanti għat-tkabbir ekonomiku futur u d-distribuzzjoni tar-riżorsi: Dan se jeħtieġ miżuri addizzjonali biex tiġi żgurata kemm is-sostenibbiltà fiskali kif ukoll il-kopertura adegwata. Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ hija partikolarment preokkupanti, minħabba li dawn jistgħu iħabbtu wiċċhom ma’ piż doppju: iħallsu rati ta’ kontribuzzjoni ogħla filwaqt li jaħdmu, u jirċievu pensjonijiet aktar baxxi wara l-irtirar. Suq tax-xogħol aktar dinamiku u inklużiv u sistemi ta’ protezzjoni soċjali riformati jistgħu jtaffu r-riskji soċjali u tal-finanzi pubbliċi marbuta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

3.L-Iffissar tal-Prijoritajiet it-Tajba għal Futur Prosperu

Jenħtieġ li l-Ewropa tieħu perspettiva fit-tul u żżid ir-reżiljenza soċjo-ekonomika tagħha sabiex issaħħaħ il-kapaċità tagħha biex tegħleb l-iskossi u taħtaf opportunitajiet ġodda. It-tkabbir kostanti li l-Ewropa qed tesperjenza llum jipprovdi l-ambjent it-tajjeb biex jiġu indirizzati r-riformi pendenti u urġenti meħtieġa biex jiġu kkonfrontati l-isfidi li qed niffaċċjaw.

L-għażliet politiċi xierqa illum huma ċentrali biex jiġu pprovduti tkabbir ogħla u aktar ġust, impjiegi aħjar u kapaċità akbar biex jittaffu l-impatti taċ-ċikli ekonomiċi globali. Sett konsistenti ta’ prijoritajiet huwa essenzjali biex jiġu ggwidati l-pjanijiet nazzjonali ta’ riforma u jiġu kkumplimentati l-isforzi li jkunu saru fil-livell tal-UE. Il-garanzija ta’ futur prosperu tibqa’ (1)il-kisba ta’ investiment ta’ kwalità għolja; (2) l-iffukar fuq riformi li jżidu t-tkabbir tal-produttività, l-inklużività u l-kwalità istituzzjonali; u (3) li tkompli tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja u l-finanzi pubbliċi sodi.

It-twassil ta’ investiment ta’ kwalità għolja

L-investiment jipprovdi xprun għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. L-Istati Membri jridu jkomplu jrawmu ambjent li jkun favorevoli għal investiment li jtejjeb it-tkabbir. L-investiment pubbliku u privat immirat sew għandu jimxi id f’id ma’ sett ta’ riformi strutturali mfassal tajjeb. Dan għandu jibni jew jaġġorna infrastruttura strateġika, isaħħaħ il-kapital uman għall-kompetittività tal-futur u jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien. Għandu wkoll jgħin biex iwettaq l-għan tal-UE li timxi lejn ekonomija ċirkulari b’livell baxx ta’ karbonju, b’appoġġ għas-sostenibbiltà fit-tul. L-investiment li jtejjeb is-sostenibbiltà ambjentali fil-fatt għandu l-potenzjal li jagħti spinta lill-produttività fl-ekonomija kollha permezz ta’ effiċjenza akbar fir-riżorsi u kostijiet ta’ input imnaqqsa.

Hemm nuqqasijiet sinifikanti fl-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, 7 inkluż fl-infrastruttura diġitali u l-assi intanġibbli. Iż-żieda fit-teknoloġiji diġitali qed tibdel profondament id-dinamiki tal-innovazzjoni. L-effetti tan-netwerk u l-kumplessità tal-proċess ta’ innovazzjoni qed jiżdiedu. Il-benefiċċji tal-innovazzjoni huma kkonċentrati f’għadd żgħir ta’ kumpaniji ewlenin li kisbu rati għoljin ta’ tkabbir fil-produttività. Biex jiġu żgurati gwadanji tal-produttività mmexxija mill-innovazzjoni usa’, jenħtieġ tixrid usa’ u l-adozzjoni tal-innovazzjoni madwar l-UE. L-investiment għandu jappoġġa rabtiet aktar b’saħħithom bejn ix-xjenza u n-negozju, b’enfasi akbar fuq it-tixrid tal-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ swieq ġodda, l-espansjoni tal-infrastruttura diġitali (pereżempju l-broadband u d-diġitalizzazzjoni ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) u l-iżvilupp tal-ħiliet adattati.

L-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet huwa kruċjali biex tiżdied il-produttività u jinżammu l-impjiegi fil-kuntest ta’ tibdil rapidu u diġitalizzazzjoni. L-Istati Membri għandhom jgħammru liż-żgħażagħ bil-ħiliet li huma rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jippermettu u jħeġġu t-tagħlim tul il-ħajja. Huma għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-adattabilità tal-forza tax-xogħol, b’mod speċjali dawk bi ftit ħiliet, biex tiġi żgurata l-aħjar adozzjoni tal-progress teknoloġiku. Attenzjoni partikolari hija meħtieġa wkoll biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità, li għad hemm fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.

Kaxxa: Il-ħiliet u l-għarfien għat-tkabbir futur

Investiment pubbliku ta’ kwalità għolja fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa kruċjali biex tingħata spinta lit-tkabbir intensiv fl-għarfien, sostenibbli u inklużiv. Eżiti edukattivi dgħajfa għandhom impatt kbir fuq ir-rati tal-impjieg, il-livelli tal-faqar u l-kompetittività fil-futur. L-impatti ta’ tfixkil tal-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol jagħmlu l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità saħansitra aktar kruċjali. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, dan jitlob aktar investiment u riformi tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ. L-effiċjenza u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol tal-investiment bil-għan li jgħollu r-riżultati fl-edukazzjoni jistgħu jittejbu aktar.

L-iżgurar ta’ aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità u l-kisba ta’ riżultati edukattivi għoljin huma vitali. Dan jirrikjedi investiment adegwat. Approċċ strateġiku ġenerali huwa importanti, li dan spiss jeħtieġ li jibda bl-iżgurar tal-aċċess għal edukazzjoni u kura ta’ kwalità fil-bidu tat-tfulija, bħala l-ewwel pass lejn is-suċċess fl-edukazzjoni u l-impjiegi aktar tard fil-ħajja. Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-ħiliet bażiċi għandu jkun prijorità għall-azzjoni, flimkien mat-tisħiħ tal-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u dawk li jħarrġu. L-Istati Membri għandhom ukoll isaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni vokazzjonali u tat-taħriġ u jagħmluhom aktar attraenti bħala l-ewwel għażla billi jżidu l-flessibbiltà u l-allinjament tagħhom mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u billi jagħmlu disponibbli aktar tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u opportunitajiet ta’ apprendistat. L-isforzi huma wkoll meħtieġa biex tiġi mmodernizzata l-edukazzjoni għolja. 

L-iżvilupp ta’ approċċ strateġiku lejn l-iżvilupp ta’ ħiliet tul il-ħajja huwa kruċjali. Biex tiżdied ir-reżistenza tan-nies u l-adattabilità għall-bidla, l-azzjoni ta’ politika għandha tappoġġa l-involviment attiv tal-adulti kollha fl-attivitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid jew titjib tal-ħiliet. Is-suq tax-xogħol u l-informazzjoni dwar il-ħiliet sodi għandhom isostnu deċiżjonijiet ta’ nfiq, u jgħinu biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tar-ristrutturar. Is-suċċess tal-istrateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet tul il-ħajja jiddependi fil-parti l-kbira fuq gwida u servizzi ta’ appoġġ waqt l-istadji kollha tat-tagħlim. L-azzjoni għandha tiġi intensifikata biex jiġi pprovdut l-aċċess għal titjib tal-ħiliet għal adulti b’livell baxx ta’ ħiliet (inklużi l-ħiliet transversali u dawk diġitali), billi jgħinuhom jiksbu kwalifiki rilevanti għas-suq tax-xogħol. Dan jappoġġa wkoll l-integrazzjoni tal-migranti u l-użu aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.



It-tkabbir ekonomiku attwali għandu jissarraf f’antiċipazzjoni tal-investiment fil-modernizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tal-Ewropa, is-sistemi tat-trasport u l-enerġija. L-investimenti fl-infrastruttura f’dawn l-oqsma għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jevolvu fil-futur u jiffaċilitaw l-inklużjoni tal-intrapriżi tal-UE fil-ktajjen tal-valur internazzjonali fi ħdan u lil hinn mis-Suq Uniku. Id-diżakkoppjament kontinwu tal-enerġija u l-użu tar-riżorsi mit-tkabbir ekonomiku huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-2030 fir-rigward tal-klima u tal-enerġija tal-UE, f’konformità mal-impenji skont il-Ftehim ta’ PariġiL-investiment fl-ekonomija ċirkolari u l-innovazzjoni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju huwa wieħed mill-elementi ewlenin biex l-Ewropa tibqa’ kompetittiva globalment u żżid il-produttività mingħajr ma jiġu kompromessi l-istandards tal-għajxien. It-titjib fl-infrastrutturi tat-trasport, inklużi investimenti dwar l-elettromobbiltà, jibqa’ sfida f’għadd ta’ Stati Membri. L-investiment immirat fil-bini residenzjali, flimkien ma’ regolamenti nazzjonali simplifikati, huma meħtieġa biex jagħmlu l-akkomodazzjoni aktar affordabbli u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija.

L-investiment privat, li jinkiseb minn swieq tal-kapital integrati u li jiffunzjonaw tajjeb, jeħtieġ li jiġi sfruttat aktar bis-sħiħ. Kif l-UE tiffinalizza t-twassil dwar il-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-bini ta’ unjoni tas-swieq kapitali 8 , id-diversità sħiħa tas-swieq kapitali tal-Ewropa li jvarjaw minn ċentri globali għal netwerks integrati reġjonalment u l-inizjattivi lokali għandhom jiġu żviluppati aktar biex jiffinanzjaw negozji, u jippromwovu d-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli.

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE li jmiss kompletament jappoġġaw it-twassil ta’ aktar investiment u investiment aħjar mill-awtoritajiet nazzjonali u s-settur privat. Kif imsemmi qabel, il-Kummissjoni biħsiebha tiżgura rabtiet aktar effettivi bejn is-Semestru Ewropew u l-finanzjament tal-UE għall-2027–2021 (ara l-kaxxa hawn taħt). Barra minn hekk, il-Programm InvestEU 9 l-ġdid se jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed l-għadd kbir ta’ strumenti finanzjarji tal-UE disponibbli biex jappoġġaw l-investiment. Dan se jagħmel il-finanzjament tal-UE għal proġetti strateġiċi ta’ investiment f’Ewropa aktar sempliċi, aktar effiċjenti u aktar flessibbli. Bit-tisħiħ tal-prattiki eżistenti fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Plurennali li jmiss, il-programmi tal-UE se jintużaw b'mod koerenti biex jimmassimizzaw il-valur miżjud tal-finanzjament tal-UE u jappoġġaw riformi f'livell nazzjonali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, bl-objettiv aħħari li jitwasslu b'mod effiċjenti l-prijoritajiet tal-politika tal-UE.

Kaxxa: Allinjament akbar tas-Semestru Ewropew u tal-finanzjament ta’ koeżjoni tal-UE

L-indirizzar tal-isfidi identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew huwa kruċjali biex tingħata spinta lill-investiment u jagħmlu iżjed effettiv fil-kisba ta’ koeżjoni soċjoekonomika u territorjali akbar madwar l-UE. Fl-istess ħin, l-investiment f’xi każijiet huwa meħtieġ biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Rabtiet formali diġà jeżistu bejn il-fondi ta’ koeżjoni tal-UE u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika permezz tas-Semestru Ewropew. Il-ħolqien ta’ sinerġiji u komplementarjetà akbar bejniethom jista’ tassew ikun ta’ benefiċċju għaż-żewġ proċessi.

Biex jinkiseb dan, is-Semestru Ewropew 2019 se jkollu fokus aktar b’saħħtu fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ investiment biex jiggwidaw id-deċiżjonijiet ta’ pprogrammar għall-2027–2021. L-analiżi fir-rapporti tal-pajjiżi tal-2019 se juħars lejn il-ħtiġijiet ta’ investiment f’kull pajjiż, inkluż - fejn rilevanti ˗ id-dimensjonijiet reġjonali u settorjali. Abbażi ta’ din l-analiżi, anness ġdid għar-rapport tal-pajjiż se jidentifika dawk il-ħtiġijiet ta’ investiment li huma rilevanti għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond ta’ Koeżjoni matul il-perjodu 2021–2027. Dan se jipprovdi dħul analitiku solidu għad-djalogu tal-programmazzjoni mal-Istati Membri.

Filwaqt li tibni fuq rapporti tal-pajjiżi, il-Kummissjoni beħsiebha wkoll tidentifika, bħala parti mill-proposti tagħha tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019, oqsma ta’ prijorità għall-investiment pubbliku u privat biex jiffaċilitaw aktar l-implimentazzjoni ta’ riformi li jsaħħu t-tkabbir.

L-jiffukar tal-isforzi tar-riformi fuq it-tkabbir tal-produttività, l-inklużività u l-kwalità istituzzjonali

Investiment ta’ kwalità għolja għandu jimxi id f’id mas-sett xieraq ta’ riformi strutturali. Approċċ li jħares ’il quddiem lejn it-tkabbir jitlob li jiġġedded il-fokus tal-isforzi ta’ riformi nazzjonali fuq tliet oqsma ewlenin: it-tkabbir tal-produttività, l-inklużività u l-kwalità istituzzjonali.

It-tkabbir ogħla tal-produttività għandu jkun għan ċentrali tar-riformi nazzjonali. Adozzjoni usa’ u iktar malajr ta’ teknoloġiji li jsaħħu l-produttività, teħtieġ mmirati li jippromwovu l-investimenti rilevanti (pereżempju l-inċentivi fiskali), l-iżvilupp tal-ħiliet u rabtiet aktar b’saħħithom bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozji. Teknoloġiji diġitali avvanzati bħall-informatika ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċibersigurtà u l-intelliġenza artifiċjali issa huma maturi biżżejjed biex jiġu skjerati u mkabbra. Dan għandu l-potenzjal li joħloq sorsi ġodda ta’ dħul u impjiegi jekk l-inċentivi għall-kumpaniji jkunu fis-seħħ.

L-Istati Membri għandhom jieħdu ir-responsabbiltà kemm kollettiva kif ukoll individwali fis-Suq Uniku biex jużaw il-potenzjal mhux sfruttat tiegħu. Flimkien mal-innovazzjoni u d-diffużjoni tat-teknoloġija, swieq tal-prodotti u servizzi li jiffunzjonaw sew huma mutur ewlieni ta’ tkabbir tal-produttività, billi dawn jippermettu allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi. Filwaqt li xi Stati Membri jkollhom ambjent kummerċjali favorevoli, oħrajn jeħtieġu aktar riformi biex jiffaċilitaw id-dħul u l-ħruġ fi swieq għal prodotti u servizzi. Ir-riformi huma meħtieġa b’mod partikolari fis-swieq tal-enerġija, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-servizzi kummerċjali u l-bejgħ bl-imnut. Għad hemm imġiba ta’ tiftix ta’ renta protetta li tittardja l-introduzzjoni ta’ innovazzjonijiet u mudelli ta’ negozju ġodda, inkluż l-ekonomija kollaborattiva u ċirkolari. F’ħafna każijiet, l-oqfsa ta’ insolvenza mhumiex effettivi biżżejjed biex jilliberaw riżorsi għal negozji ġodda.

Huma meħtieġa aktar riformi biex jilħqu l-bilanċ it-tajjeb bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol. Il-leġiżlazzjoni tax-xogħol u s-sistemi soċjali għandhom jipprovdu sigurtà għat-tipi kollha ta’ ħaddiema, jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet bejn l-impjiegi u l-istati, irawmu il-mobilità u l-flessibbiltà, filwaqt li jindirizzaw b’mod aħjar is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-faqar fost dawk li jaħdmu. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol aktar effettivi u s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi huma kruċjali f’dan ir-rigward. F’xi Stati Membri, l-inċentivi tal-politika u fiskali mmirati biex iwessgħu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol jistgħu joħolqu wkoll mezzi importanti għall-gwadanji tal-produttività.

L-inklużività għandha tkun ukoll fil-qalba tal-isforzi ta’ riforma, biex jiġi żgurat li l-produttività tikseb benefiċċju għaċ-ċittadini kollha. Dan jeħtieġ fokus aktar qawwi fuq l-edukazzjoni ta’ kwalità, it-taħriġ u t-tagħlim għall-adulti, b’mod partikolari għal dawk b’ħiliet baxxi (ara l-kaxxa apposta); disinn xieraq u innovattiv tas-sistemi tal-benefiċċji tat-taxxa u aċċess li jitkompla jew imtejjeb għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità, il-kura tat-tfal u s-servizzi ta’ kura fit-tul.

It-tkabbir fil-pagi, li jirriżulta minn żieda fil-produttività, jista’ jnaqqas l-inugwaljanzi u jappoġġa l-konverġenza ’l fuq tal-istandards tal-għajxien. Fil-medja, l-iżviluppi reali tal-paga komplew jaqgħu lura wara l-produttività fl-2017, wara xejra fuq perjodu ta’ żmien itwal. F’kuntest ta’ tnaqqis tal-kopertura tan-negozjar kollettiv, il-politiki li jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali tas-sħab soċjali jistgħu jkunu ta’ benefiċċju f’pajjiżi fejn id-djalogu soċjali huwa dgħajjef jew ġie affettwat b’mod negattiv mill-kriżi.

L-indirizzar tal-faqar u l-inugwaljanza jeħtieġ ukoll sistemi tal-benefiċċji tat-taxxa inklużivi u effiċjenti. Ir-riformi nazzjonali tas-sistemi ta’ benefiċċju fiskali għandhom jiffukaw fuq l-adegwatezza tal-benefiċċji u l-kopertura kif ukoll l-inċentivi ta’ ottimizzazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. F’għadd ta’ Stati Membri, il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa għadhom essenzjali biex tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn il-kontribwenti u jiġi żgurat id-dħul mit-taxxa għall-investiment f’servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja. Madwar l-UE, l-evitar tat-taxxa korporattiva waħdu huwa stmat għal EUR 50-70 biljun fis-sena.

L-Istati Membri għandhom jippromwovu aktar attivazzjoni u politiki ta’ inklużjoni soċjali u aċċess universali għal servizzi ta’ kura bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità. L-azzjoni ta’ politika hija partikolarment meħtieġa biex titrawwem il-parteċipazzjoni mill-ħaddiema mhux standard u dawk li jaħdmu għal rashom fl-iskemi ta’ sigurtà soċjali. Aċċess usa’ għal servizzi tal-kura ta’ kwalità għolja (pereżempju l-kura tat-tfal jew il-kura fit-tul) se jiżgura aktar opportunitajiet biex in-nisa jidħlu jew jibqgħu fl-impjieg u jnaqqas ir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali fost it-tfal u l-gruppi vulnerabbli. Politiki aktar effiċjenti biex jintegraw il-migranti fis-suq tax-xogħol jappoġġaw l-integrazzjoni soċjali usa’ tagħhom. Biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali u jinżamm aċċess universali għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità, l-Istati Membri jridu jżidu l-kosteffettività bl-investiment fl-innovazzjoni, it-titjib tal-integrazzjoni tal-kura tas-saħħa fil-livelli primarji, speċjalizzati tal-outpatients u tal-kura fl-isptarijiet, u t-tisħiħ tar-rabtiet mal-kura soċjali biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Fokus akbar fuq il-prevenzjoni huwa ġustifikat ukoll biex jiġu sostnuti dawn l-isforzi.

Istituzzjonijiet pubbliċi bi prestazzjoni tajba jikkontribwixxu għal aktar tkabbir u huma prekundizzjoni għat-twettiq b’suċċess ta’ riformi oħra. L-analiżijiet empiriċi juru li l-kwalità istituzzjonali aħjar hija ġeneralment assoċjata ma’ livelli ogħla ta’ produttività. Dan jinkludi elementi relatati mal-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika, il-grad ta’ diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, il-kwalità u l-istabbiltà tal-ambjent regolatorju, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt. Dawn l-aspetti kollha jista’ jkollhom impatt fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment u jistgħu jittejbu permezz ta’ skambju u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki tal-UE b’mod aktar wiesa’. L-Istati Membri għandhom ukoll jiffukaw aktar sistematikament fuq il-kwalità tal-governanza u jindirizzaw in-nuqqasijiet b’mod attiv.

L-istat tad-dritt, sistemi ġudizzjarji effettivi u oqfsa robusti kontra l-korruzzjoni huma kruċjali biex jattiraw in-negozju u jippermettu t-tkabbir ekonomiku. Dan għandu x’jaqsam mal-effiċjenza u l-indipendenza tas-sistemi tal-qrati kif ukoll approċċ komprensiv biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni, li jgħaqqad flimkien il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni effettiva u s-sanzjonijiet. Dan jeħtieġ li jsir flimkien bi trasparenza u integrità fis-settur pubbliku, il-protezzjoni legali effettiva tal-informaturi, il-preżenza ta’ midja indipendenti u iktar involviment mis-soċjetà ċivili. F’xi Stati Membri, infurzar isħaħ tal-liġi jenħtieġ li jkun ikkumplimentat b’politiki ta’ prevenzjoni tajba u inċentivi għall-użu ta’ sistemi ta’ pagament elettroniku jew soluzzjonijiet diġitali biex tiġi indirizzata l-ekonomija klandestina.

It-tkabbir ekonomiku tal-lum li għadu favorevoli jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni b’suċċess tar-riformi, iżda l-isforzi ta’ riforma f’ċerti pajjiżi qed jitilfu l-momentum. Biex tiġi appoġġata u inċentivizzata l-implimentazzjoni kontinwa tal-isforzi ta’ riforma fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ Programm ta’ Sostenn tar-Riforma 10 . Din l-għodda baġitarja ġdida tal-UE għall-2027–2021 hija ssettjata biex tipprovdi inċentivi finanzjarji għar-riformi u aktar għajnuna teknika, filwaqt li tibni fuq is-suċċess u d-domanda għolja għall-Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali attwali.

L-iżgurar ta’ stabbiltà makroekonomika u finanzi pubbliċi sodi

L-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE naqsu, iżda għad hemm vulnerabbiltajiet. Rivalutazzjoni globali tar-riskji fis-swieq finanzjarji internazzjonali tista’ tinkoraġġixxi lill-investituri biex jivvalutaw mill-ġdid ir-riskji ta’ legat bħal livelli għolja ta’ dejn, dgħufijiet li jibgqgħu f’setturi bankarji u l-ispazju limitat tal-politika fiskali f’xi Stati Membri. Korrezzjoni ulterjuri ta’ żbilanċi kbar fl-istokks għalhekk tirrikjedi tnaqqis ulterjuri fil-livell għoli ta’ dejn privat u pubbliku u tisħiħ addizzjonali tas-settur finanzjarju. Dan se jgħin biex jinħoloq l-ispazju fiskali meħtieġ biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul, tinbena l-kapaċità biex jiġu affrontati kriżijiet futuri u jiġu lliberati fondi għal investiment futur.

Azzjonijiet kredibbli biex jintlaħqu l-għanijiet fiskali maqbula, f’konformità ma’ regoli komuni Ewropej, jibqgħu essenzjali. F’ħafna pajjiżi, id-dejn għadu għoli, li jnaqqas l-ispazju għall-assorbiment ta’ xokkijiet negattivi tad-dħul. Hekk kif l-ekonomija tkompli tikber, wasal iż-żmien biex jinbnew il-buffers fiskali meħtieġa biex ilaħħqu mat-tnaqqis fir-ritmu li jmiss u jittaffew l-impatti potenzjali fuq l-impjiegi u soċjali. Għadd ta’ Stati Membri naqqsu d-dejn pubbliku tagħhom u kisbu jew qabżu l-objettiv baġitarju tagħhom fuq il-perijodu medju, li ħoloq lok għal investiment pubbliku ogħla biex jiġi appoġġat it-tkabbir potenzjali. Madankollu diversi Stati Membri għadhom qed iġorru livelli għolja ta’ dejn pubbliku, li jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jinvestu għall-ġejjieni. Dawn il-pajjiżi għamlu wkoll inqas progress fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku f’dawn l-aħħar snin. Huma għandhom jużaw l-espansjoni ekonomika attwali biex jibnu l-buffers; ikomplu jsaħħu l-finanzi pubbliċi tagħhom, b’mod partikolari f’termini strutturali; u jipprijoritizzaw in-nefqa fuq affarijiet li jrawmu r-reżiljenza u l-potenzjal ta’ tkabbir. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi regoli ċari biex jiżgura politiki fiskali responsabbli.

It-titjib tal-kwalità u l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi huwa importanti biex tiġi żgurata l-istabbiltà makroekonomika u element kruċjali tal-politika fiskali tal-Istati Membri. Fuq in-naħa tad-dħul, sistemi fiskali effiċjenti li jipprovdu inċentivi għall-investiment u t-tkabbir għandhom jiġu stabbiliti. Jenħtieġu wkoll sforzi fuq in-naħa tan-nefqa, permezz ta’ analiżijiet tan-nefqa u billi tiġi prijoritizzata n-nefqa li trawwem it-tkabbir fit-tul u l-ekwità.

L-żgurar tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi huwa importanti wkoll. In-nies illum għandhom ħajjiet itwal u b’saħħithom, iżda l-bidla demografika qed tagħmel wkoll pressjoni dejjem akbar fuq is-sistemi soċjali. Ir-riformi tal-pensjonijiet immirati li jadattaw il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-irtirar u jappoġġaw it-tfaddil tal-irtirar kumplimentari jibqgħu essenzjali. L-implimentazzjoni ta’ riformi bħal dawn hija ħafna drabi politikament diffiċli u t-treġġigħ lura tagħhom għandu jiġi evitat, peress li dan jista’ jipperikola s-sostenibbiltà fiskali, inaqqas il-potenzjal tat-tkabbir u l-ġustizzja interġenerazzjonali. Governanza mtejba tal-akkwist pubbliku tista’ wkoll tikkontribwixxi bil-kbir għal infiq pubbliku aktar effiċjenti f’diversi Stati Membri.

Ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju tjiebet, iżda l-isforzi biex jitnaqqas is-self mhux produttiv u jissaħħu l-oqsfa superviżorji għandhom jitkomplew. Filwaqt li xi Stati Membri għamlu progress sostanzjali biex jitnaqqas l-istokk ta’ self mhux produttiv, f’oħrajn hemm bżonn iktar sforzi, inkluż dwar l-insolvenza. L-adozzjoni tal-miżuri ppreżentati mill-Kummissjoni f’Marzu 2018 11 , skont il-pjan ta’ azzjoni biex jiġi indirizzat is-self mhux produttiv fl-Ewropa, 12 se tappoġġa dawn l-iżviluppi. L-opportunitajiet mogħtija mill-iżviluppi teknoloġiċi u suq integrat b’mod sħiħ fi ħdan Unjoni Bankarja kompluta jenħtieġ li jiġu sfruttati aktar. Oqfsa makroprudenzjali jenħtieġ li jiġu adattati biex jindirizzaw riskji ta’ soprażbilanċ ekonomiku u jiġu evitat li jikbru żbilanċi ġodda. L-oqsfa superviżorji nazzjonali u l-koordinazzjoni tagħhom għandha titjieb aktar biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-prevenzjoni tar-riskju xierqa u l-immaniġġjar mill-banek.

Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Minħabba li qed togħla l-inċertezza globali, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u kkonċertata biex iwettqu l-wegħda ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli fil-ġejjieni. Jenħtieġ li l-Ewropa żżid il-potenzjal ta’ tkabbir tagħha u r-reżiljenza ekonomika u soċjali, u b’hekk issaħħaħ l-abilità tagħha li taffaċċja x-xokkijiet u ddawwar l-isfidi f’opportunitajiet fit-tul.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prijoritajiet identifikati mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fil-politiki u strateġiji nazzjonali tagħhom, partikolarment meta jkunu qed ifasslu l-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom. Huma għandhom jagħmlu dan filwaqt li jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-aġendi ta’ riforma tagħhom u r-riformi ewlenin enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Huma għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti politiċi u ta’ finanzjament li huma disponibbli għalihom fil-livell tal-UE biex jitrawwem l-investiment li jtejjeb it-tkabbir. Se jkun importanti immens li jiġu żgurati saħansitra aktar sinerġiji bejn il-prijoritajiet stabbiliti permezz tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali fil-livell tal-UE u l-finanzjament mill-baġit tal-UE, f’konformità mal-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu stabbilit mal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. L-għan tiegħu huwa li jintlaħaq fehim komuni dwar l-isfidi l-aktar urġenti fir-rapporti tal-pajjiżi li se jsiru dalwaqt u jidentifika oqsma għal azzjoni ta’ prijorità fiċ-ċiklu li jmiss ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-istabbiliment ta’ Bordijiet Nazzjonali tal-Produttività jista’ jkun ta’ benefiċċju għad-dibattiti nazzjonali dwar kif tingħata spinta lill-produttività billi jiġu pprovduti analiżijiet indipendenti u ta’ kwalità għolja u tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali tar-riformi 13 . L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sħab soċjali u l-parlamenti nazzjonali huma involuti bis-sħiħ fil-proċess ta’ riforma. L-involviment tagħhom, flimkien ma’ impenn usa’ mas-soċjetà ċivili, huwa fundamentali biex tittejjeb is-sjieda u l-leġittimità tar-riformi u t-twassil ta’ eżiti soċjoekonomiċi aħjar.

(1)

 L-abbozz tar-Rapport Konġunt tal-Impjiegi tal-2019 li jakkumpanja l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jipprovdi stampa sħiħa tal-iżviluppi riċenti tal-impjiegi u dawk soċjali fl-UE.

(2)

Ara wkoll ir-Rapport Annwali tal-2017 tal-Bank Ċentrali Ewropew (April 2018), li jenfasizza wkoll kif fl-2017 id-differenzi fir-rati ta’ tkabbir madwar iż-żona tal-euro, imkejla f’devjazzjonijiet standard f’valur miżjud gross, kienu l-iktar baxxi mill-1998 (1998: 1.47σ vs. 2017: 0.75σ).

(3)

Kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 tas-16 ta’ Lulju 2018 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea.

(4)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: analiżi u l-passi li jmiss, COM/2018/771 final.

(5)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Is-Suq Uniku f’dinja li qed tinbidel. Ass uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded, COM/2018/772 final.

(6)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol COM/2018/0131 final.

(7)

 Attwalment, fil-livell ta’ 2.03 %, l-UE għadha ’l bogħod milli tilħaq il-mira globali ta’ investiment ta’ 3 % tal-PDG fuq ir-riċerka u l-iżvilupp u għadha lura ħafna meta mqabbla ma’ ekonomiji avvanzati oħra bħall-Istati Uniti (2.79 %), il-Ġappun (3.29 %) u l-Korea t’Isfel (4.23 %).

(8)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, (COM(2015) 0468 final).

(9)

 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM (2018) 439 final).

(10)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi għall-perjodu 2018 - 2027

(11)

 Il-pakkett jinkludi proposta għal direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral, proposta għal regolament li jemenda r-regolament dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital u pjan ta’ azzjoni dwar it-twaqqif ta’ kumpaniji nazzjonali ta’ ġestjoni tal-assi.

(12)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kunsill dwar il-pjan ta’ azzjoni biex jiġi indirizzat is-self mhux produttiv fl-Ewropa, il-11 ta’ Lulju 2017.

(13)

Attwalment, tlettax-il Stat Membru ħatru Bord Nazzjonali tal-Produttività: Ċipru, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u s-Slovenja. Tlieta mill-Istati Membri li mhux fiż-żona tal-euro ħatru Bord Nazzjonali tal-Produttività: Id-Danimarka, l-Ungerija u r-Rumanija.

Top