EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0641

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EWROPEW Ewropa li tipproteġi: inizjattiva għall-estensjoni tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-kriminalità terroristika transfruntiera Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-Laqgħa tal-mexxejja f' Salzburg 19-20 ta' Settembru 2018

COM/2018/641 final

Brussell, 12.9.2018

COM(2018) 641 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Ewropa li tipproteġi: inizjattiva għall-estensjoni tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-kriminalità terroristika transfruntiera


































































































Kontribut mill-Kummissjoni Ewropea għal-Laqgħa tal-mexxejja f'









Salzburg 19-20 ta' Settembru 2018























“L-Unjoni Ewropea trid tkun ukoll aktar b’saħħitha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. F’dawn l-aħħar tliet snin, għamilna progress reali. Iżda xorta m’għandniex il-mezzi biex naġixxu malajr f’każ ta’ theddid terroristiku transfruntier. (...) Jien nara raġuni valida wkoll għall-għoti ta’ responsabbiltà lill-Prosekutur Pubbliku Ewropew il-ġdid għall-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi transfruntiera.

Jean-Claude Juncker, id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, 13 ta’ Settembru 2017

1.Introduzzjoni

It-terroriżmu jibqa’ wieħed mill-aktar sfidi sinifikanti li jikkonfronaw is-soċjetajiet tagħna. Atti ta’ terroriżmu jikkostitwixxu wieħed mill-agħar tipi ta’ reat u jiksru l-valuri nfushom li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea.

Ewropa aktar b’saġġitha għandha tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u tiżgura li t-terroristi jinġiebu malajr quddiem il-qrati. Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2017, il-President Juncker stabbilixxa għadd ta’ azzjonijiet b’perspettiva lejn Unjoni akar b’saħħitha, aktar magħquda u aktar demokratika sal-2025. Bħala segwitu, il-Kummissjoni ppreżentat din l-inizjattiva biex testendi l-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) 1 li jinvestiga u jmexxi l-prosekuzzjoni dwar it-terroriżmu.

Matul dawn l-aħħar snin, it-theddida terroristika fl-Unjoni Ewropea baqgħet għolja u kompliet tevolvi. Minbarra li tfaċċaw forom ġodda ta’ attakki terroristiċi, il-propaganda online u n-netwerking permezz tal-midja soċjali saru għodod qawwija għat-terroristi biex jistabbilixxu kuntatti fl-UE għar-reklutaġġ, ir-radikalizzazzjoni u l-ġbir ta’ fondi. 2 It-theddida tat-terroriżmu hija preżenti u hija sfida fit-tul, li teħtieġ rispons komprensiv u strutturali tal-Unjoni, inkluż l-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi madwar l-UE kollha.

L-Unjoni Ewropea, b'rispett għal-limiti tat-Trattat 3 , ħadet azzjoni deċiżiva biex tindirizza t-theddid tat-terroriżmu, b’mod partikolari skont l-Aġenda Ewropea għall-2015 dwar is-Sigurtà 4 u fil-ħidma lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina 5 . Ħadet miżuri biex iċċaħħad lit-terroristi l-aċċess għall-ispazju u għall-mezzi biex iwettqu attakki, tikkriminalizza r-reati terroristiċi madwar l-Unjoni, ittejjeb il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri, tikkumbatti r-radikalizzazzjoni, u ssaħħa il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Union. L-Aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Eurojust u l-Europol ġew imsaħħa fir-rwol tagħhom li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fl-UE, fosthom il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni f’każijiet ta’ terroriżmu fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali. Proposta għal Regolament biex jiġi evitat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku online qed tiġi adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni 6 .

Minkejja li sar progress sinifikanti u kien hemm diversi każi fejn il-kooperazzjoni transfruntiera rnexxiet, l-Unjoni ma għandhiex prosekuzzjoni fuq livell Ewropew f’dan il-qasam li tinkludi l-fażijiet kollha li tibda mill-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u tispiċċa fit-tressiq tar-reati terroristiċi quddiem il-qrati. Filwaqt li mhux l-Istati Membri kollha ġew esposti indaqs għat-theddid terroristiku f’dawn l-aħħar snin 7 , fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-lakuni fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fi Stat Membru wieħed jistgħu jwasslu biex ikun hemm vittmi jew riskji f’ieħor jew fl-Unjoni kollha kemm hi.

L-UPPE stabbilit dan l-aħħar huwa responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-qrati ta’ reati li għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni 8 . L-att fundatur tal-UPPE, ir-Regolament (UE) 2017/1939 daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2017 9 bil-parteċipazzjoni ta’ għoxrin Stat Membru 10 . Minn dakinhar, żewġ Stati Membri oħra ssieħbu mal-kooperazzjoni msaħħa. 11 Għaddejja ħidma biex jiġi żgurat li l-UPPE jsir kompletament operattiv sal-aħħar tal-2020. Din l-inizjattiva mhux se jkollha effett fuq it-twaqqif tal-UPPE skont ir-Regolament (UE) 2017/1939 eżistenti.

2.L-inizjattiva tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tippreżenta din l-inizjattiva, li tkun tirrikjedi tibdil fit-Trattat, biex testendi l-kompetenzi tal-UPPE għar-reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat membru wieħed bħala parti mir-rispons komprensiv u msaħħaħ Ewropew għat-theddid terroristiku.

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn Anness li jinkludi inizjattiva tal-Kummissjoni għall-possibbiltà tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 86, il-paragrafi (1) u (2), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bil-għan li testendi l-kompetenza tal-UPPE għar-reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed.

L-Artikolu 86(4) tat-TFUE jipprevedi l-possibbiltà li jiġu estiżi l-kompetenzi tal-UPPE. Skont l-Artikolu 86(4) tat-TFUE il-Kunsill Ewropew għandu s-setgħa li jadotta deċiżjoni li temenda l-Artikolu 86 tt-TFUE sabiex jiġu estiżi s-setgħat tal-UPPE biex ikunu jinkludu l-kriminalità se taffettwa aktar minn Stat Membru wieħed. Il-Kunsill Ewropew għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u wara li jikkonsulta l-Kummissjoni.

It-terminu “b’mod unanimu” fl-Artikolu 86(4) tat-TFUE ma jirreferix biss għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-UPPE 12 , iżda jinkludi wkoll lill-oħrajn. Filwaqt li din il-proċedura emendatorja ssimplifikata għat-Trattat ma tipprevedix li l-Kunsill Ewropew jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, dan ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli tippreżenta inizjattiva.

Il-Kunsill Ewropew jista’ jemenda l-Artikolu 86(1) u (2) tat-TFUE biex jestendi l-kompetenza materjali tal-UPPE għall-“kriminalità serja b’dimensjoni transkonfinali” kollha, għal uħud mir-reati serji jew għal reat wieħed biss. Dan il-kunċett jinkludi r-reati partikolarment serji b’dimensjoni transfruntiera msemmija fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Bħala rekwiżit addizzjonali, il-kompetenza tal-UPPE tista’ tiġi estiża biss fir-rigward ta’ “reati serji li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed”.

Wara deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li temenda l-Artikolu 86 tat-TFUE, il-Kummissjoni tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda r-Regolament (UE) 2017/1939 sabiex l-UPPE jingħata din il-kompetenza u jiġi introdott kull aġġustament li jista’ jkun meħtieġ għall-attivitajiet effettivi tal-UPPE li jikkonċernaw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-terroriżmu. Meta jiġi emendat ir-Regolament, mhux se jkun possibbli li jkun hemm ġeometrija varjabbli fl-UPPE b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipparteċipaw f’partijiet differenti tal-kompetenza tiegħu. Bl-istess mod, l-Istati Membri mhux parteċipanti li aktar ’il quddiem jistgħu jissieħbu fl-UPPE se jkollhom jipparteċipaw fiha kollha.

3.Lakuni fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi transfruntiera

Minkejja li qed isir progress sinifikanti biex jiġi indirizzat it-terroriżmu u theddid ieħor għas-sigurtà fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u l-ħidma lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina, għad hemm għadd ta’ nuqqasijiet fil-qafas legali, istituzzjonali u operattiv attwali. B’mod partikolari, hemm nuqqas ta’ approċċ komuni tal-Unjoni għall-investigazzjoni, għall-prosekuzzjoni u għat-tressiq ta’ reati terroristiċi transfruntiera quddiem il-qorti.

3.1.Frammentazzjoni fl-investigazzjonijiet ta’ reati terroristiċi

Attwalment, l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji huma esklussivament responsabbli għall-investigazzjoni, għall-prosekuzzjoni u għat-tressiq ta’ reati terroristiċi quddiem il-qorti. Madankollu, is-setgħat tagħhom jieqfu mal-fruntieri nazzjonali, filwaqt li ħafna drabi r-reati terroristiċi għandhom dimensjoni transfruntiera 13 . Ħafna drabi dan iwassal għal approċċi nazzjonali differenti fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni, kif ukoll lakuni fl-iskambju ta’ informazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti involuti.

Matul is-snin, l-Unjoni introduċiet sensiela ta’ miżuri biex titjieb il-kooperazzjoni transfruntiera dwar ir-reati terroristiċi. B’mod partikolari, illum il-ġurnata l-Eurojust u l-Europol diġà jiffaċilitaw il-kooperazzjoni multilaterali ġudizzjarja u fil-qasam tal-infurzar tal-liġi rispettivament, kif ukoll il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni f’każijiet li jinvolvu kriminalità transfruntiera serja fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali. Ir-rwol tal-Eurojust se jkompli jissaħħaħ permezz tal-qafas legali ġdid tagħha li se jsir applikabbli fl-2019 14 . 

L-ammont ta’ każijiet tal-Eurojust fil-qasam tal-ġlieda kontra reati terroristiċi żdied b’aktar mid-doppju matul il-perjodu bejn l-2015 u l-2017 15 , filwaqt li l-għadd ta’ Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti (SIKs) ikkwadruplika 16 . Il-każijiet trattati mill-Eurojust juru biċ-ċar il-ħtieġa dejjem akbar ta’ approċċ konġunt u kkoordinat bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. L-Istati Membri jfittxu l-assistenza tal-Eurojust, pereżempju, fl-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ evidenza, biex titħaffef l-eżekuzzjoni ta’ Assistenza Legali Reċiproka u ta’ talbiet għal estradizzjoni, Mandati ta’ Arrest Ewropej u Ordnijiet ta’ Investigazzjoni Ewropej, u għat-twaqqif ta’ Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti.

L-esperjenza mill-Eurojust tissuġġerixxi wkoll li anki jekk ġeneralment l-Istati Membri jqisu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali f’dan il-qasam ta’ prijorità għolja, minħabba r-rabtiet mal-aspetti ta’ sigurtà nazzjonali ħafna drabi l-awtoritajiet jassumu perspettiva nazzjonali. In-natura sensittiva ta’ investigazzjonijiet relatati mat-terroriżmu tista’ toħloq ostakli addizzjonali għall-awtoritajiet biex jaqsmu l-informazzjoni u biex jiftħu investigazzjonijiet lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ f’każ nazzjonali.

Bħala konsegwenza ta’ dan, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-każijiet ta’ terroriżmu isiru b’mod parallel jew iżolati minn xulxin f’diversi Stati Membri. Bħala riżultat, il-kumplessità u/jew in-natura transfruntiera tagħhom mhux dejjem jiġu kkunsidrati kif suppost.. Għalhekk il-konfini ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali jistgħu jkunu ta’ xkiel għall-fehim u għall-ġlieda kontra l-attivitajiet ta’ terroristi u ta’ ċelloli jew netwerks terroristiċi transfruntiera.

Filwaqt li kemm il-Eurojust kif ukoll l-Europol jipprovdu b’mod konsistenti appoġġ qawwi lill-awtoritajiet nazzjonali fl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra r-reati terroristiċi, jistgħu jaġixxu biss abbażi ta’ talbiet għal għajnuna mill-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, peress li ħadd minnhom ma huwa mgħammar bis-setgħat meħtieġa biex iwettaq b’mod proattiv prosekuzzjoni koordinata, effettiva u proporzjonata fil-livell tal-Unjoni, ma jistgħux jindirizzaw il-frammentazzjoni fil-prosekuzzjoni tar-reati terroristiċi.

3.2.Lakuni fl-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni dwar każijiet ta’ terroriżmu bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji tal-UE

Filwaqt li l-Unjoni ħadet azzjoni biex jitjieb l-iskambju strutturali ta’ informazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-ħidma lejn sistemi ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni 17 , għad fadal sfidi sinifikanti fir-rigward tal-kondiviżjoni f’waqtha ta’ informazzjoni f’każijiet speċifiċi ta’ investigazzjonijiet jew ta’ prosekuzzjonijiet kriminali.

Fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar każi ta’ terroriżmu, fir-rapport reċenti tagħha dwar Ġellieda Terroristiċi Barranin 18 il-Eurojust indikat li ma hemm l-ebda approċċ armonizzat dwar l-informazzjoni skambjata. Għadhom jeżistu differenzi fil-volum, fit-tip u fl-ambitu tal-informazzjoni kondiviża mal-Eurojust minn kull Stat Membru. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex l-importanza tal-kontroverifika ta’ informazzjoni ġudizzjarja għall-fini tal-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi reġgħet ġiet enfasizzata fil-kuntest ta’ laqgħa dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu organizzata mill-Eurojust f’Ġunju 2018 19 . Minħabba dan l-iskambju ta’ informazzjoni subottimali, il-kapaċità tal-Eurojust li tidentifika rabtiet eżistenti ma’ investigazzjonijiet u ma’ prosekuzzjonijiet li jinsabu għaddejjin, inklużi rabtiet ma’ Stati Membri oħra, għadha lmxekkla.

Barra minn hekk, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi f’każijiet transfruntiera konkreti jenħtieġu azzjoni rapida u miftiehma mill-awtoritajiet kollha tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji biex jiġi żgurat li ma tintilef ebda evidenza u biex jiġu evitati aktar reati terroristiċi, possibbilment relatati. Madankollu, din hija pjuttost diffiċli fil-każ ta’ investigazzjonijiet transfruntiera li jkunu investigati minn awtoritajiet differenti f’diversi Stati Membri. Dan huwa mitigat parzjalment mill-appoġġ tal-Europol u tal-Eurojust. Barra minn hekk, la l-Europol u lanqas il-Eurojust ma għandhom is-setgħa jobbligaw lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu informazzjoni speċifika jew iwettqu miżuri investigatorji, li jfisser li l-informazzjoni mhux dejjem tkun disponibbli fil-ħin, filwaqt li l-aspett ta’ ħin huwa kruċjali għas-suċċess fl-insegwiment ta’ reati terroristiċi, kif ukoll biex jiġi żgurat li jistgħu jiġu evitati attakki terroristiċi ulterjuri possibbilment relatati.

3.3.Il-ġbir, il-qsim u l-użu ta’ tipi ta’ evidenza sensittiva

L-iżgurar li l-informazzjoni miġbura tkun ammissibbli bħala evidenza huwa essenzjali biex il-prosekuzzjoni ta’ kwalunkwe reat tirnexxi. Dan huwa partikolarment minnu għal każijiet ta’ terroriżmu, fejn il-prosekuzzjoni tkun ibbażata wkoll fuq provi indizjarji (sorveljanza, dikjarazzjonijiet tax-xhieda, interċettazzjonijiet). Ir-rapporti tal-Moniter tal-Kundanni Kontra t-Terroriżmu 20 tal-Eurojust jindika li hemm ukoll kwistjonijiet relatati mal-ġbir, mal-kondiviżjoni u mal-użu ta’ ċerti tipi ta’ informazzjoni li biex tintuża bħala evidenza fil-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ terroriżmu. B’mod partikolari, f’każijiet ta’ terroriżmu, il-ġbir ta’ informazzjoni ħafna drabi jiddependi fuq l-użu ta’ tekniki investigattivi speċjali, jew jinvolvi l-ħidma ta’ awtoritajiet kompetenti speċjalizzati tal-Istati Membri. Ħafna drabi tali informazzjoni ma tiġix kondiviża biex jiġu protetti s-sorsi tal-informazzjoni, biex jiġi żgurat li l-informaturi jibqgħu anonimi, jew sabiex jiġi żgurat li l-metodi li permezz tagħhom tkun inġabret l-informazzjoni jibqgħu protetti.

3.4.Distakk bejn il-fażi ta’ investigazzjoni u dik ta’ prosekuzzjoni

Speċjalment f’każijiet li jinvolvu t-terroriżmu, azzjoni kkoordinata mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk tal-prosekuzzjoni hija essenzjali. Mandati ta’ arrest jew perkwiżizzjonijiet fid-djar għandhom jiġu eżegwiti simultanjament, u l-awtorizzazzjonijiet ġudizzjarji għandhom jinkisbu fil-ħin. Għalhekk huwa kruċjali li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tkun waħda mingħajr xkiel. Anki fejn ikun hemm kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, il-Europol u l-Eurojust, jista’ jkun li l-prijoritajiet jew is-sensittivitajiet nazzjonali differenti, jew sempliċiment id-disponibbiltà ta’ riżorsi jew in-nuqqas tagħha, jinfluwenzaw l-eżitu finali. Ma hemm l-ebda awtorità ċentrali fil-livell tal-Unjoni li tista’ tidderieġi kemm l-aspett ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ każijiet terroristiċi transfruntiera, biex b’hekk tiġi żgurata kooperazzjoni verament bla xkiel bejn l-awtoritajiet kollha involuti kemm fuq livell nazzjonali u dak tal-Unjoni, fi skadenzi u limiti stretti ta’ kunfidenzjalità.

3.5.Investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet paralleli ineffiċjenti

Ħafna drabi r-reati terroristiċi jaffettwaw diversi pajjiżi. Barra minn hekk dawn sikwit jinvolvu persuni suspettati jew jaffettwaw vittmi ta’ nazzjonalitajiet differenti. Kunflitti ta’ ġurisdizzjoni jistgħu jseħħu, pereżempju, f’każijiet fejn il-vittmi ta’ reat ikunu ġejjin minn Stati Membri differenti, li jwassal għal sitwazzjoni li fiha kull Stat Membru affettwat ikun irid jeżerċita ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istess reat terroristiku. Pereżempju, f’diversi każijiet terroristiċi riċenti żewġ Stati Membri jew aktar iddikjaraw, b’mod parallel, ġurisdizzjoni għall-prosekuzzjoni tal-istess reat għal raġunijiet differenti, bħan-nazzjonalità tal-vittma jew kompetenza territorjali. Tali prosekuzzjonijiet paralleli jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ ne bis in idem.

Attwalment ma hemmx mekkaniżmu adegwat tal-Unjoni biex jiġu indirizzati tali sitwazzjonijiet. F’każijiet li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed, azzjoni investigattiva jew ta’ prosekuzzjoni mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru wieħed jista’ jkollha konsegwenzi għall-investigazzjonijiet jew għall-prosekuzzjonijiet li jkunu qed isiru fi Stati Membri oħra. Speċjalment f’każijiet li jinvolvu ċelloli terroristiċi fejn il-membri jkunu attivi fi Stati Membri differenti, azzjoni koordinata hija kruċjali biex jiġi evitat l-għajbien ta’ provi jew ta’ persuni suspettati. Filwaqt li l-Eurojust jista’ jkollha rwol kruċjali fil-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet, taħt il-qafas legali attwali tagħha ma tistax tiddeċiedi dwar kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, u ġġiegħel lill-awtoritajiet tal-Istati Membri joqogħdu lura milli jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Il-lakuni msemmijin hawn fuq turihom il-kaxxa ta’ hawn taħt:

Każ Ipotetiku

Ċellola terroristika ġiħadista timpjega aġenti f’diversi Stati Membri tal-UE, li jew mhumiex permessi jikkomunikaw ma’ xulxin jew lanqas biss jafu b’xulxin u jirċievu struzzjonijiet biss permezz ta’ messaġġi kriptati. Kollha għandhom kompiti differenti, bħall-kiri ta’ karozzi, l-akkwist ta’ materjali kimiċi, il-ġbir ta’ informazzjoni dwar miri potenzjali, il-kisba ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni foloz, eċċ., filwaqt li dak li jmexxi l-operazzjonijiet jaġixxi minn pajjiż terz.

Bis-saħħa tal-informazzjoni miksuba permezz ta’ attivitajiet tal-infurzar tal-liġi fi Stat Membru A, l-awtoritajiet kompetenti jiskopru li d-dokumenti foloz ġew fabbrikati għal persuni fittizji u jarrestaw lill-persuna suspettata. Mhumiex konxji li dawn id-dokumenti huma destinati għal ċellola terroristika akbar u għar-reati terroristiċi tagħha u jħarrku l-persuna għall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

L-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi fi Stat Membru B jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw il-persuna li tkun xtrat ammonti kbar ta’ pestiċidi, allegatament għall-produzzjoni ta’ bomba, imbagħad jarrestawha u jakkużawha bħala terrorista “lupu solitarju”, mingħajr ma jkunu konxji miċ-ċellola terroristika jew mill-membri l-oħra taċ-ċellola.

Dak li jmexxi l-grupp terroristiku fil-pajjiż terz isir konxju mill-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji fl-Istati Membri A u B u ċ-ċellola terroristika tadatta l-pjani terroristiċi tagħha.

L-azzjonijiet mhux koordinati fl-Istati Membri A u B iwasslu għal prosekuzzjonijiet u għal kundanni individwali, iżda n-netwerk usa’ u l-attivitajiet tiegħu jibqgħu misturin, filwaqt li l-partijiet l-oħra tan-netwerk terroristiku jistgħu jadattaw il-pjani tagħhom u jkomplu bl-attivitajiet terroristiċi tagħhom.

4.L-UPPE jista’ jindirizza l-lakuni eżistenti

Kif diskuss hawn fuq, filwaqt li l-valur miżjud tal-Eurojust u tal-Europol fl-appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fuq il-bażi ta’ assistenza reċiproka u strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku eżistenti huwa kruċjali, ma hemmx approċċ komuni Ewropew għall-investigazzjoni, u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u għat-tressiq tal-awturi quddiem il-qorti. L-Europol u l-Eurojust ma jistgħux jindirizzaw kompletament in-nuqqasijiet eżistenti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi transfruntiera, peress li ma għandhomx u ma jistgħux jingħataw is-setgħat neċessarji skont it-Trattat, li, b’kuntrast, it-Trattat jippermetti lill-UPPE.

Fid-dawl tal-lakuni identifikati hawn fuq, hemm bżonn ta’ dimensjoni Ewropea aktar b’saħħitha biex jiġi żgurat segwitu ġudizzjarju uniformi, effikaċi u effiċjenti għal dawn ir-reati fl-ispazju Ewropew kollu ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Reati terroristiċi jaffettwaw lill-Istati Membri kollha u lill-Unjoni kollha kemm hi, u din hija r-raġuni għaliex għandha tiġi kkunsidrata soluzzjoni fuq livell Ewropew. F’dan il-kuntest hemm każ b’saħħtu li l-UPPE jġib valur miżjud għall-ġlieda kontra reati terroristiċi u biex jindirizza l-lakuni identifikati.

Il-funzjonament tal-UPPE

L-UPPE huwa uffiċċju ta’ prosekuzzjoni indipendenti u Ewropew li jaġixxi fil-livell tal-Unjoni b’mandat li jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-qrati ir-reati kontra l-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. L-istruttura integrata tal-UPPE tinkludi l-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej, li jiffurmaw il-Kulleġġ tal-UPPE, organizzati f’Awli Permanenti, li se jkunu qed jaħdmu fl-uffiċċju ċentrali tal-UPPE fil-Lussemburgu. L-uffiċċju ċentrali se jidderieġi u jissorvelja l-Prosekuturi Delegati Ewropej li jkunu jinsabu fl-Istati Membri parteċipanti, li huma parti integrali mill-UPPE u li se jinvestigaw, iħarrku u jressqu każijiet tal-UPPE quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti.

L-uffiċċju ċentrali jagħmel monitoraġġ, jidderieġi u jissorvelja l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet li jieħdu f’idejhom il-Prosekuturi Delegati Ewropej, biex b’hekk jiżguraw li jkun hemm politika konsisteni ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni madwar l-Ewropa kollha, li tippermetti li jsir segwitu effikaċi u mmirat. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej se jidderieġu l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari l-pulizija, id-dwana u l-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjonijiet finanzjarji.

Se jkun hemm skambju dirett u immedjat ta’ informazzjoni fl-UPPE kif ukoll bejn l-UPPE u l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u l-korpi tal-UE, inkluż il-Eurojust, il-Europol u l-OLAF.

L-UPPE se jopera bħala uffiċċju uniku għall-Istati Membri parteċipanti kollha, li jfisser li, fil-prinċipju, mhu se jkun hemm l-ebda ħtieġa għal Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti ad hoc jew talbiet għal Assistenza Legali Reċiproka, kif inhu l-każ illum. Matul l-operazzjonijiet tiegħu, l-UPPE se jkun jista’ juża wkoll sett komprensiv ta’ miżuri investigatorji sabiex tinġabar evidenza inkriminanti kif ukoll evidenza li tiskaġuna għal prosekuzzjonijiet konsistenti u effiċjenti fil-qrati.

4.1.Rispons Ewropew komprensiv permezz tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi transfruntiera

L-UPPE se jagħti dimensjoni Ewropea lill-isforzi attwali fl-indirizzar tar-reati terroristiċi u jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali, billi jitnaqqas id-distakk bejn l-isforzi nazzjonali fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ dawn ir-reati. Meta mqabbel mal-approċċ attwali, l-UPPE se joħloq relazzjoni diretta mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-atturi tal-Unjoni meta jittratta każijiet terroristiċi. Dan jista’ jkun titjib kwalitattiv deċiżiv li jagħmel l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi madwar l-Unjoni aktar effettivi.

L-UPPE se jkun f’pożizzjoni b’saħħitha biex iħarrek reati terroristiċi madwar l-Unjoni, bil-Prosekuturi Delegati Ewropej integrati fis-sistemi nazzjonali u f’ħidma id f’id mal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi, u b’Kulleġġ tal-UPPE li jiżviluppa prosekuzzjoni koerenti fuq livell tal-Unjoni fil-ġlieda kontra reati terroristiċi biex b’hekk jippermetti li jsiru investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet effiċjenti u effikaċi.. B’mod partikolari, se jkun jista’ jordna investigazzjonijiet, jiżgura l-ġbir f’waqtu ta’ evidenza addizzjonali, jgħaqqad u jħarrek każijiet relatati flimkien, u jsolvi kwalunkwe kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni qabel ma każ jitressaq quddiem il-qorti. Se jikkoopera wkoll mill-qrib ma’ atturi oħra tal-Unjoni, bħall-Eurojust u l-Europol, u b’hekk se jkun f’pożizzjoni strateġika biex jinforza l-approċċ tal-Unjoni lejn l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi.

4.2.Skambju f’waqtu u suffiċjenti ta’ informazzjoni dwar reati terroristiċi

L-UPPE jista’ jegħleb id-diffikultajiet attwali permezz tal-qsim f’waqtu ta’ informazzjoni. Minbarra li se jkun jista’ jikseb informazzjoni dwar reati terroristiċi mingħand l-Istati Membri, jista’ jordna wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġbru aktar informazzjoni b’mod proattiv u mmirat. L-istess japplika għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-Eurojust u mal-Europol.

L-involviment tal-UPPE se jkun daqstant ta’ benefiċċju fir-rigward tal-ġbir, tal-kondiviżjoni u tal-użu ta’ ċerti tipi ta’ evidenza. Minħabba l-fatt li l-Kulleġġ tal-UPPE se jkun magħmul minn Prosekuturi Ewropej li ġejjin mill-Istati Membri parteċipanti kollha, l-UPPE se jkun f’pożizzjoni tajba biex jittratta informazzjoni sensittiva u kunfidenzjali. Pereżempju, l-UPPE se jiżgura li permezz tal-Prosekuturi Delegati Ewropej u l-Prosekuturi Ewropej ta’ sorveljanza, il-modi ta’ kif tinġabar l-informazzjoni jibqgħu kunfidenzjali, u jkun hemm qbil ċar dwar il-kodiċi ta’ trattament għall-informazzjoni użata mill-UPPE. Barra minn hekk se jkun aktar faċli għall-UPPE li jikkoopera ma’ pajjiżi terzi jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħala l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni Ewropew, milli kieku jkun għall-Istati Membri individwali. F’dan ir-rigward, l-UPPE se jibbenefika mid-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2017/1939 relatati mal-kooperazzjoni internazzjonali u l-qafas legali li se jinħoloq.

Permezz tal-approċċ integrat tiegħu, l-UPPE se joħloq kanali ta’ informazzjoni ġodda fil-livell tal-Prosekuturi Delegati Ewropej u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll fuq livell ċentrali, ma’ korpi tal-Unjoni, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-fluss ta’ informazzjoni madwar l-Unjoni kollha se jkun iffaċilitat. Dan għandu jippermetti reazzjonijiet rapidi għal xejriet u modi operandi terroristiċi ġodda.

4.3.Konnessjoni bejn il-fażi tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni

L-UPPE se jkun kompetenti kemm biex jinvestiga kif ukoll biex iħarrek reati li jaffettwaw il-baġit tal-Unjoni u se jkollu l-vantaġġ li jkollu s-setgħa jikkoordina investigazzjonijiet tal-pulizija, li tippermetti pereżempju l-iffriżar u s-sekwestru rapidi tal-assi u l-ordni ta’ arresti madwar l-UE. Dan għandu jindirizza wkoll in-nuqqasijiet eżistenti maħluqa minn investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet paralleli u frammentati f’każijiet terroristiċi.

L-UPPE se jippermetti approċċ ħafna aktar magħqud u kkoordinat lejn l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet. Investigazzjonijiet immexxija mill-UPPE se jiżguraw li l-awtoritajiet kollha involuti jista’ jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni li jeħtiegu f’kull ħin. Barra minn hekk, se jkun hemm struttura ċara ta’ teħid ta’ deċiżjonjiet iffukata fuq il-kisba tal-aħjar riżultat għall-Istati Membri kkonċernati. Investigazzjonijiet ta’ reati li jaqgħu taħt il-mandat il-ġdid tal-UPPE għandhom jibbenefikaw minn dan ir-rwol ta’ tmexxija ċentrali tal-UPPE. Għalhekk dawn l-investigazzjonijiet jistgħu jipproċedu b’mod ikkoordinat sew, billi jitqiesu l-aspetti kollha tal-investigazzjoni, irrispettivament minn fejn ikunu seħħew ir-reati. Approċċ ikkoordinat lejn l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet jiżgura wkoll li l-awtoritajiet investigattivi jistgħu joqogħdu fuq is-setgħat tal-UPPE biex jiżguraw li l-azzjonijiet investigatorji jsiru fl-aktar ħin u post effiċjenti, irrispettivament mill-post fl-Unjoni fejn dawn l-azzjonijiet għandhom iseħħu.

4.4.L-ffiċjenza u l-koerenza tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet

L-UPPE se jkun jista’ jiżgura prosekuzzjoni koerenti u effettiva għal reati terroristiċi, li tqis l-interessi tal-Istati Membri kollha involuti u tal-Unjoni kollha kemm hi. Prosekuturi Ewropej b’għarfien tas-sistemi legali nazzjonali se jkunu parti mill-Kulleġġ tal-UPPE u dan għandu jgħin biex jiġi żgurat l-aħjar rispons possibbli għal każijiet ta’ terroriżmu transfruntiera. Minħabba n-natura tiegħu bħala l-uniku attur fil-livell tal-Unjoni l-UPPE se jkun f’pożizzjoni tajba biex jindirizza kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, u jiddeċiedi – abbażi ta’ kriterji oġġettivi – fejn għandha tinstema l-kawża. Tali deċiżjoni dwar l-aħjar ġurisdizzjoni għall-prosekuzzjoni ta’ kawża se tipprevjeni kunflitti possibbli u tevita litigazzjoni bla bżonn. L-estensjoni tal-kompetenzi tal-UPPE għal reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed b’hekk tista’ tnaqqas il-potenzjal għall-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni f’dan il-qasam u tipprovdi mekkaniżmu effettiv għar-riżoluzzjoni tagħhom, fejn jippersistu.

Każ futur ipotetiku

Fi Stat Membru A, hemm investigazzjoni għaddejja dwar finanzjament tal-kriminalità. Filwaqt li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru għandhom indikazzjonijiet ċari li l-persuni kkonċernati qed jiffinanzjaw it-terroriżmu, mhuwiex ċar għalihom fejn il-flus finalment huma maħsuba jintużaw. Fl-istess ħin, fi Stat Membru B, hemm investigazzjoni għaddejja dwar atti li huma meqjusa bħala atti preparatorji għal attakk terroristiku, inkluż ix-xiri ta’ materjali għall-ħolqien tal-hekk imsejħa “bomba maħmuġa” (arma radjoloġika). Sadanittant, fi Stat Membru Ċ, hemm investigazzjoni ffukata fuq sit web partikolari li fih propaganda terroristika. L-awtoritajiet fl-Istat Membru Ċ jissuspettaw li xi partijiet magħluqa tas-sit qed jintużaw ukoll għall-komunikazzjoni bejn il-membri ta’ grupp terroristiku.

L-ebda wieħed mill-Istati Membri kkonċernati ma għadu talab għall-appoġġ tal-Europol jew tal-Eurojust, peress li jqisu dawn l-investigazzjonijiet bħala primarjament nazzjonali. Huwa biss meta l-każ jinġieb għall-attenzjoni tal-UPPE permezz ta’ wieħed mill-Prosekuturi Delegati Ewropej involuti fl-investigazzjoni fi Stat Membru A li tinstab ir-rabta bejn dawn il-każijiet: il-finanzjament li qed jiġi investigat fi Stat Membru A huwa fil-fatt dirett lejn l-attivitajiet tal-grupp li qed jipprepara l-“bomba maħmuġa” fi Stat Membru B, u jinstab li dawn il-gruppi huma fil-fatt f’kuntatt ma’ xulxin permezz tas-sit web taħt investigazzjoni fi Stat Membru Ċ.

L-UPPE jista’ jiżgura li l-miżuri investigatorji meħtieġa biex jinkiseb aċċess għal-logs tas-sit web fi Stat Membru Ċ jseħħu fl-istess ħin li fih jiġi arrestat il-grupp ta’ finanzjament fi Stat Membru A u l-grupp ta’ tħejjija fi Stat Membru B, sabiex ma jkollhomx l-opportunità li jbagħbsu l-evidenza.

It-terroristi suspettati kollha involuti jistgħu jiġu interpellati fl-istess ħin, u miżuri investigatorji addizzjonali jistgħu jiġu kkoordinati u implimentati minn Uffiċċju wieħed, li jiżgura wkoll li ma jinqala’ ebda kunflitt ta’ ġurisdizzjoni u li l-evidenza li tinġabar tkun ammissibbli.

5.L-impatt tal-estensjoni tal-kompetenzi tal-UPPE għar-reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed

5.1.Impatt fuq l-UPPE

L-UPPE, bl-istruttura istituzzjonali integrata tiegħu u bil-proċessi tiegħu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet joffri vantaġġi sinifikanti kontra r-reati terroristiċi transfruntiera. Din l-istruttura ġġib flimkien l-għarfien tas-sistemi legali nazzjonali, tippermetti għal ħarsa ġenerali rapida fuq l-attività kriminali transfruntiera fl-Unjoni, tipprovdi t-teħid ta’ deċiżjonijiet rapidu permezz ta’ Awli Permanenti li fihom joperaw il-Prosekuturi Ewropej, u tiżgura s-segwitu effikaċi fuq livell nazzjonali permezz ta’ Prosekuturi Delegati Ewropej. Sistema ta' ġestjoni tal-każijiet se tiżgura li jkun hemm flussi ta’ komunikazzjoni rapidi bejn il-prosekuturi kollha tal-UPPE li jkunu lokalizzati fil-livelli ċentrali u lokali madwar l-Unjoni. L-istruttura istituzzjonali u l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UPPE jenħtieġ li jinżammu meta tiġi estiża l-kompetenza tal-UPPE għal reati kriminali li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed.

L-estensjoni madankollu, tkun tenħtieġ għadd ta’ tibdiliet għar-Regolament (UE) 2017/1939 li jistabbilixxi l-UPPE sabiex jitqies il-mandat usa’ u fid-dawl tal-attenzjoni attwali tal-UPPE fuq ir-reati finanzjarji kontra l-baġit tal-Unjoni. Dawn it-tibdiliet jikkonċernaw b’mod partikolari il-kompetenza ratione materiae tal-UPPE iżda jkunu jenħtieġu wkoll għadd ta’ aġġustamenti oħra. Barra minn hekk, estensjoni tal-kompetenzi tal-UPPE għal reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed ikollha impatt fuq il-baġit u l-persunal tal-UPPE.

Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiġi emendat l-Artikolu 86 tat-TFUE (ara hawn fuq), il-Kummissjoni tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda r-Regolament (UE) 2017/1939 sabiex il-kompetenza tal-UPPE tiġi estiża għar-reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed, inkluż kull aġġustament meħtieġ.

Kompetenza ratione materiae

Il-kompetenza ratione materiae tal-UPPE attwalment tkopri reati li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif definit fid-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali 21 . 

Il-kompetenza ratione materiae tal-UPPE tista’, bl-istess mod, tiġi estiża għal reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed permezz ta’ referenza għad-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu 22 . L-Artikolu 86(4) tat-TFUE, jipprevedi l-possibbiltà li l-kompetenza ratione materiae tal-UPPE tiġi estiża għal firxa ta’ reati serji li għandhom dimensjoni transfruntiera u permezz ta’ din l-inizjattiva l-Kummissjoni tfittex estensjoni mmirata għal reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed.

Wara tali estensjoni mmirata, l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/1939 jiġi emendat skont dan billi jiġi inkluż paragrafu ġdid li jiddikjara li l-UPPE għandu jkun kompetenti f’dak li jirrigwarda r-reati kriminali kif previst fl-Artikoli 3 sa 12 u 14 tad-Direttiva (UE) 2017/541, kif implimentata mil-liġi nazzjonali, fejn dawn ir-reati jkunu jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed 23 . 

Ir-reati msemmijin f’din Direttiva (UE) 2017/541 jinkludu “reati terroristiċi”, “reati relatati ma’ grupp terroristiku”, kif ukoll “reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi”, bħall-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku, ir-reklutaġġ, l-għoti u r-riċeviment ta’ taħriġ għat-terroriżmu, l-ivvjaġġar għall-iskop ta’ terroriżmu, l-organizzazzjoni jew il-faċilitazzjoni ta’ dak l-ivvjaġġar, u l-finanzjament tat-terroriżmu. Mhux biss it-twettiq ta’ dawn ir-reati, iżda anke l-għoti ta’ għajnuna, il-kompliċità, l-inċitament u l-attentar.

L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/1939 (“Definizzjonijiet”) ikun jirrifletti l-inklużjoni ta’ dawn ir-reati fil-kompetenza tal-UPPE u jipprovdu lingwaġġ ta’ kjarifika ulterjuri fir-rigward tar-rekwiżit li r-reati kriminali inkwistjoni jenħtieġ li jkunu jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed.

     Aġġustamenti oħra għar-Regolament (UE) 2017/1939

Peress li l-qafas attwali tal-UPPE huwa mfassal għall-iskop ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-qrati ta’ reati kontra l-baġit tal-Unjoni, l-estensjoni tal-kompetenzi tiegħu għal reati kriminali li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed se tkun teħtieġ aġġustamenti konsegwenzjali oħra li jridu jsiru lir-Regolament (UE) 2017/1939 sabiex isir adatt għal tali kompetenza estiża.

Il-kwistjonijiet li hemm bżonn jiġu eżaminati fir-Regolament jinkludu, pereżempju, definizzjoni tal-kompetenza territorjali u personali tal-UPPE, il-ħtieġa possibbli ta’ adattament għall-kundizzjonijiet tat-tħaddim tal-komptetenza tal-UPPE (li f’ċerti każi hija marbuta ma’ aspetti partikolarment relevanti mar-reati kontra l-baġit, bħal-livell tad-dannu jew il-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni), is-setgħat ta’ investigazzjoni jew il-prinċipji ta’ ġuriżdizzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-qafas attwali jinkludi għadd ta’ dispożizzjonijiet li jiffukaw fuq reati finanzjarji, b’referenzi għal-limiti finanzjarji 24 , ir-rekwiżiti ta’ għarfien espert speċifiku fil-qasam tal-investigazzjonijiet kriminali bħala kriterju ta’ selezzjoni biex jinħatru l-prosekuturi tal-UPPE 25 , dawn ikollhom bżonn ta’ aġġustament skont dan, sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati terroristiċi.

Kunsiderazzjonijiet baġitarji u ta’ persunal

L-estensjoni tal-mandat tal-UPPE ikollu wkoll implikazzjoni għall-baġit u għall-persunal tal-UPPE, fid-dawl taż-żieda fil-volum tax-xogħol, li jkun jeħtieġ prosekuturi addizzjonali u persunal ieħor b’mod partikolari dawk b’esperjenza fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta’ sigurtà neċessarji għall-Uffiċċju se jkollhom jiġu adattati skont dan. Dawn l-implikazzjonijiet se jkomplu jiġu vvalutati fuq il-bażi ta’ informazzjoni aktar dettaljata li trid tiġi ppreżentata fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva li takkumpanja proposta leġislattiva fil-futur.

5.2.Impatt fuq l-Aġenziji tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali

L-estensjoni tal-kompetenza tal-UPPE għal reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed ikollha impatt fuq il-kompiti u r-rwoli attwali tal-Europol u tal-Eurojust, kif ukoll fuq l-awtoritajiet nazzjonali. Pereżempju, il-kapaċità tat-twettiq ta’ analiżi kriminali fil-livell tal-UE jenħtieġ li tkompli tiġi żviluppata, minħabba li din il-forma ta’ analiżi hija waħda mill-aktar vantaġġi qawwija għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni f’dan il-livell. L-UPPE jista’ jingħata s-setgħa li jqabbad 26 lill-Europol iwettaq ħidma ta’ analiżi kriminali għalih. Bl-istess mod, l-UPPE se jikkoordina mill-qrib il-ħidma tiegħu mal-Eurojust, sabiex tiġi żgurata l-kumplimentarjetà tal-prosekuzzjonijiet immexxija mill-UPPE u dawk imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u appoġġati mill-Eurojust. Din il-komplementarjetà għandha saħħaħ ir-rwol tal-Eurojust bħala ħolqa essenzjali għal prosekuzzjonijiet ikkoordinati fil-qasam ta’ reati transfruntiera marbuta mat-terroriżmu, bħaċ-ċiberkriminalità. Fl-istess ħin, il-Eurojust se tkun tista’ tiddedika r-riżorsi tagħha biex tappoġġa investigazzjonijiet transfruntiera ta’ reati oħra, bħall-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga u t-traffikar tal-bnedmin.

It-twaqqif ta’ relazzjoni mill-qrib bejn l-UPPE, l-Eurojust u l-Europol jista’ jiġġenera sinerġiji ta’ benefiċċju għal dawk kollha involuti fil-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u jiġi żgurat li ma jkunx hemm xogħol doppju. B’dan il-mod, ir-riżorsi skarsi jintużaw bl-aktar mod effiċjenti.

L-estensjoni tal-kompetenza tal-UPPE għal reati terroristiċi se jkollha impatt fuq il-ħidma tiegħu ma’ awtoritajiet oħra kemm tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali u l-mod u l-qafas li fih se jikkoopera magħhom l-UPPE. Dawn jinkludu, pereżempju, l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIFs) li huma responsabbli, inter alia, biex jittrattaw tranżazzjonijiet suspettużi li jinvolvu l-finanzjament tat-terroriżmu.

6.Konklużjoni

It-theddida tat-terroriżmu għadha għolja u qed tkompli tevolvi, li titlob rispons saħansitra aktar b’saħħtu mill-Unjoni Ewropea. It-tisħiħ tal-kapaċità fil-livell tal-Unjoni ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u t-tressiq tal-awturi quddiem il-qorti huwa parti mir-rispons Ewropew komprensiv għat-theddid terroristiku.

Bħala l-uniku korp tal-Unjoni bis-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet kriminali u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti u jressaq l-awturi quddiem il-qorti, l-UPPE għandu potenzjal kbir li isaħħaħ sew l-isforzi attwali fil-ġlieda kontra reati terroristiċi fl-Unjoni Ewropea.

Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew, fid-dawl tas-Summit f’Sibiu fid-9 ta’ Mejju 2019, biex jieħu din l-inizjattiva ’l quddiem flimkien mal-Parlament Ewropew u biex jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-kompetenzi tal-UPPE għar-reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed.

(1)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar    l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), .

(2)

     Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-Unjoni tal-Europol (Te-Sat) għall-2018.

(3)

     L-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(4)

     Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

Ewropew, u l-Kumitat tar-Reġjuni – l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, COM(2015) 185 final tat-28.4.2015

(5)

     Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill azzjoni fuq l-

Aġenda Ewropea dwar is-Siġurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u

ġenwina, COM(2016) 230 final tal-20 ta’ April 2016. Għal ħarsa ġenerali tal-progress li sar biex jiġi indirizzat it-terroriżmu u theddid ieħor għas-sigurtà fl-Unjoni Ewropa ara l-aħħar rapport ta’ progress lejn Unjoni tas-Sigurtà (COM(2018) 470 final tat-13.6.2018) kif ukoll rapporti preċedenti.

(6)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi evitat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku online, COM (2018) 640, 11 ta’ Settembr 2018.

(7)

     Ara r-Rapporti tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu tal-Europol għall-2015, p.13, għall-2016, p. 15, għall-

2017, p. 11, u għall-2018, p. 10.

(8)

     Għad-definizzjonijiet tar-reati kriminali li jaqgħu fil-kompetenza ratione materiae tal-UPPE ara d-Direttiva (UE)

2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi

finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29–41.

(9)

     Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar    l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

(10)

     L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-

Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-

Slovenja, u Spanja.

(11)

     Fl-1 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni kkonfermat il-parteċipazzjoni tan-Netherlands fil-kooperazzjoni msaħħa

dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 196 tat-2 ta’ Awwissu 2018). Fis-7 ta’

Awwissu 2018, il-Kummissjoni kkonfermat il-parteċipazzjoni ta' Malta fil-kooperazzjoni msaħħa għat-twaqqif tal-

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 201 tat-8 ta’ Awwissu 2018).

(12)

     L-UPPE twaqqaf skont il-kooperazzjoni msaħħa u sa issa għandu 22 Stat Membru li qed jipparteċipaw, ara l-Noti

f'qiegħ il-paġna 9, 10, u 11.

(13)

     Ara hawn fuq u l-Artikolu 83(1) tat-TFUE.

(14)

     Fid-19 ta’ Ġunju 2018 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar ir-riforma tal-Eurojust u

r-Regolament (UE) 2018/... tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ ......dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea

għall-Kooperazzjoni dwar il-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI wasal biex jiġi adottat formalment u jidħol fis-seħħ.

(15)

     Wieħed u erbgħin każ fl-2015, 67 każ fl-2016 u 87 każ fl-2017.

(16)

     Fl-2017, twaqqfu 12-il skwadra ta’ investigazzjoni konġunta (SIKs) bil-għan li jiġi indirizzat it-terroriżmu meta mqabbel ma’ 4 SIKs fl-2016 u 3 SIKs fl-2015.

(17)

     Ara l-Erbatax-il rapport ta’ progress lejn Unjoni ta’ Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2018) 211 final tas-

17.4.2018) għal ħarsa ġenerali.

(18)

     Dokument tal-Kunsill 15515/17, 2 ta’ Lulju 2018.

(19)

     Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Eurojust tal-21 ta’ Ġunju 2018 b’referenzi ulterjuri: http://www.eurojust.europa.eu/press/PressReleases/Pages/2018/2018-06-21.aspx . F’din l-Istqarrija Konġunta għadd ta’ Stati Membri jitolbu għall-ħolqien ta’ Reġistru Ġudizzjarju Ewropew Kontra t-Terroriżmu li għandu jinżamm għand il-Eurojust.

(20)

     Ara r-rapporti tal-Moniter tal-Kundanni Kontra t-Terroriżmu tal-Eurojust, il-ħarġa 28 ta’ Mejju 2018, p. 16-18, 38,

il-ħarġa nru 27 ta’ Marzu 2017, p. 32, il-ħarġa nru 5 ta’ Ġunju 2016, p. 29-31.

(21)

     Ara n-Nota f'qiegħ il-paġna 8 hawn fuq.

(22)

     Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda

kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI. B’konformità mal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva (UE) 2017/541 l-

Istati Membri jridu jittrasponu d-Directive (EU) 2017/541 sat-8 ta’ Settembru 2018.

(23)

   L-Artikolu 86(4) tat-TFUE jistipula li l-estensjoni tista’ tikkonċerna reati li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed.

Dan ma jeskludix li pajjiżi terzi jiġu wkoll affettwati minn dawn ir-reati.

(24)

     Bħal fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-UPPE (l-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (UE) 2017/1939), id-

dritt tal-UPPE li jevoka (l-Artikolu28 tar-Regolament (UE) 2017/1939) jew ta’ riferiment u ta’ trasferiment ta’

proċediment lill-awtoritajiet nazzjonali (l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2017/1939).

(25)

     L-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament (UE) 2017/1939.

(26)

     L-Artikolu 102 tar-Regolament 2017/1939 diġà jipprevedi li l-UPPE «Jista’ jitlob ukoll lill-Europol sabiex

tipprovdi appoġġ analitiku għal investigazzjoni speċifika magħmula” minnu, iżda s-setgħat ta’ istruzzjoni previsti

hawnhekk se jikunu jenħtieġu wkoll emendi għar-Regolament dwar il-Europol.

Top

Brussell, 12.9.2018

COM(2018) 641 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Ewropa li tipproteġi: inizjattiva għall-estensjoni tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-kriminalità terroristika transfruntiera









ANNESS

Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew

li temenda l-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO)

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 86(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)    L-Artikolu 86(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti s-setgħa lill-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’mod unanimu wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew u wara li jikkonsulta lill-Kummissjoni, li jadotta deċiżjoni li temenda l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 86 tal-istess Trattat sabiex jestendi s-setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jinkludi l-kriminalità serja b’dimensjoni transfruntiera.

(2)    F’kunsiderazzjoni tan-natura transfruntiera tat-terroriżmu u fir-rikonoxximent tal-ħtieġa għal reazzjoni Ewropea komprensiva għat-terroriżmu, il-Kunsill Ewropew iqis li huwa meħtieġ li jiġu emendati l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 86 tat-Trattat sabiex jiġu estiżi s-setgħat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jinkludi reati terroristiċi li jaffettwaw aktar minn Stat Membru wieħed,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa emendat kif ġej:

1) Fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“1. Sabiex jiġġieled it-terroriżmu u r-reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kunsill, permezz ta’ regolament adottati skont il-proċedura leġislattiva speċjali, jista’ jistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-Eurojust. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.’

2)    Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jkun responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq għall-ġustizzja, fejn xieraq f’kollaborazzjoni mal-Europol, l-awturi u l-kompliċi ta’ reati terroristiċi li jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed u reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif determinat mir-regolament previst fil-paragrafu 1. Għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dawn ir-reati.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, xx xxxxx 20xx.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

Top