EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0597

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1302/2013 fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni, u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti

COM/2018/597 final

Brussell, 17.8.2018

COM(2018) 597 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI







dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1302/2013 fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni, u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti



{SWD(2018) 395 final}


RAPPORT TAL-KUMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1302/2013 fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta’ tali raggruppamenti

1.    INTRODUZZJONI

Bħala korpi legali li jistgħu jżidu ċ-ċertezza u l-istabbiltà legali tal-inizjattivi ta’ kooperazzjoni, ir-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (minn issa, “ir-REKT”) huma maħsuba biex itejbu l-koeżjoni fl-Unjoni Ewropea billi jiffaċilitaw il-koperazzjoni territorjali u jindirizzaw id-diffikultajiet prattiċi involuti. Jenħtieġ li r-REKT inaqqsu l-problemi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri u, b’mod partikolari, l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ attivitajiet ta’ koperazzjoni fil-kuntest ta’ liġijiet u proċeduri nazzjonali differenti.

Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (“ir-Regolament REKT”) 1 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari it-tielet subparagrafu tiegħu. Dan daħal fis-seħħ fil-1 ta’ Awwissu 2006 u ilu japplika bis-sħiħ mit-1 ta’ Awwissu 2007. Ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1302/2013 2 fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament tar-REKT.

F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar ir-REKT is-servizzi tal-Kummissjoni ppreżentaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jivvaluta, abbażi ta’ indikaturi, l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tar-REKT, u l-ambitu għas-simplifikazzjoni.

2.    IR-REKT FIL-PRATTIKA

L-attività reċenti tar-REKT fil-konkret 3

Ir-REKT huma kkonċentrati f’ċerti żoni, l-aktar fir-reġjuni tal-fruntieri tal-Ungerija, is-Slovakkja, Franza, Spanja u l-Portugall. Il-kopertura territorjali tagħhom hija partikolarment estensiva fl-Ungerija. Xi Stati Membri ma huma involuti fl-ebda REKT, dawn id-differenzi jistgħu f’xi każijiet ikunu riżultat ta’ xi tip ieħor ta’ struttura ta’ kooperazzjoni li diġà tkun stabbilita.

Fl-2017, erba’ REKT kellhom membri minn xi pajjiż mhux tal-UE. Peress li r-Regolament REKT ma kienx jirreferi b’mod espliċitu għal REKT b’dimensjoni esterna qabel ma ġie emendat, wieħed ma jistax jistenna li jitfaċċaw malajr dawn it-tali tipi ta’ REKT 4 .

It-tipi ewlenin ta’ REKT huma:

·REKT transfruntiera, li l-aktar li jindirizzaw ikunu sfidi lokali u reġjonali;

·REKT transnazzjonali, fuq territorji konsiderevolment usa’ minn żoni ta’ kooperazzjoni transfruntiera;

·REKT ta’ netwerk, magħmula minn membri li ma jkunux konnessi ma’ xi żona partikolari; kif ukoll

·REKT għal skopijiet speċifiċi, eż. sptarijiet, parks naturali, kuriduri tat-trasport u universitajiet.

Sal-31 ta’ Diċembru 2017 kien hemm 68 REKT b’kollox.

L-aktar arranġament komuni ta’ REKT jinvolvi kooperazzjoni bejn minn żewġ (2) awtoritajiet lokali, sa massimu ta’ 20, ma’ strutturi ta’ kooperazzjoni ta’ daqs minn żgħir sa medju. It-tieni l-aktar arranġament prominenti huwa dak ta’ kooperazzjoni transfruntiera li tkun tinvolvi l-awtoritajiet reġjonali.

Ir-REKT huma fil-biċċa l-kbira ffinanzjati permezz ta’ tariffi tas-sħubija, trasferiment mill-baġits nazzjonali u reġjonali, u ta' kontribuzzjonijiet mill-fondi tal-UE, l-iktar mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE), iżda wkoll mil-LIFE, Erasmus+ u Orizzont 2020.

Fl-2017, ir-REKT kienu attivi fir-ristrutturar, minħabba ż-żieda fin-numru ta’ membri: b’kollox, 21 (31 %) irrappurtaw bidla fis-sħubija.

Fi tmiem l-2017, kien hemm ħidma għaddejja biex jiġu stabbiliti aktar minn 20 REKT ġdid. Huwa probabbli li l-medda ta’ applikazzjonijiet tal-istrument tar-REKT tkompli tespandi bħala riżultat.

Il-motivazzjoni u l-isfidi relatati mal-ħolqien ta’ REKT

Motivazzjoni 5

L-istrument tar-REKT kien inħoloq biex jiffaċilita u jippromwovi l-kooperazzjoni territorjali bil-għan li tissaħħaħ il-koeżjoni fl-UE. Ir-REKT huma użati b’mod wiesa’ fil-konsolidazzjoni u/jew l-approfondiment tal-kooperazzjoni transfruntiera (transtematika) ġenerali. Ikunu l-aktar il-korpi lokali u reġjonali li jagħmlu użu minnhom, iżda r-REKT huma użati wkoll fil-każ ta’ kooperazzjoni interreġjonali.

Ir-REKT jiġu stabbiliti minħabba motivazzjonijiet varji. Primarjament, REKT jiġi stabbilit bħala struttura viżibbli u permanenti għall-kooperazzjoni territorjali biex jiġu ġġestiti proġetti konġunti, infrastrutturali jew riżorsi ambjentali.

Ir-REKT jikkontribwixxu biex:

Øjikkonsolidaw approċċ strateġiku integrat;

Øjistabbilizzaw l-istrutturi ta’ kooperazzjoni u jiżguraw il-kontinwità tal-azzjonijiet;

Øitejbu t-trasparenza u l-viżibbiltà tal-kooperazzjoni; kif ukoll

Øjiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fi programmi tal-UE.

Sfidi 6

L-isfidi meta jkun qiegħed jinħoloq REKT jirrigwardaw:

ûin-nuqqas ta’ esperjenza u ta’ għarfien tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni fir-rigward tal-passi li għandhom jittieħdu;

ûil-ħtieġa li jintlaħaq ftehim bejn il-membri tar-REKT dwar il-kontenut tal-ħidma jew tal-kompiti preċiżi involuti; kif ukoll

ûid-differenza bejn ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali partikolari, pereż. fejn jidħol l-akkwist ta’ servizzi u t-tassazzjoni; ir-Regolament REKT jipprovdi għal forma legali Ewropea soġġetta għal regoli nazzjonali ta’ implimentazzjoni, għalhekk għal kull REKT ikunu jridu jinstabu soluzzjonijiet mfassla apposta bbażati fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

Ir-REKT u l-kooperazzjoni territorjali Ewropea

L-objettiv oriġinali tal-istrument REKT kien biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni territorjali Ewropea (KTE) kemm fil-livell tal-programmi kif ukoll tal-proġetti, li minbarra l-implimentazzjoni ta’ proġetti speċifiċi tinkludi l-ipprogrammar f’sens usa’.

Bħalissa, hemm żewġ REKT li fil-fatt jimplimentaw programmi tal-KTE: ir-REKT tal-Grande Région, li huwa l-awtorità ta’ ġestjoni (AĠ) għall-Programm Grande Région; u r-REKT ESPON, li għandu rwol speċifiku, peress li huwa l-uniku benefiċjarju, u bħala tali responsabbli mill-implimentazzjoni, tal-Programm ESPON 2014-2020 7 .

Xi wħud mir-REKT ikunu responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ fondi għal proġetti żgħar f’ċerti programmi speċifiċi tal-KTE: ir-REKT RDV u r-REKT Via Carpatia jimmaniġġjaw il-fond għall-proġetti żgħar 8 fiż-żoni ġeografiċi rispettivi tagħhom taħt il-programm Interreg bejn l-Ungerija u s-Slovakkja. Żewġ REKT huma l-benefiċjarji uniċi ta’ proġetti tal-KTE, u r-REKT GO jimplimenta investiment territorjali integrat (ITI).

Fl-2017, 33 REKT kienu involuti jew bħala sieħeb ewlieni, jew sieħeb f’madwar 83 proġett ta’ KTE. Ir-REKT huma wkoll involuti fi KTE b’modi oħrajn, eż. il-kofinanzjament jew il-faċilitazzjoni ta’ proġetti jew programmi ta’ KTE.

3.    VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT REKT

Is-servizzi tal-Kummissjoni ħadmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vvalutata l-applikazzjoni tar-Regolament REKT emendat. Is-sorsi ewlenin ta’ data kienu r-rapport ta’ monitoraġġ tar-REKT tal-KtR 2017 9 u studju kkummissjonat 10 li jevalwa l-kwistjonijiet u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness għall-att delegat futur dwar l-indikaturi tal-implimentazzjoni tar-REKT.

Ir-riżultat tal-analiżi tad-data miġbura ġie diskuss u maqbul mal-KtR.

3.1.    L-Effettività tar-Regolament REKT

L-analiżi tal-effettività tar-Regolament REKT, kif emendat, tat ħarsa lejn kemm kienet ta’ suċċess l-azzjoni tal-UE fil-kisba tal-objettivi tiegħu 11 . L-objettivi prinċipali tal-emendi kienu:

Øsabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ REKT;

Øsabiex jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet; kif ukoll

Øsabiex jiġi promoss użu aktar estensiv ta’ REKT.

Total ta’ 21 REKT ġodda ġew stabbiliti bejn l-21 ta’ Ġunju 2014 u Diċembru 2017. Dan l-iżvilupp jirrappreżenta żieda sinifikanti ta’ 44 % fl-għadd totali ta’ REKT u juri li nżamm ir-ritmu ta’ REKT stabbiliti ġodda minn żmien l-approvazzjoni inizjali tar-Regolament REKT lil hawn.

L-għadd ta’ membri ta’ REKT wkoll żdied b’aktar minn 30 % minn aktar minn 600 (fil-21 ta’ Ġunju 2014) għal aktar minn 800 sa tmiem l-2017. Is-sħubija ta’ REKT eżistenti fl-2016 u l-2017 kibret b’mod aktar konsiderevoli milli fis-snin preċedenti, li jindika li l-emendi tar-Regolament REKT iffaċilita t-tkabbir ta’ REKT. Il-fatt li r-Regolament REKT iċċara r-regoli f’dan ir-rigward kien ta’ appoġġ għal dan l-iżvilupp.

Mill-inqas 10 REKT kienu involuti fl-għoti ta’ servizzi transfruntiera, jew fi rwol ta’ ġestjoni diretta jew indiretta. Ir-REKT li jeżistu bħalissa għandhom il-ħsieb li jipprovdu, jew li jkunu ta’ kontribut biex jiġu pprovduti firxa usa’ ta’ servizzi fil-futur, eż. sistemi ta’ twissija għad-diżastri naturali u riċiklaġġ tal-iskart b’mod transfruntier 12 . Dan jindika li l-emendi tar-Regolament REKT huma rilevanti.

B’mod ġenerali, ir-REKT isemmu diversi benefiċċji li jiġu bl-użu tal-istrument 13 :

üappoġġ għal strutturi ta’ governanza b’diversi livelli li jsaħħu approċċi transfruntiera, minn isfel għal fuq, li jippermettu livelli intensifikati u/jew livelli ogħla ta’ kooperazzjoni transfruntiera. Ir-Regolament REKT emendat jissimplifika tibdil fis-sħubija ta’ REKT, u b’hekk huwa ta’ appoġġ għal aġġustamenti f’konformità mal-iżvilupp tar-REKT;

üjippermetti li r-reġjuni tal-fruntiera jtejbu l-ippjanar konġunt u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji f’oqsma differenti billi jartikolaw l-interessi konġunti tagħhom u jikkondividu viżjoni għaż-żona tal-fruntiera. Mindu saru l-emendi, dan beda jinkludi provvista aħjar ta’ servizzi;

übħala benefiċjarji uniċi, ir-REKT jkollhom aċċess aktar faċli għall-fondi tal-UE, peress li l-applikazzjoni għal fondi mill-UE permezz tar-REKT tinvolvi anqas sforz amministrattiv għall-membri, speċjalment fil-perjodu programmatiku 2014-2020 tal-Fondi SIE. Il-karattru transfruntier jew transnazzjonali tar-REKT jgħin ukoll biex jiġi kkomunikat valur miżjud tal-UE meta ssir l-applikazzjoni għal fondi mill-UE;

üIl-fatt li REKT ikollhom l-identità legali tal-UE ittejjeb il-viżibilità u l-aċċettazzjoni tagħhom minn awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħra. Dawn jiġu rikonoxxuti bħala intermedjarju li jkunu jistgħu jniedu azzjonijiet ġodda transfruntiera u f’xi każi jeżerċitaw influwenza akbar fuq it-teħid ta’ deċiżjonijiet;

üir-REKT joffru kanal ta’ komunikazzjoni affidabbli u sostenibbli li jiffaċilita diversi forom ta’ kooperazzjoni f’żoni transfruntiera.

L-objettivi li l-istabbiliment ta’ REKT jiġi ffaċilitat, li ċerti dispożizzjonijiet jiġu ċċarati, u li jingħata lok għal użu aktar estensiv tar-REKT, inkisbu b’diversi modi. Ir-REKT huma ta’ appoġġ għall-KTE l-aktar peress li jimplimentaw proġetti u partijiet minn programmi, aktar milli bħala AĠ ta’ programmi tal-KTE. Ir-Regolament REKT ikkontribwixxa għal kjarifika u użu usa’ tal-istrument, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-forniment ta’ servizzi transfruntiera u l-inklużjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE.

Xi studji 14 jikkonfermaw ukoll li ċ-ċarezza tjiebet f’diversi oqsma, bħal ma huma s-sħubija, il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet minn pajjiżi mhux tal-UE u r-relazzjoni bejn il-konvenzjoni ta’ REKT u l-istatuti tiegħu. Il-funzjonament tar-REKT ġie ffaċilitat, hekk kif l-aċċess għall-fondi tal-UE jidher li huwa aktar faċli u ġie ssimplifikati il-mod kif isiru bidliet fil-konvenzjoni (eż. minħabba bidliet fis-sħubija).

Ir-Regolament REKT jinkludi fl-Anness tiegħu dikjarazzjoni interistituzzjonali li fiha l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jwettqu sforzi, fi ħdan l-istituzzjonijiet u mal-Istati Membri, ta’ appoġġ għall-użu tar-REKT. Fil-livell tal-UE, il-pjattaforma tar-REKT tal-KtR ġiet aġġornata u dan tejjeb b’mod konsiderevoli l-aċċess għal informazzjoni marbuta mar-REKT. Il-KtR sar ukoll involut aktar f’attivitajiet ta’ promozzjoni marbuta mar-REKT, inkluż avvenimenti u pubblikazzjonijiet.

Ir-rapport annwali tal-KtR dwar ir-REKT jindika li kien hemm intensifikazzjoni ta’ attivitajiet b’appoġġ għar-REKT fl-Istati Membri. Aktar Stati Membri qegħdin jippromwovu r-REKT, billi jieħdu approċċi dejjem aktar varji 15 . L-effettività ta’ dawn l-attivitajiet hija riflessa fl-applikazzjoni ta’ twessigħ tal-istrument REKT, kemm f’termini ta’ temi indirizzati kif ukoll fiż-żoni ġeografiċi koperti. L-effettività ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni għar-REKT tvarja bil-qawwa, peress li mhux l-Istati Membri kollha huma attivi f’dan ir-rigward. Minkejja l-kisbiet fil-promozzjoni tar-REKT, jidher li għad hemm xi diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-KTE. Dan jindika li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu promossi r-REKT 16 .

3.2.    L-Effiċjenża tar-Regolament REKT

L-effiċjenza tikkunsidra r-relazzjoni bejn ir-riżorsi jew l-inputs użati u t-bidliet jew ir-riżultati ġġenerati 17 .

Fil-każ tar-REKT, sar paragun bejn ir-REKT u strutturi oħra komparabbli skont il-liġi nazzjonali jew internazzjonali, li wassal għall-konklużjoni li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-ispejjeż għall-istabbiliment ta’ REKT huma limitati wisq biex ikunu jistgħu jintużaw bħala indikatur relevanti ta’ effiċjenza.

Aspetti oħra ġew identifikati bħala aktar rilevanti fil-paragun bejn REKT u strutturi stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali jew internazzjonali:

ül-versatilità tar-REKT hija apprezzat ħafna. Meta jiġu stabbiliti, ir-REKT jistgħu jintużaw għal varjetà wiesgħa ta’ għanijiet 18 . Fi ħdan il-kompiti ta’ xi REKT, li spiss ikunu fformulati b’mod wiesa’, l-oqsma ta’ ħidma konkreta jkunu jistgħu jiġu aġġustati faċilment mingħajr ma jkun hemm tibdil fundamentali fl-istrutturi tiegħu; u

üwieħed mill-vantaġġi uniċi u l-aktar importanti tar-REKT huwa li dawn għandhom personalità ġuridika u b’hekk huma intitolati li jwettqu attivitajiet fil-pajjiżi kkonċernati.

3.3.    Ir-Relevanza tar-Regolament REKT

L-indikatur li jolqot ir-rilevanza iqis sa liema punt l-objettivi u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament REKT jikkorrispondu mal-ħtiġijiet ta’ membri prospettivi tar-REKT 19 .

Meta wieħed iħares lejn l-emendi tar-Regolament REKT, li wessgħu l-objettiv tal-ħolqien ta’ REKT u wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom f’dan ir-Regolament, nistgħu nikkonkludu li għadd konsiderevoli ta’ REKT li jeżistu bħalissa jużaw fondi tal-UE apparti dawk tal-KTE li jappoġġjaw l-objettivi tematiċi speċifiċi tagħhom.

Sa mill-bidu tal-perjodu programmatiku 2014-2020, l-involviment tar-REKT fil-KTE ġeneralment kien appoġġat minn rabtiet legali aktar b’saħħithom bejn ir-Regolament REKT u r-regolamenti tal-politika tal-koeżjoni tal-UE 20 u l-involviment kumplessiv tar-REKT fi programmi ta’ kooperazzjoni żdied b’mod konsiderevoli. Kważi nofs ir-REKT issa huma involuti fl-implimentazzjoni ta’ programmi tal-KTE, l-aktar permezz ta’ sħubijiet f’xi proġett wieħed jew ħafna.

L-emenda tar-Regolament REKT madankollu ma wasslitx għat-twaqqif ta’ REKT ġodda biex jaġixxu bħala AĠ ta’ programmi ta’ KTE. Ir-REKT, ukoll, rari ħafna jużaw l-għażla li jaġixxu bħala benefiċjarju uniku ta’ operazzjoni. Raġuni għal dan jista’ jkun li, speċjalment fil-fażijiet bikrin tal-perjodu programmatiku 2014-2020, il-programmi tal-KTE kienu jirrekjedu ammont kbir ta’ kjarifiki 21 u dan seta’ wassal biex jiskoraġġixxi milli jsiru aktar applikazzjonijiet minn benefiċjarji prospettivi uniċi.

Għad hemm ambigwitajiet. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament REKT jiddistingwi bejn il-liġi rigward l-infurzar tal-konvenzjoni (il-punt g), fejn jaġixxu l-organi tar-REKT (il-punt h) u l-attivitajiet tar-REKT (il-punt j). Huwa ċar li l-konvenzjoni se tiddefinixxi l-liġi applikabbli fir-rigward tat-tliet elementi kollha, iżda jibqa’ dubji dwar kemm imissha tkun iddettaljata l-lista tal-liġijiet applikabbli li jkunu “direttament rilevanti għall-attivitajiet tar-REKT” 22 . Il-fehma tal-Kummissjoni hija li l-liġi “direttament relevanti” jenħtieġ li tkun marbuta mill-qrib ma-“kompiti speċifikati”: REKT imwaqqaf biex jiġġestixxi sptar ikollu kompiti aktar speċifiċi minn REKT stabbilit biex jiżviluppa t-territorju tiegħu b’mod wiesa’.

3.4.    Valur miżjud Ewropew

L-indikatur dwar il-valur miżjud Ewropew iqis jekk ir-REKT ikunux twaqqfu minħabba r-Regolament REKT. Il-valur miżjud tal-UE huwa marbut mill-qrib mal-benefiċċji tipiċi identifikati għar-REKT 23 . Il-vantaġġi ta’ REKT meta mqabbla ma’ entitajiet legali simili jagħtu informazzjoni kwalitattiva siewja sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat il-valur miżjud Ewropew tar-REKT:

Skont il-letteratura 24 il-vantaġġi huma:

übħala entitajiet legali, ir-REKT jippermettu li jkunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet aktar rapidi u effiċjenti f’ambjenti transfruntiera fejn ikun hemm bosta awtoritajiet involuti;

üir-REKT jippermettu li jkun hemm koerenza, permanenza u koordinazzjoni, iħeġġu t-tfassil ta’ objettivi komuni u jistabbilizzaw il-kooperazzjoni f’żoni transfruntiera;

üir-REKT jitqiesu bħala indipendenti minn deċiżjonijiet u żviluppi politiċi iżolati li jkunu jistgħu jimblokkaw l-adozzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ miżuri utli għal oqsma ta’ kooperazzjoni li jestendu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali;

üir-REKT jagħtu liż-żoni ta’ kooperazzjoni setgħa ta’ negozjar li tgħinhom biex jiddefendu l-interessi tagħhom; kif ukoll

üir-REKT itaffu l-effetti ta’ separazzjoni tal-fruntieri interni, biex b’hekk ikunu qiegħdin jappoġġjaw il-koeżjoni fl-UE u jtejbu l-viżibilità tal-politiki tal-UE fil-livell lokali.

Il-valur miżjud Ewropew huwa kkonfermat minn ħafna REKT meta jiġu enfasizzati l-benefiċċji li altrimenti ma kinux jitwettqu mingħajr l-istrument tar-REKT.

3.5.    Simplifikazzjoni

Il-grad ta’ simplifikazzjoni huwa vvalutat abbażi ta’ jekk l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi ikunux ġew imnaqqsa u fuq jekk xi intervent ikunx jippermetti azzjoni aktar malajr jew anqas ikkumplikata. Fil-każ tar-REKT, dan huwa partikolarment rilevanti fil-fażi tal-bidu.

L-indikaturi/il-kostatazzjonijiet jindikaw li l-perjodi tal-bidu kienu iqsar. Dan huwa partikolarment il-każ fejn tidħol il-fażi li tkopri ż-żmien meħtieġ, minn meta jiġi ppreżentat l-ewwel abbozz ta’ konvenzjoni tar-REKT, sal-mument li jiġi reġistrat. Jista’ jkun hemm differenzi minħabba t-tip ta’ REKT li jkun qiegħed jiġi stabbilit kif ukoll l-esperjenza fit-twaqqif ta’ REKT.

Skont l-indikaturi, ir-Regolament REKT wassal għal xi simplifikazzjoni. Madankollu, il-ħtieġa li l-leġislazzjoni dwar ir-REKT tiġi ssimplifikata ma tqumx biss, u lanqas biss primarjament, mir-Regolament REKT, iżda spiss mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

L-emenda ċċarat diversi aspetti tar-Regolament REKT, b’mod partikolari l-impjieg ta’ persunal, id-diviżjoni u l-klassifikazzjoni tal-konvenzjoni u l-istatuti ta’ kull REKT, is-sħubija ta’ diversi atturi u l-parteċipazzjoni ta’ membri mhux tal-UE. Il-ħtiġijiet ta’ partijiet involuti (prospettivi) f’xi REKT ġew għalhekk indirizzati f’dawn l-oqsma.

4.    PROPOSTI GĦAL TITJIB 25

Prinċipju kruċjali meta jkunu qegħdin jitqiesu xi emendi ulterjuri huwa li l-istrument tar-REKT jinżamm kemm jista’ jkun stabbli, peress li kull bidla għandha t-tendenza li toħloq xi inċertezza ġdida. Fi ħdan il-qafas preżenti, huwa possibbli li l-użu tar-REKT jiġi ffaċilitat permezz ta’ aktar informazzjoni u ta’ koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni, u promozzjoni akbar fil-kuntest tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE.

Ir-REKT għadu għodda relattivament ġdida u ħafna parteċipanti potenzjali ma għandhom l-ebda esperjenza jew għarfien tiegħu. Bħala konsegwenza, hemm il-ħtieġa ta' aktar informazzjoni, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet legali li jikkonċernaw it-tfassil ta’ REKT u l-iżvilupp tal-istatuti u tal-konvenzjoni tiegħu.

L-istabbiliment ta’ REKT normalment se jkun jinvolvi diversi Stati Membri, li jistgħu jimplimentaw r-Regolament REKT b’modi differenti. Ir-rekwiżiti u l-proċeduri standardizzati jistgħu jikkontribwixxu għal ċertezza legali akbar kemm għall-imsieħba tar-REKT kif ukoll għall-awtoritajiet involuti. Għalhekk, il-laqgħat regolari u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jitkomplew u jintużaw biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq.

Il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aħjar hija marbuta wkoll ma’ kuntatti bejn membri potenzjali tar-REKT u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni, u fost dawn tal-aħħar fi Stati Membri differenti. Minbarra l-kwistjonijiet amministrattivi, hemm ukoll il-ħtieġa li jintlaħaq qbil dwar il-kontenut tar-REKT. Dan il-proċess jista’ jiġi megħjun permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn il-korpi tal-approvazzjoni, ir-REKT u l-KtR.

Komunikazzjoni aħjar tal-istrument tar-REKT fil-kuntest ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE tista’ tippromwovi l-użu tiegħu u l-aċċess tiegħu għall-finanzjament tal-UE kif huwa previst fl-Artikolu 3 tal-proposta tal-Kummissjoni COM (2018) 374 26 . Dan ikun partikolarment importanti fil-bidu tal-perjodu programmatiku li jmiss (wara l-2020).

Strumenti ġodda proposti, bħal ECBM proposti 27 , li għandhom l-għan li jiffaċilitaw fuq bażi volontarja, li r-regoli ta’ Stat Membru wieħed jiġu applikati fl-Istat Membru ġar għal xi proġett speċifiku jew xi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, se jkomplu jgħinu l-ħidma tar-REKT, peress li n-natura tagħhom għal kollox istituzzjonali mhix idonea biex jiġu riżolti l-ostakoli legali u amministrattivi 28 . Ir-REKT għandhom il-potenzjali li jindirizzaw kwistjonijiet oħra li ġew indikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE 29 , pereż. l-iffaċilitar tal-aċċessibbiltà transfruntiera jew il-promozzjoni ta’ akbar ġbir flimkien ta’ faċilitajiet għall-kura tas-saħħa, bħall-Isptar Transfruntier ta’ Cerdanya, li huwa REKT.

Ir-REKT ħafna drabi jservu bħala bażi għall-ittestjar biex jingħelbu d-differenzi bejn l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Qasam possibbli ta’ segwitu jista’ jkun l-użu tar-REKT bħala studji tal-każ dwar kif dawn id-differenzi jiġu indirizzati.

5.    KONKLUŻJONIJIET

Ir-Regolament emendat għandu l-intenzjoni li jiffaċilita l-istabbilment u t-tħaddim ta’ REKT, kif ukoll biex jiċċara ċerti dispożizzjonijiet eżistenti. Minbarra li wassal għal żieda sinifikanti ta’ 44 % fl-għadd totali ta’ REKT huwa jtejjeb ukoll l-effiċjenza u l-effettività tar-REKT fil-promozzjoni tal-koperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.

L-analiżi li saret abbażi ta’ indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-effettività, l-effiċjenza u r-rilevanza turi li ntlaħqu l-objettivi li jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta’ REKT, li jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet u li jkun possibbli li jsir użu aktar estensiv tal-istrument REKT.

Ir-Regolament REKT jikkontribwixxi għall-iċċarar u l-użu usa’ tal-istrument tar-REKT, speċjalment fil-każ ta’ għoti ta’ servizzi transfruntiera. Huwa jiċċara wkoll ċerti aspetti, bħal ma huma s-sħubija, il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet minn pajjiżi mhux tal-UE u r-relazzjoni bejn il-konvenzjoni ta’ REKT u l-istatuti tiegħu. Sadanittant, in-numru ta’ membri tar-REKT żdied b’aktar minn 30 % sa mill-bidu tal-perjodu programmatiku 2014-2020, il-ħolqien ta’ REKT b’dimensjoni esterna se jeħtieġu azzjoni speċifika mill-atturi fil-livelli kollha.

B’mod ġenerali, ir-REKT huma ferm aktar involuti fi programmi ta’ kooperazzjoni, iżda ftit biss huma dawk li qed jimplimentaw proġetti tal-KTE bħala benefiċjarji uniċi jew li qegħdin jiġġestixxu (partijiet minn) xi programm.

Il-valur miżjud Ewropew huwa kkonfermat minn ħafna REKT meta jiġu enfasizzati l-benefiċċji li altrimenti ma kinux jitwettqu mingħajr l-istrument REKT.

Ir-Regolament REKT emendat ipprovda grad ta’ simplifikazzjoni. Madankollu, il-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-leġislazzjoni dwar ir-REKT ma tqumx primarjament fil-livell tal-UE, iżda fir-rigward ta’ kundizzjonijiet supplimentari imposti mill-Istati Membri.

L-effettività ta’ attivitajiet li jippromwovu r-REKT tvarja ħafna minn pajjiż għal ieħor. Minkejja l-isforzi addizzjonali ta’ promozzjoni, għadhom meħtieġa aktar sforzi biex tittejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-istrument tar-REKT fil-promozzjoni tal-koperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE.

L-isfidi li ġew identifikati jindikaw li ċ-ċertezza legali tar-REKT u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni jibbenefikawx aktar minn rekwiżiti u proċeduri standardizzati milli minn emendi għar-Regolament REKT. Biex ir-REKT ikunu aktar effettivi u soġġetti għal arranġamenti aktar sempliċi, hemm il-ħtieġa ta’ aktar koordinazzjoni fost l-Istati Membri sabiex titjieb l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament, jingħelbu d-diffikultajiet minħabba d-differenzi li joħorġu minn differenzi fl-implimentazzjoni u jiġu kkoordinati oqfsa legali nazzjonali diverġenti. Promozzjoni aħjar tar-REKT fil-kuntest tal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE — speċjalment il-programmi ta’ KTE — ikunu ta’ appoġġ għall-aċċess tagħhom għal fondi tal-UE.

(1)

   ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19.

(2)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303).

(3)

   Din it-taqsima hija bbażata fuq ir-rapport ta’ monitoraġġ tar-REKT tal-2017, pubblikazzjoni tal-KtR (2018).

(4)

   The participation of entities from outside the EU in the European groupings for territorial cooperation (Il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet minn barra l-UE fir-raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali), KtR (2015).

(5)

   European grouping of territorial cooperation as an instrument for promotion and improvement of territorial cooperation in Europe (Ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali bħala strument għall-promozzjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni territorjali fl-Ewropa), il-Parlament Ewropew (2015).

(6)

   Experience of European groupings of territorial cooperation (EGTC)(L-esperjenza tar-raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali), Moro Praxis (2017).

(7)

   Il-Lussemburgu u Franza jipparteċipaw fir-REKT tal-Grande Région. Il-Lussemburgu u l-Belġju jipparteċipaw fir-REKT ESPION.

(8)

   Il-Fond għal Proġetti Żgħar huwa implimentat taħt żewġ assijiet prijoritarji tal-Programm ta’ Kooperazzjoni Interreg V-A bejn is-Slovakkja u l-Ungerija u jkun irid jikkontribwixxi għall-għanijiet prijoritarji tagħhom. Ir-REKT RDV u r-REKT Via Carpatia huma REKT fuq il-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Slovakkja.

(9)

   EGTC monitoring report 2017, KtR (2018).

(10)

   Assessment of the application of the EGTC Regulation (Valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament REKT), Spatial Foresight (2018). http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/cooperation/european-territorial/egtc/.

(11)

   Minħabba nuqqas ta’ data ta’ referenza, huwa biss il-livell fid-data tal-maturità li huwa rrappurtat għal xi wħud mill-indikaturi relatati mal-effettività, pjuttost milli ż-żieda matul il-perjodu.

(12)

   Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(13)

   Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(14)

   Ara, pereżempju, Krzymuski u Kubicki (2014) u Krzymuski(2017).

(15)

   KtR 2017a. Ir-rapport ta’ monitoraġġ tar-REKT għall-2016 u l-impatti ta’ kriżijiet taż-żona ta’ Schengen fuq il-ħidma tar-REKT.

(16)

   KtR, 2017b. Is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni. Workshop dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE). Rapport finali. Brussell.

(17)

   Il-kostatazzjonijiet prinċipali jipprovdu biss ħarsa kwalitattiva. Ikun hemm bżonn ta’ analiżi fil-fond ma’ gruppi ta’ kontroll biex tkun tista’ tinkiseb data kwantitattiva dwar ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż għal REKT, meta mqabbel ma’ strutturi simili taħt il-liġi nazzjonali jew internazzjonali.

(18)

   Għal aktar informazzjoni, ara KtR(2018).

(19)

   Minħabba nuqqas ta’ data ta’ referenza, huwa biss il-livell fid-data tal-maturità li huwa rrappurtat għall-biċċa l-kbira tal-indikaturi u s-subkategorji tagħhom, pjuttost milli ż-żieda matul il-perjodu.

(20)

   Ara, pereżempju, The European grouping of territorial cooperation as an instrument for promotion and improvement of territorial cooperation in Europe, il-Parlament Ewropew (2015), pp. 31-41.

(21)

   KtR, 2017b. Is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni. Workshop dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE). Rapport finali. Brussell.

(22)

   Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(23)

   Ma setgħet tinkiseb la data kwantitattiva u lanqas kwalitattiva dwar strutturi u netwerks ta’ kooperazzjoni territorjali stabbiliti unikament permezz tar-REKT. L-indikatur deher wisq diffiċli biex jinftiehem mir-REKT meta kienet qiegħda tinġabar id-data għar-Rapport ta’ Monitoraġġ tal-2017. B’riżultat ta’ dan, il-kostatazzjonijiet huma ristretti għal valutazzjoni kwalitattiva tal-vantaġġi tat-twaqqif ta’ korp legali skont il-liġi tal-UE meta mqabbla ma’ xi korp ieħor nazzjonali jew internazzjonali.

(24)

   Dan li ġej jistrieħ b’mod speċjali fuq it-tweġibiet mir-REKT meta kienet qiegħda tinġabar id-data għar-rapport ta’ monitoraġġ tar-REKT tal-2017, kif ukoll fuq Zillmer u Luer (2017, pp. 15–21).

(25)

   Jintuża input minn Experience of European groupings of territorial cooperation (EGTC), Moro Praxis (2017), The European grouping of territorial cooperation as an instrument for the promotion and improvement of territorial cooperation in Europe, il-Parlament Ewropew (2015) u Assessment of the application of the EGTC Regulation, Spatial Foresight (2018).

(26)

   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern (l-Artikolu 3) – COM(2018) 374 finali,29.5.2018.

(27)

   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier - COM(2018) 373 finali, 29.5.2018.

(28)

   L-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jeskludi li r-REKT jeżerċitaw poteri regolatorji.

(29)

   COM(2017)534 finali, 20.9.2017.

Top