EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0507

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-evalwazzjoni interim tal-implimentazzjoni tal-Programm dwar il-Ġustizzja 2014–2020

COM/2018/507 final

Brussell, 29.6.2018

COM(2018) 507 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-evalwazzjoni interim tal-implimentazzjoni tal-Programm dwar il-Ġustizzja 2014–2020

{SWD(2018) 356 final}
{SWD(2018) 357 final}


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-evalwazzjoni interim tal-implimentazzjoni tal-Programm dwar il-Ġustizzja 2014–2020

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-ħolqien ta’ spazju Ewropew ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja msejjes fuq ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, li fiha n-nies huma liberi li jiċċaqalqu u jistgħu jiddependu fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll ta’ prinċipji komuni (bħan-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja għal kulħadd, l-istat tad-dritt, u sistema ġudizzjarja indipendenti li jaħdmu sew).

Dawn l-għanijiet ambizzjużi, stabbiliti mit-Trattat, ġew riaffermati mill-Kunsill Ewropew fil-Programm ta’ Stokkolma 1 . Il-kisba ta’ Ewropa tad-dritt u l-ġustizzja hija waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-UE u l-Programm dwar il-Ġustizzja 2014–2020 huwa wieħed mill-istrumenti li jikkontribwixxu biex jintlaħaq dan l-objettiv.

Dan ir-rapport jippreżenta r-riżultati ta’ nofs it-terminu li kiseb il-Programm dwar il-Ġustizzja, u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-Programm, kif rikjest mill-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020 2 .

Il-perjodu referenzjarju għall-evalwazzjoni interim huwa l-ewwel nofs tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Programm, mill-2014 sa nofs l-2017. L-evalwazzjoni kopriet il-Programmi ta' Ħidma Annwali għall-2014, għall-2015 u għall-2016. Il-Programm ta' Ħidma Annwali tal-2017, min-naħa l-oħra, ġie analizzat primarjament f’termini tat-tifsila u tal-istruttura tiegħu, iżda mhux f’dak li għandu x’jaqsam mat-twettiq tiegħu.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq il-konstatazzjonijiet tal-evalwazzjoni mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea 3 u sostnuti minn evalwazzjoni esterna 4 .

1.Introduzzjoni u sfond

Il-Programm dwar il-Ġustizzja 2014-2020 ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Dan ir-Regolament jistipula l-objettiv ġenerali tiegħu bħala:

·li jikkontribwixxi biex ikompli jiġi żviluppat Spazju Ewropew ta' ġustizzja, ibbażat fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali

L-objettivi speċifiċi tiegħu huma li:

·tiġi faċilitata u appoġġata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali;

·jiġi appoġġat u promoss it-taħriġ ġudizzjarju tal-professjonisti (bħal imħallfin, prosekuturi, nutara, persunal tal-ħabs, u avukati) dwar strumenti tad-dritt ċivili u kriminali tal-UE, id-drittijiet fundamentali, l-etika ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, inkluż it-taħriġ lingwistiku fit-terminoloġija legali, bil-ħsieb li titrawwem kultura legali u ġudizzjarja komuni;

·jiġi faċilitat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja għal kulħadd, inkluż li jiġu promossi u appoġġati l-vittmi tal-kriminalità kif ukoll id-drittijiet proċedurali tal-persuni ssuspettati u l-imputati fi proċedimenti kriminali;

·jiġu appoġġati inizjattivi fil-qasam tal-politika dwar id-drogi fir-rigward ta' aspetti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u ta' prevenzjoni tal-kriminalità, sa fejn mhumiex koperti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għal sostenn finanzjarju għall-kooperazzjoni bejn il-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-immaniġġar ta' kriżijiet, jew mill-Programm Saħħa għat-Tkabbir 5 .

Dan il-programm huwa implimentat mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ ġestjoni ċentralizzata diretta.

Ġeografikament, il-Programm huwa miftuħ għall-Istati Membri kollha tal-UE (ir-Renju Unit u d-Danimarka ma jeħdux sehem), iżda wkoll għall-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea, pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u pajjiżi li se jaderixxu mal-Unjoni, dment li dawn jikkonkludu ftehim mal-Unjoni li jistipula d-dettalji tas-sehem rispettiv tagħhom fil-programm. L-Albanija ssieħbet fil-Programm fl-2017.

2.Elementi ewlenin u l-implimentazzjoni tal-programm

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament, il-Programm jiffinanzja firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, fosthom attivitajiet analitiċi, tagħlim reċiproku, kooperazzjoni, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni, u attivitajiet u azzjonijiet ta’ taħriġ lill-atturi prinċipali li l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi. Dan il-Programm jappoġġa organizzazzjonijiet li huma attivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, fit-taħriġ ġudizzjarju, fl-aċċess għall-ġustizzja u fil-prevenzjoni tad-drogi madwar l-Ewropa bħal netwerks Ewropej, organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati li normalment ma jkunux orjentati lejn il-qligħ, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri tal-UE, organizzazzjonijiet nongovernattivi; universitajiet u istituzzjonijiet tar-riċerka, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-gruppi fil-mira, intiżi bħala l-gruppi li jistgħu jgawdu, direttament (billi jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-proġetti Ġustizzja) jew indirettament, mill-implimentazzjoni tal-Programm, potenzjalment kull ċittadin tal-UE huwa inkluż, minħabba li l-Programm dwar il-Ġustizzja għandu l-għan li joħloq Spazju Ewropew ta' Ġustizzja li fih iċ-ċittadini kollha jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom u jistgħu jeżerċitawhom.

Kif previst fir-Regolament, il-Programm juża għotjiet għal azzjoni, għotjiet operattivi u azzjonijiet tal-akkwist bħala l-mekkaniżmi ewlenin ta’ finanzjament għall-appoġġ ta’ attivitajiet marbutin mal-objettivi tiegħu.

2.1.L-objettivi speċifiċi tal-Programm

·Objettiv speċifiku 1: Kooperazzjoni ġudizzjarja

Il-Programm jappoġġa attivitajiet li jikkontribwixxu għall-applikazzjoni effettiva u koerenti tal-acquis tal-UE marbut mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali, ukoll billi jibni u/jew itejjeb il-ġbir ta’ data u statistika dwar l-applikazzjoni tal-acquis tal-UE. Attivitajiet iffinanzjati jikkontribwixxu wkoll għall-infurzar tal-istrumenti u d-deċiżjonijet ġudizzjarji tal-UE, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw minn tilwim transfruntier. Il-Programm jiffinanzja wkoll proġetti li għandhom l-għan li jtejbu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-professjonisti biex itejjeb il-kooperazzjoni operattiva u l-fiduċja reċiproka fl-UE. 

·Objettiv speċifiku 2: Taħriġ ġudizzjarju

Il-Programm jappoġġa azzjonijiet li jħeġġu t-tħarriġ ta’ professjonisti tal-ġustizzja dwar id-dritt tal-UE, inkluż taħriġ lingwistiku dwar it-terminoloġija legali, bl-għan li titrawwem kultura legali u ġudizzjarja komuni fl-UE. It-taħriġ ġudizzjarju jista’ jinvolvi komponenti “bażiċi”, bħal ħiliet lingwistiċi u t-terminoloġija, u aspetti iktar speċjalizzati, bħal seminars dwar aspetti speċifiċi tad-dritt ċivili u dak kriminali, it-tagħlim elettroniku u l-iskambji tal-persunal u tal-esperjenzi. L-attivitajiet iffinanzjati fil-biċċa l-kbira jappoġġaw it-tħarriġ tal-membri tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju, iżda wkoll lil prattikanti tal-ġustizzja assoċjati mal-ġudikatura, kif ukoll l-iżvilupp ta’ għodda għal dawk li jipprovdu t-taħriġ.

·Objettiv 3: Aċċess għall-ġustizzja

L-azzjonijiet iffinanzjati f’dan il-qasam għandhom l-għan li jagħtu liċ-ċittadini tal-UE rimedji effettivi fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-UE, partikolarment meta l-proċeduri nazzjonali jkunu wisq diffiċli biex iċ-ċittadini jieħdu r-riedni f’idejhom. B’mod partikolari, il-Programm jippromwovi l-użu ta’ tipi oħrajn ta’ rimedji u nonrimedji żviluppati fl-UE li jistgħu jipprovdu soluzzjoni rapida, effiċjenti u irħas għat-tilwim, kif appoġġati, pereżempju, mill-Portal Ewropew tal-Ġustizzja. Dan għandu wkoll l-għan li jħeġġeġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet jew il-korpi amministrattivi nazzjonali, li hija ta’ importanza partikolari għall-effettività ta’ ċerti drittijiet tal-UE.

·Objettiv 4: Politika dwar id-droga

Fil-qasam tal-politika dwar id-droga, il-Programm dwar il-Ġustizzja jippromwovi inizjattivi li jiffukaw fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-prevenzjoni tal-kriminalità. Il-prijoritajiet ewlenin huma li tiġi promossa l-applikazzjoni prattika ta’ riċerka relatata mad-droga, li jiġu appoġġati organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati ewlenin, li titwessa’ l-firxa ta’ għarfien u li jiġu żviluppati metodi innovattivi biex jiġi indirizzat il-fenomenu ta’ sustanza psikoattiva ġdida.

2.2.Baġit

Il-baġit totali inizjali tal-Programm dwar il-Ġustizzja għall-perjodu 2014–2020 huwa ta’ EUR 377 604 000. L-ogħla rata ta’ impenji ntlaħqet fl-2016 (94,60 %).

Fil-Programmi ta' Ħidma Annwali 2014–2016 ġew ippjanati EUR 143 miljun. Skont is-sorsi disponibbli, il-kontribuzzjoni tal-UE totali mitluba u impenjata għadha ma laħqitx l-ammont ippjanat (ara t-Tabella 1). B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tar-riżorsi allokati għal għotjiet ġew impenjati (b'rata ta’ impenn ta’ kważi 90 %), iżda r-rata ta’ impenn għal attivitajiet ta’ akkwist kienet ferm iktar baxxa, li kienet bejn is-60 % u s-70 %.

Tabella 1: Impenn annwali tal-Programm 2014–2016

Sena

Ammont impenjat (EUR)

2014

36 671 240,16

2015

39 675 719,11

2016

47 535 032,81

Total 2014-2016

123 881 992,08

Sorsi: Rapporti ta’ monitoraġġ annwali (rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Ħidma Annwali (AWP) u data misluta minn Sygma għall-2016)

B’mod partikolari, il-baġit impenjat għall-għotjiet kien maqsum bejn l-objettivi speċifiċi tal-Programm kif muri fil-Figura 1.

Figura 1: Baġit impenjat għal kull tip ta’ intervent skont l-objettiv speċifiku

Sors: Rapporti tal-Monitoraġġ tal-Programmi ta’ Ħidma Annwali għall-2014 u l-2015, bażi tad-data tal-proġetti għall-2016. AG (għotja għal azzjoni), OG (għotja operattiva), PROC (akkwist), JCOO (kooperazzjoni ġudizzjarja), JTRA (taħriġ ġudizzjarju), JACC (aċċess għall-ġustizzja) JDRU (politika dwar id-drogi).

L-objettivi speċifiċi li jikkonċernaw il-“politika dwar id-drogi” u t-“taħriġ ġudizzjarju” huma dawk li huma l-iktar allinjati, f'termini ta’ nfiq impenjat, mal-Programmi ta' Ħidma Annwali korrispondenti u l-objettiv speċifiku rigward it-“Taħriġ ġudizzjarju” wkoll kiseb l-ogħla rata ta’ impenji. Ir-rata ta’ impenji tal-objettiv speċifiku dwar l-aċċess effettiv għall-ġustizzja” għall-bidu kienet relattivament baxxa; madankollu, il-qagħda qed titjieb tul iż-żmien. Fl-aħħar, l-objettiv speċifiku bl-ikbar distakk bejn ir-riżorsi ppjanati u dawk impenjati kien dak tal-“kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali”, minħabba d-dipendenza kbira fuq azzjonijiet ta’ akkwist.

2.3.Applikazzjonijiet riċevuti u proġetti magħżula

Id-data għall-2014 u l-2015, li tirrigwarda kemm l-għotjiet għal azzjoni u l-għotjiet operattivi, turi li d-domanda għall-finanzjament qabżet sew il-provvista għall-inizjattivi fil-qasam tal-objettiv speċifiku tal-politika dwar id-drogi (ara l-Figura 2).

Figura 2: L-għadd ta’ għotjiet għal azzjoni u għotjiet operattivi mogħtija u l-għadd ta’ applikazzjonijiet skont l-objettiv speċifiku u s-sena (2014, 2015 u 2016)

Sors: Rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-AWPs tal-2014 u l-2015, analiżi tal-proġetti mogħtija fl-2016 u data tas-Sygma (ma kienx hemm data kompluta disponibbli dwar l-applikanti fl-2016). JCOO (kooperazzjoni ġudizzjarja), JTRA (taħriġ ġudizzjarju), JACC (aċċess għall-ġustizzja) JDRU (politika dwar id-drogi).

Bħala medja, meta titqies ir-rata ta’ għoti għas-sejħiet għal proposti għas-snin 2014 u 2015, ir-rata ta’ għoti fl-objettivi speċifiċi kollha varjat bejn madwar 16 % u madwar 47 %. Madankollu, taħt l-objettivi speċifiċi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tat-taħriġ ġudizzjarju, kważi nofs l-applikazzjonijiet ippreżentati ġew mogħtija.

Fl-2015 ġie osservat tnaqqis żgħir fl-għadd ta’ applikazzjonijiet irċevuti (u għaldaqstant dawk mogħtija) għall-objettivi speċifiċi kważi kollha. Barra minn hekk, għas-sejħiet għal proposti tal-2016, kien irreġistrat tnaqqis sinifikanti (kważi 51 %) fl-applikazzjonijiet: b’kollox, 127 applikazzjoni għal għotja għal azzjoni biss ġew irċevuti, b’paragun għal 262 applikazzjoni fis-sejħiet tal-2015. Dan jista’ parzjalment jiġi spjegat bl-implimentazzjoni tal-Portal tal-Parteċipanti li, skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni, mhuwiex adattat għall-applikanti tal-Programm dwar il-Ġustizzja (bħal organizzazzjonijiet tat-taħriġ), minħabba li l-Portal fil-bidu kien imfassal għal istituzzjonijiet tar-riċerka u għotjiet kbar 6 .Minkejja dan it-tnaqqis fl-applikazzjonijiet, l-għadd ta’ proġetti aġġudikati baqa’ ġeneralment stabbli fost l-erba’ objettivi speċifiċi u saħansitra żdied sew fil-każ tal-proġetti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Dan it-tnaqqis wassal ukoll għal żieda fir-rata ta’ aġġudikazzjoni 7 .

2.4.Il-kisbiet ewlenin tal-Programm

L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ indikaturi għall-Programm dwar il-Ġustizzja attwali uriet li kienet adegwata biex jitkejlu l-kisbiet tal-Programm.

L-indikatur relatat mat-“Taħriġ ġudizzjarju” jitkejjel permezz tal-għadd u l-perċentwal tal-membri tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju li ħa sehem fl-attivitajiet ta’ taħriġ, skambji tal-persunal, żjarat ta’ studju, workshops, u seminars finanzjati mill-programm. L-indikaturi relatati mal-“Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali” jiffukaw fuq l-applikazzjoni simplifikata tal-istrumenti fid-dritt kriminali fil-livell Ewropew (ħin medju tal-proċedura ta’ konsenja taħt il-Mandat ta' Arrest Ewropew) u l-użu ta’ sistemi tal-IT (għadd ta’ skambji ta’ informazzjoni fis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali 8 ). L-indikaturi relatati mal-“aċċess għall-ġustizzja” ukoll huma ffukati fuq ir-rwol tas-sistemi tal-IT (għadd ta’ hits fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja 9 ), kif ukoll fuq il-kwistjoni tad-drittijiet tal-vittmi (l-għadd ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Vittmi għal kull Stat Membru). Finalment, l-indikaturi tal-“politika dwar id-drogi” jiffukaw fuq l-għadd ta’ sustanzi psikoattivi ġodda riċerkati u l-għadd ta’ nies li jużaw l-opjojdi li qed jiġu kkurati għad-drogi.

Rigward il-kisba tal-objettiv ġenerali tal-Programm (jiġifieri “li jikkontribwixxi biex ikompli jiġi żviluppat Spazju Ewropew ta' Ġustizzja, ibbażat fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali”), l-indikatur ewlieni (jiġifieri l-perċentwal ta’ operaturi fil-qasam tal-ġustizzja mħarrġa, mhux biss permezz ta’ dan il-Programm, dwar id-dritt tal-UE jew id-dritt ta’ Stati Membri oħrajn, inklużi l-ġustizzja ċivili, il-ġustizzja kriminali u d-drittijiet fundamentali) wera progress sinifikanti kostanti lejn l-ilħiq tal-mira tiegħu (ta’ 700 000 operatur fil-qasam tal-ġustizzja mħarreġ sal-2020). Tabilħaqq, l-għadd ta’ operaturi fil-qasam tal-ġustizzja żdied b’mod kostanti bejn l-2013 u l-2016, u l-mira għall-2020 diġà kienet kważi ntlaħqet fl-2017.

Barra minn hekk, l-indikatur ewlieni użat biex jitkejjel il-ksib tal-objettiv speċifiku dwar it-taħriġ ġudizzjarju (jiġfieri l-għadd u l-perċentwal ta’ membri tal-ġudikatura u persunal ġudizzjarju li ħadu sehem f’attivitajiet ta’ taħriġ, skambji ta’ persunal, żjarat ta’ studju, workshops u seminars iffinanzjati mill-Programm) wera progress rilevanti, u l-għan li jitħarrġu 20 000 prattikant (għall-Kummissjoni) sal-2020 kien diġà ntlaħaq fl-2015. F’dan ir-rigward, il-Programm dwar il-Ġustizzja pprovda l-ikbar kontribuzzjoni biex jintlaħqu l-miri għat-taħriġ stabbiliti għall-2020. L-għadd ta’ persunal ġudizzjarju mħarreġ fis-sena fil-Programm dwar il-Ġustizzja kien madwar 14 000 fl-2016 (għad m’hemmx data disponibbli dwar l-2017).

Dawn il-kisbiet kollha jirriflettu l-prijorità li l-Programm jagħti għat-taħriġ ġudizzjarju.

Rigward l-objettivi speċifiċi tal-Programm, b’mod ġenerali, l-indikaturi jirriflettu adegwatament il-prijoritajiet għal kull objettiv speċifiku u jistgħu jitkejlu fir-rigward tal-linja bażi tagħhom. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni li saret uriet li sar progress minn bosta lati, minħabba li għadd ta’ miri dalwaqt se jintlaħqu.

Iktar speċifikament, jistgħu jiġu osservati kisbiet importanti rigward l-objettiv speċifiku “kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali”, li fih il-mira għall-2020 (jiġifieri l-għadd ta’ skambji ta’ informazzjoni fis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali), aktarx li se tintlaħaq. Ħaġa oħra li tikkonċerna l-objettiv speċifiku “aċċess għall-ġustizzja”, il-mira għall-2020 (jiġifieri l-għadd ta’ hits fuq il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja u l-għadd ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Vittmi bi preżenza nazzjonali) diġà nqabeż.

Madankollu, xi drabi l-indikaturi magħżula jkunu diffiċli jitkejlu minħabba li, pereżempju, ikunu influwenzati minn fatturi eżoġeni (bħal-livell ta’ inkoporazzjoni tad-direttivi tal-UE fil-livell nazzjonali, prijoritajiet politiċi u emerġenzi nazzjonali differenti, kundizzjonijiet makroekonomiċi, eċċ.) u, għalhekk, huwa diffiċli li tiġi stmata l-kontribuzzjoni eżatta tal-Programm għat-twettiq tagħhom.

Fadal lok għal aktar titjib, ukoll minħabba nuqqas ta’ għodod adegwati (pereżempju m’hemmx stħarriġ dwar is-sodisfazzjon biex ikun jista’ jiskandalja l-perċezzjoni ta’ dawk li ħadu sehem fl-attivitajiet ta’ taħriġ). Barra minn hekk, xi indikaturi, li jikkonċernaw pereżempju l-kopertura ġeografika tal-Programm, ma jaqbdux ċerti dinamiki sottostanti, bħal pereżempju l-fatt li l-Programm, sa issa, kien iddominat minn benefiċjarji minn għadd żgħir ta’ Stati Membri.

2.5.Parteċipanti u sħubijiet

Id-data miġbura fl-evalwazzjoni interim tagħti x’wieħed jifhem li l-Programm irnexxielu jattira iktar sħubijiet transnazzjonali u li dan huwa wieħed mill-vetturi ewlenin li permezz tiegħu l-qasam tal-ġustizzja fl-Ewropa qed jiġi appoġġat.

Skont il-benefiċjarji, is-sħubijiet żviluppati permezz ta’ għotjiet operattivi u għotjiet għal azzjoni bis-saħħa tal-Programm dwar il-Ġustizzja kellhom effetti pożittivi fuq il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, partikolarment fuq il-kapaċità tagħhom li jiżguraw is-sostenibbiltà tar-riżultati u li jimplimentaw il-proġetti. Permezz ta’ għotjiet operattivi, il-Programm prinċipalment jiffinanzja netwerks Ewropej li huma attivi fl-oqsma tal-faċilitazzjoni u tal-appoġġ għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u/jew kriminali u l-aċċess għall-ġustizzja u li ffirmaw Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija mal-Kummissjoni.

Għadd ta’ organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fil-Programm dwar il-Ġustizzja huma wkoll attivi fil-Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza. Għaldaqstant jidher li l-Programm dwar il-Ġustizzja ffaċilita t-tkabbir ta’ netwerks Ewropej dejjiema fil-qasam tal-politika dwar il-ġustizzja u li jeżistu wkoll netwerks strutturati ta’ kollaborazzjoni b’rabta ta’ programmi ta’ finanzjament mill-UE oħrajn.

Madankollu, irriżulta li l-Programm dwar il-Ġustizzja ma involviex lill-Istati Membri kollha bl-istess mod. Tabilħaqq, madwar 25 % tal-benefiċjarji kollha jiġu mill-Italja jew mill-Belġju, u madwar nofs l-organizzazzjonijiet sħab ġejjin minn ħames pajjiżi. Il-50 % li jifdal huma organizzazzjonijiet mill-21 Stat Membru li jifdal. Dan jimplika li hemm distribuzzjoni skwilibrata tar-riżorsi tal-Programm, partikolarment b’rabta ma’ organizzazzjonijiet fi Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

3.X’kiseb il-Programm dwar il-Ġustizzja?

Kif muri mill-evalwazzjoni, il-Programm dwar il-Ġustizzja għandu prestazzjoni ġeneralment tajba f’nofs it-terminu b’relazzjoni mal-objettivi speċifiċi tiegħu, f'termini ta’ effettività, effiċjenza, relevanza, koerenza, komplementarjetà, sinerġiji u l-valur miżjud tal-UE. Hemm bżonn ta’ titjib, b’mod partikolari, rigward l-ugwaljanza tiegħu.

3.1.Effettività 10

L-analiżi tal-indikaturi wriet li sar progress sinifikanti minn bosta lati minħabba li xi miri dalwaqt se jintlaħqu filwaqt li oħrajn diġà ntlaħqu. Għaldaqstant, il-Programm dwar il-Ġustizzja jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-objettiv ġenerali tal-Progrmm permezz tal-progress li sar taħt l-objettivi speċifiċi tiegħu. 

L-indikaturi speċifiċi għall-Programm huma adegwati biex jimmonitorjaw il-progress lejn l-objettivi tal-programm, iżda ġieli jkunu diffiċli jitkejlu jew jeħtieġu xi titjib.

Kollox ma’ kollox, il-Programm dwar il-Ġustizzja 2014–2020 huwa ġeneralment meqjus mill-applikanti, mill-benefiċjarji u mill-partijiet ikkonċernata bħala pass ’il quddiem meta mqabbel mat-tliet programmi li ġew qablu (jiġifieri l-Programm dwar il-Ġustizzja Ċivili, il-Programm dwar il-Ġustizzja Kriminali, u il-Programm ta’ Prevenzjoni tad-Droga u Informazzjoni), kemm f’termini ta’ mmirar aħjar tal-politika u involviment aħjar tal-gruppijiet tal-partijiet ikkonċernati xierqa.

Minħabba l-ambitu wiesa’ tal-objettiv ġenerali tal-Programm, għadd kbir ta’ fatturi esterni influwenzaw l-effettività tiegħu, bħall-kriżi tal-migrazzjoni (li kkonċernat, b’mod partikolari, l-objettiv speċifiku dwar l-“aċċess għall-ġustizzja”) u, b’mod ġenerali, il-pass mhux uniformi li bih l-Istati Membri jittrasponu u jinfurzaw l-acquis tal-UE. Dan, madankollu, ma mminax il-loġika ta' intervent u l-flessibilità operazzjonali tiegħu: il-programmi ta’ ħidma annwali jistgħu jiġu adattati faċilment għal ħtiġijiet emerġenti fil-qasam tal-ġustizzja ( ara iktar taħt “Rilevanza”).

Finalment, meta mqabbel mal-perjodu 2007–2013, is-sostenibbiltà tal-proġetti (bir-riżultati u l-outputs tagħhom) lil hinn minn tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom saret fattur dejjem iktar importanti x’jitqies fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Madankollu, proġetti li jkunu ffukati fuq il-ħolqien ta’ għodod/outputs jista’ jkollhom sitwazzjoni ta’ sostenibbiltà differenti minħabba li f’dan il-każijiet, is-sostenibbiltà tiddependi fuq jekk l-organizzazzjonijiet li implimentaw il-proġetti jistgħux jirċievu biżżejjed riżorsi biex iżommu l-għodda ladarba jintemm il-finanzjament mill-UE.

3.2.Effiċjenza 11

Il-Programm dwar il-Ġustizzja kien kosteffettiv b’relazzjoni mal-azzjonijiet li ffinanzja sa issa. Tabilħaqq, ir-riżultati tal-evalwazzjoni wrew li l-perċezzjoni tal-effiċjenza tal-Programm hija pożittiva. Dan huwa minnu għall-Programm b’mod ġenerali, iżda, b’mod partikolari, għall-objettiv speċifiku dwar it-taħriġ ġudizzjarju.

Kisba ewlenija tal-Programm, meta mqabbel mal-predeċessuri tiegħu, kienet it-tnaqqis fil-piż fuq il-benefiċjarji f’termini ta’ ħin u riżorsi finanzjarji. Madankollu, għad hemm lok għal titjib f’termini li jittaffew ir-rekwiżiti u l-obbligi biex il-Programm isir saħansitra iktar effiċjenti fl-implimentazzjoni tiegħu (ara iktar taħt “Ambitu għal simplifikazzjoni”).

Skont il-benefiċjarji, l-istrumenti attwali (għotjiet għal azzjoni, għotjiet operattivi u attivitajiet ta’ akkwist) huma adegwati għall-ħtiġijiet tal-Programm u, għaldaqstant, l-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament alternattivi u innovattivi mhuwiex meħtieġ. Madankollu, l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tagħhom għandha tkompli tittejjeb, partikolarment fir-rigward ta’ azzjonijiet ta’ akkwist, biex jiġi żgurat li l-finanzjament allokat tabilħaqq jintuża.

3.3.Rilevanza 12

Skont il-benefiċjarji kollha intervistati, il-Programm huwa rilevanti ħafna biex jindirizza l-ħtiġijiet ta’ gruppi fil-mira magħżulin. Tabilħaqq, waħda mill-karatteristiki ewlenin tal-Programm kienet l-abbiltà tiegħu li jadatta u jimmodifika l-prijoritajiet tiegħu fid-dawl ta’ ħtiġijiet emerġenti. Pereżempju, wara sensiela ta’ attakki terroristiċi fl-Ewropa, inħarġu żewġ sejħiet biex tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni tal-priġunieri fil-ħabs. Dan jista’ jinkiseb bis-saħħa tal-istruttura unika tal-Programm dwar il-Ġustizzja, minħabba li l-Programm ġie mfassal b’objettivi speċifiċi wesgħin, minħabba l-fatt li għaqqad fih it-tliet programmi mill-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. L-objettivi ġenerali u speċifiċi ppermettew lill-Kummissjoni tadatta l-Programm għall-ħtiġijiet li qed jevolvu fl-UE, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni ġudizzjarja. Madankollu, l-objettiv speċifiku rigward l-inizjattivi fil-qasam tal-politika dwar id-drogi xi drabi huwa diffiċli li jiġi rikonċiljat ma’ prijoritajiet oħrajn tal-Programm, bħall-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja, minħabba l-politiki preventivi marbutin mad-drogi għandhom tendenza li jkollhom ambitu usa’.

B’mod ġenerali, madankollu, il-ħtiġijiet identifikati meta ġie adottat il-Programm għadhom attwali u rilevanti, b’mod partikolari l-objettiv ġenerali li jkompli jiġi żviluppat l-Ispazju Ewropew ta’ Ġustizzja bbażat fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka.

Fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, għad fadal fejn tiżdied ir-rilevanza tal-Programm permezz ta’ analiżi sistematika għal kull tip ewlieni ta’ parti kkonċernata, kif ukoll għal kull objettiv speċifiku u għall-Istati Membri, sabiex jiġi żgurata li l-prijoritajiet marbutin ma’ kull objettiv speċifiku għal kull sejħa, kif stipulati fil-programmi ta’ ħidma annwali, ikunu konformi mal-ħtiġijiet ewlenin attwali tal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, il-Programm jista’ jinkludi gruppi fil-mira addizzjonali li jkunu rilevanti għall-kisba tal-objettiv ġenerali tiegħu. Dawn il-gruppi jinkludu l-persuna f’aġenziji regolatorji, professjonisti ġudizzjarji żgħażaħ, studenti u professjonisti ġudizzjarji f’pajjiżi kandidati u f’pajjiżi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dan madankollu bħalissa mhuwiex possibbli bil-bażi ġuridika tal-Programm dwar il-Ġustizzja.

3.4.Koerenza, Komplementarjetà, Sinerġiji 13

Il-Programm juri livell tajjeb ta’ koerenza u komplementarjetà mal-istrumenti, mal-programmi u mal-azzjonijiet tal-UE l-oħrajn (pereżempju hemm koerenza kbira ħafna mal-Aġenda Ewropea għall-Ġustizzja 2020 14 ) u r-riskju ta’ duplikazzjonijiet jew inkoerenza huwa baxx ħafna. Partikolarment fil-każ tat-taħriġ ġudizzjarju, il-fużjoni tal-programmi predeċessur żiedet il-koerenza ma’ inizjattivi tal-UE oħrajn u fost objettivi tat-taħriġ differenti, u naqqset il-possibbiltà ta’ duplikazzjonijiet, kemm fl-ambitu kif ukoll fil-finanzjament. Jeżistu koerenza u komplementarjetà b’saħħithom fl-objettiv speċifiku tal-aċċess għall-ġustizzja mal-Programm tat-Telekomunikazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li kkontribwew ukoll għall-iżvilupp għall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u l-e-CODEX.

Bħala eċċezzjoni, għad fadal xi trikkib f'termini ta’ objettivi, gruppi fil-mira u azzjonijiet, bħala konsegwenza naturali tal-objettivi u l-gruppi fil-mira wesgħin koperti mill-Programm, li jmorru mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali (għaldaqstant l-ispettru sħiħ tal-attività ġudizzjarja) sal-politika dwar id-drogi u t-taħriġ ġudizzjarju, kif ukoll minħabba l-fatt li hija mmirata lejn iċ-ċittadini kollha tal-UE.

F’kull każ, għad hemm potenzjal biex jissaħħu s-sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi ta’ finanzjament mill-UE oħrajn. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-qasam tal-politika dwar id-drogi, li fih tista’ tiżdied il-koordinazzjoni mal-Programm Saħħa għat-Tkabbir.

Skont il-partijiet ikkonċernati li ġew intervistati, il-koerenza mal-politiki u inizjattivi nazzjonali b’objettivi simili u/jew li għandhom fil-mira l-istess oqsma huwa għoli. Il-Programm jimla l-lakuni li fadal mill-azzjonijiet nazzjonali, filwaqt li proġetti u inizjattivi nazzjonali eżistenti jikkomplementaw il-Programm, u mhux jikkontradixxuh jew sempliċiment jiddupplikawh. Tabilħaqq, meta kemm il-Programm dwar il-Ġustizzja u l-inizjattivi nazzjonali jkollhom objettivi u gruppi fil-mira li jkunu l-istess (jew simili), dejjem ikun hemm differenzi bejniethom, f'termini ta’ daqs u ambitu ġeografiku (b’ambitu ikbar f’termini ta’ gruppi fil-mira), riżorsi disponibbli u għadd ta’ proġetti ffinanzjati.

Il-Programm dwar il-Ġustizzja huwa wkoll koerenti ma’ obbligi internazzjonali, bħall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU. Tabilħaqq, xi prinċipji ġenerali tal-aġenda tan-NU jistgħu jiġu kollegati mal-objettivi u oqsma fil-mira tal-Programm dwar il-Ġustizzja. Dan huwa l-każ tal-objettiv tan-NU li jiġu żgurati l-paċi u s-sigurtà, li għandhom jinkisbu permezz ta’ soċjetajiet ġusti u inklużivi li jipprovdu aċċess ugwali għal-ġustizzja, stat tad-dritt effettiv, kif ukoll istituzzjonijiet ġudizzjarji trasparenti u effettivi. Dawn l-elementi kollha jistgħu jinsabu bħala partijiet integrali tal-Programm dwar il-Ġustizzja, kemm f’termini ta’ aċċess għall-ġustizzja kif ukoll tat-taħriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, l-UE hija parti mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u taħdem fuq l-azzjoni internazzjonali tagħha marbuta mal-ġustizzja ċivili prinċipalment permezz ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali.

3.5.Valur miżjud tal-UE 15

L-evidenza kollha miġbura tikkonferma l-valur miżjud għoli tal-intervent tal-Programm, li huwa meqjus bħala de facto strumentali għall-kisba tajba u effettiva tal-objettivi fil-qasam tal-ġustizzja.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni juru li dawk li wieġbu għall-istħarriġ jaqblu meta jgħidu li mhux talli l-attivitajiet iffinanzjati ma kinux ikunu possibbli mingħajr l-intervent tal-UE, iżda kkonfermaw ukoll li dawn ir-riżultati ma kinux jinkisbu bl-intervent tal-Istati Membri biss, f’termini tal-ħolqien ta’ sħubijiet, it-twettiq tal-eżiti, il-finanzjament tal-azzjonijiet innovattivi, is-sostenibbiltà tar-riżultati, u, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ daqs u skala transnazzjonali. Tabilħaqq, il-valur miżjud tal-UE tal-Programm dwar il-Ġustizzja huwa evidenti, fuq kollox, fil-promozzjoni ta’ proġetti transnazzjonali b’dimensjoni Ewropea biex jindirizzaw kwistjonijiet transfruntiera u fl-għoti ta’ riżorsi finanzjarji biex jiġu ffinanzjati attivitajiet f’oqsma ewlenin li mhux bilfors għandhom pożizzjoni għolja fuq l-aġenda tal-Istati Membri minħabba nuqqas ta’ rieda politika (skont il-partijiet ikkonċernati, dan huwa partikolarment minnu għall-objettiv speċifiku dwar l-aċċess għall-ġustizzja).

Skont il-benefiċjarji intervistati, il-Programm jista’ jinfluwenza u jallinja, tal-anqas moderatament, l-azzjonijiet nazzjonali fl-oqsma fil-mira.

Il-Programm jagħmilha wkoll possibbli li l-benefiċjarji jaħdmu ma’ sħab fi Stati Membri oħrajn, possibbiltà li żiedet l-għarfien u l-fehim tagħhom tal-kwistjonijiet koperti mill-programm, li wessgħet l-approċċ u l-firxa ta’ ħiliet tagħhom, u tathom aċċess għal eżempji ta’ prattika tajba u għodod żviluppati fi Stati Membri oħra. Kif diġà ġie msemmi qabel, is-sħubijiet huma element ewlieni biex il-Programm dwar il-Ġustizzja jirnexxi u huma preżenti fil-biċċa l-kbira tal-proġetti.

In-nuqqas ta’ finanzjament nazzjonali huwa waħda mir-raġunijiet ewlenin il-għala l-attivitajiet iffinanzjati tal-Programm ma kinux ikunu possibbli permezz tal-azzjoni ta’ Stat Membru waħdu. Dan huwa partikolarment minnu għall-inizjattivi fil-qasam tal-politika dwar id-drogi, li fih spiss l-inizjattivi nazzjonali ikunu neqsin mid-dimensjoni transnazzjonali li f’dan il-qasam tħoll u torbot, u għal taħriġ ġudizzjarju fil-livell tal-UE li s-soltu ma jingħatax fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, il-Programm dwar il-Ġustizzja jiżgura l-preżenza kontinwa ta’ netwerks Ewropej bħan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju.

Il-perċezzjoni tal-importanza tal-Programm tista’ tiġi spjegata wkoll permezz tal-għadd għoli ta’ proġetti li ġew aġġudikati wara biss tliet snin, meta mqabbel mat-tliet programmi predeċessuri 16 u ż-żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet fis-sena rċevuti minn benefiċjarji potenzjali tindika li l-Programm għadu sors ewlieni ta’ finanzjament madwar l-UE.

Barra minn hekk, it-taħriġ ġudizzjarju ngħata iktar prominenza fil-loġika ta' intervent tal-Programm tal-Ġustizzja, meta mqabbel mal-programmi ta’ qablu. Dan huwa pass importanti ’l quddiem għall-valur miżjud tal-UE minħabba li t-taħriġ ġudizzjarju huwa ċentrali biex tinbena l-fiduċja reċiproka, biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-prattikanti ġudizzjarji fl-Istati Membri u biex tiżdied il-koerenza fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni juru li l-kwistjonijiet u l-oqsma inidirizzati mill-Programm dwar il-Ġustizzja jeħtieġu azzjoni u involviment ulterjuri fil-livell tal-UE. Tabilħaqq, it-talba għal azzjoni tal-UE f’dawn l-oqsma u l-fatt li l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-Programm għadhom ogħla mill-għadd ta’ għotjiet aġġudikati juru li hemm interess ċar fil-prijoritajiet li l-Programm jindirizza.

3.6.Ekwità 17

Il-promozzjoni tal-prijoritajiet transversali tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità hija sinifikanti ħafna għall-Programm dwar il-Ġustizzja u hija mnaqqxa fil-bażi ġuridika tagħha. B’mod partikolari, il-prinċipji tal-integrazzjoni tad-drittijiet abbażi tal-ġeneru u tat-tfal huma evalwati tul il-proċess ta’ evalwazzjoni taħt il-kwalità tal-proposti. Il-kwistjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija msemmija speċifikament fil-“parti B” tal-formola ta’ applikazzjoni. Madankollu, l-evalwazzjoni wriet li, f’termini ta’ proġetti żviluppati, il-kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru u l-ugwaljanza mhumiex xi tema prinċipali f’ħafna minnhom. Madankollu, xorta nsibu referenzi għan-nisa u għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’ħames-sitt proġetti, li, minkejja li ma jiffukawx direttament fuq din il-kwistjoni, iqisu dan l-element fl-implimentazzjoni tagħhom.

Il-Programm dwar il-Ġustizzja jappoġġa d-drittijiet tat-tfal kemm fil-fażi tal-programmazzjoni (tfassil tas-sejħiet għal proposti) u permezz tal-attivitajiet tal-proġetti magħżula għall-finanzjament. Ir-rispett tad-drittijiet tat-tfal huwa għaldaqstant imsaħħaħ mill-fatt li l-organizzazzjonijiet li japplikaw għal finanzjament (u kwalunkwe sieħeb tagħhom), li se jaħdmu direttament mat-tfal fl-implimentazzjoni tal-proġett, iridu jagħtu deskrizzjoni tal-politika tal-protezzjoni tat-tfal tagħhom lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, is-sejħiet għal proposti ffinanzjati bis-saħħa tal-Programm dwar il-Ġustizzja fihom temi li huma rilevanti għas-suġġett. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni juru li l-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu jaqblu li jintegraw u jippromwovu ulterjorment id-drittijiet tat-tfal fil-Programm.

Jidher li d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità ma jingħatawx daqstant prijorità meta mqabblin mat-tnejn l-oħrajn. Tabilħaqq, fost il-proġetti ffinanzjati, wieħed biss kien immirat direttament lejn in-nies b’diżabilità, taħt l-objettiv speċifiku “aċċess għall-ġustizzja” 18 . F’termini tal-ħtieġa li jkomplu jiġu promossi d-drittijiet tan-nies b’diżabilità fil-Programm, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati jvarjaw sew, iżda l-kategoriji kollha għandhom tendenza li jaħsbu li hemm tal-anqas ħtieġa “moderata” li jsir hekk.

Biex nifhmu kif il-Programm jippromwovi l-ekwità permezz tal-attivitajiet iffinanzjati, id-data diżaggregata skont il-ġeneri, l-istatus ta’ diżabilità jew l-età, kif jirrekjedi r-Regolament, għandha tinġabar. Dan madankollu għadu ma sarx.

Finalment, kif diġà ġie msemmi, ta’ min li fil-ġejjieni l-Program jipprova jqassam ir-riżorsi tiegħu b’mod iktar ibbilanċjat tul il-gruppi fil-mira ta’ benefiċjarji differenti u l-Istati Membri.

3.7.Ambitu għal simplifikazzjoni 19

L-evalwazzjoni ma identifikatx ambitu ċar għal iktar simplifikazzjonijiet rigward il-modalità ta’ ġestjoni tal-Programm. Il-mod attwali ta’ ġestjoni diretta jidher li huwa adegwat meta jitqies id-daqs tal-Programm.

Madankollu, minkejja t-titjib li sar bil-Programm attwali, kemm l-uffiċjali tal-Kummissjoni kif ukoll il-benefiċjarji li ġew intervistati kienu kritiċi dwar il-proċess ta’ implimentazzjoni, speċifikament dwar il-ġestjoni baġitarja u l-obbligi ta’ rapportar. Fost ir-raġunijiet li ngħataw, il-benefiċjarji indikaw li r-rapportar finanzjarju huwa wisq dettaljat u inflessibbli meta mqabbel ma’ dawk li jiġu applikati fi programmi oħrajn tal-UE (pereżempju Orizzont 2020 u Erasmus+).

Fejn jidħol il-piż amministrattiv, daqs 70 % tal-benefiċjarji u l-applikanti qiesu li dawn li ġejjin kienu għadhom ta’ piż: l-abbozzar tal-proposti, l-għoti tal-informazzjoni amministrattiva u finanzjarja neċessarja biex jieħdu sehem fis-sejħiet u r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rapportar. Ġeneralment, il-benefiċjarji qablu li l-proċeduri ta’ applikazzjoni u rapportar kienu twal u kumplessi, iżda rrikonoxxew li aktarx kienet diffiċli li dawn jiġu ssimplifikati aktar milli huma, ladarba hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-akkontabilità tar-riżorsi finanzjarji Ewropej.

Skont il-benefiċjarji, id-durata tal-proġetti ffinanzjati bil-Programm tista’ tiġi estiża, partikolarment fir-rigward tal-għotjiet għal azzjoni. B’mod partikolari, ġiet meqjusa ideali estensjoni għal tliet snin, minħabba li dan it-tul ta’ żmien jimxi mad-durata medja ta’ sħubijiet xjentifiċi bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, il-benefiċjarji semmew li anke l-għotjiet operattivi jistgħu jiġu estiżi biex ikopru mill-inqas sentejn (minflok waħda) sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, f'termini tal-applikazzjoni u r-rapportar. Madankollu, l-għotjiet operattivi annwali jagħmluha possibbli li l-Kummissjoni jkollha sorveljanza tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet iffinanzjati u jippermettu li jkun hemm iktar flessibbiltà biex il-ħidma tal-benefiċjarji tiġi adattata għall-ħtiġijiet li jkunu qed ifiġġu fl-oqsma ta’ għarfien espert rispettivi tagħhom.

Kwistjoni ewlenija oħra, skont l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, hija d-diffikultà biex jinstabu l-ammonti ta’ kofinanzjament meħtieġa: għaldaqstant, organizzazzjonijiet nongovernattivi żgħar jistgħu jkunu appoġġati iktar permezz tal-Programm tal-Ġustizzja 20 .

Minkejja li għall-bidu t-tnedija tal-Portal għall-Parteċipanti l-ġdid ħoloq xi diffikultajiet, bħalissa l-partijiet ikkonċernati jqisu li s-sottomissjoni tal-proposti permezz tal-Portal għall-Parteċipanti huwa pass ’il quddiem meta mqabbel mas-sistema tal-IT preċedenti, minħabba li l-għadd ta’ dokumenti meħtieġa għall-verifika tal-eliġibbiltà naqas u, għaldaqstant, naqas ukoll il-piż amministrattiv relatat. Barra minn hekk, ladarba jkunu ġew irreġistrati, dawn id-dokument ma jerġgħux ikunu meħtieġa ħlief f’każ ta’ tibdil. Madankollu, minħabba li l-Portal tal-Parteċipanti ġie mfassal bil-ħsieb ta’ istituzzjonijiet ta’ riċerka u għotjiet kbar, fil-forma preżenti tiegħu, il-Portal jidher li mhuwiex adattat tajjeb għall-applikant tipiku għall-Programm dwar il-Ġustizzja. Għaldaqstant, hemm lok għal xi titjib f’dan ir-rigward.

Finalment, ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u indikaturi, kemm fil-livell tal-Programm kif ukoll tal-proġetti, jista’ jiġi ssimplifikati u razzjonalizzat.

4.Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem

Ir-rwol kruċjali li kellu l-Programm dwar il-Ġustizzja fl-iżvilupp ta’ Spazju Ewropew ta' Ġustizzja bbażat fuq rikonoxximent reċiproku u fiduċja reċiproka kien partikolarment importanti fil-bidu tal-Programm innifsu, meta l-effetti tal-kriżi ekonomika kienu għadhom qed jinħassu f’bosta Stati Membri.

Ir-rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Programm dwar il-Ġustizzja 2014–2020 jikkonferma r-rilevanza tal-Programm biex jiġu sostnuti l-valuri tal-UE (bħall-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-effettività tal-ġustizzja) u biex jappoġġa l-Istati Membri biex ikollhom sistemi ta’ ġustizzja iktar effettivi. Sa mill-bidu nett, il-Programm wera l-potenzjal tiegħu biex irawwem il-kisba ta’ għarfien u kompetenzi legali dejjiema fl-Istati Membri.

Jidher li l-istruttura attwali tal-programm hija adegwata u flessibbli biżżejjed biex dan jilħaq l-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu. F'dawn is-snin wera l-valur miżjud tal-UE għoli tiegħu, kemm fl-impatt pożittiv tiegħu fuq il-parteċipanti u l-gruppi fil-mira, kif ukoll fir-rwol komplementari tiegħu għal strumenti ta’ finanzjament u inizjattivi ta’ politika tal-UE oħrajn.

Fil-qafas tat-tħejjija tal-baġit u l-programmi ta’ finanzjament futuri tal-UE, il-Kummissjoni, hi u tibni fuq il-konstatazzjonijiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, se tindirizza l-aspetti kollha li ġew identifikati għat-titjib, partikolarment iż-żieda fl-għadd ta’ riċeventi potenzjali tal-azzjonijiet tal-Programm, ir-reviżjoni tal-indikaturi ta’ monitoraġġ, il-kisba ta’ bilanċ ġeografiku ikbar fost il-benefiċjarji u t-tisħiħ tas-sinerġiji ma programmi ta’ finanzjament u inizjattivi rilevanti oħrajn tal-UE.

(1)

ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020, (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 73).

(3)

Interim evaluation of the Justice Programme 2014-2020, Ernst & Young Financial-Business Advisors, Final Report, April 2018.

(4)

 Commission staff working document accompanying the report on the interim evaluation of the implementation of the Justice programme 2014-2020.

(5)

Għal iktar informazzjoni, żur: https://ec.europa.eu/home-affairs/financing/fundings/security-and-safeguarding-liberties/internal-security-fund-police_en u https://ec.europa.eu/health/funding/programme/2014-2020_en .

(6)

Il- Portal tal-Parteċipanti huwa pjattaforma elettronika użata għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet li jkunu waslu għal sejħiet ippubblikati fil-qafas tal-Programm dwar il-Ġustizzja.

(7)

Biex tara lista tal-proġetti kollha li ġew iffinanzjati bis-saħħa tal-Programm, kif ukoll eżempji ta’ proġetti li rnexxew, żur il-links li ġejjin: http://ec.europa.eu/justice/grants1/closed-calls/index_en.htm (imbagħad agħżel "Results: closed calls" "selected projects" "award decisions" u "summaries") kif ukoll https://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/index.html (imbagħad agħżel "Justice Programme"). Barra minn hekk, ara l-Anness 4 tar-rapport interim (ibid.) biex tara erba’ studji tal-każ konnessi ma’ kull objettiv speċifiku tal-Programm dwar il-Ġustizzja.

(8)

Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali hija bażi ta’ data stabbilita biex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-fedini penali madwar l-UE. Bħalissa l-Istati Membri kollha tal-UE huma mqabbdin ma’ din is-sistema.

(9)

Il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja jagħti informazzjoni dwar is-sistemi tal-ġustizzja u jtejjeb u jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja madwar l-UE, fi 23 lingwa. Iktar informazzjoni f’dan il-link: https://e-justice.europa.eu/home .

(10)

 Effettività: jekk il-Programm dwar il-Ġustizzja kisibx l-objettiv ewlieni tiegħu u sa liema punt, kif ukoll l-erba’ objettivi speċifiċi tiegħu, u liem huma l-fatturi li kkontribwew għal dawn il-kisbiet.

(11)

 Effiċjenza: jekk u sa fejn il-kostijiet tal-programm kinux proporzjonali mal-benefiċċji miksuba u liema parametri/fatturi kellhom sehem f’dawn ir-riżultati.

(12)

 Rilevanza: jekk u sa liema punt il-Programm dwar il-Ġustizzja jindirizzax il-ħtiġijiet u l-problemi tal-gruppi fil-mira identifikati fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-2011 u fil-bażi ġuridika tal-Programm (kif ukoll ta’ ħtiġijiet emerġenti relatati mal-ħolqien ta’ Spazju Ewropew ta' Ġustizzja) u jekk l-objettivi tiegħu għadhomx rilevanti għall-ħtiġijiet u l-problemi tal-benefiċjarji.

(13)

 Koerenza, Komplementarjetà, Sinerġiji: jekk u sa liema punt il-Programm huwiex koerenti ma’ interventi oħrajn fil-livell tal-UE u internazzjonali, bħal mal-programmi predeċessuri tal-UE fil-qasam, mal-attivitajiet appoġġati minn strumenti tal-Unjoni oħrajn u, b’mod ġenerali, mal-prijoritajiet Ewropew fl-oqsma koperti mill-Programm.

(14)

L-objettivi u l-oqsma indirizzati tal-Aġenda Ewropea għall-Ġustizzja għall-2020 huma allinjati sew mal-Programm dwar il-Ġustizzja, partikolarment fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, minkejja li l-Aġenda tagħti prijorità lil oqsma bħat-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità, li huma inqas preżenti fil-Programm dwar il-Ġustizzja.

(15)

 Valur miżjud tal-UE: sa liema punt l-effetti mill-azzjoni tal-UE jżidu mal-valur li kien jirriżulta minn azzjoni fil-livell nazzjonali waħdu.

(16)

Il-Programm dwar il-Ġustizzja Ċivili, il-Programm dwar il-Programm dwar il-Ġustizzja Kriminali u l-Programm ta’ Prevenzjoni tad-Droga u Informazzjoni aġġudikaw 806 programm tul seba’ snin (2007–2013). Il-Programm dwar il-Ġustizzja aġġudika 418 fil-perjodu ta’ tliet snin 2014–2016 waħdu.

(17)

 Ekwità: jekk u sa liema punt il-Programm dwar il-Ġustizzja qassamx ir-riżorsi ġustament fost il-benefiċjarji fi Stati Membri differenti, qiesx il-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira, ippromwoviex l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

(18)

Il-proġett: “Enhancing Procedural Rights of Persons with Intellectual and/or Psychiatric Impairments in Criminal Proceedings: Exploring the Need for Actions”.

(19)

 Ambitu għal simplifikazzjoni: Jekk u sa liema punt il-ġestjoni tal-programm tistax tiġi ssimplifikata aktar.

(20)

Ta’ min wieħed jinnota li l-ammont medju ta’ għotjiet żdied għal-livell attwali wara l-evalwazzjoni ex-post tal-programmi predeċessuri li, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, sabet li d-dilwizzjoni tal-fondi fost ħafna proġetti fuq skala żgħira kellha impatt u dimensjoni tal-UE limitati.

Top