Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0283

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur

COM/2018/283 final

Brussell, 17.5.2018

COM(2018) 283 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur


1.Il-mobbiltà konnessa u awtomatizzata hija opportunità ġdida għall-Ewropa

Il-mobbiltà tinsab f’salib it-toroq. Matul dan l-aħħar seklu, saru ħafna passi sinifikanti ’l quddiem fit-trasport bit-triq. Iżda l-mobbiltà issa qed taqsam fruntiera ġdida – diġitali – b’aktar awtomatizzazzjoni u konnettività li jippermettu li l-vetturi “jitkellmu” ma’ xulxin, mal-infrastruttura tat-triq, kif ukoll mal-utenti l-oħra tat-triq. Dawn l-iżviluppi, li jibbenefikaw mill-progress fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali 1 , jiftħu livell kompletament ġdid ta’ kooperazzjoni bejn l-utenti tat-triq, li potenzjalment jista’ jirriżulta f’benefiċċji enormi għalihom u għas-sistema ta’ mobbiltà kollha kemm hi, inkluż billi t-trasport isir aktar sikur, aktar aċċessibbli u aktar sostenibbli.

Il-vetturi mingħajr sewwieq se jibdlulna ħajjitna, bħalma għamlu qabilhom il-ferroviji tal-istim u l-karozzi bil-magna. Dawn se jittrasformaw il-futur tat-trasport bit-triq u jistgħu jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż tat-trasport. Jistgħu jwittu t-triq għal servizzi ġodda u joffru modi ġodda biex tiġi ssodisfata d-domanda dejjem tiżdied għall-mobbiltà tal-persuni u tal-merkanzija. Ladarba jkunu ġew indirizzati sew il-problemi inizjali attwali – u dan tabilħaqq irid isir –, il-vetturi mingħajr sewwieq jistgħu jtejbu s-sikurezza fit-toroq b’mod sinifikanti, billi huwa stmat li l-iżbalji kkawżati mill-bniedem għandhom sehem f’94 % tal-aċċidenti 2 . Il-vetturi mingħajr sewwieq jistgħu jagħtu aċċess għall-mobbiltà lil dawk li ma jistgħux isuqu huma nfushom (eż. anzjani jew persuni b’diżabbiltà) jew lil dawk li mhumiex moqdija sew mit-trasport pubbliku. Jistgħu jħeġġu skemi ta’ car sharing u ta’ “mobbiltà bħala servizz” 3 (jiġifieri l-bejgħ ta’ vjaġġi, mhux ta’ karozzi). Jistgħu jaċċelleraw ukoll l-elettrifikazzjoni tal-vetturi u l-elettromobbiltà 4 . Fl-aħħar mill-aħħar, il-vetturi mingħajr sewwieq jistgħu jilliberaw l-ispazju moħli f’parkeġġ u jibdlu l-ippjanar urban b’mod radikali.

L-UE hija wieħed mill-akbar esportaturi ta’ teknoloġiji tal-vetturi. In-negozji tagħha mistennija jibbenefikaw mit-tkabbir dinamiku 5 tas-settur. Se jkunu meħtieġa livelli għoljin ta’ investiment u se jinħolqu impjiegi ġodda biex jiġu żviluppati teknoloġiji u servizzi ġodda. L-industrija awtomobilistika tal-UE, bl-għarfien espert tagħha fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-vetturi, tinsab f’pożizzjoni tajba biex taħtaf din l-opportunità 6 . Barra minn hekk, il-vetturi awtomatizzati se jkollhom ukoll effetti sekondarji fuq ħafna setturi oħra fil-katina tal-valur (eż. semikondutturi, teknoloġiji tal-ipproċessar, mapep diġitali), kif ukoll fuq il-mudelli kummerċjali ġodda maħluqa jew iffaċilitati mill-mobbiltà awtonoma (eż. il-kummerċ elettroniku, il-“mobbiltà bħala servizz”).

Madankollu, ma nistgħux nistennew li dawn il-bidliet teknoloġiċi, waħidhom, isolvu l-isfidi tal-konġestjoni, tal-emissjonijiet mit-trasport u tal-fatalitajiet fit-toroq. Irridu nimmaniġġjaw sew il-fażi twila ta’ tranżizzjoni, u niżguraw li l-vetturi tal-ġejjieni jkunu integrati f’sistema ta’ trasport li tiffavorixxi l-inklużjoni soċjali, l-emissjonijiet baxxi u l-effiċjenza ġenerali. Irridu nsaħħu r-rabtiet bejn il-vetturi u l-ġestjoni tat-traffiku, bejn id-dejta li tappartieni għas-settur pubbliku u dik li tappartieni għas-settur privat, bejn it-trasport kollettiv u dak individwali, u bejn il-fornituri u l-mezzi kollha ta’ servizzi tat-trasport.

Studji inizjali jixhdu li l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej juru livell tajjeb ta’ aċċettazzjoni tal-karozzi mingħajr sewwieq, b’58 % minnhom lesti jippruvaw vettura mingħajr sewwieq 7 . Madankollu, kif inhu evidenti mill-aċċidenti l-aktar reċenti fl-Istati Uniti, se jkunu meħtieġa l-ogħla standards tas-sikurezza u tas-sigurtà sabiex il-mobbiltà awtomatizzata tiġi aċċettata mis-soċjetà. Għandhom jiġu indirizzati r-riskji l-ġodda, bħas-sovradipendenza fuq it-teknoloġija u l-użu ħażin minnha. Għandhom jiġu indirizzati mistoqsijiet ġodda, bħal-livell ta’ appoġġ infrastrutturali għall-vetturi mingħajr sewwieq u kif din l-infrastruttura għandha tinteraġixxi mal-vetturi. Iridu jiġu indirizzati wkoll kwistjonijiet ta’ etika relatati mat-trasferiment tar-responsabbiltà għas-sewqan fuq il-vetturi. Dan jinkludi l-aspettattivi tagħna rigward kif vettura għandha tirreaġixxi meta ma jkunx jista’ jiġi evitat aċċident, u l-kriterji li jintużaw biex tittieħed deċiżjoni mill-vettura. B’rabta ma’ dan, jeħtieġ li nistaqsu lilna nfusna min għandu jkun responsabbli meta vettura mingħajr sewwieq tkun involuta f’aċċident.

Huwa essenzjali wkoll li jinstab bilanċ tajjeb bejn il-kondiviżjoni ta’ dejta pubblika u privata, l-iffaċilitar ta’ kompetizzjoni ġusta u effettiva għal soluzzjonijiet innovattivi, u l-protezzjoni tad-dejta. Hekk kif qed nikkondividu dejjem aktar dejta u l-għadd ta’ atturi involuti qed jiżdied, jeħtieġ li niżguraw li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva fil-fażijiet kollha tal-mobbiltà awtonoma, inkluż billi twassal dawn is-servizzi aħħarija liċ-ċittadini u lin-negozji tagħna. Fl-aħħar nett, irid jiġi indirizzat l-effett ta’ tfixkil tal-mobbiltà awtonoma fuq is-suq tax-xogħol, b’mod partikolari l-ħtieġa għat-taħriġ u l-aġġornament tal-ħiliet (eż. inizjalment, is-sewwieqa professjonali jiksbu l-libertà li jwettqu kompiti addizzjonali, iżda fit-terminu twil jistgħu ma jibqgħux ikunu meħtieġa fil-vetturi).

Dment li jkun stabbilit il-qafas regolatorju u ta’ abilitazzjoni biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet kollha, l-ewwel vetturi li jsuqu lilhom infushom taħt kundizzjonijiet speċifiċi tas-sewqan jistgħu jkunu disponibbli fuq bażi kummerċjali sal-2020, u jistgħu jsiru komuni sal-2030.

Fi kliem ieħor, il-mobbiltà awtonoma tista’ tirriżulta f’benefiċċji kbar, iżda tippreżenta wkoll xi mistoqsijiet serji. Ninsabu f’tiġrija globali biex naħsdu l-benefiċċji u nwieġbu l-mistoqsijiet li jitqajmu, billi din tipprovdi opportunità kbira għat-tkabbir u għall-impjiegi. Is-suq il-ġdid għall-vetturi awtomatizzati u konnessi huwa mistenni jikber b’mod esponenzjali u huma mistennija benefiċċji ekonomiċi kbar, pereżempju dħul li sal-2025 jaqbeż EUR 620 biljun għall-industrija awtomobilistika tal-UE u EUR 180 biljun għas-settur elettroniku tal-UE 8 . Għalhekk, il-mobbiltà awtomatizzata tista’ tappoġġa l-ambizzjoni tal-UE għal industrija aktar b’saħħitha u aktar kompetittiva 9 li toħloq aktar impjiegi u tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku.

B’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi approċċ komprensiv tal-UE lejn mobbiltà konnessa u awtomatizzata, fejn tistipula aġenda Ewropea ċara, ambizzjuża u li tħares ’il quddiem. Din l-aġenda tipprovdi viżjoni komuni u tidentifika azzjonijiet ta’ appoġġ għall-iżvilupp u t-tnedija ta’ teknoloġiji, servizzi u infrastruttura ewlenin. Se tiżgura li l-oqfsa legali u ta’ politika tal-UE jkunu lesti biex jappoġġaw il-varar ta’ mobbiltà konnessa u awtomatizzata sikura, u fl-istess waqt jindirizzaw it-tħassib tas-soċjetà u dawk ambjentali, li se jkun element deċiżiv fl-aċċettazzjoni mill-pubbliku.

2.Il-viżjoni tal-UE ta’ mobbiltà konnessa u awtomatizzata

L-ambizzjoni hija li l-Ewropa ssir mexxej dinji fl-implimentazzjoni ta’ mobbiltà konnessa u awtomatizzata, u li ssir bidla sinifikanti fil-politika tal-Ewropa rigward it-tnaqqis tal-fatalitajiet fit-toroq, it-tnaqqis ta’ emissjonijiet dannużi mit-trasport, u t-tnaqqis tal-konġestjoni. L-implimentazzjoni tal-mobbiltà awtonoma – meta tkun integrata kompletament fis-sistema ta’ trasport, u tkun akkumpanjata mill-miżuri t-tajbin ta’ appoġġ u sinerġiji bejn il-mobbiltà awtonoma u l-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni – hija mistennija tikkontribwixxi sinifikattivament għall-ilħuq ta’ dawn l-objettivi ewlenin għas-soċjetà. Fl-aħħar mill-aħħar, dan mistenni jwassal għall-hekk imsejħa Viżjoni Żero, jiġifieri ebda fatalità fit-toroq Ewropej sal-2050 10 . Biex din l-ambizzjoni għall-Ewropa ssir realtà, se jkun meħtieġ li l-UE, l-atturi fis-settur privat, l-Istati Membri, u l-awtoritajiet reġjonali u lokali jaħdmu flimkien fuq viżjoni komuni ta’ mobbiltà konnessa u awtomatizzata.

Il-vetturi awtomatizzati għadhom mhumiex lesti biex jaħdmu mingħajr sorveljanza umana. Għadhom jeżistu ħafna sfidi tekniċi li jridu jiġu solvuti biex jiġi żgurat li l-vettura tkun kompletament kapaċi tipperċepixxi l-ambjent ta’ madwarha, tifhmu u tieħu l-azzjoni t-tajba daqslikieku jagħmel sewwieq uman. Il-livelli differenti ta’ awtomatizzazzjoni huma deskritti fil-figura hawn taħt.

Figura: Livelli differenti ta’ awtomatizzazzjoni (sors: is-Soċjetà tal-Inġiniera Awtomobilistiċi-SAE 11 )

Vetturi li jassistu lis-sewwieq huma diġà disponibbli fis-suq tal-UE (livelli 1 u 2), u qed jiġu ttestjati xi vetturi awtomatizzati li jistgħu jsuqu lilhom infushom f’għadd limitat ta’ sitwazzjonijiet ta’ sewqan (livelli 3 u 4), u xi wħud minn dawn tal-aħħar għandhom ikunu disponibbli sal-2020 12 .

Fil-kapaċità tagħha ta’ tfassil tal-politika, il-Kummissjoni tiffavorixxi approċċ progressiv ibbażat fuq l-esperjenza miksuba matul l-ittestjar li jivvalida s-sikurezza tat-teknoloġiji. Dan se jsir permezz ta’ każijiet identifikati ta’ użu awtomatizzat, jiġifieri sitwazzjonijiet ta’ sewqan fejn il-vettura tkun tista’ ssuq b’mod awtonomu.

Il-Kummissjoni identifikat il-każijiet ta’ użu awtomatizzat li huma rilevanti għall-10 snin li ġejjin mill-perspettiva tal-ordni pubbliku (ara l-kaxxa hawn taħt), iżda se tibqa’ tikkunsidra każijiet possibbli oħra ta’ użu li jiġu żviluppati fis-snin li ġejjin.

·Karozzi u trakkijiet tal-passiġġieri li jkunu kapaċi jindirizzaw b’mod awtonomu xi sitwazzjonijiet speċifiċi fuq l-awtostradi (livelli 3 u 4 ta’ awtomatizzazzjoni) huma mistennija jkunu disponibbli sal-2020 (b’mod partikolari sewwieq awtostradali għall-karozzi u t-trakkijiet 13 , konvojs ta’ “platooning” ta’ trakkijiet). Karozzi u trakkijiet li jkunu kapaċi jindirizzaw xi sitwazzjonijiet f’veloċità baxxa jistgħu jiġu introdotti f’xi bliet sal-2020, bħal trakkijiet taż-żibel (li jaħdmu flimkien ma’ impjegati umani) jew parkeġġ b’valè (karozzi li jsuqu lilhom infushom sal-parkeġġ). Il-kapaċitajiet tal-vetturi mbagħad ikomplu jiġu żviluppati biex jissodisfaw sitwazzjonijiet dejjem aktar kumplessi (eż. ħinijiet ta’ operazzjoni jew distanzi itwal mingħajr input mis-sewwieq).

·Vetturi ta’ trasport pubbliku li jkunu kapaċi jlaħħqu ma’ għadd limitat ta’ sitwazzjonijiet ta’ sewqan f’veloċità baxxa (livell 4 ta’ awtomatizzazzjoni) huma mistennija jkunu disponibbli sal-2020 (b’mod partikolari servizz mekkuk urban għal vjaġġi ddedikati, vetturi żgħar għall-konsenji jew għall-mobbiltà). Dawn x’aktarx ikunu għadhom jeħtieġu sorveljanza umana u/jew ikunu joperaw fuq distanza qasira ħafna. Imbagħad, l-għadd ta’ sitwazzjonijiet li dawn il-vetturi jkunu jistgħu jindirizzaw jiżdied biż-żmien (eż. ħinijiet ta’ operazzjoni jew distanzi itwal mingħajr sorveljanza umana u b’veloċità ogħla).

Għalkemm il-vetturi awtomatizzati mhux neċessarjament iridu jkunu konnessi, u l-vetturi konnessi mhux neċessarjament ikunu jeħtieġu l-awtomatizzazzjoni, huwa mistenni li fit-terminu medju l-konnettività tkun fattur importanti li jippermetti l-użu ta’ vetturi awtomatizzati. Għalhekk, il-Kummissjoni se ssegwi approċċ integrat bejn l-awtomatizzazzjoni u l-konnettività fil-vetturi. Meta l-vetturi jsiru dejjem aktar konnessi u awtomatizzati, ikunu jistgħu jikkoordinaw il-manuvri tagħhom billi jużaw appoġġ infrastrutturali attiv, u dan ikun jippermetti ġestjoni tat-traffiku tassew intelliġenti li tirriżulta fi flussi tat-traffiku mingħajr intoppi u aktar sikuri 14 .

Ħafna vetturi huma diġà konnessi b’teknoloġiji ċellulari, u huwa mistenni li l-karozzi l-ġodda kollha jkunu konnessi mal-internet sal-2022 15 . Din il-konnettività tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-traffiku ’l quddiem (eż. aċċidenti, xogħlijiet fit-toroq, kundizzjonijiet ambjentali), iżda se tippermetti wkoll li l-awtoritajiet pubbliċi jiġbru dejta anonima dwar il-flotot fuq skala kbira, bħall-konsum reali medju tal-karburant/tal-enerġija, jew il-kundizzjonijiet tat-traffiku f’ħin reali. Mill-2019, xi serji ta’ vetturi ġodda se jiġu mgħammra wkoll b’tagħmir ta’ komunikazzjoni fuq meded qosra bbażati fuq il-Wi-Fi. Dawn it-teknoloġiji jippermettu servizzi relatati mas-sikurezza li jirrikjedu latenza baxxa ħafna. Se jippermettu wkoll li l-vetturi awtomatizzati jikkoordinaw il-manuvri tagħhom f’sitwazzjonijiet tat-traffiku kumplessi. Mill-2020, it-teknoloġija 5G emerġenti se twessa’ t-taħlita tal-komunikazzjoni b’mod konsiderevoli, u tipprovdi servizzi aktar kumplessi u aħjar.

3.Is-sitwazzjoni attwali

Fil-biċċa l-kbira, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE hija diġà xierqa biex il-vetturi awtomatizzati u konnessi jitqiegħdu fis-suq. Il-leġiżlazzjoni qafas tal-UE għall-approvazzjoni ta’ vetturi, immodernizzata fl-2018 16 , tiżgura suq intern reali għall-vetturi - l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw regoli nazzjonali li jikkontradixxu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-vetturi - u hija prevista proċedura speċjali għal teknoloġiji ġodda. Il-qafas tal-UE għall-approvazzjoni ta’ vetturi jservi ta’ mudell għall-armonizzazzjoni internazzjonali mas-sħab internazzjonali tagħna (eż. il-Ġappun, ir-Russja u ċ-Ċina) 17 . L-Istati Uniti qed jippjanaw li jimplimentaw prinċipji simili wkoll (ara l-kaxxa). Barra minn hekk, kulma jmur ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta qed jiġu rrikonoxxuti dejjem aktar, fil-livell internazzjonali, bħala regoli li jistipulaw fost l-ogħla standards ta’ protezzjoni tad-dejta fid-dinja, u qed isawru r-rivoluzzjoni diġitali f’konformità mal-valuri Ewropej. Iżda wara dan ikollhom jaslu bidliet regolatorji ġodda sabiex jinbena qafas armonizzat u komplut għall-awtomatizzazzjoni li jibqa’ validu fil-futur.

Reġjuni oħra mhux qegħdin joqogħdu b’idhom fuq żaqqhom (eż. l-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina), u diġà qed jadottaw strateġiji għall-vetturi awtomatizzati u jattiraw l-investiment f’dan il-qasam. Biex l-Ewropa tibqa’ kompetittiva u trawwem l-impjieg, se jkun essenzjali li t-teknoloġiji, is-servizzi u l-infrastruttura ewlenin jiġu żviluppati u prodotti fl-Ewropa, kif ukoll li jiġi stabbilit qafas regolatorju. 

Strateġiji fl-Istati Uniti u fl-Asja

L-ittestjar ta’ vetturi awtomatizzati ilu jseħħ għal xi snin f’xi partijiet tal-Istati Uniti, immexxi minn kumpaniji ta’ Silicon Valley. Madankollu, xi stati tal-Istati Uniti diġà pprojbew l-użu ta’ vetturi awtomatizzati fit-toroq. B’riżultat ta’ dan, il-Kungress tal-Istati Uniti qed jiddiskuti abbozz ta’ liġi għal Att dwar is-Sewqan Awtonomu 18 , li se jintroduċi prinċipji simili għal dawk tal-qafas tal-UE għall-approvazzjoni ta’ vetturi, biex jevitaw li stati individwali fl-Istati Uniti jadottaw regoli li jikkontradixxu r-regoli federali tal-Istati Uniti dwar il-vetturi.

Iċ-Ċina, il-Ġappun u Singapore qed iwettqu ttestjar ukoll. Iċ-Ċina diġà adottat pjan biex, sal-2020, tistabbilixxi sistema standard preliminari li tappoġġa s-sewqan awtomatizzat f’livell baxx. Il-Ġappun identifika s-sewqan awtonomu bħala innovazzjoni ewlenija biex tixpruna t-tkabbir ekonomiku tiegħu, u għandu l-għan li jiddimostra karozzi mingħajr sewwieq fit-tħejjija għall-Olimpjadi ta’ Tokyo fl-2020.

Diġà għaddejjin ħafna inizjattivi fl-Istati Membri (eż. il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Iżvezja u n-Netherlands), speċjalment għall-ittestjar fuq skala kbira li huwa appoġġat mill-Kummissjoni wkoll 19 . Madankollu, jeħtieġ li dawn l-inizjattivi jiġu kkoordinati aħjar. Fid-Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam 20 , l-Istati Membri appellaw lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija Ewropea kondiviża għas-sewqan awtomatizzat u konness, biex tirrevedi, u fejn meħtieġ, tadatta l-qafas regolatorju tal-UE, biex tiżviluppa approċċ ikkoordinat lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, u biex timplimenta Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi li jkunu interoperabbli.

Il-Kummissjoni diġà ħadet xi azzjonijiet biex tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ infrastruttura u servizzi ta’ konnettività li jappoġġaw il-vetturi awtomatizzati, bl-adozzjoni ta’ strateġiji għall-ħames ġenerazzjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni (“5G”) 21 , ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi 22 , u tal-istrateġija spazjali 23 . Reċentement, il-Kummissjoni pproponiet ukoll inizjattiva dwar l-intelliġenza artifiċjali 24 li se tappoġġa l-vetturi mingħajr sewwieq.

Il-Kummissjoni ħejjiet il-bażi għal strateġija kondiviża dwar il-mobbiltà awtonoma permezz ta’ proċess estensiv ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati u mal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-grupp ta’ livell għoli GEAR 2030 li, fit-18 ta’ Ottubru 2017, adotta rakkomandazzjonijiet dwar il-vetturi awtomatizzati u konnessi 25 , Dawn ir-rakkomandazzjonijiet komplew jibnu fuq ħidma preċedenti biex jiġu implimentati Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi 26 u biex jitlaqqgħu flimkien l-industrija tat-telekomunikazzjoni u l-industrija awtomobilistika 27 .

4.Insaħħu lill-UE fir-rigward tat-teknoloġiji u l-infrastruttura għall-mobbiltà awtomatizzata

Se jkunu meħtieġa investimenti sinifikanti biex jiġu żviluppati t-teknoloġiji rilevanti, biex jinħoloq l-appoġġ infrastrutturali neċessarju u biex jiġi żgurat li s-soċjetà tilqa’ u taċċetta l-mobbiltà awtomatizzata. Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-investiment se jiġi mis-settur privat, l-UE tipprovdi stimolu sinifikanti għar-riċerka u l-innovazzjoni u għat-tnedija tal-infrastruttura fil-mira.

Biex jiġi mmassimizzat il-benefiċċju tal-investiment pubbliku, il-Kummissjoni se torbot il-miżuri ta’ appoġġ ma’ inizjattivi ta’ politika u regolatorji ewlenin, madwar il-każijiet ta’ użu identifikati hawn fuq.

Diġà qed isiru dimostrazzjonijiet u ttestjar fuq skala kbira fl-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni tappoġġahom permezz ta’ programm ta’ finanzjament għar-riċerka u proġetti ta’ implimentazzjoni, u se tgħin biex l-ittestjar transfruntiera jiġi kkoordinat aħjar 28 . Għall-2014-2020, ġie allokat baġit totali ta’ madwar EUR 300 miljun mill-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020, biex jingħata appoġġ lir-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-vetturi awtomatizzati. Nofs dan il-baġit ġie pprovdut permezz ta’ sejħiet li bdew fl-2016-2017.

Għall-2018-2020 huma ppjanati sejħiet għal proposti biex jiġu appoġġati r-riċerka u l-innovazzjoni relatati mat-trasport bit-triq awtomatizzat, b’baġit totali ta’ EUR 103 miljun. L-enfasi ta’ dawn is-sejħiet hija fuq proġetti pilota ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira, biex jiġu ttestjati sistemi ta’ sewqan awtomatizzati f’livell għoli għall-karozzi tal-passiġġieri, għal operazzjonijiet effiċjenti ta’ trasport tal-merkanzija, u għal servizzi kondiviżi ta’ mobbiltà f’żoni urbani. Prijoritajiet ta’ riċerka oħra jinkludu l-aċċettazzjoni mill-utenti, id-disinn ta’ interfaċċja bniedem-magna sikura, infrastruttura tat-triq li tappoġġa l-awtomatizzazzjoni, u proċeduri ta’ ttestjar u ta’ validazzjoni tal-funzjonijiet ta’ sewqan awtomatizzat. Barra minn hekk, fl-2018 il-Kummissjoni se toffri appoġġ għall-użu ta’ konnettività 5G li tippermetti funzjonijiet ta’ sewqan awtomatizzat f’livell għoli kif ukoll servizzi ta’ mobbiltà ġodda, b’baġit totali ta’ madwar EUR 50 miljun.

B’mod simili, l-appoġġ mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (total ta’ EUR 443 miljun li attiraw investiment totali ta’ EUR 1 173 miljun) għen fid-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq madwar l-UE, u dan jappoġġa l-awtomatizzazzjoni. F’16-il Stat Membru 29 u f’żewġ pajjiżi assoċjati twettqu inizjattivi ta’ implimentazzjoni fuq skala kbira, fuq in-netwerk ta’ trasport trans-Ewropew, għal komunikazzjonijiet interoperabbli bejn il-vetturi u bejn il-vetturi u l-infrastruttura, ibbażati fuq il-Wi-Fi u t-teknoloġiji ċellulari 3G/4G. Biex tippermetti sinerġiji bejn it-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-parti diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kummissjoni biħsiebha tinkludi sejħa kkoordinata għal proġetti fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2018 għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Karozzi awtomatizzati

L3PILOT huwa test fuq skala kbira li nbeda f’Settembru 2017. Huwa uniku minħabba d-daqs tiegħu (finanzjament mill-UE ta’ EUR 36 million) u huwa l-ewwel wieħed fid-dinja li qed jittestja firxa tant komprensiva ta’ funzjonijiet tas-sewqan awtomatizzat għall-karozzi tal-passiġġieri.

L-ekosistema tal-vetturi konnessi

AUTOPILOT huwa proġett pilota fuq skala kbira li nbeda f’Jannar 2017, li qed jiffoka fuq il-vettura awtonoma f’ambjent konness, u li jippermetti l-emerġenza ta’ ekosistemi konnessi appoġġati minn teknoloġiji u pjattaformi miftuħa. 5GCar inbeda f’Ġunju 2017 bħala proġett kbir ta’ riċerka u innovazzjoni li qed jiżviluppa teknoloġiji ta’ konnettività 5G għall-karozzi awtomatizzati, u se jevalwa l-użu eżistenti u futur fuq spettru għal dak l-iskop, kif ukoll jikkontribwixxi għall-isforzi ta’ standardizzazzjoni fil-qasam.

Platooning ta’ trakkijiet

“Platooning” ta’ trakkijiet huwa t-terminu użat biex jiddeskrivi trakkijiet li jużaw il-konnettività u l-awtomatizzazzjoni biex isegwu lil xulxin f’distanzi qosra ħafna, biex jiffrankaw il-karburant u jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2. Il-proġett ENSEMBLE (b’finanzjament mill-UE ta’ EUR 20 miljun) se jibda fis-sajf tal-2018, u se jappoġġa l-istandardizzazzjoni tal-protokolli ta’ komunikazzjoni għall-platooning ta’ diversi marki.

L-Istati Membri u l-partijiet interessati appellaw għal kooperazzjoni transfruntiera aħjar fuq l-ittestjar 30 , kif ukoll għal aktar koordinazzjoni u skambju ta’ tagħlimiet meħuda waqt l-ittestjar fuq suġġetti ta’ interess pubbliku 31 . Bdew xi diskussjonijiet 32 mal-Istati Membri u mal-esperti fl-industrija biex jiġu pprijoritizzati każijiet ta’ użu għall-ittestjar, biex jiġu sfruttati s-sinerġiji possibbli bejn il-każijiet ta’ użu tal-konnettività u l-awtomatizzazzjoni, u biex jiġu ddefiniti metodi komuni għall-ittestjar, l-evalwazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien. Se tkompli l-ħidma biex jiġi żviluppat netwerk ta’ kurituri transfruntiera 5G pan-Ewropej 33 , għall-ittestjar fuq skala kbira u l-implimentazzjoni bikrija ta’ infrastruttura ta’ konnettività avvanzata li tappoġġa l-mobbiltà konnessa u awtomatizzata.

Il-Kummissjoni biħsiebha tkompli tiżviluppa s-servizzi ta’ Galileo u t-teknoloġiji ta’ navigazzjoni relatati għall-mobbiltà awtonoma. Galileo hija assi maġġuri għall-pożizzjonament preċiż u sigur, kif ukoll għall-integrità u l-affidabbiltà tal-mapep diġitali. Fl-2018, se jitnieda studju biex tiġi investigata l-kwistjoni tal-integrità u l-affidabbiltà tal-mapep diġitali. Galileo diġà toffri livelli ta’ preċiżjoni aqwa minn dawk ta’ kostellazzjonijiet oħra u, permezz tal-karatteristiki ta’ awtentikazzjoni futuri tagħha, se tipprovdi sinjali b’livell ta’ fiduċja li m’hawnx aqwa minnu.

L-appoġġ attwali tal-UE jrid jiġi sostnut fit-tul, billi l-UE għadha trid tagħmel xi progress qabel ma timplementa vetturi kompletament awtomatizzati u konnessi u l-infrastruttura relatata. Għalhekk, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi li r-riċerka dwar mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata tibqa’ prijorità fil-programm qafas li jmiss għar-riċerka u l-innovazzjoni.

Jeħtieġ li jiġi aġġornat il-pjan direzzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-mobbiltà awtonoma, inkluż pjan ta’ azzjoni konkret għal azzjonijiet fit-terminu qasir, medju u twil relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan il-pjan direzzjonali se jiġi żviluppat bl-għajnuna ta’ rappreżentanti mill-Istati Membri, bl-input ta’ esperti u partijiet interessati 34 . Il-pjan ikun iservi bħala l-bażi għall-issettjar ta’ prijoritajiet għall-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni f’xi teknoloġiji ewlenin (eż. mapep diġitali, big data, l-internet tal-oġġetti, l-intelliġenza artifiċjali, eċċ.) u f’infrastrutturi ewlenin (prinċipalment Galileo, u l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u tat-toroq), b’potenzjal sinifikanti għal soluzzjonijiet ta’ mobbiltà fil-ġejjieni.

Għalkemm qed isiru ħafna riċerka, innovazzjoni u ttestjar fl-Ewropa, il-Kummissjoni qed tqis modi kif tista’ tiżgura sinerġiji ulterjuri bejn il-programmi ta’ finanzjament tal-UE u dawk nazzjonali, bejn l-appoġġ għal sistemi kooperattivi ta’ konnettività u għall-awtomatizzazzjoni, kif ukoll bejn il-fażi tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-fażi ta’ qabel l-implimentazzjoni.

Illum, taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kummissjoni qed tagħmel disponibbli sa EUR 450 miljun biex tappoġġa d-diġitalizzazzjoni fit-trasport, b’appoġġ għall-awtomatizzazzjoni, kif ukoll:

·tħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-politika reġjonali tal-UE u mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-kofinanzjament ta’ investimenti fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fit-tnedija.

·fl-2018, se taħdem mal-Istati Membri biex tfassal lista ta’ każijiet ta’ użu prijoritarji għat-trasport għall-ittestjar fuq skala kbira, u se tieħu vantaġġ minn sinerġiji possibbli bejn il-konnettività u l-każijiet ta’ użu għall-awtomatizzazzjoni.

·fl-2018, se tistabbilixxi pjattaforma unika madwar l-UE li tiġbor flimkien il-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha, biex jiġi kkoordinat l-ittestjar fit-toroq u ssir ir-rabta mal-attivitajiet ta’ qabel it-tnedija.

·se tkompli tibni fuq ix-xogħol li diġà twettaq billi tistabbilixxi sħubija taħt il-qafas finanzjarju pluriennali Ewropew li jmiss, biex tipprovdi qafas ċar fuq terminu twil għall-ippjanar strateġiku tal-programmi ta’ riċerka u ta’ qabel it-tnedija fir-rigward tal-mobbiltà awtonoma fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

·sal-2019, se toffri s-servizzi inizjali ta’ preċiżjoni għolja ħafna ta’ Galileo mingħajr ħlas, fejn tkun l-ewwel fid-dinja li tkun tista’ toffri servizz ta’ navigazzjoni bħal dan.

·sal-2019, se tħejji linji gwida għall-użu ottimizzat ta’ servizzi avvanzati (jiġifieri preċiżjoni għolja ħafna, robustezza, awtentikazzjoni ta’ pożizzjonijiet) offruti mis-sistemi tal-UE ta’ navigazzjoni bis-satellita, EGNOS/Galileo, u għall-inklużjoni tagħhom fis-sistemi ta’ navigazzjoni tal-vetturi, biex tindirizza kwistjonijiet ta’ responsabbiltà u ta’ sikurezza.

5.L-iżgurar ta’ suq intern għall-użu sikur tal-mobbiltà awtomatizzata

Il-garanzija ta’ suq intern reali tkun element ewlieni biex tiżgura ċ-ċertezza legali, trawwem l-investiment fit-teknoloġiji rilevanti u tipproteġi ċ-ċittadini minn riskji ġodda kkawżati mill-vetturi mingħajr sewwieq.

Nippermettu l-innovazzjoni

Fl-2018, il-qafas tal-UE għall-approvazzjoni ta’ vetturi nbidel mill-qiegħ 35 . L-UE hija l-ewwel reġjun fid-dinja li kkombinat ir-regoli dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi mar-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq. Fuq il-bażi ta’ dan il-qafas il-ġdid, il-Kummissjoni se tibda taħdem fuq l-iżvilupp ta’ approċċ ġdid għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza ta’ vetturi awtomatizzati li jkun inqas speċifiku għad-disinn u aktar adattat għan-natura evolventi ta’ dawn il-vetturi.

Teknoloġiji ġodda u innovattivi għall-awtomatizzazzjoni tal-vetturi diġà jistgħu jiġu vvalidati taħt il-qafas tal-UE għall-approvazzjoni ta’ vetturi 36 . Teknoloġiji mhux previsti mir-regoli tal-UE jistgħu jiġu approvati permezz ta’ eżenzjoni tal-UE mogħtija abbażi ta’ valutazzjoni ad hoc nazzjonali tas-sikurezza. Il-vettura mbagħad tkun tista’ titqiegħed fis-suq tal-UE bħal kwalunkwe vettura approvata oħra tal-UE. Bosta teknoloġiji diġà ġew approvati b’dan il-mod. Madankollu, biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tal-valutazzjonijiet ad hoc nazzjonali tas-sikurezza, huwa importanti li l-Istati Membri jsegwu approċċ komuni.

Il-Kummissjoni:

·se taħdem mal-Istati Membri, fl-2018, fuq linji gwida biex jiġi żgurat approċċ armonizzat għall-valutazzjonijiet ad hoc nazzjonali tas-sikurezza tal-vetturi awtomatizzati.

·se tibda taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati fuq approċċ ġdid għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-vetturi awtomatizzati.

Nagħmlu l-mobbiltà awtomatizzata sikura

L-implimentazzjoni ta’ vetturi awtomatizzati għandha potenzjal sinifikanti biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq, billi l-fattur uman − żbalji, distrazzjoni, ksur tar-regoli tat-traffiku − huwa dak li jikkawża l-biċċa l-kbira mill-aċċidenti. Iżda dan joħloq ukoll sfidi ġodda. Vetturi mingħajr sewwieq ikollhom jikkondividu t-toroq ma’ karozzi mhux awtomatizzati kif ukoll ma’ persuni bil-mixi, ċiklisti u sewwieqa ta’ muturi. Għal din ir-raġuni, l-implimentazzjoni tagħhom tista’ sseħħ biss ladarba tkun garantita sikurezza ġenerali fit-toroq, u mhux biss is-sikurezza tal-utenti tal-vetturi awtomatizzati.

Ir-reviżjoni kompluta tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali għall-vetturi bil-mutur, ippreżentata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, se tipprovdi l-opportunità li jiġu koperti aspetti neqsin fil-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sikurezza tal-vetturi għall-każijiet mistennija ta’ użu tal-awtomatizzazzjoni. Ir-reviżjoni se tippermetti wkoll li l-Kummissjoni tadotta r-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti. Meta tadotta regoli tas-sikurezza ġodda, il-Kummissjoni se ssegwi l-prinċipji gwida għall-interfaċċja bniedem-magna proposti minn GEAR 2030 37 , u se tiżgura li l-kunsiderazzjonijiet relatati mas-sikurezza fit-toroq (traffiku mħallat, interazzjoni ma’ utenti oħra tat-triq) jitqiesu bis-sħiħ. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-armonizzazzjoni teknika internazzjonali tal-vetturi awtomatizzati fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, f’koerenza mar-regoli tal-UE.

Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-regoli tat-traffiku nazzjonali u li tiġi evitata kontradizzjoni mar-regoli tal-UE dwar il-vetturi. Biex tappoġġa dan, il-Kummissjoni tipproponi li tintuża l-identifikazzjoni tal-kompiti mistennija tas-sewwieq u l-vetturi għal-livelli differenti ta’ awtomatizzazzjoni żviluppati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti 38 . Billi attwalment ma hemm ebda leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-regoli tat-traffiku, l-Istati Membri huma mistiedna jappoġġaw il-konverġenza tar-regoli tat-traffiku nazzjonali, b’mod partikolari fil-livell internazzjonali, bi strumenti bħall-Konvenzjoni tal-1949 ta’ Ġinevra u l-Konvenzjoni tal-1968 ta’ Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq 39 . Fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni se tappoġġa din il-konverġenza billi tħeġġeġ il-koordinazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-fora xierqa, eż. grupp ta’ livell għoli dwar is-sikurezza fit-toroq.

Infrastruttura tat-triq sikura u ta’ kwalità tajba se jkollha rwol ewlieni fl-appoġġ tal-vetturi awtomatizzati. Pereżempju, il-kwalità tal-marki u tas-sinjali tista’ tinfluwenza l-prestazzjoni tal-vetturi awtomatizzati. Huwa daqstant ieħor vitali li meta l-informazzjoni dwar it-traffiku fit-toroq (eż. limiti tal-veloċità dinamiċi, regoli tat-traffiku, il-pożizzjoni ta’ vetturi weqfin, eċċ.) tiġi kkomunikata b’mod diġitali, dik l-informazzjoni tinftiehem mill-utenti differenti tat-triq. Dan jimplika li s-sistemi kollha li jipprovdu din l-informazzjoni jkunu interoperabbli. Il-Kummissjoni se tappoġġa d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ din l-informazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tivvaluta l-konsegwenzi tal-awtomatizzazzjoni għal xi leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE li tikkonċerna s-sewwieqa, bħad-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan, id-Direttiva 2003/59/KE dwar it-taħriġ tas-sewwieqa professjonali jew id-Direttiva 2002/15/KE dwar il-ħin tas-sewqan.

Bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali għall-vetturi bil-mutur, il-Kummissjoni issa qed tipproponi karatteristiki tas-sikurezza ġodda għall-vetturi awtomatizzati kif ukoll rekwiżiti fid-Direttiva dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza tal-Infrastruttura tat-Triq, u minbarra dan:

·se tippreżenta, fl-2018, il-prijoritajiet tax-xogħol fl-UE u fin-Nazzjonijiet Uniti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar is-sikurezza tal-vetturi awtomatizzati u konnessi, b’mod partikolari għall-vetturi bl-ogħla livelli ta’ awtomatizzazzjoni.

·se tintensifika l-koordinazzjoni mal-Istati Membri dwar ir-regoli tat-traffiku (eż. il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u ta’ Vjenna) sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu adattati għall-mobbiltà awtomatizzata b’mod armonizzat.

·se tadotta, sa tmiem l-2018, regolament iddelegat taħt id-Direttiva dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti 40 biex tiżgura komunikazzjonijiet siguri u affidabbli bejn il-vetturi u l-infrastruttura, livell tajjeb ta’ protezzjoni tad-dejta f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 41 , u interoperabbiltà tal-messaġġi għal servizzi relatati mas-sikurezza u mal-ġestjoni tat-traffiku.

Nindirizzaw kwistjonijiet ta’ responsabbiltà

Ir-responsabbiltà għall-vetturi bil-mutur hija indirizzata permezz ta’ diversi strumenti fil-livell tal-UE, bħad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur 42 jew id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti 43 , kif ukoll ir-reġimi ta’ responsabbiltà differenti fl-Istati Membri (eż. il-liġi tat-traffiku, il-liġi ċivili, reġimi speċifiċi u stretti ta’ responsabbiltà, u l-implimentazzjoni nazzjonali tad-Direttiva tal-UE dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti).

Il-kawża reali tal-avvenimenti li jirriżultaw fi ħsara jew f’inċident hija deċiżiva għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-vetturi awtomatizzati jiġu mgħammra b’reġistraturi tad-dejta biex ikun ċar min kien qed isuq (is-sistema awtonoma tal-vettura jew is-sewwieq) matul aċċident.

Dwar il-kumpens tal-vittmi, id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur diġà tipprevedi kumpens veloċi għall-vittmi, inkluż fejn tkun involuta vettura awtomatizzata. Skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, l-assiguratur imbagħad ikun jista’ jieħu azzjoni legali kontra manifattur tal-vetturi jekk ikun hemm ħsara/difett tas-sistema ta’ sewqan awtomatizzat. Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm evalwat id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti, u bħala segwitu se toħroġ gwida interpretattiva li tiċċara kunċetti importanti fid-Direttiva, inkluż fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi 44 . Id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur kienet suġġetta għal evalwazzjoni reċenti, li kkonkludiet li ma hija meħtieġa ebda bidla fir-rigward tal-vetturi awtonomi: Ikun jeħtiġilhom assigurazzjoni tar-responsabbiltà ta’ terzi f’konformità mad-Direttiva 45 .

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-ħtieġa għal strumenti addizzjonali tal-UE hekk kif it-teknoloġija tkompli tiżviluppa.

Bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali għall-vetturi bil-mutur, il-Kummissjoni qed tipproponi li tirregola r-reġistraturi tad-dejta għall-vetturi awtomatizzati, biex jiġi ċċarat min kien qed isuq (il-vettura jew is-sewwieq) waqt aċċident.

Inrawmu l-konnettività tal-vetturi għall-awtomatizzazzjoni

Il-kapaċità ta’ komunikazzjoni tal-vetturi se tkun element ewlieni biex il-vetturi awtomatizzati jintegraw fis-sistema ta’ trasport kumplessiva. It-tipi differenti ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni huma komplementari u jevolvu u jitjiebu maż-żmien (pereżempju f’termini ta’ kopertura, veloċità, latenza, sigurtà). Dan jippermetti każijiet ta’ użu aktar u aktar avvanzati għall-vetturi awtomatizzati. Għalkemm il-biċċa l-kbira mill-investiment għall-konnettività għandha tiġi mis-settur privat, l-UE tista’ tgħin fil-forniment ta’ approċċi regolatorji li jrawmu l-investimenti meħtieġa fil-vetturi u fl-infrastruttura tal-komunikazzjoni (toroq u telekomunikazzjoni).

Biex ikunu jistgħu jingħataw servizzi relatati mas-sikurezza li jeħtieġu latenza baxxa ħafna, bosta manifatturi ntrabtu li, mill-2019, jgħammru l-vetturi wkoll b’tagħmir ta’ komunikazzjoni għal meded qosra (ibbażat fuq il-Wi-Fi), u l-operaturi tat-toroq diġà bdew jimplimentaw minn kmieni infrastruttura ta’ komunikazzjoni ma’ ġenb it-toroq, li tippermetti interazzjoni diretta bejn il-vetturi jew bejn il-vetturi u l-infrastruttura tat-triq. Mill-2020, huwa mistenni li l-infrastruttura tal-konnettività 5G tkun element importanti fit-tħaddim tal-mobbiltà konnessa u awtomatizzata, kif ukoll issaħħaħ ekosistemi diġitali innovattivi madwar il-karozzi.

Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet bejn il-vetturi, il-Kummissjoni ssegwi approċċ newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi 46 , u ma pproponietx l-implimentazzjoni obbligatorja ta’ teknoloġiji speċifiċi f’dan l-istadju. Madankollu, għal ċerti applikazzjonijiet bħall-platooning (ara wkoll il-kaxxa f’p. 7), hemm ħtieġa espressa għal regolamentazzjoni biex tiġi żgurata l-istandardizzazzjoni tad-dejta tal-protokolli ta’ komunikazzjoni tal-vetturi fost marki differenti, u biex jiġi żgurat rispons xieraq mill-vetturi 47 . Il-platooning huwa każ ċar ta’ użu tal-awtomatizzazzjoni fejn il-komunikazzjoni bejn il-vetturi hija essenzjali. Il-platooning ta’ diversi marki se jiġi appoġġat b’sejħa taħt il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020.

L-użu dejjem jiżdied ta’ tagħmir tar-radju (radar fuq meded qosra, konnettività diretta bejn il-vetturi, konnettività tan-netwerks) se jeħtieġ aktar faxex spettrali tar-radju. Qed jiġu riveduti l-opportunitajiet eżistenti għall-aċċess għall-ispettri, b’mod partikolari biex jiġi żgurat spettru adegwat fil-medda ta’ 5.9 GHz għal funzjonijiet relatati mas-sikurezza u biex tiġi appoġġata firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-koeżistenza ta’ teknoloġiji differenti tar-radju li jużaw il-medda spettrali ta’ 5.9 GHz, filwaqt li tqis il-prinċipji ta’ sikurezza mhux kompromessa, in-newtralità teknoloġika u l-użu effiċjenti tal-ispettru. Studji tekniċi li għadhom għaddejjin u li jinvolvu kemm il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni kif ukoll l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni, jistgħu iwasslu biex fl-2019 tiġi aġġornata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti.

Barra minn hekk, teżisti diskrepanza potenzjali fil-gwida dwar l-użu tal-meded spettrali pijunieri tal-5G, li jintużaw għall-ittestjar fuq skala kbira. Fejn xieraq, il-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju u/jew il-Kumitat tal-Valutazzjoni tal-Konformità u s-Sorveljanza tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet se jiddiskutu aġġustamenti regolatorji u operazzjonali, biex jiġi żgurat użu effiċjenti mill-ispettru.

Bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali għall-vetturi bil-mutur, il-Kummissjoni qed tipproponi li tirregola l-platooning biex tiżgura l-istandardizzazzjoni tal-iskambju tad-dejta bejn marka u oħra. Il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni se tkompli tibni fuq ir-riżultati tas-sejħa għall-platooning (2018-2020) fil-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont 2020, u tikkomplementa r-Regolament iddelegat dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi.

Niżguraw iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-dejta u l-aċċess għad-dejta

Il-konnettività tal-vetturi u l-integrazzjoni fis-sistemi ta’ eluf ta’ komponenti li joriġinaw minn sorsi differenti jġibu magħhom theddid ġdid ta’ attakki ċibernetiċi, bħat-teħid ta’ kontroll tal-vettura mill-bogħod. Attwalment ma hemm ebda approċċ speċifiku għas-settur dwar il-protezzjoni tal-vettura kontra attakki ċibernetiċi. Minn naħa l-oħra, rigward il-protezzjoni tad-dejta, ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali japplikaw għal kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali, inkluż dak li jinġabar mill-vetturi 48 .

F’dawn l-aħħar xhur, sar xogħol konsiderevoli fuq iċ-ċibersigurtà. Fit-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat pakkett għaċ-ċibersigurtà li jinkludi proposta għal qafas volontarju ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodotti u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) 49 . Barra minn hekk, fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti ġew żviluppati linji gwida għall-protezzjoni tal-vetturi kontra l-attakki ċibernetiċi, u l-Kummissjoni biħsiebha timplimenta dawn il-linji gwida fir-regoli tal-UE dwar il-vetturi. Fl-aħħar nett, kif tħabbar fl-Istrateġija Ewropea dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi, il-Kummissjoni ppubblikat gwida 50 dwar il-politika taċ-ċertifikati u ta’ sikurezza meħtieġa għal komunikazzjoni affidabbli bejn il-vetturi u l-infrastruttura, għall-finijiet tas-sikurezza fit-toroq, kif ukoll għall-messaġġi relatati mal-ġestjoni tat-traffiku.

Il-vetturi awtomatizzati u konnessi se jiġġeneraw ammont kbir ta’ dejta li tista’ tiġi kondiviża permezz ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni. Din id-dejta għandha potenzjal enormi biex toħloq servizzi u prodotti ġodda u ppersonalizzati, biex iġġib rivoluzzjoni fil-mudelli kummerċjali eżistenti (eż. assistenza mal-ġenb tat-triq, assigurazzjoni ta’ vetturi, tiswija ta’ vetturi, kiri ta’ karozzi, eċċ.), jew inkella twassal biex jiġu żviluppati oħrajn ġodda. Atturi ekonomiċi differenti qed jikkompetu għal din id-dejta. Il-manifatturi tal-vetturi jew il-pjattaformi diġitali għandhom aċċess privileġġat għad-dejta tal-karozzi u r-riżorsi tal-vetturi, bħall-possibbiltà li jipproponu xi servizzi lis-sewwieq direttament, billi jużaw id-daxxbord. Fir-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tat-13 ta’ Marzu 2018 51 dwar “Strateġija Ewropea dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi”, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni biex tippubblika proposta leġiżlattiva li tiżgura kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-aċċess għad-dejta u r-riżorsi tal-vetturi, tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur, u tippromwovi l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta.

Minħabba l-emerġenza ta’ din l-ekonomija l-ġdida, l-approċċ tal-Kummissjoni rigward l-aċċess għad-dejta u r-riżorsi jilħaq bilanċ bejn il-kompetizzjoni ġusta, il-possibbiltà li l-konsumatur ikollu aċċess għal servizzi differenti, is-sikurezza u ċ-ċibersigurtà, f’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali, bħall-kunsens tal-utent għall-kondiviżjoni tad-dejta. Diġà teżisti leġiżlazzjoni tal-UE li b’mod speċifiku tkopri l-aċċess ġust ta’ dawk li jsewwu l-vetturi indipendentement għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni. Reċentement, din il-leġiżlazzjoni ġiet immodernizzata biex tinkludi l-attivitajiet ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni li huma appoġġati minn netwerks bla fili 52 . Għal tipi oħra ta’ dejta, il-Komunikazzjoni “Lejn spazju tad-dejta komuni Ewropew” 53 , ippubblikata fil-25 ta’ April 2018, tipprovdi gwida ulterjuri dwar l-iskambju tad-dejta minn negozju għal negozju u min-negozju għall-gvern, minbarra l-Komunikazzjoni għall-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Dejta 54 dwar il-lokalizzazzjoni tad-dejta u l-prinċipji gwida stabbiliti fir-rapport tal-pjattaforma għas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi 55 . Ir-Regolament propost dwar il-fluss liberu ta’ dejta mhux personali 56 se jelimina r-restrizzjonijiet mhux iġġustifikati fuq il-lokalizzazzjoni tad-dejta, u b’hekk isaħħaħ il-libertà tan-negozji biex jaħżnu jew jipproċessaw id-dejta mhux personali tagħhom kull fejn jixtiequ fl-UE. Madankollu, studju tal-Kummissjoni indika li ċ-ċentralizzazzjoni tad-dejta tal-vetturi fuq hekk imsejħa “servers pjattaforma estiżi għad-dejta tal-vetturi”, li attwalment qed tiġi implimentata minn bosta manifatturi tal-vetturi, tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u mingħajr distorsjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi 57 . Għalhekk, bħala parti minn Rakkomandazzjoni li ġejja (ara l-kaxxa hawn taħt), il-Kummissjoni biħsiebha ttejjeb l-aċċess u l-użu mill-ġdid tal-mobbiltà u tad-dejta tal-vetturi għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni dwar l-aċċess għad-dejta u r-riżorsi fil-vetturi, u se tqis aktar alternattivi għal qafas li jippermetti l-kondiviżjoni tad-dejta tal-vetturi, sabiex ikun hemm kompetizzjoni ġusta fil-forniment ta’ servizzi fis-suq uniku diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

Fl-aħħar nett, billi xi dejta ġġenerata mill-vetturi tista’ tkun ta’ interess pubbliku, il-Kummissjoni se tqis il-ħtieġa li testendi d-dritt tal-awtoritajiet pubbliċi biex ikollhom aċċess għal aktar dejta. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tikkunsidra speċifikazzjonijiet taħt id-Direttiva dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti 58 rigward l-aċċess għad-dejta ġġenerata mill-vetturi, biex din tiġi kondiviża mal-awtorità pubblika għal ġestjoni aħjar tat-traffiku. Il-Kummissjoni se tqis ukoll xi rekwiżiti biex tinġabar informazzjoni fuq skala kbira mid-dinja reali dwar il-konsum tal-karburant / tal-enerġija, b’mod anonimu fil-qafas tal-istandards għall-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju għal vetturi light-duty (karozzi u vannijiet) 59 .

Bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali għall-vetturi bil-mutur, il-Kummissjoni qed tipproponi li tirregola l-protezzjoni tal-vetturi kontra l-attakki ċibernetiċi, kif ukoll:

·se tqis, fl-2018/2019, il-ħtieġa għal speċifikazzjonijiet rigward l-aċċess għad-dejta tal-vetturi għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari l-ġestjoni tat-traffiku (att iddelegat taħt id-Direttiva dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti), u fl-2019/2020 għall-ġbir ta’ informazzjoni anonimizzata fuq skala kbira mid-dinja reali dwar il-konsum tal-karburant / tal-enerġija.

·se timplimenta proġett pilota dwar infrastrutturi u proċessi komuni taċ-ċibersigurtà madwar l-UE kollha, li huma meħtieġa biex ikun hemm komunikazzjoni sigura u affidabbli bejn il-vetturi u l-infrastruttura għall-finijiet tas-sikurezza fit-toroq u l-messaġġi relatati mal-ġestjoni tat-traffiku, skont il-gwida ppubblikata dwar il-politika taċ-ċertifikati u tas-sigurtà.

·se toħroġ, fl-2018, bħala l-ewwel pass, Rakkomandazzjoni dwar l-użu ta’ spettru pijunier għall-ittestjar fuq skala kbira bil-5G, dwar iċ-ċibersigurtà u dwar qafas għall-governanza tad-dejta li jippermetti l-kondiviżjoni tad-dejta, f’konformità mal-inizjattivi tal-Pakkett 2018 dwar id-Dejta, u mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza.

6.L-antiċipazzjoni tal-effetti tal-mobbiltà awtomatizzata fuq is-soċjetà u l-ekonomija

Minħabba li l-vetturi awtomatizzati u mingħajr sewwieq għadhom qed jiġu ttestjati, fil-biċċa l-kbira għadhom mhumiex magħrufa l-effetti fit-tul tal-mobbiltà awtonoma fuq is-sistema ta’ trasport, l-ekonomija, l-ambjent u l-impjiegi eżistenti. Għalkemm f’dan l-istadju huwa diffiċli li tinkiseb stampa kompluta, jeħtieġ li dawn l-effetti fit-tul jiġu indirizzati mill-aktar fis possibbli biex jiġi antiċipat kwalunkwe effett rebound u biex jittieħdu miżuri ta’ taffija. Huwa meħtieġ ukoll li mill-aktar fis possibbli jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ etika biex jiġi żgurat li t-teknoloġiji jiġu żviluppati f’konformità mal-valuri Ewropej.

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar id-diġitalizzazzjoni tat-trasport li ġew adotatti fil-5 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill enfasizza l-importanza ta’ djalogu wiesa’ fis-soċjetà dwar dawn il-kwistjonijiet, u appella lill-Kummissjoni biex “… tivvaluta l-impatt soċjoekonomiku u ambjentali tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fil-qasam tat-trasport filwaqt li tqis il-ħiliet ġodda meħtieġa f’dak is-settur, u, jekk ikun meħtieġ, biex tipproponi miżuri biex jiġu indirizzati dawk l-impatti”.

Il-Kummissjoni biħsiebha tivvaluta dawn il-kwistjonijiet, tiddiskutihom mal-partijiet interessati kollha, inkluż is-sħab soċjali, u possibbilment tqis attività regolatorja fil-livell tal-UE 60 . Huwa essenzjali li jitqies b’attenzjoni t-tħassib tal-utenti futuri ta’ dawn is-sistemi, kif ukoll tal-utenti l-oħra tat-triq.

Hija meħtieġa aktar riċerka biex jiġu antiċipati l-effetti tas-sewqan awtomatizzat u konness fit-terminu twil. Pereżempju, huwa antiċipat li l-mobbiltà awtonoma se tnaqqas l-ispejjeż tat-trasport, tillibera ħin is-sewwieq u trawwem il-car sharing, u b’hekk ittejjeb il-kwalità tal-arja u l-ippjanar urban. Iżda l-ispejjeż tat-trasport aktar baxxi u l-libertà tas-sewwieq minn kompiti ta’ sewqan jistgħu jirriżultaw f’aktar vjaġġi jew fi vjaġġi itwal, f’żieda akbar fit-traffiku totali, u sussegwentement f’żieda fl-emissjonijiet u l-konġestjoni totali. Tħassib ieħor jirrigwarda l-fatt li ftit li xejn huwa magħruf dwar l-interazzjoni bejn il-vetturi awtomatizzati u l-utenti l-oħra tat-triq f’kundizzjonijiet ta’ traffiku mħallat. Il-programm ta’ ħidma 2018-2020 għat-trasport ta’ Orizzont 2020 jinkludi proġetti biex jitwettqu analiżijiet approfonditi dwar l-imġiba tal-utenti u l-aċċettazzjoni mill-pubbliku, u biex jiġu vvalutati l-impatti fuq terminu medju u twil tas-sewqan awtomatizzat u konness.

Il-Kummissjoni diġà wettqet reviżjoni komprensiva tal-istudji eżistenti dwar l-impatti soċjoekonomiċi mistennija tal-vetturi awtomatizzati u konnessi fuq l-ekonomija u l-impjiegi tal-UE. Ir-riżultati ta’ din ir-reviżjoni huma ppubblikati flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni 61 . Bi 23 % tal-produzzjoni globali ta’ vetturi bil-mutur u kważi 72 % tal-merkanzija interna ttrasportata bit-triq fl-Ewropa, il-mobbiltà awtomatizzata hija mistennija tkun ta’ benefiċċju sostanzjali għall-ekonomija Ewropea. Pereżempju, sal-2025, id-dħul għall-industrija awtomobilistika tal-UE jista’ jaqbeż EUR 620 biljun u dak għas-settur elettroniku tal-UE jista’ jaqbeż EUR 180 biljun. L-impatti ekonomiċi mill-mobbiltà awtomatizzata u konnessa se jġibu magħhom benefiċċji li jmorru ferm lil hinn mill-industrija awtomobilistika, iżda jistgħu jolqtu ħażin lil xi setturi bħall-assigurazzjoni, il-manutenzjoni u t-tiswija. L-impatt tal-mobbiltà awtomatizzata se jiddependi ħafna fuq il-kapaċità tal-industrija Ewropea li żżomm il-pass mal-kompetituri internazzjonali (speċjalment mis-settur tal-IT). Aspetti relatati mal-inklużjoni soċjali u l-modi ta’ kif jistgħu jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ utenti vulnerabbli se jkollhom ukoll rwol biex jiġi żgurat li l-benefiċċji jaslu għand is-soċjetà kollha, inkluż min aktarx jinsab maqtugħ mis-servizzi mobbli bħal-lum, fosthom l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal aktar aċċessibbiltà għal żoni remoti, kif ukoll forniment usa’ tas-servizzi ta’ mobbiltà.

Dwar l-impjieg, huwa antiċipat li l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u servizzi ġodda se jeħtieġ ħiliet ġodda u impjiegi mħallsin tajjeb (inġiniera, riċerkaturi), flimkien ma’ impjiegi ta’ ħila medja ġodda biex jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda. Filwaqt li dan kapaċi jnaqqas id-domanda għas-sewwieqa professjonali, jista’ jgħin ukoll biex l-impjiegi tas-sewqan isiru aktar attraenti u biex jiġi rrimedjat in-nuqqas attwali ta’ sewwieqa 62 . Għadu diffiċli biex it-teknoloġija tissostitwixxi s-sewwieqa kompletament fis-sitwazzjonijiet kollha ta’ sewqan. B’hekk aktarx li matul fażi ta’ tranżizzjoni, minflok ma tissostitwixxi lis-sewwieq, il-vettura tkun tippermetti li s-sewwieq iwettaq kompiti oħra, pereżempju l-ippjanar ta’ vjaġġ bil-merkanzija, matul is-sewqan f’kundizzjonijiet limitati (eż. fuq l-awtostrada), bħalma huwa l-każ għall-inġenji tal-ajru. Aktar ma tkun gradwali l-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji, aktar ikun probabbli li l-implikazzjonijiet negattivi fuq l-impjieg jiġu assorbiti mis-sistema ekonomika.

Sabiex tiġi ġġestita din it-trasformazzjoni, il-ħaddiema li l-impjieg tagħhom qiegħed jinbidel jew kapaċi jisparixxi minħabba l-awtomatizzazzjoni jrid ikollhom kull opportunità biex jiksbu l-ħiliet u l-għarfien li jeħtieġu, biex jitgħallmu sew it-teknoloġija l-ġdida, u biex ikollhom appoġġ matul tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Se jkunu essenzjali skemi nazzjonali li jipprovdu l-aġġornament tal-ħiliet u t-taħriġ, b’appoġġ mill-Fond Soċjali Ewropew u minn proġetti ddedikati oħra.

Bis-saħħa tal-istrateġija tagħha għal Suq Uniku Diġitali 63 u tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 64 , il-Kummissjoni qiegħda tagħti prijorità lill-ħiliet diġitali fuq il-livelli kollha, minn dawk bażiċi sa dawk avvanzati. Sabiex twassal soluzzjonijiet ta’ ħiliet speċifiċi skont is-settur, tnieda l-Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet bħala parti mill-Aġenda għall-Ħiliet 65 . Il-pjan ta’ azzjoni huwa qafas għall-kooperazzjoni strateġika bejn partijiet ikkonċernati ewlenin bħan-negozji, it-trade unions, u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, tagħlim u taħriġ, bil-għan li jintgħeleb in-nuqqas ta’ ħiliet u li jkun hemm tħejjija għat-tranżizzjoni diġitali. Għall-ewwel sensiela ta’ sejħiet, intgħażlu ħames setturi pilota, u s-settur awtomobilistiku huwa wieħed minnhom.

Minbarra dan, taħt il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020, tnieda proġett ta’ riċerka msejjaħ “Skilful” (li se jibqa’ għaddej sa Settembru 2019). Skilful jistudja liema professjonijiet fit-trasport x’aktarx li jintemmu u liema huma dawk li x’aktarx jinħolqu fil-mezzi differenti ta’ trasport. Jivvaluta wkoll il-ħtiġijiet futuri għall-ħiliet u t-taħriġ.

Barra minn hekk, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jipprovdi qafas komprensiv ta’ politika biex jgħin fit-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, permezz ta’ aċċess għal servizzi effettivi ta’ impjieg u soċjali, aċċess għat-taħriġ, u appoġġ għall-introjtu xieraq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni adottat proposta biex issaħħaħ l-aċċess għall-protezzjoni soċjali – b’mod partikolari għal min jaħdem għal rasu u għall-ħaddiema atipiċi.

Kwistjonijiet ta’ etika huma daqstant importanti għall-mobbiltà awtomatizzata. Il-vetturi awtomatizzati jridu jkunu sikuri, u jridu jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-libertà tal-għażla personali. Reċentement, il-Kummissjoni stabbiliet l-Alleanza Ewropa għall-Intelliġenza Artifiċjali (IA) 66 , li għandha l-kompitu li tiżviluppa abbozz ta’ linji gwida dwar l-etika għall-intelliġenza artifiċjali, li se jipprovdu approċċ orizzontali dwar kwistjonijiet ta’ etika għal sistemi awtonomi, b’rilevanza wkoll għall-vetturi awtomatizzati. Madankollu, se jkun meħtieġ approċċ settorjali komplementari għall-mobbiltà awtonoma, minħabba l-kwistjonijiet speċifiċi tas-sistema ta’ trasport (eż. is-sikurezza fit-toroq). L-Istati Membri diġà għamlu progress, bl-istabbiliment ta’ task force dwar l-aspetti etiċi tas-sewqan awtomatizzat u konness, biex din tispeċifika dawk il-kwistjonijiet ta’ etika li għandhom jiġu indirizzati b’mod konġunt fil-livell tal-UE 67 . Bħala segwitu għat-task force, il-Kummissjoni se tipprovdi Forum iddedikat, li jaħdem f’kollaborazzjoni mal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda 68 u mal-Alleanza Ewropea għall-IA, biex jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet fil-livell Ewropew.

Il-mobbiltà awtonoma għadha fl-istadji bikrija tagħha. L-impatti fuq it-terminu twil mhumiex ċerti u se jiddependu fuq kemm it-teknoloġija se tiżviluppa malajr u sa fejn se tasal, kif ukoll fuq kif jirreaġixxi s-suq. Se jiddependu wkoll fuq kif l-awtoritajiet pubbliċi jappoġġaw u jidderieġu dan l-iżvilupp biex jiżguraw li l-partijiet kollha tas-soċjetà jibbenefikaw mis-servizzi l-ġodda ta’ mobbiltà. Il-Kummissjoni biħsiebha tkompli timmonitorja u tivvaluta dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll tkompli tikkonsulta mal-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll attività regolatorja fil-livell tal-UE, fejn meħtieġ.

Il-Kummissjoni:

·se timmonitorja u tivvaluta l-impatti tas-sewqan awtomatizzat u konness fuq it-terminu medju u twil, b’mod partikolari fil-Programm ta’ Ħidma ta’ Orizzont 2020 għall-2018-2020 fir-rigward tat-trasport awtomatizzat.

·se tikkonsulta l-partijiet interessati dwar l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-mobbiltà awtonoma.

·se tappoġġa l-akkwiżizzjoni ta’ ħiliet ġodda, iżżomm il-forza tax-xogħol fis-settur u terġa’ tħarriġha f’ħiliet ġodda permezz tal-aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa, kif ukoll tevalwa l-alternattivi biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-awtomatizzazzjoni fis-settur tat-toroq.

·se tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforz tagħhom biex jipprovdu tranżizzjonijiet bla xkiel fis-suq tax-xogħol għall-ħaddiema milqutin, permezz ta’ servizzi ta’ impjieg ta’ kwalità u servizzi soċjali, l-aċċess għat-taħriġ, u l-protezzjoni soċjali skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

·se tipprovdi Forum tal-UE biex jiġu indirizzati kwistjonijiet speċifiċi ta’ etika li jitqajmu mill-mobbiltà awtonoma.

7.Konklużjoni

Il-mobbiltà konnessa u awtomatizzata tinsab f’pożizzjoni li tittrasforma l-mod kif aħna nivvjaġġaw u l-mod kif jintużaw, jinbiegħu u jinxtraw il-vetturi. Din se tiftaħ oqsma ġodda għall-iżvilupp tan-negozju u se twitti t-triq għal servizzi ġodda ta’ mobbiltà. L-istrateġija komprensiva tal-UE għandha l-għan li tfassal il-perkors biex l-UE, l-Istati Membri, l-industrija, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien u jiżguraw li l-UE taħtaf l-opportunitajiet offruti mill-mobbiltà awtonoma, filwaqt li jantiċipaw u jtaffu l-isfidi ġodda għas-soċjetà. Bil-bażi industrijali b’saħħitha tagħha u appoġġata minn programm ambizzjuż ta’ riċerka u innovazzjoni, kif ukoll mill-qafas legali propost f’din l-istrateġija, l-Ewropa kapaċi tikkompeti fuq livell globali.

Il-Kummissjoni issa tappella lill-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari lill-Istati Membri, l-industrija, is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, biex jappoġġaw l-approċċ ippreżentat f’din il-Komunikazzjoni. F’dinja tinbidel b’pass mgħaġġel, l-Ewropa trid taħtaf din l-opportunità biex tkun mexxej fit-twassil ta’ mobbiltà awtonoma sikura, effiċjenti, soċjalment responsabbli u ekoloġika liċ-ċittadini tal-UE.

(1)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa” tal-25 ta’ April, COM(2018) 237.

(2)

Ir-rapport tal-Kummissjoni “Insalvaw il-Ħajjiet: Insaħħu s-Sikurezza tal-Karozzi fl-UE”, COM(2016) 787.

(3)

Il-kost lavorattiv jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet tas-servizzi ta’ taksi.

(4)

Il-bank UBS ibassar li l-awtomatizzazzjoni, il-kompetizzjoni u l-elettrifikazzjoni se jnaqqsu l-kost tas-servizzi ta’ ride-hailing b’70 %.

(5)

Skont Boston Consulting Group, il-vetturi awtomatizzati mistennija jirrappreżentaw 20 % tal-bejgħ globali ta’ vetturi fl-2025.

(6)

  https://connectedautomateddriving.eu/mediaroom/europe-leading-patent-race-autonomous-driving/

(7)

  Il-Forum Ekonomiku Dinji, Self-driving vehicles in an urban context, Jannar 2016.

(8)

L-istudju tal-Kummissjoni (2018): https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/analysis-possible-socio-economic-effects-connected-cooperative-and-automated-mobility-ccam-europe  

(9)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija mġedda għall-Politika Industrijali tal-UE”, COM(2017) 479.

(10)

White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport, KUMM(2011) 144.

(11)

Għad-definizzjoni kompluta tal-livelli tas-Soċjetà tal-Inġiniera Awtomobilistiċi, ara: http://articles.sae.org/13573/ . Il-Livell 4 jinkludi vetturi jew b’sewwieq (eż. awtopilota awtostradali) jew inkella mingħajr sewwieq (eż. servizz mekkuk fuq vjaġġi ddedikati).

(12)

 Ara l-Pjan Direzzjonali għas-Sewqan Awtomatizzat tal-Kunsill Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka dwar it-Trasport bit-Triq: http://www.ertrac.org/uploads/images/ERTRAC_Automated_Driving_2017.pdf

(13)

Klassifikazzjonijiet dettaljati tas-sistemi: https://www.adaptive-ip.eu/files/adaptive/content/downloads/Deliverables%20&%20papers/AdaptIVe-SP2-v12-DL-D2.1-System%20Classification.pdf  

(14)

Xi studji wrew b’mod kwantitattiv li l-awtomatizzazzjoni mingħajr il-konnettività tista’ twassal għal deterjorament potenzjali tal-kundizzjonijiet tat-traffiku: https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/connected-and-automated-vehicles-freeway-scenario-effect-traffic-congestion-and-network-capacity

(15)

PwC, The 2017 Strategy & Digital report.

(16)

Id-Direttiva 2007/46/KE dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi li tħassret b’Regolament ġdid dwar l-approvazzjoni tat-tip (għadha trid tiġi ppubblikata: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+TA+P8-TA-2018-0179+0+DOC+PDF+V0//MT ).

(17)

L-UE hija parti kontraenti għall-ftehim internazzjonali tal-1958 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi.

(18)

  https://www.govtrack.us/congress/bills/115/hr3388

(19)

Ara t-Taqsima 4.

(20)

  https://www.regjeringen.no/contentassets/ba7ab6e2a0e14e39baa77f5b76f59d14/2016-04-08-declaration-of-amsterdam---final1400661.pdf  

(21)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni", COM(2016) 588.

(22)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi, COM(2016) 766.

(23)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Strateġija Spazjali għall-Ewropa”, COM(2016) 705.

(24)

COM(2018) 237.

(25)

  https://ec.europa.eu/growth/content/high-level-group-gear-2030-report-on-automotive-competitiveness-and-sustainability_mt  

(26)

  https://www.c-roads.eu/platform.html . Il-pjattaforma C-ROADS tlaqqa’ flimkien l-attivitajiet kollha ta’ implimentazzjoni tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi li għadhom għaddejjin madwar l-UE, sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-servizzi.

(27)

  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/connected-and-automated-mobility-europe

(28)

  https://www.bmvi.de/SharedDocs/EN/Documents/DG/action-plan-automated-and-connected-driving.pdf?__blob=publicationFile

(29)

  https://www.c-roads.eu/platform.html

(30)

  https://www.bmvi.de/SharedDocs/EN/Documents/DG/action-plan-automated-and-connected-driving.pdf?__blob=publicationFile

(31)

Ir-rapport finali ta’ GEAR 2030 .

(32)

Fi ħdan il-Kumitat għas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti.

(33)

Wara l-ittra ta’ intenzjoni tat-23 ta’ Marzu 2017 iffirmata minn 27 Stat Membru, l-Iżvizzera u n-Norveġja, l-Istati Membri identifikaw sett ta’ kurituri diġitali transfruntiera biex irawmu l-ittestjar fuq skala kbira u t-tnedija tal-5G għall-mobbiltà konnessa u awtomatizzata tul dawk il-kurituri.

(34)

Sottogrupp iddedikat tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u Innovazzjoni għat-Trasport.

(35)

Għandu jiġi ppubblikat: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+TA+P8-TA-2018-0179+0+DOC+PDF+V0//MT  

(36)

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2007/46/KE. Ir-regolament il-ġdid fih dispożizzjoni ekwivalenti fl-Artikolu 39 u jsir applikabbli fl-1 ta’ Settembru 2020.

(37)

  https://ec.europa.eu/growth/content/high-level-group-gear-2030-report-on-automotive-competitiveness-and-sustainability_mt . Ara l-Anness 3 tar-rapport.

(38)

  http://www.unece.org/fileadmin/DAM/trans/main/wp29/wp29resolutions/ECE-TRANS-WP29-1140e.pdf

(39)

Il-Konvenzjoni tal-1968 dwar it-traffiku fit-toroq hija applikata mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE. Il-Konvenzjoni tal-1949 ta’ Ġinevra (il-predeċessur tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna) hija applikata minn xi Stati Membri tal-UE.

(40)

Id-Direttiva 2010/40/UE dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti.

(41)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta .

(42)

Id-Direttiva 2009/103/KE dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur.

(43)

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi.

(44)

Il-każ usa’ tar-responsabbiltà marbuta mal-Internet tal-Oġġetti u mal-intelliġenza artifiċjali huwa kopert mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (COM(2018) 237) u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà għat-teknoloġiji diġitali emerġenti (SWD(2018) 137) li jakkumpanjaha.

(45)

  https://ec.europa.eu/info/consultations/finance-2017-motor-insurance_mt . Il-konklużjonijiet sħaħ tal-evalwazzjoni għadhom iridu jiġu ppubblikati.

(46)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2016%3A766%3AFIN  

(47)

  http://www.acea.be/uploads/publications/Platooning_roadmap.pdf  

(48)

 Ir-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta .

(49)

  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/cyber-security  

(50)

Id-dokumenti dwar il-politika taċ-ċertifikati u ta’ sikurezza huma disponibbli fuq https://ec.europa.eu/transport/themes/its/c-its_en

(51)

Id-dokument tal-Parlament Ewropew A8-0036/18/ P8_TA -PROV(2018)0063.

(52)

Għandu jiġi ppubblikat: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+TA+P8-TA-2018-0179+0+DOC+PDF+V0//MT

(53)

COM(2018) 232.

(54)

COM(2017) 9.

(55)

Rapport Finali ta’ Jannar 2016: https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/themes/its/doc/c-its-platform-final-report-january-2016.pdf

(56)

Proposta għal Regolament dwar qafas għall-moviment liberu ta’ dejta mhux personali, COM(2017) 495.

(57)

  https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/2017-05-access-to-in-vehicle-data-and-resources.pdf

(58)

Id-Direttiva 2010/40/KE.

(59)

Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2017) 676, miri tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet ġodda sal-2030.

(60)

Pereżempju, l-istudju tal-Forum Internazzjonali tat-Trasport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar “il-ġestjoni tat-tranżizzjoni għal trasport tal-merkanzija bit-triq mingħajr sewwieqa”, jipproponi l-istabbiliment ta’ sistema temporanja ta’ permessi. It-tariffa mħallsa mill-operaturi tal-flotot biex jiksbu permess kieku tagħmilha possibbli li tiġi mmaniġġjata l-veloċità tal-awtomatizzazzjoni, kif ukoll li jiġu ġġenerati fondi biex il-forza tax-xogħol titħarreġ mill-ġdid u biex tingħata għajnuna lil min jingħata s-sensja.

(61)

Studju tal-Kummissjoni (2018): https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/analysis-possible-socio-economic-effects-connected-cooperative-and-automated-mobility-ccam-europe  

(62)

L-istudju tal-Forum Internazzjonali tat-Trasport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar “il-ġestjoni tat-tranżizzjoni għal trasport tal-merkanzija bit-triq mingħajr sewwieqa” jistma li d-domanda għas-sewwieqa fl-Ewropa tista’ tonqos mit-3.2 miljun sewwieq tal-lum sa 1 miljun sal-2030.

(63)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2017%3A228%3AFIN . Dan huma mmirat lejn il-ħiliet diġitali għal kulħadd (l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali biex iċ-ċittadini kollha jkunu attivi fis-soċjetà diġitali tagħna).

(64)

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223&langId=mt

(65)

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1415&langId=mt

(66)

L-Alleanza Ewropea għall-IA hija forum wiesa’ b’diversi partijiet interessati li se jiġi stabbilit mill-Kummissjoni fl-2018, biex tiddiskuti l-futur tal-IA fl-Ewropa. L-Alleanza Ewropea għall-IA se taħdem f’kollaborazzjoni mal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda.

(67)

It-Tieni Djalogu Strutturat ta’ Livell Għoli organizzat f’Settembru 2017 bħala segwitu għad-dikjarazzjoni ta’ Amsterdam tal-2016.

(68)

Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda huwa grupp konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/835.

Top