Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0267

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura

COM/2018/267 final

Brussell, 22.5.2018

COM(2018) 267 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura

{SWD(2018) 167 final}


1.Introduzzjoni

Fis-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma, il-Mexxejja tas-27 Stat Membru u l-istituzzjonijiet tal-UE ddikjaraw l-ambizzjoni tagħhom għal Unjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp kulturali u soċjali u għat-tkabbir ekonomiku. [..] Unjoni li tippreserva l-wirt kulturali tagħna u tippromwovi d-diversità kulturali 1 . Dan ġie kkonfermat fis-Summit tal-Mexxejja ta’ Gothenburg f'Novembru 2017 u mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2017 2 , li enfasizza wkoll is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 3 bħala opportunità kruċjali biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza soċjali u ekonomika tal-kultura u l-patrimonju. 

Il-Kummissjoni ddikjarat fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-Tisħiħ tal-Identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura 4 , li hu fl-interess komuni tal-Istati Membri kollha li jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u l-kultura bħala motivatur għall-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, il-ġustizzja soċjali, iċ-ċittadinanza attiva kif ukoll bħala mezz biex jesperjenzaw l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha.

Il-wirt kulturali għani tal-Ewropa u s-setturi kulturali u kreattivi dinamiċi jsaħħu l-identità Ewropea, u joħolqu sens ta’ appartenenza. Il-kultura tippromwovi ċittadinanza attiva, valuri komuni, inklużjoni u djalogu interkulturali fl-Ewropa u madwar id-dinja. Hija ġġib in-nies flimkien, inkluż refuġjati li għadhom kif waslu u migranti oħra, u tgħinna nħossuna parti mill-komunitajiet. Il-kultura u l-industriji kreattivi għandhom ukoll is-setgħa li jtejbu l-ħajjiet, jittrasformaw il-komunitajiet, jiġġeneraw l-impjiegi u t-tkabbir, u joħolqu effetti sekondarji f'setturi ekonomiċi oħra.

L-Aġenda Ewropea l-Ġdida għall-Kultura (l-Aġenda l-Ġdida) twieġeb għall-istedina tal-Mexxejja Ewropej biex jagħmlu aktar, permezz tal-kultura u l-edukazzjoni, biex jibnu soċjetajiet koeżivi u joffru viżjoni ta’ Unjoni Ewropea attraenti 5 . Hija għandha l-għan li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-kultura biex tgħin tinbena Unjoni aktar inklużiva u aktar ġusta, li tappoġġa l-innovazzjoni, il-kreattività u l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli.

2.L-isfidi u l-ambizzjoni

B’riżultat tal-kriżi finanzjarja severa, l-Ewropa qed tiffaċċja inugwaljanzi soċjali dejjem jikbru, popolazzjonijiet diversi, popoliżmu, radikalizzazzjoni u theddid terroristiku. Teknoloġiji ġodda u l-komunikazzjoni diġitali qed jittrasformaw is-soċjetajiet, ibiddlu l-stil tal-ħajja, il-mudelli ta’ konsum u r-relazzjonijiet ta’ poter f’katini ta’ valur ekonomiku. F’din is-sitwazzjoni li qed tinbidel, ir-rwol tal-kultura huwa aktar importanti minn qatt qabel. Fi stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2017, 53 % ta’ dawk li wieġbu jqisu li l-Istati Membri huma qrib f’termini ta’ valuri komuni, filwaqt li 40 % jemmnu li huma ’l bogħod. Il-kultura tista’ tgħin biex jingħalaq dan id-distakk, peress li qiegħda fuq nett tal-lista tal-fatturi li x’aktarx huma l-aktar li joħolqu sens ta’ komunità 6 . Madankollu, id-dejta tal-Eurostat turi li aktar minn terz tal-Ewropej ma jipparteċipawx fl-attivitajiet kulturali kollha 7 . Għalhekk hemm skop ċar biex tiżdied il-parteċipazzjoni kulturali, u tgħaqqad lill-Ewropej flimkien biex jesperjenzaw dak li jgħaqqadna aktar milli dak li jifridna. Madankollu, il-frammentazzjoni tas-suq, l-aċċess insuffiċjenti għall-finanzi u l-kundizzjonijiet kuntrattwali inċerti jkomplu jfixklu s-setturi kulturali u kreattivi u jnaqqsu d-dħul tal-professjonisti tagħhom.

L-Aġenda il-Ġdida, appoġġata minn finanzjament xieraq se tisfrutta s-sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-kultura u oqsma oħra ta’ politika. Din se tgħin ukoll lis-setturi kulturali u kreattivi jegħlbu l-isfidi u jifhmu l-opportunitajiet tal-bidla diġitali.

3.Bażi legali u l-ewwel passi

Il-bażi legali għall-azzjoni fil-qasam tal-kultura fil-livell tal-UE hija l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 8 . L-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva dwar il-politika kulturali, filwaqt li r-rwol tal-Unjoni huwa li tħeġġeġ il-kooperazzjoni u li tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Il-kooperazzjoni fil-politika tal-UE rċeviet spinta kbira permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2007, approvata mill-Kunsill 9 , dwar “Aġenda Ewropea għall-Kultura f’Dinja Globalizzata” 10 . Il-Parlament Ewropew appoġġa wkoll dik l-Aġenda permezz ta’ riżoluzzjonijiet politiċi u proġetti pilota.

Minn dak iż-żmien, l-Istati Membri wettqu numru impressjonanti ta’ azzjonijiet 11 , ispirati mill-kollaborazzjoni tal-politika tal-UE permezz ta’ Pjanijiet ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura suċċessivi, permezz ta’ proġetti ffinanzjati minn programmi tal-UE, u permezz ta’ strateġiji makroreġjonali 12 .

Il-Kunsill Ewropew issa inkariga lill-UE biex tagħmel aktar f’dan il-qasam u biex teżamina ulterjorment miżuri possibbli li jindirizzaw, fost oħrajn, il-kundizzjonijiet tal-qafas legali u finanzjarju għall-iżvilupp ta’ industriji kulturali u kreattivi u l-mobilità ta’ professjonisti tas-settur kulturali2.

4.Għanijiet Strateġiċi u Azzjonijiet

L-Aġenda l-Ġdida għandha tliet għanijiet strateġiċi, b’dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u esterni.

4.1Dimensjoni soċjali - l-isfruttar tal-poter tal-kultura u d-diversità kulturali għall-koeżjoni soċjali u l-benesseri

·Trawwem il-kapaċità kulturali 13 tal-Ewropej kollha billi tagħmel disponibbli firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kulturali u tipprovdi opportunitajiet biex jipparteċipaw b’mod attiv

·Tinkoraġġixxi l-mobilità tal-professjonisti kulturali u kreattivi u tneħħi l-ostakoli għall-mobilità tagħhom

·Tipproteġi u tippromwovi l-wirt kulturali Ewropew bħala riżorsa kondiviża, biex tqajjem kuxjenza dwar l-istorja u l-valuri komuni tagħna u ssaħħaħ sens ta’ identità Ewropea komuni

Il-parteċipazzjoni kulturali tgħaqqad lin-nies flimkien. Il-kultura hija mezz ideali biex tikkomunika mal-ostakoli lingwistiċi, tagħti s-setgħa lin-nies u tiffaċilita l-koeżjoni soċjali, inkluż fost ir-refuġjati, migranti oħra u popolazzjonijiet ospitanti. Taħt l-Aġenda Ewropea tal-2007, dawk li jfasslu l-politika u l-prattikanti qablu dwar modi biex jużaw arti parteċipattiva biex jippromwovu l-fehim, jagħtu s-setgħa lin-nies u jżidu l-fiduċja fihom infushom 14 .

Il-kultura hija forza trasformattiva għar-riġenerazzjoni tal-komunità. L-istorja ta’ 30 sena ta’ suċċess tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura turi dan, kif jagħmlu wkoll il-proġetti ta’ infrastruttura kulturali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Is-Sena Ewropea qed tiffoka fuq il-kontribut trasversali tal-patrimonju għas-soċjetajiet u l-ekonomiji Ewropej. Hemm approċċ ġdid u adattiv biex niffurmaw l-ambjent mibni tagħna - u huwa msejjes fuq il-kultura 15 .

Il-parteċipazzjoni kulturali ttejjeb ukoll is-saħħa u l-benesseri. 71 % tal-Ewropej riċerkati riċentement qablu li “li jgħixu qrib postijiet relatati mal-wirt kulturali Ewropew jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja” 16 . U r-riċerka 17 tikkonferma li l-aċċess kulturali huwa t-tieni determinant l-aktar importanti għall-benesseri psikoloġiku, ippreċedut biss min-nuqqas ta’ mard.

Iżda l-ostakli soċjali u finanzjarji għall-parteċipazzjoni kulturali jibqgħu, minkejja l-isforzi tal-organizzazzjonijiet kulturali biex jadattaw għal mudelli li jinbidlu tal-konsum kulturali u l-kompożizzjoni tal-popolazzjoni. Allura qed jiġi propost metodu ġdid b’kapaċità kulturali bħala l-prinċipju ta’ gwida. Dan ifisser li ssir disponibbli firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kulturali ta’ kwalità, li jippromwovu opportunitajiet għal kulħadd biex jieħdu sehem u joħolqu, u jsaħħu r-rabtiet bejn il-kultura u l-edukazzjoni, l-affarijiet soċjali, il-politika urbana, ir-riċerka u l-innovazzjoni 18 .

Biex tiżdied il-parteċipazzjoni, hija meħtieġa aktar ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet tal-arti Ewropej u tal-professjonisti fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej. Fuq il-bażi ta’ evidenza soda 19 , l-UE se tkompli tappoġġa l-politika u l-iffinanzjar, iżda l-Istati Membri se jkollhom bżonn jagħmlu aktar biex ineħħu ostakli amministrattivi bħar-riskju tat-tassazzjoni doppja tal-artisti u tal-professjonisti tal-arti.

Il-Kummissjoni se:

·Tappoġġa r-riċerka dwar trasferimenti kulturali biex tevalwa l-impatti f’oqsma differenti inkluż is-saħħa u l-benesseri (2018)

·Tiżviluppa azzjonijiet speċifiċi għall-inklużjoni soċjali permezz tal-kultura, permezz tal-Ewropa Kreattiva u l-Erasmus+ 20 u tikkunsidra kriterji ta’ għażla għall-Ewropa Kreattiva biex tinċentiva l-immaniġġjar ugwali tal-proġetti bejn is-sessi (2019)

·Tniedi proġett dwar “Spazji u bliet kulturali u kreattivi” taħt l-Ewropa Kreattiva, biex tippromwovi l-parteċipazzjoni kulturali u r-riġenerazzjoni soċjali u urbana (2018)

·Tipproponi skema ta’ mobilità għall-professjonisti fis-setturi kulturali u kreattivi taħt l-Ewropa Kreattiva (2018-2019)

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

·Jimpenjaw ruħhom għal progress sostanzjali fit-tneħħija ta’ ostakoli amministrattivi u fiskali għall-mobilità, fost oħrajn permezz tal-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura li jmiss

4.2 Dimensjoni ekonomika - l-appoġġ għall-kreattività bbażata fuq il-kultura fl-edukazzjoni u l-innovazzjoni, u għall-impjiegi u t-tkabbir

·Tippromwovi l-arti, il-kultura u l-ħsieb kreattiv fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali u mhux formali fil-livelli kollha u fit-tagħlim tul il-ħajja

·Tinkoraġġixxi ekosistemi favorevoli għall-industriji kulturali u kreattivi, tippromwovi l-aċċess għall-finanzi, il-kapaċità ta’ innovazzjoni, rimunerazzjoni ġusta għall-awturi u l-ħallieqa u kooperazzjoni transsettorjali

·Tippromwovi l-ħiliet meħtieġa minn setturi kulturali u kreattivi, inklużi ħiliet diġitali, intraprenditorjali, tradizzjonali u speċjalizzati

Il-kultura u l-kreattività huma assi importanti għall-ekonomija. Il-kultura tikkontribwixxi direttament għall-impjiegi, it-tkabbir u l-kummerċ estern. L-impjiegi kulturali tal-UE żdiedu b’mod stabbli bejn l-2011 u l-2016, meta laħqu 8.4 miljuni. Hemm bilanċ kummerċjali ta’ EUR 8.7 biljun f'oġġetti kulturali 21 , u s-setturi kulturali u kreattivi huma stmati li jikkontribwixxu 4.2 % għall-prodott gross domestiku tal-UE 22 . Is-setturi ekonomiċi innovattivi jeħtieġu wkoll il-kreattività biex iżommu vantaġġ kompetittiv. Il-komunitajiet urbani u rurali qegħdin jiddependu dejjem aktar fuq il-kultura biex jattiraw lil min iħaddem, studenti u turisti.

Il-kultura, l-arti, il-kreattività u l-industriji kreattivi huma interdipendenti. It-tagħqid tal-għarfien u l-ħiliet speċifiċi ma' setturi kulturali u kreattivi ma’ dawk ta’ setturi oħra jgħin biex jiġu ġġenerati soluzzjonijiet innovattivi, inkluż fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, it-turiżmu, il-manifattura, is-servizzi u s-settur pubbliku. Biex tisfrutta din is-setgħa trasformattiva, il-Kummissjoni tipproponi li tiffoka fuq tliet ekosistemi speċifiċi: l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-ibliet u r-reġjuni, u l-industriji kulturali u kreattivi nfushom, sabiex toħloq ambjenti ta’ appoġġ għall-innovazzjoni mmexxija mill-kultura.

L-Edukazzjoni u t-taħriġ: Hemm rabta ċara bejn il-livelli tal-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-kultura. Azzjoni transsettorjali dwar l-Għarfien u l-Espressjoni Kulturali - waħda mit-tmien kompetenzi ewlenin rikonoxxuti fil-livell Ewropew - se tkun esplorata fil-kuntest tal-Qafas tal-Kompetenzi Ewlenin rivedut għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 23 . Hemm ukoll kunsens dwar il-ħtieġa ta’ kompetenzi u ħiliet trasferibbli, li jistimulaw il-kreattività u l-ħsieb kritiku. Il-Kummissjoni aġġoġġjat ħidmet l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) dwar kif jiġi mgħallem, mitgħallem u valutat il-ħsieb kreattiv u kritiku 24 , li issa huwa d-dominju innovattiv għall-Programma għall-Valutazzjoni tal-Istudenti Internazzjonali 2021 (PISA). Dan l-enfasi fuq il-ħsieb kreattiv u kritiku għandu jiġi estiż għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u taħriġ, f’konformità mal-bidla fl-approċċ minn STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) għal STEAM, li tinkludi l-Arti 25 .

Bliet u reġjuni: Is-setturi kulturali u kreattivi għandhom kapaċità kbira għall-esperimentazzjoni, jantiċipaw ix-xejriet, u jesploraw mudelli ta’ innovazzjoni soċjali u ekonomika. L-ibliet u r-reġjuni huma msieħba naturali 26 : fuq quddiem nett tal-iżvilupp immexxi mill-kultura bis-saħħa ta’ awtonomija lokali akbar, l-attrazzjoni li jeżerċitaw fuq individwi li għandhom talent kbir, u l-prossimità tagħhom mal-ħtiġijiet u l-potenzjal tal-abitanti tagħhom. Il-kultura u t-turiżmu huma muturi qawwija tal-attività ekonomika. L-ibliet li jinvestu fil-kultura jistgħu jiksbu benefiċċji sostanzjali, jattiraw aktar impjiegi u kapital uman minn bliet komparabbli oħra, kif muri mill-Osservatorju tal-Bliet Kulturali u Kreattivi, żviluppat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni 27 . Fiż-żoni rurali, ir-restawr u l-aġġornament tal-wirt kulturali u naturali jikkontribwixxu għall-potenzjal tat-tkabbir u għas-sostenibbiltà 28 . Ġestjoni integrata ta’ assi kulturali u naturali tinkoraġġixxi lin-nies biex jiskopru u jimpenjaw ruħhom mat-tnejn 29 .

L-ippjanar huwa meħtieġ, iżda l-innovazzjoni għandha wkoll tkun permessa permezz ta’ proċessi minn isfel għal fuq, ċentri kreattivi 30 u inkubaturi, fejn freelancers u ħallieqa jikkooperaw u joħolqu flimkien. Clusters ta’ intrapriżi f'setturi kreattivi wrew ukoll li jistgħu jiġġeneraw tkabbir għoli fl-impjiegi 31 , u diġà madwar 6 % mill-1300 prijorità reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti jirreferu għall-kultura 32 . Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u Reġjonali toħloq tkabbir u impjiegi u tippromwovi l-Ewropa bħala destinazzjoni, inkluż permezz ta’ rotot kulturali makroreġjonali 33 . Hemm lok biex tibni fuq dawn l-esperjenzi biex issaħħaħ ir-rwol tal-kultura għall-iżvilupp territorjali mmexxi mill-innovazzjoni.

Industriji kulturali u kreattivi: Sabiex ibiddlu l-opportunitajiet fi tkabbir u impjiegi, l-intrapriżi u l-professjonisti kulturali u kreattivi għandhom bżonn kundizzjonijiet ta’ qafas favorevoli: ambjent regolatorju li jippremja l-ħolqien, aċċess aħjar għall-finanzi, opportunitajiet biex jikbru u jsiru internazzjonali, u provvista ta’ ħiliet speċifiċi.

Għal ħafna Ewropej, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, l-impjieg kulturali huwa punt ta’ dħul importanti għas-suq tax-xogħol (fil-Latvja, ir-Rumanija, Ċipru, il-Bulgarija, il-Portugall, l-Estonja u Spanja proporzjon ogħla ta’ persuni bejn il-15 u d-29 sena huma impjegati fil-kultura milli fl-ekonomija inġenerali). Iżda l-prevalenza ta’ impjiegi bbażati fuq il-proġetti, atipiku u part-time tista’ tkun problematika. L-adattament tal-qafas regolatorju biex jipprovdi kopertura u protezzjoni soċjali għal ħaddiema intermittenti u dejjem aktar mobbli jirrappreżenta sfida politika ewlenija. Ir-rimunerazzjoni ġusta tal-awturi u l-ħallieqa hija għan ieħor li l-Kummissjoni qed tindirizza fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali.

L-aċċess għall-finanzi jibqa’ sfida ewlenija għal settur li huwa magħmul minn ħafna SMEs u mikrointrapriżi. Il-Faċilità ta’ Garanzija għas-Settur Kulturali u Kreattiv, disponibbli taħt Ewropa Kreattiva, għamlet bidu promettenti u se tissaħħaħ. Strumenti oħra se jkomplu jiġu esplorati bħal finanzjament kollettiv 34 u finanzjament privat minn sponsorizzazzjoni, fondazzjonijiet, u sħubijiet pubbliċi-privati.

Il-professjonisti fis-setturi kulturali u kreattivi jeħtieġu taħlita wiesgħa ta’ ħiliet diġitali, tradizzjonali, trasversali u speċjalizzati. L-Aġenda l-Ġdida tibni fuq xogħol ta’ politika kontinwu, b'mod partikolari fuq l-imprenditorjat 35 u l-ħiliet patrimonjali.

L-Aġenda l-Ġdida tipprijoritizza approċċ transsettorjali għall-kollaborazzjoni tal-UE, peress li d-diġitizzazzjoni u l-kofinanzjament ikomplu jneħħu l-konfini artistiċi u ekonomiċi. Dan se jkun ikkumplimentat minn inizjattivi speċifiċi fis-setturi l-aktar maturi, biex isostni b'mod aktar effettiv id-diversità rikka tal-espressjonijiet kulturali Ewropej.

Il-Kummissjoni se:

·Tappoġġa l-fażi ta’ validazzjoni tal-proġett “It-tagħlim, il-valutazzjoni u t-tagħlim ta’ ħiliet tal-ħsieb kreattiv u kritiku fl-edukazzjoni”, tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), bil-għan li jiġi inkluż modulu ta’ kreattività fil-Programm għall-Validazzjoni tal-Istudenti Internazzjonali 2021; u tesplora possibbiltajiet għal xogħol simili fl-edukazzjoni ogħla u t-taħriġ (2018)

·Tippromwovi l-mużika u l-arti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż bħala tema ta’ prijorità fl-Erasmus+ (2019), u tippromwovi l-iżvilupp ta’ moduli interdixxiplinarji orjentati lejn il-kreattività fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, li jikkombinaw l-arti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-intraprenditorija u l-ħiliet fin-negozju (2018)

·Tkompli tappoġġa r-reġjuni li jimplimentaw l-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti u l-istrateġiji makroreġjonali ffukati fuq il-kultura u tippromwovi t-turiżmu kulturali sostenibbli permezz ta’ inizjattiva ddedikata Ewropea fis-Sena Ewropea

·Tappoġġa sħubijiet bejn professjonisti u industriji kreattivi u netwerks Ewropej ta’ inkubazzjoni għall-innovazzjoni mmexxija mill-kreattività li tintegra l-kreattività, l-arti u d-disinn b’teknoloġija avvanzata u x-xjenza

·Twettaq proġett pilota li jinkoraġġixxi sħubijiet aktar b’saħħithom bejn setturi kulturali u kreattivi, awtoritajiet lokali, imsieħba soċjali u fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ (2018)

·Tesplora Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u l-Għarfien Teknoloġiku u l-Innovazzjoni tal-Komunità dwar il-wirt kulturali u l-industriji kreattivi (2019)

·Torganizza djalogu regolari ma’ setturi kulturali u kreattivi fil-kuntest tal-Istrateġija mġedda tal-Politika Industrijali, biex tidentifika l-ħtiġijiet tal-politika u ssostni qafas ta’ politika komprensiv fil-livell tal-UE

·Torganizza djalogu regolari mas-settur tal-mużika u twettaq l-Azzjoni Preparatorja “Music Moves Europe”

·Issaħħaħ id-djalogu mal-industrija awdjoviżiva Ewropea, inkluż permezz ta’ avvenimenti tal-Forum Ewropew tal-Films (2018)

·Tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżguraw rimunerazzjoni ġusta għall-artisti u l-ħallieqa permezz ta’ djalogi ġenerali u speċifiċi għas-settur, f’konformità mal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali (2019)

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

·Jimpenjaw ruħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-artisti u l-ħallieqa u jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ taħt il-Pjan ta’ ħidma li jmiss

4.3Dimensjoni esterna - It-tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali

·Jappoġġaw il-kultura bħala magna għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli

·Jippromwovu l-kultura u d-djalogu interkulturali għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi

·Issaħħu l-kooperazzjoni dwar il-wirt kulturali

Permezz tal-Komunikazzjoni Konġunta tal-2016 “Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali” 36 , l-UE stabbiliet qafas għall-kooperazzjoni kulturali ma’ pajjiżi sħab. Dan huwa konformi b’mod sħiħ mal-Konvenzjoni tal-2005 tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, li tagħha l-UE u l-Istati Membri kollha huma Partijiet 37 . L-Istrateġija Globali għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 38 identifikat id-diplomazija kulturali bħala qasam ġdid għall-azzjoni esterna konġunta tal-UE. Il-Kunsens Ewropew il-Ġdid dwar l-Iżvilupp 39 jirrikonoxxi r-rwol tal-kultura bħala komponent u faċilitatur importanti.

Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) u s-servizzi tagħhom - inkluż is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) - jappoġġaw bis-sħiħ ix-xogħol kontinwu fil-Kunsill biex jitfassal approċċ komprensiv pass pass għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali. L-azzjoni mill-UE ġġib sinerġiji u valur miżjud 40 , speċjalment fid-dawl tar-rwol akbar tad-Delegazzjonijiet tal-UE. Punti fokali kulturali fid-Delegazzjonijiet tal-UE qed jitħarrġu fid-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni, biex ixerrdu aħjar l-aħjar prattika u jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-imsieħba lokali.

L-Aġenda l-Ġdida tippermetti li l-kultura tiġi promossa b'mod aktar effettiv bħala vettura tal-identità u l-koeżjoni, li huwa mutur tal-iżvilupp soċjoekonomiku u fattur li jrawwem direttament relazzjonijiet paċifiċi, inkluż permezz tal-kuntatti bejn in-nies li jirriżultaw mill-edukazzjoni u proġetti taż-żgħażagħ, b'enfasi partikolari fuq il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u tat-Tkabbir 41 . Il-Kummissjoni tippjana wkoll li tuża l-Aġenda biex tenfasizza d-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli u biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Aġenda għal Żvilupp Sostenibbli 2030 tan-NU.

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 20183 - li għaliha l-Balkani tal-Punent huma assoċjati bis-sħiħ - hija opportunità unika biex jissaħħu r-rabtiet kulturali mal-pajjiżi sħab u s-setturi kulturali lokali. Sħubijiet li jibdew matul is-Sena għandhom ikomplu wara bħala parti mill-kooperazzjoni kulturali tal-UE u Pjan ta’ Azzjoni Ewropew ġdid għall-Wirt Kulturali. Il-proġetti għadhom ukoll għaddejjin jew se jibdew f'żoni milquta minn konflitti, biex jipproteġu u jirrijabilitaw il-wirt kulturali ddanneġġjat, jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi u għajxien aħjar

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se:

·Jippromwovu s-setturi kulturali u kreattivi fil-Balkani tal-Punent permezz ta’ appoġġ imsaħħaħ minn Ewropa Kreattiva u beħsiebhom jużaw l-Istrument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni biex jappoġġaw il-kultura fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi tat-Tkabbir, partikolarment fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin relatati tal-Pjan ta’ Azzjoni b’Appoġġ tat-Trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent.

·Beħseibhom iniedu t-tielet fażi tal-programm Kulturali tas-Sħubija tal-Lvant, u jsaħħu s-soċjetà ċivili permezz tal-kultura fil-pajjiżi Mediterranji

·Iniedu Azzjoni Preparatorja dwar Djar tal-Kultura Ewropej f'pajjiżi msieħba

·Isaħħu d-djalogu dwar il-kultura maċ-Ċina u jniedu djalogu ġdid mal-Ġappun

·Jimplimentaw il-11-il programm kulturali Intra-ACP għall-pajjiżi Afikani, Karibej u tal-Paċifiku fi ħdan il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li jikkumplimenta l-azzjoni fil-programmi tal-UE relevanti l-oħra, għat-tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi, it-tiswir tal-identità, it-taħriġ vokazzjonali, il-kooperazzjoni awdjoviżiva u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 f’dawn il-pajjiżi

·Jiżviluppaw strateġiji għall-kooperazzjoni kulturali fil-livell reġjonali, u jibdew bil-Balkani tal-Punent, il-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq u l-Amerika Latina

·Iżidu l-protezzjoni tal-wirt kulturali għall-kompiti tal-missjonijiet tal-Politika Komuni tas-Sigurtà u d-Difiża , fejn xieraq, billi jibnu fuq missjonijiet u proġetti għaddejjin

·Jappoġġaw il-kurituri tal-Wirt tat-Triq tal-Ħarir fl-Asja Ċentrali, l-Afganistan u l-Iran

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex:

·Jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ attivitajiet konġunti mal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli u s-servizzi tagħhom, inkluż is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

5.Azzjonijiet trasversali

Filwaqt li ħafna mill-azzjonijiet fl-Aġenda l-Ġdida jikkontribwixxu primarjament għal wieħed mit-tliet għanijiet - ir-relazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u internazzjonali - ħafna aspetti huma trasversali. Żewġ oqsma kbar ta’ azzjonijiet ta’ politika fil-livell tal-UE - il-wirt kulturali u diġitali - se jservu t-tliet għanijiet.

5.1Il-ħarsien u l-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 bdiet tajba ħafna, b'eluf ta’ attivitajiet iseħħu madwar l-Ewropa. Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi billi tiffoka direttament fuq għaxar temi ewlenin 42 taħt erba’ għanijiet ewlenin: Involviment, Sostenibbiltà, Protezzjoni u Innovazzjoni. Dawn jirriżultaw f’rakkomandazzjonijiet, prinċipji u għodod li jiżguraw il-legat pożittiv tas-Sena, u jikkontribwixxu għall-Aġenda l-Ġdida.

Fil-konklużjoni tas-Sena Ewropea l-Kummissjoni se:

·Tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni għall-Wirt Kulturali, u se titlob lill-Istati Membri biex iħejju Pjanijiet simili fil-livell nazzjonali, u biex isegwu l-10 inizjattivi Ewropej permezz tal-Pjanijiet ta’ Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura

·Tipproponi li tinkorpora riżultati tas-Sena fi programmi u Politika ta’ Koeżjoni futuri tal-UE

·Tappoġġa r-rinfurzar tar-Regolament futur tal-UE dwar l-importazzjoni ta’ oġġetti kulturali permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar il-kummerċ illeċitu ta’ oġġetti kulturali u tistabbilixxi pjattaforma soċjali tal-partijiet interessati tal-politika xjentifika dwar il-wirt kulturali mhedded.

5.2Digital4Culture

Ir-rivoluzzjoni diġitali tippermetti forom ġodda u innovattivi ta’ ħolqien artistiku; aċċess usa’ u aktar demokratiku għall-kultura u l-patrimonju; u modi ġodda ta’ aċċess, konsum u monetizzazzjoni tal-kontenut kulturali. Biex tirrifletti dawn l-iżviluppi, il-Kummissjoni qed tħejji strateġija ġdida tal-UE dwar Digital4Culture biex tibni fuq il-proposti tad-drittijiet tal-awtur, awdjoviżivi u tax-xandir skont l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u tiżra’ ż-żrieragħ għal azzjonijiet futuri taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni se:

·Toħloq netwerk ta’ ċentri ta’ kompetenza madwar l-UE biex tissalvagwardja l-għarfien ta’ monumenti ta’ patrimonju fil-periklu permezz ta’ diġitalizzazzjoni fuq skala kbira (2019)

·Toħloq direttorju online ta’ films Ewropej u tniedi l-ewwel Ġimgħa tal-Films tal-UE biex tagħmel il-films Ewropej disponibbli għall-iskejjel madwar l-Ewropa (2019)

·Twaqqaf netwerk pan-Ewropew ta’ Ċentri Kreattivi Diġitali u tal-Innovazzjoni biex tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali (2020)

·Tipproponi l-passi li jmiss għal Europeana, il-pjattaforma diġitali Ewropea għall-wirt kulturali (2018)

·Tniedi skemi pilota ta’ mentoring għall-professjonisti awdjoviżivi - b’mod partikolari dawk nisa - biex tgħin talenti ġodda jiżviluppaw il-karrieri u l-kapaċitajiet tagħhom (2019)

·Tistimula t-tlaqqigħ u l-kollaborazzjoni bejn l-arti u t-teknoloġija għall-innovazzjoni sostenibbli fuq il-livelli industrijali u soċjali (2018)

6.L-Implimentazzjoni ta’ Aġenda Ġdida

B’rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-rwol tal-UE huwa li tipprovdi inċentivi u gwida biex tittestja ideat ġodda u tappoġġa lill-Istati Membri fl-avvanz ta’ aġenda kondiviża. F'xi oqsma hemm skop ċar biex isir aktar, permezz ta’ orjentazzjonijiet strateġiċi, metodi ta’ ħidma mtejba u attivitajiet pilota.

6.1.Il-Kooperazzjoni mal-Istati Membri

L-Aġenda l-Ġdida għandha tiġi implimentata permezz ta’ Pjanijiet ta’ Ħidma u metodi ta’ ħidma - bħall-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni - approvat mill-Istati Membri.

Biex iżżid l-impatt, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tiffoka fuq implimentazzjoni konkreta f'livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali, permezz ta’ proġetti konġunti parzjalment iffinanzjati minn strumenti tal-UE, li joffru tagħlim bejn il-pari u assistenza teknika lill-Istati Membri, jew lil awtoritajiet reġjonali u lokali nnominati mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw is-suġġetti li ġejjin għal xogħol konġunt:

·Il-governanza parteċipattiva dwar il-patrimonju, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa

·Prinċipji ta’ kwalità għal interventi u restawr ta’ patrimonju

·Aċċess għall-finanzi u kapaċità ta' innovazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi

·Żieda ta’ proġetti ta’ kultura u patrimonju appoġġati minn programmi tal-UE

6.2.Djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili

Il-Kummissjoni qed tippjana li twessa’ d-djalogu strutturat attwali 43 , li tmur lil hinn mis-suġġetti eżaminati taħt il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, li tagħmel aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni online, u li tinfetaħ għal organizzazzjonijiet rilevanti barra s-setturi kulturali u kreattivi fuq bażi ta’ każ b’każ. Se tipproponi wkoll rwol aktar attiv għas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-Fora Kulturali Ewropej biennali.

7.Il-promozzjoni tal-kultura permezz tal-politika u l-programmi tal-UE

Ewropa Kreattiva u l-programm suċċessur tiegħu se jkollhom rwol dirett fl-appoġġ tal-Aġenda l-Ġdida, u l-Kummissjoni se ttejjeb is-sinerġiji bejn il-proġetti u l-attivitajiet ta’ politika. L-istrateġija Digital4Culture se ssaħħaħ il-koerenza bejn l-inizjattivi kulturali, diġitali u awdjoviżivi. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-għanijiet soċjali, ekonomiċi u internazzjonali tal-Aġenda l-Ġdida permezz ta’ azzjonijiet f’oqsma oħra ta’ politika u politiki u interventi oħra tal-UE – kurrenti u futuri – se jikkumplimentaw u jappoġġaw il-politiki kulturali tal-Istati Membri.

8.Il-passi li jmiss

L-Aġenda Ewropea l-Ġdida għall-Kultura hija parti ewlenija mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mandat mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2017. Hija toffri qafas għall-fażi ta’ kooperazzjoni li jmiss fil-livell tal-UE biex tindirizza l-isfidi tas-soċjetà attwali permezz tal-poter trasformattiv tal-kultura. Qed jiġi propost approċċ ġdid b’viżjoni olistika, li trawwem sinerġiji fis-setturi kulturali u ma’ oqsma oħra ta’ politika. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Aġenda l-Ġdida u l-azzjonijiet fiha jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib ma’ u l-involviment tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri, kif ukoll il-partijiet interessati tas-settur tal-kultura.

Il-kollaborazzjoni tal-politika taħt l-Aġenda l-Ġdida se tkun appoġġata fl-2019 u l-2020 minn Ewropa Kreattiva u programmi oħra tal-UE li jiffinanzjaw proġetti kulturali, u mill-2021 minn programmi suċċessuri skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss tal-UE.

(1)

    Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, Marzu 2017

(2)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Diċembru 2017

(3)

    https://europa.eu/cultural-heritage/  

(4)

    COM(2017)673  

(5)

    Id-Dikjarazzjoni ta’ Bratislava, Settembru 2016

(6)

    L-Ewrobarometru 87, Rebbiegħa 2017

(7)

    Eurostat, Novembru 2017

(8)

     L-Artikoli 173 u 208 huma wkoll rilevanti għall-industriji kreattivi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp

(9)

    2007/C 287/01

(10)

    KUMM(2007) 242

(11)

   DĦP/2018/167, Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni jipprovdi ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet taħt l-Aġenda tal-2007, dettalji tal-azzjonijiet proposti f’din l-Aġenda l-ġdida flimkien ma’ azzjonijiet rilevanti oħra li għadhom għaddejjin jew ippjanati, u dettalji ta’ konsultazzjonijiet, statistika u stħarriġ li infurmaw l-iżvilupp tiegħu.

(12)

    http://ec.europa.eu/regional_policy/mt/policy/cooperation/  

(13)

   L-“approċċ tal-kapaċità” ġie żviluppat minn Amartya Sen. L-applikazzjoni tiegħu għall-kultura hija aktar reċenti.

(14)

    Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) u l-Vuċijiet tal-Kultura, 2014, 2016 u 2017

(15)

   F'konformità mad- Dikjarazzjoni ta' Davos tal-2018 dwar Baukultur ta’ kwalità għolja għall-Ewropa  

(16)

    Ewrobarometru Speċjali 2017  

(17)

   Sacco et al., 2011, L-Interazzjoni Bejn il-Kultura, is-Saħħa u l-Benesseri Psikoloġiku . L-MMK 2017-18 dwar il-kultura għall-inklużjoni soċjali qed tiġbor ukoll evidenza dwar is-saħħa u l-benesseri.

(18)

   Rapport ta' King's College Londra “Lejn id-demokrazija kulturali: Il-promozzjoni tal-kapaċitajiet kulturali għal kulħadd”

(19)

   3 MMKs fuq il- Mobilità tal-artisti u r-residenzi, 2010, 2012, 2014

(20)

    ec.europa.eu/programmes/creative-europe/ ; ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus  

(21)

    Eurostat 2016 (statistika kulturali: impjieg, intrapriżi, parteċipazzjoni, kummerċ, infiq)

(22)

    Studju 2014 Ernst & Young “Il-kejl tas-swieq kulturali u kreattivi fl-UE”

(23)

    Il-manwal tal-MMK tal-2016 jistabbilixxi prattiki u rakkomandazzjonijiet.

(24)

    Ċentru tal-OECD għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Edukazzjoni  

(25)

    COM(2017)247

(26)

    Kultura għall-Bliet u r-Reġjuni proġett ta’ tagħlim bejn il-pari, 2015-17

(27)

    Osservatorju tal-Bliet Kulturali u Kreattivi , 2017

(28)

   ENRD 2016 Skeda informattiva dwar l-Arti u l-Kultura f’Żoni Rurali

(29)

      Natura 2000 studju ta’ każijiet li jgħaqqdu l-wirt kulturali u naturali

(30)

    Netwerk Ewropew ta’ Ċentri Kreattivi , 2016-18

(31)

    Panorama tal-Clusters Ewropej 2014.

(32)

    http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/map

(33)

    Routes4U : Programm Konġunt tal-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-rotot kulturali fil-makroreġjuni

(34)

    Crowdfunding4Culture  

(35)

   Inkluż permezz tal-Qafas Ewropew għall-Intraprenditorija u l-Kompetenzi Diġitali (EntreComp, DigComp)

(36)

    JOIN/2016/029

(37)

    http://en.unesco.org/creativity/ ; l-aħħar rapport tal-UE disponibbli hawnhekk .

(38)

   https://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/regions/files/eugs_review_web_0.pdf L-Istrateġija Globali tal-UE

(39)

    Id-Dinja Tagħna, Id-Dinità Tagħna, Il-Futur Tagħna, 2017

(40)

     Inkluż permezz tal- Pjattaforma tad-Diplomazija Kulturali tal-UE l-ġdida 

(41)

      COM(2018)65

(42)

     L-10 Inizjattivi Ewropej huma temi ewlenin għal azzjoni ta’ politika transsettorjali, inkluż l-edukazzjoni, il-kummerċ illeċitu, il-prinċipji ta’ kwalità għar-restawr, it-turiżmu kulturali sostenibbli, il-ħiliet u l-innovazzjoni.

(43)

    www.voicesofculture.eu .

Top