Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0214

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE

COM/2018/214 final

Brussell, 23.4.2018

COM(2018) 214 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE


1. Introduzzjoni

L-iskandli l-kbar ta’ dawn l-aħħar snin u xhur, minn LuxLeaks sa Panama u Paradise Papers, Dieselgate jew Cambridge Analytica, iffukaw l-attenzjoni tagħna fuq kif l-għemil ħażin f’organizzazzjonijiet jew kumpaniji kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat jistgħu jagħmlu ħsara kbira lill-interess pubbliku. F’ħafna każijiet, dawn l-iskandli u l-ħsara li saret lill-ambjent, lis-saħħa u s-sikurezza pubblika, u lill-finanzi nazzjonali jew tal-UE, ġew żvelati bis-saħħa ta’ persuni li tkellmu meta ltaqgħu ma’ għemil ħażin fil-kuntest ta’ xogħolhom. Dawn l-“informaturi” spiss jirriskjaw il-karriera u l-għajxien tagħhom u, f’xi każijiet, ibatu riperkussjonijiet serji u fit-tul għall-finanzi, għas-saħħa, għar-reputazzjoni u għall-ħajja personali tagħhom. Wieħed mill-elementi ewlenin fil-prevenzjoni tal-għemil ħażin u l-ħarsien tal-interess pubbliku huwa li jiġi żgurat li dawk li jitkellmu jingħataw protezzjoni xierqa.

L-informaturi huma wkoll sors kruċjali għall-ġurnaliżmu investigattiv. L-informaturi spiss imorru għand ġurnalisti meta t-tħassib tagħhom dwar għemil ħażin ma jiġix indirizzat u l-unika għażla tagħhom tkun li jitkellmu fil-pubbliku. Is-salvagwardja tar-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv bħala għassies f’soċjetà demokratika jeħtieġ mhux biss li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tas-sorsi tiegħu, iżda wkoll li l-informaturi jiġu protetti mir-ritaljazzjoni jekk tiġi żvelata l-identità tagħhom.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi qafas ta’ politika biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE, u qed tipproponi “Direttiva dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw ksur ta’ dritt tal-Unjoni” 1 . Għal dan il-għan, hija qed tibbaża fuq il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi 2 , li tistipula l-prinċipji li għandhom jiggwidaw lill-Istati meta jkunu qed jintroduċu jew jirrevedu r-regoli għal informaturi li jirrappurtaw jew jiddivulgaw informazzjoni dwar theddid jew ħsara lill-interess pubbliku 3 . Dawn il-prinċipji jinkludu komponenti essenzjali għal regoli effettivi u bilanċjati li jipproteġu lil informaturi ġenwini filwaqt li jipprovdu salvagwardji u rimedji għal dawk li ssirilhom ħsara b’rapporti impreċiżi jew malizzjużi 4 .

F’dawn l-aħħar snin, xi wħud minn dawn l-istandards ġew adottati minn għadd ta’ Stati Membri tal-UE. Xi Stati Membri stabbilew leġiżlazzjoni komprensiva 5 . Stati Membri oħra joffru biss protezzjoni settorjali, eż. fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew għas-settur pubbliku biss. Xi Stati Membri qed jikkunsidraw leġiżlazzjoni ġdida biex jintroduċu jew isaħħu l-protezzjoni tal-informaturi.

Xi elementi tal-protezzjoni tal-informaturi diġà ġew introdotti fi strumenti speċifiċi tal-UE, f’oqsma bħas-servizzi finanzjarji, is-sikurezza tat-trasport u l-ħarsien tal-ambjent, fejn kien hemm ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat kif xieraq. Id-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali 6 tipproteġi lill-informaturi li jiddivulgaw sigriet kummerċjali biex jipproteġu l-interess pubbliku billi teżentahom mill-imputabbiltà.

Kumplessivament, il-protezzjoni tal-informaturi attwalment disponibbli fl-UE hija frammentata madwar l-Istati Membri u mhijiex ugwali bejn oqsma ta’ politika differenti. Skandli reċenti b’impatt transfruntier li nkixfu minn informaturi juru kif protezzjoni insuffiċjenti f’pajjiż wieħed tista’ mhux biss ikollha impatt negattiv fuq il-funzjonament tal-politiki tal-UE hemmhekk, iżda wkoll ikollha effetti kollaterali f’pajjiżi oħra u fl-UE kollha kemm hi.

Skont l-Ewrobarometru Speċjali tal-2017 dwar il-Korruzzjoni 7 , madwar terz (29 %) tal-Ewropej kollha jaħsbu li jista’ jkun li n-nies ma jirrappurtawx il-korruzzjoni minħabba li ma hemmx protezzjoni għal dawk li jirrappurtawha. Fil-konsultazzjoni pubblika tal-2017 tal-Kummissjoni 8 , il-biża’ ta’ konsegwenzi legali u finanzjarji kienet ir-raġuni l-aktar ikkwotata għala l-ħaddiema ma jirrappurtawx l-għemil ħażin.

Spiss, il-biża’ ta’ ritaljazzjoni tkun iġġustifikata. L-Istħarriġ Globali tal-2016 dwar l-Etika fin-Negozju 9 , li twettaq fost aktar minn 10 000 ħaddiem fis-settur privat, pubbliku u mhux għall-profitt fi 13-il pajjiż wera li 33 % mill-ħaddiema osservaw imġiba ħażina; 59 % irrappurtawha, b’36 % minnhom jesperjenzaw ritaljazzjoni.

In-nuqqas ta’ kunfidenza fl-użu tar-rappurtar huwa evidenti fis-sejbiet tal-Ewrobarometru Speċjali 470: iż-żewġ raġunijiet l-aktar komuni għan-nuqqas ta’ rappurtar tal-korruzzjoni kienu: (i) id-diffikultà biex jiġu ppreżentati l-provi (45 %); u (ii) anke jekk il-provi kienu disponibbli, dawk responsabbli ma jiġux ikkastigati (32 %).

Barra minn hekk, informaturi potenzjali li jiltaqgħu ma’ attivitajiet illegali u li jħossuhom sikuri biex jirrappurtawhom ma jagħmlux dan minħabba li ma jafux fejn u kif jistgħu jagħmlu rapport. Minn dawk li wieġbu għall-Ewrobarometru Speċjali tal-2017 dwar il-Korruzzjoni, 49 % ma jafux fejn jistgħu jirrappurtaw il-korruzzjoni li kieku jesperjenzawha jew jiltaqgħu magħha. Minn dawk li wieġbu għall-Konsultazzjoni tal-Kummissjoni, 15 % biss kienu konxji mir-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-informaturi f’pajjiżhom.

Fatturi soċjokulturali, b’mod partikolari l-perċezzjonijiet soċjali negattivi qawwija dwar l-informaturi, jikkontribwixxu wkoll għall-irrappurtar insuffiċjenti 10 . Il-biża’ ta' reputazzjoni ħażina kienet it-tielet l-aktar raġuni importanti kkwotata fil-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar għalfejn il-ħaddiema ma jirrappurtawx l-għemil ħażin.

L-istituzzjonijiet tal-UE u ħafna partijiet interessati ilhom jappellaw għal protezzjoni aktar b’saħħitha tal-informaturi fil-livell tal-UE. F’Jannar u f’Ottubru 2017, il-Parlament Ewropew 11 appella biex il-Kummissjoni, sa tmiem l-2017, tippreżenta proposta leġiżlattiva orizzontali biex jiġi garantit livell għoli ta’ protezzjoni għall-informaturi fl-UE, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, u fl-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar it-trasparenza fiskali tal-11 ta’ Ottubru 2016 12 , il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibbiltà ta’ azzjoni tal-UE fil-ġejjieni. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions appellaw b’mod konsistenti għal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE li tipproteġi lill-informaturi li jaġixxu fl-interess pubbliku 13 .

2.    Il-valur miżjud tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE

F’konformità mal-impenn tal-President Juncker fl-Ittra ta’ Intenzjoni li tikkomplementa d-diskors tiegħu tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni 14 , il-Kummissjoni vvalutat l-ambitu għal azzjoni ulterjuri biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE.

It-tisħiħ tal-infurzar tad-dritt tal-UE u l-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni turi li d-diskrepanzi eżistenti u n-natura mhux ugwali tal-protezzjoni tal-informaturi jtellfu l-infurzar tar-regoli tal-UE. F’oqsma fejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni spiss ma jinkixifx faċilment, l-informaturi jistgħu jkunu kruċjali. L-iżgurar li l-informaturi jħossuhom sikuri biex jirrappurtaw jista’ jwassal għal qbid, investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi tal-ksur tad-dritt tal-UE, li kieku jkollu l-potenzjal li jikkawża ħsara sejra lill-interess pubbliku.

Ir-regoli eżistenti tal-UE dwar il-protezzjoni tal-informaturi ġew żviluppati b’reazzjoni għall-konsegwenzi ta’ skandli u biex jirrispondu għad-dgħufijiet fl-infurzar f’setturi speċifiċi. Pereżempju, l-UE ħadet azzjoni biex tipproteġi lill-informaturi fis-servizzi finanzjarji wara l-kriżi finanzjarja, li kixfet nuqqasijiet serji fl-infurzar tar-regoli tal-UE 15 . Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni turi li wasal iż-żmien għal azzjoni proattiva u biex il-protezzjoni tal-informaturi tintuża bħala parti sistemika tal-infurzar tad-dritt tal-UE, mhux biss f’oqsma fejn tkun diġà seħħet ħsara serja lill-interess pubbliku, iżda wkoll b’mod preventiv.

It-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi jagħti effett lill-impenn tal-Kummissjoni li tiffoka aktar fuq l-infurzar biex taqdi l-interess ġenerali, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-2016 tagħha dwar “Id-Dritt tal-UE: Riżultati Aħjar permezz ta’ Applikazzjoni Aħjar 16 . Protezzjoni aħjar tal-informaturi tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-ħajja ta’ kuljum u l-benessri tal-Ewropej kollha, billi tgħin fil-prevenzjoni ta’ riskji serji għall-interess pubbliku li jistgħu jinfirxu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni wriet appoġġ qawwi ħafna għal standards minimi legalment vinkolanti dwar il-protezzjoni tal-informaturi fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzjoni, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u fil-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa u s-sikurezza pubblika.

Barra minn hekk, protezzjoni qawwija tal-informaturi fil-livell tal-UE tissalvagwardja d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u l-libertà tal-midja, li huma minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija tagħti effett lill-impenji tal-Kummissjoni li jagħtu segwitu lit-tieni Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali dwar “Il-Pluraliżmu fil-Midja u d-Demokrazija” li sar f’Novembru 2016 17 . L-informaturi jkunu aktar lesti li jkellmu lil ġurnalisti investigattivi jekk ikunu protetti mir-ritaljazzjoni u jekk jingħataw iċ-ċertezza legali li jeħtieġu biex jieħdu deċiżjoni infurmata, kompletament konxji mid-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

Protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE

Il-previżjoni ta’ protezzjoni b’saħħitha tal-informaturi li tmur lil hinn mill-protezzjoni li diġà tingħata lill-Persunal tal-UE tista’ tagħmilha aktar faċli biex jinqabdu, jiġu evitati u skoraġġuti l-frodi, il-korruzzjoni, malprassi u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, u b’hekk tissaħħaħ is-sistema ta’ infurzar rilevanti. Attwalment, din is-sistema hija mibnija madwar ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF). Fil-ġejjieni, hija se tingħata spinta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li se jinvestiga u jkun il-prosekutur ta’ reati li jaffettwaw il-baġit tal-UE.

Fir-rigward tal-istituzzjoniiet u l-korpi tal-UE, il-persunal tal-UE jgawdi minn protezzjoni tal-informaturi skont ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Sa mill-2004, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 18 emenda r-Regolamenti tal-Persunal, fost l-oħrajn biex ipoġġi fis-seħħ proċeduri biex jiġu rappurtati kwalunkwe frodi, korruzzjoni jew irregolarità serja, u jagħti protezzjoni minn konsegwenzi ħżiena lill-persunal tal-UE li jirrapporta dwar ksur.

Kontribut għal suq uniku ġust u li jiffunzjona sew

Protezzjoni robusta tal-informaturi tista’ tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq uniku b’diversi modi.

L-informaturi jistgħu jgħinu biex jiġi indirizzat l-infurzar insuffiċjenti tar-regoli tal-akkwist pubbliku mill-awtoritajiet nazzjonali u l-operaturi tal-utilità pubblika 19 . Min-naħa tiegħu, dan jista’ jżid l-integrità organizzazzjonali u l-obbligu ta’ rendikont fis-settur pubbliku u privat, u jgħin fl-evitar u l-qbid tal-korruzzjoni u għemil ħażin ieħor. B’mod partikolari, korruzzjoni mhux iddivulgata tnaqqas id-dħul u l-baġits, u twassal għal forniment ineffiċjenti tas-servizzi pubbliċi, toħloq distorsjoni fl-investiment pubbliku, u taġixxi bħala reżistenza fuq it-tkabbir ekonomiku billi toħloq inċertezza kummerċjali, ittellef il-proċessi u timponi kostijiet addizzjonali 20 .

Il-protezzjoni tal-informaturi tikkontribwixxi wkoll biex tiżgura l-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni meħtieġa biex is-suq uniku jiffunzjona sew u biex in-negozji joperaw f’ambjent kompetittiv b’saħħtu. L-introduzzjoni ta’ regoli b’saħħithom għall-protezzjoni tal-informaturi tista’ ttejjeb il-kapaċità tan-negozji biex jaqbdu u jiddenunzjaw il-malprassi kmieni, u jevitaw ħsara ulterjuri għall-ekonomija u għar-reputazzjoni.

Informazzjoni privileġġjata hija essenzjali biex tikxef ksur fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar l-Għajnuna mill-Istat. Din tgħin biex tipproteġi l-funzjonament effiċjenti tas-swieq fl-Unjoni, tippermetti kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għan-negozji u twassal il-benefiċċji għand il-konsumaturi. Rigward ir-regoli dwar il-kompetizzjoni li japplikaw għall-impriżi, il-protezzjoni tal-informaturi se żżid għall-programm ta’ klemenza tal-UE, li joffri lill-kumpaniji involuti f’kartell — li jirrappurtaw lilhom infushom u jipprovdu l-evidenza — immunità totali mill-multi jew tnaqqis tagħhom. Din il-politika ssaħħet fl-2017, permezz ta’: (i) direttiva proposta biex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, li tipprevedi ċerta forma ta’ protezzjoni għall-impjegati tal-ewwel kumpanija li tikkoopera fl-investigazzjonijiet 21 ; u (ii) għodda onlajn li tista’ tintuża b’mod anonimu biex il-Kummissjoni tiġi mwissija dwar ksur tal-liġi tal-antitrust 22 . Ir-rappurtar ta’ ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat inaqqas ir-riskju ta’ sussidji li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq uniku. B’mod partikolari, l-informaturi jista’ jkollhom rwol sinifikanti fir-rappurtar ta’ għajnuna mogħtija b’mod illegali u fl-għarfien meta l-għajnuna tintuża ħażin, kemm fil-livell nazzjonali, kif ukoll fil-livell reġjonali u lokali.

Billi tagħti spinta lit-trasparenza korporattiva, lir-responsabbiltà soċjali u lill-prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja, il-protezzjoni tal-informaturi tista’ tikkomplementa miżuri biex tiżdied it-trasparenza tan-negozji dwar kwistjonijiet soċjali u ambjentali 23 u tikkontribwixxi għall-għan tal-Kummissjoni li tiżviluppa strateġija globali u komprensiva tal-UE dwar il-finanzi sostenibbli, kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal ekonomija aktar ekoloġika u aktar nadifa 24 .

Il-protezzjoni effettiva tal-informaturi tista’ tappoġġa l-aġenda tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata tassazzjoni aktar ġusta fl-UE, kif deskritt fil-Komunikazzjoni li twieġeb għall-iskandlu tal-Panama Papers 25 . L-informaturi jista' jkollhom rwol vitali biex jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jidentifikaw skemi tat-taxxa li jammontaw għal evażjoni jew evitar, li jikkawżaw kompetizzjoni mhux ġusta fil-qasam tat-taxxa u li jirriżultaw fi dħul mitluf mit-taxxa għall-Istati Membri u għall-baġit kumplessiv tal-UE. Dan jikkomplimenta l-inizjattivi riċenti tal-UE biex ittejjeb it-trasparenza f’diversi oqsma ta’ politika u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa, fosthom: (i) ir-regoli ġodda dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa 26 , (ii) il-proposta li tirrikjedi li l-intermedjarji tat-taxxa, bħal konsulenti tat-taxxa, kontabilisti, banek u avukati jiddivulgaw skemi ta’ pjanifikazzjoni fiskali lill-awtoritajiet tat-taxxa 27 , u (iii) ir-regoli l-ġodda li jirrikjedu li kumpaniji multinazzjonali kbar jirrappurtaw lill-awtoritajiet tat-taxxa informazzjoni dwar fejn huma jagħmlu l-profitti tagħhom u fejn iħallsu t-taxxa tagħhom 28 . Dan jikkomplementa wkoll: (i) it-tisħiħ propost tar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus li jiżgura li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess għal informazzjoni vitali li tippermettilhom jipprevjenu bil-kbir l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa permezz ta’ fondi offshore 29 u (ii) l-isforzi usa’ biex jinħoloq ambjent aktar ġust tat-taxxa korporattiva fi ħdan l-UE 30 .

Protezzjoni b’saħħitha tal-informaturi f’oqsma bħas-sigurtà tal-prodotti, is-saħħa pubblika u l-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sikurezza tat-trasport, il-ħarsien tal-ambjent, is-sikurezza ambjentali, is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali, u s-sigurtà tan-netwerks u s-sistemi ta’ informazzjoni, se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ firxa ta’ politiki ulterjuri li jkollhom impatt dirett fuq l-ikkompletar tas-suq uniku u li jaffettwaw b’mod dirett il-ħajja ta’ kuljum u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej kollha.

Livell għoli ta’ protezzjoni komuni għal persuni li jirrappurtaw il-ksur tar-regoli tal-UE fil-kuntest ta’ xogħolhom iżid il-protezzjoni tal-ħaddiema, inklużi s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, f’konformità mal-għanijiet tal-Kummissjoni, li b’mod partikolari jingħataw segwitu permezz tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 31 . Il-protezzjoni se testendi għal dawk kollha li jinsabu f’riskju ta’ ritaljazzjoni relatata max-xogħol meta jitkellmu, inklużi impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom, freelancers, kuntratturi u fornituri, kif ukoll voluntiera u trainees mhux imħallsa. Il-protezzjoni se tiġi żgurata wkoll għall-informaturi f’sitwazzjonijiet transfruntiera li, minħabba fid-differenzi attwali bejn ir-regoli nazzjonali, jirriskjaw li “ma jkunux protetti kompletament” u jiffaċċjaw ritaljazzjoni talli jfittxu li jipproteġu l-interess pubbliku.

Inġenerali, il-kultura fuq il-post tax-xogħol għandha tibbenefika minn kanali effettivi għall-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u mill-fatt li informaturi potenzjali jkunu assigurati li huwa sikur u aċċettabbli li huma jitkellmu. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-informaturi tkun parallela għar-regoli eżistenti tal-UE: (i) dwar it-trattament indaqs, li jipproteġu kontra l-vittimizzazzjoni b’rispons għal ilment jew għal proċedimenti biex tiġi infurzata l-konformità ma’ dan il-prinċipju 32 u (ii) dwar il-protezzjoni kontra l-fastidju u dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol 33 , fejn il-ħaddiema huma intitotali jqajmu kwistjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jekk huma jqisu li l-miżuri meħuda jkunu inadegwati biex jiżguraw is-sikurezza u s-saħħa, u ma jistgħux jitqiegħu f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ minħabba f’hekk.

3.    Qafas għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi fl-UE

Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tistipula standards minimi għall-protezzjoni tal-informaturi f’oqsma li għandhom dimensjoni tal-UE ċara u fejn l-impatt fuq l-infurzar huwa l-akbar. Protezzjoni effettiva tal-informaturi hija meħtieġa biex jitjieb l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni f’oqsma fejn:

·il-ksur tad-dritt tal-UE jista’ jikkawża ħsara serja lill-interess pubbliku;

·ġiet identifikata l-ħtieġa li jissaħħaħ l-infurzar; u

·l-informaturi jkunu f’pożizzjoni privileġġata biex jikxfu l-ksur.

Għalhekk, il-Proposta tiffoka fuq informaturi li jirrappurtaw attivitajiet illegali jew ksur tad-dritt tal-UE fl-oqsma ta’: (i) l-akkwist pubbliku; (ii) is-servizzi finanzjarji, il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; (iii) is-sigurtà tal-prodotti; (iv) is-sikurezza tat-trasport; (v) il-ħarsien tal-ambjent; (vi) is-sikurezza nukleari; (vii) is-sikurezza tal-ikel u l-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali; (viii) is-saħħa pubblika; (ix) il-protezzjoni tal-konsumatur; (x) il-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta personali, u tas-sigurtà tan-netwerks u s-sistemi ta’ informazzjoni. Din tapplika wkoll għal ksur relatat mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għal ksur li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE u, fid-dawl tal-impatt negattiv tagħhom fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern, għal ksur tar-regoli dwar it-taxxa korporattiva jew arranġamenti li l-iskop tagħhom huwa li jinkiseb benefiċċju fuq it-taxxa li jmur kontra l-iskop tal-liġi applikabbli dwar it-taxxa korporattiva.

Biex tiżgura li l-ambitu tad-Direttiva jibqa’ aġġornat, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali lill-ħtieġa possibbli li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal oqsma jew atti tal-Unjoni oħra, fi kwalunkwe att tal-Unjoni fil-ġejjieni fejn il-protezzjoni tal-informaturi tkun rilevanti u tkun tista’ tikkontribwixxi għal infurzar aktar effettiv. Dan se jitqies ukoll meta l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

L-istandards minimi fid-Direttiva proposta għandhom l-għan li jiżguraw protezzjoni tal-informaturi ta’ livell għoli u konsistenti madwar l-UE. Dawn għandhom l-għan li jiżguraw li:

·informaturi potenzjali jkollhom kanali ċari ta’ rappurtar disponibbli biex jirrappurtaw kemm internament (fi ħdan organizzazzjoni) kif ukoll esternament (lil awtorità esterna);

·meta dawn il-kanali ma jkunux disponibbli jew ma jkunx jista’ jkun mistenni li jaħdmu sew, l-informaturi potenzjali jkunu jistgħu jirrikorru għad-divulgazzjoni lill-pubbliku;

·l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati jagħtu segwitu diliġenti għar-rapporti riċevuti, u jagħtu feedback lill-informaturi;

·ir-ritaljazzjoni, fid-diversi forom tagħha, tkun ipprojbita u kkastigata;

·jekk l-informaturi tabilħaqq jiffaċċjaw ritaljazzjoni, huma jingħataw pariri bla ħlas li jkunu aċċessibbli faċilment, ikollhom rimedji adegwati għad-dispożizzjoni tagħhom, eż. rimedji interim biex titwaqqaf ir-ritaljazzjoni li tkun għaddejja, bħala fastidju fuq il-post tax-xogħol, jew biex tiġi evitata tkeċċija sakemm idumu għaddejjin il-proċedimenti legali li jistgħu jdumu; jitreġġa’ lura l-oneru tal-provi, biex tkun ir-responsabbiltà tal-persuna li tieħu azzjoni kontra informatur li jippreżenta provi li huwa ma jkunx qed jirritalja kontra l-att tal-iżvelar ta’ informazzjoni protetta;

Dawn l-istandards minimi jipprevedu wkoll salvagwardji biex:

·jiġi protett b’mod ġenwin l-iżvelar responsabbli ta’ informazzjoni protetta li jkollu l-intenzjoni li jissalvagwardja l-interess pubbliku; 

·jiġi skoraġġut b’mod proattiv l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta u tiġi evitata ħsara mhux ġustifikata għar-reputazzjoni;

·ikunu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża ta’ dawk ikkonċernati mir-rapporti.

B’mod partikolari:

·l-informaturi jikkwalifikaw għall-protezzjoni jekk huma kellhom raġunijiet raġjonevoli biex jemmnu li l-informazzjoni rrappurtata kienet fattwali fi żmien ir-rappurtar;

·l-informaturi ġeneralment ikunu meħtieġa jużaw kanali interni għall-ewwel; jekk dawn il-kanali ma jaħdmux jew ma jkunx jista’ jkun mistenni li jaħdmu, pereżempju fejn l-użu ta’ kanali interni jista’ jipperikola l-effettività tal-azzjonijiet investigattivi mill-awtoritajiet kompetenti, huma jkunu jistgħu jirrappurtaw lil dawn l-awtoritajiet, u mbagħad lill-pubbliku / lill-midja jekk ma titteħidx azzjoni xierqa, jew f’ċirkostanzi partikolari bħal periklu imminenti jew manifest għall-interess pubbliku;

·l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet proporzjonali biex jiskoraġġixxu rapporti jew divulgazzjonijiet malizzjużi jew abbużivi;

·dawk ikkonċernati mir-rapporti jgawdu bis-sħiħ mill-preżunzjoni ta’ innoċenza, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, u d-drittijiet tad-difiża.

Miżuri ta’ appoġġ u miżuri oħra fil-livell tal-UE

Minbarra l-istandards minimi fid-Direttiva proposta, il-Kummissjoni qed tappoġġa protezzjoni effettiva tal-informaturi permezz ta’ miżuri oħra.

Bħala parti mill-azzjoni tagħha biex tiddefendi lill-ġurnalisti u l-libertà tal-midja, u fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew, attwalment il-Kummissjoni qed tikkofinanzja proġetti mmexxija miċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja. Il-proġetti jipprovdu għajnuna prattika u legali lil ġurnalisti li jiffaċċjaw theddid, kif ukoll taħriġ fl-awtodifiża diġitali għall-ġurnalisti. Minn Frar 2018, dawn jinkludu skema ta’ finanzjament għal ġurnalisti investigattivi transfruntiera 34 . Il-Kummissjoni tiffinanzja wkoll il-Media Pluralism Monitor (Monitor tal-Pluraliżmu fil-Midja), proġett li jkejjel ir-riskji għall-pluraliżmu fil-midja fl-UE bl-użu ta’ indikaturi bħall-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni, l-istandards ġurnalistiċi u l-protezzjoni tal-ġurnalisti 35 .

Permezz tal-programm ta’ kondiviżjoni tal-esperjenza fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni 36 , il-Kummissjoni ilha tiffaċilita wkoll l-iskambji tal-aħjar prattika madwar l-UE u tiffinanzja proġetti li jippermettu li l-informaturi jibbenefikaw minn informazzjoni aħjar dwar id-drittijiet u l-obbligi legali tagħhom, ikollhom aċess għal kanali sikuri u affidabbli biex jirrappurtaw l-għemil ħażin, u jirċievu appoġġ organizzazzjonali adegwat. Pereżempju, waħda mill-prijoritajiet tas-sejħa attwali għal proposti taħt il-“Fond għas-Sigurtà Interna - Pulizija” għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni hija li jiġu promossi għodod għas-sorveljanza ċivili u għall-ġurnaliżmu investigattiv, kif ukoll biex l-informaturi jingħataw għajnuna teknika u legali 37 . Bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja wkoll l-isforzi tal-Istati Membri biex jiġġieldu l-korruzzjoni, inkluża l-protezzjoni tal-informaturi.

Bħala parti mill-istrateġija tagħha għal infurzar effettiv tar-regoli tal-UE 38 , il-Kummissjoni tqis li n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen għandu rwol importanti. Dan in-netwerk huwa kkoordinat mill-Ombudsman Ewropew u jlaqqa’ flimkien lill-Ombudsmen nazzjonali u reġjonali biex jippromwovi l-amministrazzjoni tajba fl-applikazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-UE. Skont il-kompetenza tagħhom, il-membri ta’ dan in-Netwerk jistgħu jittrattaw ilmenti f’każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni fir-rigward ta’ rapporti mingħand informaturi, jiġifieri f’każijiet fejn rapporti minn informaturi ma jagħtux bidu għal investigazzjoni xierqa u segwitu fil-livell nazzjonali. L-Ombudsman Ewropew jista’ jfassal rapport dwar l-informazzjoni li l-membri tan-Netwerk jistgħu jipprovdulu rigward attivitajiet u investigazzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-informaturi, u jibgħat dak ir-rapport lill-Kummissjoni u lill-Parlament.

Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, sabiex tiżgura kemm jista’ jkun konsistenza. Il-Kummissjoni se tiltaqa’ b’mod bilaterali mal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex tiddiskuti kwistjonijiet li jirriżultaw fil-livell nazzjonali, kif ukoll biex tipprovdi pjattaforma fejn huma jkunu jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar it-traspożizzjon u jikkondividu l-esperjenza u l-għarfien espert.

4.    Miżuri tal-Istati Membri

Lejn protezzjoni komprensiva tal-informaturi fl-Istati Membri

Il-protezzjoni tal-informaturi għandha valur miżjud fir-rigward ta’ infurzar aħjar tad-dritt tal-UE f’ċerti oqsma, iżda l-benefiċċji tagħha għall-protezzjoni tal-interess pubbliku huma usa’ u jestendu wkoll lil hinn mid-dritt tal-UE. Din hija r-raġuni għala ħafna Stati Membri introduċew oqfsa nazzjonali għall-protezzjoni tal-informaturi. Approċċ effettiv u komprensiv għall-protezzjoni tal-informaturi jeħtieġ ċertezza legali u approċċ konsistenti għal, pereżempju, il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il-baġits pubbliċi, inklużi l-fondi nazzjonali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fi triqthom lejn l-adozzjoni tad-Direttiva proposta, huma japplikaw il-prinċipji tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Rakkomandazzjoni tiegħu kkwotata hawn fuq, kif ukoll il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà ta’ espressjoni. Dawn, flimkien mal-prinċipji stipulati fid-Direttiva proposta, jistgħu jservu bħala qafas komuni għal dawk l-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni li jiżguraw, b’mod wiesa’ u konsistenti, il-protezzjoni effettiva tal-informaturi anke lil hinn mill-oqsma koperti mill-proposta.

Regoli nazzjonali komprensivi u konsistenti dwar il-protezzjoni tal-informaturi jġibu magħhom għadd ta’ benefiċċji:

   Isaħħu l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-governanza tajba, kif ukoll il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

   Huma ta’ benefiċċju għall-klima ta’ investiment u jżidu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi.

   Jagħtu liċ-ċittadini ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali meħtieġa dwar il-protezzjoni disponibbli, jassiguraw lill-informaturi potenzjali u jħeġġuhom jitkellmu.

Sensibilizzazzjoni

L-esperjenza fil-livell nazzjonali u l-evidenza disponibbli juru li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-informaturi wkoll jeħtieġu li joħolqu sensibilizzazzjoni b’mod effettiv. Minbarra l-adozzjoni tad-Direttiva proposta, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqisu miżuri ulterjuri, inklużi dawk prattiċi, bħas-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku ġenerali. L-għan ikun li:

·tiġi promossa perċezzjoni pożittiva tal-informaturi bħala persuni li jaġixxu għall-ġid pubbliku u b’sens ta’ lealtà lejn l-organizzazzjoni u s-soċjetà tagħhom; u

·tingħata informazzjoni ġenerali dwar il-kanali ta’ rappurtar u l-protezzjoni disponibbli 39 .

Protezzjoni effettiva tal-informaturi fil-prattika tista’ tibbenefika wkoll minn miżuri aktar immirati u mfassla apposta. L-istandards u r-rakkomandazzjonijiet eżistenti 40 , kif ukoll miżuri li ttieħdu f’kuntesti nazzjonali differenti, jistgħu jkunu ta’ ispirazzjoni.

Gwida għall-kuntest tax-xogħol

Impjegati ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi u privati u l-kategoriji l-oħrajn kollha ta’ persuni li għandhom kuntatt ma’ dawn l-organizzazzjonijiet f’xogħolhom jeħtieġu informazzjoni dwar ir-regoli li tkun faċli għall-utent, sabiex huma jifhmuhom u l-implikazzjonijiet prattiċi tagħhom 41 . Lista pubblika u faċilment aċċessibbli ta’ awtoritajiet li tindika liema awtorità hija dik li tista’ tindirizza kwistjoni speċifika bl-aħjar mod fid-dawl tar-rwol u l-mandat tagħha, tista’ wkoll iżżid iċ-ċertezza legali ta’ informaturi potenzjali 42 .

Gwida għall-impjegaturi f’organizzazzjonijiet pubbliċi u privati tista’ tgħinhom jifhmu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom meta jistabbilixxu u joperaw proċeduri ta’ rappurtar, meta jittrattaw u jinvestigaw rapporti, u meta jipprevjenu u jindirizzaw ir-ritaljazzjoni 43 .

Anke fejn jeżistu liġijiet, politiki u linji gwida, l-informaturi potenzjali jista’ jkollhom mistoqsijiet dwar kif dawn jistgħu japplikaw għall-każ speċifiku tagħhom. L-awtoritajiet pubbliċi indipendenti 44 jew is-soċjetà ċivili 45 u trade unions jistgħu joffru servizzi konsultattivi u ta’ appoġġ lill-informaturi, possibbilment b’appoġġ pubbliku.

Appoġġ għan-negozji, b’mod partikolari kumpaniji żgħar u medji

Il-gwida għan-negozji u għall-industrija tista’ tagħmel l-argument għall-vijabbiltà tal-iżvelar ta’ informazzjoni protetta f’termini tal-prevenzjoni u l-indirizzar tal-ħsara għar-reputazzjoni u l-prestazzjoni. Il-kodiċijiet ta’ prattiki tajba jistgħu jgħinu fit-trawwim ta’ livell konsistenti ta’ prattika tajba fl-organizzazzjonijiet, kif ukoll jgħinu lin-negozji biex joħolqu politiki dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta li jkunu adattati għad-daqs tal-organizzazzjoni 46 . Dawn il-kodiċijiet ġew żviluppati fil-livell internazzjonali 47 u f’kuntesti nazzjonali minn atturi fis-settur privat 48 u dak pubbliku 49 .

SMEs li jkunu qed jistabbilixxu u / jew jimmaniġġjaw kanali ta’ rappurtar jistgħu jkunu jeħtieġu appoġġ finanzjarju, tekniku jew appoġġ prattiku ieħor. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lil korp bil-kompitu li jipprovdi kanali ta’ rappurtar għal dawn in-negozji 50 . L-SMEs jistgħu jitħeġġew ukoll biex jiġbru r-riżorsi tagħhom biex jikkondividu konsulenti kunfidenzjali (esterni) u l-kapaċità investigattiva. Organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u trade unions, assoċjazzjonijiet speċifiċi għas-setturi, organizzazjonijiet umbrella u professjonali jistgħu jitħeġġew ukoll biex jipprovdu appoġġ billi jieħdu u jiċċentralizzaw ir-rwol li jipprovdu persuni ta’ fiduċja / esperti legali biex jagħtu parir, jirċievu rapporti u anke jwettqu investigazzjonijiet.

Gwida għall-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali

Xi gwida tista’ tkun ukoll ta’ benefiċċju għall-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali li jirċievu u jittrattaw rapporti mingħand informaturi. Dawn l-awtoritajiet jistgħu jkunu minn awtoritajiet tat-taxxa sa aġenziji regolatorji dwar il-ħarsien tal-ambjent u s-sikurezza alimentari. Il-gwida tista’ tgħinhom jifhmu r-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom fl-oqsma speċifiċi tagħhom, u tipprovdilhom prattika tajba lil hinn mil-leġiżlazzjoni 51 .

Taħriġ

Huwa ċar li l-membri tal-persunal iddedikati fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu u jittrattaw rapporti jeħtieġu taħriġ xieraq 52 . B’mod aktar ġenerali, uffiċjali pubbliċi jistgħu jibbenefikaw ukoll minn taħriġ bħala parti mill-induzzjoni u mill-korsijiet ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol dwar l-istandards tal-integrità 53 . Il-gwida għas-settur privat tista’ tistabbilixxi wkoll standards minimi għat-taħriġ għall-organizzazzjonijiet u titfa’ r-responsabbiltà fuq l-impjegaturi biex jippromwovu l-politika b’mod xieraq fost l-impjegati tagħhom 54 . It-taħriġ għall-imħallfin u l-ġuristi jista’ jkun partikolarment importanti biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni.

5.    Konklużjoni

Protezzjoni robusta tal-informaturi kieku żżid mas-sett ta’ għodod tal-UE għat-tisħiħ tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE u biex jiġu rrispettati t-trasparenza, il-governanza tajba, l-obbligu ta’ rendikont u l-libertà ta’ espressjoni, li huma valuri u drittijiet li l-UE hija bbażata fuqhom.

Il-Kummissjoni qed tipproponi sett bilanċjat ta’ miżuri fil-livell tal-UE f’oqsma speċifiċi b’dimensjoni tal-UE ċara u fejn l-impatt tal-infurzar ikun l-aktar b’saħħtu, fejn ir-rapporti mingħand informaturi mhumiex frekwenti u fejn ksur mhux maqbud tad-dritt tal-UE jista’ jirriżulta fi ħsara serja għall-interess pubbliku. Approċċ ibbilanċjat huwa żgurat ukoll f’termini tal-limitazzjoni tal-piż għall-awtoritajiet nazzjonali u n-negozji, b’mod partikolari mikrokumpaniji u kumpaniji żgħar. Fl-aħħar nett, id-Direttiva proposta tikseb bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġu protetti kemm l-informaturi kif ukoll dawk ikkonċernati mir-rapporti, biex jiġi evitat l-abbuż.

L-introduzzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE kieku tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll għall-iżgurar tal-kundizzjonijiet ekwi meħtieġa biex is-suq uniku jiffunzjona sew u biex in-negozji joperaw f’ambjent kompetittiv ġust.

Filwaqt li fil-livell tal-UE, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, id-Direttiva proposta tistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni tal-informaturi mmirati lejn l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni f’oqsma speċifiċi, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex meta jittrasponu d-Direttiva, huma jikkunsidraw li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal oqsma oħra, u b’mod ġenerali li jiżguraw qafas komprensiv u koerenzi fil-livell nazzjonali.

Approċċ komprensiv huwa indispensabbli sabiex jiġi rikonoxxut il-kontribut sinifikanti tal-informaturi fil-prevenzjoni u l-indirizzar ta’ mġiba illegali li tikkawża ħsara lill-interess pubbliku, u biex jiġi żgurat li dawn jiġu protetti kif xieraq madwar l-UE. Il-protezzjoni tal-informaturi jistħoqqilha l-impenn sħiħ u l-isforzi konġunti tal-istituzzjonijiet, l-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha tal-UE.

(1)

COM(2018) 218. 

(2)

  https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=09000016805c5ea5  

(3)

Ara wkoll ir-Riżoluzzjoni 2170 (2017) tal-APKE “Promoting integrity in governance to tackle political corruption” (Il-promozzjoni tal-integrità fil-governanza biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni politika) http://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-EN.asp?fileid=23930&lang=en u

ir-Riżoluzzjoni 2060 (2015) “Improving the protection of whistle-blowers” (It-titjib tal-protezzjoni tal-informaturi) http://assembly.coe.int/nw/xml/XRef/Xref-XML2HTML-en.asp?fileid=21931&lang=en

(4)

L-istandards tal-protezzjoni tal-informaturi jkomplu jiġu stipulati fi strumenti internazzjonali bħall-Konvenzjoni tal-2004 tan-NU kontra l-Korruzzjoni, li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha jagħmlu parti minnha, u Konvenzjonijiet tal-1999 tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Liġi Ċivili u Kriminali dwar il-Korruzzjoni.

(5)

Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, l-Iżvezja, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

(6)

Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom, ĠU L 157, p. 1.

(7)

  https://data.europa.eu/euodp/data/dataset/S2176_88_2_470_ENG

(8)

  http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=54254

(9)

ECI (2016), Stħarriġ Globali dwar l-Etika fin-Negozju, Measuring Risk and Promoting Workplace Integrity (Kejl tar-Riskju u l-Promozzjoni tal-Integrità fuq il-Post tax-Xogħol) http://www.boeingsuppliers.com/2016_Global_Ethics_Survey_Report.pdf . L-Istħarriġ Globali dwar l-Etika fin-Negozju huwa ffinanzjat mill-industrija.

(10)

Transparency International (2013), Whistleblowing in Europe: Legal protections for whistleblowers in the EU (L-iżvelar ta’ informazzjoni protetta fl-Ewropa: Protezzjoni legali għall-informaturi fl-UE).

(11)

Rispettivament, ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta’ informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi (2016/2224(INI) u r-Rapport tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Jannar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (2016/2055(INI).

(12)

  http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2016/10/11-ecofin-conclusions-tax-transparency/

(13)

Bħal Transparency International, l-Unjoni Ewropea għas-Servizz Pubbliku u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti. Petizzjoni ta’ Eurocadres ġabret aktar minn 81 000 firma u l-appoġġ ta’ aktar minn 80 organizzazzjoni rilevanti https://act.wemove.eu/campaigns/whistleblowers .

(14)

  https://ec.europa.eu/commission/state-union-2016_mt . Dan l-impenn ġie riaffermat fil-programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 u l-2018 https://ec.europa.eu/info/test-strategy/strategy-documents_mt , https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/cwp_2018_mt.pdf

(15)

Il-Komunikazzjoni 8.12.2010, Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji, COM(2010) 716 final.

(16)

 2017/C 18/02.

(17)

http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/image/document/2016-50/2016-fundamental-colloquium-conclusions_40602.pdf

(18)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1 (ara l-Artikolu 22 bis, ter et quater).

(19)

Studju tal-2017 għall-Kummissjoni stima benefiċċji potenzjali mitlufa f’livell ta’ bejn EUR 5,8 miljun u EUR 9,6 miljun kull sena għall-UE kollha, minħabba n-nuqqas ta’ protezzjoni tal-informaturi, Milieu (2017), “Estimating the economic benefits of whistleblower protection in public procurement” (Stima tal-benefiċċji ekonomiċi tal-protezzjoni tal-informaturi fl-akkwist pubbliku) https://publications.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/8d5955bd-9378-11e7-b92d-01aa75ed71a1

(20)

https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/file_import/european-semester_thematic-factsheet_fight-against-corruption_en.pdf

(21)

Il-Proposta tat-22 ta’ Marzu 2017 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, COM(2017) 142 final - 2017/0063 (COD).

(22)

http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-591_mt.htm

(23)

Id-Direttiva 2013/34/UE tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi (ĠU L 182, p. 19), u l-Komunikazzjoni dwar Linji Gwida dwar rappurtar mhux finanzjarju (2017/C 215/01).

(24)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52018DC0097  

(25)

Il-Komunikazzjoni tal-5 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, COM(2016) 451.

(26)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta’ Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, ĠU L 332/1.

(27)

Il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’

informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti transkonfinali rapportabbli, COM(2017) 335 final

2017/0138 (CNS), li dwarha ntlaħaq qbil politiku fit-13 ta’ Marzu 2018.

(28)

Il-Proposta għal Direttiva tat-12 ta’ April 2016 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat, COM/2016/0198 final - 2016/0107 (COD).

(29)

Il-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE, COM(2016) 450 final 2016/0208 (COD).

(30)

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (kif emendata); Il-Proposta għal Direttiva dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva, COM/2016/0683 final — 2016/0336; Il-Proposta għal Direttiva dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva, COM/2016/0685 final — 2016/0337.

(31)

B’mod partikolari l-prinċipji 5 (kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti) u 7b (protezzjoni f’każ ta’ sensja) https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt .

(32)

Id-Direttiva 2006/54/KE tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid); Id-Direttiva 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi; Id-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol; Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità.

(33)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1; Ftehimiet qafas awtonomi ffirmati mis-sħab soċjali Ewropej fis-26 ta’ April 2007 dwar il-fastidju u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, u fit-8 ta’ Ottubru 2004 dwar l-istress relatat max-xogħol.

(34)

Taħt azzjoni preparatorja tal-Parlament dwar il-ġurnaliżmu investigattiv transfruntier, ġew allokati EUR 1 miljun liċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja biex iwettaq dawn l-attivitajiet. Il-proġett beda fl-1 ta’ Frar 2018.

(35)

  http://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/

(36)

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/organized-crime-and-human-trafficking/corruption/experience-sharing-programme/index_en.htm

(37)

  https://ec.europa.eu/research/participants/portal/desktop/en/opportunities/isfp/topics/isfp-2017-ag-corrupt.html

(38)

Il-Komunikazzjoni “Id-Dritt tal-UE: Riżultati Aħjar permezz ta’ Applikazzjoni Aħjar”, ikkwotata hawn fuq.

(39)

Eż., minbarra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi, ir-Rapport tal-OECD (2016) ta’ Impenn għal Protezzjoni Effettiva tal-Informaturi http://www.oecd.org/corporate/committing-to-effective-whistleblower-protection-9789264252639-en.htm , il-Gwida tan-NU għar-riżorsi dwar prattiki tajba fil-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw https://www.unodc.org/documents/corruption/Publications/2015/15-04741_Person_Guide_eBook.pdf ; il-Kompendju tal-G20 ta’ prattika tajba u prinċipji gwida għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-informaturi https://www.oecd.org/g20/topics/anti-corruption/publicationsdocuments/2/ ; il-“Prinċipji Internazzjonali għal-Leġiżlazzjoni dwar l-Informaturi” (2013) ta’ Transparency International, ir-Rakkomandazzjoni tal-2003 tal-OECD dwar Linji Gwida għall-Ġestjoni tal-Kunflitti ta’ Interess fis-Servizz Pubbliku http://www.oecd.org/development/governance-development/33967052.pdf u l-“Gwida għall-aħjar prattika għal-leġiżlazzjoni dwar l-informaturi” (2018) https://www.transparency.org/whatwedo/publication/international_principles_for_whistleblower_legislation .

(40)

Eż. il-“Gwida għall-impjegati” ta’ UK Government Whistleblowing https://www.gov.uk/whistleblowing ; l-Att tal-1990 tal-Irlanda dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali (Kodiċi ta’ Prattika għall-Att tal-2014 dwar id-Divulgazjzonijiet Protetti) għall-impjegati, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom http://www.irishstatutebook.i.e./eli/2015/si/464/made/en/print .

(41)

Eż. “L-iżvelar ta’ informazzjoni protetta: lista ta’ persuni u korpi preskritti fir-Renju Unit https://www.gov.uk/whistleblowing

(42)

Eż. il-Kodiċi ta’ Prattika għall-Att tal-2014 dwar id-Divulgazzjonijiet Protetti fl-Irlanda, ikkwotat hawn fuq, u il-“Gwida u kodiċi ta’ prattika għall-impjegaturi” ta’ UK Government Whistleblowing https://www.gov.uk/whistleblowing .

(43)

Bħad-Défenseur des Droits fi Franza jew l-Awtorità tal-Informaturi fin-Netherlands.

(44)

Xi eżempji jinkludu l-organizzazzjoni tal-karità għall-iżvelar ta’ informazzjoni protetta fir-Renju Unit, Public Concern at Work, u Transparency International, li topera Ċentri ta’ Rappreżentanza u Pariri Legali madwar id-dinja.

(45)

Eż. il-gwida prattika għall-SMEs mill-Konfederazzjoni Franċiża għan-Negozju MEDEF dwar kif għandhom jiġu ssodisfati l-obbligi skont il-liġi Franċiża dwar il-protezzjoni tal-informaturi, inkluż dwar l-istabbiliment ta’ kanali ta’ rappurtar interni http://www.medef.com/uploads/media/node/0001/13/7365147ef346ac642e4b03566a9b94306eee839f.pdf ;.

(46)

Eż. il-manwal tal-etika u l-konformità kontra l-korruzzjoni għan-negozji ppubblikat mill-OECD, l-UNODC u l-Bank Dinji (2013) http://www.oecd.org/corruption/Anti-CorruptionEthicsComplianceHandbook.pdf , Linji gwida tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta. (2008) https://iccwbo.org/publication/icc-guidelines-on-whistleblowing/ u l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali (2011) https://www.oecd.org/daf/inv/mne/oecdguidelinesformultinationalenterprises.htm .

(47)

Eż. il-Kodiċi ta’ prattika tal-arranġamenti għall-iżvelar ta’ informazzjoni protetta żviluppati minn Public Concern at Work, f’kollaborazzjoni mal-British Standards Institution (2008) https://uk.practicallaw.thomsonreuters.com/0-386-5339?transitionType=Default&contextData=(sc.Default)&firstPage=true&bhcp=1 .

(48)

Eż. il-Gwidi prattiki relatati mal-Integrità fil-Prattika mill-Awtorità Olandiża tal-Informaturi, speċifikament “The reporting procedure” (Il-proċedura ta’ rappurtar) u “Towards an ethical culture” (Lejn kultura etika) https://huisvoorklokkenluiders.nl/whistleblowers-authority-huis-voor-klokkenluiders-english/ ; u l- “Gwida u kodiċi ta’ prattika għall-impjegaturi” tar-Renju Unit, ikkwotat hawn fuq.

(49)

Il-paragrafu 62 tar-Rakkomandazzjoni tal-2014 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi kkwotata hawn fuq.

(50)

 Eż. Ir-Renju Unit, Gwida għal Persuni Preskritti u l-Irlanda: Gwida għall-iskop li l-korpi pubbliċi jingħataw assistenza fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom .

(51)

 L-Irlanda għamlitha possibbli li korpi pubbliċi jingħataw taħriġ dwar kif għandhom jittrattaw divulgazzjonijiet protetti https://irl.eu-supply.com/app/rfq/publicpurchase.asp?PID=112518

(52)

Ara r-Rakkomandazzjoni tal-OECD dwar l-Integrità Pubblika (2017) http://www.oecd.org/gov/ethics/
Recommendation-Public-Integrity.pdf

(53)

Ara r-Rakkomandazzjoni li saret minn Transparency International fil-“Gwida għal prattika tajba għal-leġiżlazzjoni dwar l-informaturi” tal-2018, ikkwotata hawn fuq.

Top