Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0047

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani

COM/2018/047 final

Brussell, 26.1.2018

COM(2018) 47 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani


1.Introduzzjoni

L-għan ewlieni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani ("ir-Regolament") 1 huwa li jistabbilixxi qafas komuni u standards tal-kwalità tal-istatistika għall-produzzjoni sistematika tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar dawn is-suġġetti.

L-Artikolu 12 tar-Regolament jistipula li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta’ Frar 2018 u kull 5 snin wara dik id-data. Ir-rapport għandu:

(1)jevalwa l-kwalità tad-dejta dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani;

(2)jivvaluta l-benefiċċji li ġejjin mill-istatistika prodotta, meta mqabbla mal-ispejjeż, għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, u l-fornituri u l-utenti ta' informazzjoni statistika;

(3)jidentifika, fid-dawl tar-riżultati, xi oqsma li jistgħu jitjiebu u kwalunkwe emenda meqjusa meħtieġa.

F’konformità ma’ dak l-Artikolu, dan ir-rapport jeżamina aspetti ewlenin tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 u l-miżuri li l-Kummissjoni ħadet biex jiżguraw li l-istatistika fil-livell tal-UE dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani jissodisfaw standards ta’ kwalità għolja.

2.Miżuri ta’ implimentazzjoni

Sa mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, il-Kummissjoni adottat dawn l-atti legali li jemendaw u jimplimentaw:

(1)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru No 601/2006 2 ;

(2)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru No 602/2006 3 ;

(3)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru No 1055/2008 4 ;

(4)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Numru 707/2009 5 ;

(5)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012 6 ;

Dawn l-atti legali jistipulaw:

­il-format tad-dejta meħtieġ u l-proċedura li l-Istati Membri għandhom isegwu meta jibagħtu d-dejta lill-Eurostat;

­meta l-Istati Membri għandhom jipprovdu dejta ġdida; kif ukoll

­l-iskeda ta’ żmien u l-kriterji tal-kwalità applikabbli għar-rapporti nazzjonali ta’ kwalità.

Is-sitt edizzjoni tal-Manwali tal-Bilanċ tal-Pagamenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (BPM 6), ippubblikat fl-2009, jipprovdi qafas kunċettwali għall-użu mill-Istati Membri tal-FMI meta jkunu qed jikkompilaw l-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti u tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali. Dan jistabbilixxi definizzjonijiet uniformi u klassifikazzjonijiet imfassla biex jistabbilixxu bażi komuni għall-ġbir u l-kumpilazzjoni tad-dejta dwar l-iżviluppi esterni u li jippermetti t-tqabbil tad-dejta minn pajjiżi differenti. Fil-livell tal-UE, ir-rekwiżiti għall-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 555/2012.

3.Is-settijiet tad-dejta ewlenin ikkonċernati

L-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti tipprovdi informazzjoni komprensiva dwar it-tranżazzjonijiet bejn l-ekonomija dikjaranti u l-bqija tad-dinja. Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 jikkonċerna l-ġbir ta’ dawn il-ħames settijiet tad-dejta:

(1)l-istatistika ta’ kull xahar dwar il-bilanċ tal-pagamenti;

(2)l-istatistika trimestrali dwar il-bilanċ tal-pagamenti u tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali;

(3)l-istatistika annwali tal-kummerċ internazzjonali tas-servizzi;

(4)it-tranżazzjonijiet ta' investiment dirett barrani (inkluż id-dħul);

(5)il-pożizzjonijiet fl-investiment dirett barrani

L-Eurostat jiġbor id-dejta mingħand l-Istati Membri għal kull wieħed minn dawn is-settijiet ta’ dejta. Dawn jintużaw biex jiġu prodotti l-aggregati tal-UE li jiġu ppubblikati fil-bażi ta’ dejta ta’ referenza online tal-Eurostat, flimkien mad-dejta mill-Istati Membri individwali.

Għad-dejta dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar u l-indikaturi tal-previżjoni tal-bilanċ ta’ pagamenti trimestrali derivati mill-istimi ta’ kull xahar huma disponibbli seba’ ġimgħat wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. L-ewwel stimi tal-bilanċ tal-pagamenti/il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali trimestrali jiġu rilaxxati 14-il ġimgħa wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. Il-bilanċ tal-pagamenti trimestrali fih firxa ħafna usa’ ta’ informazzjoni mill-istimi tal-previżjoni ta’ kull xahar u huwa ppreżentat f’aktar dettall. Mil-lat finanzjarju, il-fatt li l-kont finanzjarju tal-bilanċ tal-pagamenti, l-introjtu mill-investiment u l-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali huma kkompilati fl-istess ħin u b’mod konsistenti itejjeb il-kwalità tal-estimi tagħhom u jippermetti analiżi aktar komprensiva tar-relazzjonijiet transfruntiera. Il-bilanċ tal-pagamenti/il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali trimestrali jinkludu wkoll it-tqassim ġeografiku tal-imsieħba ekonomiċi ewlenin, b’mod partikolari l-akbar ekonomiji żviluppati u emerġenti.

L-Eurostat jippubblika wkoll statistika annwali aktar dettaljata dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani (IDB). Id-dejta annwali dwar l-IDB, li tibbaża ruħha fuq il-kontijiet annwali tad-ditti, tipprovdi aktar informazzjoni mid-dejta trimestrali tal-IDB. Din tippermetti li tingħata aktar informazzjoni u li jsiru kontrolli tal-kwalità aktar komprensivi fuq l-istokkijiet tal-IDB, il-komponenti differenti ta’ varjazzjonijiet tagħhom u d-dħul mill-IDB. Id-dejta annwali dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi tinqasam skont lista komprensiva ta’ tipi ta’ servizzi bit-tqassim ġeografiku tal-livell Geo 5 7 . L-Istati Membri jissupplixxu d-dejta disa’ xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza, u l-Eurostat jippubblikaha xahrejn jew tliet xhur wara. L-istatistika annwali dwar l-IDB tinkludi dejta dwar il-flussi u l-istokks, maqsuma skont it-tip tal-istrument, il-pajjiż sieħeb u l-attività ekonomika. L-Istati Membri jintalbu wkoll jipprovdu statistika dwar l-IDB separata għal entitajiet residenti bi skop speċjali. L-Istati Membri jibagħtu lill-Eurostat id-dejta tagħhom disa’ xhur wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-Eurostat jippubblika d-dejta madwar tliet xhur wara il-validazzjoni u l-ipproċessar tad-dejta.

4.Il-kwalità tal-istatistika ġġenerata

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport dwar il-kwalità tad-dejta fornuta. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) jgħid li l-kwalità tad-dejta trażmessa lill-Eurostat trid tiġi vvalutata abbażi tar-rapporti ta’ kwalità, bl-għajnuna tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. L-analiżi t’hawn taħt tirreferi għar-riżultati tal-aħħar rapporti ta’ kwalità disponibbli maħruġa mill-Istati Membri fl-2016. Il-kwalità tiġi vvalutata abbażi tal-kriterji prinċipali definiti mir-Regolament (KE) Nru 1055/2008.

4.1.Id-dimensjoni metodoloġika tas-solidità u l-proċeduri statistiċi

Id-dimensjoni metodoloġika tas-solidità u l-proċeduri statistiċi, il-kunċetti, id-definizzjonijiet u l-prattiki użati biex tiġi kkompilata l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani u ġeneralment f’konformità mal-prinċipji u l-linji gwida mfassla fil-BPM 6. Dawk jieħdu kont tar-regoli partikolari maqbula fil-livell tal-UE dwar il-kompilazzjoni tal-aggregati fiż-żona euro u fl-EU.

4.2.It-tempestività u l-puntwalità

Id-dejta dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar u dak trimestrali, dik dwar il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali trimestrali, dwar l-investiment dirett barrani u l-istatistika annwali tal-kummerċ internazzjonali tas-servizzi kienet ippovduta ħafna aktar fil-ħin milli għar-rapport preċedenti ta’ kwalità li jkopri l-2015. Erba’ Stati Membri wasslu s-settijiet tad-dejta tagħhom sad-data tal-iskadenza jew qabel.

4.3.Disponibbiltà tad-dejta

4.3.1.Kompletezza

Il-kompletezza tad-dejta tjiebet xi ftit meta mqabbla mar-rapport preċedenti ta’ kwalità, u l-aktar titjib ċar kien fil-bilanċ trimestrali tal-pagamenti u dwar l-investiment dirett barrani. It-28 Stat Membru kienu konformi bis-sħiħ mal-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar u dak trimestrali u mal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali trimestrali għax-xhur ta’ referenza fl-2016. Bħala medja, id-dejta dwar in-negozju internazzjonali tas-servizzi kienet 98 % lesta. Ir-rata medja ta’ kompletezza għall-UE kollha ġiet stmata għal 98 % għall-flussi tal-IDB u 99 % għall-istokks tal-IDB.

4.3.2.L-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza

Firxa wiesgħa ta’ utenti huma interessati fid-dejta dwar il-bilanċ tal-pagamenti, dwar il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali, dwar iil-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani. Din id-dejta tintuża b’mod estensiv fit-tfassil tal-politika tal-UE, fl-analiżi makroekonomika minn utenti tan-negozju u akkademiċi, u mill-pubbliku ġenerali.

Fil-bażi tad-dejta pubblika tiegħu, l-Eurostat jippubblika l-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar trimestrali, il-pożizzjonijiet u r-rivalutazzjonijiet trimestrali tal-investiment internazzjonali, l-istatistika annwali dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi, u d-dejta dwar l-investiment dirett barrani. Hemm ukoll dejta disponibbli fuq is-siti web nazzjonali, akkumpanjata minn metadejta rilevanti. Madankollu, hemm xi limitazzjonijiet li jirriżultaw minn politiki nazzjonali dwar id-disseminazzjoni ta’ din id-dejta.

L-ammont ta’ dejta disponibbli għall-utenti finali huwa sodisfaċenti; Tmintax-il Stat Membru jippermettu li 100 % tal-punti prinċipali fil-bilanċ tal-pagamenti trimestrali jiġu ppubblikat. Min-naħa l-oħra xi pajjiżi jkomplu jimmarkaw, b'mod eċċessiv, id-dejta nazzjonali tagħhom bħala “mhux pubblikabbli” jew “kunfidenzjali”, f’xi każijiet minħabba l-kwalità riżervi. Dan jillimita il-valur tal-informazzjoni statistika provduta lill-utenti b’mod regolari. Barra minn hekk, dan qed jostakola analiżi xieraq tal-politika bbażata fuq statistika tal-UE kollha. Il-każijiet ta’ dejta li qed tiġi mmarkata bħala “kunfidenzjali” żdiedu minħabba l-livell aktar fin ta’ dettall, b’mod partikolari d-dejta annwali, li kien hemm wara l-implimentazzjoni tal-BPM 6 fl-UE kollha.

4.4.Il-preċiżjoni u l-affidabbiltà

Fil-kontijiet tal-oġġetti, is-servizzi u l-introjtu sekondarju, ġew rregistrati reviżjonijiet relativvament żgħar kemm għall-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xhara kif ukoll trimestrali. Kien hemm aktar reviżjonijiet tal-kont tal-introjtu primarju milli kien hemm fil-perjodi preċedenti tar-rapportar, prinċipalment minħabba introjtu mill-investiment dirett. Dan huwa parzjalment minħabba li l-informazzjoni dwar l-investiment dirett barrani u l-komponenti tal-introjtu tiegħu hija aktar kompleta fuq bażi annwali meta l-kontijiet annwali tal-kumpaniji jsiru disponibbli. Il-medja aritmetika tar-reviżjonijiet kienu ġeneralment ogħla għall-partiti tal-kont finanzjarju milli għall-partiti tal-kont kurrenti, filwaqt li r-reviżjonijiet li jaffettwaw il-partiti ewlenin tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali kienu ferm inqas sinifikanti minn dawk għall-bilanċ tal-pagamenti.

4.5.Il-konsistenza interna

B’mod ġenerali, il-konsistenza mar-regoli tal-integrità hija sodisfaċenti. Ma hemm kważi l-ebda diskrepanzi fid-dejta annwali u trimestrali fuq il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani. L-Istati Membri għamlu sforzi sinifikanti biex jitnaqqsu l-iżbalji u l-ommissjonijiet, li jirriżulta f’inqas żbalji u ommissjonijiet relatati mal-kont kurrenti u l-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali. Madankollu, għad baqa’ żbalji u omissjonijiet sostanzjali f’oqsma oħra.

4.6.Il-konsistenza esterna

Fl-UE kollha, il-bilanċ tal-pagamenti u l-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali tal-oġġetti għadhom, ġeneralment, konsistenti ħafna. Normalment, id-diskrepanzi jkunu spjegabbli b’differenzi metodoloġiċi li jiġu ġustifikati skont l-istandards metodoloġiċi applikati. Għal għadd ta’ Stati Membri, il-kont kurrenti tal-bilanċ tal-pagamenti kien totalment, jew ferm konsistenti, mal-kontijiet nazzjonali, filwaqt li pajjiżi oħra, urew d-disparitajiet bejn it-tnjen, xi drabi sostanzjali.

4.7.L-assimetriji

L-asimmetriji fl-UE jibqgħu ta’ tħassib. L-asimetriji fil-komponenti tal-kont kurrenti saru pjuttost stabbli matul iż-żmien, iżda saħansitra żdiedu kemxejn għall-flussi tal-investiment dirett. It-Task Force tal-Eurostat dwar Servizzi b’Modi ta’ Provvista, li twaqqfet dan l-aħħar, maż-żmien tista’ tiġġenera aktar għarfien dwar is-setturi/Modi ta’ Provvista li jiġġeneraw żbalji u inkonsistenzi.

5.Il-benefiċċji għall-utenti u r-rilevanza tal-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti

Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 iwieġebgħall-bżonnijiet tal-utenti tad-dejta.

L-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti tintuża b’mod intensiv fit-tfassil tal-politika mill-istituzzjonijiet rilevanti nazzjonali u internazzjonali, inkluża l-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-IMF, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, l-OECD, il-G7 u l-G20.

L-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali jintużaw fil-politika monetarja. Flimkien ma’ indikaturi oħra, l-istatistika dwar l-iskambju tal-oġġetti u servizzi tintuża biex jiġu evalwati l-pressjonijiet inflazzjonarji tad-domanda esterna fuq l-ekonomiji konċernati u li tiġi kkwantifikata il-kontribuzzjoni li mill-esportazzjonijiet netti u l-prodott domestiku gross. Id-dejta dwar il-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali tintuża sabiex tiġi vvalutata s-sostenibbiltà tal-bilanċ estern tal-ekonomiji nazzjonali (kemm dawk bil-munita tagħhom stess kif ukoll dawk li jagħmlu parti mill-Unjoni monetarja, bħalma hi ż-żona tal-euro) u l-pressjonijiet li jistgħu jiġu eżerċitati fuq ir-rata tal-kambju. Id-dejta dwar il-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali tintuża b’mod estensiv fil-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku.

L-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti tiġi inkluża wkoll fir-rapporti ta' konverġenza mfassla u ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali Ewropew dwar l-Istati Membri individwali li għadhom mhumiex parti mill-Unjoni ekonomika u monetarja.

L-Artikoli 143 u 144 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirreferu b’mod espliċitu għall-bilanċ tal-pagamenti. Dawn jesiġu lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Kunsill infurmat bmod regolari dwar l-iżviluppi fis-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fl-Istati Membri li mhumiex jipparteċipaw fl-Unjoni ekonomika u monetarja.

L-iżviluppi fil-kont kurrenti tal-Istati Membri individwali jiġu analizzati fir-rigward tal-kompetittività ta’ kull pajjiż, filwaqt li l-istatistika dwar l-investiment dirett u l-investiment tal-portafoll tintuża biex tiġi analizzata l-attraenza tal-Istati Membri għall-investituri internazzjonali.

L-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti jenħtieġ li tkun konsistenti ma’ statistika ewlenija oħra miġbura f’dominji tal-istatistika relatati b’rilevanza għall-UE, bħal:

(1)il-prodott gfross domestiku (li jinkludi t-tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ merkanzija u servizzi) inklużi estimi pronti, li għalihom huma meħtieġa indikaturi tal-bilanċ ta’ pagamenti ta’ kull xahar;

(2)Id-dħul gross nazzjonali (li jinkludi t-tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ merkanzija u servizzi kif ukoll id-dħul);

(3)il-kont tal-bqija tad-dinja fil-kontijiet settorjali trimestrali fl-UE u fiż-żona euro, inklużi l-kontijiet finanzjarji.

Minbarra l-aggregati ewlenin, il-partiti speċifiċi għandhom rilevanza partikolari għal xi utenti:

­l-informazzjoni dettaljata fuq il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi ppubblikata fuq bażi annwali mill-Eurostat hija importanti għan-negozjati kummerċjali u d-definizzjoni tal-politiki doganali;

­it-tqassim ġeografiku tal-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti jgħin fil-monitoraġġ tal-interazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi terzi;

­il-kompożizzjoni tal-flussi finanzjarji u l-istokks (f’termini ta’ investiment dirett, portafoll u investiment ieħor) hija ta’ valur għall-evalwazzjoni tal-istabbilità finanzjarja.

­informazzjoni dettaljata dwar flussi tal-IDB hija importanti biex jitkejjel il-grad ta’ ftuħ ta’ ċerti swieq, jew biex tiġi vvalutata l-profittabbiltà globali tal-kapital ta’ investiment dirett investit.

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Bilanċ tal-Pagamenti jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 ġabet magħha għadd ta’ titjib fl-istatistika tal-bilanċ tal-pagamenti. Biex jivvaluta kif il-kumpilaturi u l-utenti nazzjonali tad-dejta bbenefikaw minn din l-implimentazzjoni, il-Grupp ta’ Ħidma kien mistieden jagħti punti fil-firxa 1-5. Punteġġ ta’ 1 ifisser li r-Regolament (KE) Nru 184/2005 ġab miegħu ftit benefiċċji, filwaqt li punteġġ ta’ 5 jfisser li ġab benefiċċji massimi.

-Il-punteġġ medju għad-disponibilità għall-utenti ta’ dejta aktar dettaljata dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani hija ta’ 4,0.

-Il-punteġġ medju għad-disponibilità għall-utenti ta’ dejta aktar fil-ħin u puntwali dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani hija ta’ 3,9.

­Il-punteġġ medju għal titjib fil-konsistenza bejn id-dejta dwar il-bilanċ tal-pagamenti u l-kontijiet nazzjonali tad-dejta huwa ta’ 4,0.

Ġie nnutat ukoll li l-bidliet metodoloġiċi u l-istandards ġodda tal-BPM 6 introdotti fl-2014 bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012, flimkien ma’ attenzjoni akbar lid-dejta dwar il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali, ġabu ċarezza u informazzjoni addizzjonali importanti lill-utenti tad-dejta tal-istatistika involuti fit-tfassil tal-politika makroekonomika u fir-riċerka ekonomika. Benefiċċju ieħor rikonoxxut huwa li r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tejjeb il-komparabbiltà u l-konsistenza tad-dejta fost l-Istati Membri.

6.L-ispejjeż u l-piż tal-istatistika tal-bilanċ ta’ pagamenti

Il-kompilaturi nazzjonali ddikjaraw li huma jużaw dejta mill-istatistika primarja biex tiġi kkompilata l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi, u l-investiment dirett barrani. Huma jibbażaw fuq firxa ta’ sorsi ta’ statistika primarja, inkluż id-dejta tad-dwana, id-dejta tal-istħarriġ dwar il-kummerċ intern tal-oġġetti tal-UE, id-dejta tar-reġistri tan-negozju, l-amministrazzjoni tat-taxxa, id-dejta dwar il-proprjetà immobbli u l-istatistika dwar it-turiżmu. Huwa diffiċli għall-Istati Membri li jifirdu l-ispejjeż speċifiċi tal-ġbir u l-produzzjoni tad-dejta mitluba mir-Regolament (KE) Nru 184/2005 mill-ispejjeż totali li jintefqu fil-ġbir tad-dejta għal skopijiet oħra.

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Bilanċ tal-Pagamenti diretti tistma l-input ta’ xogħol dirett meħtieġ għall-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti fl-UE għal madwar 772 ekwivalenti full-time (abbażi ta’ 24 Stati Membri 8 ). Dawn ir-riżorsi jiġu mifruxa bejn id-diversi dominji tal-bilanċ tal-pagamenti. Is-sett tad-dejta li jassorbi l-iktar input huwa l-bilanċ tal-pagamenti trimestrali li jieħu 48,1 % tar-riżorsi. Dan huwa segwit minn statistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar (20,2 %), l-investiment dirett barrani (16,1 %) u l-kummerċ internazzjonali tas-servizzi (15,7 %).

L-Istati Membri jistmaw li kwalunkwe ffrankar dovut għall-fatt li ma kienx hemm dejta mibgħuta lill-Eurostat qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, jammonta għal 10,4 % tal-ekwivalenti full-time. Id-dejta tal-bilanċ tal-pagamenti hija meħtieġa għall-finijiet nazzjonali wkoll, u l-Istati Membri kienu diġà jiġbruha qabel ma ġie adottat ir-Regolament. Dan ifisser li hemm bżonn biss ftit riżorsi oħra biex l-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti tiegħu. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 jirkbu b’mod sinifikanti fuq it-talbiet għad-dejta magħmula minn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra, partikolarment il-Bank Ċentrali Ewropew u l-FMI. Id-dejta prodotta mill-Istati Membri għall-finijiet speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, ma tistax tiġi distinta minn dik magħmula b’konformità ma’ rekwiżiti ta’ dejta oħra.

L-Istati Membri għandhom ftit wisq informazzjoni dwar il-piż, fuq dawk li jwieġbu, maħluq mill-ħtieġa li trid tinġabar id-dejta dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani, u dak li għandhom ma jippermettix li jsiru stimi.

7.Oqsma għal titjib potenzjali u emendi possibbli

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 jistipula li sal-20 ta’ Lulju 2018 il-Kummissjoni (Eurostat) trid tistabbilixxi studji pilota mwettqa mill-Istati Membri marbuta mal-istatistika annwali dwar l-investiment dirett barrani bbażata fuq il-kunċett ta' sjieda effettiva u statistika annwali dwar l-investiment dirett barrani li tiddistingwi tranżazzjonijiet ta’ investiment dirett barrani f'żona ġdida minn akkwiżizzjonijiet. L-għan ta’ dawn l-istudji huwa li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet, inkluż il-qafas metodoloġiku, li dan il-ġbir ġdid tad-dejta jrid jiġi introdott skonthom; sabiex jiġu evalwati l-ispejjeż u l-kwalità statistika, u sabiex il-Eurostat ikun jista’ jqabbel il-ġbir tad-dejta bejn il-pajjiżi.

It-tieni nett, sal-20 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tħejji rapport dwar is-sejbiet ta’ dawn l-istudji, tibagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, jekk ikun hemm bżonn, jiġu identifikati l-kundizzjonijiet li jkun fadal li jridu jiġu ssodisfati sabiex tiġi żviluppata l-metodoloġija għal dan il-ġbir ta’ dejta. Tnax-il xahar wara l-ħruġ ta’ dan ir-rapport, skont il-valutazzjoni tar-riżultati tal-istudji pilota, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta biex temenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 biex jiġu ddefiniti r-rekwiżiti metodoloġiċi u ta’ dejta għall-istatistika annwali dwar l-investiment dirett barrani bbażata fuq il-kunċett ta' sjieda effettiva u għall-istatistika annwali dwar l-investiment dirett barrani li tiddistingwi tranżazzjonijiet ta’ investiment dirett barrani f'żona ġdida minn akkwiżizzjonijiet.

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Bilanċ tal-Pagamenti huwa tal-fehma li r-rekwiżiti tad-dejta bbażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 184/2008 jenħtieġ li preferibbilment jibqgħu stabbli għal tul ta’ żmien raġonevoli sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti ta’ kwalità u l-kwalità tal-istatistika tittejjeb. Il-kwistjonijiet ta’ kwalità pendenti huma dawk imsemmija fir-rapporti annwali ta’ kwalità fuq l-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u investiment dirett barrani (disponibbli fuq is-sit web tal-Eurostat).

Il-Grupp ta’ Ħidma jipprijoritizza wkoll l-istatistika trimestrali dwar il-bilanċ tal-pagamenti fid-dejta ta’ kull xahar. Il-bilanċ tal-pagamenti trimestrali jipprovdi dettall aktar irfinut u kwalità ogħla (eż. il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi, l-ekwità tal-investiment dirett barrani, l-introjtu mill-investiment, il-kumpens lill-impjegati) mill-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti ta’ kull xahar. Għalhekk, il-Grupp ta’ Ħidma jippreferi li r-rekwiżiti tad-dejta ta’ kull xahar jiġu ssimplifikati, jekk dan jitqies xieraq.

8.Konklużjonijiet

Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 għen biex jarmonizza aktar l-istatistika tal-UE kollha dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani. Dan għen ukoll biex jiġi żgurat li d-dejta tkun disponibbli fiż-żmien xieraq u li l-utenti jkollhom aċċess għal dejta aktar dettaljata. Il-kwalità tad-dejta tiġi ssorveljata mill-qrib abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità li huma armonizzati fl-oqsma statistiċi varji kkonċernati. Dan għen biex titjieb il-konsistenza tal-valutazzjoni tal-kwalità bejn id-diversi oqsma tal-istatistika.

Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport ser jiġu kkunsidrati meta l-Kummissjoni, fejn xieraq, tagħmel proposta għal emendi fir-Regolament (KE) Nru 184/2005 kif imsemmi fil-punt 7 hawn fuq.

Jekk f’xi oqsma r-rekwiżiti kellhom isiru aktar stretti, ir-rekwiżiti tad-dejta f’oqsma oħra jew dwar aspetti oħra setgħu jiġu ssimplifikati sabiex jiġu evitati żidiet fl-ispejjeż. Dan japplika b’mod partikolari għar-rekwiżiti tad-dejta ta’ kull xahar.

(1) ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23.
(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 601/2006 tat-18 ta’ April 2006 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-format u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-dejta (ĠU L 106, 19.4.2006, p. 7).
(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 602/2006 tat-18 ta’ April 2006 li jadatta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tal-aġġornament tar-rekwiżiti tad-dejta (ĠU L 106, 19.4.2006, p. 10).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1055/2008 tas-27 ta’ Ottubru 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ kriterji tal-kwalità u rappurtar tal-kwalità għall-istatistiċi ta’ bilanċ tal-pagamenti (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 3).
(5)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 707/2009 tal-5 ta' Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u l-investiment dirett barrani, fir-rigward tal-aġġornament tar-rekwiżiti ta’ dejta
(
ĠU L 204, 6.8.2009, p. 3).
(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012 tat-22 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani, fir-rigward tal-aġġornament tar-rekwiżiti tad-dejta u d-definizzjonijiet (ĠU L 166, 27.6.2012, p. 22).
(7)

 It-tqassim ġeografiku fil-livell 5 jinkludi dawn il-pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi li ġejjin kif stabbilit fit-“Tabella 6 Tqassim ġeografiku” tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2012.

(8) Dwar l-abbozz ta’ dan ir-Rapport, il-Eurostat nieda konsultazzjoni ġenerali mill-6 ta’ Lulju 2017 sal-4 ta’ Awwissu 2017.
24 Stat Membru wieġbu l-kwestjonarju tal-Eurostat.
Top