Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0022

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali

COM/2018/022 final

Brussell, 17.1.2018

COM(2018) 22 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali

{SWD(2018) 12 final}


1. Introduzzjoni

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-aqwa investimenti fil-futur tal-Ewropa. Dawn għandhom rwol importanti biex jagħtu spinta lit-tkabbir, lill-innovazzjoni u lill-ħolqien tal-impjiegi. Is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ tal-Ewropa jeħtieġ li jagħtu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi orjentati lejn il-futur li l-persuni jeħtieġu biex ikunu innovattivi u jirnexxu. Dawn għandhom ukoll rwol importanti biex joħolqu identità Ewropea, imsejsa fuq valuri u kulturi komuni. L-edukazzjoni għandha tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex jartikulaw u jinvolvu ruħhom, jieħdu sehem u jsawru l-futur ta’ Ewropa kkaratterizzata bid-demokrazija, is-solidarjetà u l-inklużjoni. It-teknoloġija diġitali tarrikkixxi t-tagħlim f’varjetà ta’ modi u toffri opportunitajiet ta’ tagħlim, li jridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Dan jiftaħ l-aċċess għal kwantità kbira ta’ informazzjoni u riżorsi.

Fid-dikjarazzjoni ta’ Ruma ta’ Marzu 2017, l-Istati Membri tal-UE enfasizzaw l-impenn tagħhom biex jipprovdu liż-żgħażagħ b’“l-aqwa edukazzjoni u taħriġ”. F’Ottubru 2017 il-Kunsill Ewropew appella għal sistemi ta’ taħriġ u edukazzjoni li jkunu “tajbin għall-era diġitali” 1 . F’Novembru 2017 fis-Summit ta’ Gothenburg, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħabbru l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jistabbilixxi d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi. Il-Komunikazzjoni “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura 2 ”, il-kontribut tal-Kummissjoni għad-diskussjoni tal-Aġenda tal-Mexxeja tal-UE dwar l-edukazzjoni u l-kultura fis-Summit ta’ Gothenburg, tistabbilixxi viżjoni għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ħabbret Pjan ta’ Azzjoni ddedikat għall-Edukazzjoni Diġitali.

Il-Kummissjoni se tospita l-ewwel Summit Ewropew dwar l-Edukazzjoni f’Jannar 2018 bit-tema wiesgħa ta’ “Inħejju s-sisien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: għal edukazzjoni innovattiva, inklużiva u bbażata fuq il-valuri”. Bħala parti mit-twettiq tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa 3 , il-Kummissjoni se tipproponi rieżami tal-Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għal Tagħlim tul il-Ħajja 4 li jistabbilixxi l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet li l-persuni jeħtieġu fil-ħajja, inklużi l-kompetenzi diġitali. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi kif is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jużaw aħjar l-innovazzjoni u t-teknoloġija diġitali u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kompetenzi diġitali rilevanti meħtieġa fil-ħajja u fix-xogħol f’era ta’ bidla diġitali mgħaġġla. Il-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka b’mod speċifiku fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u jkopri l-iskejjel, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u l-edukazzjoni għolja.

2. Sfidi u opportunitajiet tat-tranżizzjoni diġitali fl-edukazzjoni

It-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa se taċċellera bil-progress rapidu tat-teknoloġiji l-ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, il-cloud computing u l-blockchain. Bħall-avvanzi teknoloġiċi preċedenti ewlenin, id-diġitalizzazzjoni taffettwa l-mod kif il-persuni jgħixu, jinteraġixxu, jistudjaw u jaħdmu. Se jintilfu xi impjiegi, oħrajn se jinbidlu u se jinħolqu impjiegi ġodda, filwaqt li se jiġu trasformati ħafna impjiegi u industriji u jfeġġu attivitajiet 5 . Dan ifisser li huwa fundamentali li wieħed jinvesti fil-ħiliet diġitali tul il-ħajja.

Għalkemm hemm bosta opportunitajiet li jirriżultaw mit-tranżizzjoni diġitali, l-akbar riskju tal-lum huwa soċjetà li ma tkunx ippreparata sew għall-futur. Jekk l-edukazzjoni se tkun is-sinsla tat-tkabbir u l-inklużjoni fl-UE, kompitu ewlieni huwa li ċ-ċittadini jkunu preparati biex jisfruttaw kemm jistgħu l-opportunitajiet u jindirizzaw l-isfidi ta’ dinja li timxi b’rata mgħaġġla, globalizzata u interkonnessa.

L-isforzi ta’ riforma jitkomplew kull sena, għalkemm hemm distakk persistenti fl-Istati Membri tal-UE u bejniethom, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura u l-ħiliet diġitali, li jfixkel it-tkabbir inklużiv. Il-gruppi vulnerabbli huma partikolarment affettwati minn din is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ interess fost il-bniet biex ikomplu l-istudji tagħhom fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) tibqa’ problema ċara. Dan iwassal biex jintilfu l-opportunitajiet soċjali u ekonomiċi u għar-riskju li tissaħħaħ id-disparità bejn is-sessi.

L-edukazzjoni tista’ tibbenefika minn klassijiet miftuħa, esperjenzi u proġetti mill-ħajja reali, u minn materjali u għodod ġodda ta’ tagħlim u minn riżorsi edukattivi miftuħa. L-istudenti jistgħu jingħataw is-setgħa permezz ta’ kollaborazzjoni online. L-aċċess għat-teknoloġiji diġitali u l-użu tagħhom, jistgħu jgħinu biex jitnaqqas id-distakk bejn l-istudenti minn sfondi soċjoekonomiċi għoljin u baxxi. It-tagħlim personalizzat jista’ jwassal għal żieda fil-motivazzjoni billi jkun hemm fokus fuq l-istudenti individwali. Madankollu, il-progress fl-integrazzjoni tat-teknoloġija fl-edukazzjoni għadu limitat.

Aktar minn 80 % taż-żgħażagħ fl-Ewropa jużaw l-internet għal attivitajiet soċjali 6 . L-aċċess mill-mowbajl għall-internet żdied b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin 7 . Iżda l-użu tat-teknoloġija għal skopijiet edukattivi għadha lura. Mhux l-iskejjel primarji u sekondarji kollha fl-UE għandhom konnessjonijiet broadband u mhux l-edukaturi kollha għandhom il-kompetenzi u l-kunfidenza biex jużaw għodod diġitali biex jappoġġaw it-tagħlim tagħhom 8 . Studju riċenti wera li fl-2015, madwar 18 % tal-iskejjel primarji u sekondarji fl-UE ma kinux konnessi mal-broadband 9 .

L-innovazzjoni fis-sistemi edukattivi, mifhuma bħala l-adozzjoni ta’ servizzi, teknoloġiji u kompetenzi ġodda mill-organizzazzjonijiet ta’ edukazzjoni, tista' tgħin biex jitjiebu l-eżiti tat-tagħlim, tissaħħaħ l-ekwità u titjieb l-effiċjenza 10 . Din tkun effettiva u sostenibbli l-aktar meta titħaddan minn għalliema mħarrġa sew u tiġi integrata b’mod ċar fl-għanijiet tat-tagħlim. Madankollu, għad fadal xi jsir dwar l-aħjar mod kif jintużaw il-mezzi diġitali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-edukazzjoni.

L-avvanzi diġitali jġibu wkoll sfidi ġodda għall-istudenti u l-għalliema tal-Ewropa. L-algoritmi użati minn siti tal-midja soċjali u mill-portali tal-aħbarijiet jistgħu jkunu amplifikaturi b’saħħithom ta’ preġudizzjui jew ta’ aħbarijiet foloz, filwaqt li l-privatezza tad-dejta saret punt ewlieni ta’ tħassib fis-soċjetà diġitali. Kemm iż-żgħażagħ kif ukoll l-adulti huma vulnerabbli għall-bullying ċibernetiku u l-fastidju, l-atteġġjament predatorju jew il-kontenut online inkwetanti. L-espożizzjoni ta’ kuljum għad-dejta diġitali, fil-biċċa l-kbira mmexxija minn algoritmi li ma jinftehmux, toħloq riskji evidenti u issa aktar minn qatt qabel teħtieġ ħsieb kritiku u l-kapaċità li wieħed jinvolvi ruħu b’mod pożittiv u kompetenti fl-ambjent diġitali. Qed naffaċċjaw bżonn li jevolvi l-ħin kollu, li niksbu litteriżmu medjatiku u taħlita wiesgħa ta’ ħiliet u kompetenzi diġitali, inklużi s-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza. Iżda għad hemm il-problema kif dawn se jaslu għand il-popolazzjoni inġenerali u għand aktar professjonijiet u setturi avvanzati.

3. Ir-rwol ewlieni tal-kooperazzjoni fl-UE kollha biex tiżdied l-innovazzjoni fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri tal-UE

Il-kooperazzjoni fl-UE kollha bl-iskambju tal-aħjar prattiki, it-tagħlim bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-evidenza hija mezz ippruvat ta’ kif jiġu appoġġati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri tal-UE. L-oqfsa komuni jgħinu biex jiġu identifikati soluzzjonijiet effettivi filwaqt li għodod komuni bħal eTwinning, iżidu l-effiċjenza u jwessgħu l-impatt. Fl-Ewropa kollha qed iseħħu prattiki innovattivi fl-edukazzjoni, b’mod partikolari dawk diġitali. Dawn jieħdu diversi forom u jinvolvu l-atturi pubbliċi, privati u mhux governattivi. Madankollu, l-innovazzjoni fis-sistemi edukattivi mhijiex għan fiha nnifisha, iżda mezz biex titjieb il-kwalità u l-inklużività tas-sistemi tal-edukazzjoni.

L-evidenza mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) wriet li minflok ma wieħed jistenna li ssir il-bidla, il-partijiet ikkonċernati qegħdin jużaw b’mod attiv l-opportunitajiet diġitali biex itejbu t-tagħlim u l-apprendiment 11 . Jenħtieġ li jitrawwem u jiġi appoġġat l-ispirtu innovattiv u intraprenditorjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ b’rieda politika ċara u bi sforz biex l-innovazzjoni taħdem għal kulħadd. Hemm bżonn li tiġi kondiviża, diskussa u promossa u, fejn possibbli, tiżdied il-prattika innovattiva. Il-kunċetti, l-għodod, il-metodi, il-proċessi, il-ħsieb sistematiku u l-ħsieb proġettwali jeħtieġ li jkunu aktar aċċessibbli għall-professjonisti tal-edukazzjoni li spiss ma jkunux konxji ta’ dak li huwa ppruvat u ttestjat fi bnadi oħra, xi drabi anke fil-viċin ħafna tagħhom.

Id-dejta u l-evidenza fil-livell tal-UE jikkontribwixxu għal trasparenza aħjar, filwaqt li jitkejjel il-progress u t-tagħlim mill-pari madwar l-Istati Membri tal-UE. Hemm bosta studji u stħarriġ marbuta mal-użu tat-teknoloġija fl-iskejjel. Madankollu, il-biċċa l-kbira tagħhom huma jew parzjali, li ngħidu aħna jkopru qasam speċifiku bħall-konnettività, jew huma ġeografikament limitati, li jkopru pajjiż partikolari. Fil-livell globali, is-sorsi ewlenin tal-valutazzjoni komparattiva huma l-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, fosthom l-istħarriġ tal-2013 dwar l-ICT fl-Edukazzjoni, l-istħarriġ annwali dwar l-użu tal-ICT mill-unitajiet domestiċi u l-individwi, il-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-OECD u l-Istħarriġ dwar il-Ħiliet tal-Adulti (PIAAC). Hemm bżonn ta’ aktar evidenza u ta’ approċċ koerenti għall-ġbir tad-dejta.

Il-partijiet ikkonċernati fis-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ jaqdu rwol ewlieni fl-integrazzjoni tal-innovazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi riċenti enfasizzaw il-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE aktar speċifika li tappoġġa l-adozzjoni ta’ approċċi innovattivi u teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni, u l-iżvilupp ta’ kompetenzi diġitali, inklużi l-litteriżmu tal-midja diġitali u s-sikurezza u l-benesseri diġitali 12 . 68 % ta’ dawk li wieġbu l-konsultazzjoni pubblika dwar il-programm Erasmus+ għarrfu li l-innovazzjoni hija “estremament rilevanti” sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-settur tal-edukazzjoni. Hemm ukoll ħtieġa evidenti biex: (i) jiġu xprunati l-kompetenzi intraprenditorjali u l-mentalità intraprenditorjali; u (ii) biex tiġi appoġġata l-intraprenditorija diġitali li tħaddan impriżi ġodda u t-trasformazzjoni ta’ negozji eżistenti permezz ta’ teknoloġiji diġitali ġodda u emerġenti.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali Azzjoni jibni fuq iż-żewġ Komunikazzjonijiet adottati f’Mejju 2017: Aġenda mġedda tal-UE għall-Edukazzjoni Għolja u L-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja 13 . Dan jappoġġa l-ħidma dwar is-Suq Uniku Diġitali 14 u l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa. 

Il-Pjan ta’ Azzjoni jieħu azzjoni ulterjuri għas-sejħa tad-Dokument ta’ Riflessjoni dwar l-Isfruttar tal-Globalizzazzjoni biex is-soċjetà ssir “aktar mobbli u diġitali u nipprovdu t-taħlita tajba ta’ ħiliet personali [...] kif ukoll ħiliet diġitali robusti”. Dan appella biex l-edukazzjoni tgħin issaħħaħ ir-reżiljenza fi żminijiet ta’ bidla teknoloġika u globalizzazzjoni rapida. Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa allinjat mad-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ekonomija Diġitali tal-G-20 tal-2017 li juri rikonoxximent globali li “kull forma ta’ edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja tista’ teħtieġ li tiġi aġġustata biex tieħu vantaġġ mit-teknoloġiji diġitali l-ġodda” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Dawn id-dokumenti jiddeskrivu għadd ta’ għanijiet politiċi rilevanti, li jibqgħu aktar validi minn qatt qabel. Dawn jinkludu:

·l-appoġġ għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja;

·it-titjib tar-rilevanza tagħha;

·l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tal-Ewropej u kif isiru aktar viżibbli;

·l-ixprunar tal-innovazzjoni u l-kompetenzi diġitali fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha;

·il-ftuħ tas-sistemi edukattivi.



4. Prijoritajiet għal azzjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-ħtieġa li jitqanqal, jiġi appoġġat u jiżdied l-użu bi skop tal-prattiki innovattivi u diġitali tal-edukazzjoni. Dan se jibbaża fuq firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jinkludu n-negozji, ir-riċerka, l-NGOs, kif ukoll, meta jkun rilevanti, l-edukazzjoni mhux formali. Il-Pjan għandu tliet prijoritajiet:

·1: L-użu aħjar tat-teknoloġija diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment

·2: L-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali rilevanti għat-tranżizzjoni diġitali

·3: It-titjib tal-edukazzjoni b’analiżi u tbassir aħjar tad-dejta

Għal kull prijorità, il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi miżuri li jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jindirizzaw l-isfidi. Dawn jinkludu: (i) il-provvista ta’ għodod li jgħinu lill-edukaturi u lill-ħarrieġa jużaw aħjar it-teknoloġija fosthom il-konnettività aħjar tal-internet; (ii) azzjoni mmirata biex jiġu żviluppati l-kompetenzi diġitali rilevanti; (iii) sforzi ġodda u msaħħa biex titjieb l-edukazzjoni permezz ta’ evidenza u analiżi aħjar. Il-Pjan ta’ Azzjoni ma jippreġudikax il-proposta li jmiss tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid u l-programmi futuri ta’ finanzjament.

4.1. L-ewwel prijorità: L-użu aħjar tat-teknoloġija diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment

Is-soċjetà u l-ekonomija tagħna qed isiru dejjem aktar maħkuma mit-teknoloġija diġitali. It-teknoloġija fil-forom differenti tagħha hija parti kbira mill-ambjent tax-xogħol u mill-istil ta’ ħajja tagħna. Madankollu, hemm differenza bejn l-użu tat-teknoloġija diġitali fil-ħajja ta’ kuljum u fl-edukazzjoni. It-teknoloġija diġitali għandha l-potenzjal enormi u mhux sfruttat li ttejjeb l-edukazzjoni.

Parti ewlenija tal-edukazzjoni diġitali hija li tiġi żgurata l-ekwità u l-kwalità tal-aċċess u l-infrastruttura. Id-distakk diġitali għandu ħafna dimensjonijiet, iżda t-titjib tal-aċċess għat-teknoloġija u l-konnettività għat-tfal kollha fl-edukazzjoni jrid ikun il-punt ta’ tluq biex jitnaqqsu l-inugwaljanza u l-esklużjoni. Jeħtieġ ukoll li nindirizzaw il-kwalità varjabbli tal-aċċess u l-infrastruttura, peress li l-kwalità għolja toffri esperjenza ta’ tagħlim aktar innovattiva u sodisfaċenti.

L-innovazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ tiddependi ħafna fuq l-għoti tas-setgħa u l-interkonnessjoni tal-edukaturi. L-Erasmus + jikseb dan permezz tat-tagħlim bejn il-pari. It-taħriġ u l-workshops ta’ prattika ġodda magħmula minn esperti ġodda kemm għal dawk li jfasslu l-politika kif ukoll għall-edukaturi, inkluża l-Pjattaforma tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Fornituri tal-ETV, se jkomplu jsaħħu s-sens ta’ konnessjoni bl-iżvilupp ta’ kontenut speċifiku f’diversi lingwi u billi jużaw pjattaformi ewlenin tal-UE bħal, School Education Gateway u Akkademja tal-Għalliema. Se tiġi promossa aktar il-mobilità mħallta b’opportunitajiet ġodda f’Erasmus+ biex tappoġġa kemm it-tagħlim online kif ukoll dak li jsir wiċċ imb wiċċ u l-iskambju għall-istudenti f’pajjiżi differenti.

Il-prontezza diġitali fl-edukazzjoni teħtieġ għarfien u tinvolvi adattament u bidla. L-iskejjel u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ fl-Ewropa huma differenti, b’tagħmir, ħiliet tal-għalliema u approċċi għall-użu tat-teknoloġija li jvarjaw ħafna. Madwar l-Ewropa kollha jeżistu istanzi ta’ innovazzjoni fl-edukazzjoni diġitali. Madankollu l-politiki u l-prattiki innovattivi għandhom bżonn l-appoġġ biex jiġu applikati fuq skala akbar.

Biex l-innovazzjoni u t-teknoloġija jaslu fil-klassi, l-edukaturi jeħtieġu ambjent ġust, infrastruttura, tagħmir u appoġġ mingħand min imexxi. Biex it-teknoloġija diġitali tkun ta’ benefiċċju għall-istudenti u għall-persunal hemm bżonn ta’ approċċ li jgħaqqad it-taħriġ tal-għalliema, il-kurrikuli u l-materjali edukattiv li huma tajbin għall-mudelli ta’ tagħlim appoġġati b’mod diġitali. Dan l-approċċ li jinvolvi l-organizzazzjoni kollha biex jimplimenta teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment huwa rifless fl-għodda ta’ awtovalutazzjoni SELFIE, varata fl-iskejjel ta’ 14-il pajjiż.

Il-mobilità hija parti importanti tal-edukazzjoni u t-teknoloġija diġitali hija kruċjali biex din tittejjeb aktar. Il-proġetti tal-Erasmus+ bħall-eCard Ewropea għall-istudenti u “Erasmus without Papers” se jiżdiedu u jiġu integrati fil-ħidma dwar l-awtentikazzjoni fi proġetti taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 15 . L-għanijiet huma li:

·l-istudenti jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom b’mod affidabbli, skont il-prinċipju ta’ darba biss 16 ;

·is-sistemi ta’ informazzjoni tal-istitutuzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jkunu konnessi b’mod diġitali;

·ikunu jistgħu jsiru l-iskambju u l-verifika sikuri tad-dejta dwar l-istudenti u tar-rekords akkademiċi;

·jitnaqqsu l-proċeduri amministrattivi;

·jingħata aċċess għas-servizzi li l-istudenti huma intitolati għalihom meta jaslu fil-pajjiż ospitanti.

L-inizjattiva tal-eCard Ewropea għall-istudenti għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-mobilità tal-istudenti fl-Ewropa. Sal-2025 hemm mnejn ikun possibbli r-rikonoxximent b’mod awtomatiku fl-Istati Membri kollha tal-UE tal-identità nazzjonali u tal-istatus ta’ student tal-istudenti f’mobilità ta’ Erasmus+, inkluż l-aċċess għas-servizzi tal-kampus meta jaslu minn barra l-pajjiż (eż. il-materjali tal-kors, ir-reġistrazzjoni tas-servizzi, il-libreriji). 20 000 student u 4 000 għalliem se jirċievu appoġġ għall-iskambji bejn l-iskejjel biex jikkomplementaw u jibnu fuq ix-xogħol u l-kollaborazzjoni kontonwi tal-proġett diġitali.

It-triq ’il quddiem:

1.L-indirizzar tad-distakk tal-konnettività bejn l-Istati Membri tal-UE dwar id-dħul tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna fl-iskejjel Ewropej kollha billi: (i) tinħoloq kuxjenza dwar il-benefiċċji għall-iskejjel u l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli 17 ; (ii) jingħata appoġġ għall-konnettività jiġifieri permezz ta’ skema ta’ vawċers li jiffukaw fuq iż-żoni żvantaġġati u li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrumenti għaż-żoni rurali 18 ; (iii) tiġi ppubblikata dejta dwar il-progress.

2.L-appoġġ għall-prontezza diġitali kemm tal-iskejjel ġenerali kif ukoll dawk vokazzjonali billi tissaħħaħ il-kapaċità diġitali tagħhom u billi sa tmiem l-2019, l-għodda ta’ awtovalutazzjoni SELFIE tilħaq il-miljun għalliem, ħarrieġ u student fl-Istati Membri kollha tal-UE u fil-Balkani tal-Punent; il-promozzjoni tal-iskema ta’ mentoraġġ fil-livell nazzjonali/reġjonali, appoġġata minn pjattaforma ta’ ħolqien ta’ kuzjenza fil-livell tal-UE.

3.Il-provvista ta’ qafas għall-ħruġ tal-kwalifiki ċertifikati diġitalment u l-validazzjoni tal-ħiliet akkwistati diġitalment, li jkunu fdati, multilingwi u jistgħu jinħażnu fi profili professjonali (CVs) bħall-Europass. Il-qafas se jkun allinjat għalkollox mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (QEK) u mal-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO).



4.2. It-tieni prijorità: L-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali rilevanti għat-tranżizzjoni diġitali

Biex jiffunzjonaw u jimxu ’l quddiem fis-soċjetà diġitali u jegħlbu r-riskji diġitali, iċ-ċittadini jeħtieġu kompetenzi diġitali li jgħinuhom jilqgħu l-isfidi u jaħtfu l-opportunitajiet tat-tranżizzjoni diġitali. Il-ħiliet diġitali huma ħiliet bażiċi bħal-litteriżmu u n-numeriżmu, meħtieġa f’kull aspett tal-ħajja, iżda ħafna miċ-ċittadini għandhom kompetenzi diġitali limitati jew mhux aġġornati. Hemm bżonn kemm ta’ azzjoni wiesgħa għax jeħtieġ li ċ-ċittadini kollha jkollhom, f’livelli differenti, fehim tad-diversi aspetti tal-kompetenza diġitali, u kif ukoll ta’ azzjoni ta’ approfondiment għall-aktar ħiliet speċjalizzati fl-informatika meħtieġa fil-professjoni tal-ICT.

Il-kompetenza diġitali hija parti mill-Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għal Tagħlim tul il-Ħajja rivedut li ċ-ċittadini kollha għandu jkollhom. Kompetenza diġitali tfisser l-użu kunfidenti u kritiku tat-teknoloġija diġitali u tkopri l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet li ċ-ċittadini kollha jeħtieġu f’soċjetà diġitali li qed tevolvi b’mod mgħaġġel. Il-qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini 19 jiddeskrivi l-kompetenza diġitali f’ħames oqsma: l-informazzjoni u l-litteriżmu tad-dejta; il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni; il-ħolqien tal-kontenut diġitali; is-sikurezza u l-benesseri; u s-soluzzjoni tal-problemi. Il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali għall-Edukaturi 20 ppubblikat dan l-aħħar, joffri gwida għall-edukaturi fl-iżvilupp ta’ mudelli diġitali tal-kompetenza. Jekk jittieħdu flimkien, dawn l-oqfsa jistgħu joffru mudell ta’ referenza li jista’ jintuża u fil-fond biex jippromwovu b’mod sistematiku l-kompetenza diġitali.

Ir-rivoluzzjoni diġitali se tkompli tbiddel b’mod drammatiku l-mod kif l-Ewropej jgħixu, jaħdmu u jistudjaw. Filwaqt li dan joffri opportunitajiet kbar, hemm ukoll riskji sinifikanti jekk ma jiġux żviluppati l-kompetenzi diġitali. Bħala parti mill-Aġenda għall-Ħiliet, l-inizjattiva tal-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet, tirrakkomanda li l-Istati Membri jintroduċu dispożizzjoni koerenti li ttejjeb il-ħiliet diġitali (u l-litteriżmu u n-numeriżmu) tal-bosta miljuni ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet jew kwalifiki, li jiffurmaw il-grupp l-aktar fi bżonn urġenti. Barra minn hekk, huwa stmat li bħalissa, 90 % tal-impjiegi jeħtieġu xi livell ta’ ħiliet diġitali 21 u hemm theddida sinifikanti li jekk ifalli l-proġett li jiġu mgħallma l-ħiliet diġitali lill-Ewropej ta’ kull età, l-Ewropa se titlef l-akbar vantaġġ kompetittiv tagħha, jiġifieri forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ ħiliet u ta’ edukazzjoni.

L-akkwist tal-ħiliet diġitali jeħtieġ li jibda minn età bikrija u jkompli għaddej tul il-ħajja. Dan jista’ jseħħ bħala parti mill-kurrikuli edukattivi jew permezz ta’ klassijiet wara l-iskola. Iż-żgħażagħ Ewropej huma utenti entużjasti tal-web, tal-apps u tal-logħob iżda jeħtieġ ukoll li jitgħallmu dwar l-istrutturi sottostanti u l-algoritmi bażiċi u jsiru mexxejja u żviluppaturi diġitali. Eżempju ta’ moviment bażiku ta’ suċċess hija l-inizjattiva codeweek.eu tal-UE, li fl-2016 laħqet kważi l-miljun ruħ madwar id-dinja. Abbażi ta’ din l-esperjenza, l-inizjattiva se titkabbar biex tħeġġeġ lill-iskejjel kollha fl-Ewropa jieħdu sehem fil-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar billi jikkollaboraw mal-awtoritajiet fl-Istati Membri tal-UE, l-ambaxxaturi tal-Ġimgħa tal-Ikkowdjar, in-netwerk eTwinning, il-Ħiliet Diġitali u l-Koalizzjoni tal-Impjiegi 22 u azzjonijiet relatati.

L-indirizzar b’mod effettiv tal-isfidi li t-tranżizzjoni diġitali toħloq għas-sikurezza online u l-iġjene ċibernetika irid jingħata enfasi akbar. Jeħtieġ li nsaħħu l-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku tat-tfal u taż-żgħażagħ, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġġudikaw u jegħlbu t-theddid permanenti tal-aħbarijiet foloz, il-bullying ċibernetiku, ir-radikalizzazzjoni, it-theddid għaċ-ċibersigurtà u l-frodi. Anke t-tfal iż-żgħar huma f’kuntatt ta’ kuljum mat-teknoloġiji diġitali iżda ma jifhmux ir-riskji filwaqt li l-ġenituri jinkwetaw dwar il-kontenut mhux xieraq u r-riskji, iżda ma jafux kif jindirizzawhom. B’mod parallel, il-Europol jirrapporta rata dejjem akbar ta’ attakki ċibernetiċi, ta’ ksur ta’ dejta u attivitajiet online illegali oħra. Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Settembru dwar iċ-ċibersigurtà 23 , il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri tal-UE biex jimpenjaw ruħhom u jinkludu ċ-ċibersigurtà fil-kurrikuli tat-taħriġ akkademiku u vokazzjonali.

It-tmiem tad-disparità bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni intraprenditorjali u diġitali huwa vitali jekk l-Ewropa trid tħaddan bis-sħiħ il-benefiċċji tar-rivoluzzjoni diġitali. Għalkemm il-bniet kif ukoll is-subien għandhom livelli simili ta’ interess u kompetenza fit-teknoloġiji diġitali, għadd dejjem inqas ta’ bniet ikomplu jiżviluppaw dan l-interess fl-istudji jew għall-karriera tagħhom. Il-bniet u t-tfajliet jeħtieġu eżempji pożittivi, mudelli ta’ eżempju u appoġġ biex jingħelbu l-isterjotipi u jirrealizzaw li huma wkoll jistgħu jaqbdu karriera sodisfaċenti u ta’ suċċess fl-ICT u fix-xjenza, t-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa f’dawn il-karrieri se tgħin biex jiġi sfruttat il-potenzjal diġitali tal-Ewropa u biex jiġi żgurat li n-nisa jkollhom opportunitajiet indaqs biex ifasslu d-dinja diġitali 24 . Fl-UE inqas minn waħda minn kull ħames professjonisti tal-ICT hija mara 25 .

L-iżvilupp ta’ professjonisti fl-ICT b’ħiliet għolja huwa kritiku għall-kompetittività 26 . Il-ħiliet diġitali avvanzati huma importanti biex jappoġġaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ analisti, riċerkaturi u innovaturi. Apparti dawk li jaħdmu fl-ICT, ħafna professjonijiet għandhom bżonn ta’ għarfien diġitali kbir. Pereżempju, tobba mediċi li janalizzaw ix-xejriet tat-tixrid tal-mard jeħtieġu kemm għarfien espert mediku kif ukoll firxa wiesgħa ta’ kompetenzi diġitali avvanzati. B’mod aktar ġenerali, illum il-ġurnata tlieta minn kull erba’ riċerkaturi ma għandhom l-ebda taħriġ fil-ġestjoni tal-aċċess miftuħ jew tad-dejta miftuħa. Jenħtieġ li r-riċerka u l-innovazzjoni bbażati fuq iċ-ċittadini, iffukati biex isolvu l-isfidi soċjetali, jużaw aktar id-dejta miftuħa u l-għodod u l-metodi tat-teknoloġija diġitali kollaborattiva.



It-triq ’il quddiem:

4.Il-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropea fl-UE kollha għall-edukazzjoni għolja diġitali u l-kooperazzjoni msaħħa. Il-pjattaforma l-ġdida, appoġġata minn Erasmus+, se sservi bħala punt uniku ta’ servizz u toffri: tagħlim online, mobilità mħallta, kampus virtwali u skambju tal-aħjar prattiki fost l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fil-livelli kollha (studenti, riċerkaturi, edukaturi).

5.It-tisħiħ tax-xjenza miftuħa u tax-xjenza mill-pubbliku fl-Ewropa bl-ittestjar ta’ taħriġ iddedikat inklużi l-korsijiet ta’ żvilupp professjonali kontinwu dwar ix-xjenza miftuħa f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fil-livelli kollha (studenti, riċerkaturi, edukaturi).

6.Il-klassijiet ta’ kkowdjar jaslu fl-iskejjel kollha tal-Ewropa, anke billi tiżdied il-parteċipazzjoni tal-iskejjel fil-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar.

7.L-indirizzar tal-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali billi jitniedu: (i) kampanja ta’ ħolqien tal-kuxjenxa mal-UE kollha li timmira l-edukaturi, il-ġenituri u l-istudenti biex jitrawmu s-sigurtà online, l-iġjene ċibernetika u l-litteriżmu medjatiku; u (ii) inizjattiva dwar it-tagħlim taċ-ċibersigurtà li tibni fuq il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini, biex in-nies jingħataw is-setgħa ħalli jużaw it-teknoloġija b’mod kunfidenti u responsabbli.

8.L-appoġġ ta’ miżuri biex titnaqqas aktar id-disparità bejn is-sessi fis-settur tat-teknoloġija u l-intraprenditorija billi jiġu promossi l-kompetenzi diġitali u intraprenditorjali fost il-bniet; il-mobilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati (kumpaniji, NGOs) biex il-bniet ikunu mgħammra b’ħiliet diġitali u b’mudelli ta’ ispirazzjoni, li jibnu fuq il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini u l-Qafas ta’ Kompetenza Intraprenditorjali.

4.3. It-tielet prijorità: It-titjib tas-sistemi edukattivi b’analiżi u tbassir aħjar tad-dejta

Id-dejta hija vitali għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Bit-teknoloġija tinħoloq dejta li tista’ tiġi sfruttata. L-isfida qiegħda kif tintuża din id-dejta biex jiġu żviluppati għarfien u tbassir aħjar li jistgħu jtejbu s-sistemi edukattivi jew isolvu l-isfidi edukattivi attwali. Hekk kif ix-xejriet teknoloġiċi bħall-intelliġenza artifiċjali, l-awtomatizzazzjoni u r-robotika huma globali, il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE tista’ tipprovdi gwida utli għall-Istati Membri kollha tal-UE u tgħin biex jinbdew kollaborazzjoni u skambju dwar ir-reazzjonijet possibbli għall-isfidi emerġenti li jaqsmu l-fruntieri. Il-ġbir tad-dejta bl-istħarriġ u l-istudji dwar id-diġitizzazzjoni fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u t-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim huma inputs vitali għat-tfassil tal-politika. Madankollu, id-dejta komprensiva komparabbli dwar it-tixrid tat-teknoloġiji fis-sistemi edukattivi, ħafna drabi tkun limitata, parzjali jew mhux aġġornata. Dan jirrikjedi ġbir tad-dejta aktar effiċjenti u effettiv u koordinazzjoni fil-livell tal-UE u f’dak internazzjonali (OECD).

Id-dejta tgħin ukoll biex jiġu identifikati u indirizzati l-ħtiġijiet għall-miżuri ta’ politika meħtieġa bbażati fuq l-evidenza, iżda partikolarment id-dejta komparattiva rari tintuża. L-inizjattivi dwar l-edukazzjoni diġitali huma rari meta mqabbla ma’ inizjattivi oħra u mad-dejta disponibbli, għalhekk ftit li xejn huwa magħruf dwar il-prattiki li jaħdmu b’mod ġenerali jew li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal sistemi edukattivi u soċjetali speċifiċi. Il-big data u l-analitika tat-tagħlim joffru opportunitajiet ġodda biex jiġbru, janalizzaw u jużaw id-dejta biex itejbu l-edukazzjoni. Hemm bosta inizjattivi fl-Istati Membri differenti tal-UE biex issir tranżizzjoni minn approċċ ta’ universalità tat-tagħlim fis-suġġetti bħall-matematika, għal tagħlim aktar personalizzat bil-għan li jadatta l-kontenut għall-bżonnijiet tal-istudenti individwali 27 . L-analitika tat-tagħlim tista’ ttejjeb it-tagħlim personalizzat 28 , pereżempju billi tidentifika l-istudenti li jinsabu f’riskju, u tista’ tevalwa l-impatt tal-istrateġiji ta’ tagħlim differenti. Madankollu, peress li l-analitika tat-tagħlim għadha fil-bidu tagħha fl-Ewropa, hemm bżonn ta’ aktar skemi pilota għar-riċerka u l-ittestjar f’dan il-qasam 29 .

L-innovazzjoni xprunata mill-utenti hija fundamentali għall-adozzjoni bikrija ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw l-isfidi edukattivi. Id-dejta u x-xejriet tal-edukazzjoni huma ġeneralment miġbura minn fuq għal isfel, immexxija minn organizzazzjonijiet internazzjonali u gvernijiet. Ta’ spiss il-perspettiva tal-utent ma tiġix ikkunsidrata biżżejjed, li tista’ tillimita s-soluzzjonijiet possibbli skont il-ħtiġijiet. Dan huwa minnu speċjalment f’era ta’ innovazzjoni xprunata mill-utenti fejn l-individwi jiżviluppaw is-soluzzjonijiet għall-problemi li jaffaċċjaw. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora modi kif tippromwovi l-involviment taċ-ċittadini u l-innovazzjoni xprunata mill-utent permezz ta’ Hackathon tal-Edukazzjoni mal-UE kollha biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi ewlenin tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Tbassir: ma nibqgħux lura imma nantiċipaw il-bidla. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ qed jippruvaw ilaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi. It-tbassir għall-edukazzjoni u t-taħriġ jista’ jibdel din ix-xejra u l-edukaturi jinvolvu ruħhom (minn dawk li jfasslu l-politika għall-prattikanti) biex imexxu l-bidla li jmiss.



It-triq ’il quddiem:

9.Il-bini ta’ evidenza dwar l-użu tal-ICT u l-ħiliet diġitali fl-iskejjel, bil-pubblikazzjoni ta’ studju ta’ referenza li jivvaluta l-progress fl-integrazzjoni tal-ICT fl-edukazzjoni. Dan se jkopri d-disponibbiltà u l-użu ta’ għodod diġitali u tal-infrastruttura tal-ICT u l-livelli ta’ ħiliet diġitali. Flimkien maċ-ċiklu li jmiss tal-istħarriġ PIAAC, ir-riżultati jistgħu jikkontribwixxu għal aġġornament tal-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali 30 . Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-OECD dwar l-iżvilupp ta’ modulu ġdid f’PISA dwar l-użu tat-teknoloġija fl-edukazzjoni, kif ukoll tesplora r-rilevanza u l-fattibbiltà li tipproponi punti ta’ riferiment ġodda tal-Kunsill għall-kompetenzi diġitali u l-intraprenditorija.

10.It-tnedija, mill-2018, ta’ proġetti pilota dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-analitika tat-tagħlim fl-edukazzjoni, biex isir użu aħjar mill-ammont kbir ta’ dejta attwalment disponibbli u b’hekk jgħinu biex jiġu indirizzati problemi speċifiċi u titjieb l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika dwar l-edukazzjoni; jiġu żviluppati għodod u gwida rilevanti għall-Istati Membri.

11.It-tnedija tat-tbassir strateġiku dwar xejriet ewlenin li jirriżultaw mit-tranżizzjoni diġitali għall-futur tas-sistemi edukattivi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti tal-Istati Membri u li jużaw kanali eżistenti 31 u futuri ta’ kooperazzjoni mal-UE kollha dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ.

5. Konklużjonijiet u aspettativi

Il-Pjan ta’ Azzjoni jiddeskrivi l-inizjattivi Ewropej li l-Kummissjoni, bi sħubija mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati u mas-soċjetà, se timplimenta sa tmiem l-2020. Dan jifforma parti mill-ambizzjoni usa' tal-Kummissjoni lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u jikkomplementa r-Rakkomandazzjonijiet dwar il-Valuri Komuni u l-Kompetenzi Ewlenin. Il-Pjan ta’ Azzjoni se jiġi implimentat bħala parti mill-proċess għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020). Dan se jappoġġa wkoll is-Semestru Ewropew, li huwa xprunatur ewlieni għar-riformi permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-Kummissjoni se tniedi djalogu mal-partijiet ikkonċernati rilevanti dwar kif jistgħu jiġu implimentati l-azzjonijiet proposti. Fis-segwitu tal-implimentazzjoni, il-Kummissjoni se taħdem mal-Grupp tal-ET 2020 dwar Ħiliet Diġitali u Kompetenzi. Il-Kummissjoni se tislet ukoll tagħlimiet politiċi minn kif jiġu implimentati l-azzjonijiet. Dan se jikkontribwixxi għad-diskussjoni emerġenti dwar kooperazzjoni Ewropea futura fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

(1)

EUCO 14/17: Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Ottubru 2017.

(2)

  COM(2017) 673: It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzjoni u l-Kultura.

(3)

COM(2016) 381: Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa.

(4)

COM(2018) 24: Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja.

(5)

Il-Kummissjoni Ewropea (2017): A concept paper on digitisation, employability and inclusiveness. The role of Europe, http://ec.europa.eu/newsroom/document.cfm?doc_id=44515 .

(6)

  Eurostat (2015): Being young in Europe today - digital world, http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Being_young_in_Europe_today_-_digital_world .

(7)

  Enders Analysis (2017): Children's changing video habits and implications for the content market, 2017.

(8)

  Il-Kummissjoni Ewropea (2013): Survey of Schools: ICT in Education Benchmarking Access, Use and Attitudes to Technology in Europe’s Schools  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/survey-schools-ict-education

(9)

Il-Kummissjoni Ewropea (2017): Satellite broadband for schools: Feasibility study,
  http://ec.europa.eu/newsroom/document.cfm?doc_id=46134 .

(10)

  OECD (2016): Innovating Education and Education for Innovation. The Power of Digital Technologies and Skills. 

(11)

  Il-Kummissjoni Ewropea (2017) 351: Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni interim tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija [traduzzjoni mhux uffiċjali].

(12)

  Il-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ir-Rieżami tal-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Aġenda Mġedda tal-UE għall-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja.

(13)

COM (2017) 248: L-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja  u COM (2017) 247: Aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja.

(14)

COM(2015) 192: Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa.

(15)

Il-Faċilità Nikkolegaw l-Ewropa, https://ec.europa.eu/cefdigital/wiki/display/CEFDIGITAL/CEF+Digital+Home .

(16)

Il-Kummissjoni Ewropea (2017), EU-wide digital Once-Only Principle, https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-wide-digital-once-only-principle-citizens-and-businesses-policy-options-and-their-impacts .

(17)

anke permezz tan-netwerk tal-UE tal-Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-Banda Wiesgħa li nħoloq dan l-aħħar.

(18)

Il-Kummissjoni Ewropea (2017): European Commission joins forces to help bringing more broadband in rural areas, https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/european-commission-joins-forces-help-bringing-more-broadband-rural-areas .

(19)

Il-Kummissjoni Ewropea (2016): Il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini, https://ec.europa.eu/jrc/en/digcomp/digital-competence-framework .

(20)

Il-Kummissjoni Ewropea (2017): Il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali għall-Edukaturi , https://ec.europa.eu/jrc/en/digcompedu .

(21)

Il-Kummissjoni Ewropea (2016): ICT for work: Digital skills in the work place, https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/ict-work-digital-skills-workplace .

(22)

Għal aktar informazzjoni dwar il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Imp jiegi Diġitali ara https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-skills-jobs-coalition .

(23)

JOIN 2017 (450): Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna: Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-Bini ta’ ċibersigurtà b’saħħitha għall-UE.

(24)

Ara SWD, il-punt 2.3.

(25)

 Fit-83,9 % tal-każijiet, l-ispeċjalisti impjegati tal-ICT huma rġiel filwaqt li 16,1 % huma nisa (Eurostat, 2015).

(26)

  Il- Qafas Ewropew għall-Kompetenza fl-Elettronika (e-CF) huwa standard Ewropew u referenza għall-kompetenzi meħtieġa mill-professjonisti tal-ICT. Dan huwa żviluppat u miżmum mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni  (CEN).

(27)

Pereżempju, fil-Lussemburgu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni Nazzjonali, it-Tfal u ż-Żgħażagħ, b’appoġġ għall-istrateġija “ Digital Lëtzebuerg ”, nieda l-proġett ta’ tranżizzjoni diġitali nazzjonali MathemaTIC, li għandu l-għan li jippermetti lill-istudenti jinteraġixxu ma’ riżorsi matematiċi stimulanti, appoġġati mir-riċerka, li huma mfassla skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti u allinjati mal-eżiti tat-tagħlim fil-kurrikulu.

(28)

COM(2013) 654: Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa.

(29)

Ferguson, R., Brasher, A., Clow, D., Cooper, A., Hillaire, G., Mittelmeier, J., Rienties, B., Ullmann, T., Vuorikari, R. (2016). Research Evidence on the Use of Learning Analytics — Implications for Education Policy. Fi: R. Vuorikari, J. Castaño Muñoz (Eds.). Rapport Xjentifiku u ta’ Politiku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka; EUR 28294 EN.

(30)

  Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 19 u 20.

(31)

Bħall-gruppi ta’ ħidma tal-ET 2020 u l-ħtiġijiet u x-xejriet tal-ħiliet tal-big data bħala parti mill-Qafas tal-Europass.

Top