Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AR2389

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2021–2027

COR 2018/02389

OJ C 461, 21.12.2018, p. 70–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 461/70


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-Pakkett tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2021–2027

(2018/C 461/10)

Relatur ġenerali:

Is-Sur Nikola DOBROSLAVIĆ (HR, PPE), Prefett tal-Kontea ta’ Dubrovnik-Neretva

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027

COM(2018) 321 final

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

COM(2018) 322 final

Proposta għal Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba

COM(2018) 323 final

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri

COM(2018) 324 final

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema ta’ Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea

COM(2018) 325 final

Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-metodi u l-proċedura għad-disponibbiltà tar-riżorsi proprji bbażati fuq Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva, fuq l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea u fuq l-Iskart tal-Plastik mill-imballaġġ li mhux riċiklat, u fuq il-miżuri biex jintlaħqu l-miżuri ta’ flus kontanti.

COM(2018) 326 final

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea

COM(2018) 327 final

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (tal-KEE, u l-Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir mir-riżorsi nfushom li jidħol mit-taxxa fuq il-valur miżjud

COM(2018) 328 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri

COM(2018) 324 final

Emenda 1

Artikolu 2(c)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(c)

“entità tal-gvern” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi kollha fil-livelli kollha tal-gvern , inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-Istati Membri, fis-sens tal-[punt 42 tal-Artikolu 2] tar-Regolament (UE, Euratom) xx/xxx (ir-“Regolament Finanzjarju”).

(c)

“entità tal-gvern” tfisser l-awtoritajiet kollha tal-gvern ċentrali kif ukoll organizzazzjonijiet tal-Istati Membri, fis-sens tal-[punt 42 tal-Artikolu 2] tar-Regolament (UE, Euratom) xx/xx (ir-“Regolament Finanzjarju”).

Raġuni

L-entitajiet u l-korpi amministrattivi kollha tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma eletti direttament għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

Emenda 2

Artikolu 3(1)(f)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(f)

il-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet skont l-atti legali rispettivi tagħhom u l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali.

(f)

il-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u , fejn applikabbli, mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet skont l-atti legali rispettivi tagħhom u l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali.

Raġuni

Id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jistgħu, wara li jkun stabbilit, japplikaw biss għall-Istati Membri parteċipanti.

Emenda 3

Artikolu 4(1)(b)(1)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(1)

sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar jew tal-emendar tiegħu;

 

Raġuni

Is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar jew tal-emendi tagħhom ma tirriżultax f’penali finanzjarja diretta għall-Istat Membru kkonċernat. Min-naħa l-oħra, is-sospensjoni tal-impenji u/jew ħlasijiet, filwaqt li jinżamm l-obbligu tal-entitajiet governattivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-pagamenti lir-riċevituri jew lill-benefiċjarji finali skont l-Artikolu 4(2) tar-regolament propost, ikollha effetti diretti fuq il-baġits nazzjonali. Barra minn hekk, ir-revoka tas-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar, jew tal-emendi tagħhom, twassal għal dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni tagħhom, peress li l-proċeduri sussegwenti kollha jiġu sospiżi wkoll.

Emenda 4

Artikolu 5(6)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

6.   Meta l-Kummissjoni tqis li nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt huwa stabbilit, hija għandha tippreżenta proposta għal att ta’ implimentazzjoni dwar miżuri xierqa lill-Kunsill.

6.   Meta l-Kummissjoni tqis li nuqqas ġeneralizzat fir-rigward tal-istat tad-dritt huwa stabbilit, hija għandha tippreżenta proposta għal att ta’ implimentazzjoni dwar miżuri xierqa lill-Kunsill. Ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni għandha tehmeż programm finanzjarju indikattiv tal-baġit tal-UE ikkonċernat mill-miżura proposta, għas-snin ta’ wara, strutturat skont il-kategorija tan-nefqa, il-qasam ta’ politika u l-linja baġitarja. Dan il-programm indikattiv għandu jkun il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-implikazzjonijiet baġitarji fuq il-baġits nazzjonali u sottonazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

Raġuni

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tivvaluta l-implikazzjonijiet baġitarji ta’ tnaqqis fil-finanzjament tal-UE għall-baġits nazzjonali u sottonazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.

Emenda 5

Artikolu 6(2)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istat Membru konċernat. Ladarba nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt li fuq il-bażi tagħhom ġew adottati l-miżuri xierqa ma jibqgħux jeżistu b’mod sħiħ jew parzjalment, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li tneħħi dawk il-miżuri b’mod sħiħ jew parzjalment. Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2, 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 5 għandha tapplika.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istat Membru konċernat. Ladarba nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt li fuq il-bażi tagħhom ġew adottati l-miżuri xierqa ma jibqgħux jeżistu b’mod sħiħ jew parzjalment, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni li tneħħi dawk il-miżuri b’mod sħiħ jew parzjalment. Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2, 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 5 għandha tapplika. Sabiex tinġabar evidenza suffiċjenti għat-tneħħija tal-miżuri, il-Qorti tal-Awdituri, permezz ta’ proċedura rapida, għandha tippubblika rapport speċjali dwar il-kwistjoni kkonċernata, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-TFUE.

Raġuni

It-tneħħija tal-miżuri għandha tkun akkumpanjata minn evidenza robusta, imparzjali u f’waqtha sabiex il-programmi kkonċernati jkunu jistgħu jiġu implimentati mingħajr dewmien bla bżonn.

Emenda 6

Artikolu 6 (3)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

3.   Meta l-miżuri li jikkonċernaw is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar jew tal-emendi tiegħu msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 4(2)(b) jew is-sospensjoni tal-impenji msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(2)(b) jitneħħew, l-ammonti li jikkorrispondu mal-impenji sospiżi għandhom jiddaħħlu fil-baġit skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) xx/xx (ir-Regolament QFP). L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit wara s-sena n+ 2 .

3.   Meta l-miżuri li jikkonċernaw is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar jew tal-emendi tiegħu msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 4(2)(b) jew is-sospensjoni tal-impenji msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 4(2)(b) jitneħħew, l-ammonti li jikkorrispondu mal-impenji sospiżi għandhom jiddaħħlu fil-baġit skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) xx/xx (ir-Regolament QFP). L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit wara s-sena n+ 3 .

Raġuni

Is-soluzzjoni ser tagħmilha aktar faċli li jintużaw ir-riżorsi imblokkati mill-proċedura ta’ sospensjoni, u dan ser ifisser li dawn ir-riżorsi ma jintilfux.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti Ġenerali

1.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) fil-perjodu wara l-2020, li fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u sfidi interni u esterni oħra, tipprovdi bażi soda għan-negozjati; jirrikonoxxi l-ħidma li saret, iżda huwa tal-fehma li, qabel l-adozzjoni tagħha, il-proposta għandha tiġi żviluppata ulterjorment u tittejjeb sabiex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

2.

jinnota li ma ġie identifikat l-ebda suċċessur għall-istrateġija Ewropa 2020, u għalhekk l-objettivi strateġiċi tal-programmi individwali mhumiex ċari biżżejjed u r-rabta bejn l-QFP globali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija insuffiċjenti; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-proposta għall-QFP, sabiex tidentifika l-għanijiet strateġiċi għad-diversi politiki tal-UE u l-effett mistenni tagħhom. Dan jinvolvi approċċ strutturat fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex tiġi ċċarata r-rabta bejn il-kapaċitajiet u l-inizjattivi lokali u reġjonali u l-għanijiet komuni Ewropej;

3.

jinnota b’dispjaċir, li fid-dawl tal-iżbilanċ bejn l-obbligi li jirriżultaw mill-objettivi tat-Trattat, kif ukoll l-isfidi attwali u futuri, minn naħa, u l-ambitu u l-ġejjieni tal-QFP min-naħa l-oħra, il-proposta tal-Kummissjoni hija nieqsa mill-ambizzjoni; itenni l-pożizzjoni tal-Kumitat, li tirrifletti dik tal-Parlament Ewropew, li l-ġejjieni tal-QFP għandu jkun stabbilit f’livell ta’ mill-inqas 1,3 % tal-ING; jinnota bi tħassib li, f’każijiet preċedenti, il-livell finali tal-QFP kien aktar baxx minn dak propost mill-Kummissjoni u li kieku dan kellu jiġi ripetut, iwassal għal aktar tnaqqis fl-effett mistenni f’kull qasam politiku tal-UE;

4.

iqis li huwa inaċċettabbli li l-finanzjament tal-prijoritajiet addizzjonali tal-Unjoni isir askapitu tal-politiki eżistenti b’valur miżjud Ewropew magħruf, kif inhu l-każ tal-politika ta’ koeżjoni jew tal-politika agrikola komuni, u partikolarment il-politika tal-iżvilupp rurali. It-tnaqqis propost mhux it-triq it-tajba biex tissolva l-kwistjoni tal-finanzjament fir-rigward tal-prijoritajiet u l-isfidi addizzjonali;

5.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li r-regoli jsiru aktar koerenti u b’mod drastiku jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni sabiex tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE u tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni;

6.

jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ trasparenza tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tqabbil tal-ammonti tal-qafas finanzjarju attwali u tal-ġejjieni; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan il-kuntest, l-isforzi li saru mis-servizz ta’ riċerka tal-Parlament Ewropew sabiex issir analiżi finanzjarja komparattiva ta’ dawn iż-żewġ QFP;

7.

jieħu nota tal-approċċ iffokat fuq ir-riżultati tal-istruttura li għadha kif ġiet proposta tal-QFP, li tipprova tindirizza l-ħtiġijiet fil-prattika u tipprovdi aktar valur miżjud Ewropew; jopponi t-tneħħija tal-intestatura komuni għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, għax din se tkompli ddgħajjef il-pożizzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni fi ħdan il-QFP u twitti t-triq għal tneħħija possibbli tal-FSE+ mill-Politika ta’ Koeżjoni. Jekk ikun hemm dan ir-riżultat, is-sinerġiji u r-rabta bejn diversi sorsi ta’ finanzjament, li huma ta’ importanza partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, se jkomplu jitnaqqsu;

8.

jinnota bi tħassib li l-proposti tal-Kummissjoni huma indirizzati għat-tisħiħ tal-programmi ta’ ġestjoni diretti jew indiretti, askapitu ta’ programmi li huma ġestiti b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. Fuq terminu twil, dan ser inaqqas it-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fil-livelli lokali u reġjonali; jenfasizza li l-prinċipji tas-sħubija u l-governanza f’diversi livelli għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ, u jiddaħħlu fis-seħħ sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fl-istadji rilevanti kollha mit-tfassil sal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE;

9.

jiddispjaċih għad-diskrepanza bejn l-adozzjoni tat-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE (EAP) u QFP wara l-2020. Il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-EAPs futuri u t-tul tal-programmi għandu jiġi allinjat mal-perjodi ta’ żmien tal-QFP sabiex il-finanzjament allokat jirrifletti b’mod ċar il-prijoritajiet u l-objettivi ta’ sostenibbiltà;

10.

jesprimi tħassib dwar l-inċertezza fl-ippjanar fir-rigward tal-QFP, f’każ li mhux se jkun hemm ftehim f’waqtu, ċar u vijabbli dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

11.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi rabtiet aktar mill-qrib bejn il-fondi reġjonali u s-Semestru Ewropew sakemm il-perspettiva reġjonali hija miżjuda lis-Semestru Ewropew, peress li dan huwa l-uniku mod vijabbli sabiex jiġu stabbiliti rabtiet ċari u sinifkanti bejniethom;

Riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji

12.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi tliet riżorsi proprji ġodda, iżda jinnota b’dispjaċir li l-Kummissjoni, abbażi tal-proposta tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, aċċettat biss żewġ riżorsi addizzjonali, u huwa tal-fehma li l-proposta tal-Kummissjoni setgħet kienet aktar ambizzjuża f’dan ir-rigward; għalhekk jissuġġerixxi li titkompla b’mod urġenti l-ħidma sabiex jinstabu sorsi ġodda biex jiġi ffinanzjat il-baġit;

13.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissemplifika n-naħa tad-dħul tal-baġit u, b’mod partikolari, il-proposta tagħha sabiex gradwalment tneħħi r-rifużjonijiet kollha b’rabta mal-Istati Membri u sabiex tissemplifika d-dħul ibbażat fuq il-VAT;

14.

jinnota b’dispjaċir li l-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda ma tipprovdix valutazzjoni suffiċjenti ta’ konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-impatt potenzjali tal-proposta dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għadu ma ġiex evalwat;

15.

jenfasizza li l-proposta għal bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK) għandha potenzjal sinifikanti li żżid il-proporzjon tar-riżorsi proprji, sakemm din issir obbligatorja għal għadd kbir ta’ kumpaniji. Dan mhuwiex il-każ bħalissa, madankollu, u mhuwiex ċar meta ser jiġi introdott dan is-sors ta’ riżorsi proprji; esprima t-tħassib tiegħu dwar id-dħul ibbażat fuq l-iskart ta’ imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat, peress li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-UE huwa li dan l-iskart ta’ imballaġġ jiġi evitat għalkollox, fattur li jwassal għal telf ta’ dħul minn din ir-riżorsa jew aktar fluttwazzjonijiet fid-dħul baġitarju;

16.

jilqa’ t-tnaqqis propost fl-ammonti mogħtija lill-Istati Membri fir-rigward tal-ispejjeż b’rabta mal-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali, iżda jistieden lill-Kummissjoni sabiex saħansitra tmur lil hinn, u ma tistabbilixxix l-ammonti għall-ġbir tal-ispejjeż għal 10 %, kif propost, iżda tistabbilixxihom skont id-dħul baġitarju;

L-istat tad-dritt, il-flessibbiltà u l-istabbiltà

17.

huwa tal-fehma li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa kundizzjoni sine qua non għal ġestjoni finanzjarja tajba u għall-użu effiċjenti tal-baġit tal-UE; jilqa’ f’dan il-kuntest, l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi mekkaniżmi effikaċi biex tiżgura r-rispett tal-istat tad-dritt, iċ-ċertezza legali fl-Istati Membri kollha, kif ukoll ġlieda effettiva kontra l-frodi u l-korruzzjoni;

18.

jaqbel mal-opinjoni tal-Qorti li l-mekkaniżmu propost għall-iżgurar tal-konformità mal-istat tad-dritt imur lil hinn mill-proċedura taħt l-Artikolu 7 tat-TUE u jista’ jiġi implimentat aktar malajr;

19.

jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura finanzjament mingħajr xkiel għall-benefiċjarji finali tal-UE, billi tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jissodisfaw l-obbligi finanzjarji tagħhom fir-rigward tal-benefiċjarji jekk jingħata bidu għall-proċedimenti biex ikunu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-UE; jistenna li l-Kummissjoni tiżviluppa aktar riżorsi sabiex tħares l-interessi tal-benefiċjarji finali;

20.

jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ proċeduri addizzjonali bil-għan li tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jkollhom impatt aktar bilanċjat fuq l-Istati Membri varji, bħal fil-każ ta’ multi ta’ darba;

21.

iqis, wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li s-soluzzjoni leġislattiva attwali tal-Kummissjoni tippermetti marġni eċċessiv ta’ diskrezzjoni biex tinbeda l-proċedura u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ċari biex tiddefinixxi dak li jikkostitwixxi nuqqas ġenerali fir-rigward tal-istat tad-dritt li jpoġġi fir-riskju l-ġestjoni finanzjarja tajba;

22.

jirrakkomanda t-tisħiħ tar-rwol tal-Qorti tal-Awdituri fl-implimentazzjoni tal-proċedura proposta, skont l-Artikolu 287 tat-TUE;

23.

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex tingħata aktar flessibbiltà lill-QFP, li ċertament se sservi ta’ għajnuna fl-indirizzar f’waqtu ta’ isfidi ġodda jew mhux previsti; jenfasizza, madankollu, li flessibbiltà akbar fl-użu tal-fondi ma tistax tkun askapitu taċ-ċertezza tal-ippjanar fit-tul u d-direzzjoni strateġika tal-programmi, speċjalment dawk taħt ġestjoni kondiviża; jappella, għalhekk, biex jiġi vvalutat jekk flessibbiltà akbar fil-parti relatata maż-żieda fis-setgħat tal-Kummissjoni biex talloka l-fondi mill-ġdid tmurx kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-governanza f’diversi livelli; jappella wkoll għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kull meta fondi li huma taħt ġestjoni kondiviża jerġgħu jiġu allokati;

Id-diversi intestaturi tal-baġit tal-UE

24.

jilqa’ l-proposti sabiex jiżdied il-baġit għal politiki fir-rigward ta’ sfidi ġodda, bħall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll il-ħolqien ta’ intestatura speċifika għas-sigurtà u d-difiża;

25.

jappoġġja ż-żieda fir-riżorsi finanzjarji għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-kontinwazzjoni u l-espansjoni tal-FEIS attwali għall-inklużjoni tal-fond il-ġdid “InvestEU”, iż-żieda fl-approprjazzjonijiet għall-programm Erasmus+, kif ukoll iż-żieda ulterjuri fl-investiment fit-tibdil fil-klima fil-politiki kollha tal-UE; itenni, madankollu, li ż-żieda proposta fir-riżorsi m’għandhiex tkun askapitu tal-Politika ta’ Koeżjoni u tal-politika għall-iżvilupp rurali;

26.

jopponi bil-qawwa t-tnaqqis ta’ 10 % tal-baġit propost għall-Politika ta’ Koeżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-Fond ta’ Koeżjoni, li l-finanzjament tiegħu għandu jitnaqqas b’45 %; huwa wkoll tal-fehma li t-tnaqqis propost fir-rigward tal-Politika Agrikola Komuni – partikolarment it-tnaqqis ta’ 28 % għall-FAEŻR u t-13 % għall-FEMS – huwa inaċċettabbli. Dan it-tnaqqis drastiku fl-oqsma li qed ikomplu juru l-valur miżjud Ewropew u li, għaċ-ċittadini, huma fost l-aktar politiki viżibbli tal-UE, fl-aħħar mill-aħħar ser ikun ta’ detriment qawwi għat-tkabbir u l-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej;

27.

minflok, jitlob li f’kontinwità mad-Dikjarazzjoni dwar l-iżvilupp rurali adottata f’Cork f’Settembru 2016, jiżdied l-appoġġ finanzjarju ġenerali tal-UE għall-iżvilupp rurali lil hinn minn 5 % tal-baġit tal-UE għall-benefiċċju taż-żoni rurali u intermedji, li jirrappreżentaw aktar minn 90 % tat-territorju u li jospitaw 58 % tal-popolazzjoni tal-UE u 56 % tal-impjiegi tal-Unjoni;

28.

jenfasizza li t-tnaqqis propost għar-riżorsi tal-Politika ta’ Koeżjoni jimmina l-kisba ta’ wieħed mill-aktar għanijiet importanti definiti mit-Trattat, jiġifieri l-ħolqien ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. B’riżultat ta’ approċċ bħal dan, id-disparitajiet bejn ir-reġjuni Ewropej se jkomplu jikbru, filwaqt li jaffettwaw, b’mod partikolari r-reġjuni anqas żviluppati, u dawk karatterizzati minn problemi strutturali u demografiċi. Dan l-approċċ jinjora wkoll ir-rwol importanti li diġà taqdi l-politika ta’ koeżjoni f’oqsma bħall-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iwissi li bit-tnaqqis fir-rigward tal-fondi għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali, l-objettiv għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali u l-istrumenti l-aktar importanti f’dan il-qasam, bħar-REKT u l-istrateġiji makroreġjonali, se jkunu pperikolati;

29.

jiddispjaċih li minkejja l-fatt li aktar minn terz taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera u billi dawn ir-reġjuni jiffaċċjaw bosta sfidi territorjali, l-allokazzjoni tal-baġit għal kooperazzjoni transkonfinali huwa mbassar li jonqos f’termini reali minkejja l-garanzija tal-valur miżjud Ewropew tiegħu;

30.

jenfasizza l-effetti negattivi ħafna tal-proposta tal-QFP għall-bdiewa Ewropej u l-abitanti taż-żoni rurali. Jekk jiġi aċċettat it-tnaqqis propost għall-fondi skont it-tieni pilastru tal-PAK, il-politika għall-iżvilupp rurali ma tkunx tista’ tibqa’ tissodisfa l-missjoni tagħha, partikolarment fir-rigward tat-tnaqqis tad-differenzi fl-istandards tal-għajxien bejn iż-żoni rurali u dawk urbani; barra minn hekk jappella sabiex il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jibqa’ jopera taħt is-sistema ta’ ġestjoni fi ħdan il-qafas tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, ħalli b’hekk tinżamm il-koerenza bejn is-sorsi differenti ta’ finanzjament u tissaħħaħ id-dimensjoni territorjali tal-PAK;

31.

jopponi b’mod partikolari l-proposta li jitnaqqsu l-allokazzjonijiet għall-Programm POSEI li jassisti lir-reġjuni ultraperiferiċi, waqt li jiddgħajjef l-għan tiegħu li tiġi pprovduta reazzjoni mmirata għall-isfidi speċifiċi li tiffaċċja l-agrikoltura f’kull reġjun, fir-rwol tiegħu bħala strument finanzjarju għall-appoġġ dirett lill-bdiewa;

32.

jiddispjaċih li l-impenji għall-FSE+ ma żdidux f’termini reali, minkejja li dawn għandhom jkopri kompiti addizzjonali bħall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi; jindika li l-Fond Soċjali Ewropew (ara l-Opinjoni tal-KtR dwar l-FSE+ (1)) jeħtieġ jibqa’ ankrat fil-politika ta’ koeżjoni, l-istrument prinċipali tal-UE għall-investiment fil-persuni u fil-kapital uman, għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għat-titjib tal-ħajja ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej;

33.

jinnota li l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni (FEG), minkejja d-duplikazzjoni u l-kompromessi eżistenti mal-FSE+ ma ġiex inkorporat f’dan tal-aħħar; huwa tal-fehma li l-valur miżjud tal-miżuri ffinanzjati mill-FEG huwa kontinġenti fuq jekk dawn il-miżuri humiex ser jiġu kkomplementati mill-proċessi ta’ konverżjoni u ristrutturar implimentati permezz tal-programmi fit-tul għall-iżvilupp reġjonali, b’mod partikolari l-miżuri antiċipattivi kif dawk offruti mill-FES+;

34.

huwa kontra l-introduzzjoni tar-regola n + 2 minflok n + 3 bħala l-iskadenza għall-użu tal-ammonti annwali allokati, peress li hemm riskju sinifikanti li r-regolamenti relatati magħha jiġu adottati tard wisq. F’każ li tiġi applikata r-regola n + 2, din tista’ timmina l-użu tal-fondi allokati;

35.

jopponi s-soluzzjonijiet proposti li se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-iskadenza għall-użu tal-allokazzjonijiet finanzjarji annwali mill-programmi tal-UE u l-livell ta’ prefinanzjament u b’mod partikolari il-kofinanzjament ta’ proġetti meta mqabbel mas-sitwazzjoni preċedenti, minħabba li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali m’għandhomx il-kapaċità finanzjarja biex jiġġeneraw il-proporzjon neċessarju ta’ fondi proprji;

36.

jistieden lill-Kummissjoni biex tikkalkula l-allokazzjoni tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-Istati Membri fuq il-bażi tal-aħħar suddiviżjoni tar-reġjuni NUTS 2, li għalihom l-Eurostat jista’ jipprovdi d-data neċessarja sabiex jiżgura l-aħjar tqabbil bejn iċ-ċirkustanzi soċjoekonomiċi fir-reġjuni NUTS 2 u l-kalkolu tal-allokazzjonijiet nazzjonali;

37.

jappella wkoll lill-Kummissjoni Ewropea li fil-modulazzjoni tal-kriterji ta’ kofinanzjament u allokazzjoni tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tikkunsidra indikaturi oħrajn lil hinn mill-PDG per capita, peress li dan ma jkejjilx bl-eżatt il-kapaċità ta’ soċjetà sabiex tindirizza kwistjonijiet li jolqtuha bħat-tibdil demografiku, u jappella sabiex jiġu stabbiliti indiċi internazzjonali, nazzjonali, lokali u reġjonali biex ikejlu l-progress lil hinn mill-PDG. Sabiex tiġi indirizzata l-isfida demografika, dan li ġej jitqies bħala possibbli: bidliet fil-popolazzjoni (telf intensiv u kontinwu), tixrid territorjali, tixjiħ, tixjiħ estrem, emigrazzjoni taż-żgħażagħ u tal-adulti u tnaqqis konsegwenti fir-rata tat-twelid;

38.

irrifjuta t-tnaqqis propost għall-baġit tal-infrastruttura tat-trasport taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, partikolarment fid-dawl tat-tnaqqis mingħajr ġustifikazzjoni fil-baġit tal-Fond ta’ Koeżjoni, għaliex dan mhux ġustifikabbli fid-dawl tal-għanijiet u r-rekwiżiti li jiżguraw sistemi tat-trasport ekoloġiċi, sikuri u b’konnettività tajba;

39.

iqis li l-allokazzjoni proposta għall-istrument il-ġdid “Funzjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investiment Ewropew” fil-forma ta’ linja baġitarja fi ħdan il-baġit tal-UE li tippermetti sa EUR 30 biljun f’self biex tkun tista’ tirrispondi b’mod xieraq f’każ ta’ skossi ekonomiċi u finanzjarji ġodda li jolqtu lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM) II, hija ristretta wisq. Għalhekk jipproponi żieda sostanzjali fil-fondi rilevanti biex jitħares il-potenzjali ta’ investiment tal-UE u li din tiġi kkalkulata separatament mill-baġit tal-UE;

40.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-programm ta’ appoġġ tar-riformi strutturali. Fil-fatt, peress li l-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-koeżjoni, il-programm jeħtieġ ikun limitat għal riformi li jsaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jkunu ta’ valur miżjud Ewropew. Il-programm għandu wkoll ikun parti minn strateġija ta’ żvilupp fit-tul tal-UE ġdida b’segwitu għall-Istrateġija Ewropa 2020 u mfassal skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Barra dan, għandhom japplikaw l-istess rekwiżiti bħal dawk għall-fondi strutturali u ta’ investiment f’termini ta’ sħubija u involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi; fl-aħħar nett jopponi l-possibbiltà fir-Regolament qafas dwar il-fondi strutturali u ta’ investiment li tipprevedi li jiġu trasferiti sa5 % tal-pakketti finanzjarji lejn fondi u strumenti finanzjarji tal-Unjoni li mhumiex relatati mal-objettivi tal-koeżjoni u li, barra minn hekk, huma fil-parti l-kbira taħt ġestjoni diretta mingħajr involviment tal-awtoritajiet territorjali;

41.

jenfasizza li tnaqqis fil-Politika ta’ Koeżjoni, fil-politika tal-iżvilupp rurali u l-PAK ser ikollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-koeżjoni territorjali u l-protezzjoni ambjentali. Minkejja ż-żieda ta’ kważi 60 % fil-fondi għall-programm LIFE, il-baġit globali previst għall-protezzjoni tal-klima u l-adattament fil-qasam tal-enerġija huwa iżgħar minn dak tal-perspettiva attwali. Minflok jiġi sfruttat il-potenzjal konsiderevoli tal-politika agrikola u, b’mod speċjali, l-politika ta’ koeżjoni biex jitħeġġu l-investimenti b’effetti pożittivi fir-rigward tal-ambjent u l-protezzjoni tal-klima, il-QFP propost inaqqas il-fondi għall-politika ta’ koeżjoni u dik agrikola u għalhekk jipperikola l-kisba tal-għanijiet tal-politika ambjentali tal-UE;

42.

jinnota l-proposta għal żieda fil-finzjament tal-programm LIFE (ara l-Opinjoni tal-KtR dwar il-Programm LIFE (2)), li huwa ta’ importanza kruċjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jgħinhom fil-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità, biex jiżviluppaw soluzzjoni ta’ infrastruttura ekoloġika u biex jippromovu s-sostenibbiltà; madankollu jinnota b’dispjaċir li parti miż-żieda proposta tirriżulta mill-inklużjoni ta’ miżuri li qabel kienu iffinazjati mill-Orizzont 2020 dwar it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa; jitlob għalhekk li l-finanzjament ġenerali tal-programm LIFE jiġi miżjud b’ammont ekwivalenti;

43.

jinnota li l-għan ippjanat, jiġifieri l-użu ta’ 25 % tal-baġit tal-UE sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tibdil fil-klima, mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Għandhom isiru sforzi taħt il-qafas finanzjarju li jmiss biex tiġi żgurata l-possibbiltà li jiżdied is-sehem tal-infiq li jmur lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, l-industrija u t-trasport għal aktar minn 30 % u lejn it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari;

44.

jilqa’ ż-żieda fil-fondi għas-subintestatura “Orizzont Ewropa”, meta mqabbla mal-baġit attwali, u aktar minn hekk, iħeġġeġ li jiġi stabbilit qafas ta’ opzjonijiet ta’ trasferimenti baġitarji minn strumenti oħrajn taħt il-QFP lejn l-Orizzont 2020, filwaqt li jiġu rispettati l-libertà ta’ inizjattiva tal-awtorità ta’ ġestjoni kkonċernata, il-tfassil konġunt tal-azzjonijiet kofinanzjati, u l-fondi lura mill-ġdid fit-territorju tal-awtorità ta’ ġestjoni;

45.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni ta’ intestatura speċifika dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri u ż-żieda sostanzjali fil-finanzjament sabiex jitwettqu l-miżuri f’dawn l-oqsma. Jinnota b’dispjaċir li l-kwistjoni tas-sigurtà tal-fruntieri ser tingħata ħafna aktar importanza minn kwistjonijiet oħrajn b’rabta mal-migrazzjoni bħall-għoti ta’ protezzjoni u ażil lill-migranti, l-appoġġ għall-integrazzjoni u l-migrazzjoni legali. Il-KtR jitlob għalhekk li r-riżorsi finanzjarji allokati għall-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (ara l-Opinjoni tal-KtR dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (3)) jiġu miżjuda bl-istess perċentwal (240 %) bħal dawk allokati għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni, sabiex jiġi żgurat li jkunu biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi tal-integrazzjoni b’mod adegwat;

46.

jenfasizza li, fir-rigward tal-allokazzjoni ġenerali tal-qafas finanzjarju pluriennali, jirriżulta li hemm nuqqas ta’ ambizzjoni li jkompli jirrestrinġi aktar negattivament il-marġni ta’ azzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam ta’ imprortanza eċċezzjonali għall-istabbiltà politika, tas-sigurtà u soċjali, li huwa ta’ importanza partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma responsabbli għal numru kbir ta’ dawn il-miżuri; jenfasizza, bl-istess mod f’dan il-kuntest, li l-mezzi finanzjarji tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE+), li għandhom ikopru l-miżuri ta’ integrazzjoni fit-tul għall-migranti, jeħtieġ għalhekk jiġu miżjuda biex ikopru l-kompitu ġdid;

47.

jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-programm il-ġdid “Drittijiet u Valuri”, li għandu jkopri l-protezzjoni tad-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE u jrawwem iċ-ċittadinanza Ewropea attiva, huwa ta’ importanza kbira għall-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dawn l-oqsma. Għal din ir-raġuni, jipproponi żieda fil-bażi ġenerali ta’ dan il-programm sabiex tindirizza l-isfidi enormi f’dan ir-rigward;

48.

jilqa’ s-semplifikazzjoni tal-istrumenti għal azzjonijiet esterni, u l-allokazzjoni tar-riżorsi, li jikkontribwixxu għal politika esterna u ta’ żvilupp tal-UE aktar effiċjenti u effettiva; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-titjib tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien u pajjiżi terzi f’firxa sħiħa ta’ oqsma u fil-kisba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli kollha kemm hi; jitlob biex dan ir-rwol jitqies fil-QFP b’mod aktar espliċitu, preferibilment permezz ta’ baġit allokat direttament;

49.

iqis li amministrazzjoni pubblika Ewropea b’saħħitha, effiċjenti u ta’ kwalità għolja hija indispensabbli sabiex jitwettqu l-politiki tal-Unjoni u biex terġa’ tinbena l-fiduċja fil-valur miżjud tal-UE u jissaħħaħ id-djalogu maċ-ċittadini fil-livelli kollha; jenfasizza r-rwol importanti tal-istituzzjonijiet magħmula minn membri demokratikament eletti;

50.

jistieden lill-korpi kollha tal-UE sabiex jilħqu ftehim rapidu dwar il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, sabiex il-programmi tal-UE jkunu jistgħu jiġu adottati fi żmien xieraq qabel il-bidu tal-QFP li jmiss.

Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Opinjoni tal-KtR 3597/2018 li għadha ma ġietx adottata

(2)  Opinjoni tal-KtR 3653/2018.

(3)  Opinjoni tal-KtR 4007/2018.


Top