Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE3801

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew DWAR “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija” [COM(2018) 289 final – 2018/0142 (COD)]

EESC 2018/03801

OJ C 440, 6.12.2018, p. 104–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/104


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew DWAR “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 167/2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija”

[COM(2018) 289 final – 2018/0142 (COD)]

(2018/C 440/17)

Relatur:

Mindaugas MACIULEVIČIUS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 28.5.2018

Kunsill, 1.6.2018

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.9.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

190/2/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ din il-proposta għal Regolament li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-proposta ssegwi feedback mingħand il-partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri fl-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni u għalhekk għandha tiġi appoġġjata.

1.2.

Il-KESE jappoġġja l-estensjoni għal ħames snin oħra tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-atti delegati meħtieġa, peress li hemm ħtieġa kontinwa biex jiġu aġġornati l-elementi varji tal-proċess ta’ approvazzjoni tat-tip.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-impenn qawwi tal-Kummissjoni li tikkonsulta diversi partijiet interessati u msieħba soċjali dwar kull inizjattiva f’dan il-qasam.

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni fil-livell internazzjonali. Standards ġodda introdotti b’atti delegati huma definiti f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ korpi ta’ ħidma internazzjonali bħal gruppi ta’ ħidma speċifiċi tal-UNECE u l-OECD.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni taġġorna għall-progress tekniku tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 billi taġġorna ċerti rekwiżiti u tikkoreġi ċerti żbalji editorjali wara li wasllilha r-rispons mill-partijiet ikkonċernati u mill-Istati Membri matul l-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni.

2.2.

B’mod aktar preċiż, dan l-att idaħħal kjarifiki għal żewġ definizzjonijiet ta’ kategoriji ta’ tratturi, u jikkoreġi ċerti termini importanti għall-applikazzjoni uniformi tar-Regolament mingħajr interpretazzjonijiet possibbli kif ukoll ir-referenzi għal att leġiżlattiv imħassar.

2.3.

Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi dettaljati, il-proċeduri għall-ittestjar u l-valuri ta’ limitu, fejn applikabbli, f’erba’ atti delegati dwar (i) is-sikurezza okkupazzjonali (ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-vettura); (ii) sigurtà funzjonali; (iii) ibbrejkjar; u (iv) prestazzjoni ambjentali u ta’ propulsjoni. Din is-setgħa diġà skadiet fil-21 ta’ Marzu 2018.

2.4.

Il-proposta attwali testendi s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati għal ħames snin oħra u tistabbilixxi t-tiġdid taċitu tiegħu, sakemm il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew ma joġġezzjonax espliċitament għal dan.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ din il-proposta għal Regolament li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 167/2013. Hija twieġeb għat-tħassib imqajjem mill-partijiet interessati u l-Istati Membri u billi taġġorna ċerti rekwiżiti u tikkoreġi għadd ta’ żbalji editorjali hija ttejjeb l-applikabbiltà u ċ-ċarezza tat-test legali. Ovvjament, dan huwa ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha involuti.

3.2.

Dwar dak li jikkonċerna l-estensjoni għal ħames snin oħra tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati, il-KESE jaqbel fil-prinċipju ma’ din il-proposta u jilqa’ bi pjaċir il-fatt li, kif kienet dejjem talbet, il-Kummissjoni qieset li jkun xieraq li tiġi estiża d-delega għal perjodu fiss, bil-possibbiltà ta’ tiġdid, sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni mqajma mill-Kunsill u l-Parlament (2).

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU C 60, 2.3.2013, p. 1; ĠU C 54, 19.2.2011, p. 42.

(2)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 67.


Top