Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2898

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni imġedda — l-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha” (Il-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa Informali tal-mexxejja tal-UE dwar l-innovazzjoni f’Sofia fis-16 ta’ Mejju 2018) (COM(2018) 306 final)

EESC 2018/02898

OJ C 440, 6.12.2018, p. 73–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni imġedda — l-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha”

(Il-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa Informali tal-mexxejja tal-UE dwar l-innovazzjoni f’Sofia fis-16 ta’ Mejju 2018)

(COM(2018) 306 final)

(2018/C 440/11)

Relatur:

Ulrich SAMM

Korelatur:

Stefano PALMIERI

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.6.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.9.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

196/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li anki fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, il-Kummissjoni għamlitha ċara li r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikomplu jkunu prijorità essenzjali tal-UE.

1.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-innovazzjoni għandha ġġorr piż akbar u jfakkar is-sejħa tiegħu li l-politika futura ta’ finanzjament jeħtieġ li tkun ibbilanċjata tajjeb għall-katina kollha tar-riċerka u tal-innovazzjoni, mir-riċerka fundamentali sa dik xprunata mill-prodott. L-innovazzjoni hija ċentrali għat-tkabbir ekonomiku u l-istrumenti l-ġodda b’mod partikolari se jkunu ta’ benefiċċju għall-SMEs. Il-KESE jtenni l-importanza tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp bħala mutur ewlieni għall-produzzjoni u s-sostenn ta’ effetti sekondarji fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri.

1.3.

Il-KESE jilqa’ wkoll l-għan li r-regoli tal-għajnuna mill-Istat jiġu ssemplifikati aktar sabiex jiffaċilitaw il-kombinazzjoni ta’ fondi differenti, li tista’ tkun strumentali sabiex jingħelbu d-differenzi kbar bejn l-Istati Membri u r-reġjuni f’termini tan-numru ta’ proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ suċċess.

1.4.

Orizzont Ewropa jeħtieġ jinvesti f’oqsma fejn hemm valur miżjud Ewropew partikolari. Proġetti ta’ riċerka kollaborattiva għandhom jingħataw prijorità, peress li dawn jissodisfaw dan ir-rekwiżit b’mod li kważi l-ebda programm ieħor ma jagħmel hekk.

1.5.

Il-KESE huwa konvint li bosta sfidi soċjetali ewlenin jistgħu jissolvew biss fil-livell Ewropew u jeħtieġu l-isforzi konġunti ta’ diversi atturi, billi jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka kollaborattiva individwali. Din hija r-raġuni għaliex l-idea tal-missjonijiet hija appoġġjata.

1.6.

L-appoġġ għall-mobilità tar-riċerkaturi permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) huwa fattur ewlieni ieħor għat-tisħiħ ulterjuri taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimmiraw li jistabbilixxu kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u adegwati għall-professjonisti biex jevitaw il-fenomenu ta’ eżodu ta’ mħuħ li huwa kontroproduttiv għall-ksib tal-koerenza fl-UE.

1.7.

Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiżdied il-volum ta’ investiment tal-UE biex jgħin lill-ħaddiema Ewropej sabiex iżommu ruħhom aġġornati dwar l-iżviluppi u jiksbu kwalifiki għal professjonijiet diġitali.

1.8.

Il-KESE jemmen li inizjattivi li jgħinu lill-SMEs biex jikkapitalizzaw fuq l-eżitu tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll jisfruttawh, għandhom jiġu appoġġjati b’mod aktar effettiv.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fil-laqgħa informali tal-Mexxejja tal-UE dwar l-innovazzjoni f’Sofija fis-16 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea stiednet lil dawk preżenti biex jiddiskutu u jagħtu gwida strateġika b’mod ġenerali fid-dawl tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u l-prijoritajiet li għandhom jingħataw, b’mod partikolari, lir-Riċerka u lill-Innovazzjoni. Għal dan il-għan, il-KE pproponiet prijoritajiet u inizjattivi ġodda fil-Komunikazzjoni tagħha (1).

2.2.

Din il-proposta sservi wkoll bħala l-ewwel pass lejn id-definizzjoni tal-Programm Qafas li jmiss (FP9 jew Orizzont Ewropa) li għandu l-għan li jkompli u li jtejjeb il-programm Orizzont 2020 (2) li kellu suċċess.

2.3.

Bl-istess mod, huma proposti attivitajiet sabiex jappoġġjaw l-innovazzjoni u jagħtu spinta lit-tmexxija industrijali b’segwitu għall-Istrateġija għall-Politika Industrijali tal-UE (3) mġedda.

3.   Kontenut essenzjali tal-proposta

3.1.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija maħsuba biex tiżgura li r-riċerka u l-innovazzjoni jkomplu jkunu waħda mill-politiki essenzjali u l-prijoritajiet ta’ finanzjament tal-UEfil-futur, fost strumenti baġitarji differenti. Tingħata aktar enfasi lill-innovazzjoni sabiex l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem nett fl-innovazzjoni tal-ħolqien tas-suq.

3.2.

Il-Kummissjoni tipproponi li jiżdiedu l-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni billi jiġu allokati madwar EUR 100 biljun għall-programm futur Orizzont Ewropa u l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom(4)

3.3.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni pproponiet li jiġu mmobilizzati madwar EUR 11-il biljun għal strumenti bbażati fuq is-suq, inklużi strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji fi spazju ddedikat taħt il-Fond InvestEU, li mbagħad jimmobilizza EUR 200 biljun ta’ investiment privat sabiex jiġu appoġġjati r-riċerka u l-innovazzjoni.

3.4.

L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu l-passi meħtieġa sabiex iżidu n-nefqa tagħhom fir-riċerka u fl-innovazzjoni sabiex jilħqu t-3 % tal-mira tal-PDG.

3.5.

Tnedija tal-ewwel sett ta’ missjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni fil-livell tal-UE b’għanijiet deċiżivi, ambizzjużi u b’valur miżjud Ewropew b’saħħtu. Il-missjonijiet se jħeġġu investiment u parteċipazzjoni f’bosta setturi fil-ktajjen tal-valur, oqsma ta’ politika (eż. l-enerġija u l-klima, it-trasport, il-manifattura avvanzata, is-saħħa u n-nutrizzjoni, id-diġitali), u dixxiplini xjentifiċi (inklużi xjenzi soċjali u umanistiċi).

3.6.

Huwa propost li, kull meta jiġu rriveduti l-politika u l-leġislazzjoni tal-UE u l-oqfsa regolatorji nazzjonali, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ innovazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-impatt fuq l-innovazzjoni jiġi vvalutat b’mod sħiħ.

3.7.

Se jiġi stabbilit Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) sabiex jidentifika u jespandi l-innovazzjoni rivoluzzjonarja u ta’ taqlib, billi jiffoka fuq innovazzjonijiet b’pass mgħaġġel u ta’ riskju għoli li għandhom potenzjal qawwi li joħolqu swieq totalment ġodda.

3.8.

Miżuri sabiex jiżdied l-investiment privat fir-riċerka u fl-innovazzjoni u inizjattivi ta’ espansjoni:

l-implimentazzjoni ta’ Programm Pan-Ewropew għal Fondi ta’ Fondi tal-Kapital ta’ Riskju (VentureEU);

it-traspożizzjoni tad-Direttiva (5) dwar il-prevenzjoni ta’ oqfsa ta’ ristrutturar, it-tieni opportunitajiet kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-ħelsien mid-dejn.

3.9.

Aktar semplifikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat sabiex tiġi ffaċilitata l-kombinazzjoni ta’ fondi differenti mingħajr xkiel u l-użu aħjar ta’ standards ta’ valutazzjoni komuni għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.

3.10.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda sistema fiskali (6) li tappoġġja l-innovazzjoni billi tippermetti li l-ispejjeż tal-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni jkunu jistgħu jitnaqqsu mit-taxxa, b’indennizzi addizzjonali għal kumpaniji li m’ilhomx li fetħu.

3.11.

L-introduzzjoni ta’ tikketta ta’ Xjenza Miftuħa għall-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubblika sabiex jingħataw is-setgħa biex ikunu aktar intraprenditorjali u interdixxiplinarji.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li anki fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027, il-Kummissjoni għamlitha ċara li r-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikomplu jkunu prijorità essenzjali tal-UE. Programm b’saħħtu u ta’ suċċess li jgħaqqad l-eċċellenza, l-infrastrutturi tar-riċerka konġunta, il-kollaborazzjoni bejn il-fruntieri kif ukoll is-sinerġiji bejn l-akkademja, l-industrija, l-SMEs u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka huwa strument ta’ politika ewlieni sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku Ewropew sostenibbli u kompetittività u sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li taffaċċja s-soċjetà Ewropea.

4.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-innovazzjoni għandha ġġorr piż akbar u jfakkar is-sejħa tiegħu li l-politika futura ta’ finanzjament jeħtieġ li tkun ibbilanċjata tajjeb għall-katina kollha tar-riċerka u tal-innovazzjoni, minn riċerka fundamentali sa dik xprunata mill-prodott (7). L-innovazzjoni hija ċentrali għat-tkabbir ekonomiku u b’mod partikolari, l-istrumenti l-ġodda se jkunu ta’ benefiċċju għall-SMEs. Il-KESE jtenni l-importanza tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp bħala mutur ewlieni għall-produzzjoni u s-sostenn ta’ effetti sekondarji fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri.

4.3.

Fir-rigward tal-aspettattivi għoljin li huma relatati mal-impatt ta’ Orizzont Ewropa u r-rwol tiegħu fl-iżgurar tal-kompetittività Ewropea, il-KESE jirrakkomanda finanzjament ta’ EUR 120 biljun, kif ġie propost ukoll mill-Parlament Ewropew. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom juru li dawn fehmu l-importanza kbira ħafna tar-riċerka u tal-innovazzjoni għall-kompetittività futura tal-UE

4.4.

Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiżdied il-volum ta’ investiment tal-UE biex jgħin lill-ħaddiema Ewropej sabiex iżommu ruħhom aġġornati dwar l-iżviluppi u jiksbu kwalifiki għal professjonijiet diġitali. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li inizjattivi li jgħinu lill-SMEs biex jikkapitalizzaw fuq l-eżitu tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll jisfruttawh, għandhom jiġu appoġġjati b’mod aktar effettiv.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Ir-riċerka tul il-katina tal-valur kollha

5.1.1.

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jintużaw biex idaħħlu lir-reġjuni fl-ekonomija tal-innovazzjoni. Għandhom jinħolqu sinerġiji mal-Programm Orizzont Ewropa, il-Fond InvestEU, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Programm Erasmus+, il-Programm Diġitali Ewropew, il-Politika Agrikola Komuni u programmi oħra.

5.1.2.

L-UE hija l-aktar żona miftuħa tar-riċerka u tal-innovazzjoni fid-dinja. Mhux biss tilqa’ organizzazzjonijiet tar-riċerka minn madwar id-dinja kollha fil-proġetti tagħha, iżda din tikkollabora wkoll b’mod estensiv ma’ msieħba internazzjonali fuq programmi konġunti. Orizzont Ewropa jeħtieġ li jinvesti f’dawk l-oqsma fejn hemm valur miżjud Ewropew speċjali. Proġetti ta’ riċerka kollaborattiva (8) għandhom jingħataw prijorità, peress li dawn jissodisfaw dan ir-rekwiżit b’mod li kważi l-ebda programm ieħor ma jagħmel hekk: sabiex isir aktar progress fuq l-isfidi soċjetali li ma jistgħux jissolvew fil-livell nazzjonali, dawn il-proġetti jlaqqgħu flimkien lill-aħjar xjenzjati, kif ukoll l-aktar partijiet interessati innovattivi mill-qasam tal-SMEs u l-Industrija fl-Ewropa. Billi jikkombinaw il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom fid-dixxiplini kollha, il-proġetti ta’ riċerka kollaborattiva jirriżultaw f’benefiċċji ta’ valur għaċ-ċittadini Ewropej.

5.1.3.

Il-KESE huwa konvint li bosta sfidi soċjetali ewlenin jistgħu jissolvew biss fil-livell Ewropew u jeħtieġu l-isforzi konġunti ta’ diversi atturi, billi jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka kollaborattiva individwali. Din hija r-raġuni għaliex l-idea tal-missjonijiet hija appoġġjata. Il-KESE jirrikonoxxi li għanijiet ambizzjużi komuni għandhom il-potenzjal li jispiraw u joħolqu momentum, jiġifieri r-rieda li tittieħed azzjoni, fost bosta komunitajiet, inkluż il-pubbliku. Il-missjonijiet għandhom joffru perspettiva ta’ finanzjament fit-tul matul il-perjodu ta’ finanzjament sħiħ tal-Orizzont Ewropa. Huwa essenzjali li, l-ewwel u qabel kollox, il-missjonijiet jiġu kkunċettwalizzati bħala missjonijiet ta’ riċerka ta’ skala kbira anki jekk dawn jintegraw bosta partijiet ikkonċernati fis-sottoproġetti tagħhom. Sabiex jinkisbu l-għanijiet ambizzjużi tal-missjonijiet, dawn jeħtieġ li jkopru l-katina kollha tal-innovazzjoni u jinkludu attivitajiet ta’ riċerka dwar il-Livelli kollha ta’ Tħejjija Teknoloġika. Il-KESE jħeġġeġ biex ma tingħatax stampa esaġerata u mhux reali tal-kunċett sempliċi tal-missjonijiet, iżda li dawn jingħataw il-finanzjament adegwat meħtieġ għall-għanijiet tagħhom. Dawn l-għanijiet għandhom ikunu kemm li jistgħu jintlaħqu kif ukoll tanġibbli.

5.1.4.

Wieħed mill-punti pożittivi tal-programmi qafas ta’ riċerka Ewropej huwa l-impenn tanġibbli tagħhom madwar l-UE kollha li jrawmu Żona ta’ Riċerka Ewropea li tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha. Sinerġiji aktar b’saħħithom bejn il-programm qafas li jmiss u l-fondi strutturali jistgħu jappoġġjaw dan l-aċċess miftuħ. It-tnaqqis tad-distakk bejn ir-reġjuni b’mod aktar effettiv huwa wieħed mill-isfidi politiki ewlenin għas-snin li ġejjin, u sħubiji effettivi bejn istituzzjonijiet tar-riċerka jistgħu jkunu fattur ewlieni.

5.1.5.

Strument importanti f’dan il-kuntest huma l-inizjattivi ewlenin tal-FET. Dawn huma kkaratterizzati minn fokus qawwi fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi. Dan huwa punt pożittiv uniku. L-Ewropa jeħtieġ li tippermetti lilha nnifisha proġetti ta’ skala kbira u fit-tul li jistgħu jifilħu livell ta’ inċertezza u li jkunu innovattivi daqskemm jidhru li jħarsu ’l quddiem. Għalhekk, għandha ssir distinzjoni ċara bejn inizjattivi ewlenin tal-FET u l-missjonijiet. Huwa essenzjali li l-inizjattivi ewlenin tal-FET futuri jibdew kif ippjanat u jitkomplew sabiex jirċievu finanzjament ta’ prijorità.

5.1.6.

Li l-infrastruttura tar-riċerka tkun aċċessibbli madwar l-UE kollha u lil hinn minnha hija waħda mill-istejjer ta’ suċċess tal-programmi qafas. Bla dubju, infrastruttura ta’ riċerka mill-aqwa tiġbed l-aħjar xjenzjati u spiss huwa biss l-aċċess għal infrastruttura tar-riċerka li jagħmel ir-riżultati rivoluzzjonarji possibbli. Għalhekk, l-infrastruttura tar-riċerka teħtieġ b’mod urġenti finanzjament akbar fil-livell Ewropew, mhux it-tnaqqis fis-sehem tal-baġit li l-Kummissjoni Ewropea pprevediet fil-proposta tagħha. L-iżgurar tal-aċċess tal-utenti mill-pajjiżi tal-UE13 jkun tħassib ta’ prijorità.

5.1.7.

L-appoġġ tal-mobilità tar-riċerkaturi permezz tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) huwa fattur ewlieni ieħor sabiex tkompli tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u jinħoloq impatt li ma jistax jinkiseb fil-livell nazzjonali. Il-KESE jilqa’ kwalunkwe inizjattiva mfassla sabiex tappoġġja l-mobbiltà ta’ riċerkaturi li jaħdmu f’SMEs. Madankollu, il-KESE huwa preokkupat dwar il-fenomenu ta’ eżodu ta’ mħuħ li jista’ anke jikber permezz ta’ finanzjament għall-mobilità u b’hekk jitlob għal politiki nazzjonali u tal-UE biex jiffokaw fuq l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u attraenti għall-professjonisti biex tiġi evitata din it-tendenza, li hija kontroproduttiva għall-ksib tal-koerenza fl-UE.

5.1.8.

Għandu jiġi nnutat li l-partijiet ikkonċernati akkademiċi minn isitituzzjonijiet iffinanzjati mill-pubbliku f’bosta Stati Membri ma jitħallewx jieħdu self. Għalhekk Orizzont Ewropa għandu primarjament jibqa’ ffukat fuq il-kofinanzjament, mhux is-self.

5.1.9.

Il-KESE jissieħeb fit-talba lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi meħtieġa biex iżidu n-nefqa tagħhom fir-riċerka u fl-innovazzjoni sabiex jilħqu t-3 % tal-mira tal-PDG.

5.2.   Riċerka u Innovazzjoni għal swieq ġodda u koeżjoni fl-Ewropa

5.2.1.

Kif enfasizzat fis-7 rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, seoċjali u territorjali, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE għadhom ikkonċentrati ħafna f’numru limitat ta’ reġjuni. Fi Stati Membri tal-Majjistral, konnessjonijiet interreġjonali tajbin, forza tax-xogħol b’ħiliet għolja u ambjent tan-negozju attraenti għamluha possibbli li wieħed jikkapitalizza fuq “ir-riċerka u l-innovazzjoni” bħala xprunaturi tanġibbli għall-appoġġ tal-kompetittività ekonomika u l-koeżjoni soċjali. Fi Stati Membri tan-Nofsinhar u tal-Lvant, il-prestazzjoni tal-innovazzjoni hija aktar batuta u reġjuni viċin iċ-ċentri tal-innovazzjoni – prinċipalment il-bliet kapitali – ma jibbenefikawx mill-viċinanza tagħhom. Dan jitlob li jkun hemm politiki li jgħaqqdu lill-kumpaniji, liċ-ċentri tar-riċerka u lil servizzi ta’ negozju speċjalizzati madwar ir-reġjuni. Il-KESE jemmen li aktar semplifikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat sabiex tiġi ffaċilitata l-kombinazzjoni ta’ fondi differenti mingħajr xkiel tista’ tkun ċentrali għal dan l-objettiv.

5.2.2.

Il-programmi tar-“riċerka u l-innovazzjoni” ta’ wara l-2020 għandhom iqisu d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u territorjali li jikkaratterizzaw ir-reġjuni tal-UE, billi jevitaw l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ “wieħed tajjeb għal kulħadd”. Dan l-approċċ jista’ jiġi appoġġjat mill-implimentazzjoni ta’ strateġiji bbażati fuq innovazzjoni “miftuħa”. Fir-rigward tad-dimensjoni territorjali tal-politiki dwar ir-“Riċerka u l-Innovazzjoni”, huwa importanti li jinbnew programmi u prijoritajiet ġodda, billi jitqiesu l-aspetti ekonomiċi u soċjali li jikkaratterizzaw it-territorji fejn se tiġi implimentata l-azzjoni.

5.2.3.

Il-programmi u l-politki tar-“riċerka u l-innovazzjoni” ta’ wara l-2020 għandhom ikunu konsistenti mal-miri tal-“Ekonomija għall-Ġid Komuni – ECG”, mudell ekonomiku sostenibbli mmirat lejn il-koeżjoni soċjali. L-ECG huwa proċess ta’ “innovazzjoni soċjali” u intraprenditorija pożittiva utli għall-promozzjoni u l-appoġġ ta’ ideat ġodda li simultanjament isolvu l-ħtiġijiet soċjali, joħolqu relazzjonijiet soċjali ġodda u jsaħħu l-ħolqien ta’ valur ekonomiku.

5.2.4.

Minkejja l-impenji wiesgħa li saru bħala parti mill-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020, l-aċċess tal-SMEs għal opportunitajiet ta’ tkabbir ibbażati fuq l-innovazzjoni kellu impatt żgħir f’termini ta’ kompetittività u ħolqien tal-impjiegi. Il-qafas ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni f’xi reġjuni għadu kumpless wisq, u dan jiskoraġġixxi lill-mikrointrapriżi u lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir milli jipparteċipaw b’mod partikolari fi proġetti tal-UE. Il-KESE, għalhekk, jilqa’ l-iżvilupp ta’ Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) li għandu jaċċellera l-kummerċjalizzazzjoni u l-espansjoni tal-innovazzjonijiet minn negozji ġodda li joħorġu minn proġetti ta’ Orizzont Ewropa. L-EIC jista’ jsir mekkaniżmu li jaħdem b’iżjed ħeffa għall-ikkompletar tal-aħħar passi sabiex jingħalaq id-distakk tal-innovazzjoni.

5.2.5.

Sabiex l-opportunitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni jittrasformaw f’fatturi għal kompetittività u żvilupp ekonomiku, huwa essenzjali li tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-istituzzjonijiet RŻI, negozji ġodda intraprenditorji bbażati fuq it-trasferiment ta’ riċerka u innovazzjoni, u attivitajiet ta’ kkowċjar u ġbir ta’ fondi. Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġu appoġġjati t-trasferiment u l-kapitalizzazzjoni tal-mudell ta’ “l-ispiral kwintuplu” biex tingħata spinta lis-sħubijiet pubbliċi u privati.

5.2.6.

L-SMEs jistgħu jkunu l-mexxejja f’termini ta’ “innovazzjonijiet soċjali miftuħa”, li fihom l-għarfien ġenerali tal-bniedem għan-netwerking u l-kapaċitajiet għall-ħolqien konġunt, it-tfassil konġunt u l-innovazzjoni konġunta jkunu fundamentali għall-kisba sħiħa tal-innovazzjoni soċjali fl-Ewropa kollha. Hija meħtieġa l-promozzjoni ta’ politiki ta’ innovazzjoni xierqa għall-SMEs, kif diġà qed isir mill-inizjattiva EUREKA. Dan il-kompitu jista’ jiġi speċifikament iffaċċjat mill-istituzzjonijiet li jistgħu jappoġġjaw lill-SMEs direttament biex jinvolvu rwieħhom fi żvilupp u innovazzjoni tan-negozju, bħall-Kmamar tal-Kummerċ.

5.2.7.

Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-kapaċitajiet konsiderevoli tar-reġjuni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-appoġġ lejn l-SMEs, dan madankollu jħeġġeġ li jkun hemm fokus fuq il-valur miżjud Ewropew. Dan jista’ jsir fl-appoġġ tal-kollaborazzjoni ta’ aktar minn żewġ atturi tal-innovazzjoni fl-Ewropa jew fl-għoti ta’ kapital lill-innovaturi b’kunċetti li jkunu wisq riskjużi biex jiġu appoġġjati fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, is-semplifikazzjoni tal-istrumenti msemmija hawn fuq għandha twassal għal aktar effiċjenza tax-xenarju tal-finanzjament. Għalhekk huwa mistenni li l-EIC jkun jeħtieġ inqas sehem tal-baġit tal-Orizzont Ewropa mill-istrumenti finanzjarji ta’ Orizzont 2020, mhux iż-żieda konsiderevoli prevista fil-proposta tal-KE. Fil-programmi tar-“riċerka u l-innovazzjoni” ta’ wara l-2020 għandu jingħata aktar appoġġ lill-aspetti kwalitattivi tal-miri.

5.2.8.

L-“intelliġenza” ta’ sistema soċjoekonomika ma tistax titkejjel biss fuq il-bażi ta’ indikaturi kwantitattivi bħal nefqa fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni; għandu jsir ukoll użu minn indikaturi kwalitattivi bħat-tip ta’ innovazzjonijiet miġjuba, vantaġġi għas-soċjetà ċivili u n-numru ta’ impjiegi ġodda maħluqa. Il-KESE, għalhekk, jilqa’ dan.

5.2.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li taħt il-QFP il-ġdid, il-Kummissjoni inkludiet l-aċċessibilità bħala “kondizzjoni abilitanti”. Il-finanzjament tar-R&I kollha tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jissodisfaw kompletament il-kriterji ta’ aċċessibbiltà b’mod li r-riżultati jibbenefikaw il-gruppi soċjali kollha, inklużi persuni b’diżabilità, li jirrappreżentaw 15 % tal-popolazzjoni tal-UE.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2018) 306 final.

(2)  Ara ĠU C 34, 2.2.2017, p. 66“Evalwazzjoni ta’ Orizzont 2020” (Rapport ta’ Informazzjoni).

(3)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 10.

(4)  L-allokazzjoni baġitarja proposta ta’ EUR 100 biljun għall-2021-2027 tinkludi EUR 97,6 biljun taħt Orizzont Ewropa (li minnhom EUR 3,5 biljun se jiġu allokati taħt il-Fond InvestEU) u EUR 2,4 biljun għall-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom.

(5)  COM(2016) 723 final.

(6)  Antiċipata taħt il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK).

(7)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 66

(8)  Riċerka kollaborattiva b’minimu ta’ tliet imsieħba minn Stati Membri differenti tagħmilha possibbli li jingħaqdu l-isforzi biex jġu indirizzati sfidi li ma jistgħux jiġu indirizzati minn pajjiż wieħed waħdu u toħloq sinerġiji fil-qasam tar-riċerka fi ħdan l-UE, u b’hekk jinħoloq valur miżjud sinifikanti tal-UE, bħal dawk imfassla u implimentati minn EUREKA.


Top