EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2466

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-bijoekonomija biex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija tal-UE u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU” (opinjoni esploratorja)

EESC 2018/02466

OJ C 440, 6.12.2018, p. 45–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-bijoekonomija biex jintlaħqu l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija tal-UE u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU”

(opinjoni esploratorja)

(2018/C 440/07)

Relatur:

Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA

Korelatur:

Andreas THURNER

Konsultazzjoni

Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill, 12.2.2018

Bażi legali

Artikolu 302 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Opinjoni esploratorja

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

13.3.2018

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

5.9.2018

Adottata fil-plenarja

19.9.2018

Sessjoni plenarja Nru

537

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

180/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-bijoekonomija hija dwar il-ħolqien ta’ valur miżjud għas-soċjetà permezz tal-produzzjoni, il-konverżjoni u l-użu ta’ riżorsi bijoloġiċi naturali. It-tranżizzjoni għan-newtralità tal-karbonju u ċ-ċirkolarità se taġixxi dejjem aktar bħala xprun għall-bijoekonomija, peress li bijoekonomija ċirkolari għandha l-potenzjal li tiġġenera benefiċċji ekonomiċi, soċjali u klimatiċi b’mod simultanju.

1.2.

Il-KESE josserva li l-bijoekonomija tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima b’diversi modi: bis-sekwestru tas-CO2 mill-atmosfera fil-bijomassa, bil-ħżin tal-karbonju fil-bijoprodotti u billi l-prodotti bbażati fuq il-fossili jiġu ssostitwiti b’bijoprodotti.

1.3.

Barra minn hekk, il-Kumitat josserva li l-bijoekonomija tikkontribwixxi għall-miri tal-klima u l-enerġija tal-UE billi tissostitwixxi l-karburanti fossili bil-bijoenerġija fil-produzzjoni tal-elettriku, fit-tisħin u t-tkessiħ u fit-trasport. Hija tikkontribwixxi wkoll għall-effiċjenza fl-enerġija u għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

1.4.

Il-KESE huwa konvint li l-bijoekonomija taqdi rwol essenzjali fit-tilħiq tal-għanijiet ġenerali ekonomiċi, ambjentali u soċjali mitluba fl-Aġenda 2030 tan-NU (Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jew SDGs). Ir-rwol tal-bijoekonomija huwa marbut mill-qrib mal-għanijiet li jappartjenu għall-industrija u għall-agrikoltura u għall-ħolqien tal-impjiegi f’dawn l-oqsma.

1.5.

Il-Kumitat jitlob għall-adattament tal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tal-UE sabiex, b’konformità mas-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali, jiġu pprovduti l-aktar kundizzjonijiet favorevoli għall-bijoekonomija Ewropea biex jinħoloq vantaġġ kompetittiv għall-UE.

1.6.

Il-KESE jenfasizza li dawk li jfasslu l-politika għandhom jippromovu l-produzzjoni u l-mobilizzazzjoni sostenibbli tal-bijomassa fl-UE u jiżguraw qafas stabbli, affidabbli u koerenti għall-investimenti fil-bijoekonomija tul il-ktajjen ta’ valur. Barra minn hekk, dawk li jfasslu l-politika għandhom isaħħu d-domanda għall-bijoprodotti permezz tal-akkwist pubbliku, u jadottaw qafas koerenti b’mod li r-regoli tekniċi, u dawk tas-sigurtà u l-għajnuna mill-istat jiprovdu kundizzjonijiet ekwi għall-bijoprodotti.

1.7.

Fil-fehma tal-KESE, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fundamentali għall-iżvilupp ta’ bijoekonomija li tibqa’ valida għall-futur. Għaldaqstanst, għandhom jitkomplew l-isforzi tal-innovazzjoni li jiġu promossi mill-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija, inkluża l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (BBI JU).

1.8.

Il-Kumitat jenfasizza r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni, is-servizzi konsultattivi, it-trasferiment tal-għarfien u t-taħriġ biex jiġi żgurat li l-ħaddiema u l-intraprendituri jkollhom l-informazzjoni u l-ħiliet meħtieġa. In-nies għandhom ikunu infurmati tajjeb dwar il-bijoekonomija u jsiru konxji tar-responsabbilitajiet tagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru konsumaturi attivi u jieħdu deċiżjonijiet dwar il-konsum sostenibbli.

1.9.

Il-KESE jenfasizza li infrastruttura adatta hija prerekwiżit għall-bijoekonomija u titlob finanzjament adegwat. Sistemi tat-trasport effiċjenti huma meħtieġa biex jippermettu l-aċċess għall-materja prima u d-distribuzzjoni ta’ prodotti fis-swieq.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda li l-UE tagħmel kull sforz għal sistema globali tal-prezzijiet għall-emissjonijiet tal-karbonju, li jkun mod newtrali u effettiv ta’ kif tiġi promossa l-bijoekonomija u kif l-atturi kollha tas-suq jistgħu jinġiebu flimkien biex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima.

1.11.

Il-KESE huwa konvint li l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-inizjattivi marbuta mal-bijoekonomija u l-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa tal-akbar importanza. Il-Kumitat jenfasizza li huwa vitali li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ssir b’mod ġust.

1.12.

Il-KESE jenfasizza li bijoekonomija sostenibbli tista’ tirnexxi biss billi jiġi adottat approċċ transsettorjali. Għalhekk, jinħtieġu koerenza u koordinazzjoni bejn il-politiki u l-għanijiet differenti tal-UE. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-miżuri fil-livell tal-Istati Membri jkunu koerenti.

2.   Kuntest

2.1.

Il-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill talbet lill-KESE jfassal Opinjoni esploratorja dwar ir-rwol tal-bijoekonomija fit-tilħiq tal-għanijiet tal-klima u tal-enerġija tal-UE u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU. Sadanittant, il-KESE bħalissa qed iħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-opportunitajiet ġodda li nfetħu permezz tal-bijoekonomija sostenibbli u inklużivA għall-ekonomija Ewropea (CCMI/160).

2.2.

Fl-istesss waqt, il-Kummissjoni Ewropea qed taġġorna l-Istrateġija Ewropea tal-2012 dwar il-Bijoekonomija. Il-KESE qed jissorvelja dan il-proċess u jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ddefinixxiet il-bijoekonomija bħala l-produzzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli u l-konverżjoni ta’ dawn ir-riżorsi u tal-flussi tal-iskart fi prodotti b’valur miżjud, bħall-ikel, l-għalf, il-bijoprodotti u l-bijoenerġija.

2.3.

B’mod ġenerali, il-bijoekonomija tinvolvi s-sostituzzjoni tal-karburanti fossili u materja prima derivata mill-fossili b’enerġija u materja prima b’bażi bijoloġika. Il-bijoekonomija tinvolvi attivitajiet ekonomiċi li jkunu bbażati fuq il-produzzjoni, l-estrazzjoni, il-konverżjoni u l-użu ta’ riżorsi naturali bijoloġiċi. Il-flussi tal-iskart, il-prodotti sekondarji u r-residwi jistgħu jkunu sors ewlieni ieħor għall-provvista tal-materja prima.

2.4.

L-agrikoltura u l-forestrija, flimkien mas-sajd, jaqdu rwol fundamentali fil-produzzjoni tal-bijomassa għal aktar użu. Varjetà wiesgħa ta’ industriji, bħall-industrija tal-foresti, tal-ikel, tal-kimika, tal-enerġija, tat-tessuti u tal-bini, jikkonvertu l-bijomassa, inkluża l-materja prima sekondarja, fi prodotti bażiċi tal-konsumaturi jew fi prodotti intermedji intiżi għal negozji oħra. Fil-biċċa l-kbira tagħha, il-bijoekonomija hija bbażata fuq ktajjen tal-valur estensivi, inklużi t-trasport, il-kummerċ u servizzi oħra relatati mal-attivitajiet imsemmija hawn fuq. Barra minn hekk, is-servizzi tal-ekosistema jagħmlu parti mill-bijoekonomija.

2.5.

L-UE timpenja ruħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet serra b’tal-anqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 (1), b’miri u regoli separati għas-setturi tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet u setturi oħra. Barra minn hekk, l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, jiġifieri s-settur LULUCF, ġew integrati fil-qafas tal-2030, bir-rekwiżit li dan is-settur ma jiġġenerax emissjonijiet netti iżda jikkontribwixxi għall-għan li fuq perjodu twil ta’ żmien jitjiebu l-bjar. Dan jirrifletti r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tal-Ftehim ta’ Pariġi, li jitlob bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mis-sorsi skont is-sorsi u l-assorbimenti minn bjar ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu (2).

2.6.

B’konformità mal-miri tal-enerġija tal-UE għas-sena 2030, l-effiċjenza fl-enerġija għandha tiżdied bi 32,5 % meta sjsir paragun mal-projezzjonijiet, u s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita ġenerali tal-enerġija għandu jkun ta’ 32 %, fejn it-tnejn jiġu espressi bħala miri komuni tal-UE, minflok miri tal-Istati Membri (3).

2.7.

Is-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-NU jkopru l-aspetti differenti tal-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li qegħdin jiġu ffaċċjati fuq livell globali. Filwaqt li l-ebda wieħed mill-SDGs ma jiffoka speċifikament fuq il-bijoekonomija, din madankollu hija marbuta ma’ diversi għanijiet minn dawn.

3.   Il-kontribut tal-bijoekonomija għall-għanijiet tal-klima u tal-enerġija tal-UE

3.1.

It-tranżizzjoni għan-newtralità tal-karbonju hija sfida enormi u tirrikjedi tnaqqis konsiderevoli fl-emissjonijiet kif ukoll żieda fil-ħżin tal-karbonju. L-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali bijoloġiċi hawnhekk huwa element fundamentali.

3.2.

Il-bijoekonomija tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz ta’ mekkaniżmi differenti: is-sekwestru tas-CO2 mill-atmosfera fil-bijomassa permezz tal-fotosinteżi; il-ħżin tal-karbonju fil-bijoprodotti u s-sostituzzjoni ta’ prodotti u materja prima bbażati fuq il-fossili f’bijoprodotti.

3.2.1.

L-assorbiment effettiv tas-CO2 jirrikjedi tkabbir sostenibbli tal-bijomassa. Il-ġestjoni attiva u sostenibbli tal-foresti u l-użu tal-injam huma elementi ewlenin biex jintlaħqu l-miri klimatiċi (kif diġà deskritt f’NAT/655 (4) dwar l-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija u NAT/696 (5) dwar il-kondiviżjoni tal-isforz u s-settur LULUCF). M3 wieħed ta’ injam jaqbad madwar 1 000 kg ta’ CO2. Peress li l-bijomassa li tkun qed tikber biss għandha l-kapaċità li tassorbi s-CO2, huwa kruċjali li ma jiġux stabbiliti limiti fuq l-użu tal-foresti, dment li r-rata tal-ħsad ma taqbiżx ir-rata tat-tkabbir mill-ġdid tal-foresti u jiġu segwiti prattiki sostenibbli tal-ġestjoni tal-foresti.

3.2.2.

Jeżistu diversi tipi ta’ bijoprodotti u qed jiġu żviluppati prodotti ġodda. Dawn il-prodotti jistgħu jaħżnu l-karbonju, li b’hekk iżommuh barra mill-atmosfera. Prodotti tal-injam dejjiema, bħal bini u għamara ta’ kwalità għolja, huma l-aktar mezz effettiv ta’ ħżin tal-karbonju. Sakemm il-bijoprodotti b’ħajja iqsar jiġu rriċiklati, dawn lanqas mhu se jirrilaxxaw il-kontenut tagħhom tal-karbonju. Barra minn hekk, fit-tmiem tal-ħajja tagħhom, il-bijoprodotti jistgħu jintużaw bħala bijoenerġija u għaldaqstant jissostitwixxu s-sorsi tal-enerġija fossili.

3.3.

Il-bijoenerġija tikkontribwixxi għall-għan tal-UE fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija. It-tisħin distrettwali fil-komunitajiet u fil-produzzjoni sostenibbli industrijali tas-Sħana u tal-Enerġija Kkombinati (CHP) huma eżempji tajbin ta’ dan. Peress li l-bini jikkonsma ammont sinifikanti ta’ enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, flimkien mas-sors ta’ enerġija li jintuża, għandhom importanza kbira.

3.4.

It-trasport għandu rwol deċiżiv x’jaqdi fit-tilħiq tal-miri tal-klima. Kull tip ta’ miżuri li jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’effett serra huma għalhekk meħtieġa, minħabba l-ħtiġijiet u l-karatteristiċi differenti tal-mezzi tat-trasport differenti (kif deskritt f’diversi Opinjonijiet tal-KESE, pereżempju TEN/609 (6) dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport).

3.4.1.

Jidher li l-elettrifikazzjoni tat-trasport hija xejra li qed dejjem tikber. Sabiex ikollu impatt pożittiv fuq il-klima, l-elettriku għandu jiġi prodott bl-użu ta’ sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ gass serra, inklużi sorsi ta’ enerġija b’bażi bijoloġika sostenibbli.

3.4.2.

Il-karburanti fossili fit-trasport qed jiġu sostitwiti parzjalment minn bijokarburanti sostenibbli. Minkejja ż-żieda tal-elettrifikazzjoni tal-karozzi għall-passiġġieri, l-avjazzjoni u t-trasport marittimu kif ukoll it-trasport ta’ vetturi kbar fit-triq u l-makkinarju offroad fil-biċċa l-kbira tagħhom jiddependu mill-karburanti. F’dan ir-rigward, il-bijokarburanti avvanzati huma partikolarment promettenti.

3.5.

Minbarra l-benefiċċji klimatiċi, l-użu tal-bijoenerġija jikkontribwixxi għad-disponibbiltà tal-enerġija u għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Għalhekk, jekk tkun immaniġġjata sew, il-bijoenerġija see taqdi rwol sinifikanti fit-tilħiq tal-għanijiet bażiċi stabbiliti fil-politika Ewropea dwar l-enerġija.

4.   Kontribut tal-bijoekonomija għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs)

4.1.

L-SDGs jisfidawna nivvalutaw ir-rwol tal-bijoekonomija, mhux biss mill-perspettivi tal-klima u tal-enerġija, iżda mill-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ġenerali, filwaqt li tiġi kunsidrata wkoll il-perspettiva globali fit-tul. Minħabba l-perspettiva wiesgħa tal-bijoekonomija, hemm rabtiet interni ma’ kważi kull wieħed mis-17-il SDG. Madankollu, il-bijoekonomija tikkontribwixxi b’mod speċjali għall-SDGs li ġejjin: 1, 2, 6, 7, 8, 9, 11, 12, 13, 14 u 15.

4.2.

Il-bijoekonomija għandha l-potenzjal li tiġġenera t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, mhux biss fiż-żoni urbani iżda anke fir-reġjuni rurali. Għalhekk, din taqdi rwol sinifikanti biex jintlaħaq l-SDG 1 (qerda tal-faqar).

4.3.

L-SDG 2 jitlob l-eradikazzjoni tal-ġuħ. Il-bijomassa hija riżorsa limitata u hemm interkonnessjonijiet bejn il-produzzjoni tal-ikel, tal-għalf u tal-fibra. Jinħtieġ approċċ responsabbli għall-bijoekonomija sostenibbli biex tkun possibbli produzzjoni suffiċjenti għal finijiet differenti – fejn id-disponibbiltà tal-ikel tkun prijorità – u biex jiġu żgurati ekosistemi sodi. Il-prinċipji tal-effiċjenza fir-riżorsi u ċ-ċirkolarità, kif ukoll it-trasferiment għal dieti bbażati iżjed fuq il-ħxejjex huma lkoll mezzi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

4.4.

Bijoekonomija sostenibbli tikkontribwixxi għall-SDG 6 (ilma nadif u sanità), pereżempju billi jinżammu ekosistemi sodi tal-foresti li huma prekundizzjoni għal ilma nadif.

4.5.

L-SDG 7 (enerġija affordabbli u nadifa) huwa fil-qalba tal-bijoekonomija. L-użu tal-flussi laterali u tal-flussi tal-skart jipprovdi enerġija nadifa u jnaqqas id-dipendenza mir-riżorsi tal-enerġija fossili.

4.6.

B’mod ġenerali, il-bijoekonomija taqdi rwol essenzjali fit-tilħiq tal-għanijiet ekonomiċi u soċjali. Hija taqdi rwol sinifikanti fit-tilħiq tal-SDG 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku). Barra minn hekk, il-bijoekonomija tal-UE tista’ tgħin tnaqqas b’mod sostanzjali d-dipendenza mill-importazzjoni ta; prodotti bażiċi fossili filwaqt li trawwem valur miżjud domestiku u tappoġġja ktajjen tal-valur lokali.

4.7.

L-SDG 9 jitlob żieda sinifikanti fis-sehem tal-industrija għall-impjieg u l-PDG, kif ukoll il-modifika retroattiva tal-industriji sabiex dawn isiru sostenibbli, flimkien ma’ aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u adozzjoni akbar ta’ teknoloġiji u proċessi industrijali nodfa u ambjentalment sodi. Il-bijoekonomija hija marbuta mill-qrib ma’ dawn l-objettivi kollha, u l-użu sostenibbli tal-bijomassa tista’ ttejjeb it-tmexxija industrijali tal-UE. Din għandha wkoll potenzjal kbir li trawwem it-tkabbir tal-SMEs u tintegrahom fil-ktajjen tal-valur.

4.8.

Il-bijoekonomija tista’ taqdi rwol importanti fit-tilħiq tal-SDG 11 (bliet u komunitajiet sostenibbli). Il-kunċett ta’ bliet intelliġenti fil-livell klimatiku (7) u l-benesseri fiż-żoni urbani jmur id f’id mas-soluzzjonijiet provduti mill-bijoekonomija (pereżempju, kostruzzjoni bl-injam jew it-trasport b’emissjonijiet baxxi u t-tisħin distrettwali).

4.9.

Il-bijoekonomija tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex tikkontribwixxi għall-SDG 12 (konsum u produzzjoni responsabbli). Permezz tal-ottimizzazzjoni tal-użu tal-materja prima u tal-produzzjoni ta’ prodotti dejjiema u riċiklabbli, il-bijoekonomija taqdi rwol notevoli fit-tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkolari. Madankollu, is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi titqies bħala prekundizzjoni importanti sabiex jiġu permessi mudelli ta’ konsum informati u responsabbli u sabiex titrawwem produzzjoni sostenibbli.

4.10.

Il-bijoekonomija tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-mititgazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif jiġi mitlub fl-SDG 13 (azzjoni klimatika) u kif ġie deskritt diġà fil-kapitolu 3. Minbarra l-azzjoni domestika, l-UE jista’ jkollha impatt globali notevoli billi tesporta l-bijoprodotti, is-soluzzjonijiet klimatiċi u l-għarfien espert.

4.11.

Finalment, il-bijoekonomija tagħmel impatt fuq l-SDG 14 (il-ħajja taħt l-ilma) u l-SDG 15 (il-ħajja fuq l-art). Għalhekk, l-użu responsabbli, effettiv u sostenibbli tar-riżorsi naturali għandhom ikunu fil-qalba tal-bijoekonomija.

5.   Prerekwiżiti għall-iżvilupp tal-bijoekonomija

5.1.

FIlwaqt li l-bijoekonomija tikkontribwixxi b’ħafna modi għat-tilħiq tal-għanijiet tal-klima u tal-enerġija u tal-SDGs, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet ikunu favorevoli sabiex dan ikun jista’ jseħħ. Minn naħa waħda, l-SDGs jappoġġjaw u jtejbu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jgħinu lill-bijoekonomija tevolvi filwaqt li, min-naħa l-oħra, ċerti SDGs jimponu rekwiżiti li l-bijoekonomija għandha tissodisfa.

5.2.

Jeħtieġ li l-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija tiġi adattata għas-swieq ġodda sabiex, b’konformità mas-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali, jiġu pprovduti l-aktar kundizzjonijiet favorevoli għall-bijoekonomija Ewropea, li qed tevolvi u tespandi b’mod rapidu.

5.3.

Fuq kollox, dawk li jfasslu l-politika għandhom jippromovu l-produzzjoni u l-mobilizzazzjoni sostenibbli tal-bijomassa fl-UE, u l-politika tal-UE għall-iżvilupp reġjonali għandha tipprovdi appoġġ biżżejjed biex jiġi żgurat l-iżvilupp tan-negozji rurali. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jiżguraw ukoll ambjent stabbli, affidabbli u koerenti għal investimenti fil-bijoekonomija, tul il-ktajjen tal-valur.

5.4.

Dawk li jfasslu l-politika għandhom jadottaw qafas koerenti għal kwistjonijiet tekniċi, u dawk tar-regoli tas-sigurtà u l-għajnuna mill-istat biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi għall-bijoprodotti. Is-settur pubbliku jaqdi wkoll rwol prinċipali fid-domanda għall-bijoprodotti permezz tal-akkwist pubbliku. Inizjattivi bħall-“Ġimgħa Ewropea għall-Bijoekonomija” jistgħu jgħinu jagħtu spinta lit-tixrid fis-suq u jinfluwenzaw it-tixrid ta’ proġetti differenti.

5.5.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fundamentali għall-iżvilupp ta’ bijoekonomija li tibqa’ valida għall-futur, li tista’ tipprovdi vantaġġ kompetittiv għall-UE. Dan għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-potenzjal enormi li jiġi offrut minn tipi ġodda ta’ bijoprodotti, minn prodotti tal-ikel u tal-fibra tradizzjonali sa tipi ġodda ta’ materjali tal-bini u tal-imballaġġ, tessuti u bijokimiċi u bijoplastiks. L-istess jgħodd għall-potenzjal tat-tnissil tal-pjanti u ta’ sustanzi differenti bħala materja prima għall-bijoprodotti (eż. il-linjoċelluloża, ir-riġnu, il-lamtu, iz-zokkor, il-proteina).

5.6.

Għandhom jitkomplew l-isforzi tal-innovazzjoni promossi mill-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija, inkluża l-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (8). Il-Bioeconomy Knowledge Centre (iċ-Ċentru tal-Għarfien dwar il-Bijoekonomija) (9) għandu jaqdi rwol importanti wkoll biex jippromovi l-użu tal-għarfien biex jgħin ikabbar il-bijoekonomija. Barra minn hekk, l-inizjattivi u l-programmi ta’ riċerka u żvilupp għandhom isiru aktar attraenti għan-negozji.

5.7.

Ir-rwol tal-edukazzjoni, tas-servizzi ta’ konsulenza, tat-trasferiment tal-għarfien u tat-taħriġ huwa kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiema u l-intraprendituri jkollhom l-informazzjoni u l-ħiliet meħtieġa, bir-riżultat li s-sostenibbiltà tan-negozju attwali tkun tista’ tiżdied u jkunu jistgħu jiġu sfruttati opportunitajiet ġodda fil-bijoekonomija.

5.8.

Fl-istess ħin, jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu infurmati tajjeb dwar il-bijoekonomija u jsiru aktar konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jsiru konsumaturi attivi u jieħdu deċiżjonijiet dwar konsum sostenibbli, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-livelli differenti ta’ rieda tal-persuni ta’ kull età għall-adattament u t-tibdil. Għal dan il-għan, għandhom jiġu ogranizzati kampanji ta’ informazzjoni li jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi fil-bijoekonomija u l-bijoprodotti.

5.9.

L-aċċess għall-materja prima huwa wieħed mill-prerekwiżiti bażiċi għall-bijoekonomija. Għaldaqstant, jinħtieġ ambjent tan-negozju adatt għall-agrikoltura u għall-forestrija biex jitrawmu d-disponibbiltà u l-mobilizzazzjoni tal-bijomassa. Il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, tal-art u tar-riżorsi tal-baħar, kif mitlub fl-SDGs 14 u 15, tikkontribwixxi b’mod essenzjali għas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rikonoxxut u promoss il-qafas leġislattiv u mhux leġislattiv eżistenti għall-materja prima sostenibbli rinnovabbli fl-UE. L-użu dejjem jikber tal-kurrenti laterali u residwi bħala materja prima għal użijiet ġodda jgħin ukoll biex jiżgura d-disponibbiltà tal-bijomassa. Fil-każ ta’ strutturi żgħar, il-kooperattivi jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jaqdu rwol importanti.

5.10.

Infrastruttura fiżika adatta hija prerekwiżit ieħor għall-bijoekonomija u, għal dan il-għan, jinħtieġ finanzjament adegwat għall-infrastruttura tal-enerġija, tat-trasport u dik diġitali. Huma kruċjali sistemi tat-trasport effiċjenti biex jiġi permess l-aċċess għall-materja prima u d-distribuzzjoni tal-prodotti fis-swieq.

5.11.

Rigward is-swieq dinjija, il-bijoekonomija hija marbuta mill-qrib mal-SDG 17, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli. Dan l-għan jitlob il-promozzjoni ta’ sistema kummerċjali multilaterali universali, ibbażata fuq ir-regoli, miftuħa, mhux diskriminatorja u ekwa taħt id-WTO. Din hija importanti għall-kummerċ, kemm fil-prodotti agrikoli kif ukoll fil-prodotti industrijali tal-bijoekonomija. Sadanittant, għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni tul il-ktajjen ta’ valur reġjonali sabiex jitrawwem l-iżvilupp reġjonali.

5.12.

Sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp tal-bijoekonomija b’mod newtrali, l-UE għandha tagħmel kull sforz għal sistema globali tal-prezzijiet għall-emissjonijiet tal-karbonju, li tlaqqa’ flimkien l-atturi kollha tas-suq u tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

5.13.

L-involviment tas-soċjetà ċivili fl-istrutturi tal-inizjattivi u tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-bijoekonomija huwa ta’ importanza fundamentali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-atturi differenti fi ħdan is-soċjetà u biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-bijoekonomija sostenibbli.

5.14.

Filwaqt li t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ċirkolari hija sfida enormi u timplika bidliet strutturali profondi fir-rigward tal-impjiegi involuti, huwa importanti li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni sseħħ b’mod ġust.

5.15.

Bijoekonomija sostenibbli tista’ tirnexxi biss jekk jiġi adottat approċċ transsettorjali. Għalhekk, jijnħtieġu koerenza u koordinazzjoni bejn il-politiki u l-għanijiet differenti tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-klima, l-ambjent, l-ikel, l-agrikoltura, il-forestrija, l-industrija, l-enerġija, l-ekonomija ċirkolari u r-riċerka u l-innovazzjoni. Għal dan il-għan, għandu jiġi stabbilit grupp ta’ livell għoli li jħaddan fih diversi partijiet interessati dwar il-bijoekonomija sostenibbli u għandu jkun approvat mill-President tal-Kummissjoni.

5.16.

Il-progress fit-tilħiq tal-SDGs jitkejjel u jiġi mmonitorjat permezz ta’ 232 indikatur. Dawn l-indikaturi jinkludu indikaturi relatati mal-klima u mal-enerġija, iżda ma jeżisti l-ebda indikatur relatat mal-bijoekonomija. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-aktar indikaturi rilevanti sabiex tikseb stampa realistika u informattiva tal-iżvilupp tal-bijoekonomija tal-UE.

Brussell, id-19 ta’ Settembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ara l-Qafas għall-Klima u l-Enerġija 2030 disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/clima/policies/strategies/2030_en

(2)  Ara l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim ta’ Pariġi, disponibbli hawnhekk: https://unfccc.int/sites/default/files/paris_agreement_english_.pdf

(3)  Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2018, disponibbli hawnhekk: http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-18-3997_en.htm

(4)  Ara NAT/655 dwar L-implikazzjonijiet tal-politika tal-klima u l-enerġija għas-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija (ĠU C 291, 4.9.2015, p. 1).

(5)  Ara NAT/696 dwar Kondiviżjoni tal-isforz sal-2030 u l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) (ĠU C 75, 10.3.2017, p. 103).

(6)  Ara TEN/609 dwar Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 55).

(7)  http://www.climatesmartcities.org/

(8)  https://www.bbi-europe.eu

(9)  https://biobs.jrc.ec.europa.eu


Top