Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE1639

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sitwazzjoni ta’ nisa b’diżabilità [Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew]

EESC 2018/01639

OJ C 367, 10.10.2018, p. 20–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sitwazzjoni ta’ nisa b’diżabilità

[Opinjoni esploratorja mitluba mill-Parlament Ewropew]

(2018/C 367/04)

Relatur:

Gunta ANČA

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 3.4.2018

Bażi legali

Artikolu 29 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

13.3.2018

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottat fis-sezzjoni

6.6.2018

Adottata fil-plenarja

11.7.2018

Sessjoni Plenarja Nru

536

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

187/2/0

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

In-nisa u l-bniet b’diżabilità jkomplu jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla u intersettorjali abbażi kemm tas-sess tagħhom kif ukoll tad-diżabilità tagħhom. In-nisa b’diżabilità m’għandhomx opportunitajiet ugwali biex jipparteċipaw fuq bażi ugwali ma’ oħrajn fl-aspetti kollha tas-soċjetà. Huma ta’ spiss esklużi, fost affarijiet oħra, minn edukazzjoni u taħriġ inklużivi, impjieg, aċċess għal skemi ta’ tnaqqis tal-faqar, akkomodazzjoni adegwata u parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika, u għadd ta’ atti leġislattivi jimpedixxuhom milli dawn jieħdu deċiżjonijiet dwar ħajjithom stess, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom. Huma jiffaċċjaw ostakoli għat-tgawdija tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE (1).

1.2.

Din l-opinjoni tistieden lill-UE, b’mod konġunt mal-Istati Membri kollha tagħha, biex timplimenta l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) (2), ir-rakkomandazzjonijiet li l-UE rċeviet mill-Kumitat UNCRPD fir-rigward tan-nisa u l-bniet b’diżabilità fl-2015 u l-Kumment Ġenerali Nru 3 tal-Kumitat tal-NU dwar l-Artikolu 6 tas-CRPD.

1.3.

Aħna nistiednu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkludu perspettiva tad-diżabilità fl-istrateġija, il-politiki u l-programmi li jmiss tagħhom dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji tagħhom dwar id-diżabilità, inkluża l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2020-2030 futura tagħhom u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3). Is-suċċessur għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għandu jinkludi wkoll il-perspettiva tan-nisa b’diżabilità billi l-parteċipazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom hija essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija ekonomika u soċjali globali tal-Ewropa (4).

1.4.

Fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi stabbilit djalogu strutturat b’linja baġitarja indipendenti suffiċjenti biex tiġi ggarantita konsultazzjoni sinifikanti ma’ persuni b’diżabilità u l-parteċipazzjoni tagħhom, inklużi n-nisa, il-bniet u s-subien b’diżabilità, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-CRPD (5).

1.5.

L-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament attwali u futuri tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali u l-Fond Soċjali Ewropew, għandhom jintużaw bħala l-għodod ewlenin biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri fil-promozzjoni tal-aċċessibilità u n-nondiskriminazzjoni rigward in-nisa u l-bniet b’diżabilità (6).

1.6.

L-UE u l-Istati Membri tagħhom għandhom jissieħbu malajr mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) bħala pass fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet b’diżabilità (7). Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-kriminalizzazzjoni tal-vjolenza sesswali u ta’ tipi oħra ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet b’diżabilità, inkluż it-tmiem tal-isterilizzazzjoni furzata (8).

1.7.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li n-nisa u l-bniet b’diżabilità jkollhom aċċess indaqs għas-servizzi tal-kura tas-saħħa speċifiċi għad-diżabilità għal persuni b’diżabilità, kif ukoll għal servizzi ewlenin aċċessibbli. In-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet iridu jkunu jistgħu jeżerċitaw il-kapaċità legali tagħhom billi jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess, b’appoġġ meta jkun mixtieq, fir-rigward ta’ trattament mediku u/jew terapewtiku, inkluż billi jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess dwar iż-żamma tal-fertilità u l-awtonomija riproduttiva (9).

2.   Introduzzjoni

2.1.

In-nisa b’diżabilità għadhom biss osservaturi fis-soċjetà. Is-sitwazzjoni tan-nisa b’diżabilità hija mhux biss agħar minn dik tan-nisa mingħajr diżabilità, iżda hija wkoll agħar minn dik tal-irġiel pari tagħhom (10).

2.2.

In-nisa b’diżabilità jikkostitwixxu 16 % tal-popolazzjoni totali tan-nisa fl-Ewropa. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq il-popolazzjoni attwali tan-nisa ta’ ftit anqas minn 250 miljun, għalhekk fl-Unjoni Ewropea (UE) hemm madwar 40 miljun mara u tfajla b’diżabilità (11).

2.3.

L-għadd ta’ persuni anzjani qiegħed jikber fl-Ewropa u madwar id-dinja, li jfisser li l-għadd ta’ persuni b’diżabilità se jiżdied b’konsegwenza. L-għadd ta’ nisa b’diżabilitajiet se jiżdied b’mod sproporzjonat minħabba l-istennija tal-għomor itwal tan-nisa (12).

2.4.

Din l-opinjoni tistieden lill-UE, b’mod konġunt mal-Istati Membri kollha tagħha, biex timplimenta l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) (13), ir-rakkomandazzjonijiet li l-UE rċeviet mill-UNCRPD fir-rigward tan-nisa u l-bniet b’diżabilità fl-2015 u l-Kumment Ġenerali Nru 3 tal-Kumitat tal-NU dwar l-Artikolu 6 tas-CRPD. Pjan ta’ azzjoni, perjodu ta’ żmien u riżorsi għall-implimentazzjoni tas-CRPD għandhom jiġu stabbiliti minnufih mill-UE u l-Istati Membri tagħha.

3.   Kummenti ġenerali

Il-qafas legali internazzjonali u Ewropew

3.1.

L-UE hija Stat Parti għall-UNCRPD, flimkien mat-28 Stat Membru tal-UE. Issa dawn huma marbuta mas-CRPD bil-liġi internazzjonali, li jfisser li huma impenjati li jippromovu, jipproteġu u jiżguraw b’mod konġunt id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità kif minqux fis-CRPD, inklużi dawk tan-nisa u l-bniet b’diżabilità. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu ta’ eżempju billi l-UE hija l-unika organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali dinjija li hija Stat Parti għas-CRPD u hija f’pożizzjoni unika biex tiżgura l-protezzjoni armonizzata u ugwali tan-nisa u l-bniet b’diżabilità fl-Ewropa kollha.

3.2.

Is-CRPD tirrikonoxxi fl-Artikolu 6 li “in-nisa u tfajliet jew bniet b’diżabbiltà huma suġġetti għal numru ta’ diskriminazzjonijiet, u f’dan ir-rigward għandha tieħu miżuri biex tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali minnhom tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha. L-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw l-iżvilupp sħiħ, l-avvanz sħiħ u l-indipendenza sħiħa tan-nisa, bl-iskop li jiggarantulhom l-eżerċitar u t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali stabbiliti f’din il-Konvenzjoni”.

3.3.

Fl-2015, irċeviet rakkomandazzjonijiet importanti mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità dwar kif għandha tittejjeb is-sitwazzjoni ta’ persuni, inklużi nisa u bniet b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea.

3.4.

Fl-2016, il-Kumitat tal-UNCRPD adotta l-Kumment Ġenerali Nru 3 tiegħu dwar l-Artikolu 6 tas-CRPD li jenfasizza li l-Istati Partijiet għas-CRPD, inkluża l-UE, għandhom jieħdu l-miżuri msemmija hawn fuq biex jippromovu d-drittijiet tan-nisa u l-bniet b’diżabilità.

3.5.

L-Istati Membri kollha tal-UE huma wkoll Stati Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), l-aktar strument legali internazzjonali komprensiv li jippromovi r-rikonoxximent, it-tgawdija u l-eżerċitar ugwali tad-drittijiet tal-bniedem kollha tan-nisa fl-oqsma politiċi, ekonomiċi, soċjali, kulturali, ċivili u domestiċi. In-nisa u l-bniet b’diżabilità għandhom igawdu b’mod sħiħ minn, u jiġu inklużi wkoll fi, sforzi nazzjonali biex tiġi implimentata s-CEDAW.

3.6.

L-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedu li l-UE tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, u billi tadotta azzjonijiet xierqa. L-Artikolu 8 tat-TFUE jiddikjara li: “Fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa.

3.7.

L-Artikoli 20 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità u jirrikonoxxu d-dritt tal-persuni b’diżabilità li jibbenefikaw minn miżuri mfassla biex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità. Il-Karta tirreferi wkoll għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għan-nondiskriminazzjoni għal firxa ta’ raġunijiet – inkluż is-sess.

4.   Rakkomandazzjonijiet ġenerali

4.1.

Għall-kuntrarju tar-referenzi fis-CRPD, is-CEDAW, it-TFUE u l-Karta, l-Unjoni Ewropea la integrat il-perspettiva tad-diżabilità fil-politiki, il-programmi u l-istrateġiji kollha tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u lanqas adottat il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji tagħha dwar id-diżabilità. Fil-preżent, l-UE u l-Istati Membri tagħha m’għandhomx qafas legali b’saħħtu biex jiġu mħarsa, promossi u żgurati d-drittijiet tal-bniedem kollha tan-nisa u l-bniet b’diżabilità. Aħna nistiednu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkludu perspettiva tad-diżabilità fl-istrateġija, il-politiki u l-programmi li jmiss tagħhom dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji tagħhom dwar id-diżabilità, inkluża l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2020-2030 futura tagħhom u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Is-suċċessur għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għandu jinkludi wkoll il-perspettiva tan-nisa b’diżabilità billi l-parteċipazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom hija essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija ekonomika u soċjali globali tal-Ewropa (14).

4.2.

L-UE u l-Istati Membri tagħha ma jikkonsultawx u ma jiffinanzjawx b’mod suffiċjenti organizzazzjonijiet rappreżentattivi tan-nisa u l-bniet b’diżabilità. Fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi stabbilit djalogu strutturat b’linja baġitarja indipendenti suffiċjenti biex tiġi ggarantita konsultazzjoni sinifikanti ma’ persuni b’diżabilità u l-parteċipazzjoni tagħhom, inklużi n-nisa, il-bniet u s-subien b’diżabilità, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tas-CRPD (15).

4.3.

In-nisa u l-bniet b’diżabilità xorta waħda jsibu ruħhom fuq il-marġni tal-organizzazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem. Rapporti perjodiċi prodotti mill-korpi tat-trattati rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri jridu awtomatikament jinkludu informazzjoni dwar in-nisa b’diżabilità. Din il-prattika għandha tiġi estiża għall-istituzzjonijiet kollha involuti fl-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, inklużi l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, in-nisa b’mod ġenerali u n-nisa b’diżabilità (16).

4.4.

L-UE u l-Istati Membri tagħha huma neqsin minn data konsistenti u komparabbli u indikaturi tad-drittijiet tal-bniedem dwar in-nisa u l-bniet b’diżabilità, kif ukoll mir-riċerka dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet b’diżabilità fl-UE (17). Il-KESE jirrakkomanda li l-aġenziji Ewropej, b’mod partikolari l-Eurofound, is-Cedefop, l-FRA u l-EIGE, jeħtieġ jadottaw approċċ aktar sistematiku għax-xogħol tagħhom fir-rigward tal-persuni b’diżabilità u s-sitwazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. B’mod partikolari għandha titqies is-sitwazzjoni tan-nisa u l-fatt li l-intersezzjonalità tista’ twassal għal dfiversi forom ta’ diskriminazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li din il-kwistjoni għandha tiġi inkluża b’mod ċar fil-Programmi ta’ Ħidma tagħhom. Fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, il-kwistjonijiet tan-nisa u l-bniet b’diżabilità għandhom jiġu inkorporati fil-ġbir tad-data u l-istatistika dwar il-ġeneru u l-età kif ukoll f’serje u stħarriġ ta’ statistiċi eżistenti b’mod konformi mal-prinċipji tal-UNCRPD. Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jimmonitorja l-progress u jiffinanzja l-ġbir tad-data, studji u riċerka dwar in-nisa u l-bniet b’diżabilità u d-diskriminazzjoni intersezzjonali li jħabbtu wiċċhom magħhom, inkluż mill-gruppi l-aktar emarġinati fis-soċjetà bħal pereżempju minn minoranzi etniċi u reliġjużi, biex jiggwida l-ippjanar tal-politika. Ir-riċerka kollha dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità għandha tqis il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u r-riċerka dwar in-nisa u l-bniet għandha tqis il-perspettiva tad-diżabilità.

4.5.

L-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament attwali u futuri tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali u l-Fond Soċjali Ewropew, għandhom jintużaw bħala l-għodod ewlenin biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri fil-promozzjoni tal-aċċessibilità u n-nondiskriminazzjoni rigward in-nisa u l-bniet b’diżabilità (18) u għas-sensibilizzazzjoni u ż-żieda tal-viżibbiltà ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament għal miżuri ta’ dan it-tip fi programmi ta’ wara l-2020. L-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà għandhom jirċievu informazzjoni u appoġġ aċċessibbli biex jaċċessaw l-opportunitajiet ta’ finanzjament.

4.6.

In-nisa u l-bniet b’diżabilità huma f’riskju akbar li jkunu vittmi ta’ diskriminazzjoni multipla u intersettorjali fl-Ewropa. L-intersezzjoni tar-razza, l-oriġini etnika, il-klassi soċjali, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, is-sess, id-diżabilità, l-istatus ta’ refuġjat jew ta’ migrant, eċċ. għandha effett multiplikatur li jżid id-diskriminazzjoni esperjenzata min-nisa u l-bniet b’diżabilità (19). Din id-diskriminazzjoni tinħoloq mill-mod kif in-nies jiffurmaw l-identitajiet tagħhom, filwaqt li jonqsu milli jirrikonoxxu d-diversità li teżisti fost in-nisa b’diżabilità u jkunu disposti li jintegraw lin-nisa b’diżabilità fl-ispazji soċjali kollha u jħarsu lejn ir-realtà tagħhom minn perspettiva esklużiva (20). L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iħassru l-leġislazzjoni, il-politiki u l-prattiki diskriminatorji kollha, u jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u d-diżabilità kollha u l-forom intersettorjali kollha tagħha, inkluż billi jadottaw leġislazzjoni tal-UE b’saħħitha u wiesgħa li tipproteġi lin-nisa b’diżabilità minn diskriminazzjoni intersettorjali fl-oqsma kollha tal-ħajja (21).

4.7.

L-istorja, l-attitudnijiet u l-preġudizzji fil-komunità, inkluż fiċ-ċirku familjari, stereotipaw lin-nisa u lill-bniet b’diżabilità b’mod negattiv, u għaldaqstant dan ikkontribwixxa għall-iżolament u l-esklużjoni soċjali tagħhom. Huma kważi kompletament injorati mill-midja u meta jidhru, l-approċċ huwa li n-nisa b’diżabilità jiġu trattati minn perspettiva medika asesswali u jiġu injorati l-kapaċitajiet tagħhom u l-kontribuzzjoni tagħhom lejn l-ambjent tal-madwar (22). In-nisa u l-bniet b’diżabilità mhumiex konxji biżżejjed mid-drittijiet tagħhom skont is-CRPD, is-CEDAW u l-leġislazzjoni tal-UE. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw kampanja komprensiva biex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar is-CRPD u s-CEDAW, iżidu l-viżibbiltà rigward is-sitwazzjoni tan-nisa b’diżabilità u jiġġieldu kontra l-preġudizzji kontra n-nisa u l-bniet b’diżabilità (23). Il-mezzi tax-xandir għandhom jiġu inkoraġġuti biex jikkonsultaw u jinvolvu lin-nisa b’diżabilitajiet, preferibbilment nominati mill-organizzazzjonijiet tagħhom, li għandhom ukoll jieħdu sehem fi preżentazzjonijiet u jimmonitorjaw il-programmi. L-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità għandhom jirċievu l-finanzjament meħtieġ sabiex jinfurmaw u jħarrġu lin-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet u l-familji tagħhom rigward id-drittijiet tagħhom skont is-CRPD.

4.8.

L-UE bħala amministrazzjoni pubblika għandha d-dmir li timplimenta s-CRPD internament fl-istituzzjonijiet tagħha. L-UE għandha tiżgura li l-kwistjonijiet tan-nisa u l-bniet b’diżabilità jkunu inklużi u rrispettati b’mod sħiħ fl-avvenimenti u l-laqgħat, l-isforzi ta’ komunikazzjoni, ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni u l-politiki ta’ sigurtà soċjali u ta’ impjiegi tagħhom, u għandha tagħmel sforz biex tiżgura li l-baġits tagħhom huma sensittivi għal kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn is-sessi. Għandhom jittieħdu azzjonijiet pożittivi biex jiġi żgurat li n-nisa b’diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fil-ħidma u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.   Vjolenza

5.1.1.

In-nisa b’diżabilità huma f’riskju ħafna akbar ta’ vjolenza, sfruttament u abbuż meta mqabbla ma’ nisa oħra. Il-vjolenza hija interpersonali, istituzzjonali u/jew strutturali. Il-vjolenza istituzzjonali u/jew strutturali hija kwalunkwe forma ta’ inugwaljanza strutturali jew diskriminazzjoni istituzzjonali li żżomm mara f’pożizzjoni inferjuri, kemm jekk fiżikament kif ukoll jekk ideoloġikament, meta mqabbla ma’ persuni oħra fil-familja, l-unità domestika jew il-komunità tagħha (24). Fi studju tal-2014 mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ġie stmat li n-nisa u l-bniet b’diżabilità huma 3 sa 5 darbiet aktar probabbli li jkunu vittmi ta’ vjolenza, b’mod partikolari vjolenza domestika (25).

5.1.2.

Il-leġislazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-isfruttament, il-vjolenza u l-abbuż ħafna drabi ma jiffokawx fuq in-nisa u l-bniet b’diżabilità. L-UE għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tintegra d-diżabilità fil-leġislazzjoni, il-politiki u l-istrateġiji kollha biex jiġu miġġielda l-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament (26) Il-vjolenza kontra n-nisa għandha tiġi kriminalizzata. Huma għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi, amministrattivi, soċjali u edukattivi xierqa kollha biex jipproteġu lin-nisa u lill-bniet b’diżabilità, kemm fid-dar kif ukoll barra mid-dar, minn kull sura ta’ sfruttament, vjolenza u abbuż u li jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja permezz tal-għoti ta’ appoġġ u assistenza xierqa bbażati fil-komunità, billi jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom, fosthom tagħmir ta’ assistenza, sabiex jiġi evitat li jiġu iżolati u ristretti għad-dar. (27)

5.1.3.

L-UE u l-Istati Membri tagħhom għandhom jissieħbu malajr mal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) bħala pass fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet b’diżabilità. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-kriminalizzazzjoni tal-vjolenza sesswali u ta’ tipi oħra ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet b’diżabilità, inkluż it-tmiem tal-isterilizzazzjoni furzata (28).

5.2.   Is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi r-rispett għad-dar u għall-familja

5.2.1.

L-istereotipar inġust relatat mad-diżabilità u s-sessi huwa forma ta’ diskriminazzjoni li għandha b’mod partikolari impatt serju fuq it-tgawdija tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, u d-dritt għat-twaqqif ta’ familja. L-istereotipar ta’ ħsara ta’ nisa b’diżabilità jinkludi t-twemmin li huma asesswali, inkapaċi, irraġonevoli, bla kontroll u/jew ipersesswali (29).

5.2.2.

L-għażliet ta’ nisa b’diżabilità, b’mod speċjali nisa b’diżabilità psikosoċjali jew intellettwali, huma ħafna drabi injorati u d-deċiżjonijiet tagħhom huma ħafna drabi sostitwiti minn dawk ta’ partijiet terzi, inklużi rappreżentanti legali, fornituri ta’ servizzi, gwardjani u membri tal-familja, bi ksur tad-drittijiet tagħhom skont l-Artikolu 12 tas-CRPD (30). Ħafna drabi, nisa u bniet b’diżabilità huma suġġetti b’mod furzat għal sterilizzazzjoni u abort, jew forom oħra kif jikkontrollaw il-fertilità tagħhom. L-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li n-nisa kollha b’diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw il-kapaċità legali tagħhom billi jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess, b’appoġġ fejn mixtieq, fir-rigward tat-trattament mediku u/jew terapewtiku, inklużi billi jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess dwar iż-żamma tal-fertilità u l-awtonomija riproduttiva tagħhom, l-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jagħżlu n-numru u l-ispazjar tat-tfal, kwistjonijiet relatati mas-sesswalità tagħhom u l-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jistabbilixxu relazzjonijiet. Dan għandu jseħħ mingħajr koerċizzjoni, diskriminazzjoni u vjolenza. L-isterilizzazzjoni sfurzata u l-abort sfurzat huma forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u għandu jiġi ppenalizzat, kif definit mill-Artikolu 39 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (31).

5.2.3.

In-nisa b’diżabilità jistgħu jiġu miċħuda wkoll l-aċċess għal informazzjoni, komunikazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, abbażi ta’ stereotipi ta’ ħsara li jassumu li huma asesswali u għalhekk ma jiirrikjedux din l-informazzjoni fuq bażi ugwali mal-oħrajn. Barra minn hekk, l-informazzjoni tista’ ma tkunx disponibbli f’formati aċċessibbli. Il-faċilitajiet u t-tagħmir tal-kura tas-saħħa, inklużi magni mammografiċi u sodod ta’ eżami ġinekoloġiku, huma ħafna drabi fiżikament inaċċessibbli għan-nisa b’diżabilità (32). L-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li n-nisa u l-bniet b’diżabilità ikollhom aċċess ugwali għal servizzi tal-kura tas-saħħa speċifiċi għad-diżabilità għal persuni b’diżabilità, kif ukoll għal servizzi ta’ integrazzjoni aċċessibbli, bħall-kura dentali u tal-għajnejn, is-saħħa sesswali u riproduttiva u servizzi preventivi, inklużi konsultazzjonijiet ġinekoloġiċi, eżamijiet mediċi, l-ippjanar tal-familja u appoġġ adattat matul it-tqala.

5.2.4.

Għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa f’termini ta’ taħriġ professjonali, speċjalment professjonisti tal-kura tas-saħħa u dawk involuti fil-qasam legali, biex jiġi żgurat li dawn jisimgħu l-ilħna ta’ bniet u nisa b’diżabilità matul l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti legali. Dawn il-miżuri għandhom jittieħdu f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persuni b’diżabilità.

5.3.   L-edukazzjoni u t-taħriġ

5.3.1.

Stereotipi tas-sessi u tad-diżabilità li jagħmlu l-ħsara jingħaqdu flimkien biex jinkoraġġixxu attitudnijiet, politiki u prattiki diskriminatorji, bħal: l-użu ta’ materjal edukattiv li jkompli jsostni l-istereotipar inġust tas-sessi u tad-diżabilità, it-twettiq ta’ attivitajiet familjari bbażati fuq is-sessi, l-għoti ta’ rwoli ta’ indokraturi lin-nisa u lill-bniet u, f’ċerti oqsma, l-għoti ta’ aktar valur lill-edukazzjoni tas-subien milli dik tal-bniet, ul-inkoraġġiment taż-żwieġ tat-tfal ta’ bniet b’diżabilità n-nuqqas ta’ provvista ta’ faċilitajiet ta’ sanitazzjoni aċċessibbli fl-iskejjel biex tiġi żgurata ġestjoni menstruwali iġenika. Min-naħa tagħhom, dawn jirriżultaw f’rati ogħla ta’ illitteriżmu, falliment fl-iskola, rati ta’ attendenza ta’ kuljum irregolari, assenteiżmu u tluq mill-iskola b’mod permanenti (33).

5.3.2.

Analiżi komparattiva tal-UE wriet li fl-2011, 27 % tal-persuni b’diżabilità li għandhom bejn it-30 u l-34 sena biss kienu lestew l-edukazzjoni terzjarja jew edukazzjoni ekwivalenti fl-UE (34). Madankollu, m’hemm l-ebda data disponibbli b’mod speċifiku dwar in-nisa u l-bniet b’diżabilità. Fl-iskejjel Ewropej u fi Stati Membri differenti tal-UE, ħafna bniet u nisa b’diżabilità m’għandhomx aċċess għal edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għolja f’konformità mas-CRPD. Intwera li l-kriżi finanzjarja influwenzat b’mod negattiv l-isforzi lejn edukazzjoni inklużiva.

5.3.3.

L-edukazzjoni ewlenija inklużiva għall-bniet u n-nisa b’diżabilità trid titqies permezz tal-paradigma ta’ edukazzjoni ta’ kwalità għolja, opportunitajiet ugwali, appoġġ u akkomodazzjoni raġonevoli (35), u aċċessibilità universali tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu, filwaqt li jiġi żgurat li n-nisa b’diżabilità jgawdu minn aċċess għal edukazzjoni kontinwa bħala mezz kif jissaħħu l-indipendenza personali, l-iżvilupp liberu tal-personalità u l-inklużjoni soċjali tagħhom, filwaqt li jiġi eżerċitat b’mod permanenti d-dritt li jiddeċiedu għalihom infushom u jagħżlu l-istil ta’ ħajja tagħhom. Il-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità għandhom jingħataw l-informazzjoni meħtieġa dwar il-benefiċċji tal-edukazzjoni ewlenija inklużiva.

5.3.4.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jevalwaw is-sitwazzjoni attwali u jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw l-aċċess għal u t-tgawdija ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għolja għall-istudenti kollha b’diżabilità f’konformità mas-CRPD permezz tal-promozzjoni tal-użu tal-istrumenti ta’ finanzjament Ewropej, u jinkludu indikaturi speċifiċi għad-diżabilità fl-istrateġija Ewropa 2020 meta jsegwu l-mira tal-edukazzjoni.

5.3.5.

Regolamenti rilevanti tal-UE u programmi ta’ skambju tal-istudenti (bħall-Erasmus+) ittejbu fis-snin riċenti billi inkludew appoġġ finanzjarju għall-mobilità ta’ studenti b’diżabilità. Fil-prattika, madankollu, l-istudenti b’diżabilità jiffaċċjaw ħafna ostakoli meta jippruvaw jaċċessaw is-servizzi edukattivi nazzjonali tal-pajjiż tad-destinazzjoni (ostakoli ta’ attitudni, fiżiċi, ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni u nuqqas ta’ flessibbiltà fil-kurrikuli) (36). Il-programmi tal-UE dwar edukazzjoni ogħla, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja għandhom jinkludu appoġġ għan-nisa b’diżabilità. Il-Programm ta’ Skambji tal-Intraprendituri Ewropej għandu jinkludi l-appoġġ finanzjarju għal żgħażagħ b’diżabilità, peress li bħalissa mhuwiex il-każ. Għandhom jiġu kondiviżi prattiki tajbin u sfidi għal programmi ta’ skambju ta’ studenti u intraprendituri żgħażagħ, u għandu jiġi pprovdut taħriġ għal professjonisti fl-edukazzjoni, l-imsieħba soċjali u l-mezzi tax-xandir.

5.3.6.

Aċċess ugwali għad-diversi komponenti tal faċilitajiet tal-ICT u s-soċjetà tal-informazzjoni għandhom ikunu garantiti għan-nisa u l-bniet b’diżabilità. Meta jkunu qed jiġu żviluppati t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, għandhom jitqiesu fatturi ekonomiċi, il-ħtieġa għal taħriġ u opportunitajiet ugwali irrispettivament mill-età sabiex in-nisa u l-bniet b’diżabilità li huma f’riskju ta’ esklużjoni soċjali jew ta’ faqar ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom.

5.4.   Xogħol

5.4.1.

Il-parteċipazzjoni tan-nisa b’mod ġenerali fis-suq tax-xogħol tibqa’ ħafna aktar baxxa minn dik tal-irġiel (46,6 % meta mqabbla ma’ 61,9 %). Is-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri kollha juru segregazzjoni tas-sessi persistenti u sinifikanti. In-nisa b’diżabilità huma madankollu ħafna aktar esklużi mis-suq tax-xogħol. 18,8 % biss tan-nisa b’diżabilità huma impjegati fl-UE skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2015 tal-Istituzzjoni Ewropea tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi. 28,1 % tal-irġiel b’diżabilità huma impjegati. Ir-rata għolja ta’ qgħad fost in-nisa b’diżabilità tibqa’ mhux aċċettabbli u tagħmilhom aktar probabbli li jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali. In-nisa u l-bniet b’diżabilità jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet akbar biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, u dan jagħmilha aktar iebsa għalihom biex jgħixu ħajja indipendenti. In-nisa u l-bniet b’diżabilità spiss jitħallsu inqas milli jistħoqqilhom. L-ostakoli għall-mobilità kif ukoll aktar dipendenza fuq il-membri tal-familja u l-persuni li jindukraw joħolqu ostakoli għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom fl-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol u l-ħajja soċjali u ekonomika tal-komunità (37).

5.4.2.

Filwaqt li jitqiesu r-rati għoljin tal-qgħad u ta’ inattività fis-suq tax-xogħol fost in-nisa b’diżabilità, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jiżviluppaw azzjonijiet kemm ta’ integrazzjoni kif ukoll pożittivi li jkollhom fil-mira tagħhom in-nisa b’diżabilità biex jiġu promossi t-taħriġ, il-kollokamenti f’impjieg, l-aċċess għall-impjieg, iż-żamma tal-impjieg, paga ugwali għal xogħol ugwali, rotta ugwali għall-karriera, adattamenti fil-post tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. In-nisa b’diżabilità jrid ikollhom id-dritt, fuq bażi ugwali mal-oħrajn, għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inklużi opportunitajiet ugwali u remunerazzjoni ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali (38).

5.4.3.

Filwaqt li jiġi kkunsidrat l-istrument tal-UE għall-mikrofinanzjament u l-Fond Soċjali Ewropew biex tingħata spinta lill-impjieg u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet għall-impjieg indipendenti, l-intraprenditorja fost in-nisa b’diżabilità, rappreżentanza ugwali fil-bordijiet ta’ ġestjoni tal-intrapriżi, l-iżvilupp ta’ intrapriżi soċjali jew li wieħed jiftaħ in-negozju tiegħu stess għandhom jiġu promossi. In-nisa b’diżabilità għandu jkollhom drittijiet ugwali għall-assistenza finanzjarja tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kumpanija u għandhom jiġu kkunsidrati bħala imprendituri kompetenti. F’dan ir-rigward għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ azzjoni pożittiva lin-nisa b’diżabilità li huma imprendituri permezz ta’ self b’rata mnaqqsa, mikrokreditu u għotjiet mhux rimborsati, inkluż għal nisa li jgħixu f’żoni rurali.

5.4.4.

Iż-żieda fin-numru ta’ persuni b’diżabilità se żżid il-piż fuq il-persuni li jindukraw, speċjalment dawk fi ħdan il-familja, li fil-biċċa l-kbira huma nisa li jsibu ruħhom obbligati li jnaqqsu l-ġranet tax-xogħol tagħhom u wkoll li jħallu s-suq tax-xogħol sabiex jieħdu ħsieb lill-membri familjari dipendenti fuqhom (39).

5.4.5.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jippromovu bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali u privata għan-nisa b’diżabilità u l-persuni li jindukraw lill-persuni b’diżabilità permezz ta’ miżuri effettivi bbażati fuq it-talbiet speċifiċi tagħhom. Miżuri possibbli li jistgħu jkunu opzjonijiet biex jinkiseb dan l-għan jinkludu t-trasparenza tas-salarju, il-proċeduri tal-kiri u l-pagamenti tas-sigurtà soċjali, sigħat tax-xogħol flessibbli jew telexogħol part-time, il-bilanċ bejn l-ispejjeż assoċjati mad-diżabilità fir-rigward tal-maternità u l-kura għal persuni oħra bi bżonnijiet kbar ta’ appoġġ, il-promozzjoni ta’ aċċess universali għal servizzi ta’ appoġġ affordabbli u ta’ kwalità għolja f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, bħal skejjel preprimarji jew servizzi ta’ kura għal persuni mdaħħlin fiż-żmien u persuni oħra bi bżonnijiet kbar ta’ appoġġ (40).

5.4.6.

L-UE u l-Istati Membri għandhom jinkludu lin-nisa b’diżabilità u lill-familji ta’ persuni b’diżabilità fid-Direttiva proposta tagħha dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata għall-Ġenituri u għall-Persuni li Jindukraw u miżuri ta’ politika oħra biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiema u l-persuni li jindukraw (41).

5.4.7.

In-nisa b’diżabilità jiffaċċjaw ukoll ostakoli uniċi għall-parteċipazzjoni ugwali tagħhom fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju sesswali, paga mhux ugwali u nuqqas ta’ aċċess biex wieħed ifittex rimedju minħabba attitudnijiet diskriminatorji li jinjoraw it-talbiet tagħhom. L-UE u l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u b’saħħithom għan-nisa b’diżabilità u persuni li jindukraw lill-persuni b’diżabilità, inklużi l-protezzjoni minn fastidju u r-rimedju ta’ lmenti. Il-fastidju fuq il-post tax-xogħol għandu jiġi prevenut permezz tal-adozzjoni ta’ protokolli ta’ fastidju effettivi b’mod konformi mal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-UE 2000/78 (42).

5.5.   Parteċipazzjoni fil-ħajja politika u pubblika

5.5.1.

Il-vuċijiet tan-nisa u l-bniet b’diżabilità ġew storikament imsikkta, u għalhekk huma sproporzjonalment sottorappreżentati fit-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, iċ-ċaħda tal-kapaċità legali taċ-ċittadini b’diżabilità tirriżulta fit-telf tagħhom tad-dritt tal-vot. L-ostakoli għad-dritt tal-vot jieħdu wkoll il-forma ta’ proċeduri ta’ votazzjoni inaċċessibbli, inklużi postijiet tal-votazzjoni inaċċessibbli (43). L-UE għandha tiżgura li n-nisa b’diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja pubblika u politika, u b’mod speċjali fl-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej tal-2019.

5.5.2.

Minħabba l-iżbilanċi fil-poteri u d-diskriminazzjonijiet multipli, huma għandhom inqas opportunitajiet biex jistabbilixxu jew jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet li jistgħu jirrappreżentaw il-ħtiġijiet tagħhom bħala nisa, tfal u persuni b’diżabilità. L-UE għandha tieħu miżuri biex tinkoraġġixxi lin-nisa b’diżabilità jassumu rwoli ta’ tmexxija fil-korpi pubbliċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha u tagħmilha possibbli biex ikunu jistgħu jiffurmaw u jingħaqdu ma’ organizzazzjonijiet u netwerks ta’ nisa b’diżabilità (44). Taħriġ u programmi ta’ konsulenza għandhom jiġu provduti għan-nisa b’diżabilità biex jingħataw is-setgħa li jidħlu fil-ħajja politika u pubblika.

Brussell, il-11 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  UNCRPD, General comment No 3 (CRPD/C/GC/3), p. 1; EDF Alternative report to the UNCRPD, p. 57

(2)  Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità

(3)  UNCRPD, Concluding observations on the initial report of the EU, United Nations (Article 6 CRPD/C/EU/CO/1)

(4)  Rapport dwar in-nisa b’diżabilitajiet, Parlament Ewropew, 14/10/2013, p. 6

(5)  Idem nota 3 ta’ qiegħ il-paġna, Artikolu 4.3.; Idem nota 1 ta’ qiegħ il-paġna, p. 17

(6)  Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p. 9

(7)  Idem nota 3 f’qiegħ il-paġna, Artikolu 16

(8)  Rapport dwar it-tmiem tal-isterilizzazzjoni furzata kontra n-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet, Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà, 2018, p. 49

(9)  Manifesto dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Bniet b’Diżabilitajiet, Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà, 2011, p. 18 u 34

(10)  Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p. 4

(11)  Modulu ad hoc tal-Istħarriġ tal-UE dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) dwar il-persuni b’diżabbiltà u problemi tas-saħħa fit-tul, 2002

(12)  Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p. 24

(13)  Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità

(14)  Idem nota 3 f’qiegħ il-paġna, Artikolu 6; Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p. 6

(15)  Idem nota 3 f’qiegħ il-paġna, Artikolu 4.3; Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p. 17

(16)  Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p.47

(17)  Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p. 16

(18)  Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p. 9

(19)  Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p.2

(20)  Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p.52

(21)  Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p. 15

(22)  Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p. 11

(23)  Idem nota 3 f’qiegħ il-paġna, Artikolu 8

(24)  Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p. 8

(25)  Stħarriġ dwar il-Vjolenza kontra n-Nisa, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, 2014, p. 186

(26)  Idem nota 3 f’qiegħ il-paġna, Artikolu 16

(27)  Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p.21

(28)  Idem nota 3 f’qiegħ il-paġna, Artikolu 16; Idem nota 8 f’qiegħ il-paġna, p. 49

(29)  Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p.10

(30)  Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p. 11

(31)  Rapport dwar it-tmiem tal-isterilizzazzjoni furzata kontra n-nisa u l-bniet b’diżabilitajiet, Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà, 2018, p. 49-50

(32)  Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p.11; Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p. 34

(33)  Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p. 14

(34)  EU – SILC 2011

(35)  Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p. 32

(36)  Rapport alternattiv lill-UNCRPD, p. 43

(37)  Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p.7

(38)  Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p. 41

(39)  Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p.45; Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p. 6

(40)  Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p.14; Idem nota 9 f’qiegħ il-paġna, p. 43

(41)  Idem nota 3 f’qiegħ il-paġna, Artikolu 23

(42)  Idem nota 4 f’qiegħ il-paġna, p. 25

(43)  Rapport alternattiv tal-UNCRPD

(44)  Idem nota 1 f’qiegħ il-paġna, p. 16


Top