Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XX0720(01)

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika)

OJ C 234, 20.7.2017, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/3


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika)

[It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Ingliż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2017/C 234/03)

Din l-Opinjoni tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li hija li tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

Mingħajr ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika, il-qafas tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data ma jkunx ikkompletat. Filwaqt li l-GDPR — ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data — huwa kisba kbira, neħtieġu għodda legali speċifika biex nipproteġu d-dritt għall-ħajja privata ggarantit permezz tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet hija komponent essenzjali tiegħu. Il-KEPD għalhekk jilqa’ u jsostni l-Proposta li għandha l-għan li tagħmel dan. Il-KEPD isostni wkoll l-għażla tal-istrument legali, jiġifieri regolament li ser japplika direttament u jikkontribwixxi għal livell akbar ta’ armonizzazzjoni u konsistenza. Hu jilqa’ l-ambizzjoni li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni b’rispett kemm tal-kontenut kif ukoll tal-metadata u jappoġġja l-objettiv li jiġu estiżi l-obbligi ta’ kunfidenzjalità għal firxa usa’ ta’ servizzi — inklużi l-hekk imsejħa servizzi “over the top” (OTTs) — li jirrifletti l-progress tat-teknoloġija. Hu jikkonsidra wkoll li d-deċiżjoni li jingħataw setgħat tal-infurzar lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data biss, u d-disponibbiltà tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u konsistenza fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) futur, se tikkontribwixxi għal infurzar iżjed konsistenti u effettiv madwar l-UE.

Fl-istess ħin, il-KEPD jitħasseb dwar jekk il-Proposta, kif inhi, tistax fil-fatt tissodisfa l-wegħda tagħha li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Jeħtieġ li jkollna qafas legali ġdid għall-Privatezza Elettronika, iżda jeħtieġ li jkollna wieħed aktar intelliġenti, aktar ċar u aktar b’saħħtu. Għad hemm ħafna x’isir: il-kumplessità tar-regoli, kif deskritta fil-Proposta, hija diffiċli. Il-komunikazzjonijiet huma maqsumin f’metadata, data tal-kontenut, data li toħroġ minn tagħmir terminali. Kull waħda minn dawn għandha d-dritt għal livell differenti ta’ kunfidenzjalità u hija soġġetta għal eċċezzjonijiet differenti. Din il-kumplessità tista’ ġġib ir-riskju ta’ lakuni — forsi mhux intenzjonati — fil-protezzjoni.

Il-maġġoranza tad-definizzjonijiet li l-Proposta tistrieħ fuqhom ser jiġu negozjati u deċiżi fil-kuntest ta’ strument legali differenti: il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Fil-preżent ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni legali biex iż-żewġ strumenti jiġu konnessi tant mill-qrib u d-definizzjonijiet li jiffokaw fuq il-kompetizzjoni u s-suq mill-Kodiċi sempliċement mhumiex adattati għall-iskop fil-kuntest tad-drittijiet fundamentali. Il-KEPD għalhekk jargumenta biex jiġu inklużi sett ta’ definizzjonijiet neċessarji fir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika, b’kont meħud tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi maħsubin tiegħu.

Irridu nagħtu attenzjoni partikolari wkoll lill-kwistjoni tal-ipproċessar tad-data tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mill-kontrolluri minbarra l-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-protezzjonijiet addizzjonali offruti lid-data tal-komunikazzjonijiet ikunu inutli jekk dawn jistgħu jiġu evitati faċilment permezz, pereżempju, tat-trasferiment tad-data lil partijiet terzi. Għandu jiġi żgurat ukoll li r-regoli tal-Privatezza Elettronika ma jippermettux standard aktar baxx ta’ protezzjoni minn dak stabbilit fil-GDPR. Pereżempju, kif meħtieġ skont il-GDPR, il-kunsens għandu jkun ġenwin, u joffri lill-utenti l-libertà li jagħżlu. Ma għandux ikun hemm aktar “tracking walls”. Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda jeħtieġ li jistabbilixxu wkoll rekwiżiti b’saħħithom għall-privatezza fid-disinn u b’mod awtomatiku. Fl-aħħar nett, f’din l-Opinjoni, il-KEPD jindiriza wkoll kwistjonijiet urġenti oħrajn, inklużi r-restrizzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet.

1.   INTRODUZZJONI U SFOND

Din l-Opinjoni (Opinjoni) hija risposta għal talba tal-Kummissjoni Ewropea (Kummissjoni) lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), bħala awtorità superviżorja indipendenti u korp konsultattiv, sabiex tagħti opinjoni dwar il-Proposta għal Regolament dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika (1) (il-Proposta). Il-Proposta hija maħsuba biex tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika) (2). Il-Kummissjoni talbet ukoll l-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-Artikolu 29 (WP29), li fih il-KEPD ikkontribwixxa bħala membru sħiħ (3).

Din l-Opinjoni ssegwi l-Opinjoni Preliminari tagħna 5/2016 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE) (4), maħruġa fit-22 ta’ Lulju 2016. Il-KEPD jista’ jipprovdi wkoll aktar pariri fi stadji sussegwenti tal-proċedura leġiżlattiva.

Il-Proposta hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (5), li għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà fis-servizzi diġitali fl-UE b’attenzjoni partikolari fuq l-iżgurar ta’ livell ta’ protezzjoni għoli għaċ-ċittadini u kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha tas-suq madwar l-UE.

Il-Proposta tfittex li timmodernizza u taġġorna d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika bħala parti mill-isforz usa’ li jkun ipprovdut qafas legali koerenti u armonizzat għall-protezzjoni tad-data fl-Ewropa. Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika tidħol fid-dettall u tikkumplimenta d-Direttiva 95/46/KE (6), li ser tiġi sostitwita mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) adottat reċentement (7).

Il-KEPD l-ewwel, fit-Taqsima 2, jagħti fil-qosor l-osservazzjonijiet ewlenin tiegħu dwar il-Proposta, u jiffokka fuq l-aspetti pożittivi tal-Proposta. It-tieni, fit-Taqsima 3, hu jqajjem it-tħassib prinċipli li fadal tiegħu u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar kif dawn jistgħu jiġu indirizzati. Tħassib addizzjonali u rakkomandazzjonijiet għal titjib ulterjuri huma deskritti fl-Anness għal din l-Opinjoni, li tiddiskuti l-Proposta f’aktar dettall. L-indirizzar tat-tħassib imqajjem f’din l-Opinjoni u l-Anness tagħha u t-titjib ulterjuri tat-test tar-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika ma jservix biss biex jipproteġi aħjar l-utenti finali u suġġetti oħra tad-data kkonċernati, iżda jintroduċi wkoll aktar ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti.

4.   KONKLUŻJONIJIET

Il-KEPD jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Privatezza Elettronika modernizzat, aġġornat u msaħħaħ. Hu jaqsam il-fehma li hemm ħtieġa kontinwa li jkun hemm regoli speċifiċi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-UE u biex jikkumplimentaw u jiddettaljaw ir-rekwiżiti tal-GDPR. Hu jqis ukoll li neħtieġu dispożizzjonijiet legali sempliċi, immirati u teknoloġikament newtrali li jipprovdu protezzjoni b’saħħitha, intelliġenti u effettiva għall-futur previst.

Il-KEPD jilqa’ l-ambizzjoni ddikjarata li jingħata livell għoli ta’ protezzjoni kemm lill-kontenut kif ukoll lill-metadata, b’mod partikolari l-elementi pożittivi prinċipali deskritti fit-Taqsima 2.1.

Filwaqt li jilqa’ l-Proposta, il-KEPD jibqa’ mħasseb dwar numru ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jfixklu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. B’mod partikolari, il-KEDP għandu t-tħassib ewlieni li ġej:

id-definizzjonijiet skont il-Proposta ma jridux jiddependu fuq il-proċedura leġiżlattiva separata li tikkonċerna d-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (8) (il-Proposta dwar il-KEKE);

id-dispożizzjonijiet dwar il-kunsens tal-utent finali jeħtieġu jiġu msaħħa. Il-kunsens għandu jintalab mill-individwi li qed jużaw is-servizzi, kemm jekk ikunu abbonaw għalihom u kemm jekk le u mill-partijiet kollha għal komunikazzjoni. Barra dan, is-suġġetti tad-data li mhumiex partijiet għall-komunikazzjonijiet jeħtieġ ikunu protetti wkoll;

jeħtieġ li jiġi żgurat li r-relazzjoni bejn il-GDPR u r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika ma tħallix lakuni għall-protezzjoni tad-data personali. Id-data personali miġbura fuq il-bażi tal-kunsens tal-utent finali jew raġuni oħra legali skont ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika sussegwentement ma għandhiex tiġi pproċessata aktar barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunsens jew din l-eċċezzjoni għal raġuni legali li kieku tkun disponibbli skont il-GDPR, iżda mhux skont ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika;

il-Proposta mhix ambizzjuża fir-rigward tal-hekk imsejħa “tracking walls” (magħrufin ukoll bħala “cookie walls”). L-aċċess għas-siti web ma għandux jiddependi fuq l-individwu li qed jiġi sfurzat jagħti “kunsens” biex jiġi rintraċċat fuq is-siti web. Fi kliem ieħor, il-KEPD jitlob il-leġiżlaturi jiżguraw li l-kunsens jingħata ġenwinament b’mod ħieles;

il-Proposta tonqos milli tiżgura li l-brawżers (u softwer ieħor li jitqiegħed fis-suq li jippermetti l-komunikazzjonijiet elettroniċi) ser ikunu ssettjati awtomatikament biex jipprevjenu l-intraċċar tal-passi diġitali tal-individwi;

l-eċċezzjonijiet li jirrigwardaw l-intraċċar tal-lok tat-tagħmir terminali huma wisgħin wisq u neqsin minn salvagwardji adegwati;

il-Proposta tinkludi l-possibbiltà għall-Istati Membri biex jintroduċu restrizzjonijiet; dawn jitolbu salvagwardji speċifiċi.

Dan it-tħassib ewlieni — flimkien mar-rakkomandazzjonijiet dwar kif jiġi indirizzat — huwa deskritt f’din l-Opinjoni. Lil hinn mill-kummenti ġenerali tagħna u t-tħassib prinċipali dettaljati fil-korp prinċipali tal-Opinjoni, il-KEPD jipprovdi wkoll kummenti ulterjuri — u kultant aktar tekniċi — u rakkomandazzjonijiet dwar il-Proposta f’Anness, b’mod partikolari, sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-leġiżlaturi u partijiet ikkonċernati oħra li jixtiequ jtejbu aktar it-test matul il-proċess leġiżlattiv. Fl-aħħar nett, aħna ninnotaw ukoll l-importanza ta’ pproċesar rapidu ta’ dan id-dossier importanti mil-leġiżlaturi, biex jiġi żgurat li r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika, kif maħsub, jista’ jibda japplika sa mill-25 ta’ Mejju 2018, id-data li fiha jibda japplika wkoll il-GDPR stess.

L-importanza tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta qiegħda tikber bir-rwol akbar tal-komunikazzjoni elettronika fis-soċjetà u l-ekonomija tagħna. Is-salvagwardji msemmijin f’din l-Opinjoni ser ikollhom rwol ewlieni fl-iżgurar tas-suċċess tal-objettivi strateġiċi fit-tul tal-Kummissjoni msemmijin fl-Istrateġija DSM.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2017.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (ir-Regolament dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi), COM(2017) 10 final, 2017/0003 (COD).

(2)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(3)  Opinjoni tal-WP29 1/2017 dwar ir-Regolament Propost dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE) (WP247) adottata fl-4 ta’ April 2017. Ara wkoll l-Opinjoni tad-WP29 3/2016 dwar l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (2002/58/KE) (WP240) adottata fid-19 ta’ Lulju 2016.

(4)  Ara https://secure.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2016/16-07-22_Opinion_ePrivacy_EN.pdf

(5)  Strateġija għal Suq Uniku Diġitali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni, 6 ta’ Mejju 2015, COM(2015) 192 finali) disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015DC0192&from=MT

(6)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, COM (2016) 590 final, 2016/0288(COD) tat-12 ta’ Ottubru 2016.


Top