Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC0907(02)

    Avviż dwar is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-442/12 fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    C/2017/5964

    ĠU C 296, 7.9.2017, p. 16–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 296/16


    Avviż dwar is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-442/12 fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    (2017/C 296/04)

    Sentenza

    Fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-442/12 Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd v Council  (1) (“is-sentenza”), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti Ġenerali”) annulat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 626/2012 tas-26 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2) (“ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni”), sal-punt li japplika għall-produttur esportatur Ċiniż Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (“il-produttur esportatur ikkonċernat”).

    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża tal-produttur esportatur ikkonċernat inkisru billi ġiet miċħuda t-talba tiegħu għal divulgazzjoni tal-informazzjoni relatata mad-differenza fil-prezzijiet bejn l-aċidu tartariku DL u l-aċidu tartariku L+ fil-kuntest tal-kalkoli tal-valur normali mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida pprovduta fi żmien debitu. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li kieku ġiet aċċettata t-talba, l-eżitu tal-investigazzjoni seta’ kien differenti.

    Konsegwenzi

    Skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jikkonformaw mas-sentenza.

    Meta jittieħdu dawn il-passi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma’ sentenza li tannulla miżura u biex tiġi implimentata bis-sħiħ, il-proċedura li fuqha tkun ibbażata din il-miżura tista’ titkompla sal-punt fejn tkun seħħet l-illegalità (3).

    Għaldaqstant, b’konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tirrimedja l-aspetti tal-proċediment li wasslu għall-annullament parzjali tiegħu, mingħajr ma tbiddel dawk il-partijiet li ma jintlaqtux mis-sentenza (4).

    L-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kien dovut għan-nuqqas ta’ konformita mad-drittijiet tad-difiża waqt pass mill-proċediment amministrattiv li fuqu huwa bbażat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni; jiġifieri, id-divulgazzjoni ta’ ċerta informazzjoni lil dak il-produttur esportatur fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali.

    It-talba tal-produttur esportatur ikkonċernat għal divulgazzjoni ta’ informazzjoni relatata mad-differenza fil-prezzijiet bejn l-aċidu tartariku DL u l-aċidu tartariku L+ fil-kuntest tal-kalkoli tal-valur normali għandha tiġi eżaminata mill-ġdid fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Kawża.

    Il-konstatazzjonijiet magħmula fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni li ma kinux ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda miċħuda mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali, u għalhekk ma wasslux għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jibqgħu validi.

    Proċedura ta’ ftuħ mill-ġdid

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 626/2012 sa fejn jikkonċerna l-produttur esportatur ikkonċernat, u jkompli fil-punt fejn seħħet l-irregolarità.

    Dan il-ftuħ mill-ġdid hu limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd. Il-ftuħ mill-ġdid ma jaffettwax investigazzjonijiet oħrajn. Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 349/2012 tas-16 ta’ April 2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (5) għadu applikabbli fir-rigward tal-produttur esportatur ikkonċernat.

    Il-partijiet interessati huma infurmati b’dan ir-rieżami permezz tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Sottomissjonijiet bil-miktub

    Il-partijiet interessati kollha, u b’mod partikulari il-produttur esportatur ikkonċernat u l-industrija tal-Unjoni, huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jissottomettu informazzjoni u jipprovdu provi ta’ sostenn dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-provi ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 20 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-produttur esportatur ikkonċernat u l-industrija tal-Unjoni jistgħu jagħmlu talba biex jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid tiġi ppreżentata fil-limiti tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex tintbagħat il-korrispondenza

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu (a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Is-sottomissjonijiet bil-miktub u l-korrispondenza kollha pprovduti mill-partijiet interessati li jintalab trattament kunfidenzjali għalihom għandhom ikunu mmarkati “Limited” (6).

    Partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Limited” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħhom skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (7) (“ir-Regolament bażiku”), li jkunu mmarkati “For inspection by interested parties”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali.

    Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitlubin, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha tagħhom bil-posta elettronika inkluż dokumenti ta’ prokuri u ċertifikazzjoni. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf

    Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum.

    Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni permezz ta’ mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata.

    Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussell

    BELGIQUE/BELGIË

    Posta elettronika: TRADE-AD-R529A-TARTARIC-ACID@EC.EUROPA.EU

    Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskritti stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabbiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni immedjatament.

    Uffiċjal tas-Seduta

    Il-produttur esportatur ikkonċernat u l-industrija tal-Unjoni jistgħu jagħmlu talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ punt ta’ kuntatt bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tat-termini preskrittivi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

    Talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jenħtieġ li ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta’ smigħ trid tkun ippreżentata fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex issir seduta li tinvolvi lill-partijiet u li tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, l-implimentazzjoni tas-sentenza.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

    Proċessar ta’ dejta personali

    Id-data personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (8).

    Informazzjoni lill-awtoritajiet doganali

    Id-dazji antidumping definittivi mħallsa skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 626/2012 fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li attwalment jaqgħu fi ħdan il-Kodiċi NM ex 2918 12 00 (kodiċi TARIC 2918120090) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, prodott minn Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (kodiċi TARIC addizzjonali A688), li jaqbżu d-dazji antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 349/2012 dwar l-istess importazzjonijiet, jenħtieġ li jitħallsu lura jew jintbagħtu lura. Il-ħlas mill-ġdid jew ir-remissjoni jridu jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

    Divulgazzjoni

    Il-produttur esportatur ikkonċernat u l-Industrija tal-Unjoni jkunusussegwentement informati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom hemm l-intenzjoni li tiġi implimentata s-sentenza u se jingħataw l-opportunità li jikkummentaw.


    (1)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering v Council, T-442/12, ECLI:EU:T:2017:372.

    (2)  ĠU L 182, 13.7.2012, p. 1.

    (3)  Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques v Council, C-458/98 P, EU:C:2000:531, il-paragrafi 80 sa 85, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, il-paragrafi 48 sa 55.

    (4)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni v McBride, il-Kawża C-361/14 P, EU:C:2016:434, il-paragrafu 56. ara wkoll, fil-qasam tad-dumping, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques v Council, il-Kawża C-458/98 P EU:C:2000:531, il-paragrafu 84.

    (5)  ĠU L 110, 24.4.2012, p. 3.

    (6)  Dokument “Limited” huwa dokument li jiġi kkunsidrat kunfidenzjali skont ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (7)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top