EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC0412(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39904 — Batteriji Rikarikabbli) (notifikat bid-dokument C(2016) 8456)

OJ C 117, 12.4.2017, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 117/9


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-12 ta’ Diċembru 2016

li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ AT.39904 — Batteriji Rikarikabbli)

(notifikat bid-dokument C(2016) 8456)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2017/C 117/10)

Fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-batteriji rikarikabbli tal-joni tal-litju. Id-destinatarji tad-Deċiżjoni skambjaw informazzjoni tas-suq kummerċjalment sensittiva u/jew prezzijiet ikkoordinati ta’ batteriji rikarikabbli tal-joni tal-litju (“LiBS”, Lithium ion Batteries).

(2)

Hemm tliet tipi differenti ta’ LiBs skont l-użu u d-domanda tagħhom, jiġifieri t-tip ċilindriku, it-tip priżmatiku u t-tip polimeru. Pereżempju, apparat ikbar, bħalma huma l-laptops u l-camcorders ta’ spiss jużaw LiBs tat-tip ċilindriku, filwaqt li apparat iżgħar, bħalma huma l-ismartphones u t-tablets ta’ spiss jużaw LiBs tat-tip priżmatiku jew polimeru.

(3)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata għal Samsung SDI (2), Sony (3), Panasonic (4) u Sanyo (5) (“il-Partijiet”).

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(4)

Wara l-applikazzjoni għall-immunità ta’ Samsung SDI, skont it-termini tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006, fl-1 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni indirizzat it-talbiet għal informazzjoni għall-impriżi attivi fl-industrija. Fis-17 ta’ Awwissu 2012, Sony applikat għal tnaqqis ta’ multa. Fil-25 ta’ Marzu 2015, Panasonic (flimkien mas-Sanyo) applikat għal tnaqqis ta’ multa.

(5)

Fl-4 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni nediet il-proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 kontra l-partijiet bl-għan li tidħol f’diskussjonijiet dwar ir-riżolviment magħhom. Il-laqgħat ta’ riżolviment seħħew bejn Lulju 2015 u Lulju 2016. Sussegwentement, il-partijiet ressqu t-talba formali għar-riżolviment tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (6).

(6)

Il-Kummissjoni adottat id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet fit-28 ta’ Settembru 2016 u l-partijiet kollha mingħajr ekwivoku kkonfermaw li hija kienet tikkorrispondi mal-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom ta’ riżolviment u li għalhekk kienu impenjati li jsegwu l-proċedura għar-riżolviment.

(7)

Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fil-5 ta’ Diċembru 2016. Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fit-12 ta’ Diċembru 2016.

2.2.   Durata

(8)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, waqt il-perijodi indikati hawn taħt, f’attivitajiet antikompetittivi fir-rigward tal-forniment tal-LiBs.

Impriża

Perjodu ta’ parteċipazzjoni

Samsung SDI

1 ta’ April 2004 sa 1 ta’ Ottubru 2007

Sony

24 ta’ Frar 2004 sa 1 ta’ Ottubru 2007

Panasonic

24 ta’ Frar 2004 sa 10 ta’ Novembru 2007

Sanyo

24 ta’ Frar 2004 sa 10 ta’ Novembru 2007

2.3.   Sommarju tal-ksur

(9)

Il-kartell ikkonsista f’serje ta’ kuntatti antikompetittivi bejn il-Partijiet rigward il-LiBs, inklużi kuntatti okkażjonali relatati mal-prezz u/jew skambji regolari ta’ informazzjoni tas-suq kummerċjalment sensittiva. Barra minn hekk, il-Partijiet iddiskutew l-intenzjonijiet tagħhom li jipparteċipaw f’avvenimenti partikolari ta’ offerti kompetittivi organizzati minn konsumaturi speċifiċi. Fil-kuntest ta’ dawn id-diskussjonijiet, huma ġieli ddivulgaw prezzijiet li ppreżentaw jew li kellhom l-intenzjoni li jippreżentaw kif ukoll ikkoordinaw iż-żmien xieraq li fih jitnedew iż-żidiet miftiehma fil-prezzijiet.

(10)

Il-kartell opera prinċipalment abbażi ta’ kuntatti bilaterali, iżda ġieli ġew organizzati kuntatti multilaterali wkoll. Ġeografikament, id-diskussjonijiet tal-kartell seħħew l-aktar fl-Asja, iżda ġieli seħħew kuntatti ukoll fl-Ewropa.

(11)

Il-kuntatti tal-kartell saru bi gradi differenti ta’ intensità u frekwenza. Il-kuntatti laħqu l-quċċata tagħhom fil-kuntest taż-żidiet fil-prezzijiet ta’ kobalt fl-2004 u fl-2007 li rriżultaw fil-ftehim tal-Partijiet dwar iż-żidiet temporanji fil-prezzijiet tal-LiBs għal dak il-perjodu.

2.4.   Rimedji

(12)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-multi (7).

2.4.1.   Ammont bażiku tal-multa

(13)

Il-valur tal-bejgħ huwa kkalkolat abbażi tal-bejgħ tal-LiBs fiż-ŻEE matul l-aħħar sena sħiħa tal-ksur (2006).

(14)

Meta titqies in-natura tal-ksur u l-firxa ġeografika tiegħu, il-perċentwal tal-ammont varjabbli tal-multa u l-ammont addizzjonali (“il-ħlas tad-dħul”) hu stabbilit għal 16 % tal-valur tal-bejgħ għall-ksur.

(15)

L-ammont varjabbli tal-parteċipazzjoni individwali tal-Partijiet fil-ksur hu mmultiplikat bin-numru ta’ snin jew bi frazzjonijiet tas-sena rispettivament. Iż-żieda fit-tul taż-żmien hija kkalkulata abbażi tas-snin, xhur u jiem sħaħ.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

(16)

Ma hemm l-ebda ċirkostanzi aggravanti jew attenwanti li ġew meqjusa mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

Multiplikatur ta’ deterrenza ta’ 1,2 qed jiġi applikat lil Sony u lil Panasonic sabiex jittieħed kont tal-fatturat partikolarment kbir li jmur lil hinn mill-valur tal-bejgħ ta’ dawk l-impriżi.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

(17)

L-ammonti finali individwali tal-multi huma taħt l-10 % tal-fatturat dinji tal-Partijiet kollha.

2.4.4.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006

(18)

Samsung SDI kienet l-ewwel impriża li ppreżentat informazzjoni u evidenza li ssodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punt 8(a) tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006. Il-multa li għandha tiġi imposta fuqha għalhekk tnaqqset b’100 %.

(19)

Barra minn hekk, Sony qed tingħata tnaqqis ta’ 50 % tal-multa u Panasonic/Sanyo qed tingħata tnaqqis ta’ 20 %.

2.4.5.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Riżolviment

(20)

B’riżultat tal-applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment, l-ammont tal-multi imposti fuq Sony, Panasonic u Sanyo tnaqqas b’10 %. It-tnaqqis ġie miżjud mal-kumpens mogħti bħala benefiċċju tat-trattament favorevoli.

3.   MULTI IMPOSTI MID-DEĊIŻJONI

(21)

Ġiet imposta l-multa li ġejja skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003:

(a)

Samsung SDI Co., Ltd: EUR 0;

(b)

Sony Corporation, Sony Energy Devices Corporation, Sony Electronics Inc. u Sony Taiwan Limited obbligazzjoni in solidum: EUR 29 802 000;

(c)

Panasonic Corporation u Panasonic Automotive & Industrial Systems Europe GmbH obbligazzjoni in solidum: EUR 38 890 000;

(d)

Sanyo Electric Co., Ltd, Panasonic Industrial Devices Sales Taiwan Co., Ltd u Panasonic Automotive & Industrial Systems Europe GmbH obbligazzjoni in solidum: EUR 97 149 000.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  L-entità ġuridika rilevanti hija Samsung SDI Co., Ltd.

(3)  L-entitajiet ġuridiċi rilevanti huma Sony Corporation, Sony Energy Devices Corporation, Sony Electronics Inc. u Sony Taiwan Limited.

(4)  L-entitajiet ġuridiċi rilevanti huma Panasonic Corporation u Panasonic Automotive & Industrial Systems Europe GmbH (dik li qabel kienet Panasonic Industrial Device Sales Europe GmbH).

(5)  L-entitajiet ġuridiċi rilevanti huma Sanyo Electric Co., Ltd, Panasonic Industrial Devices Sales Taiwan Co., Ltd (dik li qabel kienet Sanyo Energy Taiwan Co., Ltd) u Panasonic Automotive & Industrial Systems Europe GmbH (dik li qabel kienet Sanyo Component Europe GmbH). Mit-tieni nofs tal-2009, Sanyo bdiet tagħmel parti mill-grupp Panasonic.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(7)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.


Top