EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0359

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar il-futur tal-programm Erasmus+ (2017/2740(RSP))

OJ C 337, 20.9.2018, p. 131–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 337/131


P8_TA(2017)0359

Il-futur tal-programm Erasmus+

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar il-futur tal-programm Erasmus+ (2017/2740(RSP))

(2018/C 337/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi 'Erasmus+': il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) – approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE (4),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-programm Erasmus+ (O-000062/2017 – B8-0326/2017),

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, fil-kuntest preżenti, it-30 anniversarju tal-programm Erasmus+ m'għandux ikun biss mument ta' ċelebrazzjoni, iżda anke opportunità biex nirriflettu dwar kif il-programm jista' jsir aktar aċċessibbli u inklużiv, u kif jista' jtejjeb l-iżvilupp ta' ċittadini u organizzazzjonijiet Ewropej attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport;

B.

billi l-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u ġid pubbliku li għandu jkun aċċessibbli għall-applikanti kollha, speċjalment għall-istudenti bi dħul aktar baxx;

1.

Jenfasizza li Erasmus huwa wieħed mill-aktar programmi ta' suċċess tal-UE u huwa għodda essenzjali biex jiġu appoġġjati attivitajiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u fit-tqarrib tal-Ewropa lejn iċ-ċittadini tagħha; jirrikonoxxi l-impatt pożittiv immens li kellu fuq il-ħajja personali u professjonali ta' aktar minn 9 000 000 parteċipant fl-Ewropa u lil hinn minnha, inkluż f'pajjiżi ġirien u kandidati, matul l-aħħar 30 sena;

2.

Jissottolinja r-rwol ta' Erasmus+, li, permezz tal-mobilità u l-kollaborazzjoni strateġika, ikkontribwixxa għat-titjib tal-kwalità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, għaż-żieda fil-kompetittività tas-settur tal-edukazzjoni Ewropew, għall-ħolqien ta' ekonomija Ewropea tal-għarfien b'saħħitha u għall-ilħuq tal-għanijiet ta' Ewropa 2020;

3.

Jemmen li l-programm Erasmus+ u s-suċċessur tiegħu għandhom jiffukaw, b'mod partikolari, fuq it-tagħlim u l-mobilità tul il-ħajja, filwaqt li jkopru l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, u li, b'dan il-mod, jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi essenzjali għall-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal personali, soċjali u professjonali, li jimxi id f'id mal-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, il-koeżjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati sabiex jitħeġġeġ djalogu interkulturali usa';

4.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ koerenti għall-politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fis-setturi kollha tat-tagħlim, b'mod partikolari permezz ta' opportunitajiet u sinerġiji trasversali ma' fondi u programmi oħra tal-UE; jinnota, f'dan ir-rigward, li t-tiġdid li jmiss tal-qafas għal kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ huwa opportunità ideali biex il-prijoritajiet tas-suċċessur ta' Erasmus+ jiġu allinjati mal-Istrateġija l-ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ u ma' programmi oħra ffinanzjati mill-UE;

5.

Jemmen li Erasmus+ għandu jitqies ukoll bħala strument essenzjali tal-istrateġija tal-UE għall-promozzjoni tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli fid-dinja kollha;

6.

Jinnota, meta jitqiesu r-rata għolja tal-mobilità bejn l-istituzzjonijiet l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni fil-kontinent u fir-Renju Unit u l-importanza ta' din il-mobilità, li n-negozjati dwar Brexit għandhom iwasslu għal ftehim sodisfaċenti b'mod reċiproku dwar l-istatus tal-istudenti u l-għalliema tal-UE li jipparteċipaw fi skemi ta' mobilità Erasmus+ fir-Renju Unit u viċe versa;

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-iżvilupp sħiħ tal-potenzjal personali u soċjali

7.

Huwa tal-fehma li l-programm Erasmus+ evolva b'mod sinifikanti, b'tali mod li ppermetta lil aktar parteċipanti jibbenefikaw mill-programm u għenhom itejbu l-għarfien tagħhom u jegħlbu l-lakuni tal-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, b'mod partikolari bl-estensjoni ta' Erasmus+ għas-setturi tal-volontarjat, tal-edukazzjoni informali u mhux formali u tat-taħriġ, u bl-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tiegħu lil hinn mill-UE;

8.

Jirrikonoxxi li l-istudenti fl-edukazzjoni għolja li jkunu mobbli għandhom darbtejn aktar ċans li jkollhom impjieg sena wara li jiggradwaw mill-istudenti li ma jkunux mobbli, u li kważi 90 % (5) tal-istudenti kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) fi programmi ta' mobilità jgħidu li l-impjegabbiltà tagħhom żdiedet b'riżultat ta' din l-esperjenza; jinnota b'dispjaċir, madankollu, li ż-żgħażagħ huma dawk bl-ogħla riskju ta' qgħad; għalhekk, jirrikonoxxi l-ħtieġa li Erasmus+ jagħti appoġġ qawwi lil azzjonijiet maħsuba biex jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg aħjar;

9.

Jenfasizza li l-volontarjat jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-parteċipazzjoni ċivika u taċ-ċittadinanza attiva, filwaqt li jgħin ukoll fit-tkattir tal-possibbiltajiet tal-parteċipanti li jsibu impjieg; jenfasizza, għalhekk, li l-finanzjament skont il-programm Erasmus+ għandu jkun parti minn strateġija politika usa' bl-għan li toħloq ambjent li jħeġġeġ il-volontarjat fl-Ewropa, li ma tidduplikax l-inizjattivi eżistenti li rnexxew iżda ssaħħaħhom; ifakkar, madankollu, li impjiegi potenzjali ta' kwalità qatt ma jistgħu jiġu sostitwiti b'attivitajiet ta' volontarjat mhux imħallsa;

10.

Jissottolinja l-fatt li Erasmus+ għandu jiffoka fuq l-innovazzjoni u l-iżvilupp u jqiegħed enfasi akbar fuq it-titjib tal-ħiliet u l-kompetenzi essenzjali, bħall-awtostima, il-kreattività, l-intraprenditorija, l-adattabilità, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet ta' komunikazzjoni, il-kapaċità li wieħed jaħdem f'tim u l-abbiltà li wieħed jgħix u jaħdem f'ambjent multikulturali; jenfasizza l-fatt li dawk il-kompetenzi jistgħu jiġu żviluppati b'mod aktar sħiħ permezz ta' kombinazzjoni bilanċjata ta' tagħlim formali, mhux formali u informali, u li l-kisba ta' kompetenzi essenzjali hija vitali minn età żgħira ħafna u għandha tkompli tissaħħaħ permezz ta' aktar investiment f'azzjonijiet li jiffavorixxu l-mobilità matul l-istadji bikrin tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

11.

Jinnota li Erasmus+ għandu jħeġġeġ l-iżvilupp ta' rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-komunità kummerċjali sabiex itejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-parteċipanti tiegħu u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

12.

Jenfasizza r-rwol tal-ETV ta' Erasmus+ li jgħinu lill-parteċipanti jiżviluppaw il-ħiliet u jiksbu l-esperjenza meħtieġa fis-suq tax-xogħol, u b'hekk jikkontribwixxi għal żieda fl-impjegabbiltà u l-integrazzjoni soċjali; jinkoraġġixxi t-titjib fl-ETV ta' Erasmus+ bl-għan li jsiru aktar moderni, aċċessibbli, simplifikati u idonei għall-era diġitali;

13.

Jirrikonoxxi l-potenzjal għoli għall-espansjoni tal-mobilità tal-istudenti tal-ETV għal kollokamenti għal żmien qasir jew aktar fit-tul (Erasmus Pro) biex issaħħaħ il-kontribut tal-UE fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-opportunitajiet ta' mobilità għall-istudenti tal-ETV kif ukoll id-dimensjoni tal-apprendistat professjonali tal-programm, kemm b'rikonoxximent tal-valur inerenti tal-apprendistati kif ukoll biex irawmu riformi nazzjonali biex jiżviluppaw aktar it-taħriġ u l-kwalifiki professjonali u jippromwovu r-rikonoxximent tagħhom; jerġa' jafferma, fl-istess ħin, li internship huwa opportunità formattiva li ma tiħux post impjieg imħallas;

L-inklużjoni soċjali u l-aċċessibbiltà

14.

Jiddispjaċih li anqas minn 5 % taż-żgħażagħ Ewropej jibbenefikaw mill-programm minħabba fatturi soċjoekonomiċi, fondi limitati, inugwaljanzi jikbru bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom u l-kumplessità tal-proċessi ta' applikazzjoni u tal-ġestjoni amministrattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-programm aktar miftuħ u aċċessibbli, filwaqt li jrendi aktar lill-benefiċjarji finali u jimmassimizza l-appoġġ, b'mod partikolari għal persuni minn ambjenti żvantaġġjati u għal dawk bi bżonnijiet speċjali;

15.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-Erasmus+ saħansitra aktar inklużiv sabiex jilħaq lil aktar żgħażagħ permezz ta' għodod differenti, b'mod partikolari dawk diġitali, kif ukoll lil organizzazzjonijiet, inklużi l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni formali u mhux formali fil-livelli kollha, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tal-arti u tal-isport tal-massa, l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat u partijiet ikkonċernati oħra tas-soċjetà ċivili, billi jintegraw l-Istrateġija dwar l-Inklużjoni u d-Diversità permezz tal-programm u jiffavorixxu lil dawk bi bżonnijiet speċjali u b'anqas opportunitajiet;

16.

Ifakkar li nuqqas ta' koordinazzjoni u portabilità tad-drittijiet bejn sistemi soċjali differenti tal-UE jirrappreżenta ostaklu sinifikanti għall-mobilità ta' persuni b'diżabilità, minkejja l-isforzi biex il-programmi Erasmus+ u inizjattivi oħra favur il-mobilità jsiru aktar inklużivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-kollaborazzjoni u b'hekk itejbu l-mobilità ta' persuni vulnerabbli;

17.

Jirrikonoxxi li wieħed mill-ostakli ewlenin biex jiġu involuti aktar studenti fil-mobilità fl-edukazzjoni għolja huwa n-nuqqas ta' ċarezza u konsistenza fir-rikonoxximent tal-krediti mis-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS) miksuba matul il-perjodu ta' mobilità; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikolari lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, biex jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehimiet dwar it-tagħlim bħala parti obbligatorja tal-proċess tal-mobilità u biex jiżguraw ir-rikonoxximent bla xkiel tal-krediti tal-ECTS miksuba waqt perjodi ta' mobilità tal-edukazzjoni għolja ta' Erasmus+;

18.

Jemmen li l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ għandu jkollhom opportunatijiet aħjar biex ifasslu l-futur tal-programm, peress li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex itejbu l-viżjoni tiegħu u jwassluh għal-livell li jmiss, skont il-ħtiġijiet preżenti u futuri tagħhom u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħidma, il-volontarjat u l-istudji tagħhom;

19.

Jinkoraġġixxi ċertu livell ta' flessibbiltà meta jitfassal il-programm ġdid biex ikun żgurat li jkun f'pożizzjoni li jirreaġixxi malajr għal sfidi emerġenti u prijoritajiet strateġiċi fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali; jenfasizza l-fatt li l-inizjattivi l-ġodda kollha għandhom jikkomplementaw dawk eżistenti u għandhom ikunu mgħammra b'baġit li jkun biżżejjed biex jiżgura il-funzjonament effikaċi tagħhom;

L-identità Ewropea u ċ-ċittadinanza attiva

20.

Jemmen bis-sħiħ li l-programm Erasmus+ għandu jkompli jistimola ċ-ċittadinanza attiva, l-edukazzjoni ċivika u l-fehim interkulturali u jiżviluppa sens ta' identità Ewropea; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-attivitajiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tal-mobilità tat-tagħlim formali u mhux formali ffinanzjati minn Erasmus+ ikabbru wkoll l-għarfien taż-żgħażagħ dwar il-valur miżjud tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u jħeġġuhom jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet Ewropej;

21.

Jemmen li, meta jkun xieraq, l-inkorporazzjoni tal-mobilità edukattiva bħala parti minn programmi tal-edukazzjoni għolja u tat-taħriġ vokazzjonali tista' tkun ta' benefiċċju kemm għall-iżvilupp personali u tal-karriera tal-istudenti kif ukoll għall-promozzjoni ta' fehim interkulturali;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa eCard Ewropea għall-istudenti li tagħti lill-istudenti aċċess għal servizzi fl-Ewropa kollha;

Il-finanzjament tal-programm

23.

Jiddispjaċih li r-rata ta' suċċess baxxa ta' proġetti varati permezz ta' wħud mill-azzjonijiet ta' Erasmus+, l-għotjiet limitati u d-domanda għolja għal parteċipazzjoni fil-programmi jistgħu jipperikolaw is-suċċess ta' Erasmus+ bħala programm emblematiku tal-UE; jemmen bis-sħiħ li Erasmus+ fl-aħħar mill-aħħar għandu jkun intiż għaż-żgħażagħ kollha u li dawn il-miri ogħla għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' Erasmus+ għandhom ikunu akkumpanjati b'finanzjament addizzjonali sinifikanti li għandu jkun rifless f'żieda fil-baġit sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-programm; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jiġġeneraw appoġġ aktar b'saħħtu u aktar viżibbli għall-programm Erasmus fid-dawl tan-negozjati li jmiss dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

24.

Jenfasizza l-importanza tal-introduzzjoni bla xkiel tal-programm Erasmus+ il-ġdid, b'baġit ippjanat b'mod strateġiku sa mill-bidu nett; jinkoraġġixxi l-użu ta' fondi reġjonali u soċjali biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati Membri għall-għotjiet għall-mobilità ta' Erasmus+; ifakkar li l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-programm fl-aġenziji nazzjonali kollha, inkluża l-konformità mal-istandards tal-kwalità kondiviżi u mal-proċeduri ta' evalwazzjoni tal-proġetti u l-proċeduri amministrattivi, hija essenzjali biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni koerenti tal-programm Erasmus+;

o

o o

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2017)0018.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0107.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2016)0005.

(5)  Dashboard Erasmus+, data meħuda fit-28 ta' Marzu 2017; ara: http://www.ecvet-secretariat.eu/en/system/files/documents/3727/eu-vet-policy-context.pdf, p. 29.


Top