EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IP0088

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-Filippini – il-każ tas-Senatur Leila M. De Lima (2017/2597(RSP))

OJ C 263, 25.7.2018, p. 113–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/113


P8_TA(2017)0088

Il-Filippini, il-każ tas-Senatur Leila M. De Lima

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-Filippini – il-każ tas-Senatur Leila M. De Lima (2017/2597(RSP))

(2018/C 263/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Filippini, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Settembru 2016 (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE u tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ),

wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 bil-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Ġuristi tat-28 ta' Frar 2017,

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Filippini u l-UE ilhom igawdu relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi, kulturali u politiċi bejniethom;

B.

billi fit-23 ta' Frar 2017 inħareġ mandat ta' arrest fil-konfront tas-Senatur Leila M. De Lima tal-Filippini, membru tal-Partit Liberali fl-oppożizzjoni, fuq akkużi ta' allegati reati relatati mad-droga; billi fl-24 ta' Frar 2017 is-Senatur De Lima ġiet arrestata u miżmuma f'kustodja; billi, jekk tinstab ħatja, is-Senatur De Lima tista' teħel sentenza ta' bejn 12-il sena u għomor il-ħabs u titkeċċa mis-Senat;

C.

billi hemm tħassib serju li r-reati li s-Senatur De Lima ġiet mixlija bihom huma kważi għalkollox ivvintati; billi Amnesty International tqis is-Senatur De Lima bħala priġuniera minħabba t-twemmin tagħha;

D.

billi s-Senatur De Lima hija difensur tad-drittijiet tal-bniedem u hija l-opponent prinċipali tal-kampanja kontra d-droga tal-President Filippin Rodrigo Duterte; billi hija kkundannat bil-miftuħ il-gwerra tal-Filippini kontra d-droga; billi s-Senatur De Lima kienet President tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Filippini; billi hemm tħassib serju dwar is-sikurezza tas-Senatur De Lima; billi hemm għadd kbir ta' allegazzjonijiet ta' tortura fil-postijiet ta' detenzjoni li mhumiex qed jiġu investigati;

E.

billi, fid-19 ta' Settembru 2016, is-Senatur De Lima tneħħiet mill-pożizzjoni tagħha bħala president tal-Kumitat għall-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem tas-Senat; billi matul il-mandat tagħha bħala l-kap tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, is-Senatur De Lima mexxiet l-investigazzjoni dwar l-allegat qtil extraġudizzjarju ta' madwar 1 000 suspettat tad-droga jew aktar f'Davao, meta l-President Duterte kien sindku tal-belt; billi, wara s-seduti, is-Senatur De Lima kienet vittma ta' kampanja ta' fastidju u intimidazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet, u dawn l-attakki żdiedu fl-aħħar tmien xhur;

F.

billi, fit-2 ta' Marzu 2017, il-Human Rights Watch ħareġ ir-rapport tiegħu “Licence to Kill: Philippine Police Killings in Duterte's ‘War on Drugs’”, li jiddokumenta l-qtil extraġudizzjarju relatat mal-kampanja kontra d-droga;

G.

billi ġew rappurtati aktar minn 7 000 każ ta' qtil relatat mad-droga mwettqa mill-pulizija u l-viġilanti minn mindu l-President Duterte tela' fil-poter fit-30 ta' Ġunju 2016; billi l-President Duterte wiegħed li jkompli l-kampanja tiegħu kontra d-droga sa tmiem il-mandat presidenzjali fl-2022;

H.

billi b'reazzjoni għall-qtil ta' uffiċjali mir-ribelli komunisti tal-Armata l-Ġdida tal-Poplu (NPA) fin-Nofsinhar tal-Filippini fit-8 ta' Marzu 2017, il-President Duterte ordna lill-armata twettaq operazzjonijiet kontra r-ribelli mingħajr ma tagħti kas il-ħsara kollaterali;

I.

billi, fit-30 ta' Jannar 2017, il-Pulizija Nazzjonali tal-Filippini ssospendiet temporanjament l-operazzjonijiet kontra d-droga min-naħa tal-pulizija wara allegat qtil brutali relatat mal-ġlieda kontra d-droga; billi l-President Duterte ordna lill-Forzi Armati tal-Filippini (AFP) jimlew dan il-vojt fil-kampanja kontra d-droga;

J.

billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti u l-ġurnalisti fil-Filippini, inkluża s-Senatur De Lima, iħabbtu wiċċhom regolarment ma' theddid, fastidju, intimidazzjoni u bullying fuq l-internet; billi dawk li jiksru d-drittijiet ta' dawn il-gruppi mhumiex qed jinżammu responsabbli minħabba l-fatt li mhux qed jitwettqu investigazzjonijiet xierqa; billi, f'Novembru 2016, il-President Duterte hedded bil-miftuħ li joqtol lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

K.

billi, fis-7 ta' Marzu 2017, il-Kamra tar-Rappreżentanti approvat l-Abbozz ta' Liġi 4727 biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt għal delitti gravi relatati mad-droga; billi l-Filippini kienu l-ewwel pajjiż fir-reġjun li, fl-2007, abolixxa l-piena tal-mewt; billi jekk terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt, dan ikun bi ksur ċar tat-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Filippini huma parti fih mill-2007; billi bħalissa l-amministrazzjoni tal-President Duterte qed tikkunsidra leġiżlazzjoni dwar it-tnaqqis tal-età minima għar-responsabbiltà kriminali minn 15-il sena għal 9 snin;

L.

billi, f'Settembru 2016, il-Filippini assumew il-presidenza tal-ASEAN għall-2017;

1.

Jitlob il-ħelsien immedjat tas-Senatur Leila M. De Lima u jappella biex tingħata sigurtà adegwata kemm iddum miżmuma f'kustodja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jiżguraw proċess ġust, filwaqt li jfakkar fid-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza, iwaqqgħu l-akkużi politikament motivati kollha miġjuba kontriha u jtemmu kwalunkwe att ulterjuri ta' fastidju fil-konfront tagħha;

2.

Huwa konxju tal-fatt li, fil-Filippini, miljuni ta' persuni huma affettwati b'mod negattiv mil-livell għoli ta' dipendenza fuq id-droga u l-konsegwenzi tagħha; jikkundanna bil-qawwa t-traffikar u l-abbuż tad-droga fil-Filippini; jistieden lill-Gvern jagħti prijorità lill-ġlieda kontra x-xibka tat-traffikar u l-barunijiet tad-droga, flok ma jikkonċentra fuq il-konsumaturi ż-żgħar; jenfasizza li din il-ġlieda trid timxi id f'id ma' miżuri ta' prevenzjoni u diżintossikazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern fl-isforzi tiegħu biex jiftaħ ċentri ta' diżintossikazzjoni ġodda;

3.

Jikkundanna bil-qawwa l-għadd kbir ta' każijiet ta' qtil extraġudizzjarju mill-forzi armati u l-gruppi ta' viġilanza b'rabta mal-kampanja kontra d-droga; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jesprimi tħassib serju dwar rapporti kredibbli li jgħidu li l-korp tal-pulizija tal-Filippini qed jiffalsifika l-evidenza biex jiġġustifika l-qtil extraġudizzjarju, u li dawk li qed jisfaw l-aktar fil-mira huma l-foqra taż-żoni urbani; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwettqu immedjatament investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi fir-rigward ta' dan il-qtil extraġudizzjarju u jieħdu passi kontra l-awturi tad-delitti u jressquhom quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-UE tappoġġja dawn l-investigazzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw aktar qtil;

4.

Jesprimi tħassib serju fir-rigward tar-retorika tal-President Duterte bi tweġiba għall-qtil ta' xi uffiċjali fit-8 ta' Marzu 2017 u jħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet u l-militar tal-Filippini jirrispettaw strettament id-dritt umanitarju internazzjonali, li jpoġġi restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-partijiet kollha f'kunflitt armat biex ma jweġġgħux nies ċivili u persuni mhux involuti fil-ġlied;

5.

Jistieden lill-UE tappoġġja t-tnedija ta' investigazzjoni internazzjonali indipendenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-rigward tal-qtil illegali u ksur ieħor min-naħa tal-Filippini fil-kuntest tal-“ġlieda kontra d-droga” tal-President Duterte;

6.

Huwa allarmat ħafna bid-deċiżjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti li terġa' ddaħħal il-piena tal-mewt; jistieden lill-awtoritajiet tal-Filippini jwaqqfu immedjatament il-proċedimenti li għaddejjin biex terġa' tiddaħħal il-piena tal-mewt; ifakkar li l-UE tqis il-piena kapitali bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għall-imġiba kriminali; jistieden lill-Gvern Filippin ma jbaxxix l-età minima għar-responsabbiltà kriminali;

7.

Jistieden lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ tas-Senatur De Lima;

8.

Iħeġġeġ lill-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Filippini jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim Qafas;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tikkonvinċi lill-Filippini jtemmu l-qtil extraġudizzjarju relatat mal-kampanja kontra d-droga, inklużi passi proċedurali bil-ħsieb tal-possibbiltà li jitneħħew il-preferenzi tas-SĠP+ jekk ma jkunx hemm titjib sostanzjali fix-xhur li ġejjin;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u l-Parlament tal-Filippini, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0349.


Top