EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE4769

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali bħala l-muturi tal-integrazzjoni tal-migranti” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2017/04769

OJ C 283, 10.8.2018, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali bħala l-muturi tal-integrazzjoni tal-migranti”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 283/01)

Relatur:

Giuseppe GUERINI

Deċiżjoni tal-Assemblea tal-Plenarja

21.1.2016

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

27.4.2018

Adottata fil-plenarja

23.5.2018

Sessjoni plenarja Nru

535

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

186/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-fenomenu tal-migrazzjoni fl-evoluzzjoni reċenti tiegħu qed ikun ta’ sfida għas-sistema tad-dħul fl-Unjoni Ewropea, billi jservi ta’ “stress test” veru u proprju għall-politiki migratorji, soċjali u tas-sigurtà pubblika tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

1.2.

Il-KESE jemmen fil-prinċipju fundamentali li l-istituzzjonijiet Ewropej, flimkien mal-gvernijiet tal-Istati Membri, għandhom jippromovu politiki kkoordinati biex iżidu ċ-ċarezza, is-sostenibilità u l-effikaċja tal-modi li bihom persuni minn pajjiżi terzi jistgħu jidħlu u jistabbilixxu ruħhom fl-Ewropa, jaħdmu, isiru ċittadini u jiksbu protezzjoni internazzjonali. Il-Kumitat iħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari lil migranti li jistgħu jkunu fir-riskju ta’ esklużjoni soċjali, bħal persuni morda jew bi problemi mentali, b’diżabbiltà, u anzjani.

1.3.

Il-KESE sab li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kienu kapaċi jseddqu l-prinċipji komuni tal-ħidma tagħhom (1) (inklużiva, sussidjarja u protezzjoni tal-aktar persuni żvantaġġati) billi indirizzaw l-isfida tal-assistenza lill-migranti b’mod proattiv u mmobilizzaw lill-komunitajiet ta’ referenza u liċ-ċittadini.

1.4.

Għal din it-tendenza li jkunu inklużivi, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom ikunu rikonoxxuti iktar, u għalhekk il-KESE jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tagħti prijorità lil dawn il-forom ta’ intrapriżi, fit-tfassil tal-politiki tal-UE u fil-programmazzjoni tal-fondi Ewropej b’referenza partikolari għall-ippjanar tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. kif ġie osservat kemm fil-konferenza dwar l-ekonomija soċjali tas-16 ta’ Novembru 2017, kif ukoll fis-Summit Ewropew tas-17 ta’ Novembru 2017 li sar f’Gothenburg.

1.5.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali joħolqu impjiegi ta’ kwalità f’setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema u, b’mod partikolari, b’inċidenza għolja ta’ ħaddiema mhux Ewropej. F’dawn l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-element ta’ parteċipazzjoni għandu rilevanza f’termini ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni meta l-attività ekonomika tkun qed tiġi strutturata, għax iwassal għall-formazzjoni tal-ekonomija informali u tax-xogħol bla ktieb.

1.6.

B’dan il-mod, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali qed ikollhom rwol fundamentali, billi dawn jintervjenu f’erba’ aspetti ewlenin tal-proċess tal-integrazzjoni ta’ persuni migranti: is-saħħa u l-assistenza; l-abitazzjoni; it-taħriġ u l-edukazzjoni (b’mod partikolari billi jakkumpanjaw l-għarfien tad-drittijiet u tad-dmirijiet li jirriżultaw meta jistabbilixxu ruħhom fl-Unjoni Ewropea); ix-xogħol u l-inklużjoni attiva tal-persuni migranti fis-soċjetajiet li jilqgħuhom.

1.7.

Il-KESE jemmen li, minħabba t-tendenza partikolari tagħhom li jaħdmu fl-oqsma tax-xogħol tal-kura u fl-attivitajiet tal-ekonomija kollaborattiva u tal-ekonomija ċirkolari, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jistgħu jrawmu u jsostnu, minbarra impjiegi ġodda, anke l-intraprenditorija u l-aċċess għall-attivitajiet ekonomiċi tal-migranti u r-refuġjati. L-Unjoni Ewropea għandha tkompli tippromwovi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, bħala wieħed mill-mekkaniżmi tat-tkabbir u l-inklużjoni professjonali u soċjali tal-migranti. Għaldaqstant il-Kumitat qed jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jagħtu prijorità lill-politiki mmirati lejn l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, kif imsemmi wkoll fil-kontribut li ngħata għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2018 (2).

1.8.

Fid-dawl tal-evidenza li ssostni l-validità tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-promozzjoni tal-inklużjoni professjonali u soċjali tal-migranti, il-Kumitat jistieden lil-Unjoni, l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali biex jistabbilixxu inċentivi għall-impjieg li jkunu aċċessibbli għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali li jaħdmu fl-integrazzjoni professjonali.

1.9.

Fir-rigward tar-rapport dwar il-progress tal-azzjonijiet, ippreżentat f’Novembru 2017, il-Kumitat jikkonferma l-ħtieġa ta’ approċċ ikkoordinat tal-Unjoni u tal-pajjiżi membri tagħha (3). B’mod partikolari, jidher ċar li fin-nuqqas ta’ sistema ta’ dħul effikaċi għall-migranti, se jissokta l-użu ħażin tat-talbiet għall-protezzjoni internazzjonali li rajna tul dawn l-aħħar snin. Il-Kumitat itenni bil-qawwa li l-każijiet ta’ użu ħażin tas-sistema ta’ protezzjoni internazzjonali ma jiġġustifikawx l-introduzzjoni minn xi Stati Membri ta’ restrizzjonijiet fuq il-possibilità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għall-asil fit-territorju tagħhom.

1.10.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jistabbilixxu koordinazzjoni akbar mal-Istati ta’ oriġini u ta’ tranżitu tal-migrazzjoni, sabiex jinbnew prospetti għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja, b’mod partikolari għall-persuni li jiċċaqalqu minħabba raġunijiet ekonomiċi jew kaġun tal-ġuħ jew tat-tibdil fil-klima, filwaqt li tkun ħaġa mixtieqa li titħaddem politika barranija Ewropea iktar inċiżiva għal pajjiżi fejn il-gwerer, id-dittatorjati u l-persekuzzjonijiet jikkawżaw il-ħrib tal-persuni.

1.11.

B’mod partikolari l-Kumitat iħeġġeġ lill-Unjoni biex tindirizza l-fenomenu migratorju sa mill-kawżi li jikkaġunaw il-ħtieġa taċ-ċaqliq tal-persuni: il-faqar, il-konflitti, id-diskriminazzjoni u t-tibdil fil-klima. Huwa inevitabbli li azzjoni bħal din tinvolvi impenn imġedded mill-Unjoni Ewropea fl-ambitu tad-diplomazija u tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp, anke permezz ta’ “pjan straordinarju ta’ investimenti fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp” li jkun ġenwin.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma attur ewlieni fl-ekonomija u fis-soċjetà Ewropea, jirrappreżentaw ir-rikkezza tad-diversità tal-Unjoni u jagħtu kontribut fl-ilħiq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jibnu Ewropa iktar intelliġenti, sostenibbli u inklużiva (4).

2.2.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kkontribwew b’mod sinifikanti fl-indirizzar tal-bidliet li għaddiet minnhom is-soċjetà. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma preżenti f’bosta oqsma tas-soċjetà u ħolqu inizjattivi innovattivi biex jirrispondu għall-ħtieġa dejjem tikber tal-għoti ta’ għajnuna u kura lil persuni li mhumiex awtosuffiċjenti, b’mod partikolari l-anzjani u l-persuni b’diżabilità. F’ħafna każi dan għamluh billi żiedu l-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol, mhux biss bl-involviment dirett tagħhom fl-ekonomija soċjali, iżda wkoll bil-ħolqien ta’ servizzi ġodda għat-tfal u għall-familji (5). Fl-istess ħin, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jippromovu l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg għal persuni żvantaġġati, b’attenzjoni partikolari għal nies li huma potenzjalment fir-riskju ta’ esklużjoni soċjali, bħal persuni b’diżabilità, il-persuni li jsofru minn disturbi mentali jew dipendenza fuq l-alkoħol u d-drogi. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jikkonfermaw lilhom infushom bħala element ewlieni fil-promozzjoni tal-mudell soċjali Ewropew (6).

2.3.

Fost l-isfidi li kellha taffaċċja l-UE f’dawn l-aħħar snin, saret importanti b’mod partikolari l-ġestjoni tal-fluss dejjem jikber ta’ migranti li ra miljuni ta’ nies jaqsmu l-fruntieri tal-kontinent biex jaħarbu mill-gwerer, mill-ġuħ, mill-persekuzzjoni u minn kundizzjonijiet tal-għajxien estremi kawża tat-tibdil fil-klima Il-fenomenu daħħal fi prova lis-sistema ta’ dħul tal-Istati Membri u l-politiki dwar il-migrazzjoni, kif ukoll il-politiki soċjali u lil dawk dwar is-sigurtà pubblika. F’ċertu sens, il-politiki dwar il-migrazzjoni tal-UE għaddejjin minn “stress test”: huwa importanti li nisfruttaw din l-opportunità biex nanalizzaw bir-reqqa r-reazzjonijiet li qiegħda tiġġenera s-sistema u s-sinjali li pproduċiet, sabiex inkunu nistgħu nippromovu interventi maħsuba biex iżidu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politiki tal-UE.

2.4.

L-integrazzjoni ta’ dawk li jkunu għadhom kemm waslu hija proċess dinamiku li jinbidel maż-żmien u li jevolvi flimkien mal-kuntest ekonomiku, soċjali u kulturali tal-pajjiż fejn dawn in-nies jistabbilixxu ruħhom. Dan il-proċess jeżamina lill-Unjoni, lill-Istati Membri u qabel xejn lis-soċjetà Ewropea rigward kif ċittadini mhux Ewropej jistgħu jidħlu, jistabbilixxu ruħhom, jgħixu u jaħdmu fil-Unjoni, kif ukoll dwar kif jistgħu jiksbu aċċess għall-protezzjoni internazzjonali.

2.5.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, anke fid-diversi attivitajiet li joperaw bihom fil-bosta kuntesti nazzjonali, kienu kapaċi jseddqu l-prinċipji komuni tal-ħidma tagħhom (inklużiva, sussidjarja u protezzjoni tal-aktar persuni żvantaġġati) billi indirizzaw l-isfida tal-assistenza lill-migranti b’mod proattiv.

2.6.

Fost il-karatteristiċi ewlenin tal-interventi magħmula mill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, irridu nenfasizzaw il-kapaċità tagħhom li jimmobilizzaw u jinvolvu lill-komunitajiet lokali ta’ referenza, billi jattivaw netwerks u sħubijiet li jtejbu r-relazzjonijiet mal-gvernijiet ċentrali u lokali biex jiġu organizzati rotot ta’ għajnuna u ta’ inklużjoni li jiġu aċċettati aħjar mill-popolazzjonijiet lokali.

2.7.

B’dan il-mod, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali qed ikollhom rwol fundamentali, billi dawn jintervjenu f’erba’ aspetti ewlenin tal-proċess tal-integrazzjoni ta’ persuni migranti: is-saħħa u l-assistenza; l-abitazzjoni; it-taħriġ u l-edukazzjoni (b’mod partikolari jakkumpanjaw l-għarfien tad-drittijiet u tad-dmirijiet taċ-ċittadin Ewropew); ix-xogħol u l-inklużjoni attiva tal-persuni migranti fis-soċjetajiet li jilqgħuhom. Meta jagħmlu dan, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jibnu postijiet fejn jiltaqgħu ċ-ċittadini Ewropej u dawk li jkunu għadhom kemm waslu, irawmu d-djalogu u b’hekk jikkontribwixxu biex jonqsu l-preġudizzji u l-biżgħat.

3.   Il-migrazzjoni fl-Ewropa: l-istampa ġenerali tal-aħħar snin

3.1.

It-tislit ta’ stampa ġenerali tal-fenomenu migratorju hija operazzjoni kumplessa peress li dan huwa kkaratterizzat minn evoluzzjoni kontinwa. Il-gwerer, il-preżenza ta’ reġimi dittatorjali, it-tibdil fil-klima, il-kundizzjonijiet ta’ faqar estrem u d-deprivazzjoni wittew it-triq għas-sitwazzjoni li ngħixu fiha llum.

3.2.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti fl-2015 aktar minn 244 miljun ruħ, jew 3,3 % tal-popolazzjoni dinjija, qasmu l-fruntieri tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom biex ifittxu asil politiku, xogħol u kundizzjonijiet ekonomiċi u klimatiċi aktar “ospitabbli” (7).

3.3.

L-Ewropa f’dawn l-aħħar snin rat għadd ta’ nies li jippruvaw jilħquha dejjem jikber. F’termini assoluti, id-data tal-Eurostat tal-2015 turi li fl-UE-28 l-immigranti minn pajjiżi terzi kienu jgħoddu 2,7 miljuni, 56 % irġiel u 44 % nisa.

3.4.

Il-fluss straordinarju huwa influwenzat b’mod partikolari mill-instabbiltà maħluqa mill-gwerra, kemm f’pajjiżi f’kunflitt bħas-Sirja kif ukoll f’pajjiżi li fihom il-proċess tal-istabbilizzazzjoni ta’ wara l-gwerra għadu xorta sal-lum jiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji, bħall-Iraq u l-Afganistan. Fil-fatt dawn huma l-pajjiżi minn fejn fl-2016 oriġinaw madwar 54 % tal-migranti li fittxew kenn fil-pajjiżi tal-UE (8).

3.5.

Lil hinn minn dan, tibqa’ importanti l-migrazzjoni tal-persuni li jsibu ruħhom, fil-pajjiż ta’ oriġini taghom stess, f’kundizzjonijiet ekonomiċi jew ambjentali serji. F’ħafna każijiet dawn ikunu persuni ġejjin mill-kontinent Afrikan, fluss li kien baqa’ jiggrava bl-instabbiltà dejjem tikber fil-pajjiżi tal-kosta tan-nofsinhar tal-Mediterran.

3.6.

F’dan il-kuntest, is-sistema ta’ regoli pprovduti mill-Unjoni Ewropea kixfet xi nuqqasijiet u diffikultajiet, billi wriet il-ġestjoni insuffiċjenti tal-fruntieri esterni tal-Unjoni u l-inadegwatezza tal-kontroll tad-dħul u l-ħtieġa li jiġu riveduti l-prinċipji u l-metodi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Istati Membri.

3.7.

Il-Kumitat indirizza f’diversi okkazzjonijiet il-kwistjoni tal-politiki ta’ migrazzjoni (9) u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li adottat l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. B’mod partikolari, fir-rapport ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni interveniet biex tippromovi koordinazzjoni akbar bejn il-pajjiżi tal-Unjoni u biex tniedi mill-ġdid id-djalogu mal-istati tal-oriġini u ta’ tranżitu tal-migrazzjoni (10). Il-Kumitat jittama li ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu tal-kwoti, fid-dawl tal-implimentazzjoni diffiċli tiegħu.

3.8.

Huwa għalhekk importanti li nirrevedu l-iskema tar-regoli li jippermettu li l-migranti jidħlu minn rotot legali fl-Unjoni, kemm billi nagħrfu nipproteġu l-applikanti għall-asil kif ukoll billi nagħtu l-opportunità lil dawk li jaħarbu minn kundizzjonijiet klimatiċi u ekonomiċi ħżiena biex isibu posthom fl-Ewropa u biex jagħtu kontribut fl-iżvilupp tal-Unjoni, filwaqt li niggarantixxu d-drittijiet tagħhom. Azzjoni bħal din twettaq ir-rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għal fenomenu tal-migrazzjoni “li jkun fl-interess ta’ kulħadd li jiżvolġi b’mod sikur u legali, f’forma rregolata minflok illegali” (11).

3.9.

Il-Kumitat jilqa’ l-konklużjonijiet tas-summit informali tal-kapijiet ta’ Stat u tal-Gvern f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru li għadda li fihom ġiet ittrattata t-tema tal-bini ta’ ġejjieni Ewropew iċċentrat fuq l-ekwità tax-xogħol u fuq it-tkabbir. Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-importanza tal-avveniment sekondarju “Xi rwol għall-ekonomija soċjali fil-futur tax-xogħol”, li fetaħ il-laqgħa f’Gothenburg, u jinnota l-kontribut tal-ekonomija soċjali biex ikunu appoġġjati l-politiki tal-Unjoni.

3.10.

Huwa inkoraġġanti wkoll il-ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew li fil-baġit tal-UE għall-2018 jagħraf fost il-prijoritajiet ta’ intervent “it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, it-tisħiħ tas-sigurtà u l-ittrattar tal-isfidi ppreżentati mill-migrazzjoni” (12).

3.11.

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jindirizzaw il-kwistjonijiet kritiċi li ħarġu mill-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin. Fis-16 ta’ Novembru 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tipproponi linji ta’ ħidma għar-reviżjoni ta’ dan ir-regolament, b’referenza importanti għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha fil-mekkaniżmu awtomatiku u permanenti ta’ kollokament.

4.   Nibdlu l-kwistjonijiet kritiċi f’opportunitajiet: l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali bħala mutur tal-għajnuna u tal-inklużjoni

4.1.

Wieħed mill-elementi li ma jippermettix lill-persuni li jkunu għadhom kemm waslu jsegwu rotot ta’ inklużjoni u li b’hekk jikkontribwixxu għall-ekonomija u għall-ħajja soċjali tal-komunitajiet li jistabbilixxu ruħhom fihom jista’ jiġi identifikat fl-inċertezza tal-istatus tagħhom u f’kemm irid jgħaddi żmien qabel l-eżami tal-applikazzjonijiet għal asil.

4.2.

Il-limitazzjoni tal-persuni li jkunu għadhom kemm waslu fl-ambitu tal-assistenza umanitarja tul snin sħaħ mingħajr aċċess għall-edukazzjoni, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-opportunitajiet ta’ dħul, ixxekkel l-iżvilupp tal-kapital uman tagħhom u tillimita l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu b’mod pożittiv fl-ekonomija u fis-soċjetà tal-pajjiż li jospitahom (13). F’dan il-proċess il-Kumitat dan l-aħħar enfasizza r-rwol kruċjali tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-valuri komuni, il-paċi u n-nonvjolenza (14).

4.3.

Il-Kumitat jittama li d-dibattitu jindirizza l-ħtieġa li tiġi vverifikata l-effikaċja tal-mekkaniżmi attwali li jippermettu t-tressiq tat-talbiet ta’ dħul minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex jistabbilixxu ruħhom fl-Unjoni minħabba raġunijiet ta’ xogħol.

4.4.

Bl-istess mod huwa kruċjali għall-Unjoni li tindirizza l-fenomenu migratorju sa mill-kawżi tiegħu li jikkaġunaw il-ħtieġa taċ-ċaqliq tal-persuni: il-faqar, il-konflitti, id-diskriminazzjoni u t-tibdil fil-klima. Huwa inevitabbli li azzjoni bħal din tinvolvi impenn imġedded mill-Unjoni Ewropea fl-ambitu tad-diplomazija u tal-kooperazzjoni internazzjonali għall-iżvilupp.

4.5.

Għalkemm l-użu tagħha kien pjuttost limitat, reviżjoni tas-sistema tal-Karta Blu tista’ tirrispondi wkoll għall-ħtieġa ta’ possibbiltajiet legali ġodda għad-dħul fl-Unjoni. Fil-fatt il-Kumitat fakkar li hija meħtieġa strateġija Ewropea li tattira ħaddiema mhux Ewropej biex jiġu żgurati t-tkabbir u l-prosperità tal-Unjoni. Waqt li nagħmlu dan irridu nqisu l-effetti tal-migrazzjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini tal-immigranti, biex dawn jiġu appoġġjati fl-iżvilupp ulterjuri tagħhom kif ukoll fis-sistemi edukattivi tagħhom (15). Il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat it-tkabbir tan-numru ta’ benefiċjarji potenzjali tal-Karta Blu, b’mod partikolari billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni dawk li jixtiequ jibdew attività kummerċjali, filwaqt li tkun promossa wkoll l-attenzjoni fir-rigward tal-intraprenditorija soċjali.

4.6.

F’ħafna każi, is-soċjetà ċivili mmobilizzat ruħha biex tippromovi rotot ta’ legalità u trasparenza, billi kkollaborat mal-istituzzjonijiet fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali u tat sinjali inkoraġġanti. Il-proġett “Kurituri Umanitarji” li sar fl-Italja mill-Komunità Sant’Egidio, mill-Federazzjoni tal-Knejjes Evanġeliċi fl-Italja, mit-Tavola Valdese u mill-Gvern Taljan huwa eżempju importanti ta’ azzjoni pilota. B’dan il-mod minn Frar 2016 sal-lum kien possibbli għal aktar minn 1 000 persuna li jitolbu rotta ta’ protezzjoni internazzjonali u li jirċievu assistenza fl-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet qabel ma jimbarkaw fuq vjaġġ lejn xi pajjiż tal-Unjoni (16).

4.7.

Huwa mixtieq li nħarsu lejn dawn l-azzjonijiet pilota fit-tfassil ta’ politiki futuri dwar l-immigrazzjoni. B’mod partikolari, ikun xieraq li jkun hemm koordinazzjoni akbar bejn l-istituzzjonijiet internazzjonali, minn naħa waħda biex ikun hemm ġestjoni kontinwa ta’ dawn il-forom ta’ dħul, min-naħa l-oħra sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn il-“ftit magħżula” li jistgħu jibbenefikaw mill-kurituri umanitarji bi protezzjoni wiesgħa anki għar-rotta suċċessiva tal-fażi tal-akkoljenza u l-ħafna esklużi mir-rotot li jibqgħu vittmi ta’ traffikanti u ta’ rotot ikkaratterizzati mill-illegalità.

4.8.

Ir-rwol tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huwa kruċjali għall-azzjoni tal-inklużjoni soċjali u professjonali li jista’ jkollhom, għax jimmobilizza l-potenzjal tal-persuna migranti li, fil-biċċa l-kbira tal-każi, tiddeċiedi li titlaq mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha biex tfittex kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar u opportunitajiet ta’ xogħol.

4.9.

Ir-rwol importanti tal-persuni migranti fl-Unjoni ġie rikonoxxut f’bosta każijiet, bit-tama, pereżempju, li tissaħħaħ il-kreattività u l-kapaċità innovattiva tagħhom. L-ilħiq ta’ dan l-għan iħejji t-triq għat-tkabbir tal-impjiegi, iżda fl-istess waqt iżid l-internazzjonalizzazzjoni tas-setturi produttivi u jappoġġja l-ħolqien ta’ rabtiet, anke kummerċjali, mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti (17). Għaldaqstant huwa fundamentali li tissaħħaħ il-kapaċità inklużiva tan-nisġa ekonomika u soċjali Ewropea tal-migranti, anke sabiex titjieb l-effikaċja tal-politiki Ewropej għall-SMEs, b’mod partikolari biex jiffaċċjaw swieq dejjem aktar globalizzati, kif ġie enfasizzat fl-opinjoni tal-KESE dwar is-suġġett (18).

4.10.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali f’ħafna każijiet kellhom rwol importanti f’dan ir-rikonoxximent tar-rwol ekonomiku u soċjali pożittiv tal-migranti, peress li joħolqu impjiegi ta’ kwalità kemm f’setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema kif ukoll f’oqsma ta’ innovazzjoni teknoloġika u ta’ diġitalizzazzjoni. Fost l-attivitajiet l-aktar importanti żgur insibu dawk imwettqa fil-kura personali u fl-iżgurar tal-aċċess għas-servizzi soċjali, għas-servizzi tal-kura tat-tfal u, b’mod ġenerali, għall-assistenza lil persuni dipendenti u f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. F’ħafna każijiet dawn is-setturi jkollhom l-ogħla inċidenza ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi.

4.11.

Madankollu, f’xi setturi, bħal dak tal-assistenza, fost il-ħaddiema fl-agrikoltura, fil-kostruzzjoni u fir-ristoranti, għad hemm ħafna faxex ta’ impjieg irregolari, u proprju għalhekk huwa importanti li tiġi promossa l-preżenza ta’ intrapriżi tal-ekonomija soċjali li wrew li jista’ jkollhom funzjoni inklużiva importanti u ta’ regolarizzazzjoni tal-kuntratti tax-xogħol, li jtejbu r-rwol tal-persuna migranti u jiggarantixxu d-drittijiet tal-ħaddiema f’dawn is-setturi, b’mod konsistenti mal-politiki Ewropej f’dan il-qasam u kontra l-abbuż tal-kwalifiki ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom (19).

4.12.

Fil-qasam tax-xogħol tal-kura fid-dar, fejn għandna preżenza prevalenti ta’ nisa impjegati f’xogħlijiet ta’ kura direttament mal-familji, ħafna drabi jinħolqu kundizzjonijiet li jxekklu l-iżvilupp professjonali. Studju riċenti dwar l-elementi kruċjali tal-intraprenditorija tal-migranti nisa wera li n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-ħiliet tagħhom huwa wieħed mill-fatturi li jwassal għat-twaqqif ta’ intraprenditorija awtonoma (20). L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali f’dawn is-setturi jista’ jkollhom rwol importanti fir-regolarizzazzjoni tax-xogħol u fit-tisħiħ tal-opportunitajiet għall-iżvilupp tal-persuni migranti, dejjem jekk dawn ikunu appoġġjati minn politiki pubbliċi adegwati.

4.13.

Ħafna intrapriżi tal-ekonomija soċjali li jaħdmu fl-integrazzjoni professjonali ta’ persuni żvantaġġati jaħdmu f’setturi li jagħmlu parti mill-hekk imsejħa ekonomija ċirkolari: il-ġbir u t-trattament differenzjat tal-iskart, l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ materjali, l-agrikoltura soċjali, il-manutenzjoni ta’ żoni ekoloġiċi pubbliċi. Dawn is-setturi huma qasam importanti ta’ impjieg u l-metodoloġija tal-intrapriżi tal-integrazzjoni professjonali tidher partikolarment effikaċi wkoll għall-inklużjoni professjonali tal-migranti.

4.14.

L-impjieg ta’ persuni migranti f’ħafna każijiet iwassal biex inwaqqfu u neqilbu bil-kontra proċessi ta’ esklużjoni soċjali u ta’ tfaqqir kulturali tal-Unjoni, sabiex terġa’ tingħata l-ħajja lil snajja’ tradizzjonali u lill-artiġjanat f’kuntesti ta’ diffikultajiet ta’ tiġdid minn ġenerazzjoni għall-oħra (21). Fil-fatt, ħafna intrapriżi tas-snajja’ u żgħar huma mibdija minn ċittadini migranti.

4.15.

Fil-proġetti ta’ akkoljenza għall-persuni migranti, ħafna organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali ppromovew ftehimiet mal-istituzzjonijiet ċentrali u mal-gvernijiet lokali biex jingħelbu l-problemi li ħarġu mis-sistema u biex jiġi ffaċilitat it-tqassim ta’ dawk li jkunu għadhom kemm waslu fit-territorju, bl-introduzzjoni tal-kunċett tal-“akkoljenza mifruxa” bl-għan li jiġu ffaċilitati mekkaniżmi ekwi ta’ teħid ta’ responsabbiltà fil-komunitajiet lokali (22).

4.16.

F’dawn il-proġetti, ingħatat prijorità lill-attivazzjoni ta’ proċessi ta’ inklużjoni tal-persuni migranti, billi ngħataw korsijiet tal-lingwa, rotot ta’ valutazzjoni tal-ħiliet u korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali. B’dan il-mod huwa possibbli li jiġu ffaċilitati l-mekkaniżmi ta’ rikonoxximent ta’ rotot ta’ studju jew ta’ esperjenzi professjonali preċedenti li jkunu utli biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjieg għal dawk li jkunu għadhom kemm waslu.

4.17.

Uħud minn dawn l-esperjenzi ta’ “akkoljenza mifruxa” qegħdin jikkontribwixxu għar-ripopolazzjoni ta’ territorji marġinali, speċjalment f’żoni muntanjużi fejn il-preżenza tal-migranti tikkontribwixxi għaż-żamma tal-attivitajiet ekonomiċi u tas-servizzi (qabel xejn fl-iskejjel) li jillimitaw ir-riskju tad-depopolazzjoni ta’ dawn iż-żoni. Fi kwalunkwe każ, biex ikun iggarantit is-suċċess ta’ dawn il-miżuri hu neċessarju li jkunu akkumpanjati minn politiki tal-impjieg u tad-djar.

4.18.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali f’kuntesti bħal dawn jistgħu jinsġu netwerk mad-dinja tal-intraprenditorija tradizzjonali, li jippermetti li l-migranti jidħlu fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ rotot ta’ taħriġ u ta’ apprendistat imfassla apposta (23).

4.19.

Il-mudell maħluq mill-intrapriżi kooperattivi f’dan is-sens kien ċertament dak li rċieva l-aktar attenzjoni mir-riċerka, li stħarrġet bir-reqqa r-rwol tal-kooperattivi f’konnessjoni mal-migranti. F’dawn l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-element ta’ parteċipazzjoni għandu rilevanza f’termini ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni meta l-attività ekonomika tkun qed tiġi strutturata, għax iwassal għall-formazzjoni tal-ekonomija informali u tax-xogħol bla ktieb.

4.20.

Analiżi speċifika mmexxija mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) identifikat l-oqsma li fihom l-intervent tal-kooperattivi jaffettwa b’mod pożittiv l-inklużjoni tal-migranti u tar-refuġjati: l-integrazzjoni professjonali; il-kura u l-assistenza; l-edukazzjoni u t-taħriġ; l-appoġġ għall-ħajja ta’ kuljum u għall-awtonomija; l-aċċess għas-suq; l-aċċess għall-finanzi; l-assistenza legali u l-konsulenza; l-assistenza fil-bżonnijiet primarji (24).

4.21.

Fl-ewwel u fit-tieni jum Ewropew tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, organizzati mill-Kumitat fl-2016 u fl-2017, l-istudji tal-każi speċifiċi taw attenzjoni lill-kwistjoni tal-migranti (25) billi enfasizzaw it-tnedija ta’ programmi ta’ taħriġ professjonali u ta’ inklużjoni fix-xogħol, b’mod partikolari għan-nisa migranti.

4.22.

Il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet ukoll l-importanza tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-indirizzar tal-isfida tal-migrazzjoni billi ddedikat il-Kompetizzjoni għall-Innovazzjoni Soċjali 2016 għal ideat biex jiġu milqugħa u integrati r-refuġjati (26). Il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni tkompli tagħti attenzjoni lil inizjattivi dwar il-migrazzjoni u li din issir prijorità fit-tfassil tal-politiki tal-UE.

4.23.

Minbarra r-rwol importanti li għandhom fl-integrazzjoni professjonali, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ u l-assistenza, ħafna intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma attivi wkoll fil-kuntest ta’ proġetti li jipprovdu l-aċċess għal djar għal ħafna migranti, b’mod partikolari għar-refuġjati u għall-applikanti għall-asil. Dan il-mudell tal-ġestjoni tal-proprjetà mill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali laħaq daqs ekonomiku importanti f’pajjiżi bħall-Italja b’eluf ta’ unitajiet ta’ bini li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ proġetti ta’ inklużjoni, li spiss iservu wkoll biex jiżviluppaw mill-ġdid distretti jew żoni marġinali.

4.24.

Fl-aħħar nett, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u s-soċjetà ċivili inġenerali għandhom rwol deċiżiv fl-aċċess għall-assistenza u għas-servizzi tas-saħħa, u b’hekk inaqqsu sew id-diffikultajiet ta’ aċċess għall-kura. Il-Kumitat jitlob li l-Istati Membri jiżguraw aċċess sħiħ għas-sistemi tas-saħħa u għas-servizzi soċjali lill-migranti mingħajr diskriminazzjoni minħabba l-istatus tagħhom.

5.   Kunsiderazzjonijiet ulterjuri mill-Grupp permanenti tal-KESE għall-Intrapriżi tal-ekonomija soċjali

5.1.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom tendenza u sensittività partikolari biex jintervjenu fl-oqsma tax-xogħol tal-kura, tal-ġestjoni tal-assi kulturali u ambjentali, tal-attivitajiet tal-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija ċirkolari. Dawn l-intrapriżi jistgħu jkunu alleat siewi fil-promozzjoni ta’ politiki ta’ “tranżizzjoni ekoloġika” tal-mudell tal-iżvilupp Ewropew, billi jsibu f’dawn is-setturi ta’ attività qasam importanti ta’ impjiegi ġodda.

5.2.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jappoġġjaw u jrawmu t-tendenza tal-persuni għall-intraprenditorija u jrawmu l-aċċess għall-attivitajiet ekonomiċi tal-persuni, irrispettivament minn jekk ikollhomx id-disponibbiltà ekonomika ta’ kapital inizjali li tippermettilhom jiftħu negozju. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-intrapriżi kooperattivi, u għalhekk ikun utli u importanti li fil-programmi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp imwettqa mill-Unjoni Ewropea f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ikunu introdotti programmi li jippromovu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

5.3.

Fid-dawl tal-evidenza li ssostni l-validità tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-promozzjoni tal-inklużjoni professjonali u soċjali tal-migranti, l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa biex jistabbilixxu inċentivi għall-impjieg li jkunu aċċessibbli għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali li jaħdmu fl-integrazzjoni professjonali. Dawn l-inċentivi jistgħu jkunu validi għal sentejn wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali.

5.4.

Għandu jitqies il-fatt li fis-snin li ġejjin żgur se naraw żieda fil-migranti li se jiċċaqalqu kaġun tal-effett tal-konsegwenzi kbar tat-tibdil fil-klima, li qed jikkawżaw iż-żieda fid-deżertifikazzjoni, fil-ġuħ u fid-diżastri ambjentali. Dan il-fenomenu se jġiegћlna nirrevedu d-distinzjoni artifiċjali u diskriminatorja bejn refuġjati, applikanti għall-asil u migranti ekonomiċi, tal-inqas f’każijiet fejn il-migranti jkunu qegħdin jaħarbu mill-ġuħ u minn diżastri ambjentali.

5.5.

Għal dan il-għan, fl-aħħar nett hu meħtieġ li titkompla l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u tranżizzjoni ekoloġika li jista’ jkollha ukoll impatti pożittivi fuq l-ekonomija, filwaqt li jenfasizza l-kontribut li jafu jagħtu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-promozzjoni tat-tkabbir, l-inklużjoni u l-benessri, kif ġie enfasizzat fl-opinjonijiet reċenti tal-Kumitat (27).

Brussell, it-23 ta’ Mejju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Ara wkoll ĠU C 117, 26.4.2000, p. 52 rigward ir-rwol tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

(2)  Il-kontribut tal-KESE għall-programm ta' ħidma 2018 tal-Kummissjoni, b'mod partikolari l-punt 2.4.6 u dawk suċċessivi.

(3)  Rapport dwar il-progress tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.

(4)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.

(5)  F’ħafna kuntesti dawn l-attivitajiet kienu jitwettqu fl-ambjent tal-familja kważi esklussivament min-nisa, fatt li ma jħallix lin-nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

(6)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.

(7)  https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N17/002/18/PDF/N1700218.pdf?OpenElement.

(8)  Data tal-Eurostat – f“Rapporto sulla protezione internazionale” (Rapport dwar il-protezzjoni internazzjonali), ANCI, Caritas italiana, Cittalia, Fondazione Migrantes, Servizio centrale dello SPRAR, f’kollaborazzjoni mal-UNHCR ara wkoll http://ec.europa.eu/eurostat/web/asylum-and-managed-migration/data/main-tables.

(9)  https://www.eesc.europa.eu/mt/policies/policy-areas/migration-and-asylum/opinions.

(10)  Ara nota nru 2.

(11)  Rapport tar-Rappreżentant Speċjali dwar il-Migrazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, 3 ta’ Frar 2017.

(12)  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2017/11/18/2018-eu-budget-agreement-reached/.

(13)  UNHCR 2003, Framework for durable solutions for refugees and persons of concern (Qafas għal soluzzjonijiet dejjiema għar-refuġjati u l-persuni ta’ tħassib), Mejju, Ġinevra.

(14)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 11.

(15)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 75.

(16)  http://www.santegidio.org/pageID/11676/Corridoi-umanitari.html.

(17)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 16.

(18)  ĠU C 345, 13.10.2017, p. 15.

(19)  Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ xogħol mhux iddikjarat, COM (2014) 221 final; ĠU C 161, 6.6.2013, p. 14; ĠU C 125, 21.4.2017, p. 1.

(20)  Corsi, M., De Angelis, M., Frigeri, D., working paper, The determinants of entrepreneurship for migrants in Italy. Do Italian migrants become entrepreneurs by “opportunity” or through “necessity”? (Il-fatturi determinati tal-intraprenditorija għall-migranti fl-Italja. Il-migranti Taljani jsiru migranti b’“opportunità” jew b’“neċessità”?) Ara wkoll ILO Cooperatives and the world of work n.2 “Cooperating out of isolation: domestic workers’ cooperatives” (Nikkoperaw biex noħorġu mill-iżolament: kooperattivi tal-ħaddiema domestiċi).

(21)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 16.

(22)  http://www.interno.gov.it/it/notizie/carta-buona-accoglienza-nuovo-modello-integrazione.

(23)  Elaborazzjonijiet interni, Consorzio “Veneto Insieme”. Għal aktar informazzjoni http://venetoinsieme.it/.

(24)  Literature review“Cooperatives and Refugees”, ILO 2016 (mhux ippubblikat).

(25)  B’mod partikolari l-proġett Okus Doma fl-edizzjoni 2016 u l-proġett Solidarity Salt fl-2017 (ara wkoll https://www.eesc.europa.eu/mt/agenda/our-events/events/2nd-european-day-social-economy-enterprises).

(26)  http://ec.europa.eu/growth/content/4-social-innovators-win-%E2%82%AC200000-2016-european-social-innovation-competition-0_mt ara wkoll: http://eusic-2016.challenges.org/how-is-europe-supporting-the-integration-of-refugees-and-migrants/.

(27)  Opinjoni dwar Il-promozzjoni tal-azzjoni dwar il-klima minn atturi mhux statali, ĠU C 227, 28.6.2018, p. 35U u l-Opinjoni dwar Mudelli ekonomiċi sostenibbli ġodda, ĠU C 81, 2.3.2018, p. 57.


Top