EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE1106

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-potenzjal ta’ negozji żgħar tal-familja u tradizzjonali sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku fir-reġjuni” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 81, 2.3.2018, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-potenzjal ta’ negozji żgħar tal-familja u tradizzjonali sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku fir-reġjuni”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 081/01)

Relatur:

Dimitris DIMITRIADIS

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

26.1.2017

Bażi legali

L-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2017

Adottata fil-plenarja

18.10.2017

Sessjoni plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

199/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

F’għadd ta’ opinjonijiet, il-KESE esprima b’mod konsistenti l-attitudni pożittiva tiegħu lejn il-politiki tal-UE li l-għan tagħhom huwa li jappoġġjaw intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) (1). Madankollu, l-SMEs huma kategorija estremament eteroġena, jiġifieri jenħtieġ sforz speċjali sabiex is-sottogruppi differenti u b’mod partikolari n-negozji żgħar tal-familja u tradizzjonali (SFTBs) jiġu mmirati kif xieraq.

1.2.

Dan is-sottogrupp huwa importanti minħabba l-fatt li l-maġġoranza vasta tal-impjiegi fir-reġjuni tal-UE huma pprovduti minn dan it-tip ta’ negozju. Filwaqt li jafferma mill-ġdid il-konklużjonijiet preċedenti tiegħu u jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (2), l-għan tal-KESE huwa li jeżamina aktar bir-reqqa l-isfidi li l-SFTBs qegħdin jiffaċċjaw, filwaqt li jipprovdi analiżi dwarhom. Dan bl-għan li jkollu opportunità jinfluwenza t-tfassil tal-politika b’mod kostruttiv fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali.

1.3.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea (KE) tikkunsidra modi kif jiġu appoġġjati u promossi l-SFTBs, peress li dawn in-negozji huma element ewlieni fil-ħolqien ta’ attivitajiet ġodda u l-ġenerazzjoni ta’ dħul f’żoni b’riżorsi limitati. Huma qed iżidu l-valur fil-proċess ta’ żvilupp reġjonali, b’mod partikolari f’reġjuni anqas żviluppati, peress li għandhom għeruq fondi fl-ekonomija lokali, fejn jinvestu u jżommu l-impjiegi.

1.4.

Il-Kumitat jemmen li hemm potenzjal kbir ta’ żvilupp f’ħafna reġjuni li għadhom lura u li dan il-potenzjal li mhuwiex sfruttat biżżejjed jista’ jiġi realizzat permezz ta’ SFTBs lokali. Din l-isfida għandha tikkonċerna mhux biss lill-Kummissjoni Ewropea iżda wkoll lil atturi oħra li għandhom ikunu involuti b’mod intensiv, inklużi l-gvernijiet lokali u intermedjarji lokali bħall-organizzazzjonijiet tan-negozju u l-istituzzjonijiet finanzjarji.

1.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tqis il-fatt li l-SFTBs intlaqtu ħażin mill-iżviluppi u x-xejriet industrijali u ekonomiċi riċenti. Dawn qegħdin jitilfu l-kompetittività u qegħdin jiffaċċjaw żieda fid-diffikultajiet biex iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom.

1.6.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-istrumenti tal-politika ta’ appoġġ ma jiffukawx fuq l-SFTBs u x’aktarx dawn mhumiex se jibbenefikaw minnhom b’mod sinifikanti. B’mod ġenerali, l-appoġġ għall-SMEs huwa mmirat lejn iż-żieda fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-SMEs u n-negozji ġodda. Mingħajr ma jixħet dubju fuq l-importanza ta’ dawn il-politiki inkwistjoni, il-KESE jixtieq jenfasizza li frazzjoni żgħira ħafna tal-SMEs kollha se tibbenefika minnhom u li tipikament, l-SFTBs mhumiex fosthom. Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-KE biex tirrevedi d-definizzjoni ta’ SME, li nbdiet mid-DĠ GROW u ġiet proviżorjament skedata għall-bidu tal-2019 (3).

1.6.1.

Id-definizzjoni attwali ta’ SME diġà hija skaduta, u għal din ir-raġuni l-Kumitat jemmen li r-reviżjoni ppjanata tista’ tkun utli biex tipprovdi fehim aktar adegwat tan-natura tal-SMEs u fit-tfassil ta’ politiki aħjar għalihom. Il-KESE jistieden lill-KE tinkludi valutazzjoni ta’ kif tiġi applikata d-definizzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika tal-SMEs fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak reġjonali fil-proċess ta’ konsultazzjoni, b’enfasi partikolari fuq l-SFTBs.

1.6.2.

Il-KESE jemmen li bħala minimu, ir-reviżjoni tad-definizzjoni għandha:

tikkanċella l-“kriterju tal-għadd tal-persunal” (4) bħala l-kriterju ewlieni u tipprovdi lill-SMEs bil-flessibilità li jagħżlu liema żewġ kriterji minn tlieta għandhom jissodisfaw, permezz tal-aktar approċċ aġġornat stabbilit fid-Direttiva 2013/34/UE (5);

twettaq analiżi bir-reqqa tal-livelli limiti stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Rakkomandazzjoni u taġġornahom kull meta dan ikun meħtieġ, anke billi tikkonverġihom ma’ dawk stabbiliti fid-Direttiva 2013/34/UE;

tivvaluta mill-ġdid u tirrevedi r-restrizzjonijiet fl-Artikolu 3 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni.

1.7.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-SFTBs jiġu rikonoxxuti bħala sottogrupp speċifiku peress li huma tipikament isofru l-aktar minn fallimenti tas-suq. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda t-tfassil ta’ politiki ta’ appoġġ imfassla apposta għalihom. Sabiex jiġu indirizzati l-problemi l-aktar urġenti, tali politiki għandhom mill-inqas ikunu mmirati biex:

jassistu biex jattiraw u jħarrġu l-forza tax-xogħol;

iħarrġu u jħarrġu mill-ġdid lill-maniġers/lis-sidien;

jipprovdu aċċess għal servizzi ta’ għoti ta’ parir u ta’ konsulenza;

itejbu l-aċċess għall-finanzjament;

jiżguraw aktar informazzjoni u taħriġ aħjar għall-persunal fl-assoċjazzjonijiet lokali tal-impjegaturi u fl-uffiċċji tal-banek lokali;

jipprovdu servizzi b’punt ta’ kuntatt waħdieni;

jirrevedu piżijiet amministrattivi lokali u dawk tal-UE;

jiżguraw aċċess għal aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar rekwiżiti regolatorji, ambjenti tan-negozji lokali u opportunitajiet tas-suq.

2.   Negozji żgħar tal-familja u tradizzjonali – kuntest u importanza

2.1.

Attwalment, għadd ta’ żviluppi u xejriet industrijali ta’ rilevanza attwali, fosthom id-diġitalizzazzjoni, l-Industrija 4.0, il-mudelli kummerċjali li jinbidlu b’rata mgħaġġla, il-globalizzazzjoni, l-ekonomija kollaborattiva u sorsi aktar innovattivi ta’ vantaġġi kompetittivi, jinsabu fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika tal-UE. Fl-istess ħin, għandu jiġi rikonoxxut li l-persuni għandhom ikunu kapaċi jgħixu fi kwalunkwe post fl-UE, anke f’bosta reġjuni li x’aktarx l-Industrija 4.0 mhux se tilħaq b’mod faċli.

2.2.

Mingħajr ma titnaqqas l-importanza ta’ dawn ix-xejriet ġodda u filwaqt li jiġu appoġġati l-isforzi politiċi bil-għan li jippromovuhom, jinħtieġ li jitfakkar li, attwalment, il-maġġoranza vasta tal-impjiegi fir-reġjuni tal-UE huma pprovduti minn SMEs tradizzjonali ħafna (6) u min-negozji żgħar tal-familja (7), li l-maġġoranza tagħhom għandhom storja twila kif ukoll it-tradizzjonijiet proprji tagħhom, esperjenzi u bosta stejjer ta’ suċċess mill-passat. Tipikament, dan il-grupp ta’ negozji jinkludi s-sottogruppi li ġejjin:

Intrapriżi żgħar, mikro u monointrapriżi;

SMEs tradizzjonali ħafna, li joperaw f’oqsma ddeterminati storikament u tradizzjonalment;

SMEs f’żoni remoti, bħalma huma bliet żgħar, irħula, reġjuni muntanjużi, gżejjer, eċċ.;

Kumpaniji żgħar tal-familja;

Kumpaniji artiġjanali;

Persuni li jaħdmu għal rashom.

2.3.

Kif iddikjarat qabel mill-KESE, l-SFTBs huma s-sinsla ta’ bosta ekonomiji madwar id-dinja u qed jikbru b’rata impressjonanti. Dawn għandhom rwol importanti fl-iżvilupp reġjonali u lokali u għandhom rwol distintiv u kostruttiv fil-komunitajiet lokali. In-negozji tal-familja huma kapaċi jirreżistu aħjar il-perjodi diffiċli ta’ reċessjoni u staġnar. Dawn l-intrapriżi għandhom karatteristiċi uniċi ta’ tmexxija peress li s-sidien tagħhom tassew jimpurtahom mill-prospetti fit-tul tan-negozju, l-aktar minħabba l-fatt li l-patrimonju, ir-reputazzjoni u l-futur tal-familja tagħhom ikunu f’riskju. Tipikament, it-tmexxija tagħhom hija evidenti mill-impenn mhux tas-soltu għall-kontinwità tal-kumpanija u tinvolvi trawwim aktar tenaċi tal-komunità tal-impjegati tagħhom u t-tfittxija għal rabtiet eqreb mal-klijenti biex isostnu n-negozju. Preċedentement, il-KESE stieden lill-KE biex timplimenta strateġija attiva biex tippromovi l-aħjar prattiki fin-negozji tal-familja fost l-Istati Membri (8).

2.4.

Fis-snin riċenti, bosta SFTBs iffaċċjaw żieda fid-diffikultajiet biex iwettqu l-operazzjonijiet tagħhom, minħabba li:

mhumiex mgħammra tajjeb sabiex jantiċipaw u jadattaw għal ambjent tan-negozju li jinbidel b’rata mgħaġġla;

il-mudelli tradizzjonali tagħhom tat-twettiq tan-negozju ma għadhomx daqshekk kompetittivi daqskemm kienu minħabba bidliet fil-mudelli tan-negozju – jiġifieri d-diġitalizzazzjoni, modi aktar effettivi ta’ kif wieħed imexxi negozju, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda;

dawn għandhom aċċess limitat għar-riżorsi – pereżempju kapital finanzjarju, ta’ informazzjoni u uman, u potenzjal tal-espansjoni tas-suq, eċċ.;

jiffaċċjaw limitazzjonijiet organizzattivi, bħal nuqqas ta’ żmien, kwalità u sjieda u ġestjoni orjentati lejn il-futur, u inerzja lejn bidla fl-imġiba;

ftit li xejn jistgħu jsawru l-ambjent estern u għandhom inqas setgħa ta’ negozjar, iżda huma aktar dipendenti minnha (9).

2.5.

Hemm biss ftit inqas minn 23 miljun SMEs fl-UE, b’sehem ogħla ta’ SMEs bħala proporzjon tal-għadd totali ta’ intrapriżi fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-UE (10). L-SMEs mhux biss jirrappreżentaw 99,8 % tal-għadd totali tal-intrapriżi fis-settur tan-negozju mhux finanzjarju tal-UE (11), iżda dawn jimpjegaw ukoll kważi 67 % tal-għadd totali tal-impjegati u jiġġeneraw kważi 58 % tal-valur miżjud totali fis-settur tan-negozju mhux finanzjarju (12). L-intrapriżi mikro, inklużi l-kumpaniji ta’ persuna waħda, huma bil-bosta l-aktar irrappreżentati b’mod wiesa’ f’termini ta’ għadd ta’ kumpaniji.

3.   Linji tal-politika u prijoritajiet fil-livell tal-UE

3.1.

Regola komuni tirrigwarda s-semplifikazzjoni tal-appoġġ għall-SMEs sabiex jiżdiedu r-riċerka u l-innovazzjoni fl-SMEs u fl-iżvilupp tal-SMEs (13). Filwaqt li l-kapaċità tal-SMEs għall-innovazzjoni u biex isiru globali huma rikonoxxuti bħala l-aktar żewġ xpruniimportanti għat-tkabbir, ġeneralment l-SMEs juru dgħufijiet fir-rigward tat-tnejn li huma (14). Nofs it-tipoloġiji identifikati tal-istrumenti matul l-aħħar perjodu ta’ finanzjament isegwu għanijiet kważi b’mod esklusżv f’termini ta’ innovazzjoni. Dawn huma strumenti li jappoġġjaw l-innovazzjoni teknoloġika u dik mhux teknoloġika, l-ekoinnovazzjoni, il-ħolqien ta’ kumpaniji innovattivi, l-appoġġ għall-proġetti R&Ż, it-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija.

3.2.

Matul il-perjodu 2007-2013 (15), l-appoġġ tal-FEŻR għall-SMEs ammonta għal madwar EUR 47,5 biljun (76,5 % għall-appoġġ tan-negozji u 16 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR għall-perjodu). Barra minn hekk, ġew identifikati madwar 246 000 SME benefiċjarji minn 18,5 miljun intrapriża. Il-paragun bejn l-għadd tal-benefiċjarji u l-għadd totali ta’ intrapriżi jindika b’mod ċar li dan l-ammont huwa kompletament insuffiċjenti u juri li l-UE naqset milli tappoġġja din il-kategorija ferm importanti ta’ intrapriżi. Il-KE ma tindirizzax din il-kwistjoni importanti minħabba nuqqas ta’ riżorsi u d-diversità kbira fil-karatteristiċi ta’ dawn il-kumpaniji.

3.3.

Matul l-istess perjodu, ġie applikat għadd relattivament kbir ta’ strumenti ta’ politika bi grad għoli ta’ varjabilità, li jvarja minn benefiċjarju wieħed sa 8 000-9 000 benefiċjarju. Il-ħolqien ta’ strumenti li jkunu applikabbli għal għadd ferm żgħir ta’ benefiċjarji huwa b’mod ċar ineffiċjenti. Dan iqajjem dubju dwar jekk huwiex siewi li jitfassal għadd daqshekk kbir ta’ strumenti. Barra minn hekk, għandhom jiġu analizzati l-effettività u l-effiċjenza tagħhom, billi jitqiesu r-riżorsi umani u finanzjarji involuti fid-disinn tagħhom meta mqabbel mal-effetti prodotti (jekk ikun hemm). Fl-istess ħin, studji tal-każijiet enfasizzaw proċess ta’ awtoselezzjoni jew “immirar dgħajjef”, li fihom sett speċifiku ta’ benefiċjarji (ġeneralment ikkaratterizzat minn kapaċità akbar ta’ assorbiment) kien immirat permezz tat-tfassil proprju ta’ strument ta’ politika partikolari.

3.4.

Reviżjoni komprensiva (16) ta’ total ta’ 670 strument ta’ politika fil-50 Programm Operazzjonali (PO) implimentati matul il-perjodu ta’ programmazzjoni tiżvela li d-distribuzzjoni bejn politiki differenti hija pjuttost inekwa. Din turi li inqas minn 30 % tal-istrumenti ta’ politika kollha kienu mmirati lejn il-ħtiġijiet tan-negozji tradizzjonali. Il-KESE diġà esprima l-appoġġ tiegħu għal kumpaniji innovattivi u b’rata għolja ta’ tkabbir (17). Iżda fl-istess waqt jiddispjaċih li l-istrumenti ta’ politika huma mmirati b’mod predominanti u sproporzjonat lejn l-għanijiet tal-innovazzjoni tal-SMEs, peress li l-maġġoranza kbira tal-SMEs tal-UE ma għandhom – u mhux se jkollhom fil-futur qarib – l-ebda potenzjal innovattiv u n-negozju prinċipali tagħhom ma jeħtiġx li jkollu potenzjal innovattiv. Huwa minnu li l-prodotti innovattivi jistgħu jiġu żviluppati bi spejjeż estremament baxxi u jista’ jkollhom potenzjal għoli ta’ tkabbir, iżda dan it-tip ta’ tkabbir huwa b’mod ċar l-eċċezzjoni u mhux in-norma għal negozji tradizzjonali u tal-familja, li jaħdmu b’filosofija totalment differenti. Xi innovazzjoni hija possibbli u rakkomandata, u l-ġenerazzjonijiet il-ġodda qed jibdew jinnovaw għaliex għadhom moħħhom miftuħ. Iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-innovazzjoni hija biss frammentata u mhix parti min-negozju ewlieni ta’ dawn il-kumpaniji (18).

3.5.

L-SFTBs mhumiex fl-attenzjoni ċentrali tal-istrumenti ta’ politika ta’ appoġġ, kif jidher mill-fatt li minoranza ta’ strumenti ta’ politika (7 % biss tal-kontribut pubbliku totali) huma mmirati lejn SMEs li joperaw f’setturi partikolari, li l-aktar komuni minnhom huwa t-turiżmu. Dan jidher ukoll mill-fatt li madwar 54 % tal-SMEs benefiċjarji huma mis-setturi tal-manifattura u tal-ICT (10 %), b’16 % biss mis-setturi tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-kummerċ bl-imnut u 6 % fl-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, li huma kkunsidrati bħala setturi tradizzjonali. Dan huwa aggravat mill-fatt li matul l-aħħar perjodu ta’ programmazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs tfassal fid-dawl tal-kriżi ekonomika serja, filwaqt li tqieset il-ħtieġa li r-riżorsi jiġu trasferiti ’l bogħod mill-innovazzjoni lejn tkabbir aktar ġeneriku.

3.6.

Fl-istess ħin, id-data turi li għall-ħames snin wara l-bidu tal-kriżi fl-2008, l-għadd ta’ SMEs żdied, filwaqt li l-valur miżjud u l-għadd ta’ impjegati naqsu (19). Tali statistika tissuġġerixxi li matul dan il-perjodu l-“intraprenditorija ta’ neċessità” ħadet preċedenza fuq “intraprenditorja ta’ opporunità”. Ovvjament, il-persuni bdew jippruvaw jissuperaw il-kriżi u l-kumpaniji bdew jippruvaw jissopravvivu, iżda l-appoġġ ma kienx biżżejjed jew adegwat (20).

3.7.

Bosta studji riċenti pprovdew evidenza ċara li hemm differenzi sinifikanti bejn il-ħtiġijiet tal-SMEs fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa, b’differenzi sinifikanti fil-livell nazzjonali. Din il-fehma hija appoġġjata għalkollox fir-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej 2014/2015 tal-Kummissjoni Ewropea, li skontu l-grupp ta’ pajjiżi bl-aktar punti baxxi huma prinċipalment min-Nofsinhar tal-Ewropa. Dawn il-pajjiżi jirrapportaw rati ta’ suċċess estremament baxxi għall-proġetti, inkluż fil-komponent tal-SMEs tal-Orizzont 2020.

3.8.

Sfida serja addizzjonali għall-għoti ta’ appoġġ effettiv għall-SFTBs hija l-fatt li l-politiki ta’ promozzjoni huma fformulati l-aktar abbażi tad-daqs tal-kumpaniji li għandhom jiġu appoġġjati u mhux fuq karatteristiċi aktar rilevanti li għandhom impatt akbar fuq l-attivitajiet tagħhom. Dan l-approċċ jista’ jkun skadut u mmirat b’mod wisq ġenerali u dan jonqos milli jikkunsidra l-ħtiġijiet differenti ta’ gruppi differenti bħall-SFTBs. Għalhekk, fl-opinjonijiet tiegħu, il-KESE kontinwament enfasizza l-bżonn ta’ politiki ta’ promozzjoni tal-SMEs fl-Ewropa li jkunu mmirati aħjar u definiti b’mod aktar preċiż, kif ukoll il-bżonn li d-definizzjoni tal-SMEs tiġi aġġornata sabiex tirrifletti aħjar il-varjetà ta’ SMEs (21).

3.9.

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li s’issa parti żgħira biss mill-appoġġ tal-FEŻR iġġenerat effetti ddokumentati (22) u b’hekk intwera li dan għandu effett reali fuq l-ekonomija. Dan jixħet dubju fuq l-impatt reali tal-fondi investiti sabiex jiġu appoġġjati l-SMEs u l-KESE jinsisti li għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt reali, inkluża analiżi tal-appoġġ mogħti lill-SFTBs.

3.10.

Il-FEŻR mhuwiex l-unika sors ta’ appoġġ għall-SFTBs. Sorsi oħra bħall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (23), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (24) jew il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) (25), li jistgħu jintużaw b’mod separat jew permezz ta’ Strumenti Territorjali (Żvilupp Lokali Mmmexxi mill-Komunità (CCLD) u Investimenti Territorjali Integrati), jipprovdu wkoll appoġġ għall-SMEs. Iżda dawn mhumiex immirati lejn l-SFTBs, u parti żgħira ħafna ta’ finanzjament tingħata lil dawn l-intrapriżi. Skont ir-rappreżentanti tal-SFTBs, il-bżonnijiet tagħhom mhumiex mifhuma sew jew sodisfatti b’mod xieraq.

3.10.1.

Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li meta jitfasslu l-istrumenti ta’ appoġġ ta’ politika, dawk li jfasslu l-politika u l-amministrazzjonijiet fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali huma stretti wisq f’ċerti modi u naqsu milli jikkunsidraw l-opinjonijiet tal-imsieħba kummerċjali u soċjali, bil-għan li jifhmu l-ħtiġijiet reali ta’ kumpaniji żgħar u ta’ dawk żgħar ħafna.

3.10.2.

Ovvjament, it-tort ma għandux jingħata biss lill-amministrazzjoni, iżda wkoll lill-organizzazzjonijiet intermedjarji talli naqsu milli jikkomunikaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet reali tal-SMEs. Eżempju tajjeb ta’ dan huwa li l-SMEs jidhru li juru preferenza ċara għall-għoti lill-intrapriżi, b’kuntrast mal-enfasi li dejjem tikber fid-dibattitu tal-politika fuq il-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma, l-appoġġ li jista’ jitħallas lura u l-appoġġ indirett

3.10.3.

Is-sħubiji bejn l-intrapriżi u ċ-ċentri tar-riċerka u r-rikors għal atturi intermedjarji biex jipprovdu għajnuna lill-SMEs jidhru wkoll li huma inqas żviluppati minn dak li kien antiċipat, minkejja l-fatt li dawn is-suġġetti jattiraw attenzjoni kbira. Huwa argumentat li din id-diskrepanza tista’ tiġi spjegata parzjalment mill-kriżi, iżda matul reċessjoni ekonomika, dawk li jfasslu l-politika setgħu għażlu strumenti ta’ politika aktar “tradizzjonali” biex isostnu l-ekonomiji lokali fi żmien kritiku.

3.10.4.

Il-possibilità li jintużaw strumenti finanzjarji varji speċifiċi, hija prattikament impossibbli għall-SFTBs minħabba d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħhom u n-nuqqas ta’ esperjenza u għarfien.

4.   L-eteroġeneità tal-SMEs teħtieġ li tiġi indirizzata

4.1.

Tipikament, l-intrapriżi żgħar għandhom esportazzjonijiet aktar baxxi bħala perċentwal tal-fatturat, meta mqabbla ma’ intrapriżi ta’ daqs medju u dawk kbar, u dan il-fatt jissuġġerixxi relazzjoni bejn id-daqs tad-ditta u l-kapaċitajiet tal-esportazzjonijiet.

4.2.

L-aċċess għall-finanzjament huwa problema serja għall-SMEs u l-istart-ups. F’rapport ta’ informazzjoni, il-KESE ġibed l-attenzjoni għall-fatt li provvista inadegwata ilha tillimita l-attivitajiet tal-SMEs sa mill-2008 (26). Filwaqt li reċentement is-sitwazzjoni tjiebet, aktar ma kienet żgħira d-ditta aktar kien kajman il-progress, u dan il-fatt jissuġġerixxi għal darb’oħra l-influwenza tad-daqs biex jiddetermina l-bżonnijiet u l-prestazzjoni tad-ditti. Barra minn hekk, l-SMEs jibbażaw prinċipalment fuq is-self mill-banek għall-finanzjament tagħhom, iżda s-sistema bankarja mhijiex imfassla b’mod adegwat għall-SMEs, partikolarment l-SFTBs.

4.3.

Reċentement, l-appoġġ finanzjarju ffoka prinċipalment fuq negozji ġodda – li jirrappreżentaw porzjon żgħir ħafna tal-SMEs fl-UE – iżda għadhom ma ġewx indirizzati b’mod adegwat la l-bżonn urġenti biex in-negozji li qegħdin jespandu jiġu ffinanzjati mill-kapital u lanqas il-bżonn li l-maġġoranza vasta tal-intrapriżi tradizzjonali sempliċiment jiffinanzjaw l-operazzjonijiet regolari tagħhom, li sofrew mill-kriżi reċenti. Hemm rapporti ta’ fallimenti bankarji, li jqiegħdu lil xi intrapriżi żgħar f’pożizzjoni li ma jibqgħux fin-negozju minħabba problemi sempliċi ta’ fluss ta’ flus.

4.4.

Diffikultà serja oħra li l-SMEs jesperjenzaw – b’kuntrast ma’ kumpaniji kbar – hija marbuta mal-aċċess għall-informazzjoni u s-swieq ġodda. Dawn isibuha aktar diffiċli wkoll biex jimpjegaw u jżommu forza tax-xogħol speċjalizzata ħafna u biex jikkonformaw maż-żieda fir-rekwiżti regolatorji u burokratiċi. Din is-sitwazzjoni ta’ żvantaġġ hija aggravata saħansitra aktar għall-SMEs f’reġjuni tal-UE inqas żviluppati, li jiffaċċjaw nuqqas ta’ opportunitajiet biex jikkooperaw ma’ ditti akbar bħala parti mill-katina ta’ valur tagħhom, inqas opportunitajiet biex ikunu parti minn raggruppamenti kompetittivi, tnaqqis fil-provvediment ta’ beni pubbliċi, aċċess għal inqas faċilitajiet u istituzzjonijiet ta’ appoġġ u ħafna drabi tnaqqis fil-popolazzjoni tal-klijenti. Dawn il-fatturi kollha jistgħu jirriżultaw ukoll fi spejjeż akbar biex idaħħlu l-oġġetti tagħhom fis-suq.

4.5.

Għalhekk, għall-SMEs tradizzjonali u dawk li jinsabu f’żoni tal-UE inqas żviluppati, mhumiex l-istrumenti ta’ politika li jiffukaw fuq il-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-aċċess għal swieq ġodda, l-internalizzazzjoni, l-aċċess għal swieq kapitali, eċċ li huma ta’ importanza fundamentali, iżda pjuttost dawk li jgħinu lill-SMEs itejbu u joperaw aħjar l-operazzjonijiet ċentrali tagħhom, bħal dawk li jiffaċilitaw aċċess aħjar għall-finanzjament komuni mill-banek, l-informazzjoni, il-forza tax-xogħol speċjalizzata u l-opportunitajiet ta’ negozju immedjati (titjib fil-kummerċ ta’ kuljum). Barra minn hekk, għal dawn in-negozji, li jibdew jibdlu l-imġiba ma jagħmilx sens fuq perjodu ta’ żmien qasir, minħabba li l-ewwel jinħtieġ li jinbidel il-kuntest globali li fih dawn joperaw.

4.6.

Filwaqt li f’ċerti pajjiżi, l-inkubaturi tan-negozji jaħdmu mingħajr xkiel, f’oħrajn, l-effetti pożittivi tagħhom huma pjuttost limitati. Il-fattur ewlieni ta’ suċċess huwa kultura ta’ kondiviżjoni ta’ riżorsi organizzattivi u netwerks ta’ appoġġ, li fil-prinċipju mhumiex żviluppati sew fir-reġjuni tal-UE inqas żviluppati.

4.7.

Iż-żieda fl-importanza tal-produzzjoni ta’ kontenut ta’ għarfien bħala vantaġġ kompetittiv tkompli ttejjeb l-eteroġeneità tal-SMEs, filwaqt li jkun hemm diskriminazzjoni bejn SMEs bi tkabbir għoli u SMEs oħra li għandhom l-iżvilupp tagħhom imfixkel minn ostakli tradizzjonalment marbuta mad-daqs żgħir tagħhom, mal-post u mal-bażi tal-klijenti tagħhom.

4.8.

Il-KESE jistieden lill-KE tapprova l-approċċ “Aħseb l-ewwel fiż-Żgħir” u tagħti attenzjoni speċjali lill-SFTBs meta jitfasslu l-istrumenti ta’ politika.

4.9.

Kien hemm ħafna reġjuni li kienu għadhom lura fl-Ewropa 30 jew 40 sena ilu, reġjuni li kienu ġeografikament jew funzjonalment imbegħdin mill-muturi tat-tkabbir ekonomiku. Xi wħud minn dawn issa huma għonja minħabba gvernijiet lokali mhux korrotti, miftuħa u responsabbli, minħabba l-ħidma effiċjenti tal-organizzazzjonijiet tan-negozju u t-twaqqif ta’ netwerks tan-negozju lokali li jaħdmu tajjeb.

5.   Sfidi u modi sabiex jiġu indirizzati, bl-għan li jiġi promoss aħjar l-iżvilupp ta’ negozji żgħar tal-familja u tradizzjonali

5.1.

L-aċċess għall-finanzjament huwa problema magħrufa. Meta mqabbla ma’ ditti akbar, l-SFTBs juru varjabbiltà akbar fil-profittabbiltà, is-sopravvivenza u t-tkabbir – li tirrappreżenta l-problema partikolari li jiffaċċjaw fir-rigward tal-finanzjament. Ġeneralment, l-SMEs għandhom it-tendenza li jiġu kkonfrontati b’rati tal-imgħax ogħla, kif ukoll razzjonar tal-kreditu minħabba nuqqas ta’ kollateral. Id-diffikultajiet fil-finanzjament ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn dawk il-kumpaniji li jikbru b’mod kajman u dawk li jikbru b’rata mgħaġġla.

5.2.

L-espansjoni fil-fondi ta’ riskju, is-swieq azzjonarji privati – inklużi swieq informali u investituri informali – il-finanzjament kollettiv u b’mod ġenerali l-iżvilupp tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tejbu l-aċċess għall-kapital ta’ riskju għal kategoriji partikolari ta’ SMEs, iżda x’aktarx l-SFTBs mhux se jkunu jistgħu jibbenefikaw ħafna minn dawn l-iżviluppi u ser jibqgħu jiddependu ħafna fuq self tradizzjonali mill-bank. Anke għall-kumpaniji innovattivi, in-negozji ġodda u l-kumpaniji ta’ daqs medju, dawn l-istrumenti mhux dejjem jistgħu jużawhom faċilment u għad hemm differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi minħabba l-livell ta’ żvilupp tas-swieq kapitali lokali u n-nuqqas ta’ leġislazzjoni xierqa.

5.3.

Il-politika tal-UE li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament billi tipprovdi l-garanziji hija pass milqugħ tajjeb. Madankollu, l-iskema magħżula tidher li toħloq distorsjonijiet fuq is-suq tal-garanziji u, fl-aħħar mill-aħħar, konsegwenzi mhux intenzjonati fuq l-attività tal-istituzzjonijiet li jagħtu garanziji. Hija disponibbli evidenza empirika (Spanja hija studju tal-każ) li tindika li l-banek kummerċjali jissuġġerixxu b’mod espliċitu li l-mutwatarji eżistenti tagħhom jitolbu garanzija – tinħareġ direttament lilhom mill-UE fil-forma ta’ garanzija diretta – sabiex b’hekk il-bank ikun jista’ jkopri r-riskji attwali permezz tal-garanzija mingħajr il-ħtieġa li jżidu l-klassi tar-riskju tagħhom. “SMEs żvantaġġjati” (jiġifieri dawk li qegħdin jikkumbattu biex jiksbu l-kreditu) qegħdin jitħallew barra. Użu akbar ta’ flus pubbliċi, li jitwasslu permezz ta’ kontrogaranziji, se jżid l-effiċjenza fl-użu tal-flus pubbliċi u se jiġġenera effett ta’ lieva akbar fuq is-suq u fuq l-ekonomija usa’.

5.4.

Il-piżijiet regolatorji Ewropej u lokali jibqgħu ostaklu ewlieni għall-SFTBs, li għandhom tendenza li ma jkunux mgħammra tajjeb biex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw mir-regolamentazzjoni eċċessiva. Dan jeħtieġ li l-aċċess għall-informazzjoni dwar ir-regolamenti jsir faċilment disponibbli għalihom u jkun hemm provvediment aħjar ta’ informazzjoni dwar standards tekniċi u ambjentali. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ konformità ma jkunux jiswew ħafna, kumplessi jew twal mingħajr bżonn. Barra minn hekk, għandu jkun hemm skrutinju sistematiku u bir-reqqa tar-regolamenti l-ġodda u tal-implimentazzjoni tagħhom mill-assoċjazzjonijiet lokali tan-negozju rilevanti.

5.5.

Huwa meħtieġ aċċess għal informazzjoni aħjar, u mhux biss fir-rigward ta’ rekwiżiti regolatorji. L-informazzjoni dwar l-ambjent kummerċjali lokali u dwar l-opportunitajiet tas-suq fil-livell reġjonali hija ta’ importanza fundamentali għan-negozji tradizzjonali u tal-familja. It-teknoloġiji moderni għandhom potenzjal kbir li jnaqqsu d-diskrepanza tal-informazzjoni jekk dawn jitfasslu b’mod faċli għall-utent. It-twaqqif ta’ one-stop shop ikun ta’ għajnuna kbira, fejn l-informazzjoni kollha meħtieġa li taffettwa l-istrateġiji u d-deċiżjonijiet tad-ditta ssir disponibbli f’post wieħed, kif diġà jeżisti f’ċerti pajjiżi. Miżuri li jħeġġu n-netwerks tal-informazzjoni jridu jfittxu li jadattaw il-bażijiet tad-data u jevitaw informazzjoni eċċessiva.

5.6.

Miżuri reċenti li jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq kienu ffukati primarjament fuq is-swieq internazzjonali. Il-politika f’dan il-qasam tfittex li tindirizza l-iżvantaġġi esperjenzati mill-SMEs minħabba li ma għandhomx aċċess għal riżorsi umani, għal swieq esterni u għat-teknoloġija. Iżda, kif diskuss hawn fuq, għall-intrapriżi żgħar tradizzjonali u l-intrapriżi tal-familja ħafna drabi dan ftit li xejn ikun rilevanti. Għalhekk, l-isforzi għandhom ikunu mmirati lejn koordinazzjoni aħjar bejn l-organizzaturi tal-missjonijiet kummerċjali fil-livell reġjonali u lejn l-għoti ta’ għajnuna aħjar biex jinstabu msieħba tan-negozju affidabbli. Possibilità oħra fl-istess qasam hija li jissaħħu l-isforzi sabiex jiżdied is-“sehem” li d-ditti żgħar jiksbu mill-kuntratti tal-gvern fl-akkwist pubbliku.

5.7.

Problema speċifika ħafna li negozji żgħar tradizzjonali u tal-familja ffaċċjaw reċentement hija l-aċċess għal ħaddiema kkwalifikati. Il-qagħda demografika f’żoni remoti u f’bosta reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp tagħhom qed tiddeterjora u bħala riżultat, f’bosta postijiet, hemm nuqqas sinifikanti ta’ ħaddiema kkwalifikati. Għalhekk, dawk l-intrapriżi jeħtieġu għajnuna biex jidentifikaw u jattiraw riżorsi umani u kif ukoll biex iħarrġuhom. Il-programmi ta’ taħriġ għandhom isiru fil-perjodi tas-sena meta jonqos ix-xogħol u għandhom jitfasslu apposta. Għandu jkun hemm sistema li toffri dawn il-programmi b’mod regolari, peress li l-kumpaniji żgħar jistgħu jiffaċċjaw proporzjonijiet għolja ta’ ħaddiema li jitilqu.

5.8.

Fin-negozji tal-familja, huwa komuni li t-tfal mill-istess familja jew le jaħdmu għall-kumpanija. Dan huwa tradizzjonali u huwa tajjeb għan-negozju peress li jiffaċilita t-tranżizzjoni bla xkiel tal-kumpanija minn ġenerazzjoni għall-oħra u jgħin biex ix-xogħol futur ikun familjari. F’każijiet bħal dawn, is-sidien/il-maniġers għandhom dejjem iqisu li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema għandhom ikunu skont il-Konvenzjoni tal-ILO Nru. 182 u l-Konvenzjoni tal-ILO Nru. 138 dwar ix-Xogħol tat-Tfal.

5.9.

Jinħtieġ taħriġ, iżda mhux biss għall-impjegati tal-SFTBs. F’żoni rurali u remoti, l-impjegati tal-bank u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, ta’ spiss ma jkollhom l-ebda għarfien dwar il-programmi u l-possibilitajiet differenti mogħtija mill-KE u dwar id-dokumenti u l-proċeduri involuti. Dan in-netwerk ta’ intermedjarji huwa estremament importanti f’termini tal-effiċjenza tal-appoġġ tal-SFTBs. Il-programmi ta’ informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn dawk l-intermedjarji għandhom jiġu promossi. Għandu jiġi organizzat ukoll punt uniku ta’ kuntatt għal kull tip ta’ finanzjament u programm.

5.10.

Miżura ta’ politika importanti għandha tkun li ttejjeb il-“kwalità” tas-sidien/il-maniġers tal-SFTBs peress li f’dawn il-kumpaniji kollox huwa direttament relatat ma’ dan il-fattur. Dan jista’ jsir jew permezz tal-inkoraġġiment tat-taħriġ u/jew billi jiġi pprovdut aċċess faċli għas-servizzi ta’ pariri u konsulenza. Għandu jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja – l-għodod edukattivi online li huma marbuta ma’ oqsma bħal ippjanar tan-negozju, standards tal-produzzjoni, leġislazzjoni dwar il-konsumatur jew regolamenti oħra jistgħu jkunu pass fid-direzzjoni t-tajba.

5.11.

Miżura oħra hi li l-SFTBs jitħeġġu jinvestu l-qligħ tagħhom mill-ġdid. Jekk ikollhom inċentivi biex jagħmlu dan, dawn l-intrapriżi jsiru aktar stabbli, inqas dipendenti fuq self mill-banek u inqas vulnerabbli għall-kriżijiet.

5.12.

Ikun utli ħafna li jinġabru fil-qosor l-aħjar prattiki minn pajjiżi differenti b’setturi intensivi mil-lat tal-SFTBs, bħalma huma t-turiżmu, l-agrikoltura, is-sajd, eċċ. u jiġu ppreżentati lill-Istati Membri.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE Miżuri ta’ politika għall-SMEs ĠU C 27, 3.2.2009, p. 7, L-akkwist pubbliku internazzjonali ĠU C 224, 30.8.2008, p. 32, Att dwar in-Negozji ż-Żgħar ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30, Derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ĠU C 54, 19.2.2011, p. 44L-aċċess tal-SMEs […] għall-finanzjament […] (EESC-2014-06006-00-00-RI-TRA).

(2)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE In-negozji tal-familja ĠU C 13, 15.1.2016, p. 8; Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51, Forom Differenti ta’ Intrapriża ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22.

(3)  Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu (2017)2868537 tat-8 ta’ Ġunju 2017.

(4)  L-Artikolu 4 tal-Anness, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

(5)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013.

(6)  In-negozji tradizzjonali żgħar huma dawk li żammew l-istess mudell kummerċjali għal perjodu twil ta’ żmien, u jservu komunitajiet relattivament żgħar – pereżempju ristoranti u kafetteriji żgħar, pompi tal-petrol indipendenti, furnara, lukandi tal-familja, kumpaniji żgħar fit-trasport u l-kummerċ, eċċ.

(7)  Ma hemm l-ebda definizzjoni ta’ intrapriża tal-familja, iżda pjuttost hemm diversi definizzjonijiet ta’ ħidma li evolvew matul is-snin. Dawn jenfasizzaw li l-intrapriżi tal-familja huma dawk fejn in-negozju huwa kkontrollat fil-parti l-kbira mill-familja permezz tal-involviment fis-sjieda u fil-pożizzjonijiet maniġerjali. (Sciascia u Mazzola, Family Business Review, Volum 21, Ħarġa 4, 2008). L-ammont totali tan-negozji mmexxija mill-familja huwa ta’ aktar minn 85 % tad-ditti kollha fil-pajjiżi tal-OECD. Xi wħud minnhom huma kumpaniji kbar ħafna, iżda din l-opinjoni tiffoka fuq negozji żgħar tal-familja.

(8)  Ara l-Opinjoni tal-KESE In-Negozji tal-Familja ĠU C 13, 15.1.2016, p. 8.

(9)  Diversi studji (pereżempju Parlament Ewropew, 2011, CSES, 2012, KE 2008, OECD, 1998).

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tal-Kummissjoni tiddefinixxi l-SMEs u dawn huma kklassifikati ulterjorament fi tliet kategoriji: ditti mikro, żgħar u ta’ daqs medju, skont l-għadd tal-persuni impjegati u l-fatturat. Is-sorsi statistiċi ewlenin ma jipprovdux data dwar l-intrapriżi ddefiniti bħala SMEs, minħabba applikazzjoni stretta tad-definizzjoni tal-SME msemmija hawn fuq. Id-data disponibbli hija bbażata fuq il-kriterju tad-daqs tal-impjieg. Għaldaqstant, l-istatistika rrappurtata f’din l-opinjoni hija bbażata fuq din id-definizzjoni. Għandu jiġu nnutat li, filwaqt li l-inklużjoni tal-kriterji tal-fatturat u/jew tal-kriterji tal-assi totali ma għandhiex tibdel l-istatistika bil-bosta, l-applikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw l-awtonomija tal-intrapriżi jista’ jkollha impatt sostanzjali fuq ir-riżultati; fi studju mwettaq fil-Ġermanja, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola naqqset l-għadd totali ta’ “SMEs” b’9 % (CSES, 2012).

(11)  Is-settur tan-negozju mhux finanzjarju jikkonsisti mis-setturi kollha tal-ekonomiji tal-UE28 jew tal-Istati Membri, minbarra s-servizzi finanzjarji, is-servizzi tal-gvern, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-arti u l-kultura, l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd.

(12)  Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej, 2014/2015, Kummissjoni Ewropea.

(13)  Final Report, Work Package 2, ex post evaluation of Cohesion Policy programmes 2007-2013, focusing on the European Regional Development Fund (ERDF) and the Cohesion Fund (CF), Contract: 2014CE16BAT002, http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/evaluations/ec/2007-2013/.

(14)  Support to SMEs – Increasing Research and Innovation in SMEs and SME Development, Work Package 2, First Intermediate Report, Volume I: Synthesis Report, ex post evaluation of Cohesion Policy programmes, 2007-2013, focusing on the European Regional Development Fund (ERDF) and the Cohesion Fund (CF), Contract: 2014CE16BAT002, July 2015.

(15)  L-istess sors bħal dak għan-nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(16)  L-istess sors bħal dak għan-nota 14 f’qiegħ il-paġna.

(17)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-promozzjoni ta’ intrapriżi innovattivi bi tkabbir sostanzjali, ĠU C 75, 10.3.2017, p. 6.

(18)  Eżempju tajjeb huwa t-turiżmu rurali li llum il-ġurnata jiddependi bil-bosta fuq il-pjattaformi diġitali għall-kummerċjalizzazzjoni.

(19)  European Commission, SME Performance Review Dataset (2014 edition).

(20)  “Intraprenditur ta’ neċessità” huwa persuna li kellu jsir intraprenditur minħabba li ma kellux għażla aħjar. “Intraprenditur ta’ opporunità” huwa persuna li għażel b’mod attiv biex jibda intrapriża ġdida abbażi tal-perċezzjoni li teżisti opportunità ta’ negozju mhux sfruttata jew sfruttata inqas milli suppost. Hemm evidenza li tissuġġerixxi li l-effett fuq it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp ivarja b’mod sinifikanti bejn l-intraprenditorija ta’ neċessità u dik ta’ opportunità. Ġeneralment, l-intraprenditorja ta’ neċessità ma għandha l-ebda effett fuq l-iżvilupp ekonomiku, filwaqt li l-intraprenditorija ta’ opportunità għandha effett pożittiv u sinifikanti.

(21)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64.

(22)  Skont l-informazzjoni disponibbli mis-sistema tal-monitoraġġ u s-sorsi addizzjonali (pereżempju evalwazzjoni ad hoc), 12 % biss tal-istrumenti ta’ politika kollha jipprovdu evidenza qawwija tal-kisbiet pożittivi tagħhom. L-istrumenti ta’ politika li jistgħu jiġu vvalutati bħala ineffettivi jirrappreżentaw sa 5 % tat-total.

(23)  https://ec.europa.eu/fisheries/cfp/emff_en

(24)  https://ec.europa.eu/agriculture/cap-funding_en

(25)  http://ec.europa.eu/esf/home.jsp

(26)  Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar “L-aċċess tal-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (midcaps) għall-finanzjament matul il-perjodu 2014-2020: opportunitajiet u sfidi”


Top