Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE0181

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni esterna tal-ekonomija soċjali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

OJ C 345, 13.10.2017, p. 58–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni esterna tal-ekonomija soċjali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2017/C 345/09)

Relatur:

Miguel Ángel CABRA DE LUNA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

22.9.2016

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

REX

Adottata fis-sezzjoni

8.6.2017

Adottata fil-plenarja

5.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

129/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-ekonomija soċjali hija attur rilevanti li jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-politiki Ewropej kollha li għandhom dimensjoni esterna: il-politika esterna u ta’ sigurtà, dik kummerċjali, tal-viċinat, dwar it-tibdil fil-klima, tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, in-nuqqas ta’ ambjent regolatorju adegwat, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali, jimpedixxi lil dan is-settur milli jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu u jimmassimizza l-impatt tiegħu.

1.2.

L-Istrument ta’ Sħubija (1) għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, immirat lejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, jista’ jipprovdi opportunità għall-ekonomija soċjali tal-Unjoni Ewropew (UE) fil-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni tiegħu, filwaqt li jrawwem il-kompetittività, l-innovazzjoni u r-riċerka.

1.3.

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha rwol importanti fil-ġlieda biex jinqered il-faqar u jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku u soċjali madwar id-dinja, li huwa rifless fl-Aġenda tal-UE għal wara l-2015 u fl-aċċettazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

1.4.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza li l-Kunsill jagħti fl-Aġenda għal wara l-2015 lill-“ekonomija soċjali għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli”, li tiftaħ perspettivi ġodda għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali fid-dimensjoni esterna tagħha (punt 43 tal-Aġenda għal wara l-2015), iżda jilmenta li l-Kummissjoni ma inkludietx l-ekonomija soċjali fil-proposta tagħha dwar kunsens ġdid fir-rigward tal-iżvilupp.

1.5.

Is-suċċessi fin-negozju li jistgħu jiġu osservati f’diversi pajjiżi barra mill-UE juru li l-ekonomija soċjali, fid-diversi forom intraprenditorjali tagħha, hija preżenti b’mod prominenti fil-ħajja ta’ kuljum u fl-attività produttiva ta’ partijiet kbar tal-Afrika, l-Amerika u l-Asja, u hija strumentali fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ta’ miljuni ta’ persuni.

1.6.

Fost id-diversi forom intraprenditorjali tal-ekonomija soċjali preżenti f’dawn ir-reġjuni tispikka t-tmexxija, fost l-oħrajn, tal-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet mutwi, li huma ferm numerużi u attivi fil-produzzjoni agrikola, il-finanzi u l-mikrofinanzi, il-provvista ta’ ilma nadif, l-akkomodazzjoni, l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol, it-tnaqqis tax-xogħol informali permezz ta’ inizjattivi ta’ intraprenditorija kollettiva tal-ekonomija soċjali, l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u l-emanċipazzjoni tan-nisa, li għandha rwol li kull ma jmur huwa aktar sinifikanti fl-attività produttiva tal-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet mutwi.

1.7.

Flimkien mal-kooperattivi, il-kumpaniji ta’ assistenza reċiproka u intrapriżi simili oħrajn tal-ekonomija soċjali b’bażi assoċjattiva, tispikka l-funzjoni importanti tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet magħrufa bħala NGOs (organizzazzjonijiet mhux governattivi), li lkoll huma parti integrali tal-ekonomija soċjali fil-qasam tat-tielet settur ta’ azzjoni soċjali, li jamministraw is-servizzi tal-assistenza soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u oħrajn, kif ukoll jippromovu inizjattivi ta’ intraprenditorija tal-ekonomija soċjali fost il-popolazzjoni lokali.

1.8.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-rwol importanti li jista’ jkollhom l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, li għaliha jistgħu jkunu ta’ “kontribut essenzjali” (2). Fl-Ewropa, hemm ħafna eżempji ta’ prattika tajba f’dan il-qasam, li fih l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jista’ jkollhom rwol importanti fl-investimenti ppjanati fil-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew (PIEE) dwar l-enerġiji rinnovabbli fl-Afrika. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jikkontribwixxu b’mod prominenti għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, filwaqt li jnaqqsu l-impatti ambjentali negattivi tiegħu.

1.9.

L-istrumenti finanzjarji tradizzjonali ma jaħdmux għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, mingħajr preġudizzju għall-ħidma tal-banek etiċi, li jeħtieġu strumenti adattati b’mod speċifiku. Għaldaqstant, il-KESE jiddispjaċih li, minkejja r-rwol indiskutibbli fil-proċess biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-preżenza soċjoekonomika tagħhom, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali mhumiex ikkunsidrati b’mod sistematiku bħala atturi speċifikament rikonoxxuti fil-programmi tal-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-intraprenditorija barra mill-UE, wisq anqas fil-kooperazjoni għall-iżvilupp tal-UE. Lanqas il-PIEE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFDS) ma jikkunsidraw ebda linja ta’ finanzjament speċifika għall-IES.

1.10.

Pereżempju, it-tiġdid tal-Ftehim tas-Sħubija ta’ Cotonou se jaffettwa aktar minn 100 pajjiż fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP), b’popolazzjoni totali ta’ 1 500 miljun ruħ. It-tiġdid tal-Ftehim tas-Sħubija ta’ Cotonou huwa mistenni fl-2020 u n-negozjati għandhom jibdew sa mhux aktar tard minn Awwissu 2018. Huwa sorprendenti li fl-imsemmija Komunikazzjoni, li hija bbażata fuq l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-politika estera u tas-sigurtà, l-ekonomija soċjali ma tissemmiex fost l-atturi mhux statali parteċipanti fis-sħubija, u tibqa’ koperta taħt il-kategorija ġenerika ta’ “is-soċjetà ċivili, l-aġenti tal-isferi ekonomiċi u soċjali u s-settur privat” (punt 4.3.3 tal-Komunikazzjoni).

Fid-dawl ta’ dan:

1.11.

Il-politika kummerċjali hija waħda mill-pilastri tal-azzjoni esterna tal-UE. Is-soċjetà ċivili organizzata tipparteċipa fil-ftehimiet differenti tal-UE ma’ pajjiżi u reġjuni oħra tad-dinja (kummerċjali, tal-assoċjazzjoni, ta’ sħubija ekonomika) permezz ta’ kumitati konsultattivi konġunti u gruppi konsultattivi esterni li jistabbilixxu dawn il-ftehimiet. Il-KESE jirrakkomanda li l-ekonomija soċjali, li diġà hija inkluża f’diversi ftehimiet, tiġi ġeneralizzata u tkun komponent fiss fihom kollha.

1.12.

Kemm l-EFDS kif ukoll il-BEI għandhom jaħdmu flimkien biex tiġi stabbilita ekosistema finanzjarja speċifika tal-IES, kif titlob l-Opinjoni tal-KESE (3). Barra minn hekk, il-programmi ta’ assistenza teknika u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-PIEE għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni ta’ pjattaformi diġitali kooperattivi. L-ekonomija diġitali tiftaħ oqsma ġodda ta’ azzjoni u żvilupp għall-IES. B’hekk, l-ekonomija kollaborattiva tippermetti li jinħolqu pjattaformi mhux għall-profitt (platform cooperativism) u tiżviluppa attivitajiet ta’ interess kbir għad-dimensjoni esterna tal-ekonomija soċjali bħall-produzzjoni kollaborattiva, il-finanzi kollaborattivi (crowfunding jew peer-to-peer lending), il-governanza kollaborattiva jew it-tagħlim kollaborattiv (learning). F’dan l-aħħar każ, it-tagħlim permezz ta’ pjattaformi kooperattivi jista’ jkun importanti għat-taħriġ fuq il-post ta’ intraprendituri tal-ekonomija soċjali fil-pajjiżi ġirien u tan-Nofsinhar, bit-tisħiħ tal-kapital uman kruċjali f’dawk il-pajjiżi.

1.13.

Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Intrapriżi Soċjali sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-politika esterna tal-UE. B’rabta ma’ dan, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom jikkoordinaw il-politiki u l-inizjattivi tagħhom biex:

jallokaw finanzjament dirett u indirett għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali f’pajjiżi terzi, flimkien mal-gvernijiet involuti u l-organizzazzjonijiet li jappoġġjaw l-ekonomija soċjali;

jistabbilixxu kollaborazzjonijiet konkreti ma’ msieħba globali oħrajn u fondi ta’ innovazzjoni u investiment biex tingħata spinta lill-impatt tal-programmi rispettivi.

1.14.

Il-Kummissjoni u l-ekonomija soċjali għandhom jiffaċilitaw l-involviment tal-G20 u l-G7 fil-promozzjoni ta’ politiki speċifiċi ta’ appoġġ għall-ekonomija soċjali (kif muri permezz tal-Qafas Intraprenditorjali Inklużiv tal-G20), li jirriflettu d-differenzi fil-valuri, il-prinċipji u r-raġunijiet għall-eżistenza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet (Rakkomandazzjoni Nru 12 tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Intrapriżi Soċjali).

1.15.

Permezz tad-diplomazija ekonomika għandhom jiġu promossi r-rwol tal-ekonomija soċjali fil-fora internazzjonali (UNTFSSE, ILGSSE, G20,G7, ILO, eċċ.) u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

1.16.

L-UE għandha tiżgura li, fin-negozjati ta’ ftehimiet kummerċjali, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali ma jiġux diskriminati meta mqabbla ma’ intrapriżi oħra, billi jiġu eliminati l-ostakli mhux tariffarji li, de facto, jistabbilixxu tali diskriminazzjoni.

1.17.

Kemm l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat kif ukoll strumenti finanzjarji oħra għandhom jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali, kemm fil-qafas tan-negozjati ta’ adeżjoni ta’ pajjiżi kandidati fl-UE, kif ukoll ma’ pajjiżi ġirien oħra, benefiċjarji ta’ ftehimiet preferenzjali.

1.18.

Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija tagħha fil-kooperazzjoni internazzjonali u fit-tisħiħ u r-rikonoxximent tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali bħala attur ewlieni fis-settur privat biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u bħala parti mill-aġenda tal-politika esterna tal-UE. Għalhekk għandhom jiġu kkoordinati l-attivitajiet tad-dipartimenti differenti tal-Kummissjoni u tas-SEAE u jiġu stabbiliti programmi ta’ azzjoni konġunta ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn bħall-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp u entitajiet pubbliċi u privati oħrajn li qed ifittxu investimenti multilaterali inklużi dawk lokali, u joħolqu inċentivi biex dawn il-modi ta’ finanzjament jaħdmu. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għandhom jiffurmaw parti mid-“diplomazija ekonomika” tal-UE b’mod urġenti, effettiv u ġenerali. Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rabtiet ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-ekonomija soċjali ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (NU, ILO, OECD, eċċ.).

1.19.

Il-Kummissjoni għandha tinkludi speċifikament is-settur tal-ekonomija soċjali bħala attur intraprenditorjali tal-UE fl-inizjattivi ta’ aċċess għal swieq terzi u fil-programmi kollha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ wara l-2015, filwaqt li tistabbilixxi indikaturi u objettivi speċifiċi għall-kooperattivi u intrapriżi simili oħra tal-ekonomija soċjali. B’mod konkret, huwa importanti li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin jinkludu b’mod espliċitu l-ekonomija soċjali bħala wieħed mill-atturi mhux statali fil-Ftehim tas-Sħubija ta’ Cotonou li jmiss u jistabbilixxu linji ta’ finanzjament speċifiċi fil-PIEE u l-EFDS għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

1.20.

Sabiex jikkontribwixxi għall-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-SDGs, l-eżerċizzju għandu jinkludi rapport regolari dwar il-politiki ta’ assoċjazzjoni bejn l-Istati Membri u awtoritajiet pubbliċi oħrajn u l-ekonomija soċjali, inklużi l-kooperattivi li huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-SDGs. Bl-istess mod, l-Istati għandhom jitħeġġu jipproduċu data u statistika.

1.21.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fid-djalogu strutturat li ser jippromovi s-settur privat Ewropew u Afrikan, fi ħdan il-qafas ta’ pjattaforma ta’ intrapriżi sostenibbli għall-Afrika.

1.22.

Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ appoġġ preferenzjali għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali relatati mal-ekonomija ċirkolari, b’suċċessi notevoli fl-Ewropa, u li jistgħu jkunu atturi importanti fil-qasam tat-tkabbir sostenibbli f’pajjiżi barra mill-Ewropa, filwaqt li jnħolqu ħafna impjiegi għaż-żgħażagħ u n-nisa fiż-żoni lokali.

1.23.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippromovu l-parteċipazzjoni, il-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni tal-azzjoni intraprenditorjali esterna tagħhom u ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ma’ korpi rappreżentattivi tal-ekonomija soċjali, Ewropej u nazzjonali, kif ukoll tal-pajjiżi msieħba, u ma’ dawk l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-ekonomija soċjali li jinkludu pajjiżi Tramuntana-Nofsinhar u Nofsinhar-Nofsinhar. Il-KESE jtenni t-talba tiegħu (4) li joħloq Forum Ewropew tas-Soċjetà Ċivili dwar l-Iżvilupp Sostenibbli biex jippromovi u jissorvelja l-applikazzjoni tal-Aġenda 2030, bl-atturi prinċipali jkunu l-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Parlament, l-entitajiet rappreżentanti tal-ekonomija soċjali Ewropea u l-bqija tas-soċjetà ċivili.

1.24.

Il-programmi ta’ assistenza teknika u ta’ żvilupp tal-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw il-parteċipazzjoni tan-netwerks u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-ekonomija soċjali bħala intermedjarji u atturi strateġiċi għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ investiment u kooperazzjoni fil-pajjiżi ġirien u fl-iżvilupp u l-appoġġ lill-gvernijiet sabiex jippromovu ambjent istituzzjonali favorevoli għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. In-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Balkani huma prijorità assoluta.

1.25.

Fil-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni u l-SEAE għandhom jippromovu proċess ta’ identifikazzjoni tal-kategoriji differenti tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, kif ukoll joħolqu qafas legali adegwat li jippermetti li jiġu viżwalizzati l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali kollha. Peress li dan huwa proċess kumpless għal medda ta’ żmien medju/twil, għandu jkun hemm enfasi fuq il-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet mutwi, li huma atturi mifruxin madwar id-dinja, b’xenarji legali definiti, bi preżenza li tispikka fil-fergħat kollha tal-attività produttiva u b’sistema ta’ valuri u ta’ governanza mnebbħa mill-ekonomija soċjali kollha, li tippermetti li jiġu identifikati bħala s-sinsla tagħha stess.

1.26.

Għall-finijiet ta’ din l-Opinjoni, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea timplimenta malajr l-impenn tagħha li ssaħħaħ is-sensibilizzazzjoni bejn is-servizzi fir-rigward tal-ekonomija soċjali permezz ta’ preżentazzjonijiet interni mmirati lejn id-Direttorati Ġenerali rilevanti u d-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f’pajjiżi terzi.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-Istrateġija Globali dwar il-Politika Esterna u ta’ Sigurtà tal-UE tikkunsidra l-ewwel żewġ prijoritajiet tagħha s-sigurtà tal-UE u l-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u l-kumpaniji li jinsabu fil-Lvant tal-Ewropa u n-Nofsinhar, lejn l-Afrika Ċentrali. Fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet u tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), l-ekonomija soċjali tista’ twettaq funzjonijiet rilevanti fil-promozzjoni ta’ proċessi ta’ żvilupp inklużiv u ta’ tkabbir sostenibbli.

2.2.

Il-PEV, ma’ pajjiżi tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa, u l-istrument finanzjarju tagħha, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, huma fundamentali għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet mas-16-il pajjiż li tapplika għalihom, 6 tal-Lvant u 10 tan-Nofsinhar fil-Mediterran, li tibda minn EUR 15 400 miljun allokati mill-UE għall-iżvilupp tagħha fil-perjodu 2014-2020.

2.3.

Il-PIEE, permezz tal-EFDS, ser jippromovi investimenti ta’ bejn EUR 44 000 u EUR 88 000 miljun, fl-Afrika u fil-pajjiżi ġirien tal-UE bejn l-2016 u l-2020, bil-korpi tas-settur pubbliku u l-investituri tas-settur privat meqjusa bħala kontropartijiet eliġibbli għall-proġetti ta’ investiment.

2.4.

Il-kummerċ internazzjonali huwa wieħed mill-pilastri tal-Istrateġija Ewropea 2020 ġdida sabiex tinkiseb Unjoni aktar kompetittiva u ekoloġika. Il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles u Investiment appoġġjati mill-UE jistgħu jikkontribwixxu għal dinamiżmu akbar tat-tkabbir ekonomiku fl-UE, jekk jiġi kkunsidrat li 90 % tat-tkabbir futur globali se jsir barra l-Ewropa. L-UE għandha tiżgura li, fin-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali ma jiġux diskriminati meta mqabbla ma’ intrapriżi oħra, billi jiġu eliminati l-ostakli mhux tariffarji li, de facto, jistabbilixxu tali diskriminazzjoni. L-ekonomija soċjali Ewropea trid tuża dawn il-ftehimiet sabiex tħeġġeġ lill-intrapriżi tagħha jsiru aktar internazzjonali, kemm fl-ambitu tal-pajjiżi ġirien tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa kif ukoll fil-bqija tad-dinja.

2.5.

L-UE għandha funzjoni importanti fil-ġlieda biex jinqered il-faqar u biex tippromovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali madwar id-dinja. L-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp offruta mill-UE u l-Istati Membri ammontat għal EUR 68 000 miljun fl-2015 (5) u taqbeż il-50 % tal-bqija tad-donaturi fid-dinja.

2.6.

Il-Kunsill, fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2015, approva l-pożizzjoni tal-UE fir-rigward tal-Aġenda għall-iżvilupp wara l-2015 (Sħubija Globali Ġdida għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015). L-imsemmija Aġenda għal wara l-2015 kienet appoġġjata mill-UE fl-Assemblea Ġenerali tan-NU f’Settembru tal-2015, li approvat l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Fl-imsemmija Aġenda għal wara l-2015, il-Kunsill jenfasizza “l-importanza tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli” (punt 43).

3.   L-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali (IES)

3.1.

L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma magħmla minn firxa kbira ta’ atturi li għandhom nukleu ta’ identità komuni, bi prinċipji u valuri ta’ mġiba li jikkaratterizzawhom bħala entitajiet ta’ natura ħielsa u volontarja, b’sistemi ta’ governanza demokratiċi u parteċipattivi, maħluqin mis-soċjetà ċivili bil-għan prinċipali li jissodisfaw u jsolvu bi kriterji solidali l-bżonnijiet tal-persuni u tal-gruppi soċjali li jintegraw fihom, qabel ma jerġgħu jħallsu lill-investituri ta’ kapital (6). Pereżempju ta’ min wieħed jinnota li l-Unesco rrikonoxxiet lill-kooperattivi Ġermaniżi bħala wirt intanġibbli tal-umanità.

3.2.

L-atturi li jikkostitwixxu l-ekonomija soċjali huma identifikati u speċifikati sew mill-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll mill-protagonisti tal-ekonomija soċjali proprji u mil-letteratura xjentifika. Partikolarment sinifikanti huma r-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-Ekonomija Soċjali (2008/2250(INI)) tal-25 ta’ Jannar 2009, il-Manwal dwar il-kontijiet satellitari tal-intrapriżi fl-ekonomija soċjali: kooperattivi u mutwi, promoss mill-Kummissjoni Ewropea (2006); l-opinjonijiet tal-KESE (7) u r-Rapport tal-imsemmi Kumitat dwar L-Ekonomija Soċjali fl-Unjoni Ewropea  (8). Dawn kollha huma simili peress li jidentifikaw lis-settur tal-ekonomija soċjali bħala kostitwit minn firxa ta’ intrapriżi u entitajiet “ibbażati fuq l-importanza prijoritarja tal-persuni fuq il-kapital u jinkludu forom ta’ organizzazzjoni bħal kooperattivi, intrapriżi mutwi, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet, kif ukoll forom aktar ġodda ta’ intrapriżi soċjali” (Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2015 dwar “Il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa”) (9).

4.   Ekonomija Soċjali, Politika Ewropa tal-Viċinat u l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà

4.1.

L-ekonomija soċjali jista’ jkollha rwol rilevanti ħafna fl-azzjoni esterna tal-UE. L-istorja tal-ekonomija soċjali hija storja ta’ suċċessi, mhux biss fl-Ewropa, imma f’numru ta’ pajjiżi ġirien tan-Nofsinhar u f’ħafna reġjuni Afrikani. Dan kien evidenti fir-Rakkomandazzjoni 193 tal-ILO tal-20 ta’ Ġunju 2002 dwar il-promozzjoni tal-kooperattivi biex jitqiesu bħala wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u li, permezz tal-valuri u s-sistemi ta’ governanza tagħhom, jippromovu l-aktar parteċipazzjoni sħiħa tal-popolazzjoni kollha f’dan l-iżvilupp, li jsaħħaħ l-istabbilità, il-fiduċja u l-koeżjoni soċjali.

4.2.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill enfasizzaw f’diversi okkażjonijiet l-importanza tal-kooperattivi u tal-ekonomija soċjali fl-azzjoni esterna tal-UE. B’hekk, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2012 (“L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni”) tissottolinja r-rwol tal-kooperattivi bħala partijiet interessati rilevanti tas-soċjetà ċivili”partikolarment attivi fil-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ komunitajiet lokali”. Min-naħa tiegħu, fl-Aġenda għal wara l-2015, il-Kunsill jagħti rwol sinifikanti lill-ekonomija soċjali fil-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli (punt 43 tal-Aġenda għal wara l-2015).

4.3.

L-Istrateġija Globali dwar il-Politika Esterna u ta’ Sigurtà tal-UE tikkunsidra l-ewwel żewġ prijoritajiet tagħha s-sigurtà tal-UE u l-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u l-kumpaniji li jinsabu fil-Lvant tal-Ewropa u n-Nofsinhar, lejn l-Afrika Ċentrali.

4.4.

Il-PEV hija fundamentali biex tiżgura l-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea. Din l-Istrateġija tikkunsidra li waħda mill-prijoritajiet tal-azzjoni esterna hija li jsir investiment fir-reżiljenza tal-Istati u l-kumpaniji li qegħdin fil-Lvant tal-Ewropa u n-Nofsinhar, lejn l-Afrika Ċentrali, kemm għal pajjiżi li qegħdin ġewwa kif ukoll barra l-PEV.

4.5.

Il-konsolidazzjoni ta’ Stati reżiljenti fl-ambjent Ewropew, prijorità tal-azzjoni esterna tal-UE, ma tistax tkun żgurata mingħajr soċjetajiet b’saħħithom, magħqudin u reżistenti. L-ekonomija soċjali, ibbażata fuq intrapriżi maħluqin minn persuni għall-persuni, tikkostitwixxi espressjoni vibranti tas-soċjetà ċivili. L-intrapriżi tal-ekonomija soċjali huma frott l-inizjattivi taċ-ċittadini ta’ intraprenditorija kollettiva li jintegraw l-għanijiet ekonomiċi u soċjali fi proġett komuni, li jittrasforma lill-persuni f’persuni responsabbli u protagonisti tad-destin tagħhom stess, u jippermettilhom itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom u jqawwu t-tamiet fil-futur. Din hija l-aħjar garanzija biex tikkonsolida l-Istati reżiljenti fil-Lvant tal-Ewropa u fin-Nofsinhar, f’pajjiżi oħra ġewwa u barra l-PEV, kif tindika l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea. Hija wkoll l-aħjar garanzija biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u s-suċċess fit-tul tal-ewwel mill-ħames prijoritajiet kbar tal-azzjoni esterna tal-UE, is-sigurtà tad-dar komuni tagħna, Ewropa, u għaldaqstant biex jiġu evitati l-proċessi tar-radikalizzazzjoni.

4.6.

Finalment, id-dimensjoni esterna tal-ekonomija soċjali tista’ tkun ta’ utilità kbira biex tiġġenera impjiegi bi drittijiet f’pajjiżi b’perċentwali għoljin ta’ ekonomija sewda jew f’pajjiżi fi tranżizzjoni mill-mudell ekonomiku tagħhom. Dan jgħodd ukoll sabiex jiġi evitat li jingħalqu intrapriżi billi l-impjegati jkunu responsabbli huma stess, taħt forma legali u kooperattiva organizzattiva.

5.   L-ekonomija soċjali u l-politika kummerċjali u ta’ investimenti tal-UE

5.1.

Il-politika kummerċjali hija waħda mill-pilastri tal-azzjoni esterna tal-UE. Is-soċjetà ċivili organizzata tipparteċipa fil-ftehimiet differenti tal-UE ma’ pajjiżi u reġjuni oħra tad-dinja (kummerċjali, tal-assoċjazzjoni, ta’ sħubija ekonomika) permezz ta’ kumitati konsultattivi konġunti u gruppi konsultattivi esterni li jistabbilixxu dawn il-ftehimiet. Il-KESE jirrakkomanda li l-preżenza tal-ekonomija soċjali, li diġà tipparteċipa f’għadd ta’ ftehimiet, tiġi ġeneralizzata u ssir element fiss f’kollha kemm huma u jipproponi li dan iservi biex jittieħed vantaġġ mill-esperjenza tal-ekonomija soċjali, fi ħdan il-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-ftehimiet, sabiex jinħolqu intrapriżi bil-valuri u l-karatteristiċi proprji tal-ekonomija soċjali. U li l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jiġu inklużi regolarment fil-kompożizzjoni tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi tas-soċjetà ċivili previsti minn dawn il-kapitoli u fil-missjonijiet kummerċjali promossi mill-Kummissjoni f’pajjiżi terzi.

5.2.

Il-preżenza tal-ekonomija soċjali fil-kumitati konsultattivi konġunti u l-gruppi konsultattivi domestiċi tista’ tikkontribwixxi biex issaħħaħ l-għarfien, l-għaqdiet u l-kooperazzjoni tal-ekonomija soċjali f’diversi reġjuni. Kif diġà jiġri, pereżempju, bejn l-ekonomija soċjali tal-UE u l-kontropartijiet korrispondenti fl-Amerika Latina u l-kosta tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

5.3.

Il-PEV, permezz tal-ENI tagħha, allokat EUR 15 400 miljun fil-perjodu 2014-2016 biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. L-PIEE (10) li jipprovdi qafas globali biex jiżdied l-investiment fl-Afrika u l-pajjiżi ġirien tal-UE, jista’ jkun strument adegwat għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali f’dawn iż-żoni ġeografiċi.

5.4.

F’Novembru 2017, ser jiġi organizzat il-5 Summit Afrika-UE li ser jifformula mill-ġdid u jkompli jiżviluppa s-sħubija bejn l-Afrika u l-UE (11). Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fid-djalogu strutturat li ser jippromovi s-settur privat Ewropew u Afrikan, fi ħdan il-qafas ta’ pjattaforma ta’ intrapriżi sostenibbli għall-Afrika.

5.5.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-rwol importanti li jista’ jkollhom l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari, li għaliha jistgħu ikunu ta’ “kontribut essenzjali” (12). Fl-Ewropa, hemm ħafna eżempji ta’ prattika tajba f’dan il-qasam, partikolarment fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli.

5.6.

Permezz tal-karatteristiċi u l-valuri tagħhom, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jista’ jkollhom rwol rilevanti fl-investimenti ppjanati fil-PIEE fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli fl-Afrika, abbażi tal-vantaġġi kompetittivi li jirriżultaw minn ġestjoni aħjar tar-riżorsi, il-materja prima u r-rabta mat-territorju, li jippermettu li jinħolqu impjiegi lokali ġodda, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa. L-appoġġ preferenzjali għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali relatati mal-ekonomija ċirkolari se jiffaċilita tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli, filwaqt li jnaqqas l-impatti ambjentali negattivi tiegħu permezz ta’ ġestjoni mtejba tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-estrazzjoni u t-tniġġis.

5.7.

L-Istrument ta’ Sħubija (13) għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, immirat lejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, jista’ jipprovdi opportunità għall-ekonomija soċjali tal-UE fil-proċess ta’ internazzjonalizzazzjoni tiegħu, filwaqt li jrawwem il-kompetittività, l-innovazzjoni u r-riċerka.

5.8.

Kif ġie indikat diversi drabi, il-loġika tas-suq finanzjarju mhijiex intiża biex tappoġġja l-iżvilupp tal-IES. L-istrumenti finanzjarji tradizzjonali ma jaħdmux għall-IES, li jeħtieġu strumenti mfassla apposta. Għalhekk, il-potenzjal veru tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jista’ jsir reali biss jekk l-aċċess għall-finanzjament jiġi integrat f’ekosistema finanzjarja adattata u totalment integrata (14).

5.9.

Il-GECES esprima wkoll il-ħtieġa li l-Kummissjoni tassenja “finanzjament dirett u indirett dedikat għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, inklużi l-intrapriżi soċjali, f’pajjiżi terzi, flimkien mal-gvernijiet u appoġġ u organizzazzjonijiet ta’ finanzjament soċjali” (Rakkomandazzjoni 13 tar-rapport tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Intrapriżi Soċjali “L-intrapriżi soċjali u l-ekonomija soċjali qed jiksbu progress”).

5.10.

F’dan ir-rigward, kemm l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat kif ukoll strumenti finanzjarji oħra għandhom jikkontribwixxu b’mod sistematiku għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali, kemm fil-qafas tan-negozjati ta’ adeżjoni ta’ pajjiżi kandidati, kif ukoll ma’ pajjiżi ġirien oħra, benefiċjarji ta’ ftehimiet preferenzjali.

5.11.

Reċentement tnedew xi inizjattivi esterni mil-Kummissjoni, bħall-“Ftehim qafas ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali għall-promozzjoni tas-settur tal-kooperattivi madwar id-dinja”, li għandhom jiġu implimentati bejn l-2016 u l-2020, permezz ta’ programm mogħni bi tmien miljun euro. Madankollu, kemm il-PEV kif ukoll l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà jinjoraw lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali meta jiġu biex jinkluduhom b’mod espliċitu bħala atturi intraprenditorjali fil-politiki u l-programmi esterni tal-UE u ma jikkunsidraw l-ebda linja ta’ finanzjament speċifika għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali bejn il-fondi sostanzjali assenjati lill-PIEE u l-EFDS, wisq anqas jikkunsidrawhom fl-azzjonjiet għall-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi Ewropej.

5.12.

Il-Kummissjoni u l-ekonomija soċjali għandhom jiffaċilitaw l-involviment tal-G20 u l-G7 fil-promozzjoni ta’ politiki speċifiċi ta’ appoġġ għall-intrapriżi u għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali inklużivi (kif muri permezz tal-Qafas Intraprenditorjali Inklużiv tal-G-20), li jirriflettu aħjar id-differenzi fil-valuri, il-prinċipji u r-raġunijiet għall-eżistenza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, hekk kif irrakkomanda l-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Intrapriżi Soċjali (Rakkomandazzjoni Nru 12).

5.13.

Permezz tad-diplomazija ekonomika għandu jiġi promoss ir-rwol tal-ekonomija soċjali fil-fora internazzjonali (UNTFSSE, ILGSSE, G20, G7, ILO, eċċ.) u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-GSG (Global Social Impact Investment Steering Group) billi, pereżempju, jieħdu sehem f’avvenimenti dwar il-finanzjament organizzati mill-ILGSSE.

6.   L-importanza tal-ekonomija soċjali sabiex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

6.1.

L-Aġenda 2030 tan-NU tinkludi 17-il SDG ibbażati fuq tliet pilastri: ekonomiku, soċjali u ambjentali. L-ekonomija soċjali għandha rwol importanti biex dawn jinkisbu kollha. Il-firxa ta’ atturi li jikkostitwixxu l-ekonomija soċjali u n-natura trasversali tal-forom legali li huma inklużi jagħmluha diffiċli li tinkiseb data aggregata mill-attivitajiet tal-ekonomija soċjali, minkejja li d-data disponibbli minn kooperattivi, kumpaniji ta’ assistenza reċiproka u entitajiet oħrajn simili tafferma li l-ekonomija soċjali, u l-kooperattivi b’mod partikolari, huma fatturi ewlenin sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-SDGs tal-Aġenda 2030

6.2.

F’dan ir-rigward, sabiex jikkontribwixxi għall-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-SDGs, l-eżerċizzju għandu jinkludi rapport regolari dwar il-politiki ta’ assoċjazzjoni bejn l-Istati Membri u awtoritajiet pubbliċi oħrajn u l-ekonomija soċjali, inklużi l-kooperattivi li huma kruċjali għall-implimentazzjoni tal-SDGs. Bl-istess mod, l-Istati għandhom jitħeġġu jipproduċu data u statistika.

6.3.

Bil-għan li jitnaqqas il-faqar u fid-dawl tal-iżvilupp sostenibbli, il-kooperattivi għandhom rwol ewlieni fir-reġjuni l-kbar tal-Afrika, l-Asja u l-Amerika. Prinċipalment il-kooperattivi ta’ tfaddil u self u l-kooperattivi agroalimentari tal-produzzjoni, il-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni (rwol importanti għall-FAO). F’pajjiżi bħat-Tanzanija, l-Etjopja, il-Ghana, ir-Rwanda u Sri Lanka, il-kooperattivi ta’ tfaddil u self huma importanti ħafna biex jiffinanzjaw mezzi ta’ xogħol, kapital operatorju jew oġġetti tal-konsum durabbli għal persuni foqra. Anke l-kooperattivi tal-imsemmija pajjiżi jassumu rwol ta’ tmexxija fil-proċessi tal-emanċipazzjoni femminili (15). Fl-Afrika hemm 12 000 kooperattiva ta’ tfaddil u self bi 15-il miljun utent fi 23 pajjiż (16).

6.4.

Il-kooperattivi u l-mutwalitajiet huma rilevanti ħafna fil-qasam tas-saħħa madwar id-dinja, kemm fil-pajjiżi żviluppati u f’dawk emerġenti. Madwar id-dinja hemm aktar minn 100 miljun familja megħjuna mill-kooperattivi tas-saħħa (17).

6.5.

Settur li fih il-kooperattivi jikkontribwixxu b’mod determinanti għal wieħed mill-SDGs huwa dak tal-aċċess għall-ilma nadif u s-sanitazzjoni. Fil-Bolivja (Santa Cruz de la Sierra) tinsab l-akbar kooperattiva ta’ provvista tal-ilma tax-xorb fid-dinja, li tipprovdi ilma nadif ta’ livell għoli ħafna lill- 1,2 miljun persuna. Fil-Filippini, fl-Indja u f’diversi pajjiżi Afrikani, il-kooperattivi tal-provvista tal-ilma jipprovdu ilma nadif lil għexieren ta’ eluf ta’ djar. F’xi każijiet kienu l-membri ta’ kooperattivi li ħaffru l-bjar u ħolqu gruppi lokali għall-manutenzjoni tagħhom. Fl-Istati Uniti hemm madwar 3 300 kooperattiva li tipprovdi ilma għall-konsum tal-bniedem, protezzjoni kontra n-nirien, irrigazzjoni u servizzi tar-rimi tad-drenaġġ (18).

6.6.

Il-kooperattivi huma strument effettiv ħafna biex jiġu pprovduti akkomodazzjonijiet deċenti u jittejbu l-kundizzjonijiet insanitarji fid-distretti. Fl-Indja, il-Federazzjoni Nazzjonali ta’ Kooperattivi ta’ Akkomodazzjoni ppromoviet, flimkien ma’ familji foqra ta’ żoni urbani, 92 000 kooperattiva ta’ akkomodazzjoni b’6,5 miljun membru u 2,5 miljun akkomodazzjoni, il-maġġoranza l-kbira għal familji bi dħul baxx. Fil-Kenja, l-Unjoni Nazzjonali ta’ Kooperattivi ta’ Akkomodazzjoni ppromoviet programm biex jitjiebu l-kundizzjonijiet insanitarji fid-distretti, fejn il-ġirien ingħaqdu f’kooperattivi biex jaċċessaw akkomodazzjoni deċenti (19).

6.7.

Il-kooperattivi jikkostitwixxu strument siewi għat-tnaqqis tal-perċentwali għoljin ta’ xogħol informali (50 % tax-xogħol kollu fid-dinja), dejjem assoċjat ma’ kundizzjonijiet mhux deċenti tal-għajxien u ta’ xogħol. L-inizjattivi tal-intraprenditorija kollettiva assoċjati mal-kooperattivi jipprovdu valur soċjali kbir, li jsaħħu d-dinjità u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni (xogħol deċenti), u jagħtu risposta lil mudell li jipproduċi prekarjat u inugwaljanza. L-IES jaqdu rwol importanti fl-emanċipazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabilità, u jiġġeneraw ukoll dħul ekonomiku sostenibbli, kif ukoll proċessi ta’ innovazzjoni soċjali ta’ suċċess.

6.8.

Flimkien mal-kooperattivi u l-kumpaniji ta’ assistenza reċiproka, għandu jiġi enfasizzat ir-rwol tal-entitajiet mhux għal profitt, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), li kollha kemm huma jiffurmaw parti integrali mill-ekonomija soċjali, fil-kuntest tat-tielet settur ta’ azzjoni soċjali. Dawn l-entitajiet jużaw riżorsi importanti, fost dawk tal-volontarjat, li jippermettilhom li jimmaniġġjaw is-servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u oħrajn u, f’ħafna każijiet, jinkoraġġixxu inizjattivi ta’ intraprenditorija soċjali fost il-popolazzjoni lokali.

6.9.

L-esperjenzi intraprenditorjali elenkati fil-punti ta’ qabel juru li l-mudell intraprenditorjali tal-ekonomija soċjali huwa mnebbaħ minn sistema ta’ valuri u ta’ governanza parteċipattiva li jagħmluh partikolarment adattat biex isolvi ħafna mill-isfidi soċjali fl-SDGs. Kif fakkar il-Parlament Ewropew, “[i]l-biċċa l-kbira tal-problemi soċjali għandhom jiġu ttrattati b’soluzzjonijiet lokali, biex jingħelbu sitwazzjonijiet u problemi prattiċi” (20). Jeħtieġ li jiġi enfasizzat ir-rwol tat-Task Force tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ekonomija Soċjali u ta’ Solidarjetà (UNTFSSE) fil-promozzjoni tal-ekonomija soċjali u ta’ solidarjetà globali, kif ukoll l-inizjattivi tal-Cooperatives Europe u l-Proġett ACI-EU dwar l-iżvilupp internazzjonali permezz tal-kooperattivi.

6.10.

Billi huma ankrati sew fil-komunitajiet lokali u billi l-prijorità fl-objettivi ewlenin tagħhom hija li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-persuni, dawn l-intrapriżi ma jirrilokawx u b’hekk jiġġieldu b’mod effettiv kontra t-tnaqqis tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-reġjuni u l-komunitajiet inqas għonja (21). F’dan il-livell jispikka x-xogħol tal-Forum Globali dwar l-Ekonomija Soċjali (GSEF), li se jkollu l-laqgħa li jmiss tiegħu fl-UE (Bilbao, 2018).

6.11.

B’dan il-mod, il-mudell tan-negozju tal-ekonomija soċjali:

jiġġenera l-ġid f’żoni rurali u żvantaġġati permezz tal-ħolqien u l-appoġġ ta’ inizjattivi intraprenditorjali ekonomikament vijabbli u sostenibbli fuq medda ta’ żmien medju u twil;

jippromovi u jappoġġja l-ħiliet intraprenditorjali, ta’ taħriġ u ta’ ġestjoni tan-negozju ta’ gruppi soċjalment esklużi u l-popolazzjoni inġenerali, li joħolqu pjattaformi għad-djalogu fil-livell nazzjonali;

joħloq strumenti ta’ finanzjament permezz ta’ kooperattivi ta’ kreditu jew mikrokrediti biex jiggarantixxi l-aċċess għall-finanzjament;

jiggarantixxi xi kundizzjonijiet tal-għajxien għal komunitajiet vulnerabbli permezz tat-titjib tal-aċċess għall-ikel u għal servizzi soċjali bażiċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni jew l-ilma nadif;

jiffaċilita t-tnaqqis tax-xogħol informali permezz tal-promozzjoni ta’ inizjattivi ta’ intraprenditorija kollettiva li għalihom il-kooperattivi jikkostitwixxu strument eċċellenti u

jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, filwaqt li jnaqqas l-impatti ambjentali negattivi tiegħu.

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014.

(2)  COM(2015) 614 final, 2.12.2015.

(3)  Opinjoni esploratorja tal-KESE “Il-bini ta’ ekosistema finanzjarja għall-intrapriżi soċjali” (ĠU C 13 tal-15.1.2016, p. 152).

(4)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “L-Aġenda 2030 — Unjoni Ewropea impenjata għall-iżvilupp sostenibbli globalment” (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 58), punt 1.4.

(5)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “L-Aġenda 2030 — Unjoni Ewropea impenjata għall-iżvilupp sostenibbli globalment” (ĠU C 34, 2.2.2017, p. 58).

(6)  Prinċipji u valuri bbażati fuq il-Prinċipji kooperattivi stabbiliti mill-Alleanza Kooperattiva Internazzjonali (ICA) (Manchester, 1995).

(7)  Fosthom, l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar “Forom differenti ta’ intrapriża” (ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22).

(8)  Rapport Monzón-Chaves tas-CIRIEC: 2012.

(9)  Reader 2011 “Social and Solidarity Economy: Our common road towards Decent Work” (Ekonomija soċjali u solidali: il-mixja komuni tagħna lejn xogħol deċenti).

(10)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14.9.2016 (COM(2016) 581 final).

(11)  JOIN(2017) 17 final, 4.5.2017 (“Impetu ġdid għat-twaqqif tas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE).

(12)  COM(2015) 614 final, 2.12.2015.

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014.

(14)  Opinjoni esploratorja tal-KESE “Il-bini ta’ ekosistema finanzjarja għall-intrapriżi soċjali” (ĠU C 13 tal-15.1.2016, p. 152).

(15)  ICA-ILO.

(16)  B. Fonteneau u P. Develtere, African Responses to the Crisis through the Social Economy.

(17)  ICA-ILO.

(18)  Idem.

(19)  Idem.

(20)  Rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-Ekonomija Soċjali (2008/2250(INI).

(21)  COM(2004) 18 final, punt 4.3 (The promotion of co-operative societies in Europe — mhux disponibbli bil-Malti).


Top