EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017HB0044

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Diċembru 2017 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (BĊE/2017/44)

ĠU C 8, 11.1.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 8/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Diċembru 2017

dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi

(BĊE/2017/44)

(2018/C 8/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) u l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2),

Billi:

Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkomplu jħejju għal applikazzjoni f’waqtha u sħiħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) f’ambjent makroekonomiku u finanzjarju ta’ sfida li jeżerċita pressjoni fuq il-profittabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, bħala riżultat, fuq il-kapaċità tagħhom li jibnu l-bażijiet kapitali tagħhom. Barra minn hekk, waqt li huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiffinanzjaw l-ekonomija, politika ta’ distribuzzjoni konservattiva hija parti minn sistema ta’ ġestjoni adegwata tar-riskju u servizzi bankarji sodi. Għandu jiġi applikat l-istess metodu li ġie stabbilit fir-Rakkomandazzjoni BĊE/2016/44 tal-Bank Ċentrali Ewropew (5).

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.

1.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jistabbilixxu politiki ta’ dividendi billi jużaw suppożizzjonijiet konservattivi u prudenti sabiex, wara kull distribuzzjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli u l-eżiti tal-proċess superviżorju ta’ rieżami u evalwazzjoni (SREP).

(a)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-kapital minimu (ir-“rekwiżiti tal-Pilastru 1”) f’kull ħin. Dan jinkludi proporzjon ta’ 4,5 % tal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, proporzjon ta’ 6 % għall-kapital tal-Grad 1 u proporzjon tal-kapital totali ta’ 8 % kif stipulat fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(b)

Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa li jissodisfaw f’kull ħin ir-rekwiżiti kapitali li huma imposti bħala riżultat tad-deċiżjoni applikabbli dwar l-iSREP b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-Pilastru 1 (“Rekwiżiti tal-Pilastru 2”).

(c)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ bafer ikkombinat kif iddefint fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE.

(d)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw il-proporzjon tal-kapital tal-Ekwità Komuni ta’ Grad 1 li jkun “totalment mgħobbi” (6), il-proporzjon tal-kapital ta’ Grad 1 tagħhom u l-proporzjon kapitali totali tagħhom sad-data applikabbli għall-introduzzjoni sħiħa f’fażijiet. Dan jirreferi għall-applikazzjoni sħiħa tal-proporzjonijiet imsemmija hawn fuq wara l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u r-rekwiżit ta’ bafer kombinatit ta’ bafer ikkombinat kif iddefinit fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE. Id-dispożizzjonijiet transitorji huma stipulati fit-Titolu XI tad-Direttiva 2013/36/UE u fil-Parti Għaxra tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu ssodisfati kemm fuq livell ikkonsolidat kif ukoll fuq bażi individwali ħlief jekk l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali tkun ġiet irrinunzjata fuq bażi individwali, kif stipulat fl-Artikoli 7 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.

Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jħallsu dividendi (7) fl-2018 għas-sena finanzjarja 2017, il-BĊE jirrakkomanda li:

(a)

Kategorija 1: Istituzzjonijiet ta’ kreditu li (i) jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1(a), (b) u (c), u li (ii) jkunu diġà laħqu l-proporzjonijiet tagħhom li jkunu mgħobbija totalment kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) fil-31 ta’ Diċembru 2017, għandhom jiddistribwixxu l-profitti netti tagħhom bħala dividendi b’mod konservattiv sabiex ikunu jistgħu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha u l-eżiti tal-iSREP anki fil-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ddeterjorati;

(b)

Kategorija 2: Istituzzjonijiet ta’ kreditu li jissodisfaw ir-rekwiżiti kapitali applikabbli kif imsemmi fil-paragrafu 1 (a), (b) u (c) fil-31 ta’ Diċembru 2017 imma ma laħqux il-proporzjonijiet mgħobbija totalment kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) sal-31 ta’ Diċembru 2017 għandhom jiddistribwixxu il-profitti netti tagħhom bħala dividendi b’mod konservattiv sabiex ikunu jistgħu jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha u l-eżiti tal-iSREP, anki fil-każ ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ddeterjorati. Barra minn hekk, fil-prinċipju għandhom iħallsu biss dividend sal-punt li, bħala minimu, tiġi żgurata direzzjoni lineari (8) lejn ir-rekwiżiti kapitali totalment mgħobbija meħtieġa kif imsemmi fil-paragrafu 1(d) u sakemm jiġu żgurati l-eżiti tal-iSREP;

(c)

Kategorija 3: Istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (c), fil-prinċipju m’għandhom iqassmu ebda dividend.

L-Istituzzjonijiet ta’ kreditu li mhumiex kapaċi jikkonformaw ma’ din ir-Rakkomandazzjoni għaliex iqisu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi għandhom jikkuntattjaw lit-tim superviżorju konġunt minnufih.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kategoriji 1, 2, u 3 kif imsemmi fil-paragrafu 2(a), (b) u (c) ukoll huma mistennija li jissodisfaw il-gwida tal-Pilastru 2. Jekk kollox jibqa’ l-istess, id-domanda kapitali (9) hija mistennija li tibqa’ ġeneralment stabbli. Jekk istituzzjoni ta’ kreditu topera jew tistenna li ser topera taħt il-gwida tal-Pilastru 2, hija għandha tikkuntattja minnufih lit-tim superviżorju konġunt tagħha minnufih. Il-BĊE għandu jirrevedi r-raġunijiet għaliex il-livell ta’ kapital tal-istituzzjoni ta’ kreditu waqa’, jew huwa mistenni li jaqa’, u għandu jikkunsidra li jieħu miżuri speċifiċi għall-istituzzjoni li jkunu xierqa u proporzjonati.

II.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fil-punti (16) u (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

III.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata wkoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati fir-rigward ta’ entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 2(7) u (23) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17). L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nominati huma mistennija li japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni għal dawk l-entitajiet u gruppi, kif jidhrilhom li huwa xieraq (10).

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Diċembru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Rakkomandazzjoni BĊE/2016/44 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-13 ta’ Diċembru 2016 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi (ĠU C 481, 23.12.2016, p. 1).

(6)  Il-bafers kollha huma f’livelli mgħobbija totalment.

(7)  L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jkollhom diversi forom legali, eż. kumpaniji elenkati u kumpanniji mhux b’ishma konġunti bħal kumpaniji reċiproki, kooperattivi jew istituzzjonijiet ta’ tfaddil. It-terminu “dividend” kif użat f’din ir-rakkomandazzjoni jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ ħlas fi flus kontanti li jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-assemblea ġenerali.

(8)  Fil-prattika, dan ifisser li fuq perijodu ta’ erba’ snin li jibda fil-31 ta’ Diċembru 2014, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-prinċipju għandhom iżommu ta’ mill-inqas 25 % fis-sena tad-distakk lejn il-proporzjon ta’ kapital tagħhom mgħobbi totalment tal-Ekwità Komuni ta’ Grad 1, il-proporzjon tal-kapital tagħhom ta’ Grad 1 u l-proporzjon tal-kapital totali tagħhom, kif imsemmi fil-paragrafu 1(d).

(9)  Domanda kapitali tfisser rekwiżiti tal-pilastru 1 flimkien ma’ dawk tal-pilastru 2, b’żieda tal-bafer tal-konservazzjoni tal-kapital u l-gwida tal-pilastru 2. Irrispettivament mill-introduzzjoni f’fażijiet tal-bafer ta’ konservazzjoni tal-kapital, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandhom jistennew ukoll li jkollhom gwida pożittivi tal-pilastru 2 fil-futur.

(10)  Jekk ir-Rakkomandazzjoni tiġi applikata lil entitajiet inqas sinifikanti taħt superviżjoni u gruppi inqas sinifikanti taħt superviżjoni, li jqisu li ma jistgħux jikkonformaw għaliex jifhmu li huma legalment meħtieġa li jħallsu dividendi, huma għandhom jikkuntattjaw minnufih lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom.


Top