EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0776

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport Annwali għall-2016 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

COM/2017/0776 final

Brussell, 18.12.2017

COM(2017) 776 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali għall-2016 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea


WERREJ

1.Introduzzjoni

2.Applikazzjonijiet irċevuti fl-2016

3.Finanzjament

4.Għeluq

5.Konklużjonijiet

1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 tal-Kunsill tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("ir-Regolament") jipprevedi fl-Artikolu 12 tiegħu li għandu jiġi ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-attività tal-Fond fis-sena ta' qabel. Ir-rapport preżenti jiddeskrivi l-attivitajiet tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (“il-Fond ta’ Solidarjetà”) tul is-sena 2016. Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor l-applikazzjonijiet li ġew irċevuti u l-każijiet li ngħalqu fl-2016. L-applikazzjonijiet li ġew ippreżentati lill-Kummissjoni fl-2016 ġew ivvalutati skont il-kriterji riveduti stipulati fir-Regolament wara li ġie emendat fl-2014 1 .

Fl-2016, il-Kummissjoni rċeviet sitt applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà, jiġifieri mill-Greċja (it-terremot ta’ Lefkada), mir-Renju Unit (għargħar), mill-Ġermanja (l-għargħar tal-Bavarja t’Isfel), minn Ċipru (nixfa u nirien), mill-Portugall (in-nirien ta’ Madeira) u mill-Italja (terremoti). Is-sensiela ta’ terremoti fl-Appennini Taljani bejn Awwissu 2016 u Jannar 2017 tirrappreżenta l-ikbar diżastru naturali għall-Fond ta’ Solidarjetà.

Erba’ pajjiżi talbu pagamenti bil-quddiem, li ġew introdotti mar-reviżjoni tar-Regolament fl-2014. F’dawn il-każi l-Kummissjoni ħallset l-avvanzi li ammontaw għal total ta’ EUR 31,3 miljun fi żmien ftit ġimgħat wara li rċeviet l-applikazzjonijiet.

Fl-2016, il-Fond ta’ Solidarjetà ġie mmobilizzat għal ammont ta’ EUR 33,1 miljun għal żewġ applikazzjonijiet, jiġifieri t-terremot fil-Greċja u l-għargħar fil-Ġermanja. Id-deċiżjonijiet dwar l-erba’ applikazzjonijiet l-oħrajn li ġew irċevuti fl-2016 ittieħdu kmieni fl-2017.

Fl-2016, il-Kummissjoni għalqet erba’ interventi tal-Fond ta’ Solidarjetà. Id-dettalji huma deskritti fit-Taqsima 4.

L-Anness I jippreżenta l-livelli limitu ta’ “diżastru maġġuri” applikabbli fl-2016 biex jiġi mmobilizzat il-Fond ta’ Solidarjetà. L-Anness II jippreżenta ħarsa ġenerali tal-applikazzjonijiet irċevuti fl-2016, inkluża l-informazzjoni finanzjarja relevanti.

2.Applikazzjonijiet irċevuti fl-2016

Il-Kummissjoni rċeviet sitt applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fl-2016. Dawn kollha ddaħħlu fi żmien l-iskadenza legali ta’ “mhux iktar tard minn 12-il ġimgħa wara l-ewwel okkorrenza tal-ħsara” (l-Artikolu 4(1) tar-Regolament). Erbgħa mill-applikazzjonijiet kienu jirrigwardaw diżastri reġjonali, u tnejn minnhom kienu jirrigwardaw diżastru maġġuri.

IL-GREĊJA – it-terremot ta’ Lefkada tal-2015

Fis-17 ta’ Novembru 2015, sensiela ta’ terremoti li laħqu 6,1 fuq l-iskala Richter laqtu lil Lefkada. Kienet irreġistrata ħsara wkoll fil-partijiet fit-Tramuntana ta’ Ithaki u Kefalonia. It-terremot innifsu kien segwit minn bosta xokkijiet ta’ wara. Il-popolazzjoni affettwata ġiet ipprovduta b’akkomodazzjoni, kenn u ikel temporanji. It-terremot għamel ħsara lil 120 dar, li minnhom 20 ma kinux meqjusin tajbin biex dak li jkun jgħix fihom. Ġiet irrappurtata wkoll ħsara lis-sistemi infrastrutturali provinċjali u muniċipali, bini privat u pubbliku (pereżempju sptar lokali, portijiet) u lil siti kulturali (fil-biċċa l-kbira knejjes). Kien hemm uqigħat tal-art li radmu u qerdu xi wħud mill-iktar bajjiet importanti għat-turiżmu fil-punent tal-gżira.

Il-Greċja applikat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fil-5 ta’ Frar 2016. B’risposta għal talba mingħand il-Kummissjoni, ġiet ippreżentata informazzjoni aġġornata fid-9 ta’ Marzu 2016.

L-awtoritajiet Griegi stmaw li l-ħsara diretta totali kienet ta’ EUR 65,919 miljun. F’Marzu 2016, l-awtoritajiet Griegi aġġornaw il-ħsara diretta totali għal EUR 66,073 miljun. Din il-ħsara kienet tirrappreżenta 2,1 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) reġjonali tar-reġjun NUTS livell 2 ikkonċernat Ionia Nisia (EL62) 2 u għalhekk kienet tikkwalifika bħala diżastru reġjonali. Il-livell limitu biex jiġi mmobilizzat il-Fond ta’ Solidarjetà għal dan ir-reġjun huwa ta’ 1,5 % tal-PDG reġjonali.

Fit-8 ta’ April 2016 il-Kummissjoni ħallset avvanz lill-Greċja li kien jammonta EUR 164 798, li jirrappreżentaw 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata mill-Fond ta’ Solidarjetà.

Il-Kummissjoni vvalutat it-talba u fil-21 ta’ Ġunju 2016 ipproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-Fond ta’ Solidarjetà jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 1 651 834. Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Solidarjetà tħallas lill-Greċja fil-15 ta’ Novembru 2016 wara li l-baġit emendatorju korrespondenti kien ġie approvat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

IR-RENJU UNIT – Għargħar tal-2015

Fil-5 ta’ Diċembru 2015 ir-Renju Unit ġarrab għargħar kbir li affettwa 11-il reġjun 3 . Id-diżastru għarraq iktar minn 16 000 unità domestika u 4 985 negozju, u madwar 3 600 unità domestika kellhom jitqiegħdu f’akkommodazzjoni alternattiva. L-isforzi ta’ salvataġġ u rkupru kienu appoġġjati minn 1 700 membru tal-militar, u fi kwalunkwe ħin kien hemm madwar 700 fuq il-post. Id-diżastru kellu impatt qawwi fuq l-industrija tat-turiżmu (pereżempju tħassir fil-lunkandi, inqas turisti), b’35 % tan-negozji turistiċi li jinsabu f’żoni affettwati mill-għargħar fit-tramuntana tal-Ingilterra biss. L-irziezet ukoll batew minn nuqqas ta’ produzzjoni.

Ir-Renju Unit ippreżenta applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fis-26 ta’ Frar 2016, u l-ħsara diretta totali kienet stmata għal EUR 2 300 miljun. Fl-applikazzjoni l-awtoritajiet Brittanniċi nnutaw li l-valutazzjoni tal-ħsara kienet għadha qed issir u li l-ammont irrapportat kien proviżorju. L-applikazzjoni finali biċ-ċifra aġġornata ta’ EUR 2 412,042 miljun kienet ippreżentata fit-22 ta’ Settembru 2016. Id-diżastru kkwalifika bħala diżastru naturali reġjonali minħabba li l-ħsara diretta totali kienet tirrappreżenta 5,77 % tal-medja ponderata tal-PDG tal-11-il reġjun tal-livell 2 tan-NUTS ikkonċernati 4 kienet ċarament taqbeż il-livell limitu ta’ 1,5 % tal-medja ponderata tal-PDG reġjonali kif stipulat fir-Regolament.

Ir-Renju Unit ma talabx li jsir ħlas bil-quddiem.

Il-Kummissjoni vvalutat it-talba u fit-13 ta’ Jannar 2017 ipproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-Fond ta’ Solidarjetà jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 60 301 050. L-informazzjoni meħtieġa biex titħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja ġiet ippreżentata mir-Renju Unit fil-5 ta’ Mejju 2017. Il-ħlas lir-Renju Unit sar fis-17 ta’ Lulju 2017 wara li l-baġit emendatorju korrespondenti kien ġie approvat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

ĠERMANJA – Għargħar tal-Bavarja t’Isfel tal-2016

Bejn Mejju u Ġunju 2016, il-Ġermanja esperjenzat xita qawwija ħafna iktar mis-soltu, li wasslet biex ix-xmajjar ifuru mix-xtut tagħhom u jgħarrqu bosta villaġġi, partikolarment fir-reġjun ta’ Niederbayern (il-Bavarja t’Isfel). L-iktar li ġie milqut kien id-distrett ta’ Rottal-Inn fil-Bavarja t’Isfel. Il-belt żgħira ta’ Simbach am Inn kważi nqerdet għalkollox fl-1 ta’ Ġunju. Żona ta’ madwar 430km2 b’madwar 5 000 dar ġiet mgħarrqa fid-distritt ta’ Rottal-Inn biss. B’kollox, ġew affettwati 47 000 persuna fil-Bavarja t’Isfel u seba’ persuni mietu. Id-diżastru għamel ħsara lill-infrastruttura pubblika, djar privati u negozji.

Il-Ġermanja applikat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fid-19 ta’ Awwissu 2016. L-applikazzjoni kienet illimitata għal reġjun wieħed tal-livell 2 NUTS, jiġifieri l-Bavarja t’Isfel (DE22). Il-ħsara diretta totali stmata kienet ta’ EUR 1 259,005 miljun. Din kienet tirrappreżenta 3,03 % tal-PDG tar-reġjun 5 u kienet taqbeż il-livell limitu reġjonali kif stipulat fir-Regolament.

Il-Ġermanja ma talbitx li jsir ħlas bil-quddiem.

Il-Kummissjoni vvalutat it-talba u fl-14 ta’ Ottubru 2016 ipproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-Fond ta’ Solidarjetà jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 31 475 125. Wara li l-baġit emendatorju korrespondenti kien ġie approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond tħallset lill-Ġermanja fid-29 ta’ Marzu 2017.

ĊIPRU – Nixfa u nirien tal-2016

Tul il-perjodu bejn Ottubru 2015 sa Ġunju 2016, Ċipru ġarrab preċipitazzjoni baxxa ħafna u mewġ ta’ sħana ripetut. In-nixfa li rriżultat wasslet biex intilfu l-għelejjel, għal nirien fil-foresti u l-veġetazzjoni, u skarsezzi tal-ilma. L-iskarsezza tal-ilma kellha impatt gravi fuq l-agrikoltura, l-unitajiet domestiċi, u l-ambjent. Partijiet kbar mid-distretti ta’ Nikosija, Larnaca u Famagusta sofrew 100 % ta’ ħsara għal għelejjel li jissaqqew bl-ilma tax-xita (bħax-xgħir, il-qamħ u għelejjel oħrajn li mhumiex irrigati). L-ilma dieħel fil-ġwiebi naqas bil-kbir, partikolarment għad-Diga Kouris, is-sors ewlieni għall-faċilitajiet tat-trattament tal-ilma u għall-irrigazzjoni. F’nofs Ġunju, il-mewġa ta’ sħana li għaddiet minn fuq Ċipru kkawżat żewġ nirien fil-foresti kbar. L-ewwel waħda f’Argaka ħaqret żona ta’ 763 ha tal-foresta tal-istat ta’ Pafos. It-tieni waħda f’Argaka ħarqet żona ta’ 1897 ha, li l-biċċa l-kbira minnha hija parti mill-foresta tal-istat ta’ Adelfoi.

Ċipru applika għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fil-5 ta’ Settembru 2016. Ċipru stima li l-ħsara diretta totali kkawżata min-nixfa u n-nirien tal-foresti kienet ta’ EUR 180,803 miljun. Dan l-ammont kien jaqbeż il-livell limitu għal diżastru maġġuri biex jiġi mmobilizzat il-Fond ta’ Solidarjetà applikabbli għal Ċipru fl-2016 ta’ EUR 101,412 miljun (jiġifieri 0,6 % tal-ING bbażat fuq data tal-2014).

Fil-5 ta’ Diċembru 2016 il-Kummissjoni ħallset ammont bil-quddiem lil Ċipru li jammonta għal EUR 729 876, li rrappreżenta 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata mill-Fond ta’ Solidarjetà.

Il-Kummissjoni vvalutat it-talba u fl-24 ta’ Jannar 2017 ipproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-Fond ta’ Solidarjetà jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 7 298 760. Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà tħallas lil Ċipru fis-16 ta’ Mejju 2017 wara li l-baġit emendatorju korrespondenti kien ġie approvat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

IL-PORTUGALL – Nirien fuq il-gżira ta’ Madeira tal-2016

It-temperaturi għoljin, l-irjieħ qawwijin ħafna u l-preċipitazzjoni estremament baxxa li laqtu lill-gżira ta’ Madeira bejn it-8 u t-13 ta’ Awwissu 2016 ħolqu nirien kbar li kellhom effetti partikolarment serji fuq il-kapitali Funchal u l-muniċipalità ta’ Calheta. Kellhom ukoll impatt qawwi fuq il-ħajja ta’ kuljum u l-proprjetà tal-popolazzjoni, inklużi tlett vittmi. Iż-żona maħruqa kopriet 6 000 ha li minnhom 560 ha kkonċernaw żoni protetti li jagħmlu parti min-netwerk Natura 2000. Proprjetajiet storiċi u mijiet ta’ djar privati saritilhom ħsara jew saħansitra nqerdu. Barra minn hekk, l-infrastruttura bażika, in-negozju u s-settur agrikolu wkoll ġew affettwati.

Il-Portugall applika għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fil-21 ta’ Settembru 2016. Il-Portugall bagħat informazzjoni addizzjonali biex l-applikazzjoni tkun kompluta fis-26 ta’ Ottubru 2016.

L-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw l-applikazzjoni bħala diżastru reġjonali, bil-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru tkun stmata għal EUR 157 miljun. Għar-reġjuni ultraperiferiċi – li jinkludu lil Madeira – il-livell limitu għad-diżastri reġjonali huwa ta’ 1 % tal-PDG reġjonali. Il-ħsara diretta rrappurtata rrappreżentat 3,84 % tal-PDG ta’ Madeira 6 , li għaldaqstant ikkwalifikat bħala diżastru reġjonali.

Fit-23 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ħallset ammont bil-quddiem lill-Portugall li ammonta għal EUR 392 500 li rrappreżenta 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata mill-Fond.

Il-Kummissjoni vvalutat it-talba u fl-24 ta’ Jannar 2017 ipproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-Fond ta’ Solidarjetà jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 3 925 000. Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà tħallas lill-Portugall fis-16 ta’ Mejju 2017 wara li l-baġit emendatorju korrespondenti kien ġie approvat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

L-ITALJA – Sensiela ta’ terremoti 2016/2017

L-Italja ntlaqtet minn terremot li rreġistra 6 fuq l-iskala Richter fl-24 ta’ Awwissu 2016. Dan affettwa żoni kbar tal-katina tal-Appennini fl-Italja ċentrali, fir-reġjuni tal-Abruzzo, il-Lazjo, il-Marche u l-Umbrija. Wara segwew bosta xokkijiet ta’ wara. Fi tmiem Ottubru 2016, l-istess reġjun ġie milqut minn żewġ terremoti serji oħrajn. L-ewwel wieħed seħħ fis-26 ta’ Ottubru u rreġistra 5,9 fuq l-iskala Richter, u t-tieni wieħed seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2016 u kellu kobor ta’ 6,5. Dawn it-terremoti komplew jgħawru s-sitwazzjoni u ħolqu ħsara addizzjonali estensiva fiż-żoni milquta. Fit-18 ta’ Jannar 2017 erba’ terremoti oħrajn laqtu n-naħa t’isfel taż-żona, fejn l-infrastruttura u d-djar li diġà kienet saritilhom ħsara ġġarrfu minħabba l-kombinazzjoni ta’ ħafna borra u x-xokkijiet il-ġodda. Il-ħsara sejra u mifruxa laqtet lil bini privat u pubbliku, infrastrutturi, negozji, l-agrikoltura u wirt kulturali importanti, u rriżultat li kien bil-kif l-iktar diżastru serju li qatt kellu jittratta l-Fond ta’ Solidarjetà.

L-Italja inizjalment applikat għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà fis-16 ta’ Novembru 2016. Fuq dik il-bażi l-Kummissjoni allokat avvanz fuq il-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà antiċipat ta’ EUR 30 miljun u ħallsitu fid-9 ta’ Diċembru 2016.

Biex tqis it-terremoti sussegwenti, fil-15 ta’ Frar 2017 l-Italja ppreżentat applikazzjoni aġġornata bi stima riveduta li kienet tinkludi l-ħsara kollha kkaġunata mit-terremoti bejn l-24 ta’ Awwissu 2016 u t-18 ta’ Jannar 2017. Ingħatat iktar informazzjoni fil-25 ta’ Mejju 2017.

Meta nkiteb dan ir-rapport, l-applikazzjoni kienet għadha qed tiġi pproċessata u se tiġi rrappurtata fir-rapport annwali għall-2017 tal-Fond ta’ Solidarjetà.


3.Finanzjament

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw żewġ kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond ta’ Solidarjetà fl-2016.

(1)Il-Greċja, it-terremot ta’ Lefkada tal-2015: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà fil-11 ta’ Ottubru 2016. Il-kontribuzzjoni totali li ammontat għal EUR 1 651 834 setgħet tiġi koperta mill-approprjazzjonijiet ta’ EUR 50 miljun disponibbli fil-baġit tal-2016 għall-avvanzi. Il-ħlas lill-Greċja sar f’Novembru 2016.

(2)Il-Ġermanja, l-għargħar fil-Bavarja t’Isfel tal-2016: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà ta’ EUR 31 475 125 fid-19 ta’ Ottubru 2016 7 . Minħabba li l-ħlas ma setax jiġi eżegwit fl-2016, l-approprjazzjonijiet tal-baġit kellhom jiġu riportati għall-2017. Il-ħlas lill-Ġermanja sar f’Marzu 2017.

Fl-2016, erba’ pajjiżi (il-Greċja, Ċipru, il-Portugall u l-Italja) talbu ħlasijiet bil-quddiem. It-talbiet kollha, li b’kollox ammontaw għal EUR 31,287 miljun ġew approvati mill-Kummissjoni. Dawn tħallsu mir-riżerva ta' EUR 50 miljun għall-avvanzi iskritta fil-baġit tal-2016. Il-Greċja rċeviet l-avvanz f’April 2016, il-Portugall f’Novembru, waqt li Ċipru u l-Italja rċevewh f’Diċembru 2016.

Stat Benefiċjarju

Diżastru

Kategorija

Proċedura

Ammont (EUR)

Il-Greċja

It-terremot ta’ Lefkada tal-2015

reġjonali

Deċiżjoni dwar mobilizzazzjoni

1 651 834

Il-Ġermanja

Għargħar tal-Bavarja t’Isfel tal-2016

reġjonali

Baġit
emendatorju

31 475 125

TOTAL FINALI

33 126 959

4.Għeluq

Tul l-2016, il-Kummissjoni għalqet erba’ interventi tal-Fond ta’ Solidarjetà. Kollha kemm huma kienu ġew implimentati skont it-termini tar-Regolament qabel ġie rivedut fl-2014. Taħt dawn it-termini l-Artikolu 8(2) kien jistipula li fi żmien 18-il xahar mid-data tal-iżborż tal-kontribuzzjoni finanzjarja, l-Istat benefiċjarju għandu jippreżenta rapport dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja (“rapport ta' implimentazzjoni”) b’dikjarazzjoni li tiġġustifika n-nefqa (“dikjarazzjoni ta’ validità”).

(1)Spanja, nirien fil-foresti fl-2003: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 1,331 miljun. Spanja ppreżentat ir-rapport ta' implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità f’Marzu 2006. Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali minn Spanja biex tlesti l-valutazzjoni tagħha. L-awtoritajiet Spanjoli rrappurtaw li kellu jiġi rritornat ammont ta’ EUR 778 258,73. Il-Kummissjoni rkuprat dan l-ammont u għalqet l-intervent f’Ġunju 2016.

(2)Spanja, it-terremot ta’ Lorca tal-2011: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 21,071 miljun. Spanja talbet li tiġi estiża d-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport ta' implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità. Il-Kummissjoni rċeviet ir-rapport ta' implimentazzjoni u d-dokumenti ta' prova f’Lulju 2014. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni ta’ validità, in-nefqa eliġibbli taħt il-Fond ta’ Solidarjetà kienet EUR 364 473,17 inqas mill-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa. Il-Kummissjoni rkuprat dan l-ammont f’Ġunju 2016.

(3)Il-Kroazja, l-għargħar tal-2012: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 286 587 miljun. Ir-rapport ta' implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità ġew ippreżentati f’Ġunju 2015. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Kroazja ppreżentat informazzjoni addizzjonali, u wara dan l-intervent ingħalaq f’Lulju 2016.

(4)L-Awstrija, l-għargħar tal-2013: il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà kienet tammonta għal EUR 21,662 miljun. F’Awwissu 2015, l-Awstrija ppreżentat ir-rapport ta' implimentazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ validità. Ir-rapport kien komplut u kien jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u għalhekk il-Kummissjoni setgħet tagħlaq l-intervent f’Awwissu 2016.

Fl-2016, il-Kummissjoni rċeviet ukoll tliet rapporti ta’ implimentazzjoni u dikjarazzjonijiet ta’ validità mir-Rumanija għad-diżastru tan-nixfa u n-nirien tal-2012, mill-Ġermanja għall-għargħar tal-2013, u mir-Repubblika Ċeka għall-għargħar tal-2013. Il-proċedura tal-għeluq għal dawn l-interventi għadha għaddejja.


5.Konklużjonijiet

L-għadd ta’ applikazzjonijiet ġodda għall-Fond ta’ Solidarjetà ppreżentati lill-Kummissjoni fl-2016 kien limitat, u minn dawn, żewġ applikazzjonijiet kienu marbutin ma’ diżastri li kienu seħħew f’Novembru u Diċembru tal-2015 (it-terremot ta’ Lefkada u l-għargħar fir-Renju Unit). Dan jidher li jikkonferma għal darb’oħra li r-reviżjoni u l-kjarifikazzjoni tal-kriterji għad-diżastri reġjonali fir-Regolament kif emendat fl-2014 qegħdin iħallu l-frott mixtieq, b’mod partikolari li ma għadhomx jiġu ppreżentati applikazzjonijiet li ċarament mhumiex eliġibbli.

Madankollu, f’Awwissu u Ottubru l-Italja reġgħet intlaqtet minn terremoti devastanti li – flimkien ma’ skoss sever ieħor f’Jannar 2017 – irriżultaw li kienu l-ikbar katastrofu li qatt kellu jindirizza l-Fond ta’ Solidarjetà mindu nħoloq fl-2002. Bi ħsara li ammontat għal EUR 22 biljun, l-ammont ta’ ħsara kien kważi d-doppju tat-tieni l-akbar każ, it-terremot tal-Emilja-Romanja tal-2012. Dawn l-avvenimenti jikkonfermaw ix-xejra li ġiet identifikata f’okkażjonijiet preċedenti: filwaqt li l-għargħar jirrappreżentaw bil-kif l-akbar sehem ta’ diżastri li jwasslu għal applikazzjonijiet għall-Fond ta’ Solidarjetà (daqs żewġ terzi tal-każi kollha), it-terremoti huma fost l-aktar rari iżda huma l-iktar dannużi u jiswew, u kif, biex ma nsemmux il-kost uman f’termini ta’ nies maqtula, imweġġgħin jew spostati għal żmien twil.

L-għadd żgħir ta’ applikazzjonijiet fl-2016 u l-fatt li l-applikazzjoni relatata mat-terremoti Taljani tlestiet biss fl-2017 kienu kumbinazzjoni xxurtjata f’termini baġitarji. Il-mobilizzazzjonijiet li saru tul l-2016 tħallsu mill-parti mhux użata tal-allokazzjoni annwali għall-2015 li ġiet riportata għall-2016. Għaldaqstant, l-ammont sħiħ tal-allokazzjoni tal-2016 ma ntmessx u ġie riportat għall-2017, u b’hekk fl-2017 setgħet tiġi mmobilizata l-ikbar kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà li qatt saret għall-Italja. Dan ix-xenarju juri li l-possibbiltà li l-ammonti li ma jintefqux tas-sena preċedenti jiġu riportati b’sena hija estremament utli biex il-Fond ta’ Solidarjetà jibqa’ operattiv f’termini baġitarji, minkejja li l-allokazzjoni annwali tiegħu għall-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 tnaqqset minn EUR 1 biljun fi prezzijiet kurrenti għal EUR 500 miljun fi prezzijiet tal-2011. Se jkun importanti li din il-flessibbiltà tinżamm anke wara l-2020. Min-naħa l-oħra, dak li ġara fl-2016 juri li l-bażi finanzjarja tal-Fond ta’ Solidarjetà hija pjuttost żgħira u tista’ faċilment tiltaqa’ ma’ diffikultajiet jekk ikun hemm għadd ta’ diżastri gravi li jseħħu f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir, partikolarment meta ma jkunx possibbli li jiġi riportat xi ammont sinifikanti mis-sena ta’ qabel. F’tali każ jista’ jkun diffiċli li jinżammu r-rati ta’ għajnuna stabbiliti, li timmina l-prinċipju tat-trattament indaqs.

Il-possibbiltà li jsiru ħlasijiet bil-quddiem, li ġiet introdotta fir-Regolament fir-reviżjoni tal-2014 uriet li hija verament utli. Filwaqt li mhux l-istati kollha talbu ħlas bil-quddiem, il-Kummissjoni kienet kapaċi tħallas l-avvanz mitlub fil-każijiet kollha ħlief wieħed fi żmien xahar mindu l-fajl tal-applikazzjoni sħiħ kien iddaħħal. Jidher li ta’ min nirreflettu dwar jekk iż-żieda tal-ħlasijiet bil-quddiem b’iktar mir-rata attwali ta’ 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja mistennija tal-Fond ta’ Solidarjetà (limitata għal massimu ta’ EUR 30 miljun) tistax toffri soluzzjoni vijabbli biex tittejjeb ir-risponsività tal-Fond ta’ Solidarjetà, li l-mobilizzazzjoni sħiħa tiegħu permezz ta’ proċedura tal-baġit f’kull każ xorta waħda teħtieġ bosta xhur.

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, tal-14.11.2002, p. 3) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 (ĠU L 189, tas-27.6.2014, p. 143).
(2)    EL62 = PDG Reġjonali ta’ EUR 3 137 miljun, skont data tal-2014.
(3)    11-il reġjun affettwat = UKC2-Northumberland, UKD1-Cumbria, UKD3-Greater Manchester, UKD4-Lancashire, UKE2-Yorkshire tat-Tramuntana, UKE4-Yorkshire tal-Punent, UKL1-Wales tal-Punent u the Valleys, UKM2-l-Iskozja tal-Lvant, UKM3-l-Iskozja tal-Lbiċ, UKM5-l-Iskozja tal-Grigal u UKN0-l-Irlanda ta’ Fuq.
(4)    Medja ponderata tal-PDG reġjonali ta’ EUR 41 784 miljun abbażi ta’ data tal-2014.
(5)    DE22 = PDG Reġjonali ta’ EUR 41 522 miljun, skont data tal-2014.
(6)    PT30 = PDG Reġjonali ta’ EUR 4 085 miljun, skont data tal-2014.
(7)    Il-Baġit Emendatorju Nru 6 għas-sena 2016 ikopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà għal ammont ta' EUR 31 475 125 f'approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta' pagament. Il-mobilizzazzjoni hija marbuta mal-għargħar fil-Ġermanja.
Top

Brussell, 18.12.2017

COM(2017) 776 final

ANNESSI

tar-

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali għall-2016 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea


Anness I:    Il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE – Il-livelli limitu għal diżastri maġġuri applikabbli fl-2016
       (ibbażati fuq iċ-ċifri tal-Eurostat tal-2014 għall-Introjtu Nazzjonali Gross)

Għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE 1 japplikaw livelli limitu speċifiċi għall-pajjiżi, fejn il-ħsara diretta totali trid taqbeż iz-0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun fi prezzijiet tal-2011. Japplika l-inqas ammont.

(f’miljuni ta’ EUR)

ING 2014

0,6 % tal-ING

Livell limitu tal-2016 għal diżastru maġġuri

AT

ÖSTERREICH

327 202

1 963,212

1 963,212

BE

BELGIË/BELGIQUE

406 681

2 440,086

2 440,086

BG

BULGARIA

41 882**

251,292

251,292

CY

KYPROS

16 902

101,412

101,412

CZ

ČESKÁ REPUBLIKA

142 600

855,600

855,600

DE

DEUTSCHLAND

2 982 444

17 894,664

3 312,242*

DK

DANMARK

265 177

1 591,062

1 591,062

EE

EESTI

19 504

117,024

117,024

GR

ELLADA

177 488

1 064,928

1 064,928

ES

ESPAÑA

1 036 937

6 221,622

3 312,242*

FI

SUOMI/FINLAND

204 952

1 229,712

1 229,712

FR

FRANCE

2 174 475

13 046,850

3 312,242*

HR

HRVATSKA

41 889

251,334

251,334

HU

MAGYARORSZÁG

99 630

597,780

597,780

IE

ÉIRE/IRELAND

163 917**

983,502

983,502

IT

ITALIA

1 613 410

9 680,460

3 312,242*

LT

LIETUVA

36 004

216,024

216,024

LU

LUXEMBOURG (G.D.)

32 727**

196,362

196,362

LV

LATVIJA

23 541

141,246

141,246

MT

MALTA

7 588

45,528

45,528

NL

NEDERLAND

671 126

4 026.756

3 312,242*

PL

POLSKA

396 974**

2 381,844

2 381,844

PT

PORTUGAL

171 119

1 026,714

1 026,714

RO

ROMÂNIA

147 319

883,914

883,914

SE

SVERIGE

445 577

2 673,462

2 673,462

SK

SLOVENSKO

73 118

438,708

438,708

SI

SLOVENIJA

37 245

223,470

223,470

UK

UNITED KINGDOM

2 212 240

13 273.440

3 312,242*

ME

MONTENEGRO

3 504***

21,024

21,024

TR

TÜRKIYE

594 250**

3 565,500

3 312,242*

RS

SRBIJA

31 738**

190,428

190,428

* jiġifieri EUR 3 biljun fi prezzijiet tal-2011.

** Ma hemmx figuri tal-ING disponibbli; minflok jintużaw iċ-ċifri tal-PDG ibbażati fuq il-bażi tad-data AMECO (Bażi tad-data makroekonomika annwali tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni Ewropea).

*** L-ebda data tal-Eurostat mhi disponibbli; minflok jintużaw ċifri mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Montenegro.

Anness II: Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE – Ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet li waslu fl-2016

Sena ta’ okkorrenza

2016

Stat Applikant

Il-Greċja

Ir-Renju Unit

Il-Ġermanja

Ċipru

Il-Portugall

L-Italja

L-Isem u t-Tip
ta' diżastru

It-terremot ta’ Lefkada 2015

Għargħar 2015

Għagħar fil-Bavarja t’Isfel 2016

Nixfa u Nirien fl-2016

Nirien f’Madeira 2016

Sensiela ta' terremoti 2016/2017

Data tal-ewwel ħsara

17/11/2015

05/12/2015

28/05/2016

14/06/2016

08/08/2016

24/08/2016

Skadenza tal-applikazzjoni

09/02/2016

27/02/2016

20/08/2016

06/09/2016

31/10/2016

16/11/2016

Data tal-applikazzjoni
(meta waslet għand il-Kummissjoni)

05/02/2016

26/02/2016

19/08/2016

05/09/2016

21/09/2016

16/11/2016

L-informazzjoni kompluta
disponibbli fi

09/03/2016

22/09/2016

~

~

26/10/2016

25/05/2017

Livell limitu għal diżastru maġġuri (m€)

1 064,928

3 312,242

3 312,242

101,412

1 026,714

3 312,242

Il-ħsara diretta totali aċċettata
mill-Kummissjoni (f’miljuni ta’ EUR)

66,073

2 412,042

1 259,005

180,803

157,000

21 878,767

Kategorija

reġjonali

reġjonali

reġjonali

maġġuri

reġjonali

maġġuri

Ħsara/livell limitu

6,20 %

72,82 %

38,01 %

178,29 %

0,02 %

660,54 %

Ħsara/ING

0,037 %

0,109 %

0,042 %

1,070 %

0,092 %

1,356 %

Ħsara pubblika (f’miljuni ta’ €)

54,698

512,586

106,887

150,579

103,840

10 154,494

Ħsara pubblika/totali

82,78 %

21,25 %

8,49 %

83,28 %

66,14 %

46,41 %

Spiża tal-operazzjonijiet eliġibbli (m€)

52,374

408,232

94,196

49,000

7,347

2 149,363

Spiża eliġibbli/ħsara totali

79,27 %

16,92 %

7,48 %

27,10 %

4,68 %

9,82 %

Għajnuna/kost eliġibbli

3,15 %

14,77 %

33,41 %

14,90 %

53,42 %

55,68 %

Rata ta’ għajnuna (% tal-ħsara totali)

2,50 %

2,50 %

2,50 %

4,04 %

2,50 %

5,47 %

Data tad-deċiżjoni fuq l-avvanzi

18/03/2016

~

~

17/11/2016

09/11/2016

29/11/2016

Data tal-Komunikazzjoni

21/06/2016

13/01/2017

14/10/2016

24/01/2017

24/01/2017

21/06/2017

Data tad-deċiżjoni dwar l-għoti

24/10/2016

04/07/2017

07/03/2017

26/04/2017

26/04/2017

[1 196 797 579 2 ]

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond ta’ Solidarjetà (€)

1 651 834

60 301 050

31 475 125

7 298 760

3 925 000

Tista’ ssib ħarsa ġenerali tal-każijiet kollha tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE mill-2002 ’l hawn fil-link li ġej:    
http://ec.europa.eu/regional_policy/index.cfm/mt/funding/solidarity-fund/

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143).
(2)      Deċiża fl-2017
Top