EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0583

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-Reġjun tiegħi. L-Ewropa tiegħi, Il-Futur tagħna: Is-Seba' Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

COM/2017/0583 final

Brussell, 9.10.2017

COM(2017) 583 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-Reġjun tiegħi. L-Ewropa tiegħi, Il-Futur tagħna:
Is-Seba' Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

{SWD(2017) 330 final}


Introduzzjoni

Dan ir-rapport jissodisfa żewġ rekwiżiti:

(1) Huwa jirrapporta dwar kif il-koeżjoni evolviet f’reġjuni tal-UE matul dawn l-aħħar snin u jivvaluta l-impatt tal-politiki nazzjonali, tal-politika ta’ koeżjoni u ta’ politiki oħra tal-UE kif mitlub mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 1 . Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (Staff Working Document - SWD) li qed jakkumpnja r-rapport jikkonsisti f’6 kapitoli: dwar l-iżvilupp ekonomiku, l-inklużjoni soċjali, l-iżvilupp sostenibbli, it-titjib tal-istituzzjonijiet, il-politiki nazzjonali u l-koeżjoni, u l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni. L-impatt ta’ politiki oħra tal-UE huwa meqjus fl-ewwel erba’ kapitoli.

(2) Huwa jeżamina l-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) ma’ governanza ekonomika soda, kif meħtieġ mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni fir-rigward tal-Fondi Strutturali 2 . Dan ir-rieżami jinsab bħala sommarju fit-Taqsima 9 hawn taħt u spjegat b’mod sħiħ fit-Taqsima 5.3 tal-SWD.

1.id-differenzi reġjonali reġgħu qed jonqsu

Wara r-riċessjoni doppja fl-2008 u fl-2011, l-ekonomija tal-UE issa reġgħet qed tikber. Il-kriżi affettwat serjament kważi l-Istati Membri kollha. Hija waqqfet it-tnaqqis fit-tul tal-inugwaljanzi fil-PDG per capita bejn l-Istati Membri. Mal-bidu tal-perjodu ta’ rkupru, madankollu, dawn l-inugwaljanzi bdew jonqsu għal darb’oħra bi tkabbir kullimkien, u rati ogħla f’pajjiżi b’livelli aktar baxxi ta’ PDG per capita.

L-ewwel sinjali ta’ tnaqqis fl-inugwaljanzi huma evidenti wkoll fil-livell reġjonali madwar l-UE. Mill-2008 ’il quddiem, l-inugwaljanzi reġjonali fir-rati tax-xogħol u tal-qgħad kibru flimkien ma’ dawk fil-PDG per capita. Fl-2014, l-inugwaljanzi fl-impjieg bdew jonqsu, segwiti mill-inugwaljanzi fil-PDG per capita fl-2015. Madankollu, bosta reġjuni għad għandhom PDG per capita u rata ta’ impjieg taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi.

Bejn l-2000 u l-2015, il-PDG per capita f’ħafna reġjuni anqas żviluppati ikkonverġa lejn il-medja tal-UE permezz ta’ aktar tkabbir fil-produttività, iżda tilfu l-impjiegi. Is-settur tal-manifattura f’dawn ir-reġjuni fil-parti l-kbira tiegħu kellu prestazzjoni tajba, li għen lil kumpanniji jikkompetu fis-Suq Uniku kif ukoll globalment. Biex ikun żgurat li l-konverġenza tagħhom tkompli, dawn ir-reġjuni jridu jitilgħu 'l fuq fil-katina ta’ valur għall-attivitajiet b’livell ogħla ta’ ħiliet, teknoloġija u innovazzjoni għall-kontenut, speċjalment minħabba li l-globalizzazzjoni u l-bidla teknoloġika 3 jistgħu malajr jimminaw il-prestazzjoni ekonomika tagħhom.

Ir-reġjuni b’PDG per capita ogħla sew mill-medja tal-UE kibru b’rata aktar mgħaġġla minn dawk l-anqas żviluppati permezz ta’ taħlita kemm tal-produttività u kif ukoll tat-tkabbir fl-impjiegi. Peress li l-biċċa l-kbira tar-reġjuni bl-ogħla PDG per capita tar-reġjuni fihom belt kapitali nazzjonali jew belt kbira, huma jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ agglomerazzjoni waqt li suq tax-xogħol akbar jippermetti tqabbil aħjar tal-ħiliet. Il-konċentrazzjoni tal-attivitajiet tattira lil servizzi speċjalizzati u fornituri. L-investiment fl-infrastruttura tat-trasport u l-ICT jiġġenera profitti ogħla, filwaqt li l-prossimità ġeografika tad-ditti tipproduċi aktar innovazzjoni u tixrid ta’ għarfien. Dawn il-benefiċċji jistgħu jiġu estiżi billi jitjiebu r-rabtiet bejn il-bliet il-kbar u l-madwar rurali tagħhom jew bejn bliet iżgħar, fejn il-kondiviżjoni ta’ servizzi speċjalizzati, tista’ tagħti lok għal ekonomiji ta’ skala.

Bosta reġjuni bi PDG per capita aktar qrib il-medja tal-UE, madankollu, jidhru li huma maqbuda f’"nassa ta’ dħul medju”. Bħala medja, il-PDG per capita naqas bejn l-2000 u l-2015 meta mqabbel mal-medja tal-UE f’ħafna minn dawn ir-reġjuni (ara l-Mapep 1 u 2). Is-settur tal-manifattura tagħhom huwa iżgħar u aktar dgħajjef kemm minn dak f’reġjuni b’PDG per capita ogħla u wkoll minn dak f’reġjuni fejn il-PDG per capita huwa aktar baxx. Il-kostijiet tagħhom għandhom it-tendenza li jkunu għoljin wisq biex jikkompetu ma’ tal-ewwel u s-sistemi ta’ innovazzjoni reġjonali tagħhom mhumiex b’saħħithom biżżejjed biex jikkompetu ma’ dawk tal-aħħar. Biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom, jeħtieġ li jseħħu diversi bidliet fl-istess ħin: orjentazzjoni aktar b’saħħitha għall-esportazzjoni, bidla għal setturi ġodda u attivitajiet, spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni, żieda fl-edukazzjoni u t-taħriġ u titjib fl-ambjent tan-negozju. Il-globalizzazzjoni wasslet għal telf sostanzjali ta’ impjiegi f’ħafna reġjuni, iżda t-taħriġ waħdu lil ħaddiema ssensjati ma jiżgurax il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u t-trasformazzjoni strutturali meħtieġa.

2.L-impjieg irkupra, iżda l-livell tal-qgħad għadu ogħla milli kien qabel il-kriżi

Fl-2016, ir-rata tal-impjiegi ta’ dawk bejn l-20 u l-64 sena fl-UE qabżet il-livell ta’ qabel il-kriżi għall-ewwel darba. Fil-livell ta’ 71 %, din hija punt perċentwali ogħla milli kienet fl-2008, iżda xorta taħt il-mira ta’ 75 % għall-2020 stabbilita mill-istrateġija Ewropa 2020. Madankollu, is-sitwazzjoni tvarja b’mod sinifikanti madwar l-UE.

Ir-rata tal-qgħad fl-UE niżlet minn quċċata ta’ 10,9 % fl-2013 għal 8,6 % fl-2016 u 7,7 % fl-2017, li għadha ogħla mis-7 % kif kienet fl-2008. F’ċerti pajjiżi, ir-rata hija inqas milli fl-2008, iżda f’postijiet oħra hija mill-anqas 5 punti perċentwali ogħla. Id-differenzi reġjonali fir-rati tal-qgħad ma kienux naqsu sal-2016, iżda kienu kważi waqfu jikbru. Madankollu, b’mod partikolari persuni taħt il-25 sena għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi biex jiksbu impjieg (ara l-Mappa 3).

Għalkemm kien hemm xi progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020 bejn l-2010 u l-2015, ir-rata ta’ progress mhix biżżejjed sabiex dawn il-miri jinkisbu sal-2020. Ir-reġjuni l-aktar żviluppati huma l-eqreb li jiksbuhom, iżda r-reġjuni fejn sar l-inqas żvilupp għamlu aktar progress lejhom sal-2015. Ir-reġjuni ta’ tranżizzjoni (dawk bejniethom) m’għamlu kważi l-ebda progress sa dak iż-żmien u se jinqabżu mir-reġjuni inqas żviluppati sal-2020 jekk it-tendenzi jippersistu. Iż-żoni rurali huma l-aktar ’il bogħod milli jilħqu l-miri tal-UE, iżda għamlu aktar progress mill-bliet u s-subborgi sal-2015.

Mappa 1 Bidla fl-indiċi tal-PDG per capita, 2000–2008

Mappa 2 Bidla fl-indiċi tal-PDG per capita, 2009-2015

Mappa 3 Popolazzjoni ta’ bejn il-15 u l-24 sena li m’għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, 2016

3.Xi reġjuni għandhom tkabbir rapidu tal-popolazzjoni filwaqt li oħrajn għandhom depopulazzjoni

Għall-ewwel darba, kien hemm aktar imwiet milli trabi li twieldu fl-UE fl-2015, li jsaħħaħ l-impatt tal-migrazzjoni u l-mobilità fuq il-popolazzjoni reġjonali. Id-differenzi kbar fil-qgħad u introjtu madwar l-UE jinkoraġġixxu lin-nies biex isibu opportunitajiet aħjar ta’ impjieg u/jew jaħarbu l-qgħad u l-faqar. Il-movimenti kienu l-aktar mill-UE-13 lejn l-UE-15 u fl-UE-13 mir-reġjuni rurali għall-bliet kapitali u bliet kbar. F’bosta reġjuni, dan wassal għal tibdil rapidu tal-popolazzjoni, li tefa’ pressjoni fuq l-infrastruttura u s-servizzi pubbliċi jew biex inaqqsuhom jew iċekknuhom.

F’dawn l-aħħar snin, l-UE rat ukoll żieda rapida ta’ persuni li japplikaw għall-ażil, li laħqu 1.2 miljun applikazzjonijiet għall-ewwel darba kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016. Għall-koeżijoni u l-prosperità fil-ġejjieni, huwa importanti li jiġi żgurat li r-rifuġjati jew il-migranti kollha li jgħixu legalment fl-UE jkunu integrati b’mod effettiv. It-titjib tal-ħiliet tagħhom biex jiġu megħjuna jsibu impjieg, l-għajnuna biex jistabbilixxu negozju, billi tipprovdilhom aċċess aħjar għall-finanzi u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni huma kollha kruċjali sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Mappa 4 Bidla fil-popolazzjoni fir-reġjuni NUTS 3, 2005-2015

4.Il-bliet jikkombinaw l-opportunitajiet mal-isfidi

Minkejja l-konċentrazzjoni li qed tikber ta’ impjiegi fil-bliet, is-sehem ta’ unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ta’ xogħol huwa l-ogħla fil-bliet tal-UE 15. Ir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali fl-UE waqa’ lura għal-livell ta’ qabel il-kriżi. Fl-UE-13, huwa saħansitra aktar baxx minn qabel il-kriżi, iżda fl-UE-15 għadu ogħla minn qabel fil-bliet, fil-bliet żgħar u fis-sobborgi. Dan jenfasizza l-fatt li anki fil-bliet relattivament benestanti jeżistu żoni ta’ faqar 4 .

Il-bliet huma aktar effiċjenti f’termini ta’ enerġija u l-użu tal-art 5 u joffru l-possibbiltà ta’ stil ta’ ħajja b’użu baxx tal-karbonju. Fl-istess ħin, it-tniġġis tal-arja bl-effetti dannużi kollha fuq is-saħħa tal-bniedem jibqa’ ta’ tħassib f’ħafna bliet Ewropej.

Strateġiji integrati jistgħu jħallu impatt qawwi fil-bliet. Pereżempju, trasport urban aħjar jista’ jnaqqas il-konġestjoni, jagħmel il-kumpaniji aktar produttivi u jaqqgħad viċinati li huma l-aktar fil-bżonn. L-istituti tal-edukazzjoni għolja jistgħu jgħinu biex jintegraw il-migranti, jippromwovu l-innovazzjoni u jipprovdu l-ħiliet li huma neqsin fis-suq tax-xogħol lokali. Soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħal spazju ekoloġiku urban jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja, il-kwalità tal-arja u l-bijodiversità.

5.L-investimenti fl-innovazzjoni, fil-ħiliet u fl-infrastruttura huma insuffiċjenti

Kumplessivament, l-innovazzjoni fl-UE għadha kkonċentrat bi kbir f’numru limitat ta’ reġjuni (ara l-Mappa 5 ). Fl-Istati Membri tar-reġjun tal-Majjistral, il-konnessjonijiet interreġjonali tajba, forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati u ambjent ta’ negozju attraenti ippermettew lil reġjuni ġirien biex jibbenefikaw mill-prossimità tagħhom fir-reġjuni kkonċernati. Fl-Istati Membri tan-Nofsinhar u tal-Lvant, il-prestazzjoni tal-innovazzjoni hija aktar dgħajfa u reġjuni qrib ċentri ta’ innovazzjoni — prinċipalment il-kapitali — ma jibbenefikawx mill-prossimità tagħhom. Dan jitlob politiki li jgħaqqdu lill-impriżi, liċ-ċentri ta’ riċerka u lis-servizzi kummerċjali speċjalizzati madwar ir-reġjuni. Aktar investiment fil-ħiliet jista’ jgħin biex jitjieb t-tkabbir ekonomiku billi titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u jgħin biex jitnaqqas il-faqar, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-esklużjoni soċjali.

L-investiment pubbliku fl-UE għadu taħt il-livell tiegħu qabel il-kriżi b’diskrepanzi kbar f’xi wħud mill-pajjiżi l-aktar affettwati mill-kriżi. Se jkun meħtieġ aktar investment biex jitlesta n-netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-konnessjonijiet miegħu. Is-servizzi bażiċi tal-broadband huma aċċessibbli għall-unitajiet domestiċi kollha fl-UE, iżda l-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss — li huwa ħafna aktar rapidu — huwa disponibbli biss għal 40 % tar-residenti rurali meta mqabbel ma’ 90 % tar-residenti f’żoni urbani.

Mappa 5 Prestazzjoni reġjonali fl-innovazzjoni, 2017

6.Meħtieġa aktar investimenti fl-effiċjenza tal-enerġija, fis-sorsi rinnovabbli u fit-trasport b’użu baxx ta’ karbonju biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra

Sar progress sostanzjali biex jiġi limitat il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jew laħqu jew waslu biex jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom tal-2020 għall-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra u l-enerġija rinnovabbli. Dan parzjalment kien iffaċilitat mit-tnaqqis tal-attività ekonomika mill-kriżi. L-irkupru attwali jista’, għaldaqstant, jipperikola dawn il-kisbiet. Biex jintlaħqu miri aktar ambizzjużi fil-livell tal-UE ta’ tnaqqis ta’ 40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra u s-sehem ta’ 27 % ta’ enerġija rinnovabbli sal-2030 se jkunu jeħtieġu sforz ikbar. Il-Ftehim riċenti dwar il-klima (COP21) jimpenja wkoll lill-gvernijiet biex kull ħames snin jivvalutaw jekk ikunx hemm bżonn ta’ miri aktar ambizzjużi.

Sabiex tintlaħaq il-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, hemm il-ħtieġa għal bidla lejn trasport aktar nadif u aktar effiċjenti fl-enerġija u li jsir użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura tat-trasport eżistenti. It-toroq għadhom il-mezz predominanti ta’ trasport kemm għall-passiġġieri u wkoll għall-merkanzija u hemm bżonn li jsir iżjed biex jiżdied l-użu tal-ferroviji u tal-passaġġi fuq l-ilma kif ukoll tat-trasport pubbliku 6 .

It-tibdil fil-klima se jkollu effetti sinifikanti fuq ħafna reġjuni tal-UE. Dan se jagħti lok għal bidliet fl-ambjent li ta’ spiss se jkunu jiswew ħafna biex wieħed jadatta għalihom u li se jeħtieġu investiment sostanzjali biex ir-reġjuni jsiru aktar reżiljenti għall-konsegwenzi.

L-istat tal-ambjent fl-UE tjiebet f’dawn l-aħħar snin 7 . Madankollu, l-objettivi ambjentali ewlenin bħall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, il-kwalità tal-arja u f’xi Stati Membri, it-trattament tal-ilma mormi għadhom ma ġewx issodisfati.

7.Nikkooperaw u negħlbu l-ostakli b’mod transfruntier fl-UE

L-UE minn dejjem appoġġat il-kooperazzjoni territorjali li żvolġiet rwol kruċjali kemm biex jittaffew l-effetti negattivi ta’ fruntieri interni u wkoll biex toffri lill-Ewropej soluzzjonijiet innovattivi f’dak li jirrigwarda r-riċerka, il-kwistjonijiet ambjentali, it-trasport, l-edukazzjoni, l-enerġija, il-kura tas-saħħa, is-sigurtà u t-taħriġ. Il-kooperazzjoni territorjali tista’ tgħin ukoll lill-pajjiżi u lir-reġjuni biex isibu soluzzjonijiet għal problemi komuni, inklużi dawk marbuta ma’ sfidi globali ġodda.

Il-programmi ta’ kooperazzjoni kkontribwixxew għat-tkabbir tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa billi żżid il-kapaċità tar-R&D u t-trasferiment ta’ għarfien espert bejn ir-reġjuni, biex b’hekk jiġi stimolat l-investiment favur l-SMEs u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji lokali. Huma tejbu l-aċċessibbiltà transfruntiera, il-ġestjoni konġunta ta’ riżorsi naturali u l-ħarsien ambjentali.

Madankollu, minkejja l-eliminazzjoni ta’ ħafna ostakli istituzzjonali u regolatorji, il-fruntieri għadhom jirrappreżentaw ostakli għall-moviment tal-prodotti, tas-servizzi, tan-nies, tal-kapital u tal-ideat. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakoli tista’ tistimola t-tkabbir ekonomiku u ttejjeb l-aċċess għas-servizzi fir-reġjuni kkonċernati, iżda tgħin ukoll l-ekonomiji Ewropej biex jaħsdu sew il-benefiċċji tal-integrazzjoni 8 .

8.It-titjib tal-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u tal-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali jista’ jsaħħaħ it-tkabbir

Kwalità baxxa tal-gvern ixxekkel l-iżvilupp ekonomiku u tnaqqas l-impatt tal-investiment pubbliku, inklużi dak kofinanzjat mill-politika ta’ koeżjoni (ara l-Kapitolu 4). L-effiċjenza tal-gvern tvarja bejn l-Istati Membri. Hemm ukoll differenzi sinifikanti f’għadd minnhom (ara Mappa 6 ). It-titjieb fl-istituzzjonijiet jista' jkompli jkabbar l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni.

Ir-riformi strutturali li jtejbu l-kompetizzjoni, l-ambjent tan-negozju, l-edukazzjoni u l-ħiliet 9 , is-swieq tax-xogħol u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jista’ jkollhom benefiċċji kbar f’termini ta’ produttività u tkabbir fl-impjieg. Dan huwa partikolarment rilevanti għal reġjuni u pajjiżi fejn il-produttività bilkemm tjiebet matul l-aħħar għaxar snin 10 . Riformi li prinċipalment jeħtieġu bidliet regolatorji u amministrattivi mingħajr investiment, madankollu, attwalment mhumiex marbuta mal-politika ta’ koeżjoni.

Skont ir-rapport Doing Business 11 hemm differenzi kbar bejn kemm l-Istati Membri huma favur in-negozju. Il-qagħda tal-ambjent tan-negozju tista’ tvarja wkoll fil-pajjiżi, minħabba d-differenzi fl-effiċjenza tal-awtoritajiet lokali.

Akkwist pubbliku miftuħ u trasparenti huwa essenzjali biex jiġi promoss l-iżvilupp u jkunu ippremjati d-ditti l-aktar effiċjenti. Madankollu, l-użu ta’ proċeduri miftuħa, l-intensità tal-kompetizzjoni u l-veloċità tat-teħid ta’ deċiżjoni kif ukoll ir-riskju ta’ korruzzjoni jvarja ħafna bejn ir-reġjuni.

Sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp ekonomiku u lill-impatt tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni tal-UE, l-effiċjenza u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll l-effettività tas-sistemi tal-ġustizzja jeħtieġ li jiġu mtejba. Ir-riformi huma wkoll meħtieġa sabiex jitnaqqsu l-ostakoli regolatorji u jittejjeb il-funzjonament tas-suq tax-xogħol.

Mappa 6 Indiċi Ewropew dwar il-Kwalità tal-Gvern, 2017

9.L-investiment pubbliku nazzjonali għadu ma rkuprax kompletament

L-ekonomija tal-UE qed tirkupra bil-mod il-mod minn perjodu twil ta’ kriżi li kien jinkludi tnaqqis sinifikanti fl-investiment f’ħafna Stati Membri u reġjuni. L-investiment totali bħala sehem tal-PDG naqas u ma tantx żdied minn dakinhar.

Peress li l-ekonomija tal-UE rkuprat, id-dejn tal-gvern fl-Istati Membri beda jonqos minn quċċata ta’ 87 %, imma għadu ‘l fuq sew mil-livell tiegħu ta’ 58 % fl-2007. Bħala riżultat ta’ pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi, l-investiment pubbliku fl-UE naqas minn 3,4 % tal-PDG fl-2008 għal 2,7 % fl-2016. F’għadd ta’ Stati Membri, it-tnaqqis f’nefqa li tiffavorixxi t-tkabbir kien sostanzjali. Billi l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-Istati Membri għandhom PDG per capita taħt il-medja tal-UE, it-tnaqqis jista’ jpoġġi f’riskju li l-inugwaljanzi madwar l-UE jonqsu fil-ġejjieni.

L-investiment pubbliku kien fil-qalba tan-negozjati dwar il-qafas legali attwali tal-Fondi SIE. Wieħed mill-objettivi maġġuri kien li tittejjeb il-konsistenza bejn il-Fondi u l-governanza ekonomika Ewropea bl-għan li jiġi żgurat li l-effikaċja tan-nefqa ffinanzjata minnhom tintrifed minn politiki ekonomiċi sodi.

Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jipprovdi lill-Kummissjoni (i) bis-setgħa li titlob bidliet fil-programmi biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet tal-politika ekonomika irrakkomandati mill-Kunsill u (ii) bl-obbligu li tissospendi l-fondi f’każijiet ta’ azzjoni mhux effettiva mill-Istat Membru biex jindirizza defiċit tal-gvern eċċessiv jew żbilanċ makroekonomiku eċċessiv. Id-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jivvaluta l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u jispjega għaliex f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma tqisx li hija neċessarja proposta leġiżlattiva biex timmodifikah (ara l-Kapitolu 5).

10.Ir-rwol prinċipali tal-politika ta’ koeżjoni fl-investiment pubbliku naqqas l-impatt tal-kriżi

Il-politika ta’ koeżjoni hija l-politika ewlenija ta’ investiment tal-UE, li tipprovdi finanzjament ekwivalenti għal 8,5 % tal-investiment kapitali tal-gvern fl-UE, ċifra li tiżdied għal 41 % għall-UE-13 u għal aktar minn 50 % għal għadd ta’ pajjiżi (ara l-Graff 1).

Dan l-investiment iżid il-valur fil-livell Ewropew billi jikkontribwixxi għal:

·L-objettiv tat-Trattat li jitnaqqsu l-inugwaljanzi, notevolment f’termini ta’ introjtu per capita u standards tal-għixien kif ukoll l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet ta’ impjieg.

·Beni pubbliċi Ewropej bħall-innovazzjoni u l-infrastruttura diġitali, il-ħiliet, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, it-tranżizzjoni enerġetika u ambjentali, l-investiment soċjali ul-kura tas-saħħa, it-trasport pubbliku u intelliġenti.

·Benefiċċji għal effetti sekondarji fil-pajjiżi mhux ta’ koeżjoni miż-żieda fil-kummerċ iġġenerat u minn programmi transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali.

Il-valur miżjud qawwi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE ġie enfasizzat minn ħafna kelliema fil-Forum dwar il-Koeżjoni f’Ġunju 2017 li enfasizzaw li għen lir-reġjuni inqas żviluppati biex ilaħħqu u lir-reġjuni kollha sabiex jinvestu f’prijoritajiet tal-UE u jindirizzaw sfidi ġodda.

L-impatt tal-Politika ta’ Koeżjoni fuq l-ekonomiji tal-UE huwa sinifikanti u l-effetti tal-investimenti jakkumulaw fuq medda twila ta’ żmien. Għall-pajjiżi tal-UE-12 (jiġifieri bl-esklużjoni tal-Kroazja), il-mudell QUEST jistma li l-investiment għall-perjodu 2007–2013 żied il-PDG tagħhom bi 3 % fl-2015, u b’ammont simili għall-perjodu 2014–2020 12 fl-2023.

Figura 1 Il-finanzjament tal-politika ta’ Koeżjoni bħala sehem stmat ta’ investiment pubbliku, 2015–2017

Sors: Eurostat u REGIO

Dan wassal għal livell sinifikanti ta’ konverġenza tal-PDG per capita f’dawn il-pajjiżi 13 . Fl-UE-12, dan żdied minn 54 % tal-medja tal-UE fl-2006 għal 67 % fl-2015. Barra minn hekk, il-programmi tal-2007–13 wasslu direttament għall-ħolqien ta’ 1,2 miljun impjieg f’intrapriżi appoġġati.

Il-pajjiżi mhux ta’ koeżjoni jibbenefikaw ukoll minn effetti sekondarji ġġenerati minn investimenti f’pajjiżi ta’ koeżjoni kemm direttament (permezz tal-bejgħ ta’ oġġetti ta’ investiment) u wkoll indirettament (permezz ta’ dħul ogħla u għalhekk żieda fil-kummerċ). Sal-2023, il-programmi tal-2007–2013 huma stmati li jżidu sa 0,12 % mal-PDG fil-pajjiżi mhux ta’ koeżjoni, fejn kwart minnu huwa dovut għal effetti sekondarji mill-infiq fil-pajjiżi ta’ koeżjoni. Dan l-effett huwa partikolarment evidenti għall-Awstrija u għall-Ġermanja minħabba r-rabtiet kummerċjali mill-qrib tagħhom.

Il-programmi tal-2014–2020 għandhom il-pjan li jappoġġaw 1,1 miljun SME, biex b’hekk iwasslu direttament għall-ħolqien ta’ aktar minn 420 000 impjieg ġdid 14 . Il-programmi għandhom il-pjan li jgħinu lil aktar minn 7,4 miljun persuna qiegħda biex isibu impjieg u biex jgħinu lil 2,2 miljun persuna oħra fi żmien sitt xhur minn meta jtemmu taħriġ ikkofinanzjat mill-programmi. Barra minn hekk, il-programmi se jgħinu lil aktar minn 8,9 miljun ruħ jiksbu kwalifiki ġodda.

Finanzjament sinifikanti qed ikun investit fl-ekonomija diġitali, fejn EUR 16-il biljun huma allokati għall-iżvilupp ta' gvern elettroniku, servizzi u applikazzjonijiet tal-ICT għall-SMEs, netwerks tal-broadband b’veloċità għolja, grilji intelliġenti u sistemi ta’ distribuzzjoni tal-enerġija intelliġenti u ċentri tad-dejta fuq skala kbira. Investiment bħal dan huwa mistenni li jipprovdi lil 14.5-il miljun unità domestika addizzjonali bl-aċċess broadband.

Il-politika ta’ koeżjoni qed tagħmel investiment sostanzjali fil-protezzjoni tal-ambjent u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Żieda ta’ 17-il miljun ruħ huma ppjanati li jiġu konnessi ma’ faċilitajiet ta’ trattament tal-ilma mormi, u 3,3 miljun aktar fuq grilji intelliġenti (smart grids), filwaqt li 870 000 unità domestika se jiġu megħjuna biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom.

Barra minn hekk, l-investiment fit-trasport se jneħħi l-konġestjonijiet, inaqqas il-ħinijiet tal-ivvjaġġar u jwassal għal aktar trams u metros urbani. Il-programmi għandhom il-pjan li jirrinovaw aktar minn 4 600 km ta’ linji ferrovjarji TEN-T, jibnu 2 000 km ta’ toroq TEN-T u jibnu jew itejbu 750 km ta’ linji tat-tramm u tal-metro.

Il-politika ta’ koeżjoni qiegħda wkoll tagħmel investiment sostanzjali fl-infrastruttura soċjali. Madwar 6,8 miljun tifel u tifla se jiksbu aċċess għal skejjel u faċilitajiet għall-kura tat-tfal ġodda jew modernizzati u 42 miljun persuna se jiksbu aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa mtejba.

Il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali huma mistennija li jaraw 240 000 persuna jipparteċipaw f’inizjattivi ta’ mobbiltà transfruntiera u 6 900 negozju u 1 400 istitut ta’ riċerka fi proġetti ta’ riċerka.

Diversi miżuri biex tittejjeb il-kwalità tal-investimenti ġew introdotti għall-perjodu 2014–2020:

·Kundizzjonalitajiet ex ante, li huma prekundizzjonijiet mehmuża ma’ programmi u li jindirizzaw l-ostakoli sistemiċi kbar li jxekklu l-investiment pubbliku effettiv. Dawn wasslu biex ikunu aċċelerati r-riformi li għaddejjin u l-bidu ta’ riformi addizzjonali. Huma saħħew ukoll il-kapaċità amministrattiva biex timplimenta r-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, l-għajnuna statali, il-leġiżlazzjoni ambjentali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni 15 .

·Speċjalizzazzjoni intelliġenti, li hija l-aktar innovazzjoni komprensiva u deċentralizzata u l-politika industrijali fl-Ewropa llum. Hija tlaqqa’ flimkien l-atturi ewlenin — il-komunità tar-riċerka, in-negozju, l-edukazzjoni għolja, l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili — biex jimmiraw l-appoġġ skont il-potenzjal lokali u l-opportunitajiet tas-suq. L-għan huwa li tinkiseb massa kritika, l-innovazzjoni u li jsir avvanzz fil-katina tal-valur.

·Fokus akbar fuq ir-riżultati, li jfisser li l-programmi jridu jistipulaw objettivi speċifiċi, tradotti f’indikaturi tar-riżultati b’miri ċari u parametri referenzjarji. Rapporti regolari juru jekk il-programmi humiex jilħqu l-għanijiet tagħhom u jekk l-indikaturi ewlenin jistgħux jiġu traċċati onlajn fuq pjattaforma ta’ dejta miftuħa biex ikun ivverifikat il-progress tagħhom. Hemm ukoll riżerva għall-prestazzjoni li tista’ tiġi rilaxxata jekk jintlaħqu l-miri stabbiliti minn qabel.

Il-finanzjament allokat għall-proġetti magħżula permezz tal-programmi tal-2014–2020 sa Lulju 2017, jammonta għal 39 % tat-total disponibbli. Għalkemm dan huwa simili għall-perjodu preċedenti, l-implimentazzjoni kienet bil-mod u dan jissuġġerixxi li t-tħassib dwar is-simplifikazzjoni u l-kapaċità jeħtieġ li jiġu indirizzati ulterjorament. Għadu kmieni wisq biex jiġi mmonitorjat il-progress lejn il-kisba ta’ miri li se jiġu evidenti biss ladarba jitlestew aktar proġetti.

11.Il-politika ta’ koeżjoni u l-futur tal-Ewropa

Il-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa 16 nediet dibattitu dwar liema direzzjoni għandha tieħu l-UE fis-snin li ġejjin. Flimkien mal-5 dokumenti ta’ riflessjoni tagħha, hija tkopri tliet aspetti ewlenin marbuta ma’ kwistjonijiet dwar il-politika ta’ koeżjoni:

1)Fejn għandha tinvesti?

2)X’għandhom ikunu l-prijoritajiet ta’ investiment?

3)Kif għandha tkun implimentata l-politika?

Dawn il-mistoqsijiet huma mqassra hawn taħt fir-rigward tal-isfidi identifikati f’dan ir-rapport. Żewġ ftehimiet importanti li jeħtieġ li l-politika ta’ koeżjoni titqies huma l-Ftehim tal-COP21 dwar it-tibdil fil-klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030.

Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE 17 iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-politika ta’ koeżjoni għandhiex tinvesti barra minn reġjuni inqas żviluppati u dawk transfruntiera.

Sa mill-bidu tagħha, il-politika ta’ koeżjoni kellha enfasi partikolari fuq ir-reġjuni inqas żviluppati u l-kooperazzjoni territorjali. Hija investiet ukoll f’oqsma oħrajn li huma msemmija fit-Trattat, bħal żoni rurali, żoni li għaddejjin minn tranżizzjoni industrijali, u r-reġjuni l-aktar imbiegħda. Hija investiet ukoll f’żoni ta’ qgħad għoli kif ukoll f’żoni urbani l-aktar fil-bżonn. Matul l-aħħar żewġ perjodi ta’ programmazzjoni, il-Politika ta’ Koeżjoni kopriet r-reġjuni kollha.

Dan ir-rapport juri li l-impatt tal-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni, il-faqar u n-nuqqas ta’ innovazzjoni, it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-tniġġis mhuwiex limitat għal reġjuni inqas żviluppati.

Il-finanzjament futur għall-kooperazzjoni transfruntiera għandu jkompli jiffoka fuq oqsma ta’ valur miżjud tal-UE partikolari u jsolvi problemi transfruntiera, bħalma huma lakuni u nuqqasijiet f’oqsma ta’ politika differenti, inkluż it-trasport. Fl-aħħar nett, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll il-ġbir flimkien tas-servizzi pubbliċi konġunti f’reġjuni ġirien fuq il-fruntieri u l-ħtiġijiet għall-bini tal-istituzzjonijiet 18 .

Il-karta ta’ riflessjoni dwar il-finanzi tal-UE tindika, b’mod aktar ġenerali, li l-finanzjament kollu tal-UE jeħtieġ li jiffoka fuq oqsma fejn jista’ jinkiseb l-ogħla valur miżjud tal-UE. L-inklużjoni soċjali, l-impjiegi, il-ħiliet, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u t-tranżizzjoni ambjentali huma identifikati bħala oqsma li jeħtieġ li l-politika ta’ koeżjoni tiffoka fuqhom. Barra minn hekk, il-karta ta’ riflessjoni tenfasizza oqsma oħra fejn il-politika ta’ koeżjoni għandha impatt pożittiv, bħall-appoġġ għall-SMEs, il-kura tas-saħħa u l-infrastruttura soċjali, it-trasport u l-infrastruttura diġitali. L-aħħar iżda mhux l-inqas, hija tissottolinja l-ħtieġa li jkunu indirizzati l-migrazzjoni u l-globalizzazzjoni.

Kemm il-karta ta’ riflessjoni u dan ir-rapport jargumentaw li n-nuqqas ta’ kwalità istituzzjonali jnaqqas il-kompetittività, l-impatt tal-investiment u t-tkabbir ekonomiku. It-titjib tal-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika, l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva għandhom ikunu enfasizzati aktar. Huma jenfasizzaw li r-rabta ma’ governanza ekonomika u s-Semestru Ewropew jistgħu jeħtieġu li jkunu msaħħa biex jiġi żgurat li s-sistema tkun aktar sempliċi, trasparenti u tipprovdi inċentivi pożittivi biex ikunu implimentati riformi konkreti biex titrawwem l-konverġenza. Dan jista’ jirrikjedi approċċi ġodda, pereżempju permezz ta’ koordinazzjoni aħjar ta’ strumenti disponibbli u involviment aktar mill-qrib tal-Kummissjoni. L-inizjattiva għar-reġjuni li għandhom lura 19 kien fiha diversi elementi ta’ suċċess li jistgħu jkunu estiżi. Il-ħtieġa li jittejbu l-istituzzjonijiet toħroġ ukoll minn appelli biex isir l-iżborż tal-fondi tal-UE bil-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni u l-istituzzjonijiet iżommu mal-valuri komuni tal-UE.

Barra mill-kwistjonijiet li tqajmu hawn fuq dwar il-kopertura territorjali u l-prijoritajiet ta’ investiment, id-dokument ta’ riflessjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni jikkunsidra għadd ta’ alternattivi sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni:

·Sett uniku ta’ regoli għal fondi eżistenti, jiżgura investiment aktar koerenti u jagħmilha aktar faċli għall-benefiċjarji. Il-koerenza tista’ tittejjeb ukoll permezz ta’ ġabra unika ta’ regoli għall-politika ta’ koeżjoni u strumenti oħra ta’ finanzjament bi programmi jew proġetti tal-istess tip. Dan għandu jwassal għal aktar kumplimentarjetà bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-innovazzjoni jew l-finanzjamenti infrastrutturali.

·Is-sistema ta’ allokazzjoni ta’ fondi tista' tiġi riveduta billi jiżdiedu kriterji marbuta mal-isfidi li qed taffaċċja l-UE, minn kwistjonijiet demografiċi u l-qgħad għall-inklużjoni soċjali u l-migrazzjoni, mill-innovazzjoni għat-tibdil fil-klima.

·Il-livelli ta’ kofinanzjament nazzjonali għall-politika ta’ koeżjoni jistgħu jkunu miżjuda biex jiġu allinjati aħjar għal pajjiżi u reġjuni differenti u biex jiżdied is-sens ta’ sjieda politika.

·Proporzjon mhux allokat ta’ finanzjament jista’ jagħmel il-politika ta’ koeżjoni aktar flessibbli u kapaċi tirrispondi għal sfidi ġodda aktar malajr.

·Implimentazzjoni aktar mgħaġġla u tranżizzjoni bla intoppi bejn il-perjodi ta’ programmazzjoni jistgħu wkoll jintlaħqu permezz ta’ bidliet, bħal regoli ta’ diżimpenn aktar stretti, it-tqassir tal-proċeduri għall-għeluq tal-programmi u l-aċċelerazzjoni tal-proċessi għall-ħatra tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni u għal-ipprogrammar tagħhom u sabiex dawn isiru aktar flessibbli.

·Il-kumplementarjetà bejn strumenti finanzjarji tista’ tkun imsaħħa. Il-koordinazzjoni upstream, l-istess regoli u definizzjoni aktar ċara ta’ interventi jistgħu jiżguraw kumplementarjetà bejn il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, il-Fond pan-Ewropew ta’ Kapital ta’ Riskju l-ġdid u l-istrumenti ta’ self, garanzija u ta’ ekwità amministrati mill-Istati Membri taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.

·Fl-aħħar nett, il-politika saret dejjem aktar kumplessa biex tiġi ġestita. Għalhekk, approċċ aktar radikali biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni huwa meħtieġ.

Sussegwentement, il-partijiet ikkonċernati tal-politika ta’ koeżjoni u l-pubbliku ġenerali se jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-konsultazzjoni pubblika bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt. F’Mejju 2018, il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali, segwit mill-proposti għall-politika ta’ koeżjoni wara l-2020.

(1)  (Minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-Trattat”), ara l-Artikolu 175.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (…) (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320), ara l-Artikolu 23.
(3) "Il-Karta ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-isfruttar tal-Globalizzazzjoni" - COM(2017) 240 final, 10.5.2017.
(4) "Il-Karta ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-Dimensjoni Soċjali tal-Ewropa" - COM(2017) 206 final, 26.4.2017.
(5) Il-Kummissjoni Ewropea u l-UN-Habitat: Rapport tal-Istat tal-bliet Ewropej, 2016.
(6) Il-Kummissjoni Ewropea: “Valutazzjoni dwar il-progress li sar fl-Istati Membri fl-2014 lejn il-miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020” — COM(2017) 56 finali, 1.2.2017.
(7) L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent: L-Istat u l-Prospettivi tal-Ambjent, 2015.
(8) Il-Kwantifikazzjoni tal-Politecnico di Milano (2017) tal-effetti tal-ostakli legali u amministrattivi tal-fruntiera f’reġjuni tal-fruntiera fuq l-art.
(9) Il-Kummissjoni Ewropea dwar “Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa” - COM(2016) 381 finali, 2.6.2016.
(10) Il-Kummissjoni Ewropea ‘Competitiveness in low-income and low-growth regions - The lagging regions report' - SWD(2017) 132 finali, 10.4.2017.
(11) Il-Bank Dinji. 2017. Doing Business 2017: Equal Opportunity for All.
(12) Din id-darba għall-UE-13, jiġifieri inkluż il-Kroazja.
(13) Skont l-istandards tal-kapaċità tal-akkwist. L-2006 ntgħażlet bħala s-sena bażi, peress li kienet is-sena ta’ qabel il-programmi 2007–2013, kif ukoll is-sena ta’ qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija. L-2015 kienet l-aħħar sena għal dawn is-serje ta’ dejta meta saret il-pubblikazzjoni.
(14) L-għadd ta’ impjiegi ġodda ta’ dan il-perjodu huwa aktar baxx meta mqabbel mal-aħħar perjodu minħabba li a) impjiegi innovattivi, sostenibbli u ta’ valur miżjud għoli huma mmirati u b) in-numru fi tmiem il-perjodu huwa tipikament konsiderevolment ogħla mill-għadd stmat fil-bidu tal-perjodu. Ara l-Komunikazzjoni “Insaħħu l-Innovazzjoni fir-Reġjuni tal-Ewropa: Strateġiji għal tkabbir reżiljenti, inklużiv u sostenibbli” - COM(2017) 376 finali, 18.7.2017.
(15) Il-Kummissjoni Ewropea 'The Value Added of Ex ante Conditionalities in the European Structural and Investment Funds' - SWD(2017) 127 finali, 31.3.2017.
(16) Il-Kummissjoni Ewropea “White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa Riflessjonijiet u xenarji għall-UE-27 sal-2025” - COM(2017) 2025 finali, 1.3.2017.
(17) "Il-Karta ta’ Riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-finanzi tal-UE" - COM(2017) 358 final, 28.6.2017.
(18) Il-Kummissjoni Ewropea, “Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE” - COM(2017) 534 finali, 20.9.2017.
(19) Il-Kummissjoni Ewropea 'Competitiveness in low-income and low-growth regions: The lagging regions report' - SWD(2017) 132 finali, 10.4.2017.
Top