IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.9.2017
COM(2017) 492 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Politika ta' kummerċ li hija bbilanċjata u progressiva biex nisfruttaw il-globalizzazzjoni
1. Introduzzjoni
Il-kummerċ globali huwa kontributur ewlieni għal Unjoni Ewropea kompetittiva u prospera, b’aktar minn 30 miljun impjieg Ewropew appoġġati minn esportazzjonijiet lejn il-bqija tad-dinja. L-ekonomija integrata b’mod globali tkompli tkun ta’ benefiċċju kemm għall-kumpaniji Ewropej kbar kif ukoll żgħar jew ta’ daqs medju, kif ukoll għaċ-ċittadini, għall-ħaddiema u għall-konsumaturi Ewropej. Imma l-kummerċ globali jeħtieġ li jitfassal b'mod proattiv u jkun ġestit biex jiġi żgurat li huwa ġust, jipprojjetta l-valuri u jibqa’ ankrat b’mod sod f’sistema bbażata fuq ir-regoli. L-Unjoni Ewropea timmira għal politika kummerċjali trasparenti u responsabbli, ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha, u li tipprovdi soluzzjonijiet moderni għar-realtajiet tal-ekonomija tal-lum f’nofs bidla teknoloġika. Bħala parti mid-dibattitu mniedi f’Marzu fil-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, dokument ta’ riflessjoni iddeskriva kif il-politika kummerċjali, flimkien ma’ politiki oħra tal-UE, tista’ tgħin biex taħfen il-globalizzazzjoni u jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-kummerċ jiġu kondiviżi b’mod ġust skont il-prinċipji tal-UE ta’ solidarjetà u sostenibbiltà.
L-ambjent internazzjonali fejn l-UE twettaq il-politika kummerċjali qiegħed jinbidel kontinwament: hemm għadd dejjem jikber ta’ rikorsi intiżi biex jikkontestaw is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, li jista' wkoll jagħti bidu għal qawmien mill-ġdid tal-protezzjoniżmu. Fl-istess ħin, ħafna pajjiżi kummerċjali, kemm maġġuri kif ukoll atturi iżgħar, urew b’mod konkret ir-rabta tagħhom mal-kummerċ internazzjonali ġust u miftuħ.
Il-Kummissjoni Ewropea taħdem biex tiżgura li l-politika kummerċjali tal-UE qed tevolvi biex jintlaħqu l-miri politiċi u ekonomiċi globali, anki permezz tat-tisħiħ tal-koerenza bejn il-politika kummerċjali u l-politiki esterni u interni l-oħra tal-UE. Pereżempju, il-politika kummerċjali tikkontribwixxi għat-tfassil ta’ politika integrata tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, billi tiffoka mhux biss fuq l-aspetti ekonomiċi, iżda wkoll fuq it-tisħiħ ta’ objettivi soċjali u ambjentali, u tikkontribwixxi lejn l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. Aġenda politika robusta u progressiva għandha twieġeb għall-opportunitajiet u l-isfidi attwali li tiffaċċja l-Ewropa, filwaqt li tmexxi ‘l quddiem l-interessi essenzjali tal-Ewropa. Illum, il-Kummissjoni qed tipproponi pakkett ta’ inizjattivi ġodda li jżidu mal-aġenda kummerċjali intensiva ħafna eżistenti tal-Unjoni u jikkompletawha, bl-għan li jinkisbu dawn l-għanijiet:
- L-ewwel, proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas li janalizza l-investiment dirett barrani li jidħol fl-UE, biex ikun żgurat li l-investiment barrani jibqa’ sors ewlieni ta’ tkabbir fl-UE filwaqt li jiġu protetti l-interessi essenzjali tal-UE. Il-proposta leġiżlattiva hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddeskrivi fid-dettall l-ħtieġa strateġika għall-iskrinjar ta’ dan it-tip;
- It-tieni, rakkomandazzjonijiet biex jinfetħu negozjati għal ftehimiet ta’ kummerċ mal-Awstralja u man-New Zealand. Dawn il-ftehimiet jibnu fuq is-suċċess tan-negozjati reċenti mal-Kanada, ma’ Singapor, mal-Vjetnam u mal-Ġappun, fost l-oħrajn, biex b’hekk ikabbru l-allejanza ta’ msieħba impenjati lejn regoli progressivi għall-kummerċ globali;
- It-tielet, rakkomandazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati multilaterali biex tiġi stabbilita Qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment, innovazzjoni kbira fil-governanza globali;
- Ir-raba’, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li minn issa ‘l quddiem tippubblika r-rakkomandazzjonijiet tagħha għal direttivi ta’ negozjati għal ftehimiet kummerċjali, billi tibda llum b’dawn it-tliet rakkomandazzjonijiet. Dan ifisser li fl-istess ħin li jiġu ppreżentati lill-Kunsill għad-deliberazzjonijiet u trażmessi lill-Parlament Ewropew kif kienu fil-passat; issa huma jkunu wkoll awtomatikament trażmessi lill-Parlamenti nazzjonali u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali, u b’hekk jagħtu lok għal dibattitu wiesgħa u inklużiv dwar il-ftehim ippjanat mill-bidu nett;
- Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li toħloq grupp biex jipprovdi parir dwar il-ftehimiet tal-kummerċ tal-UE, bħala parti mill-enfasi tagħha fuq it-tfassil tal-politiki kummerċjali trasparenti u inklużiv.
Flimkien mal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni llum qiegħda wkoll tippubblika l-ewwel Rapport ta’ sentejn dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-politika kummerċjali tagħha “Kummerċ għal Kulħadd.” Ir-Rapport jispjega l-kisbiet konkreti u x-xogħol li għaddej matul is-sentejn minn meta kienet adottata l-istrateġija, waqt li turi t-tagħlimiet meħuda li jiggwidaw l-evoluzzjoni tal-politika kummerċjali tal-UE. Dan se jkun ikkumplimentat minn Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles aktar tard din il-ħarifa, u l-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati kollha għal dibattitu progressiv tal-politika kummerċjali bbażata fuq iż-żewġ Rapporti u din il-Komunikazzjoni. Barra minn hekk, billi tibni fuq il-Konsensus Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp, l-Istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ se tkun rieżaminata din is-sena.
2. L-issiġillar ta’ sħubijiet kummerċjali ġodda biex nibnu Regoli Progressivi għall-Kummerċ Globali
L-UE hi impenjata lejn kummerċ miftuħ ankrat fuq is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Ftuħ għal flussi ta’ oġġetti, servizzi, persuni u kapital stimula t-tkabbir, il-kompetittività u l-benessri tal-konsumatur tal-UE. Flimkien ma’ standards ambjentali, tax-xogħol, tal-konsumatur u tal-protezzjoni soċjali għoljin, dan jirfed il-prosperità tagħna, u huwa l-aktar mezz xieraq biex l-Ewropej kollha jibbenefikaw mill-globalizzazzjoni. Il-globalizzazzjoni titratta aktar mill-kummerċ u l-effetti tiegħu huma kkombinati ma’ dawk tal-bidla teknoloġika; iżda ma hemm l-ebda dubju li l-politika kummerċjali għandha rwol importanti fl-isfruttar għaqli tal-globalizzazzjoni biex jiġi żgurat li l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali jkunu pożittivi għaċ-ċittadini u l-intrapriżi fl-Ewropa u lil hinn minnha.
L-UE qiegħda tfittex imsieħba li jridu jingħaqdu sabiex jibnu regoli miftuħa u progressivi għar-realtajiet tal-kummerċ fis-seklu 21, biex b’hekk isaħħu l-governanza globali. Ftehimiet reċenti tal-UE mal-Kanada, mas-Singapor jew mal-Vjetnam kif ukoll il-ftehim fil-prinċipju mal-Ġappun mhux biss joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda kemm għan-negozji u wkoll għaċ-ċittadini - iżda jirriflettu u jippromwovu wkoll il-valuri universali li l-Unjoni tirrispetta u tħares id-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku.
Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi ġodda
Biex tiftaħ swieq ġodda, il-Kummissjoni Ewropea ssegwi aġenda komprensiva ta’ negozjar fil-livelli kemm multilaterali kif ukoll bilaterali biex tiżgura aċċess reċiproku għas-suq. L-obbligi multilaterali tal-UE fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) huma l-bażi tar-relazzjonijiet ta’ kummerċ tagħna madwar id-dinja. Fiż-żmien ta’ qabel il-Konferenza Ministerjali f’Buenos Aires f’Diċembru, l-UE tinsab fuq quddiem dwar it-tfassil mill-ġdid tal-aġenda tan-negozjati tad-WTO, bl-għan li jimmodernizzaw ir-regoli tal-kummerċ dinji u biex jerġa’ jiġi stabbilit il-primat tad-WTO fit-tfassil tar-regoli, speċjalment fi żmien ta’ protezzjoniżmu li qed jiżdied.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tapprofondixxi r-rabtiet tal-UE mal-muturi għat-tkabbir futur fl-Asja u fl-Amerika Latina. In-negozjati mal-Messiku u mal-Mercosur qed jimxu ‘l quddiem b’mod mgħaġġel u l-Kummissjoni qed timmira għal konklużjoni politika tat-taħditiet sa tmiem is-sena. Il-ftehimiet negozjati ma’ Singapor u mal-Vjetnam se jkunu wkoll preżentati fi żmien qasir.
Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA) se jkun applikat proviżorjament mill-21 ta’ Settembru. L-UE u l-Ġappun laħqu qbil fil-prinċipju dwar l-elementi ewlenin ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika fis-6 ta’ Lulju, u tinsab għaddejja ħidma intensiva biex tikkonkludi test finali tal-ftehim sal-aħħar tas-sena. Dawn il-ftehimiet wiesa’, pereżempju, se jneħħu l-maġġoranza vasta ta’ dazji mħallsa minn kumpaniji tal-UE fil-kummerċ tagħhom mal-Kanada u mal-Ġappun u se jiftħu swieq ġodda għall-esportazzjonijiet mill-UE, inklużi l-agrikoltura, l-ikel u x-xorb. Il-ftehimiet se jeliminaw ostakoli f’numru ta’ setturi tas-servizzi u jkomplu jippromwovu ekonomija innovattiva u kompetittiva, li tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji kollha, u speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex jagħmlu n-negozju.
Il-promozzjoni tal-valuri universali li l-Unjoni tirrispetta
L-UE tinsab fuq quddiem, billi tissalvagwardja l-istandards għoljin Ewropej rigward il-protezzjoni ambjentali, tal-konsumatur, soċjali u tax-xogħol kif ukoll tad-drittijiet fundamentali mingħajr kompromess. Flimkien mal-imsieħba tagħna, aħna nfittxu li nużaw l-istrumenti tal-politika kummerċjali biex nippromwovu dawk l-istandards madwar id-dinja skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, li jidentifikaw il-kummerċ bħala wieħed mill-mezzi kruċjali ta’ implimentazzjoni. Pereżempju, kull ftehim kummerċjali modern tal-UE jappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali tal-ħarsien tal-ambjent u tal-istandards tax-xogħol, bil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun ikun l-ewwel ftehim kummerċjali internazzjonali li espliċitament jappoġġa l-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima. Il-Ftehim mal-Kanada wassal għal eżiti ambizzjużi dwar l-impenji tax-xogħol. Dan jenfasizza li l-approċċ tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha “Kummerċ għal Kulħadd”
qed jagħti l-frott. Il-Kummissjoni bħalissa hija impenjata f’diskussjonijiet komprensivi mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-partijiet ikkonċernati bil-ħsieb li ttejjeb l-effikaċja tal-implimentazzjoni u tal-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet tagħna.
Il-preservazzjoni tad-dritt għar-regolamentazzjoni
Il-ftehimiet tal-UE jippreservaw ukoll b’mod espliċitu d-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku - prinċipju importanti għan-negozjati futuri kollha. Dan il-prinċipju jirfed l-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment. Il-Kummissjoni issa qed tfittex li ssegwi approċċ kompletament riformat għall-protezzjoni tal-investiment fi ftehimiet bilaterali tagħha, tluq sostanzjali mis-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istati, kif joħroġ mill-ftehim mal-Kanada.
L-issiġillar ta’ sħubiji ġodda
Ftehimiet mal-Ġappun u mal-Kanada, u l-progress mgħaġġel magħmul ma’ msieħba bħalma huma l-Messiku u l-Mercosur, juru li huwa possibbli li jinħolqu regoli kummerċjali moderni u progressivi. Biex nibnu fuq dan il-momentum, il-Kummissjoni qed tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill biex tinnegozja żewġ ftehimiet kummerċjali ġodda: mal-Awstralja u man-New Zealand, li jammontaw għar-rakkomandazzjoni riċenti tal-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati maċ-Ċilì. L-għan ta’ dawn il-ftehimiet huwa li jippromwovu t-tkabbir sostenibbli billi jespandu l-kummerċ, billi jipprovdi pjattaforma solida għall-approfondiment tar-rabtiet ekonomiċi mar-reġjun kollu tal-Asja u l-Paċifiku u billi jespandu alleanza progressiva ta’ msieħba impenjati lejn regoli progressivi għall-kummerċ globali.
3. Politika kummerċjali u ta’ investiment robusta li tħares l-interessi tal-UE u tiżgura korrettezza
Il-politika ta’ kummerċ tfittex li tara li l-kummerċ miftuħ ikun ġust: bili tiżgura li n-negozju, il-ħaddiema u l-bdiewa Ewropej jikkompetu fuq l-istess livell ma’ dawk tal-imsieħba kummerċjali tagħna madwar id-dinja.
Il-ftuħ tas-swieq jimxi id f’id mal-iżgurar li kulħadd jilgħab skont ir-regoli u l-iżgurar li l-interessi essenzjali tal-UE jkunu qed jitħarsu. L-UE tuża b’mod attiv l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tinforza l-impenji meħuda mill-imsieħba tagħha, biex jitneħħew ostakli għall-kummerċ, u biex ikunu miġġielda prattiki inġusti. Għadd ta’ msieħba tal-UE, fosthom l-ikbar ekonomiji dinjija, aktar u aktar spiss qed jieħdu azzjoni politika domestika li tkun ta’ ħsara għal pajjiżi oħra jew jimminaw is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Il-Kummissjoni hija wkoll lesta, jekk ikun hemm bżonn, li tieħu miżuri ġodda biex tiġġieled din it-tendenza.
Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ jgħinu wkoll biex jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw kompetizzjoni ġusta. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem b’mod intensiv mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tilħaq il-mira proposta tal-modernizzazzjoni kumplessiva tar-regoli tal-istrument għad-difiża tal-kummerċ u metodoloġija ġdida għall-kalkolu dwar l-antidumping, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2017 li jappellaw għal qbil malajr mill-koleġiżlaturi. Ir-regoli aġġornati jżommu u jtejbu l-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal distorsjonijiet sinifikanti fis-suq f’pajjiżi li jesportaw lejn l-UE.
It-tisħiħ tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali kontra s-sussidji huwa komponent ewlieni fid-determinazzjoni tal-UE biex tindirizza waħda mill-kawżi fundamentali ewlenin tal-kummerċ internazzjonali inġust: prattiki inġusti ta’ sussidju, b’mod partikolari meta jwasslu għal kapaċità żejda. Barra minn hekk, l-UE se tkompli tinsisti għal inizjattivi fil-livell multilaterali dwar sussidji inġusti. B’mod partikolari, l-UE qed tagħmel proposti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li jippromwovu t-trasparenza fis-sussidji industrijali u jillimitaw l-użu ta’ sussidji li jagħmlu l-ħsara fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd. L-UE tindirizza wkoll il-problemi ta’ kapaċità żejda permezz ta’ tisħiħ tal-governanza ekonomika internazzjonali, pereżempju bl-għan li jiġu indirizzati l-problemi urġenti fis-settur tal-azzar fil-Forum Globali dwar Kapaċità Żejda tal-Azzar, stabbilit mill-membri tal-G20 u tal-OECD.
Qasam ieħor fejn l-interess tal-produtturi tal-UE huwa ta’ spiss affettwat b’mod negattiv huwa dak tal-akkwist pubbliku, fejn bosta msieħba kummerċjali kbar tal-UE għadhom japplikaw prattiki restrittivi li jiddiskriminaw kontra negozji tal-UE u ma jiżgurawx reċiproċità fl-aċċess għas-suq. Il-Kummissjoni għalhekk issejjaħ għal adozzjoni rapida ta’ din il-proposta riveduta għal l-Istrument ta’ Akkwist Internazzjonali - għodda għall-promozzjoni miftuħa u aċċess reċiproku għas-swieq tal-akkwist pubbliku madwar id-dinja.
Bl-istess mod, il-ħidma tal-UE dwar ir-regoli ta’ governanza globali trid ukoll tadatta għall-isfidi l-ġodda ta’ kompetizzjoni globali, bħalma huma t-tħassib relatat ma’ assi strateġiċi tal-UE li qed ikunu akkwistati minn investituri barranin - b’mod partikolari, intrapriżi sussidjati u/jew proprjetà tal-Istat. Il-prinċipju tal-aċċess miftuħ tal-UE għall-IBD mhux se jinbidel. Madankollu, huwa għandu jkun akkumpanjat minn politiki b’saħħithom u xierqa biex, minn naħa, jiftħu ekonomiji oħra u jiżguraw li kulħadd jilgħab skont l-istess regoli u, min-naħa l-oħra, jipproteġu l-assi minn akkwiżizzjonijiet li jkunu ta’ ħsara għall-interessi essenzjali tal-UE jew tal-Istati Membri tagħha. Filwaqt li l-politika kummerċjali u ta’ investiment tal-UE tibqa’ l-aktar għodda xierqa biex jiġi żgurat li pajjiżi terzi joffru livell ta’ ftuħ għall-investiment barrani ekwivalenti għal dak tal-UE u għall-promozzjoni ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-operaturi tal-UE, jenħtieġ li jittieħdu wkoll miżuri biex jiġu protetti l-interessi essenzjali tal-UE.
Bħala parti mill-pakkett tal-lum ta’ miżuri tal-politika kummerċjali, il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid il-kooperazzjoni tal-UE u tistabbilixxi qafas biex ikun analizzat l-investiment barrani dirett li jidħol fl-UE. L-għan huwa li nipprevjenu l-akkwiżizzjonijiet ta’ assi strateġiċi li jistgħu jheddu s-sigurtà u l-ordni pubblika, u b’hekk ikunu ppreżervati l-interessi essenzjali tal-Ewropa, waqt li jinżamm ukoll il-ftuħ tas-swieq tal-UE għall-investiment kumplessivament.
Il-Komunikazzjoni tal-lum dwar l-ilqugħ tal-Investiment Dirett Barrani filwaqt li jiġu mħarsa l-Interessi Essenzjali għalhekk tipproponi passi konkreti ulterjuri għall-Istati Membri u, fejn rilevanti, għall-Kummissjoni biex janalizzaw ċertu IDB lejn l-UE bl-għan li jkunu salvagwardjati s-sigurtà u l-ordni pubblika. Il-Komunikazzjoni takkumpanja proposta għal Regolament li jistabbilixxi qafas biex ikunu analizzati l-investimenti diretti barranin fl-UE għal raġunijiet ta’ sigurtà u ordni pubblika, flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri kif ukoll qafas għar-rieżami fil-livell tal-UE.
4. It-twassil ta’ Ftehimiet Effettivi permezz ta’ Proċess ta’ Negozjar li huwa trasparenti u inklużiv
Kif inwettqu l-politika kummerċjali u n-negozjati kummerċjali jagħmel differenza. Jekk l-UE trid twettaq ftehimiet effikaċi li jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha, it-tfassil ta’ dawn il-ftehimiet irid ikun responsabbli, trasparenti u inklużiv. Din hija responsabbiltà konġunta tal-Istituzzjonijiet tal-UE kollha, l-Istati Membri kollha u l-Parlamenti nazzjonali kollha.
Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji potenzjali tal-politika kummerċjali tagħna, l-UE trid imsieħeb kredibbli fin-negozjati: it-teħid ta’ deċiżjonijiet istituzzjonali tagħna jrid ikun ċar, prevedibbli u tajjeb għall-iskop li huwa użat għalih. Dan ifisser li jiġi żgurat li l-istruttura istituzzjonali tagħna tippermettilna nirratifikaw u nimplimentaw il-ftehimiet innegozjati tagħna b’mod responsabbli, leġittimu u effettiv. L-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejnl-UE u Singapore tilqa’ ċ-ċarezza dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi fil-ftehimiet dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha.
Ir-rakkomandazzjoni biex jinfetħu n-negozjati mal-Awstralja u man-New Zealand tkopri lista wiesgħa ta’ suġġetti koperti b’mod sħiħ mill-politika kummerċjali komuni tal-UE, inkluż il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti, servizzi u investiment barrani dirett, l-akkwist pubbliku, regoli globali bl-għan li ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u kapitoli ambizzjużi dwar l-iżvilupp sostenibbli. Dan jippermetti l-avvanz rapidu fid-dawl tal-imperattiv politiku li tissaħħaħ il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-UE fid-dinja. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tmexxi dawn in-negozjati b’pass aktar mgħaġġel, bil-ħsieb li tikkonkludihom sa Marzu 2019.
Ir-rakkomandazzjoni biex jibdew in-negozjati mal-Awstralja u man-New Zealand ma tinkludix il-protezzjoni tal-investiment u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment: id-dibattitu dwar l-aqwa struttura għall-ftehimiet kummerċjali tal-UE u għall-ftehimiet ta’ protezzjoni tal-investiment għandu jitlesta u l-Kummissjoni hija lesta li tiddiskuti dan is-suġġett ulterjorment mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tkompli ssegwi n-negozjati ta’ investiment li għaddejjin; inklużi dawk mal-Ġappun, maċ-Ċina, mal-Myanmar u ma’ imsieħba oħrajn biex titjieb il-pożizzjoni tal-investituri tal-UE barra minn pajjiżhom, filwaqt li ssir promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u jitħares id-dritt ta’ regolamentazzjoni li għandhom il-gvernijiet. Illum il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni biex tiftaħ negozjati għall-istabbiliment ta’ qorti tal-investiment f’livell multilaterali. Din il-proposta hija pass ieħor lejn approċċ aktar trasparenti, koerenti u ġust għat-trattament tal-ilmenti tal-investituri taħt ftehimiet ta’ protezzjoni.
Il-kwistjoni legali tad-diviżjoni tal-kompetenzi ma għandha jkollha bl-ebda mod impatt fuq il-leġittimità u l-inklużività tal-proċess ta’ adozzjoni. Dan għandu jiġi żgurat irrispettivament minn jekk id-deċiżjoni finali għall-adozzjoni sseħħx fil-livell tal-UE jew ukoll fil-livell tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk tilqa’ l-fatt li l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE issa qegħdin dejjem aktar ukoll jinvolvu l-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tagħhom dwar in-negozjati kummerċjali. Tabilħaqq, il-Parlamenti nazzjonali għandhom rwol ewlieni fil-monitoraġġ tal-pożizzjonament tal-gvern tagħhom lejn negozjati kummerċjali tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu u, kull meta jkun possibbli, jiżguraw l-involviment tal-Parlamenti nazzjonali f’taħditiet kummerċjali fl-aktar stadju bikri possibbli.
Din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn il-Kummissjoni ddeċidiet li tippubblika r-rakkomandazzjonijiet tagħha għal direttivi ta’ negozjati għal ftehimiet kummerċjali, billi tibda bir-rakkomandazzjonijiet li għamlet illum dwar l-Awstralja, in-New Zealand u l-Qorti ta’ Investiment Multilaterali, u f’konformità mal-prattika stabbilita għal Artikolu 50 tan-negozjati mar-Renju Unit.
Dan ifisser ukoll li f’konformità mal-prattika normali għal tipi oħrajn ta’ proposti tal-Kummissjoni, dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jintbagħtu awtomatikament lill-Parlamenti nazzjonali kollha tal-UE u lill-Parlament Ewropew fl-istess ħin li jintbagħtu lill-Kunsill, flimkien ma’ rapport tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanjahom. Dan se jagħmilha aktar faċli għall-Parlamenti nazzjonali kif ukoll għal varjetà ta’ partijiet ikkonċernati biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom lill-gvernijiet tagħhom li jirrappreżentawhom fid-diskussjonijiet tal-Kunsill fl-istadju l-aktar bikri possibbli. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tassisti lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tagħhom stess, u biex ikomplu jiddiskutu kif l-aħjar jiġi ffaċilitat l-involviment parlamentari.
Fl-aħħar nett, bħala parti mill-enfasi tagħha fuq it-tfassil ta’ politika kummerċjali trasparenti u inklużiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħloq grupp konsultattiv dwar negozjati kummerċjali tal-UE. Il-grupp se jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ firxa wiesgħa u grupp ibbilanċjat tal-partijiet ikkonċernati, li jvarjaw minn trejdjunjins, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, gruppi tal-konsumaturi u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħrajn. Huma se jipprovdu lin-negozjaturi kummerċjali u lil dawk li jfasslu l-politika tal-Kummissjoni b’pariri ta’ kwalità għolja dwar oqsma soġġetti għal negozjati kummerċjali, biex b’hekk jippermettu lill-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq perspettivi u viżjonijiet differenti dwar il-kummerċ.
5. Konklużjoni
L-UE għandha tappoġġa sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli u miftuħa u twettaq politika kummerċjali robusta u proattiva bbażata fuq l-onestà, in-nonprotezzjoniżmu, is-salvagwardji tal-prosperità u l-iżvilupp sostenibbli kontinwi tal-ekonomija Ewropea.
Għal dan l-għan, l-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi aġenda kummerċjali ambizzjuża u progressiva miftuħa, ibbażata fuq ir-regoli u fuq il-valuri fix-xena globali. Dan ifisser politika kummerċjali li mhux biss toħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda kemm għan-negozji u għaċ-ċittadini, iżda wkoll tirrifletti u tippromwovi l-valuri universali li l-Unjoni tirrispetta u tħares id-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku.
Din il-Kummissjoni se tiddedika l-bqija tal-mandat tagħha biex tibni fuq ftehimiet preċedenti ta’ suċċess, biex trendi benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini kollha. Biex tagħmel dan, l-UE teħtieġ approċċ ta’ politika solidu b’kunsens mingħand l-atturi istituzzjonali kollha. Dan id-dibattitu jrid iseħħ - iżda, fl-istess ħin, aħna m’għandhiex inżommu lura milli mill-kompitu tagħna li nippromwovu aktar l-interessi tal-Ewropa. Għalhekk, il-Kummissjoni biħsiebha taċċelera n-negozjati li għaddejjin, u tistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex minnufih jimpenjaw ruħhom fid-dibattitu dwar l-arkitettura aktar wiesgħa fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE u fil-ftehimiet dwar il-protezzjoni tal-investimenti tal-UE.
Ftehimiet reċenti mal-Kanada u mal-Ġappun juru li l-ambizzjoni għal soċjetà miftuħa bbażata fuq regoli, u politika kummerċjali progressiva mhux biss hija possibbli. Hija twassal għal riżultati, biex b’hekk toħloq eżiti vantaġġjużi benefiċjali reċiproċi u ssaħħaħ il-governanza dinjija mal-imsieħba tal-UE. Il-pakkett ta’ miżuri ta’ politika kummerċjali żvelat illum ikompli jappoġġa politika kummerċjali moderna tal-UE li tikkontribwixxi għal dan l-impenn tal-Kummissjoni favur l-isfruttar għaqli tal-globalizzazzjoni.