Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0242

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-reviżjoni tal-applikazzjoni prattika tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD)

COM/2017/0242 final

Brussell, 17.5.2017

COM(2017) 242 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar ir-reviżjoni tal-applikazzjoni prattika tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD)


1X’inhu d-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD) u x’inhi r-reviżjoni tal-ESPD

L-ESPD, li b’mod ewlieni huwa previst fl-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24/UE 1 , huwa maħsub bħala awtodikjarazzjoni abbażi ta’ forma standard li trid tiġi adottata mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li jrid jiġi adottat bi proċedura ta’ eżaminazzjoni 2 . Huwa joffri evidenza preliminari fil-forma ta’ awtodikjarazzjoni dwar kriterji ta’ esklużjoni (pereżempju, kundanna penali, imġiba ħażina professjonali serja) u kriterji ta’ għażla (kapaċità teknika, ekonomika, finanzjarja) sabiex normalment is-sett kollu ta’ dokumentazzjoni sottostanti (pereżempju attestazzjonijiet, ċertifikati) jkun jeħtieġ biss li jiġi ppreżentat mill-operatur ekonomiku rebbieħ, (kemm-il darba ma tkunx meħtieġa verifika ta’ - ċerta - dokumentazzjoni minn parteċipanti oħra biex tiġi żgurata tmexxija xierqa tal-proċedura).

Barra minn hekk, meta l-entitajiet kontraenti li jkunu qed jakkwistaw skont id-Direttiva 2014/25/UE 3 , japplikaw (xi wħud minn) il-kriterji ta’ għażla u/jew ta’ esklużjoni stipulati skont id-Direttiva 2014/24/UE għandhom jużaw ukoll l-ESPD skont l-Artikolu 80(3) tad-Direttiva.

Skont id-Direttiva 2014/24/UE u d-Direttiva 2014/25/UE, l-ESPD għandu jintbagħat esklużivament taħt forma elettronika. Madankollu, għall-finijiet ta’ tranżizzjoni lejn l-użu obbligatorju tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi fl-UE, sat-18 ta’ April 2018 jistgħu jeżistu flimkien kemm il-verżjoni elettronika kif ukoll dik stampata.

Fid-dawl tal-importanza u tal-karattru innovattiv tal-ESPD, il-leġiżlatur tal-UE ppreveda b’mod li l-Kummissjoni “tirrevedi l-applikazzjoni prattika tad-Dokument Ewropew ta’ Akkwist Uniku, b’kont meħud tal-iżvilupp tekniku tal-bażijiet tad-dejta fl-Istati Membri u tirrapporta dwarhom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-18 ta’ April 2017” 4 .

2Sitwazzjoni attwali tat-traspożizzjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku u tal-ESPD

Id-data finali għall-implimentazzjoni tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE skadiet fit-18 ta’ April 2016. Madankollu, għadd ta’ Stati Membri ma laħqux jimplimentawhom u rnexxilhom biss xi ġimgħat jew xhur wara l-iskadenza. Tabilħaqq, fis-16 ta’ Frar 2017, għaxar (10) Stati Membri kien għad iridu jimplimentaw u jinnotifikaw miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE fis-sħiħ 5 . Il-proċeduri rilevanti marbuta man-nuqqas ta’ traspożizzjoni fis-sħiħ għadhom għaddejjin 6 .

Minħabba li l-ESPD huwa marbut mal-implimentazzjoni tad-Direttivi, il-perjodu ta’ żmien u l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni prattika tal-ESPD huma għaldaqstant inqas.

Barra mill-verżjoni stampata annessa mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/7 u bil-ħsieb li l-Istati Membri jsibu appoġġ fil-fażi tal-bidu tal-implimentazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni żviluppaw verżjoni elettronika tal-ESPD (“l-eESPD”) 7 . Din saret disponibbli għall-Istati Membri f’erba’ modi differenti ta’ implimentazzjoni sabiex ikun hemm livelli differenti ta’ adattament għall-Istati Membri 8 .

Is-servizz tal-eESPD għandu l-għan li jappoġġja biss il-fażi ta’ tranżizzjoni fl-Istati Membri, peress li l-potenzjal sħiħ tal-ESPD għandu jiġi sfruttat bl-integrazzjoni ta’ ESPD “nazzjonali” mas-sistema ta’ e-akkwist u mar-reġistri jew mal-bażijiet tad-dejta ta’ ċertifikati/evidenzi ta’ kull Stat Membru. Bis-saħħa ta’ dan jistgħu jintlaħqu tliet għanijiet differenti: aktar personalizzazzjoni u adattament għall-kundizzjonijiet nazzjonali; trawwim tad-diġitizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika; ħolqien ta’ bażi għas-simplifikazzjoni ta’ proċeduri permezz tal-implimentazzjoni tal-Prinċipju ta’ Darba Biss (“OOP”). Fid-Danimarka, fil-Finlandja, fin-Netherlands, u fis-Slovenja diġà hemm disponibbli soluzzjonijiet nazzjonali tal-ESPD. Għalkemm l-eESPD ġie żviluppat bħala għodda ta’ tranżizzjoni, l-eESPD tal-Kummissjoni rrapporta użu għoli ħafna (ara t-Tabella 2 fl-Anness tar-Rapport).

3Miżuri ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-ESPD fl-Istati Membri

Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet miżuri ta’ akkumpanjament biex tappoġġa l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-ESPD barra mill-għodda tal-IT imsemmija hawn fuq.

·Finanzjament

Il-finanzjament sar disponibbli sabiex titrawwem l-integrazzjoni tal-ESPD fis-sistemi ta’ e-akkwist nazzjonali. Għotjiet ta’ EUR 4.9 miljuni ġew allokati lil għaxar konsorzji inkluż entitajiet minn 17-il pajjiż mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF). Aktar sejħiet li jikkorrispondu għal ammont ta’ EUR 4 miljuni, se jitnedew fl-2017.

·Sessjonijiet ta’ ħidma ta’ implimentazzjoni

F’kull Stat Membru ġew organizzati sessjonijiet ta’ ħidma biex janalizzaw il-qagħda attwali fil-pajjiż, jiddiskutu l-għażliet ta’ implimentazzjoni possibbli u jipprovdu assistenza biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-ESPD. Medda wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti (awtoritajiet pubbliċi, reġistri ta’ evidenzi, fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ e-akkwist, utenti, eċċ.) ħadu sehem f’laqgħat li jappoġġaw diskussjonijiet kostruttivi. Bejn Awwissu tal-2016 u t-28 ta’ Frar 2017 kien hemm 18-il sessjoni ta’ ħidma (sas-sajf tal-2017 tkun saret żjara fl-Istati Membri kollha).

Is-sessjonijiet ta’ ħidma pprovdew lir-rappreżentanti tal-Istati Membri b’għarfien aħjar tal-ESPD u tas-servizz eESPD tal-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni ġabret informazzjoni dwar l-isfidi li ffaċċjaw l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tiegħu. B’mod partikolari, is-sessjonijiet ta’ ħidma ċċaraw l-irwol tal-e-Certis 9 u l-opportunitajiet li jiġu awtomatizzati l-proċessi billi jingħaqdu l-bażijiet tad-dejta nazzjonali mal-ESPD u jiġu ingranati fl-infrastruttura diġitali nazzjonali. Matul il-laqgħat tqajmu kwistjonijiet tekniċi, legali u proċedurali.

Minn dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma ħareġ li biex tiddefinixxi l-aqwa strateġija ta’ implimentazzjoni teknika għall-għodda tal-IT jenħtieġ li jingħaqdu flimkien l-aspetti legali ma’ dawk tekniċi. Xi partijiet kienu tal-fehma li għandu jiġi ppubblikat pjan direzzjonali ċar dwar edizzjonijiet tekniċi futuri tal-mudell tad-dejta tal-ESPD sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippjanaw bil-quddiem u jallokaw b’mod effiċjenti r-riżorsi. Tqajjem punt ieħor dwar il-kompatibbiltà tal-implimentazzjonijiet nazzjonali tal-ESPD mal-verżjoni tal-UE.

·Assistenza teknika

Tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri wkoll l-assistenza teknika dwar l-implimentazzjoni tal-ESPD. Tliet darbiet fis-sena saru laqgħat tal-grupp Espert tad-diversi partijiet ikkonċernati dwar l-eAkkwist (EXEP); barra minn hekk, twaqqfet komunità ta’ utenti biex l-eESPD jitjieb billi ttieħed kont tas-suġġerimenti mill-Istati Membri. Saru wkoll webinars b’mod regolari biex l-impjegati tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li jaħdmu fl-uffiċċju tal-akkwist pubbliku jitħarrġu fil-livell ċentrali dwar l-użu tal-ESPD.

Din il-ħidma ġiet ikkomplementata minn miżuri meħuda fil-livell nazzjonali biex jitrawmu l-adozzjoni u l-għarfien tal-ESPD. Pereżempju, xi Stati Membri organizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ biex jiffaċilitaw it-twaqqif u l-użu tal-ESPD. L-awtoritajiet pubbliċi f’bosta Stati Membri (id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Italja, l-Iżvezja, u r-Renju Unit) ippubblikaw linji gwida speċifiċi biex jgħinu lill-offerenti kif ukoll lill-awtoritajiet kontraenti dwar kif jimlew l-ESPD.

4L-implimentazzjoni fl-Istati Membri

L-istħarriġ tal-Istati Membri

Bil-għan li jitħejja dan ir-rapport, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jirrappurtaw dwar l-applikazzjoni tal-ESPD għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku ta’ livell minimu msemmija hawn fuq 10 . Għal dak il-għan, tfassal stħarriġ 11   onlajn: kien fih għaxar mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni prattika tal-ESPD mill-Istati Membri li kien jirrifletti s-sitwazzjoni attwali fil-31 ta’ Diċembru 2016.



L-użu tal-ESPD fl-Istati Membri

Skont l-istħarriġ, 22 Stat Membru bdew jużaw l-ESPD filwaqt li sitta (6) minnhom urew li ma kienx il-każ, l-aktar minħabba li d-Direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta. Dan kien il-każ preċiżament fl-Awstrija, fil-Belġju, f'Ċipru, fl-Estonja, fil-Litwanja u fl-Iżvezja.

Fil-prattika, f’bosta Stati Membri l-esperjenza attwali bl-ESPD kienet pjuttost limitata. Xi Stati Membri qalu li n-numru ta’ kuntratti mogħtija skont id-Direttiva 2014/24/UE kien baxx ħafna, pereżempju minħabba limitazzjonijiet ta’ baġit jew minħabba li meta sar l-istħarriġ id-Direttiva ma kinitx ilha wisq li ġiet trasposta.

Graff n.1 L-użu inizjali tal-ESPD fl-Istati Membri

Il-graff n.2 hawn taħt turi l-mod kif l-Istati Membri għażlu li jimplimetaw l-ESPD mill-ħafna modi differenti ta’ implimentazzjoni li minnhom setgħu jagħżlu. Jidher li fil-biċċa l-kbira tagħhom l-Istati Membri għażlu li jużaw b’mod parallel aktar minn mod wieħed ta’ implimentazzjoni. B’mod partikolari, żewġ modi ta’ implimentazzjoni jispikkaw fuq l-oħrajn: l-eESPD u l-forma stampata s’issa huma l-għażliet preferuti mill-Istati Membri, bi 15 l-Istat Membru għal kull għażla.

Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li ma tistax għalissa ssir valutazzjoni kwalitattiva minħabba li l-Istati Membri għadhom kemm bdew jimplimentaw l-ESPD; tabilħaqq, anki jekk l-Istati Membri jafu li l-integrazzjoni fis-sistema nazzjonali tagħhom ta’ e-akkwist lill-partijiet ikkonċernati se ġġibilhom aktar benefiċċji, din l-integrazzjoni teħtieġ aktar żmien sakemm tkun lesta għal kollox.

L-użu parallel ta’ modi ta’ implimentazzjoni differenti huwa tipiku tal-Istati Membri fejn l-ambjent tal-e-akkwist fih diversi pjattaformi li joperaw fil-livell lokali, nazzjonali jew reġjonali u fejn l-amministrazzjonijiet jimplimentaw l-ESPD b’mod differenti; dan, pereżempju, huwa l-każ fl-Italja, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit.

Graff n.2 L-adozzjoni tal-modi differenti ta’ implimentazzjoni tal-ESPD mill-Istati Membri

Spjega:

Oħrajn / Soluzzjoni lokali: forma ta’ web żviluppata lokalment

DKV: Dossier ta’ Kumpanija Virtwali

ESPD KE SM: Sors miftuħ

Servizz ESPD KE – servizz eESPD

ESPD KE MD: mudell tad-dejta

Forma stampata

Id-Direttiva 2014/24/UE tippermetti lill-Istati Membri jużaw il-verżjoni stampata tal-ESPD sa April tal-2018. F’ħafna każijiet fejn jintuża l-eESPD, (12-il Stat Membru minn 15) tintuża fl-istess ħin il-verżjoni stampata. Franza, l-Ungerija u l-Irlanda biss irrappurtaw li l-ESPD jintuża fil-format stampat. Għalhekk, il-verżjoni stampata għadha tintuża minn aktar minn 80% tal-Istati Membri li diġà bdew jużaw l-ESPD. Dan ifisser li qed jużaw b’mod marġinali biss is-simplifikazzjoni potenzjali li ġejja mill-użu tal-ESPD li jrawwem id-diġitalizzazzjoni tal-proċess ta’ akkwist pubbliku. Madankollu, għandu jitqies ukoll li d-dejta disponibbli mhix biżżejjed fid-dettal biex ikun magħruf, pereżempju, l-għadd ta’ awtoritajiet kontraenti li qed jużaw waħda mill-modalitajiet ta’ implimentazzjoni differenti.

F’żewġ Stati Membri l-awtoritajiet pubbliċi rrakkomandaw l-użu tal-eESPD żviluppat mill-Kummissjoni (Il-Ġermanja, Spanja) F’dawn iż-żewġ Stati Membri, minkejja li l-awtoritajiet kontraenti jipprovdu l-possibbiltà li jitressaq l-ESPD fil-proċeduri ta’ akkwist, ma jidhirx li qed jintuża mill-biċċa l-kbira tal-operaturi ekonomiċi.

Dwar il-pjanijiet tal-implimentazzjoni tal-ESPD għal dawk l-Istati Membri li għadhom ma implimentawhx, xi wħud minnhom irrappurtaw li fil-fażi inizjali għandhom f’moħħom li jużaw is-servizz żviluppat mill-Kummissjoni, jew il-verżjoni ta’ sors miftuħ tiegħu, u tlieta minnhom se jiżviluppaw soluzzjoni nazzjonali bl-użu tal-mudell tad-dejta li se jkun disponibbli fl-2017. Ebda Stat Membru f’dan il-grupp ma wieġeb li se juża’ l-verżjoni stampata.

Użu tal-ESPD għall-akkwist taħt il-limiti minimi tal-UE jew għall-konċessjonijiet

Graff n.3 Użu tal-ESPD għall-proċedura taħt il-limiti minimi tal-UE jew għall-kuntratti ta’ konċessjoni

Id-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku jħallu fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri l-possibbiltà li jużaw l-ESPD taħt il-limiti minimi tal-UE jew għall-proċeduri marbuta mal-konċessjonijiet. Kif jidher fil-graff ta’ hawn fuq, 61% tal-Istati Membri mhumiex beħsiebhom jużaw l-ESPD għal proċeduri taħt il-limiti minimi tal-UE jew għal kuntratti ta’ konċessjoni. Iżda, grupp kbir ta’ Stati Membri jieħu l-approċċ oppost. B’mod partikolari, il-Bulgarija, il-Kroazja, id-Danimarka, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, ir-Rumanija, fil-każijiet kollha jew f’xi każijiet (pereżempju fi proċeduri taħt il-limiti minimi jekk l-awtorità kontraenti titlob informazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ esklużjoni) l-użu tal-ESPD għamluh mandatorju, filwaqt li l-Ungerija, l-Italja, is-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u Spanja l-istess użu għamluh volontarju.

L-ESPD bħala xprun għad-diġitalizzazzjoni tal-Akkwist Pubbliku: il-prinċipju ta’ darba biss

Id-Direttiva 2014/24/UE talbet li jsir rapport dwar l-applikazzjoni prattika tal-ESPD b’kont meħud tal-iżvilupp tekniku fil-bażijiet tad-dejta fl-Istati Membri. Simplifikazzjoni sinifikanti fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku hija li l-ESPD jiġi integrat ma’ bażijiet tad-dejta u/jew sistema ta’ IT għall-prekwalifikazzjoni tal-fornituri. Sistemi bħal dawn jippermettu li jsir kontroll dwar jekk il-fornituri jkunux konformi mal-kriterji ta’ esklużjoni jew ta’ għażla użati fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku (pereżempju, jivverifikaw - eventwalment b’mod awtomatiku - jekk il-fornitur hux insolventi u jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-awtorità kontraenti).

Il-graff 4 hawn taħt juri li żewġ Stati Membri minn tlieta (Il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja, u r-Renju Unit) beħsibhom jipproċedu b’integrazzjoni bħal din filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-ESPD bħala pass ’il quddiem fid-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

Graff n.4 L-Istati Membri li beħsiebhom jintegraw l-ESPD ma’ sistema ta’ pre-kwalifikazzjoni tal-fornituri

L-istħarriġ ikopri wkoll il-possibbiltà li x-xerrejja jiksbu evidenza dokumentata meħtieġa fi proċedura ta’ akkwist pubbliku direttament billi jaċċessaw bażi ta’ dejta nazzjonali (reġistru ta’ akkwist nazzjonali, dossier ta’ kumpanija virtwali, sistema ta’ ħzin ta’ dokumenti elettronika jew sistema ta’ prekwalifukazzjoni) 12 . Dan komunement jissejjaħ ukoll “Prinċipju ta’ Darba Biss” (OOP) li jfisser li l-fornituri ma għandhomx jintalbu (jew l-aktar l-aktar jintalbu darba biss) jipprovdu informazzjoni sabiex juru li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fi proċedura amministrattiva, peress illi din l-informazzjoni diġà tinsab fil-bażijiet tad-dejta li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi.

Graff n. 5 Huwa possibbli li l-awtoritajiet kontraenti jiksbu d-dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa fi proċedura ta’ akkwist pubbliku direttament billi jaċċessaw bażi ta’ dejta nazzjonali?

Spjega:

I/K – Iva kompletament, għall-(kategoriji) ta’ awtoritajiet kontraenti kollha

I/P – Iva parzjalment, iżda b’mod limitat għal ċerti (kategoriji) ta’ awtoritajiet kontraenti (pereżempju l-awtoritajiet tal-pulizija ċentrali, l-awtoritajiet fiskali biss....)

Le - Ebda aċċess għall-bażijiet tad-dejta nazzjonali

L-Istati Membri ntalbu jekk kinux beħsibhom jintegraw l-ESPD ma’ xi wħud mis-sistemi ta’ IT imsemmija hawn fuq. It-tweġibiet tal-Istati Membri (ara l-graff n. 5) kienu polarizzati f’żewġ sitwazzjonijiet ewlenin opposti: minn naħa waħda, fi 11-il Stat Membru għadu mhux possibbli li l-awtoritajiet kontraenti jiksbu d-dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa fi proċedura ta’ akkwist pubbliku direttament billi jaċċessaw bażi ta’ dejta nazzjonali. Dan ifisser li f’dawn l-amministrazzjonijiet il-bażijiet tad-dejta mhumiex miftuħa għall-aċċess minn partijiet oħra tal-amministrazzjoni għal konsultazzjoni diretta jew għall-interkonnessjoni; dan juri wkoll li l-iżvilupp tal-OOP għad irid jibda. Min-naħa l-oħra, fi 11-il Stat Membru l-awtoritajiet kontraenti kollha jistgħu jaċċessaw il-bażijiet tad-dejta kollha biex jiġbru l-evidenzi u ċ-ċertifikati ta’ fornitur. Madankollu, din il-possibbiltà hija applikabbli biss għal ċertu tip ta’ dokumenti bħal dawk marbuta mar-raġunijiet ta’ esklużjoni (kif irrappurtat mill-Finlandja, mill-Ġermanja, mil-Latvja, mil-Litwanja, minn Spanja), filwaqt li d-dokumenti l-oħra jridu jiġu pprovduti mill-fornituri. Dan x’aktarx ifisser li dawk l-Istati Membri bdew l-implimentazzjoni tal-prinċipju OOP biex inaqqsu l-piż amministrattiv għall-partijiet kollha involuti. Il-Latvja u l-Litwanja b’mod partikolari diġà għandhom sistema stabbilita li tippermetti lix-xerrejja kollha jiġbru b’mod awtomatiku u jivverifikaw il-konformità tal-fornituri għal ċertu tip ta’ rekwiżiti. Dawn l-Istati Membri beħsibhom jikkonnettu l-ESPD mar-reġistri kollha sabiex ikopru l-punti kollha biex tkun tista’ ssir verifika ssimplifikata tad-dejta.

It-tweġibiet l-oħra tal-Istati Membri wkoll jirreferu għal sitwazzjoni terza fejn l-aċċess huwa limitat għal ċerti kategoriji ta’ awtoritajiet kontraenti (pereżempju, l-awtoritajiet tal-pulizija ċentrali, l-awtoritajiet fiskali biss, eċċ.); dan jikkorrispondi għas-sitwazzjoni fi grupp żgħir ta’ 6 Stati Membri biss.

Benefiċċji proġettati u mistennija mill-introduzzjoni tal-ESPD

L-istħarriġ tal-Istati Membri pprova jiġbor xi dejta dwar l-impatt iġġenerat mill-użu tal-ESPD fl-ewwel xhur tiegħu ta’ applikazzjoni. Madankollu, għal bosta Stati Membri l-ESPD intuża għal perjodu qasir ta’ żmien u għaldaqstant huwa kmieni wisq li ssir valutazzjoni ta’ dan it-tip. B’mod ġenerali, dan il-grupp jinkludi l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, Malta, u s-Slovenja.

Fl-aħħar nett, żewġ Stati Membri biss ipprovdew stima kwantitattiva tal-impatt fuq il-kumpaniji: skont id-Danimarka, il-benefiċċji jammontaw għal Euro 12-il miljun fis-sena, filwaqt li l-Kroazja rrappurtat tnaqqis ta’ 83% tal-kost tat-tħejjija tal-offerti għal dawk li huma mezzi ta’ prova. S'issa, ebda Stat Membru ma pprova jikkwantifika l-benefiċċji għax-xerrejja minn piż amministrattiv imnaqqas.  

Is-sessjonijiet ta’ ħidma mal-Istati Membri juru li l-Istati Membri qed jibdew jaraw il-benefiċċji potenzjali u kif jistgħu jtejbu s-soluzzjonijiet nazzjonali tagħhom.

Iżda, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt tal-ESPD, li tidher fil-qosor fit-tabella ta’ hawn taħt. L-opinjonijiet tal-Istati Membri jvarjaw b’mod sinifikanti u jiddependu fuq l-istat ta’ implimentazzjoni tal-ESPD. B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew valutazzjoni pożittiva li tirriżulta mill-użu tiegħu; urew li l-benefiċċji jimmaterjalizzaw kieku l-ESPD jingħaqad mar-reġistri u l-bażijiet tad-dejta tal-evidenzi. Grupp ieħor ta’ Stati Membri li jinkludi lid-Danimarka, lill-Ġermanja u lil Spanja rrapportaw li l-ESPD ġie kkritikat b’mod qawwi kemm mill-intrapriżi kif ukoll mix-xerrejja. Oħrajn, bħall-Irlanda, minkejja li għarfu l-potenzjal ta’ simplifikazzjoni li jiġi mill-iżvilupp ta’ soluzzjoni elettronika, indikaw li l-implimentazzjoni inizjali s’issa kienet sfida. It-Tabella 3 fl-Anness tar-Rapport telenka l-benefiċċji u l-iżvantaġġi rrappurtati mill-Istati Membri mill-uża tal-ESPD. 

5L-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati ewlenin

F’Novembru tal-2016, il-Kummissjoni nediet stħarriġ immirat tal-partijiet ikkonċernati ewlenin dwar l-applikazzjoni prattika tal-ESPD, sal-31 ta’ Jannar 2017. Inkludiet għaxar assoċjazzjonijiet Ewropej importanti li jirrappreżentaw ix-xerrejja jew il-bejjiegħa, li joperaw f’setturi differenti u jirrappreżentaw interessi differenti fl-akkwist pubbliku. Intalbu jikkonsultaw il-membri nazzjonali tagħhom. Din hija l-lista ta’ partijiet ikkonċernati li ġew ikkonsultati:

·il-Kunsill tal-Periti tal-Ewropa (ACE)

·Business Europe

·il-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (CER)

·il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR)

·in-netwerk tas-CPS

·l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri tal-eOfferti Pubbliċi (EUPlat)

·Eurocities

·il-Konfederazzjoni tal-Bennejja Ewropej (EBC)

·il-Federazzjoni tal-Industrija tal-Kostruzzjoni Ewropea (FIEC)

·l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Intrapriżi tal-Artiġjanat, Żgħar u ta' Daqs Medju (UEAPME);

Graff n.6 Tweġibiet li rriżultaw mill-konsultazzjoni tal-partijiet interessati immirati skont l-assoċjazzjoni

48 parti ikkonċernata minn 16-il Stat Membru ħadu sehem fl-istħarriġ. Il-graff ta’ hawn fuq turi t-tweġibiet li waslu skont l-assoċjazzjoni/grupp. Nofs biss ta’ dawk li wieġbu rrappurtaw li qed jużaw l-ESPD filwaqt li l-mod prevalenti huwa l-karta, segwit mill-eESPD. B’mod ġenerali, bosta partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw kemm il-bejjiegħa kif ukoll ix-xerrejja esprimew xi tħassib dwar l-użu tal-ESPD, billi enfasizzaw il-kumplessità tal-formola. Iżda, dan jista’ jkun ukoll dovut għall-użu tal-verżjoni stampata jew, f’xi każijiet, għal xi ftehim ħażin tas-sistema.

F’xi każijiet, il-partijiet ikkonċernati rrappurtaw li l-użu tal-ESPD mhux ikkunsidrat obbligatorju mix-xerrejja fil-proċeduri kollha ta’ akkwist, jew li jintużaw tipi oħra ta’ awtodikjarazzjonijiet. Bosta partijiet interessati esprimew tħassib dwar it-test tal-formola jew dwar il-ħtieġa li s-sottokuntratturi jibagħtu l-ESPD; oħrajn, għall-kuntrarju apprezzaw is-servizz tal-eESPD, u kienu tal-fehma li l-ESPD hija għodda utli għall-SMEs peress li tistandardizza l-awtodikjarazzjoni li trid tintuża. B’mod ġenerali, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kienu differenti minn xulxin skont jekk l-awtodikjarazzjoni kinitx diġà qed tintuża fl-Istat Membru tagħhom u l-grad ta’ kumplessità ta’ dan id-dokument.

6Il-konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Kif deher fl-istħarriġ tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati, l-implimentazzjoni tal-ESPD għadha tibda minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-direttivi, u ż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, f’ħafna Stati Membri l-użu tal-ESPD huwa limitat b’mod wiesa’ għall-verżjoni stampata u għas-servizz eESPD tal-Kummissjoni. Għad żgħir ħafna biss ta’ Stati Membri żviluppaw diġà soluzzjoni nazzjonali tal-ESPD, għalkemm diversi minnhom beħsiebhom jagħmlu dan fit-terminu medju. Għalhekk l-Istati Membri mhumiex jisfruttaw il-potenzjal kollu tal-ESPD 13 . Barra minn hekk, m'hemmx biżżejjed esperjenza prattika biex jiġi evalwat il-bżonn li l-ESPD jiġi emendat. F’dan ir-rigward huwa sinifikanti li għadd żgħir ħafna biss ta’ Stati Membri - tlieta - għamlu xi suġġerimenti għal tibdil fl-ESPD u/jew fl-eESPD.

F’dan il-kuntest, għandha ssir valutazzjoni aktar bir-reqqa tal-ESPD fl-2019 flimkien ma’ dik dwar l-effett ekonomiku tad-Direttivi fuq is-suq intern u l-akkwist transfruntiera 14 . Valutazzjoni bħal din tkun ibbażata fuq perjodu ta’ xi snin ta’ applikazzjoni u se tipprovdi stampa aktar komprensiva tas-sitwazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli trawwem l-implimentazzjoni tal-ESPD fl-Istati Membri, u b’mod partikolari tappoġġja l-integrazzjoni tiegħu fis-sistemi nazzjonali ta’ e-akkwist u fir-reġistri/bażijiet ta’ dejta ta’ ċertifikati/evidenzi. Dan se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-OOP fl-Istati Membri.

B’konsistenza man-natura tranżitorja tas-servizz, il-Kummissjoni mhix se timpenja ruhħa fi żviluppi ewlenin tal-eESPD wara t-18 ta’ April 2019. Huwa ppjanat l-eESPD jintemm wara dik id-data.

Aktar żviluppi tal-ESPD (u tal-e-Certis 15 ) se jkollhom ukoll iqisu l-iżviluppi fis-sistemi li jikkonnettu ma’ xulxin ir-reġistri tal-Istati Membri (bħas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri ta’ Negozju (BRIS), l-Interkonnessjoni tar-Reġistri ta’ Insolvenza, jew is-Sistema ta’ Informazzjoni tar-Reġistri Kriminali Ewropea (ECRIS), eċċ) li jinkludu dokumenti u ċertifikati rilevanti għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

L-ESPD tqis ukoll fil-ħidma ta’ titjib tal-formoli standard ta’ akkwist. Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni pubblika 16 se jitqiesu fil-valutazzjoni futura li tista’ ssir tal-ESPD tal-2019.

Huwa wkoll essenzjali li l-Istati Membri jimplimentaw sewwa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24/UE li jeħtieġu li l-Istati Membri jżommu s-sistema e-Certis aġġornata. Dan l-objettiv kien rikonoxxut mill-Istati Membri stess fl-istħarriġ. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-e-Certis biex tiżgura t-tħaddim xieraq ta’ din l-għodda importanti tas-suq uniku.

(1)

Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65. Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva jirreferu għall-użu tal-ESPD f’kuntesti speċifiċi, iżda r-regolament ewlieni jinsab fl-Artikolu 59.

(2)

Ara r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/7 tal-5 ta' Jannar 2016 li jistabbilixxi formola standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist, ĠU L3 ta’ 6.1.2016, p. 16.

(3)

Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, ĠU L 94 ta’ 28.3.2014, p. 243

(4)

L-Artikolu 59(3). Dan ifisser sentejn (2) sħaħ qabel id-data “normali”, it-18 ta’ April 2019, prevista għar-reviżjoni ġenerali tad-Direttiva skont l-Artikolu 92 tagħha.

(5)

Ara t-tabella 1 fl-Anness tar-Rapport li jistipula d-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE għal kull Stat Membru.

(6)

http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=9057

(7)

  https://ec.europa.eu/tools/espd

(8)

Dawn l-attivitajiet kienu ffinanzjati permezz tal-programm ISA² (Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi, in-Negozji u ċ-ċittadini).

(9)

e Certis hija s-sistema onlajn żviluppata mill-Kummissjoni biex jiġu mmappjati ċertifikati/attestazzjonijiet meħtieġa mill-Istati Membri fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku. https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/ecertis//web/

(10)

Id-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku jħallu fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri l-possibbiltà li jużaw l-ESPD taħt il-limiti minimi tal-UE jew għall-proċeduri marbuta mal-konċessjonijiet.

(11)

L-istħarriġ seta’ jintuża permezz tal-għodda onlajn bl-isem ta’ “EU Survey” (Stħarriġ UE), żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea u li tinsab fuq https://ec.europa.eu/eusurvey/runner/ESPD_survey

(12)

 B’mod partikolari dan huwa stipulat bl-Artikolu 59(3) tad-Direttiva 2014/24/UE

(13)

Huwa wkoll sinifikanti li għadd żgħir ħafna biss ta’ Stati Membri - tlieta - għamlu xi suġġerimenti għal tibdil fl-ESPD u/jew fl-eESPD. Dawn jistgħu jitqiesu bħala xierqa fil-kuntest tal-adattamenti attwali tal-eESPD.

(14)

L-Artikolu 92 tad-Direttiva 2014/24/UE, ĠU tat-28.3.2014, L 94

(15)

Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9 ta’ e-Certis.

(16)

  http://ec.europa.eu/growth/tools-databases/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=8997

Top

Brussell, 17.5.2017

COM(2017) 242 final

ANNESS

tar-

rapport tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

dwar ir-reviżjoni tal-applikazzjoni prattika tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD)


Tabella nru 1 Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE - Sitwazzjoni Attwali fil-5 ta’ April 2017

Stati Membri

Direttiva 2014/24/UE klassika

Direttiva dwar l-Utilitajiet
2014/25/UE

Il-Belġju

Il-Bulgarija

15.4.2016

15.4.2016

Ir-Repubblika Ċeka

1.10.2016

1.10.2016

Id-Danimarka

1.1.2016

1.1.2016

Il-Ġermanja

18.4.2016

18.4.2016

L-Estonja

L-Irlanda

5.5.2016

5.5.2016

Il-Ġreċja

8.8.2016

8.8.2016

Spanja

Franza

1.4.2016

1.4.2016

Il-Kroazja

1.1.2017

1.1.2017

L-Italja

19.4.2016

19.4.2016

Ċipru

28.4.2016

23.12.2016

Il-Latvja

1.3.2017

1.4.2017

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

L-Ungerija

1.11.2015

1.11.2015

Malta

28.10.2016

28.10.2016

In-Netherlands

1.7.2016

1.7.2016

L-Awstrija

Il-Polonja

28.7.2016

28.7.2016

Il-Portugall

Ir-Rumanija

26.5.2016

26.5.2016

Is-Slovenja

1.4.2016

1.4.2016

Ir-Repubblika Slovakka

18.4.2016

18.4.2016

Il-Finlandja

L-Iżvezja

Ir-Renju Unit

18.4.2016

18.4.2016



Tabella 2 In-numru ta’ viżitaturi uniċi f’Jannar 2017 tas-servizz tal-eESPD skont l-Istat Membru

Stati Membri

Viżitaturi uniċi

Ir-Rumanija

31561

Id-Danimarka

11217

Il-Polonja

9049

Spanja

9444

L-Italja

6425

Il-Ġreċja

3858

In-Norveġja

4147

Il-Ġermanja

3427

Franza

3107

Il-Finlandja

2959

L-Iżvezja

2327

Ir-Renju Unit

1945

Il-Portugall

1221

In-Netherlands

1231

Il-Bulgarija

781

Il-Kroazja

724

Is-Slovakkja

633

L-Ungerija

617

Il-Belġju

596

Ir-Repubblika Ċeka

543

Is-Slovenja

443

L-Awstrija

401

l-Iżvizzera

286

Il-Latvja

194

L-Irlanda

177

L-Estonja

91

Il-Litwanja

61

Ċipru

34

Il-Lussemburgu

29

Malta

26



Tabella nru 3 Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi rrappurtati mill-Istati Membri mill-użu tal-ESPD

Benefiċċji

Stati Membri

Tnaqqis ta’ piż amministrattiv mistenni għall-fornituri (inklużi l-SMEs)

Ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja

Tnaqqis ta’ piż amministrattiv mistenni għax-xerrejja

Il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja

Aktar valur għall-flus li jirriżulta miż-żieda ta’ ftuħ tas-suq u tal-kompetizzjoni

L-Italja

Aktar trasparenza għall-fornituri fir-rigward tal-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla

Il-Belġju

L-ewwel pass biex tinkiseb l-interoperabbiltà tal-e-akkwist mal-UE kollha

Il-Portugall

Jiffaċilita l-parteċipazzjoni transfruntiera fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku

Il-Belġju, il-Finlandja

Kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla standardizzati, f’lista eżawrjenti

Ċipru, il-Finlandja, il-Portugall

Standardizzazzjoni tal-awtodikjarazzjonijiet, nazzjonalment u fl-UE kollha

L-Iżvezja

Proċess ta’ evalwazzjoni aktar rapidu, proċedura iqsar

Il-Belġju, il-Finlandja, il-Litwanja, ir-Rumanija

Tnaqqis addizzjonali marġinali meta mqabbel mas-sistema attwali

Spanja, in-Netherlands

Benefiċċji meta tkun disponibbli l-verżjoni elettronika

Il-Bulgarija, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Irlanda

Benefiċċji meta tkun disponibbli l-konnessjoni awtomatika b’pjattaformi ta’ e-akkwist jew reġistri

Il-Finlandja, ir-Repubblika Slovakka

Żvantaġġi

Stati Membri

Il-formola hija kkumplikata wisq

L-Awstrija, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja, il-Polonja

Il-formola hija twila wisq

l-Awstrija, il-Ġermanja, Spanja

Żieda fil-piż amministrattiv għall-EOs

L-Awstrija, id-Danimarka, Spanja, il-Polonja

Żieda fil-piż amministrattiv għas-CAs

L-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Spanja

Il-forma stampata hija problematika, iżda s-sitwazzjoni tista’ titjieb permezz ta' verżjoni elettronika

L-Ungerija

L-ESPD huwa pass lura meta mqabbel mal-awtodikjarazzjonijiet użati qabel l-introduzzjoni tiegħu.

L-Awstrija, il-Ġermanja, Spanja, il-Finlandja

Aktar faċli għall-EOs biex jipprovdu d-dokumenti ta’ prova kollha mill-bidu

Spanja, il-Polonja

Il-formola hija riġida wisq

Id-Danimarka

Diffikultajiet fil-fażi inizjali għal xerrejja u l-fornituri

Il-Ġreċja

Mhux użat mill-biċċa l-kbira tal-operaturi, aċċettazzjoni skarsa mill-fornituri

Il-Ġermanja, Spanja

Jekk l-ESPD ma jistax jerġa’ jintuża għal proċeduri differenti, huwa diffiċli li wieħed jikkonvinċi lill-partijiet ikkonċernati biex jużawh.

Malta

Top