EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0211

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-protezzjoni tat-tfal migranti

COM/2017/0211 final

Brussell, 12.4.2017

COM(2017) 211 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-protezzjoni tat-tfal migranti

{SWD(2017) 129 final}


1.Introduzzjoni

F’dawn l-aħħar snin, l-għadd ta’ tfal migranti li qed jaslu fl-Unjoni Ewropea, li bosta minnhom ma jkunux akkumpanjati, żdied drammatikament. Fl-2015 u fl-2016 madwar tletin fil-mija tal-applikanti għall-ażil fl-Unjoni Ewropea kienu tfal 1 . L-għadd totali ta’ tfal li japplikaw għall-ażil żdied b’sitt darbiet f’dawn l-aħħar sitt snin 2

Wara l-istatistiki, hemm tfal individwali li jgħixu firxa ta’ esperjenzi marbutin mal-migrazzjoni, li bosta minnhom huma trawmatiċi. It-tfal migranti jinsabu fi stat partikolarment vulnerabbli minħabba l-età tagħhom, id-distanza mid-dar, u ħafna drabi minħabba li huma mifrudin mill-ġenituri jew mill-persuni li jindukrawhom. Għaldaqstant, huma jeħtieġu protezzjoni speċifika u adegwata.

Kemm il-bniet kif ukoll is-subien, fil-migrazzjoni huma esposti għal riskji, u bosta drabi jkunu sofrew minn forom estremi ta’ vjolenza, sfruttament u traffikar tal-bnedmin, kif ukoll minn abbuż fiżiku, psikoloġiku u sesswali kemm qabel u/jew wara li jkunu waslu f’territorju tal-UE. Huma qegħdin f’riskju li jiġu marġinalizzati u li jinqabdu f’attività kriminali jew li jiġu radikalizzati. It-tfal jistgħu jgħibu jew jinfirdu minn mal-familji. Il-bniet huma partikolarment esposti għar-riskju taż-żwiġijiet furzati meta l-familji jkunu għaddejjin minn sitwazzjoni diffiċli, jew jixtiequ jipproteġuhom minn aktar vjolenza sesswali. Ir-riskji jiggravaw meta t-tfal jivvjaġġaw mhux akkumpanjati jew huma obbligati jaqsmu faċilitajiet iffullati ma’ adulti li għalihom huma barranin.

Il-protezzjoni tat-tfal hija marbuta l-ewwel u qabel kollox mal-ħarsien tal-valuri Ewropej li huma r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità u s-solidarjetà. Hija wkoll dwar l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u r-rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem marbuta mad-drittijiet tat-tfal. Din hija r-raġuni l-għaliex il-protezzjoni tat-tfal migranti kollha, ikun xi jkun l-istatus tagħhom u waqt kull stadju tal-migrazzjoni, hija prijorità.

L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, ilha attiva f’dan il-qasam għal bosta snin. Il-politiki u l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jipprovdu qafas sod għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal migranti u jkopru l-aspetti kollha inklużi l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, it-trattament tal-applikazzjonijiet tagħhom u l-integrazzjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Minorenni mhux Akkumpanjati (2010-2014) 3  kien strumentali sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li t-tfal migranti mhux akkumpanjati jiġu protetti u biex jitmexxew ’il quddiem l-azzjonijiet protettivi 4 . L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 5 u l-Komunikazzjoni dwar l-istadju milħuq fl-implimentazzjoni tagħha 6 dan l-aħħar indirizzaw il-protezzjoni tat-tfal migranti. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Investiment fit-Tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ” tat gwida bl-għan li jitnaqqas il-faqar tat-tfal u jitjieb il-benessri tat-tfal permezz ta’ miżuri ġenerali u mmirati 7 . B’riżultat ta’ dan hemm patrimonju sħiħ ta’ għarfien u prattika tajba fl-Istati Membri dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti.

Minkejja din il-prattika tajba u l-progress li l-Istati Membri għamlu, iż-żieda reċenti fl-għadd ta’ tfal migranti tefgħet pressjoni fuq is-sistemi u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, u kixfet lakuni u nuqqasijiet fil-protezzjoni tal-kategoriji kollha tat-tfal migranti. L-10 Forum Annwali dwar id-drittijiet tat-tfal marbutin mal-protezzjoni tat-tfal migranti organizzat mill-Kummissjoni fit-28-30 ta’ Novembru 2016 8 , u d-diskussjonijiet waqt laqgħat apposta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi, kif ukoll il-konferenza “Lost in Migration” tas-26-27 ta’ Jannar 2017 9 , enfasizzaw il-ħtieġa ta’ azzjonijiet immirati sabiex jiġu protetti aħjar it-tfal migranti. Ir-Rapport tat-23 ta’ Marzu 2017 tar-Rappreżentant Speċjali dwar il-Migrazzjoni u r-Refuġjati tal-Kunsill tal-Ewropa identifika wkoll l-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw it-tfal migranti fl-Ewropa 10 .

Fid-dawl ta’ dan l-għadd ikbar ta’ tfal migranti li qed jaslu fl-Ewropa u l-pressjoni li qed tikber fuq il-ġestjoni nazzjonali tal-migrazzjoni u fuq is-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi sensiela ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu jew jiġu implimentati aħjar immedjatament mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha, anki bl-appoġġ tal-aġenziji relevanti tal-UE (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta; l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (European Asylum Support Office, EASO) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (European Union Agency for Fundamental Rights, FRA)).

Din il-Komunikazzjoni tkompli tibni fuq inizjattivi tal-UE relevanti li ttieħdu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni, flimkien mas-salvagwardji addizzjonali speċifiċi proposti fil-kuntest tar-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ażil 11 , il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni 12 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kumissjoni dwar ir-ritorn 13 li takkumpanja l-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-ritorn imġedded 14 . Għaldaqstant, l-għan huwa li jiġu pprovduti b’mod urġenti sensiela ta’ azzjonijiet ikkoordinati u effettivi għan-nuqqasijiet fil-protezzjoni u għall-ħtiġijiet li t-tfal jiffaċċjaw ġaladarba jaslu l-Ewropa, li jvarjaw mill-identifikazzjoni tagħhom, l-akkoljenza, l-implimentazzjoni tas-salvagwardji proċedurali kif ukoll l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet fit-tul. Hemm ukoll ambitu għal żieda fl-azzjonijiet trażversali fl-istadji migratorji kollha, bħall-użu aħjar u aktar immirat tal-appoġġ finanzjarjiu tal-UE, it-titjib fil-ġbir tad-dejta dwar it-tfal migranti u l-għoti ta’ taħriġ lil dawk kollha li jaħdmu mat-tfal migranti. Dawn l-azzjonijiet se jiġu implimentati b’sinerġija ma’ dawk meħuda mill-Unjoni Ewropea sabiex jiġu protetti t-tfal fid-dinja, inklużi dawk fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu.

Dawn l-elementi kollha jinħtieġ li jitmexxew ’il quddiem bħala parti mill-approċċ komprensiv tal-UE għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, u sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effikaċi tat-tfal migranti, b’enfasi fuq it-tisħiħ tal-koperazzjoni transfruntiera 15 .

Il-prinċipju ta’ fl-aħjar interessi tat-tfal irid ikun il-kunsiderazzjoni primarja fl-azzjonijiet jew fid-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw it-tfal.

2.L-indirizzar tal-kawżi prinċipali u l-protezzjoni tat-tfal tul ir-rotot tal-migrazzjoni: żieda fl-azzjoni esterna tal-UE

Il-protezzjoni tat-tfal fil-migrazzjoni tibda billi jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali li jwasslu biex ħafna minnhom jibdew vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa. Dan ifisser li għandhom jiġu indirizzati l-kunflitti vjolenti li qed jippersistu u li ħafna drabi jdumu, iċ-ċaqliq sfurzat, l-inugwaljanzi fl-istandards tal-għajxien, l-opportunitajiet ekonomiċi limitati u l-aċċess għas-servizzi bażiċi permezz ta’ sforzi sostnuti sabiex jiġu eliminati l-faqar u d-deprivazzjoni u sabiex jiġu żviluppati sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal f’pajjiżi terzi 16 . L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha żiedu l-isforzi tagħhom sabiex jistabbilixxu qafas komprensiv ta’ politika esterna sabiex isaħħu l-koperazzjoni mal-pajjizi sħab ħalli l-protezzjoni tat-tfal tiġi integrata fuq livell dinji, reġjonali u bilaterali. L-Unjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ biex timplimenta l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li tappella għal dinja li fiha kull tifel u tifla jikbru ħielsa mill-vjolenza u mill-isfruttament, bid-drittijiet tagħhom protetti u b’aċċess għal edukazzjoni u għal kura tas-saħħa ta’ kwalità.

Fl-2015, id-dikjarazzjoni politika tas-Summit tal-Belt Valletta u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ magħha 17 , jappellaw għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin (b’enfasi speċifika fuq in-nisa u t-tfal), filwaqt li jindirizzaw il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u mhux sikura. Fl-2016, bl-adozzjoni tal-Qafas ta’ Sħubija 18 , il-migrazzjoni ġiet inkorporata b’aktar saħħa fil-politika barranija tal-UE, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tagħha u biex l-għajnuna tal-UE tiġi ffukata mill-ġdid fuq l-iżvilupp.

Bħalissa għaddejjin azzjonijiet konkreti sabiex jiġi implimentat l-approċċ imsemmi hawn fuq, u qed issir enfasi fuq l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ mekkaniżmi għall-protezzjoni tat-tfal f’pajjiżi sħab, b’attenzjoni partikolari fuq il-minuri mhux akkumpanjati, sabiex lit-tfal jingħatalhom ambjent sikur tul ir-rotta migratorja. Pereżempju, il-proġett “Ġestjoni aħjar tal-Migrazzjoni” (EUR 46 miljun), għandu l-għan li jtejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-livell reġjonali fil-Qarn tal-Afrika, billi tingħata protezzjoni speċjalizzata lil minuri mifrudin u mhux akkumpanjati li sfaw vittma tat-traffikar tal-bnedmin u ta’ netwerks ta’ faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali. Fil-qafas tal-Programm Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni, li permezz tiegħu bħalissa għaddejjin proġetti fl-Etjopja (EUR 30 miljun), fil-Kenja (EUR 15-il miljun), fis-Somalja (EUR 50 miljun), fis-Sudan (EUR 15-il miljun) u fl-Uganda (EUR 20 miljun), qed issir enfasi speċifika fuq il-protezzjoni tal-minuri mhux akkumpanjati sabiex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi, , sostenibbli, u bbażati fuq l-evidenza għall-iżvilupp u l-protezzjoni, kemm għar-refuġjati kif ukoll għall-komunitajiet ospitanti tagħhom, inkluż l-aċċess u l-għoti tad-drittijiet u tas-servizzi bażiċi. Fl-Afrika tal-Punent, jingħata appoġġ lill-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal li tappoġġa n-Netwerk tal-Afrika tal-Punent għall-protezzjoni tat-tfal mobbli, li tagħti assistenza sabiex jiġu żviluppati standards komuni dwar il-protezzjoni u mekkaniżmi għar-ritorn u għar-riintegrazzjoni sostenibbli. Azzjonijiet speċifiċi oħra mmirati attwalment qed jiġu implimentati fir-reġjun, pereżempju fil-Mauritania, u huma ffukati fuq il-vittmi potenzjali tat-traffikar tat-tfal.

Il-migrazzjojni irregolari lejn l-UE tat-tfal mhux akkumpanjati permezz ta’ rotot mhux sikuri tesponihom għat-traffikar u l-isfruttament tat-tfal, u tpoġġilhom saħħithom, jekk mhux ħajjithom ukoll f’riskju. Intensifikaw il-kampanji li jqajmu sensibilità dwar ir-riskji u l-perikli li jiffaċċjaw it-tfal tul ir-rotta migratorja.

L-operazzjonijiet umanitarji ffinanzjati mill-UE se jkomplu jieħdu inkonsiderazzjoni l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tas-subien u tal-bniet, u se jiżguraw li waqt l-ispostament jiġu protetti. Meta jkun f’waqtu, jingħata appoġġ kemm fil-pajjiż tal-oriġini kif ukoll matul ir-rotot differenti tal-migrazzjoni, inklużi l-prevenzjoni u r-rispons għall-vjolenza (anki l-vjolenza sesswali), il-ġestjoni tal-każijiet, ir-reġistrazzjoni u l-għoti ta’ dokumentazzjoni ċivili mitlufa, l-ittraċċar tal-familji u r-riunifikazzjoni tal-familji, l-appoġġ psikosoċjali, l-għoti ta’ informazzjoni, ta’ edukazzjoni u ta’ kenn ta’ emerġenza għat-tfal mhux akkumpanjati 19 . Pereżempju fis-Sudan t’Isfel, bil-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (United Nations Children's Fund, UNICEF) twettqu attivitajiet għall-protezzjoni tat-tfal u li ffukaw b’mod partikolari fuq il-prevenzjoni u r-rispons għas-separazzjoni, l-ittraċċar tal-familji u s-servizzi ta’ riunifikazzjoni tal-familja; l-appoġġ psikosoċjali; l-edukazzjoni dwar ir-riskju li għandhom il-mini u messaġġi oħra ta’ prevenzjoni li għandhom l-għan isalvaw il-ħajja; kif ukoll il-ħelsien u l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ tfal assoċjati ma’ forzi u ma’ gruppi armati. Fl-Iraq, is-Save the Children tipprovdi assistenza immedjata biex jiġu salvati l-ħajjiet tat-tfal u tal-familji tagħhom affettwati mill-kriżi ta’ Mosul, u biex jitjieb l-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u għal servizzi għall-protezzjoni tat-tfal għall-persuni internament spustati u għall-bniet u s-subien f’komunitajiet ospitanti. Fl-Afganistan, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tipprovdi assistenza għall-protezzjoni umanitarja ta’ minuri Afgani mhux akkumpanjati u bla dokumenti.

Bi tweġiba għall-kriżi tas-Sirja, u meta jitqies li nofs dawk affettwati mill-kriżi Sirjana fis-Sirja u barra minnha huma tfal, il-Kummissjoni kienet qed taħdem sabiex tilħaq l-għan tal-konferenza ta’ Londra 20 biex tagħti edukazzjoni lit-tfal refuġjati kollha. Aktar minn EUR 700 miljun ġew allokati biex jipprovdu lit-tfal spustati mill-kriżi Sirjana aċċess għall-edukazzjoni permezz tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija jew permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE, bħala rispons għall-kriżi Sirjana fir-reġjun kollu. Dawn l-isforzi jinkludu, permezz tat-twaqqif ta’ sħubija reġjonali għall-edukazzjoni mal-UNICEF, li tkopri l-Libanu, it-Turkija u l-Ġordan u l-koperazzjoni ma’ SPARK, l-Università Ġermaniża Ġordanjana, il-Kunsill Brittaniku, is-Servizz Ġermaniż ta' Skambju Akkademiku, Nuffic, l-Expertise France u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (United Nations High Commissioner for Refugees, UNHCR), għajnuna biex jitjieb l-aċċess għal opportunitajiet ta’ edukazzjoni għolja ta’ kwalità billi jitqassmu boroż ta’ studju lil studenti vulnerabbli u spustati internament fis-Sirja, u lir-refuġjati Sirjani. Waqt il-konferenza li ġiet organizzata fi Brussell fl-4 u l-5 ta’ April dwar l-Appoġġ għall-futur tas-Sirja 21 , il-Kummissjoni - flimkien mal-parteċipanti l-oħra tal-konferenza - qablet li tkompli din il-ħidma sabiex tiżgura li ma jkunx hemm ġenerazzjoni mitlufa mis-Sirja u mir-reġjun, u biex it-tfal refuġjati u t-tfal vulnerabbli kollha jiddaħħlu f’komunitajiet ospitanti u jingħataw edukazzjoni ta’ kwalità, bl-istess aċċess kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien.

Il-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal 22 li reċentement ġew riveduti jġeddu l-impenn tal-UE li tippromwovi u tipproteġi l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tat-tfal fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu. Dawn jipprovdu gwida għall-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar kif jitħaddem approċċ li jsaħħaħ is-sistemi, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal kollha. Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu adottati fit-3 ta’ April 2017 23 , enfasizza li l-Unjoni Ewropea se tkompli timpenja ruħha b’mod attiv fil-proċessi li jwasslu għall-elaborazzjoni tal-Patt Globali dwar ir-Refuġjati u l-Patt Globali dwar il-Migrazzjoni, wara l-adozzjoni f’Settembru 2016 tad-Dikjarazzjoni ta’ New York għar-Refuġjati u l-Migranti 24 . F’dan il-kuntest, il-Kunsill afferma mill-ġdid il-bżonn li jiġu protetti r-refuġjati u t-tfal migranti kollha, ikun xi jkun l-istatus tagħhom, u li f’kull mument jiġu kkunsidrati prinċipalment l-aħjar interessi tat-tfal, inklużi t-tfal mhux akkumpanjati u dawk mifrudin minn mal-familji, f’konformità sħiħa mal-Konvenzjoni tal-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinħtieġ li:

jagħtu prijorità lill-azzjonijiet li għandhom l-għan li jsaħħu s-sistemi tal-protezzjoni tat-tfal tul ir-rotot migratorji, inkluż fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni politika tas-Summit tal-Belt Valletta u l-Pjan ta’ Azzjoni u l-Qafas ta’ Sħubija, kif ukoll tal-qafas tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;

jappoġġaw lill-pajjiżi sħab biex jiżviluppaw sistemi nazzjonali b’saħħithom għall-protezzjoni tat-tfal u servizzi għar-reġistrazzjoni ċivili, kif ukoll jiżviluppaw koperazzjoni transfruntiera dwar il-protezzjoni tat-tfal;

jappoġġaw proġetti li jiffukaw fuq il-protezzjoni tat-tfal mhux akkumpanjati f’pajjiżi terzi tul ir-rotot migratorji, b’mod partikolari sabiex jimpedixxu t-traffikar tat-tfal jew il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali;

jimplimentw b’mod attiv il-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal.

3.Identifikazzjoni u protezzjoni rapida u komprensiva

Wara li jaslu fl-Unjoni Ewropea, it-tfal migranti jinħtieġ li jiġu identifikati u rreġistrati bħala tfal, billi jintuża sett ta’ dejta uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (pereżempju biex jiġi identifikat jekk it-tfal humiex akkumpanjati jew le, mifrudin minn mal-familja jew qed jivvjaġġaw magħha, in-nazzjonalità tagħhom jew jekk humiex apolidi, l-età, il-ġeneru, eċċ.). It-tfal jinħtieġ li jkollhom prijorità fil-proċeduri kollha relatati mal-fruntieri u li jirċievu appoġġ adegwat minn persunal speċjalizzat fil-proċess tal-identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni. Meta jkunu qed jinġabru l-marki tas-swaba’ u d-dejta bijometrika, jinħtieġ li b’mod partikolari jiġu applikati approċċi adattati għat-tfal u li jagħtu kas il-ġeneru. Jinħtieġ li jiġu vvalutati aħjar il-vulnerabbiltajiet u l-bżonnijiet għall-protezzjoni speċjali, inklużi l-bżonnijiet għall-kura tas-saħħa.

It-tfal, speċjalment dawk li ma jkunux akkumpanjati, jkunu wisq aktar esposti għar-riskju ta’ sfruttament u għat-traffikar tat-tfal 25 . It-tfal huma grupp partikolarment vulnerabbli fil-mira tat-traffikanti, u r-riskju li jisfgħu vittma ta’ dawn il-prattiki kompla jiggrava bl-għadd ta’ tfal li jaslu fl-Unjoni Ewropea. Jinħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika sabiex ikun hemm rispons għall-ħtiġijiet tal-bniet u tas-subien li setgħu kienu vittma ta’ xi forma ta’ vjolenza sesswali jew sessista. Madankollu, mhux dejjem jiġi implimentat ir-riferiment meħtieġ għas-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni tat-tfal u / jew għall-mekkaniżmi ta’referenza ta’ kontra t-traffikar, jew ma jiġix implimentat mill-ewwel. It-tfal li huma apolidi, għax pereżempju jkunu t-tfal ta’ ġenituri apolidi jew minħabba diskriminazzjoni sesswali fil-liġijiet dwar in-nazzjonalità fil-pajjiż tan-nazzjonalità ta’ ommhom, ma jistgħux jiġu identifikati bħala tali, u għaldaqstant l-istatus tagħhom fl-Unjoni Ewropea jieħu ż-żmien.

Persuna responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal għaldaqstant jinħtieġ li tkun preżenti minn kmieni waqt l-istadju ta’ identifikazzjoni u l-fażi ta’ reġistrazzjoni. L-Istati Membri l-aktar esposti jinħtieġ li jiġu appoġġati, meta jkun hemm bżonn, minn Stati Membri oħra, billi jiġu mobilizzati esperti permezz tal-aġenziji tal-UE. Hemm ħtieġa urġenti li l-protezzjoni tat-tfal tiġi integrata fil-hotspots billi f’kull hotspot jinħatar uffiċjal għall-protezzjoni tat-tfal – jiġifieri, persuna responsabbli mill-protezzjoni tat-tfal li tkun il-punt ċentrali għall-kwistjonijiet kollha marbutin mat-tfal, irrispettivament minn jekk it-tfal humiex applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jew le.

Il-proċeduri transfruntieri ta' ttraċċar u ta' riunifikazzjoni tal-familji, inklużi fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, bosta drabi ma jitwettqux, itulu jew jinbdew tard wisq. Dawn il-proċeduri jinħtieġ li jkunu bla intoppi u rapidi għat-tfal kollha, kemm jekk ikunu qed japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali (u għaldaqstant eliġibbli għal trasferimenti bl-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin) 26 , kif ukoll jekk ikunu qed japplikaw skont id-Direttiva dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja meta din tkun tapplika 27 . Barra minn hekk, jinħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jiġu vverifikati r-rabtiet tat-tfal mifrudin li jkunu qed jivvjaġġaw ma’ adulti, qabel ma jiġu rriferuti jew l-adult li jkun qed jakkumpanjahom jingħata tutela.

It-tfal migranti li jgħibu għandhom l-istess dritt għall-protezzjoni bħat-tfal li jgħibu f’pajjiżhom. Biex jiġi indirizzat il-fenomenu tat-tfal li jgħibu jinħtieġ li jitwaqqfu mekkaniżmi ta’ prevenzjoini u rispons sodi. F’termini ta’ prevenzjoni, it-tfal li għebu li jinstabu x’imkien fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jridu fis jiġu identifikati, irreġistrati u rriferuti lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tat-tfal.

Jinħtieġ li jkun hemm fis-seħħ protokolli u proċeduri sabiex sistematikament jiġu rrappurtati u jkun hemm rispons għall-każijiet fejn tfal mhux akkumpanjat jgħibu 28 . B’mod partikolari l-maniġers taċ-ċentri ta’ akkoljenza, kif ukoll min jieħu ħsieb it-tfal, jinħtieġ li jirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ tfal li jgħibu lill-pulizija. Il-hotlines għat-tfal li jgħibu (in-numru telefoniku 116 000 jaħdem fl-Istati Mmebri kollha tal-UE) u l-mekkaniżmi nazzjonali ta' twissija dwar it-tfal iridu jintużaw fejn xieraq. Il-każijiet kollha ta’ tfal mhux akkumpanjati li jgħibu jinħtieġ li jiġu rreġistrati mill-pulizija, li għandhom idaħħlu twissija dwar it-tifel jew tifla li għebu fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) u jikkoordinaw mal-uffiċċju SIRENE nazzjonali. L-Istati Membri jinħtieġ li jitolbu l-ħruġ ta’ avviż tal-Interpol korrispondenti dwar il-persuni li jgħibu 29 , bil-EUROPOL tiġi involuta meta rilevanti. Sforzi oħra sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjoni tat-tfal li jgħibu tista’ tinkludi wkoll kampanji ta’ informazzjoni f’postijiet pubbliċi relevanti

Ir-riforma reċentement proposta tal-SIS tinkludi l-proposta li mat-twissija tat-tfal li jgħibu, tiżdied klassifikazzjoni fis-sistema, li tindika ċ-ċirkustanzi tal-għajbien meta dawn ikunu magħrufin, u l-fatt li t-tifel jew tifla mhumiex akkumpanjati u/jew huma vittma ta’ traffikar 30 . Għaddejja ħidma fuq sistema awtomatizzata għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ fl-SIS. Din se tippermetti li jsir tiftix fl-SIS bil-marki tas-swaba’, u se tidentifika b’mod aktar affidabbli t-tfal li jinħtieġu l-protezzjoni. It-tnaqqis fl-età, minn 14-il sena għal 16-il sena, sabiex jittieħdu l-marki tas-swaba’ u x-xbihat tal-wiċċ, kif propost mir-Regolament rivedut ta’ Eurodac, jista’ wkoll jiffaċilità t-traċċar tat-tfal li jgħibu 31 . Barra minn hekk, is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ futura 32 se tgħin ukoll biex jiġu identifikati u jinstabu t-tfal cittadini ta’ pajjiż terz li jgħibu fl-Ewropa.

Azzjonijiet ewlenin:

Mill-2017, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u tal-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa biex:

jiġbru u jiskambjaw id-dejta komparabbli sabiex jiġi ffaċilitat l-ittraċċar transfruntier tat-tfal li jgħibu u biex jiġu vverifikati r-rabtiet familjari;

meta jkunu qed jinġabru l-marki tas-swaba’ u d-dejta bijometrika, japplikaw approċċi adattati għat-tfal u li jagħtu kas il-ġeneru;

jiżguraw li tkun preżenti persuna responsabbli mill-protezzjoni tat-tfal meta l-identifikazzjoni u l-fażi ta’ reġistrazzjoni jkunu għadhom fil-bidu, u li uffiċjali għall-protezzjoni tat-tfal jinħatru f’kull hotspot;

jistabbilixxu l-proċeduri u l-protokolli neċessarji sabiex b’mod sistematiku jirrappurtaw u jirrispondu għal kull każ ta’ tifel jew tifla mhux akkumpanjati li jgħibu.

4.L-għoti ta’ akkoljenza adegwata fl-Unjoni Ewropea

Il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għat-tfal migranti jinkludu mhux biss akkomodazzjoni sikura u adegwata, iżda kull servizz ta’ appoġġ meħtieġ sabiex jiġi żgurat l-aħjar interess u l-benessri tat-tfal, bħal rappreżentazzjoni indipendenti, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-appoġġ psikoloġiku u miżuri relatati mar-rikreazzjoni u mal-integrazzjoni.

Il-faċilitajiet ta’ akkoljenza mhux dejjem jiġu adattati għall-bżonnijiet tat-tfal, u l-persunal mhux dejjem għandu t-taħriġ jew huwa kkwalifikat biex jaħdem magħhom. Il-miżuri adegwati għall-protezzjoni u s-sigurtà tat-tfal għad mhumiex fis-seħħ fil-faċilitajiet kollha ta’ akkoljenza. Il-valutazzjonijiet tal-bżonnijiet individwali jistgħu ma jkunux adegwati jew ma jitwettqux, u dan jimpedixxi rispons apposta sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ kull tifel u tifla. Filwaqt li l-kura tat-tfal minn familja / l-użu tal-foster care għat-tfal mhux akkumpanjati f’dawn l-aħħar snin kibru u kienu suċċess u kosteffettivi, għadhom mhux jintużaw biżżejjed. Huwa meħtieġ appoġġ psikoloġiku għat-tfal u għall-familji trawmatizzati, kif ukoll servizzi speċifiċi għall-bniet u għas-subien li setgħu sofrew vjolenza sesswali u sessista, u l-promozzjoni tal-aċċess għal servizzi ta’ kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva. It-tfal li jgħixu f’komunitajiet jistgħu jiffaċċjaw ostakli biex ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni. It-tfal mhux dejjem jiġu żgurati aċċess għall-edukazzjoni minn kmieni, għalkemm dan huwa dritt uman tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u huwa fundamentali sabiex jibnu l-futur tagħhom u jiġi żgurat il-benessri tagħhom.

Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, il-Kummissjoni se tkompli tagħti prijorità lill-aċċess sikur għall-edukazzjoni formali u mhux formali, u tnaqqas iż-żmien ta’ kemm idum it-tħarbit fl-edukazzjoni tat-tfal 33 . Irid isir dak kollu li huwa possibbli sabiex jiġi żgurat li hemm disponibbli u aċċessibbli kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati u sikuri. Għażliet xierqa jistgħu jinkludu, b’mod partikolari għat-tfal mhux akkumpanjati, it-tqegħid tagħhom ma’ qraba adulti jew ma’ familja tar-rispett, it-tqegħid f’ċentri ta’ akkomodazzjoni b’arranġamenti speċjali għat-tfal jew f’akkomodazzjoni oħra adattata, bħal ma huma ċ-ċentri ta’ akkoljenza miftuħin kkontrollati mill-qrib li huma mfasslin biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal, jew għal tfal akbar, arranġamenti fuq skala żgħira għal għajxien indipendenti 34 . Il-Linji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kura Alternattiva tat-Tfal jistabbilixxu l-istandards relevanti 35 .

F’xi każijiet, it-tfal ġew akkomodati f’faċilitajiet magħluqin, minħabba n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ akkoljenza alternattivi adattati. Minħabba l-impatt negattiv tad-detenzjoni fuq it-tfal, id-detenzjoni amministrattiva jinħtieġ li tintuża skont id-dritt tal-UE, esklussivament f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta jkun strettament meħtieġ, bħala l-aħħar alternattiva, għall-inqas żmien possibbli u qatt ma jingħataw akkomodazzjoni f’ħabs.

Barra minn hekk, meta jkun hemm raġunijiet għad-detenzjoni, irid isir dak kollu li huwa possibbli sabiex jiġi żgurat li hija disponibbli u aċċessibbli 36 firxa vijabbli ta’ alternattivi għad-detenzjoni amministrattiva tat-tfal migranti, anki permezz tal-appoġġ ipprovdut mill-fondi tal-UE. Is-suġġett ewlieni tal-11-il forum dwar id-drittijiet tat-tfal se jkun il-promozzjoni tal-alternattivi għad-detenzjoni (Novembru 2017).

It-twaqqif ta’ sistemi ta' monitoraġġ effettivi fil-livell nazzjonali jinħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament tajjeb taċ-ċentri ta’ akkoljenza, filwaqt li jiġi żgurat li l-interessi kummerċjali (għaliex iċ-ċentri jitħaddmu għall-profitt) ma jkollhomx prijorità fuq il-protezzjoni tat-tfal. L-EASO, sabiex jappoġġa lill-Istati Membri, fl-2017 se jiżviluppa gwida speċifika dwar l-istandards operazzjonali u indikaturi rigward il-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza għat-tfal mhux akkumpanjati, apparti l-gwida dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza li ġiet żviluppata s-sena li għaddiet, li tapplika għall-applikanti kollha tal-ażil.

Azzjonijiet ewlenin:

Mill-2017, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa:

jiżguraw li jwettqu valutazzjonijiet individwali tal-vulnerabbiltà u tal-ħtiġijiet tat-tfal bbażati fuq il-ġeneru u fuq l-età mal-wasla tagħhom u li dawn jiġu kkunsidrati fil-proċeduri sussegwenti kollha;

jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess f’waqtu għall-kura tas-saħħa (inkluża l-kura preventiva) u għal appoġġ psikosoċjali, kif ukoll għal edukazzjoni formali, indipendentement mill-istatus tat-tfal u/jew tal-ġenituri tiegħu/tagħha;

jiżguraw li tiġi pprovduta firxa ta’ opzjonijiet ta’ kura alternattiva għal tfal mhux akkumpanjati, inklużi foster care/kura bbażata fil-familja;

jintegraw politiki ta’ protezzjoni tat-tfal fil-faċilitajiet ta’ akkoljenza kollha, inkluż billi jaħtru persuna responsabbli mill-protezzjoni tat-tfal;

jiżguraw u jissorveljaw id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta' alternattivi oħra vijabbli għad-detenzjoni amministrattiva tat-tfal migranti;

jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema ta' monitoraġġ adegwata u effettiva fir-rigward tal-akkoljenza tat-tfal migranti;

jagħmlu użu sħiħ mill-gwida EASO li jmiss dwar l-istandards operazzjonali u l-indikaturi rigward il-kundizzjonijiet materjali ta' akkoljenza għal tfal mhux akkumpanjati.

5.L-iżgurar ta' aċċess rapidu u effettiv għall-proċeduri għad-determinazzjoni tal-istatus u għall-implimentazzjoni ta' salvagwardji proċedurali

Iridu jiġu applikati salvagwardji adegwati għat-tfal kollha li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, inkluż fl-istadji kollha tal-ażil u tal-proċedura tar-ritorn. Attwalment, għadd ta' miżuri protettivi ewlenin, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni, ir-rappreżentazzjoni legali u l-kustodja, id-dritt tat-tfal li jinstemgħu, id-dritt għal rimedju effettiv u valutazzjonijiet tal-età multidixxiplinari u konformi mad-drittijiet, hemm bżonn li jiżdiedu.

Il-kustodji għandhom rwol kruċjali biex jiggarantixxu l-aċċess għad-drittijiet u jissalvagwardjaw l-interessi tat-tfal kollha mhux akkumpanjati, inkluż ta' dawk li ma japplikawx għal ażil. Huma jistgħu jgħinu biex tinbena l-fiduċja mat-tfal u jiżguraw il-benessri tagħhom, inkluż għall-finijiet ta’ integrazzjoni, f'koperazzjoni ma' atturi oħrajn. Il-kustodji jistgħu jgħinu biex jiġi evitat li t-tfal jgħibu jew jisfgħu vittmi ta’ traffikar. Attwalment, hemm nuqqasijiet ewlenin fil-funzjonament tas-sistemi ta’ kustodja f' xi Stati Membri, partikolarment fir-rigward tal-għadd ta' kustodji bi kwalifiki adatti disponibbli u l-veloċità li jinħatru biha. Fejn ikun meħtieġ, l-istituzzjonijiet ta' kustodja jinħtieġ li jissaħħu. Il-kustodji għandhom jiġu reklutati f'għadd suffiċjenti, jinħatru b'mod aktar rapidu u jkunu attrezzati aħjar biex jissodisfaw il-kompiti tagħhom. Hemm ukoll ħtieġa urġenti għall-iżvilupp u l-iskambju ta’ prattiki tajbin u ta’ gwida fost il-kustodji u l-awtoritajiet ta' kustodja fl-Istati Membri. Din hija r-raġuni l-għaliex fl-2017 se jitwaqqaf in-netwerk ta' kustodja Ewropea.

Il-proposti tal-Kummissjoni tal-2016 biex tiġi riformata s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil jirrikonoxxu r-rwol fundamentali tal-kustodji għat-tfal mhux akkumpanjati u jfittxu li jiġu rinforzati s-salvagwardji speċifiċi applikabbli għat-tfal 37 . Il-proposta għal Regolament ta' Proċeduri ta' Ażil 38 għandha l-għan li ssaħħaħ is-sistemi ta' kustodja fl-Istati Membri, filwaqt li r-Regolament ġdid ta' Dublin 39 jinħtieġ li jiżgura d-determinazzjoni rapida tal-Istat Membru responsabbli mill-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tat-tfal.

Il-metodi u l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-età jvarjaw ħafna fl-Istati Membri u mhux dejjem isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-EASO u l-prattika li qed tevolvi. Pereżempju, jistgħu jitwettqu valutazzjoni tal-età mhux meħtieġa u xi drabi jintużaw metodi invażivi, il-kustodji spiss jinħatru biss wara li jkunu twettqu proċeduri għall-valutazzjoni tal-età, u d-diżgwid dwar l-età xi drabi jwassal biex it-tfal jispiċċaw f’detenzjoni. F'xi każijiet, it-tfal infushom huma mistennija jħallsu biex jikkontestaw il-valutazzjonijiet tal-età. Proċeduri ta' valutazzjoni tal-età affidabbli u multidixxiplinarji li huma konformi bis-sħiħ mas-salvagwardji legali relatati mal-valutazzjoni tal-età pprovduti mid-dritt tal-UE huma meħtieġa meta jkun hemm dubji dwar jekk persuna hijiex taħt l-età ta' 18-il sena. Il-persuna għandha tiġi preżunta li hija tifel/tifla u tingħata l-benefiċċju tad-dubju fejn ir-riżultati jkunu inkonklussivi, f’konformità mad-dritt tal-UE 40 . Fl-2017, l-EASO se taġġorna l-gwida tagħha dwar il-valutazzjoni tal-età.

Kif imsemmi hawn fuq, proċeduri ta' rintraċċar ta' familja u ta’ riunifikazzjoni tal-familja/unità tal-familja spiss huma mtawwla jew jibdew tard wisq. Tali proċeduri għandhom jitwettqu irrispettivament mill-istatus legali tat-tfal, u bl-involviment ta' persuna responsabbli għall-protezzjoni tat-tfal jew il-kustodju tat-tfal ladarba jinħatar. Għal applikanti għall-ażil, it-trasferimenti bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-unità tal-familja fir-Regolament ta' Dublin huma sottoutilizzati u xi drabi jieħdu diversi xhur sakemm jiġu implimentati. Jinħtieġ li jsiru sforzi kbar sabiex il-proċeduri ta' riunifikazzjoni tal-familja jsiru aktar rapidi, filwaqt li tingħata prijorità lit-tfal mhux akkumpanjati u mifruda. Meta t-tfal jintbagħtu minn pajjiż għal ieħor fi ħdan l-Unjoni Ewropea, kemm f'konformita mar-Regolament ta' Dublin, kif ukoll b’xi mod ieħor, huwa essenzjali li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet responsabbli mill-benesseri tat-tfal f'kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-mezzi ta' koperazzjoni attwali, pereżempju permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali previsti fir-Regolament Brussell IIa 41 .

Xi drabi jkun hemm dewmien twil fl-ipproċessar tal-ażil u ta' proċedimenti oħra li jirrigwardaw it-tfal. Il-proċeduri ta' determinazzjoni tal-istatus tat-tfal jinħtieġ li jiġu prijoritizzati ("il-prinċipju ta' urġenza") f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal 42 .

Ir-rilokazzjoni ta' persuni li jfittxu ażil mill-Italja u l-Greċja hija mfassla mhux biss biex tħaffef il-pressjoni fuq dawn l-Istati Membri iżda wkoll biex tiżgura aċċess malajr għal proċeduri ta' ażil għall-persuni rilokati. Skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni 43 , l-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw ir-rilokazzjoni ta’ persuni vulnerabbli, inkluż tfal mhux akkumpanjati u tfal oħra f’sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli. F'Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri jkomplu jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jaċċelleraw ir-rilokazzjoni, b'mod partikolari għal tfal mhux akkumpanjati 44 . Minkejja tħeġġiġ kostanti mill-Kummissjoni, mit-2 ta’ April 2017, kienu biss 341 tifel u tifla mhux akkumpanjati u mifruda li ġew rilokati mill-Greċja. Fl-Italja, tifel mifrud wieħed biss ġie rilokat peress li l-awtoritajiet għadhom ma żviluppawx proċedura speċifika għar-rilokazzjoni ta’ tfal mhux akkumpanjati 45 . Huwa essenzjali li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom aktar, speċifikament għat-tfal mhux akkumpanjati u mifruda.

Azzjonijiet ewlenin:

Fl-2017, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE se:

jistabbilixxu netwerk ta' kustodja Ewropea, biex jiġu żviluppati u skambjati prattiki tajbin u gwida dwar il-kustodja f'koperazzjoni man-Netwerk Ewropew ta' Istituzzjonijiet ta' Kustodja;

l-EASO se taġġorna l-gwida tagħha dwar il-valutazzjoni tal-età.

Bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Aġenziji tal-UE, l-Istati Membri huma mħeġġa:

jsaħħu l-awtorità/l-istituzzjoni ta' kustodja biex jiżguraw li l-kustodji għat-tfal mhux akkumpanjati kollha jidħlu fis-seħħ malajr;

jimplimentaw proċeduri ta' valutazzjoni tal-età affidabbli, multidixxiplinari u mhux invażivi;

jiżguraw li jkun hemm intraċċar tal-familja rapidu u effettiv, fi ħdan l-UE jew barra mill-UE, billi jagħmlu użu sħiħ mill-mezzi attwali ta' koperazzjoni transfruntiera;

jagħtu prijorità lill-ipproċessar tal-każijiet (eż.: l-applikazzjoni għall-ażil) li jikkonċernaw tfal skont il-prinċipju ta' urġenza;

jagħtu prijorità lir-rilokazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati mill-Greċja u mill-Italja.

6.L-iżgurar ta' soluzzjonijiet dejjiema

Soluzzjonijiet dejjiema huma kruċjali sabiex jipprovdu lit-tfal kollha b’ċertu normalità u stabbiltà fit-tul. L-identifikazzjoni ta' soluzzjonijiet dejjiema għandha tħares lejn l-opzjonijiet kollha, bħall-integrazzjoni fi Stat Membru, ir-ritorn lejn il-pajjiż ta' oriġini, ir-risistemazzjoni jew ir-riunifikazzjoni ma' membri tal-familja f'pajjiż terz. Huwa essenzjali li titwettaq id-determinazzjoni bir-reqqa tal-aħjar interessi fil-każijiet kollha 46 .

Għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari dwar l-istatus legali ta' tfal li ma jingħatawx ażil iżda li mhux se jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom 47 . Jinħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri u proċessi biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet dejjiema fuq bażi individwali, u jistabbilixxu b’mod ċar ir-rwoli u l-obbligi ta' dawk involuti fil-valutazzjoni, sabiex jiġi evitat li t-tfal jitħallew f'inċertezza rigward l-istatus legali tagħhom għal perjodi twal. Għandu jiġu żgurat ukoll aċċess għal edukazzjoni, kura tas-saħħa u appoġġ psikosoċjali sakemm tinstab soluzzjoni dejjiema għalihom. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jiżguraw id-disponibbiltà tal-proċeduri tad-determinazzjoni tal-istatus u r-riżoluzzjoni tal-istatus ta’ residenza għal tfal li mhux se jintbagħtu lura, b'mod partikolari dawk li jkunu għexu f'pajjiż għal ċertu perjodu ta' żmien.

L-integrazzjoni bikrija tat-tfal hija kruċjali sabiex tappoġġa l-iżvilupp tagħhom sa ma jsiru adulti. Hija investiment soċjali u fattur essenzjali li jikkontribwixxi għal koeżjoni tas-soċjetà mal-Ewropa kollha. L-integrazzjoni tat-tfal fl-aktar stadju bikri, permezz ta’ miżuri prinċipali u mmirati, hija wkoll importanti biex jiġu minimizzati r-riskji fir-rigward tal-possibilità ta’ attività kriminali u esponiment għar-radikalizzazzjoni 48 . In-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni jinvestiga l-prattiki u l-approċċi disponibbli dwar kif jiġu appoġġati u protetti t-tfal li setgħu ġew trawmatizzati u li huma possibilment vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni 49 . Tinkludi sforzi kontinwi biex jiġi promoss approċċ pożittiv għad-diversità, kif ukoll biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u b'mod partikolari l-inċitament għall-mibegħda kontra tfal migranti. 

Minħabba li t-tfal li jkunu għadhom jaslu, jista’ jkun li ma jkunux setgħu kisbu ħiliet u kompetenzi biżżejjed sabiex jintegraw b'mod sħiħ u attiv fis-soċjetà, b'mod partikolari għat-tranżizzjoni għal studju ulterjuri jew għas-suq tax-xogħol, it-tfal f'din il-fażi tranżitorja għandhom jiġu pprovduti bi gwida, appoġġ u opportunitajiet sabiex ikomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ. Barra minn hekk, kif inhu l-każ għat-tfal taħt il-kura tal-Istat li huma ċittadini tal-UE, hemm bżonn li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi u proċessi biex jgħinu jippreparaw lit-tfal migranti taħt il-kura tal-Istat għat-tranżizzjoni għall-ħajja adulta/għal meta ma jibqgħux taħt kura.

Il-Kummissjoni tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam, tiffaċilita l-iskambji tal-prattiki tajbin 50 u tipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti pilota ta' integrazzjoni għat-tfal migranti kollha, inkluż dawk li mhumiex akkompanjati. L-integrazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati hija prijorità taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) 2014-2020. Konformi mal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi 51 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2016 52 , il-passi ewlenija li ttieħdu sa issa jinkludu s-sejħiet għal proposti f'oqsma politiċi differenti, fejn l-integrazzjoni hija prijorità ewlenija.

Il-politiki ta' integrazzjoni tal-Istati Membri jirriflettu l-isfondi u l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi diversi tagħhom. Aċċess bikri u effettiv għal edukazzjoni inklużiva u formali, inkluż edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, huwa wieħed mill-aktar għodod importanti u potenti għall-integrazzjoni tat-tfal, li jrawwem il-ħiliet lingwistiċi, il-koeżjoni soċjali u l-fehim reċiproku. Taħriġ li jħejji lill-għalliema sabiex jaħdmu ma’ tfal bi sfondi differenti huwa fattur ewlieni għall-integrazzjoni. L-attenzjoni għal dimensjonijiet oħra tas-soċjalizazzjoni, inkluż permezz ta' attivitajiet tal-ħin liberu u sports, hija wkoll importanti. L-aċċess effettiv għall-edukazzjoni, u għal kwalunkwe miżura meħtieġa biex jiġi żgurat tali aċċess (eż. klassijiet tal-lingwa), irid ikun disponibbli għat-tfal kollha, anki jekk dawn jintbagħtu lura lejn pajjiż terz. Minħabba r-riskji emerġenti ta' edukazzjoni segregata għat-tfal migranti 53 , l-aċċess għal edukazzjoni inklużiva u mhux diskriminatorja huwa fattur ewlieni tal-integrazzjoni tat-tfal fl-oqsma l-oħra tal-ħajja. Aċċess f’waqtu għall-kura tas-saħħa u standard ta' għajxien adegwat huma fatturi ewlenin għall-integrazzjoni tat-tfal fil-pajjiżi ospitanti. Titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja, miżuri li jindirizzaw il-faqar fost it-tfal u li jiżguraw l-għoti tal-kura tas-saħħa (inkluża l-kura tas-saħħa mentali) huma kruċjali 54 .

Jinħtieġ li l-Istati Membri jżidu wkoll l-użu tar-risistemazzjoni u ta’ mezzi legali oħrajn għat-tfal, inkluż it-tfal fil-familji, b'enfasi partikolari fuq dawk l-aktar vulnerabbli. It-tfal u l-familji mhux akkumpanjati jew mifruda jistgħu jkunu eliġibbli għal risistemazzjoni urġenti permezz ta' programmi nazzjonali tal-Istati Membri dwar ir-risistemazzjoni jew taħt l-iskemi attwali Ewropej ta' risistemazzjoni stabbiliti mill-Konklużjonijiet dwar ir-risistemazzjoni 55  tal-20 ta' Lulju 2015 u mid-Dikjarazzjoni EU-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016. Ir-risistemazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati jew mifruda hija inkoraġġita permezz ta' inċentivi finanzjarji fil-programm dwar ir-risistemazzjoni tal-Unjoni taħt ir-Regolament għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 56 . Fit-13 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni li fih it-tfal u l-adoloxxenti f'riskju huma indikati bħala persuni vulnerabbli eliġibbli għar-risistemazzjoni 57 .

Meta jkun fl-aħjar interessi tagħhom, it-tfal għandhom jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew jingħaqdu mill-ġdid ma' membri tal-familja f'pajjiż terz ieħor. Id-deċiżjonijiet li t-tfal jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom iridu jirrispettaw il-prinċipji ta' non-refoulement u l-aħjar interessi tat-tfal, għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni każ b'każ u wara proċedura ġusta u effettiva li tiggarantixxilhom id-dritt għal protezzjoni u nondiskriminazzjoni. Għandha tingħata prijorità partikolari għal koperazzjoni aħjar mal-pajjiżi ta' oriġini, inkluż billi jiġi żgurat titjib fl-intraċċar tal-familja u fil-kundizzjonijiet ta' riintegrazzjoni. Il-Manwal dwar ir-Ritorn 58 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE 59 jipprevedu linji gwida speċifiċi fir-rigward tal-aħjar interessi tat-tfal. Huwa importanti li jiġi żgurat li t-tfal li se jintbagħtu lura jingħataw aċċess rapidu għal miżuri ta' (ri)integrazzjoni adegwati, kemm qabel it-tluq, kif ukoll wara l-wasla fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew f'pajjiż terz ieħor.

Azzjonijiet ewlenin:

Fl-2017, il-Kummissjoni se:

tippromwovi l-integrazzjoni tat-tfal permezz tal-finanzjament disponibbli u tal-iskambju ta' prattiki tajbin li jindirizzaw aċċess nondiskriminatorju għal servizzi pubbliċi u programmi mmirati.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

jiżguraw, fi żmien qasir wara l-wasla, aċċess ugwali għal edukazzjoni formali inklużiva, inkluża edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, u li jiżviluppaw u jimplimentaw programmi mmirati bil-għan li jappoġġaw dan;

jiżguraw aċċess għall-kura tas-saħħa, kif ukoll għas-servizzi pubbliċi essenzjali l-oħra għat-tfal kollha;

jipprovdu appoġġ sabiex jiffaċilitaw lit-tfal fi tranżizzjoni lejn ħajja adulta (jew li mhux se jibqgħu taħt kura) aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa;

irawmu l-inklużjoni soċjali fil-politiki kollha relatati mal-integrazzjoni, bħall-prijoritizzazzjoni ta' akkomodazzjonijiet imħallta, mhux segregata u edukazzjoni inklużiva;

iżidu r-risistemazzjoni lejn l-Ewropa għal tfal fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;

jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri ta' intraċċar tal-familja u ta' riintegrazzjoni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tat-tfal li se jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

7.Azzjonijiet trażversali: rispett u garanziji għall-aħjar interessi tat-tfal; użu aktar effettiv ta' dejta, riċerka, taħriġ u finanzjament

L-aħjar interessi tat-tfal iridu jiġu vvalutati u kkunsidrati bħala l-kunsiderazzjoni ewlenija fl-azzjonijiet jew id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw lilu jew lilha 60 . Madankollu, fil-preżent, il-leġiżlazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma tistabbilixxix proċess għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dan ir-rekwiżit, inkluż fir-rigward ta' soluzzjonijiet dejjiema għal tfal mhux akkumpanjati abbażi ta' valutazzjoni individwali u multidixxiplinarja. F'dan il-kuntest, lanqas il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tispeċifika dejjem b'mod ċar ir-rwol tal-kustodju. Huwa importanti li l-Unjoni Ewropea tipprovdi gwida ulterjuri dwar dan is-suġġett, filwaqt li tibni fuq standards internazzjonali. Determinazzjoni soda tal-aħjar interessi tat-tfal, fl-identifikazzjoni tal-aktar soluzzjoni dejjiema adatta għalih jew għaliha, għandha tinvolvi salvagwardji proċedurali addizzjonali, minħabba l-impatt qawwi li din id-deċiżjoni għandha fuq il-futur tat-tfal 61 .

Riċerka mmirata tista’ sservi wkoll skop utli. Orizzont 2020, il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, se jwettaq riċerka dwar kif tiġi indirizzata l-integrazzjoni ta’ tfal migranti fi ħdan is-sistemi edukattivi tal-UE.

Hemm bżonn li t-tfal jiġu informati, b’mod li jkun adatt għat-tfal u skont l-età u l-kuntest, dwar id-drittijiet tagħhom, dwar il-proċeduri u dwar is-servizzi disponibbli għall-protezzjoni tagħhom. Hemm bżonn li jsir aktar sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u tintuża firxa ta’ metodi ta’ informazzjoni biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tat-tfal, u r-rwol tal-medjaturi kulturali, kif ukoll tal-interpreti rriżulta li huwa ta’ benefiċċju f'dan ir-rigward.

L-Unjoni Ewropea saħħet l-appoġġ operazzjonali tagħha għall-Istati Membri fir-rigward tat-taħriġ, il-ġbir tad-dejta, il-finanzjament u l-iskambju tal-aħjar prattiki. Hija se tkompli dan l-isforz biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha elenkati f’din il-Komunikazzjoni.

In-nies li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal (bħal gwardji tal-fruntiera, il-ħaddiema ta’ ċentri ta’ akkoljenza, il-gwardjani) mhux dejjem huma mħarrġa adegwatament fil-protezzjoni tat-tfal u fid-drittijiet tat-tfal u biex jikkomunikaw mat-tfal b’mod adattat għall-ġeneru, skont l-età u l-kuntest. L-allokazzjoni tar-riżorsi għat-taħriġ għandha tkun prijorità. Fl-2017, l-aġenziji rilevanti tal-UE se jżidu l-appoġġ u l-volum ta’ taħriġ dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti.

Id-dejta dwar it-tfal migranti għadha frammentata ħafna, mhux dejjem diżaggregata skont il-età u s-sess u mhux dejjem komparabbli, li jwassal biex it-tfal u l-ħtiġijiet tagħhom ikunu “inviżibbli”. Barra minn hekk, l-għadd preċiż ta’ tfal (mhux akkumpanjati) li jgħibu jew jaħarbu minn faċilitajiet ta’ akkoljenza u ta’ kura mhuwiex magħruf. 62 Hija biss id-dejta dwar l-għadd ta’ tfal li japplikaw għal ażil li tinġabar b’mod koordinat. Hemm bżonn ta’ dejta aktar dettaljata dwar it-tfal migranti kollha sabiex jiġi definit l-iżvilupp tal-politika u jiġu indirizzati aħjar is-servizzi ta’ appoġġ u biex jiġu ppjanati l-kontinġenzi, 63 f'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Refuġjati u l-Migranti tad-19 ta’ Settembru 2016 64 . Għal dan il-għan, iċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Migrazzjoni u d-Demografija tal-Kummissjoni se jiġbor repożitorju tad-dejta dwar it-tfal migranti 65 . Sa tmiem l-2017, il-Kummissjoni se tniedi wkoll konsultazzjonijiet dwar titjib possibbli fil-ġbir tad-dejta attwali fil-livell tal-UE relatat mat-tfal u l-migrazzjoni, inkluż fuq il-bażi tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni 66 u l-Linji Gwida 2011 67 68 bil-għan li jitjiebu l-kopertura, id-disponibbiltà u l-livell ta’ diżaggregazzjoni ta’ din id-dejta.

Finanzjament mill-UE jikkontribwixxi għall-protezzjoni tat-tfal migranti u jappoġġa sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal. Madankollu, iż-żieda fil-proporzjon ta’ tfal fil-fluss ta’ migranti ġenerali titlob li l-ħtiġijiet jiġu prijoritizzati f’konformità mal-iskala tal-fenomenu fil-programmi nazzjonali tal-Istati Membri taħt l-AMIF u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF). Il-protezzjoni hija integrata fl-interventi ta’ emerġenza kollha appoġġati mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza. Fondi oħra tal-UE għandhom jintużaw aktar biex jappoġġaw l-akkoljenza, l-integrazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ jew l-aċċess għal salvagwardji proċedurali, inkluż il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, bħall-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Programm għad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza 69 . Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi żgurat li l-finanzjament mill-UE ikun jinkludi r-rekwiżit tal-protezzjoni tat-tfal sabiex l-organizzazzjonijiet f’kuntatt dirett mat-tfal jiżguraw li l-persunal tagħhom ikun mifli bir-reqqa u kwalifikat, u li jkun hemm fis-seħħ proċeduri u mekkaniżmi ta’ rapportar u miżuri ta’ responsabbiltà.

Hemm ammont kbir ta’ għarfien u prattika tajba fl-Istati Membri dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti, li hemm bżonn li jiġi kondiviż f’livell lokali u f’livell nazzjonali.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-aspetti rilevanti kollha tad-dritt tal-UE, inkluż b’mod partikolari l-konformità mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji relatati mad-drittijiet tat-tfal 70 .

Azzjonijiet ewlenin:

Fi/mill-2017, il-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE se:

jipprovdu taħriġ addizzjonali, gwida u għodod dwar il-valutazzjonijiet fl-aħjar interessi tat-tfal;

jniedu konsultazzjonijiet dwar it-titjib possibbli fil-ġbir tad-dejta attwali fil-livell tal-UE relatat mat-tfal migranti, inkluż abbażi tar-Regolament dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni u l-Linji Gwida tal-2011, u ċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Migrazzjoni u d-Demografija tal-Kummissjoni se jiġbor repożitorju ta’ dejta dwar it-tfal migranti;

jirrikjedu li organizzazzjonijiet f''kuntatt dirett ma’ tfal jkollhom fis-seħħ politiki interni ta’ protezzjoni tat-tfal sabiex jingħataw finanzjament mill-UE;

jiġbru u jxerrdu prattiki tajbin dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti permezz ta’ bażi tad-dejta onlajn.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

jiżguraw li t-tfal kollha huma pprovduti b’informazzjoni rilevanti dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-proċeduri, b’mod adattat għat-tfal u skont l-età u l-kuntest;

jiżguraw li dawk li jaħdmu mat-tfal migranti, mill-wasla fil-fruntieri tal-UE sal-integrazzjoni jew ir-ritorn tagħhom, jitħarrġu adegwatament u li l-professjonisti tal-protezzjoni tat-tfal jiġu involuti meta dan ikun rilevanti;

jagħtu prijorità lit-tfal migranti taħt l-AMIF u l-programmi nazzjonali tal-ISF; jagħmlu użu minn kwalunkwe finanzjament mill-UE kumplimentari disponibbli, jiżguraw li l-organizzazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jkollhom fis-seħħ politiki għall-protezzjoni tat-tfal;

itejbu l-ġbir ta’ dejta u statistika aktar diżaggregata dwar it-tfal migranti.

8.Konklużjoni

Sar progress dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjat tal-2010-2014, inkluż fir-rigward tal-qafas legali għall-protezzjoni tat-tfal migranti, kif muri fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. Hemm ukoll patrimonju sħiħ ta’ għarfien u prattika tajba fl-Istati Membri dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti, li għandu jiġi kondiviż b’mod wiesa’. Madankollu, jinħtieġ li jkun hemm titjib tanġibbli ulterjuri għall-protezzjoni tat-tfal migranti kollha sabiex jiġu indirizzati l-isfidi attwali b’mod adegwat.

Għalhekk, huwa mitlub segwitu determinat, miftiehem u kkoordinat għall-azzjonijiet fuq żmien qasir stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, anki f’koperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. L-approvazzjoni rapida mil-leġiżlaturi tal-proposti pendenti għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, li tinkludi diversi dispożizzjonijiet immirati speċifikament biex itejbu l-protezzjoni tat-tfal u ta’ persuni vulnerabbli oħrajn, tista’ tipprovdi protezzjoni addizzjonali tad-drittijiet tat-tfal migranti u jinħtieġ li tiġi implimentata malajr mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għadhom fuq quddiem nett biex jiżguraw il-protezzjoni tat-tfal migranti, u l-Kumissjoni se tappoġġahom bl-azzjonijiet deskritti f’din il-Komunikazzjoni, inkluż billi tipprovdi aktar taħriġ, gwida, appoġġ operazzjonali u l-finanzjament disponibbli. Il-koperazzjoni  fost l-aġenziji tal-UE se tiġi msaħħa, flimkien mal-koperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib is-segwitu tal-azzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u se tagħti rendikont regolari lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

(1)  It-termini “tfal migranti” jew “tfal” f’dan id-dokument ikopru lit-tfal kollha cittadini ta’ pajjiż terz (persuni taħt l-età ta’ 18-il sena) li jiġu spustati bil-forza jew li jemigraw lejn jew f’territorju tal-UE, kemm jekk mal-familja (estiża), ma’ membru mhux tal-familja (tfal li jiġu separati) jew waħidhom, sew jekk ifittxu ażil u sew jekk le. Din il-Komunikazzjoni tuża d-definizzjoni ta’ “tifel mifrud” kif stabbilita fil-paragrafu 8 tal-Kumment Ġenerali Nru 6 tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tifel.
(2)   http://ec.europa.eu/eurostat/web/asylum-and-managed-migration/data/database .
(3)  COM(2010) 213 final.
(4)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni sa mill-2012 qed jiġi ppreżentat flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, SWD(2017)129.
(5)  COM(2015) 240 final.
(6)  COM(2016) 85 final.
(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20.02.2013, “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”, (ĠU L 59 tat-2.03.2013, p. 59).
(8)   http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=34456 .
(9)   http://lostinmigration.eu/Conclusions_Lost_in_Migration_Conference.pdf .
(10)   https://www.coe.int/en/web/portal/-/srsg-identifies-main-challenges-for-migrant-and-refugee-children-in-europe . 
(11) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-1620_mt.htm http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-2433_mt.htm Ara u .
(12)  COM(2016) 377 final.
(13)  C(2017) 1600 final.
(14) COM(2017) 200 final.
(15)

     F’konformità mal-għaxar prinċipji tas-sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal’ – http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/2015_forum_roc_background_en.pdf .

(16) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “''Lejn Ħajja b'Dinjità: minn Dipendenza fuq l-Għajnuna għal Ħajja Indipendenti” COM(2016)234 (final)
(17)   http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2015/11/12-valletta-final-docs/ .
(18)  COM(2016) 385 final.
(19)  Ara SWD(2016) 183 final - “Humanitarian Protection: Improving protection outcomes to reduce risks for people in humanitarian crises” (“Il-Protezzjoni Umanitarja: Intejbu r-riżultati fil-qasam tal-protezzjoni biex innaqqsu r-riskji għan-nies li jiffaċċjaw kriżi umanitarja”).
(20) Ara d-dikjarazzjoni tal-konferenza https://www.supportingsyria2016.com/news/co-hosts-declaration-of-the-supporting-syria-and-the-region-conference-london-2016/
(21) Ara d-dikjarazzjoni tal-konferenza http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/04/05-syria-conference-co-chairs-declaration/
(22) https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/22017/guidelines-promotion-and-protection-rights-child_en . Il-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, is-7 ta’ Marzu 2017, 6846/17.
(23)

     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, it-3 ta’ April 2017, 7775/17.

(24)

     Id-Dikjarazzjoni ta’ New York għar-Refuġjati u l-Migranti, A/71/L.1*, it-13 Settembru 2016.

(25)  Ara COM(2016) 267 final.
(26)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31–59.
(27)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12–18.
(28)

Ara pereżempju l-approċċ komprensiv Svediż għat-tfal mhux akkumpanjati li jgħibu (l-immappjar nazzjonali/l-analiżi/l-azzjonijiet ta’ segwitu). http://www.lansstyrelsen.se/Stockholm/Sv/manniska-och-samhalle/manskliga-rattigheter/ensamkommande-barn-som-forsvinner/Sidor/mapping-analysis-follow-up-on-missing-unaccompanied-minors-in-sweden.aspx .

(29)  Għandha tingħata attenzjoni partikolari xierqa lis-salvagwardji, sabiex l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jew il-familji tagħhom ma jiġux esposti għar-riskju ta’ periklu serju minn atturi f’pajjiżi terzi.
(30)  COM(2016) 883 final.
(31)  COM(2016) 272 final.
(32)  COM(2016) 194 final.
(33) http://ec.europa.eu/echo/what-we-do/humanitarian-aid/emergency-support-within-eu_en B’mod partikolari permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza. .
(34)  Kif stabbilit fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2013/33/UE, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96–116. 
(35) http://www.refworld.org/docid/4c3acd162.html  .
(36)  Ara l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96–116, u l-qari addizzjonali, l-istandards tal-UNHCR dwar id-detenzjoni, u l-punti 84-88 fl-“Alternattivi għad-detenzjoni”. http://ec.europa.eu/newsroom/document.cfm?doc_id=42359 .
(37) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-1620_mt.htm http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-2433_mt.htm Ara u .
(38)  COM (2016) 467 final.
(39)  COM (2016) 270 final.
(40)  Għal tfal migranti li japplikaw għal ażil, dan jiġi stabbilit fid-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60–95. Ara wkoll l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1–11.
(41)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1–29; (Ħarġa Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Vol. 06, p. 243).
(42)  F’konformità mal-Artikolu 31(7)b tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, u mal-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal:50. https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectID=09000016804b2cf3 .
(43)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja.
(44)   http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/european-council/2016/12/20161215-euco-conclusions-final_pdf/ .
(45)  COM(2017)212 final.
(46)  Ara http://www.connectproject.eu/PDF/CONNECT-EU_Reference.pdf paġna 59 għal ħarsa ġenerali lejn id-dispożizzjonijiet tal-UE dwar soluzzjonijiet dejjiema.
(47)  F'konformità mal-paragrafu 13 tar-Rakkomandazzjoni dwar ir-Ritorn tas-7 ta' Marzu 2017 (COM(2017) 1600 final).
(48)

     F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta’ Novembru 2016 (13611/16) u COM(2016) 379 final. Ara wkoll is-sejbiet tar-Rapport tal-Kunsill tal-Ewropa tal-15 ta' Marzu 2016 "Preventing the radicalisation of children by fighting the root causes" ("Prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tat-tfal billi jiġu miġġielda l-kawżi ewlenin"), u r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa 2103/2016.

(49)  Ara d-dokument ta’ analiżi tar-RAN ta’ Novembru 2016 dwar “Child returnees from conflict zones” li jistabbilixxi sfidi partikolari għal xogħol ma’ tfal f’riskju: https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network/ran-papers/docs/issue_paper_child_returnees_from_conflict_zones_112016_en.pdf ; ara wkoll il-manwal li jmiss dwar tfal li jirritornaw l-Ewropa wara li kienu f’żoni ta’ kunflitt inkluż il-kapitlu ddedikat għat-tfal li se jiġi ppreżentat fil-Konferenza RAN dwar Persuni Rimpatrijati f’Ġunju 2017.
(50)  Ara s-sit web Ewropew dwar l-integrazzjoni https://ec.europa.eu/migrant-integration/search?search=child+good+practices . 
(51)  COM (2016) 377 final.
(52)   http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15312-2016-INIT/mt/pdf .
(53)  Ara r-Rapport tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali "Together in the EU – Promoting the participation of migrants and their descendants" ("Flimkien fl-UE – Nippromwovu l-parteċipazzjoni tal-migranti u tad-dixxendenti tagħhom") http://fra.europa.eu/en/publication/2017/migrant-participation .
(54)  It-tfal migranti huma esposti għal riskju kbir ta' faqar u l-approċċ integrat promoss fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” jitlob li tingħata attenzjoni ġdida lil din il-kwistjoni fil-kuntest tal-integrazzjoni. ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5-16.
(55)  11130/15.
(56)

     Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, ĠU L 150 20.5.2014, p. 168-194.

(57)  COM (2016) 468 final.
(58)   https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/european-agenda-migration/proposal-implementation-package/docs/return_handbook_mt.pdf .
(59)  C(2017) 1600 final.
(60)   Kumment Ġenerali tas-CRC Nru 14; http://www2.ohchr.org/English/bodies/crc/docs/GC/CRC_C_GC_14_ENG.pdf ; salvagwardji proċedurali fit-Taqsima V. UNHCR guidance on best interests: Safe and Sound, 2014 (Gwida tal-UNHCR dwar l-aħjar interessi: is-Sikurezza u s-Saħħa): http://www.refworld.org/docid/5423da264.html ; The 2012 Best Interests Determination guidelines (Il-Linji Gwida tal-2012 dwar id-Determinazzjoni tal-Aħjar Interessi): ( http://www.unhcr.org/4566b16b2.pdf ) u UNHCR/International Rescue Committee Field Handbook (il-Manwal ta' fuq il-Post tal-UNHCR/tal-Kumitat Internazzjonali tas-Sokkors): ( http://www.refworld.org/pdfid/4e4a57d02.pdf ).
(61)  L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Dublin III, il-premessa 35 tar-Regolament Eurodac, il-premessa 33 tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, il-premessa 18 tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifika, il-premessa 9 u l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta’ Akkoljenza.
(62)  Fl-2013, l-istudju tal-Kummissjoni intitolat Missing children in the European Union: Mapping, data collection and statistics (It-Tfal li jgħibu fl-Unjoni Ewropea: immappjar, ġbir ta’ dejta u statistika), ipprovda dejta dwar l-għadd ta’ tfal mhux akkumpanjati li għebu fi 12-il Stat Membru. http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/missing_children_study_2013_en.pdf .
(63)  Eż. dwar l-irtirar ta' talbiet għall-protezzjoni internazzjonali, il-każijiet pendenti, id-deċiżjonijiet tal-għoti jew l-irtirar tal-istatus u t-trasferimenti ta' Dublin.
(64)   https://refugeesmigrants.un.org/declaration - Taqsima II Impenji li japplikaw kemm għal refuġjati kif ukoll għal migranti, paragrafu 40.
(65)   https://ec.europa.eu/jrc/en/migration-and-demography .
(66)   http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX%3A32009R0223 . Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164–173.
(67) http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=migr_resoth Eurostat, l-Ewwel permessi maħruġa għal raġunijiet oħra skont ir-raġuni, it-tul tal-validità u ċ-ċittadinanza fi .
(68) http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=migr_resoth Eurostat, l-Ewwel permessi maħruġa għal raġunijiet oħra skont ir-raġuni, it-tul tal-validità u ċ-ċittadinanza fi .
(69)  Dokument ta’ sfond dwar il-finanzjament mill-EU għall-protezzjoni tat-tfal migranti, Forum Ewropew tal-2016 dwar id-drittijiet tat-tfal. http://ec.europa.eu/newsroom/document.cfm?doc_id=19748.
(70) http://ec.europa.eu/justice/fundamental-rights/files/acquis_rights_of_child.pdf .
Top