EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0198

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija

COM/2017/0198 final

Brussell, 27.4.2017

COM(2017) 198 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta’ Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija

{SWD(2017) 139 final}


1.Inħarsu u naħtfu l-potenzjal tal-wirt naturali tal-Ewropa

Filwaqt li l-Ewropa għandha wħud mill-iżjed inħawi popolati fid-dinja, l-Ewropa għandha wkoll wirt naturali tassew divers u għani. Id-Direttivi dwar in-Natura 1 għandhom l-għan li jipprovdu qafas ta’ protezzjoni għall-ispeċijiet u l-ħabitats naturali ta’ interess tal-konservazzjoni biex jiżguraw li l-Unjoni Ewropea jkollha natura b’saħħitha. Id-Direttivi jistabbilixxu “Natura 2020”, jiġifieri l-akbar netwerk koordinat ta’ żoni protetti għanja fil-bijodiversità fid-dinja u li jkopri 18% taż-żona tal-art u 6% taż-żona tal-baħar fl-UE. Dawn jipproteġu madwar 1 500 speċi ta’ annimali u pjanti u xi 200 tip ta’ ħabitat rari fiż-żoni protetti u ’l barra minnhom, filwaqt li jżewġu l-ħarsien naturali mal-użu sostenibbli tal-art u l-attività ekonomika.

B’impenn għal Regolamentazzjoni Aħjar, fl-2014 il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni komprensiva tad-Direttivi dwar in-Natura msejħa “Kontroll tal-Idoneità”. Malli ħa l-kariga, il-Kummissjoni għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, is-Sur Karmenu Vella ntalab mill-President Juncker biex itemm din l-evalwazzjoni. Matul dan il-proċess, il-Kummissjoni tat widen għat-tħassib taċ-ċittadini u tan-negozji, li xi minn daqqiet iħossu li r-regoli Ewropej huma diffiċli biex jinftiehmu, jitħaddmu fil-prattika u jiġu infurzati.

Waqt il-Kontroll tal-Idoneità nstab li, bħala parti mill-politika usa’ tal-UE dwar il-bijodiversità, id-Direttivi dwar in-Natura huma xierqa għall-għanijiet tagħhom iżda dawn l-għanijiet u l-potenzjal sħiħ tagħhom se jkunu jistgħu jintlaħqu ladarba titjieb ġmielha l-implimentazzjoni tagħhom 2 . Hemm bżonn li jitjiebu l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom u tissaħħaħ il-ħidma id f’id mal-partijiet konċernati differenti tal-komunitajiet tal-Istati Membri u madwar l-UE biex jinkisbu riżultati prattiċi fil-ħajja ta’ kuljum.

Fi żmienna, l-istatus ta’ konservazzjoni jitqies tajjeb biss għal madwar nofs l-għasafar u għal proporzjon żgħir ta’ speċijiet u ħabitats protetti oħra fl-UE. Minkejja li n-netwerk ta’ Natura 2020 infirex ħafna fuq l-art, għad hemm bosta nuqqasijiet importanti fl-ambjent tal-baħar. Minn fost is-siti kollha ta’ Natura 2000, 50% biss għandhom pjanijiet ta’ ġestjoni b’għanijiet u miżuri tal-konservazzjoni. Fost il-fatturi ewlenin li qed jikkawżaw in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni hemm il-limitazzjonijiet fir-riżorsi, id-dgħjufijiet fl-infurzar, in-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-għanijiet tan-natura f’oqsma oħra tal-politika, in-nuqqas ta’ għarfien biżżejjed u n-nuqqas ta’ aċċess għad-dejta, id-dgħjufijiet fil-komunikazzjoni, u n-nuqqas ta’ involviment tal-partijiet konċernati. Minbarra dan, dawk li jimplimentaw id-Direttivi, l-aktar fil-livell reġjonali u lokali, xi minn daqqiet ma jkollhomx għarfien biżżejjed dwar ir-rekwiżiti tad-Direttivi jew dwar il-flessibbiltà u l-opportunitajiet li dawn joffru. Dan iwassal għal tensjonijiet bejn il-protezzjoni tan-natura u l-attività ekonomika.

Madankollu, il-Kontroll tal-Idoneità ħareġ fid-dieher li meta jittieħdu azzjonijiet immirati bi skala biżżejjed, l-istatus tal-ispeċijiet u tal-ħabitati jitjieb u xi drabi jwassal għal irkupri eċċezzjonali. Barra minn hekk qed jiżdied l-għarfien li l-ambjent naturali tagħna jirfed bosta setturi tal-ekonomija, fosthom it-turiżmu. Kulma jmur qed isir ferm aktar importanti li nikkonservawh u nużawh b’mod sostenibbli. B’hekk jinfetħu beraħ l-opportunitajiet li jattiraw u jħeġġu l-investiment fil-protezzjoni tan-natura.

Fis-7 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għamlet dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar is-sejbiet tal-Kontroll tal-Idoneità u s-segwitu tagħhom. Bħala reazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li twassal pjan ta’ azzjoni konkret biex titjieb l-implimentazzjoni tad-Direttivi, tiżdied il-koerenza tagħhom mal-għanijiet soċjoekonomiċi, u jissaħħaħ l-impenn mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-partijiet konċernati u ċ-ċittadini. Peress li d-Direttivi għandhom dimensjoni territorjali b’saħħitha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-implimentazzoni ta’ dawn id-Direttivi, il-Kumitat tar-Reġjuni (CoR) ġie involut mill-qrib fit-tħejjija ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni u se jkollu rwol essenzjali fejn jidħlu l-ħidma u l-interazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Dan il-pjan ta’ azzjoni komprensiv għandu l-għan li jtejjeb malajr l-implimentazzjoni prattika tad-Direttivi dwar in-Natura u jħaffef il-progress lejn il-mira tal-UE 2020 li jieqaf u jitreġġa’ lura t-telfien tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema 3 , inkluż fir-rigward tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu. Dan ikun ta’ ġid ukoll għaċ-ċittadini li jgħixu fl-Ewropa u għall-ekonomija. Fil-livell tal-UE se jittieħdu azzjonijiet b’mod partikolari mill-Kummissjoni u mill-Kumitat tar-Reġjuni, iżda anki l-Istati Membri u l-partijiet konċernati għandhom jagħtu sehemhom, b’iżjed appoġġ u għajnuna tal-UE. Il-pjan ta’ azzjoni jagħti opportunitajiet reali biex il-partijiet konċernati u l-pubbliku jkunu involuti, u joħloq sħubijiet fost l-oqsma tal-politika. Dan se jifrex pedament sod għal rikonċiljazzjoni u rabtiet bejn il-natura, iċ-ċittadini u l-ekonomija.

2.Il-kontenut tal-pjan ta’ azzjoni

Il-pjan ta’ azzjoni jkopri erba’ oqsma ta’ prijorità bi ħmistax-il azzjoni konkreta. Ħafna mill-azzjonijiet se jitniedu matul l-2017 ħalli l-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta dwar it-twettiq tagħhom qabel jintemm il-mandat attwali tagħha fl-2019. It-tabella f’din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet. Filwaqt li l-folji informattivi dettaljati jikkumplimentawha u jagħtu aktar informazzjoni.

Il-prijorità A: Intejbu l-gwida u l-għarfien u niżguraw aktar koerenza ma’ għanijiet soċjoekonomiċi usa’

L-approċċi differenti tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttivi jistgħu jwasslu għal kunflitti u problemi mingħajr bżonn. In-nuqqas ta’ flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet, id-dewmien u l-piżijiet kbar mhux xierqa tal-proċeduri tal-permessi fis-siti, u n-nuqqas ta’ għarfien fost il-partijiet konċernati jistgħu joħolqu tensjonijiet bla bżonn bejn il-protezzjoni tan-natura u l-attivitajiet soċjoekonomiċi. Il-pjan ta’ azzjoni jipprovdi soluzzjonijiet prattiċi għal dawn il-problemi u jippromwovi approċċi aktar intelliġenti għall-parteċipazzjoni biex jitħeġġeġ l-involviment sħiħ tas-sidien tal-art u tal-utenti. Il-Kummissjoni se ttejjeb il-gwida tagħha u taħdem biex tinftiehem aktar il-leġiżlazzjoni fil-prattika ħalli l-awtoritajiet pubbliċi tgħinhom japplikawha aħjar. L-Istati Membri jeħtieġ itejbu l-għarfien u l-aċċess għad-dejta kif hemm bżonn għall-implimentazzjoni tad-Direttivi. Il-Kummissjoni se twieżen il-ħidma biex jissaħħaħ ir-rikonoxximent ta’ kif ekosistemi b’saħħithom jikkontribiwixxu għall-benesseri u għall-iżvilupp ekonomiku (l-Azzjonijiet 1-3).

Anki l-miżuri li l-Kummissjoni qed tħejji 4 biex tirrazzjonalizza l-monitoraġġ u r-rappurtar fost il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent se jgħinu biex jitjiebu l-effiċjenza u l-effikaċja tad-Direttivi dwar in-Natura.

Il-prijorità B: Nagħtu r-responsabbiltà politika u nsaħħu l-konformità

Filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar, l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-Natura fil-prattika, il-Kummissjoni se taħdem iżjed mill-qrib magħhom biex ikunu ffaċilitati u promossi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tan-natura. Ilkoll flimkien irridu niżguraw li jinfirex netwerk ta’ Natura 2020 li jaħdem bis-sħiħ u li jkun koerenti għalkollox, u li jitħarsu l-ispeċijiet u meta xieraq jintużaw b’mod sostenibbli.

Din il-prijorità se tinkludi djalogu bilaterali mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati bil-ħsieb li titjieb l-implimentazzjoni ta’ Natura 2020 u titħeġġeġ il-koperazzjoni tal-ġestjoni tagħha fost id-diversi reġjuni bijoġeografiċi tal-Ewropa. Se jitfasslu u jitwettqu pjanijiet ta’ azzjoni għall-ħabitats u għall-ispeċijiet (l-Azzjonijiet 4-7).

Sabiex tissaħħaħ il-konformità tal-Istati Membri mad-Direttivi dwar in-Natura, se jkun rilevanti wkoll 5 li jittieħdu miżuri oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam mal-qasam usa’ tal-politika dwar l-ambjent, mat-taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi nazzjonali, mal-aċċess għall-ġustizzja, u mal-iżgurar tal-konformità mal-liġi tal-UE dwar l-ambjent.

Il-prijorità C: Inqawwu l-investiment f’Natura 2020 u nkattru s-sinerġiji mal-istrumenti ta’ finanzjamet tal-UE

Ġie stmat li l-implimentazzjoni ta’ Natura 2020 tiswa EUR 5,8 biljun kull sena, filwaqt li l-benefiċċji annwali tagħha huma stmati għal EUR 200-300 biljun. Madankollu n-nuqqas ta’ finanzjamenti qed ixekkel lin-netwerk milli joħloq bis-sħiħ dawn il-benefiċċji u huwa fattur kbir li jdgħajjef l-effikaċja tad-Direttivi dwar in-Natura. Għaldaqstant il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan li jtejjeb l-użu tal-fondi disponibbli tal-UE u jagħmel in-natura aktar attraenti għall-investiment privat.

Il-Kontroll tal-Idoneità jenfasizza t-tnaqqis inkwetanti fl-ispeċijiet u fil-ħabitats assoċjati mal-agrikoltura u wera l-ħtieġa għal aktar integrazzjoni effettiva ta’ Natura 2020 u bijodiversità usa’ mal-Politika Agrikola Komuni (il-PAK). Il-pjan ta’ azzjoni jipproponi modi, fi ħdan il-qafas legali attwali 6 , biex jissaħħu s-sinerġiji mal-PAK u ma’ setturi ewlenin oħra tal-politika tal-UE, fosthom il-politika ta’ koeżjoni, il-politika komuni tas-sajd, u l-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jipproponi żieda fil-finanzjament dedikat għan-natura u għall-bijodiversità li tippermetti aktar investiment f’Natura 2020. Dan jipprovdi wkoll għall-iżvilupp ta’ aktar gwida u ppjanar tal-oqsfa finanzjarji nazzjonali ta’ Natura 2020 li l-Istati Membri għandhom joħolqu. Fl-aħħar nett, dan jipproponi modi li jħajru l-investiment privat u li jappoġġaw aħjar il-konnettività bejn iż-żoni ta’ Natura 2020, inkluż bl-infrastruttura ekoloġika u b’soluzzjonijiet ibbazati fuq in-natura (l-Azzjonijiet 8-12).

Il-prijorità D: Komunikazzjoni u kuntatt aħjar, u aktar involviment taċ-ċittadini, tal-partijiet konċernati u tal-komunitajiet

Il-pjan ta’ azzjoni jaħseb biex isaħħaħ l-involviment tal-pubbliku, tal-partijiet konċernati u tal-komunitajiet. Il-ħarsien tan-natura u l-benefiċċji tagħha jolqotna lkoll għax dawn huma wirt komuni tagħna. Il-Kummissjoni flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni se jużaw kull pjattaforma disponibbli biex ixerrdu l-għarfien u jħeġġu l-involviment lokali u l-qsim tal-għarfien. Dan iżid ir-rikonoxximent tal-prattiċi tajbin tal-ġestjoni taż-żoni ta’ Natura 2020. Permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, il-Kummissjoni se tgħin liż-żgħażagħ biex jieħdu sehem direttament fil-konservazzjoni tan-natura u jiksbu għarfien espert li jiswa mitqlu deheb għall-ħajja professjonali tagħhom (l-Azzjonijiet 13-15).



Tabella tal-Azzjonijiet

Intejbu l-gwida u l-għarfien u niżguraw aktar koerenza ma’ għanijiet soċjoekonomiċi usa’

Azzjoni

Perjodu

Min responsabbli

1.    Jaġġornaw, jiżviluppaw, jippromwovu b’mod attiv gwida, bil-lingwi kollha tal-UE, fuq

(a) il-proċeduri tal-permessi fis-siti, il-protezzjoni u l-ġestjoni tal-ispeċijiet u gwida speċifika għas-setturi

(b) l-integrazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fit-teħid tad-deċiżjonijiet

2017-2019

2018-2019

il-KE / is-CoR / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

2. Iwaqqfu mekkaniżmu ta’ appoġġ biex lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jgħinhom jindirizzaw l-isfidi ewlenin meta jiġu biex japplikaw ir-rekwiżiti tal-permess tad-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats għal Natura 2020 u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet

2017-2019

il-KE / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

3.    Isaħħu l-għarfien, inkluż b’monitoraġġ aħjar u aktar effiċjenti, u jiżguraw l-aċċess pubbliku onlajn tad-dejta meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttivi (eż. l-immaġni bis-satellita tal-programm Copernicus)

2017-2019

il-KE / l-EEA / l-Istati Membri

Nagħtu r-responsabbiltà politika u nsaħħu l-konformità

Azzjoni

Perjodu

Min responsabbli

4. Ilestu n-netwerk ta’ Natura 2020, l-aktar billi jxejnu n-nuqqasijiet fl-ambjent tal-baħar, u jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għas-siti kollha

l-azzjoni qed issir

l-Istati Membri / il-partijiet konċernati / il-KE

5. Jużaw il-proċess il-ġdid tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali għal laqgħat bilaterali apposta mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex ifasslu pjanijiet direzzjonali miftiehma li jtejbu l-implimentazzjoni u biex issir konsultazzjoni mas-sidien tal-art u ma’ partijiet konċernati oħra dwar l-isfidi tal-implimentazzjoni

2017-2019

il-KE / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

6. Ilaqqgħu l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet konċernati minn Stati Membri differenti fil-livell reġjonali bijoġeografiku biex jingħelbu sfidi komuni, fosthom dwar kwistjonijiet transfruntieri

2017-2019

il-KE / is-CoR / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

7. Ikomplu jiżviluppaw Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Ispeċijiet u għall-Ħabitats għall-iżjed speċijiet u ħabitats naturali mhedda, kif ukoll pjattaformi għall-partijiet konċernati dwar il-koeżistenza ma’ speċijiet kunfliġġenti (eż. karnivori kbar)

2017-2019

il-KE / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

Inqawwu l-investiment f’Natura 2020 u nkattru s-sinerġiji mal-istrumenti ta’ finanzjamet tal-UE

Azzjoni

Perjodu

Min responsabbli

8.    Isaħħu l-investimenti fin-natura

(a)    Jgħinu lill-Istati Membri biex itejbu l-ippjanar finanzjarju pluriennali tagħhom għal Natura 2020 b’aġġornament tal-Oqfsa ta’ Azzjoni Prijoritizzata (il-PAFs) tagħhom

(b)    Jipproponu żieda ta’ 10% fil-baġit dedikat tal-LIFE għal progetti li jappoġġaw il-konservazzjoni tan-natura u tal-bijodiversità, filwaqt li l-pakkett baġitarju ġenerali tal-programm LIFE jibqa’ l-istess

(c)    Jistimulaw l-investiment tas-settur privat fil-proġetti tan-natura

2017-2019

il-KE / il-BEI / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

9.    Iħajru sinerġiji b’finanzjamenti mill-Politika Agrikola Komuni, inkluż l-użu effettiv tal-pagamenti ta’ Natura 2020 u l-miżuri agroambjentali klimatiċi, l-iżvilupp ta’ skemi bbażati fuq ir-riżultati, appoġġ lill-bdiewa permezz tas-Servizzi Konsultattivi għall-Azjendi Agrikoli, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien permezz tas-Sħubija Ewropea tal-Innovazzjoni għall-Produttività u għas-Sostenibbiltà fil-Qasam Agrikolu

2017-2019

il-KE / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

10.    Iżidu l-għarfien dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni u jtejbu s-sinerġiji

2017-2019

il-KE / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

11.    Ikattru s-sinerġiji mal-Politika Komuni tas-Sajd u mal-Politika Marittima Integrata, inkluż b’użu aktar effettiv tal-opportunitajiet disponibbli ta’ finanzjament

2017-2019

il-KE / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

12.    Jagħtu gwida li tappoġġa t-tifrix ta’ infrastruttura ekoloġika għal konnettività aħjar taż-żoni ta’ Natura 2020; isostnu l-proġetti għal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura permezz tal-fondi tal-politika tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni u ta’ Orizzont 2020

2017-2019

il-KE / il-partijiet konċernati

Komunikazzjoni u kuntatt aħjar, u aktar involviment taċ-ċittadini, tal-partijiet konċernati u tal-komunitajiet

Azzjoni

Perjodu

Min responsabbli

13.    Jappoġġaw il-qsim tal-għarfien u l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ pjattaforma konġunta mal-Kumitat tar-Reġjuni

2017-2019

is-CoR / il-KE

14.    Jappoġġaw ir-rikonoxximent tal-ġestjoni tajba tas-siti ta’ Natura 2020 u jsostnu t-tixrid tal-għarfien fuq id-Direttivi dwar in-Natura permezz tal-fora rilevanti, it-tħaddim ta’ teknoloġiji ġodda u l-attivitajiet ta’ kuntatt, u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-wirt naturali u kulturali, l-aktar fil-kuntest li l-2018 hi s-sena Ewropea tal-wirt kulturali

2017-2019

il-KE / is-CoR / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

15.    Jinvolvu liż-żgħażagħ b’mod attiv fil-miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet soċjetali billi jagħtuhom l-opportunità biex jagħtu sehemhom għall-protezzjoni tan-natura fis-siti ta’ Natura 2020 (il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà)

2017-2019

il-KE / l-Istati Membri / il-partijiet konċernati

(1)

     Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats) — ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7 u d-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (id-Direttiva dwar l-Għasafar) — ĠU L 20, 26.01.2010. p. 7.

(2)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (2016) 472 final tas-16 ta’ Diċembru 2016, Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-Natura (id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats) http://ec.europa.eu/environment/nature/legislation/fitness_check/index_en.htm .

(3)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 (COM(2011) 244).

(4)

     Evalwazzjoni tal-Kontroll tal-Idoneità dwar l-obbligi tal-monitoraġġ u tar-rappurtar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent, u s-segwitu tagħha — ara http://ec.europa.eu/environment/legal/reporting/fc_overview_en.htm .

(5)

 Ara l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017, It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2016), 710 final).

(6)

Aktar tagħrif fuq il-konsultazzjoni dwar il-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni jinsab hawn: https://ec.europa.eu/agriculture/consultations/cap-modernising/2017_mt u https://ec.europa.eu/agriculture/simplification_mt .

Top