EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0196

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL li jevalwa l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002

COM/2017/0196 final

Brussell, 26.4.2017

COM(2017) 196 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jevalwa l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002

(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jevalwa l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002

(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE)

Dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni huwa fformulat b’mod konformi mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tagħha tal-ħalib (minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni tal-Kunsill”), skont liema l-awtoritajiet Taljani kompetenti għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-progress li jkun sar fl-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002.

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna li r-Repubblika Taljana tagħti lill-produtturi tal-ħalib, billi hi stess tħallas lill-baġit tal-Unjoni Ewropea l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib dovuta minnhom lill-UE għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002, u billi tippermetti li dawn il-produtturi jħallsu lura d-dejn tagħhom permezz ta’ ħlas mingħajr imgħax imqassam fuq għadd ta’ snin, hija meqjusa eċċezzjonalment kompatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk:

il-produtturi jħallsu lura l-ammont kollu, f’pagamenti akkont annwali ndaqs, u

il-perjodu ta’ ħlas lura, li jibda mill-1 ta’ Jannar 2004, ma jaqbiżx l-erbatax-il sena.

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna tingħata biss jekk l-Italja tiddikjara l-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati lill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (l-FAEGG) u tnaqqas id-dejn li jifdal permezz ta’ tliet pagamenti akkont annwali ndaqs min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, Novembru 2004 u Novembru 2005 rispettivament. L-Italja ddikjarat kif xieraq l-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati permezz tal-ittra tas-26 ta’ Awwissu 2003. Tnaqqas id-dejn li kien jifdal kif dovut min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għax-xhur ta’ Novembru 2003, 2004 u 2005.

Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti Taljani huma mitluba li kull sena jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002.

Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw il-ħdax-il rapport tagħhom dwar il-pagament akkont annwali tal-2015 lill-Kummissjoni (li jikkorrispondi għat-tnax-il pagament akkont annwali), permezz ta’ ittra mill-AGEA (l-“Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura”) bid-data tal-4 ta’ Novembru 2016.

Dan ir-rapport jipprovdi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress irrapportat mill-awtoritajiet Taljani għall-2015 fl-irkupru tal-imposta addizzjonali għas-seba’ perjodi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, kif ukoll għal dawk li mhumiex koperti minnha.

Pagament ta’ imposti skont l-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Italja biex hi stess tħallas lill-baġit tal-Unjoni Ewropea l-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib tagħha kienet tikkonċerna 25 123 produttur debitur fl-2005, meta tħejja l-ewwel rapport lill-Kunsill. Din iċ-ċifra naqset għal 21 189 għall-2015.

Mill-produtturi kollha fir-rapport li kienu inizjalment soġġetti għall-imposta għas-seba’ perjodi koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, 15 431 għażlu li jħallsu bl-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003. Fl-2004, qabel ma sar l-ewwel pagament akkont annwali, il-15 431 produttur li għażlu l-iskema tal-ħlas bin-nifs b’kollox kellhom jagħtu EUR 345 miljun bejniethom, jiġifieri madwar kwart tal-ammont totali li kien għad irid jitħallas mill-produtturi li rrifjutaw li jissieħbu mal-iskemi ta’ ħlas bin-nifs. B’hekk jidher li l-maġġoranza tal-produtturi responsabbli għal-livelli l-aktar baxxi ta’ produzzjoni eċċessiva għażlu li jidħlu fl-iskema ta’ ħlas bin-nifs. Min-naħa l-oħra, il-produtturi b’livelli ogħla ta’ produzzjoni eċċessiva (madwar 8 000 produttur li jridu jagħtu madwar EUR 1 biljun f’imposti dovuti fuq is-seba’ perjodi), għażlu minflok li ma jidħlux fl-iskema ta’ ħlas bin-nifs. Madankollu, ta’ min jippreċiża li, kull sena, l-awtoritajiet Taljani jirċievu applikazzjonijiet ġodda għall-ħlas bin-nifs. Fl-2015, tressqu 22 applikazzjoni ġdida, li jikkorrispondu għal total ta’ EUR 3,4 miljun. L-ammont totali kopert mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs għall-2003 huwa ta’ EUR 372,33 miljun.

It-tnax-il pagament akkont annwali kellu jsir minn 10 540 produttur, li b’kollox kellhom jagħtu EUR 25 390 665,74 sal-31 ta’ Diċembru 2015. Il-verifiki li twettqu mill-awtoritajiet Taljani juru li matul l-2015, 10 282 produttur ħallsu, kif dovut, total ta’ EUR 24 300 792,83 li jfisser li għat-tnax-il pagament akkont annwali, fiż-żmien stipulat 97,55 % tal-produtturi ħallsu 95,7 % tal-ammonti dovuti. Il-pagamenti li saru fil-ħin għall-ħdax-il pagamenti akkont annwali preċedenti jikkorrispondu għal 99,6 %, 97,9 %, 99,5 %, 99,7%, 96,4 %, 96,2 %, 90,5 %, 98,3 %, 96,9 %, 98,2 % u 95,9 % tal-ammonti dovuti rispettivament. Għalhekk, l-imposta totali miġbura għat-tnax-il pagament akkont annwali tammonta għal EUR 333 357 062, jiġifieri għal madwar 97 % tal-ammont totali dovut b’rabta ma’ dawn il-pagamenti akkont annwali.

Filwaqt li dawn il-livelli ċertament jindikaw l-impenn min-naħa tal-produtturi li qed jipparteċipaw fl-iskema tal-ħlas bin-nifs li jwettqu l-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni ta’ segwitu meħuda f’dawk il-każijiet fejn il-pagament ma sarx fil-limitu taż-żmien stipulat huwa sinjal ċar tal-livell ta’ impenn min-naħa tal-awtoritajiet Taljani sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ pagament jitħarsu kif suppost u li, fl-aħħar nett, tinġabar l-imposta kollha dovuta.

Fir-rigward tat-tnax-il pagament akkont annwali, għad m’hemmx informazzjoni disponibbli għall-pagamenti tal-258 produttur li fadal, li jirrappreżentaw ammont ta’ EUR 1 089 857. (L-awtoritajiet Taljani għandhom jirrapportaw dwar dawn il-pagamenti fir-rapport annwali li jmiss.)

Għall-ħdax-il pagament akkont annwali, ir-rapport preċedenti juri li 268 produttur kienu għadhom ma għamlux il-pagament tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2014, li kien jikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 1 035 351. Skont l-informazzjoni li bagħtu l-awtoritajiet Taljani, dawn il-każijiet kollha ġew innotifikati mill-awtoritajiet ċentrali lill-awtoritajiet reġjonali rilevanti sabiex dawn jesiġu l-pagament tal-ammont sħiħ dovut b’rata tal-imgħax li mhijiex parti mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs. Mill-268 produttur li għall-ewwel kienu maħsuba li ma ħallsux, wara ntwera li, fil-fatt, 143 minnhom kienu ħallsu. Min-naħa l-oħra, il-125 produttur li ma kinux ħallsu l-ħdax-il pagament akkont annwali tilfu l-intitolament tagħhom li jħallsu bin-nifs, u nbdew proċeduri ta’ rkupru infurzat kontrihom.

Stabbilimenti li għalihom ġiet irrevokata l-possibbiltà li jħallsu bin-nifs

Jekk produttur jonqos milli jħallas xi wieħed mill-pagamenti akkont annwali, huwa jiġi eskluż mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs u, konsegwentement, jesponi ruħu għall-irkupru f’daqqa tal-ammont kollu dovut flimkien mal-imgħax.

Tnax-il sena mit-tnedija tal-iskema tal-ħlas bin-nifs tal-2003, b’kollox 855 azjenda tilfu d-dritt li kellhom li jħallsu bin-nifs, li jikkorrispondi għal dejn totali fil-kuntest tal-ħlasijiet bin-nifs ta’ EUR 30 073 846,37.

Madankollu, minn dan l-ammont, EUR 12 338 942,12 kienu tħallsu qabel ma ġie rrevokat dan id-dritt u EUR 4 596 600,31 ġew irkuprati wara r-revoka, u dan ippermetta li d-dejn ta’ 238 azjenda tħallas bis-sħiħ, li jfisser li d-dejn totali pendenti li jifdal huwa ta’ EUR 13 149 255,86, li jikkonċerna 617-il azjenda.

Dawn iċ-ċifri juru li ma hija sodisfaċenti xejn id-diliġenza li wriet l-amministrazzjoni Taljana fil-ġbir tal-imposta mill-produtturi li ġew esklużi mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs wara li naqsu milli jħallsu pagament akkont annwali. Barra minn hekk, il-produtturi tal-ħalib kellhom jirtiraw l-azzjonijiet legali tagħhom quddiem il-qrati Taljani sabiex ikunu intitolati jidħlu fl-iskema ta’ ħlas bin-nifs. Għalhekk, in-nuqqas ta’ rkupru ma jidhirx li ġej mit-tul potenzjali tal-proċedimenti fil-qorti, iżda pjuttost mill-inkapaċità tal-amministrazzjoni Taljana li tirkupra dawn l-ammonti b’mod effettiv.

Differiment tal-ħlas b’sitt xhur u l-konsegwenzi tiegħu fuq l-għajnuna mill-Istat

Skont l-Artikolu 2(12)(k) tad-Digriet tal-Liġi Taljan Nru 225 tad-29 ta’ Diċembru 2010, konvertit fil-Liġi Nru 10 tas-26 ta’ Frar 2011 wara li ġie emendat, l-Italja awtorizzat id-differiment sat-30 ta’ Ġunju 2011, tal-pagament akkont annwali tal-2010 li, fil-prinċipju, kien dovut sal-31 ta’ Diċembru 2010 skont l-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003 approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4046 finali tas-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni ddikjarat li d-differiment tal-pagament akkont tal-imposta tal-ħalib dovut sal-31 ta’ Diċembru 2010 kien jikkostitwixxi għajnuna mhix kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li din l-għajnuna ma rrispettatx il-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE, u ħolqot, għal dawk li bbenefikaw minnha u li b’hekk ħarġu mill-qafas stabbilit mill-Kunsill, għajnuna ġdida mill-Istat, li tmur kontra l-liġi fit-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, u li wkoll mhix kompatibbli mas-suq intern.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4046 finali, il-Kummissjoni ordnat lill-Italja ġġiegħel lill-benefiċjarji tad-differiment tal-pagament iħallsu lura l-ammont tal-għajnuna inkompatibbli, flimkien mal-imgħax.

L-awtoritajiet Taljani nedew il-proċeduri amministrattivi meħtieġa biex jirkupraw l-għajnuna. Madankollu, fit-8 ta’ Novembru 2013, l-Italja fetħet każ kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (il-Kawża T-527/13). Fl-24 ta’ Ġunju 2015, din tat sentenza li annullat, b’mod parzjali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni: is-sentenza kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna inerenti fid-differiment tal-pagament akkont tal-imposta li kien dovut fil-31 ta’ Diċembru 2010, iżda rrifjutat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna l-ġdida li nħolqot għal dawk li bbenefikaw minn dan id-differiment, li b’hekk ħarġu mill-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni appellat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (il-Kawża C-467/15 P), u dan l-appell għadu pendenti.

Imposta addizzjonali dovuta għall-perjodu tal-2002/2003

Għall-perjodi mill-1995 sal-2002, l-Italja stess ħallset lill-baġit tal-Unjoni Ewropea l-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE.

Mill-2004 ’l hawn, l-Istati Membri ħallsu l-imposta addizzjonali direttament lill-baġit tal-Unjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003.

Madankollu, il-perjodu tal-2002/2003 la huwa kopert mid-Deċiżjoni tal-Kunsill u lanqas mill-iskema l-ġdida stabbilita fl-2004. Meta wieħed iqis li l-kwota nazzjonali attribwita lill-Italja nqabżet, il-produtturi tal-ħalib Taljani responsabbli għal dak l-eċċess kellhom jagħtu EUR 227,76 miljun lill-baġit tal-Unjoni għall-perjodu tal-2002/2003.

Minn dan l-ammont,

- EUR 16,58 miljun ġew annullati b’deċiżjoni tal-qorti,

- EUR 5,67 miljun ġew irkuprati mis-sistema ta’ rimborż tal-2009 (li minnhom EUR 2,12-il miljun kienu diġà tħallsu),

- EUR 60,70 miljun ġew irkuprati minbarra l-kuntest tal-iskema ta’ ħlas bin-nifs, u

- EUR 24,39 miljun intilfu.

Dan ifisser li, għall-perjodu tal-2002/2003, fadal EUR 120,42 miljun ta’ imposta addizzjonali li għadhom dovuti lill-baġit tal-Unjoni Ewropea bħala parti mill-imposta addizzjonali għall-produtturi tal-ħalib li ma daħlux fl-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2009.

Imposti dovuti għall-perjodi mill-1995/96 sal-2008/2009, li la huma koperti mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003 u lanqas mis-sistema ta’ rimborż tal-2009

Fir-rapporti preċedenti, diġà kienet inġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003 u s-sistema ta’ rimborż tal-2009 (b’rata ta’ mgħax daqs rata ta’ referenza għall-Unjoni miżjuda b’bosta punti perċentwali) fir-realtà jkopru biss parti żgħira mill-ammont tal-imposta li jrid jiġi rkuprat.

Fil-fatt, l-ammont totali tal-imposta implikat għall-perjodi mill-1995/96 sal-2008/09, kif notifikat mill-Italja, huwa ta’ EUR 2,303 biljun. Minn dan l-ammont, EUR 671,8 miljun kienu rkuprati mill-Italja bejn l-2003 u l-2015, li minnhom EUR 333 357 062 ġew mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003, EUR 6,81 miljun mis-sistema ta’ rimborż tal-2009 u EUR 331,65 miljun barra mill-iskemi ta’ ħlas bin-nifs.

Mill-ammont li jifdal, jiġifieri EUR 1,63 biljun:

- parti żgħira (EUR 71,77 miljun) hija koperta mill-iskemi ta’ ħlas bin-nifs implimentati mill-Italja fl-2003 u fl-2009, li għażlu li jsegwu xi produtturi tal-ħalib li għandhom iħallsu l-imposta;

- EUR 276.46 miljun ġew iddikjarati bħala ammont mitluf wara l-falliment tal-produttur jew l-annullament tal-imposta mill-qrati;

- fadal madwar EUR 1,28 biljun dovuti mill-produtturi li rrifjutaw li jidħlu fl-iskemi ta’ ħlas bin-nifs, u li ħafna minnhom, ikkontestaw l-imposta addizzjonali fil-qrati Taljani.

Il-Kummissjoni laqgħet l-informazzjoni fir-rapport tal-awtoritajiet Taljani dwar it-tnax-il pagament akkont annwali fir-rigward tas-sitwazzjoni globali attwali tal-irkupru tal-imposti fl-iskema ta’ ħlas bin-nifs implimentata fl-2003.

Min-naħa l-oħra, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġbir tal-ammonti li mhumiex inklużi fl-iskemi ta’ ħlas bin-nifs (EUR 1,28 biljun) u li jirrappreżentaw 94,7 % tal-ammonti totali li għadhom dovuti bħala parti mill-imposta għall-perjodu mill-1995/96 sal-2008/09 (EUR 1,35 biljun), iċ-ċifri mogħtija mill-amministrazzjoni Taljana juru li ftit li xejn sar progress. B’mod partikolari, ma sarx progress sinifikanti fl-irkupru tal-ammonti infurzabbli billi dawn qatt ma ġew ikkontestati jew ġew ikkontestati iżda ġew ikkonfermati mill-qorti rilevanti, jew ġew ikkontestati iżda ma kinux koperti minn ordni ta’ sospensjoni.

Fil-31 ta’ Diċembru 2015, l-ammont li effettivament kien inġabar – minbarra fil-kuntest tal-iskemi ta’ ħlas bin-nifs – kien ta’ EUR 331,65 miljun, u l-ammont infurzabbli li kien għad baqa’ jinġabar kien ta’ EUR 799,38 miljun. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, mill-ammont ta’ EUR 1,28 biljun li għadu dovut għall-perjodi mill-1995/96 sal-2008/09, minbarra fil-kuntest tal-iskemi ta’ ħlas bin-nifs, EUR 484 miljun għadhom mhumiex infurzabbli billi huma s-suġġett ta’ tilwima legali u nħarġet ordni mill-qorti biex l-irkuprar jiġi sospiż. Madankollu, dawn iridu jiġu rkuprati ladarba tinħareġ deċiżjoni ġudizzjarja favur l-amministrazzjoni.

Meta neżaminaw l-evoluzzjoni tal-ammonti dovuti barra l-pjanijiet tal-ħlas bin-nifs, u speċjalment dawk dovuti fir-rigward tal-perjodu kopert mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (mill-1995/96 sal-2001/2002), naraw li sal-lum 34 % tal-ammonti infurzabbli ġew irkuprati (EUR 110,37 miljun minn EUR 324,17-il miljun). Rigward l-ammonti infurzabbli dovuti għall-perjodu kollu mill-1995/96 sal-2008/2009, 25.8 % biss inġabru effettivament (EUR 278,04 miljun minn EUR 1,077 biljun).

Mill-ammonti infurzabbli dovuti għall-perjodu kollu, wieħed għandu jiddistingwi bejn:

- l-ammonti li ma ġewx ikkontestati: mill-EUR 168,66 miljun infurzabbli, ġew irkuprati EUR 96,05 miljun, li jikkorrispondu għal rata ta’ rkupru ta’ 57 %;

- l-ammonti li kienu s-suġġett ta’ tilwima legali, iżda li għalihom ma nħarġitx ordni ta’ sospensjoni tal-irkupru: mill-EUR 178,57 miljun infurzabbli, ġew irkuprati EUR 19,29 miljun biss, jiġifieri 10,8 % minnhom;

- l-ammonti li ġew ikkonfermati mill-qorti: mill-EUR 730,20 miljun infurzabbli, ġew irkuprati EUR 162,71 miljun, jiġifieri 22.3 % minnhom.

Il-Kummissjoni tenfasizza l-progress batut ħafna li sar fl-irkupru tal-ammonti tal-aħħar żewġ kategoriji. Bl-istess mod, mill-EUR 168,66 miljun li qatt ma kienu kkontestati u li, għalhekk, setgħu jinġabru minnufih, għad hemm EUR 72,62 miljun li jridu jiġu rkuprati.

Il-Kummissjoni tesprimi dispjaċir kbir li ma sarx biżżejjed progress fil-ġbir tal-parti tal-imposta li mhix koperta mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs tal-2003 jew mis-sistema ta’ rimborż tal-2009.

Il-Kummissjoni qed tkompli ssegwi mill-qrib il-proċess ta’ rkupru fl-Italja, b’mod partikolari l-irkupru tal-imposta li mhijiex koperta mill-iskema ta’ ħlas bin-nifs. F’diversi okkażjonijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni esprimew l-osservazzjonijiet tagħhom (inklużi rimarki negattivi) lill-awtoritajiet Taljani u talbu informazzjoni dettaljata dwar aspetti differenti li jikkonċernaw l-irkupru tal-imposta fuq il-ħalib.

Madankollu, minkejja t-talbiet numerużi ripetuti tal-Kummissjoni, il-maġġoranza tal-ammonti dovuti għadhom ma ġewx irkuprati mill-awtoritajiet Taljani.

Dwar din il-kwistjoni l-Kummissjoni bagħtet avviż formali lill-Italja f’Ġunju 2013 u opinjoni motivata f’Lulju 2014. Peress li fir-risposti li bagħtet l-Italja ma ġie rrapportat l-ebda progress sinifikanti fl-irkupru, fis-26 ta’ Frar 2015 il-Kummissjoni ddeċidiet tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rikors għan-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 tat-TFUE. Għalhekk fis-6 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni ressqet rikors kontra l-Italja minħabba li naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tieħu miżuri sodisfaċenti biex tiggarantixxi rkupru effettiv u effikaċi tal-imposti fuq l-ammonti eċċessivi tal-produtturi tal-ħalib li qabżu l-kwota individwali tagħhom matul is-snin meta l-Italja qabżet il-kwota nazzjonali tagħha tal-ħalib (il-Kawża C-433/15).

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li, safejn għandu x’jaqsam it-twettiq tal-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas bin-nifs approvata mill-Kunsill fl-2003, il-progress li għamlu l-awtoritajiet Taljani fl-irkupru tal-ammont dovut mill-produtturi li għażlu li jipparteċipaw fl-iskema ta’ ħlas bin-nifs għall-perjodi tal-1995/1996 sal-2001/2002 juri li l-iskema ġiet ġestita b’mod sodisfaċenti.

Fir-rigward tal-ammonti mhux koperti mill-iskemi ta’ ħlas bin-nifs, il-Kummissjoni diġà qalet, fir-rapporti tal-evalwazzjoni tagħha ppreżentati lill-Kunsill mill-2010 ’l hawn, u mbagħad f’avviż formali mibgħut lill-Italja fl-20 ta’ Ġunju 2013 u fl-opinjoni motivata tal-10 ta’ Lulju 2014, li mhijiex sodisfatta bin-nuqqas ta’ progress sinifikanti li sar fl-irkupru tal-imposta marbuta mal-kwoti tal-ħalib.

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani fir-rapport tagħhom dwar it-tnax-il pagament akkont annwali, f’dan il-każ, ma hemmx żviluppi maġġuri ġodda x’jiġu rrapportati fil-ġbir effettiv tal-imposta mhux koperta mill-iskemi ta’ ħlas bin-nifs. Minħabba l-ammont kbir tal-imposta mhux imħallsa kif ukoll minħabba kemm ilha għaddejja din is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ rkupru tal-ammonti mhux imħallsa, għandu jiġi konkluż li l-awtoritajiet Taljani jinsabu ’l bogħod milli jiżguraw l-effiċjenza u l-effettività tal-liġijiet tal-UE.

Għal din ir-raġuni, fis-6 ta’ Awwissu 2015 il-Kummissjoni ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Kawża C-433/15) għan-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, li dwaru l-qorti għadha ma qatgħetx is-sentenza tagħha.

Top