EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0022

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta’ Ħidma tal- Unjoni Ewropea għall-Isport 2014-2017

COM/2017/022 final

Brussell, 20.1.2017

COM(2017) 22 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta’ Ħidma tal-
Unjoni Ewropea għall-Isport 2014-2017


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta’ Ħidma tal-
Unjoni Ewropea għall-Isport 2014-2017

A)    INTRODUZZJONI

Wara l-inklużjoni tal-isport fit-Trattat ta’ Liżbona u f’konformità mal-Artikolu 165 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri saħħew il-kooperazzjoni tagħhom fi sforz biex ikomplu jiżviluppaw id-dimensjoni Ewropea fl-isport. Il-kooperazzjoni kienet iffokata fuq dawk l-oqsma fejn l-UE tista’ żżid valur miżjud mal-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri u tappoġġja l-azzjonijiet tagħhom. Matul l-aħħar għaxar snin, l-isport sar qasam ta’ politika li jħalli impatt fuq l-ambizzjonijiet globali tal-UE f’termini ta’ tkabbir ekonomiku, aktar impjiegi u impjiegi aħjar u soċjetà inklużiva, billi tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 1 u l-Aġenda għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku 2 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, qiegħdet enfasi akbar fuq l-indirizzar ta’ sfidi fl-isport relatati mal-governanza tajba, l-integrità u l-inklużjoni soċjali, u billi tippromwovi l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fl-isport u tal-attività fiżika.

Bħala kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni b’suċċess tal-ewwel Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2011-2014) 3 , il-Kunsill adotta t-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017) 4 sabiex jippromwovi u jiżviluppa politika tal-isport fil-livell Ewropew. F’dan il-qafas, il-Kummissjoni u l-Presidenzi tal-Kunsill, flimkien mal-Istati Membri, ħadmu f’kooperazzjoni mill-qrib billi ffokaw fuq it-temi “integrità tal-isport”, “id-dimensjoni ekonomika tal-isport” u “l-isport u s-soċjetà”, filwaqt li ħarsu b’mod sħiħ il-kompetenzi nazzjonali u dawk tal-UE. L-organizzazzjonijiet sportivi u l-partijiet interessati kienu wkoll direttament assoċjati mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE.

It-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport jiddefinixxi l-prijoritajiet u jfassal lista ta’ riżultati mitluba li għandhom jinkisbu, 5 kif ukoll l-istrutturi ta’ ħidma korrispondenti, b’mod partikolari l-Gruppi ta’ Esperti.

Il-Kummissjoni kellha l-kompitu li tadotta, sa Novembru 2016, fil-fażi finali tal-Pjan ta’ Ħidma, rapport dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tiegħu, bħala bażi għat-tħejjija possibbilment tat-tielet Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport matul l-ewwel nofs tal-2017.

Dan ir-rapport jirrifletti l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar din l-implimentazzjoni, u jivvaluta l-impatt politiku usa’ tal-Pjan ta’ Ħidma. Huwa jieħu kont ukoll tal-kontributi bil-miktub sottomessi mill-Istati Membri kif ukoll mill-esperti u osservaturi li jipparteċipaw fil-Gruppi ta’ Esperti. Barra minn hekk, jinkludi rakkomandazzjonijiet għal Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE għall-Isport.

B)     EVALWAZZJONI

Il-Kummissjoni għamlet l-evalwazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tat-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport abbażi ta’ kwestjonarju 6 , inputs minn diversi laqgħat u avvenimenti tal-partijiet interessati, u kontributi spontanji. L-analiżi tat-tagħrif li ntbagħat wera li t-tieni Pjan ta’ Ħidma laħaq l-aspettattivi. Madankollu, ġew identifikati xi oqsma għal titjib.

1.Metodi u strutturi ta’ ħidma

Wara l-adozzjoni tat-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport, il-Kummissjoni stabbiliet ħames Gruppi ta’ Esperti 7 magħmula minn rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri biex jagħtu ħarsa lejn oqsma partikolari relatati mal-politika tal-isport u jgħinu biex jinkisbu r-riżultati meħtieġa. Il-partijiet interessati, wara talba u bl-approvazzjoni ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri, setgħu jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat ta’ dawn il-Gruppi (ara l-Anness 1). Ir-rwol tal-Kummissjoni kien li taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u tgħinhom fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma.

Il-Gruppi ta’ Esperti bdew il-ħidma tagħhom fit-tieni nofs tal-2014. Kull wieħed minnhom segwa l-iskeda ta’ ħidma tiegħu stess biex iġib riżultati speċifiċi f’konformità mal-iskeda taż-żmien deskritta fil-Pjan ta’ Ħidma. Ir-riżultati mitluba tfasslu biex iwittu t-triq għal attivitajiet futuri possibbli fil-livell tal-UE u għat-tfassil ta’ politiki nazzjonali.

Minbarra l-ħidma li għandha titwettaq mill-ħames Gruppi ta’ Esperti, il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE indika li jistgħu jintużaw strutturi u metodi ta’ ħidma oħrajn, inklużi konferenzi tal-Presidenza, laqgħat ta’ Diretturi u Ministri tal-Isport, studji u konferenzi tal-Kummissjoni, kif ukoll pledge boards.

Id-Diretturi tal-Isport kellhom il-kompitu partikolari li jiskambjaw l-aħjar prattiki u jiżguraw it-tagħlim bejn il-pari fl-isport.

Twettaq djalogu strutturat mal-organizzazzjonijiet sportivi fil-forma ta’ laqgħat u avvenimenti differenti. Dan kien jinkludi l-Forum annwali tal-Isport tal-UE u l-laqgħat li saru fil-marġini ta’ kull Kunsill.

Mill-2014 sal-2016, seħħew żewġ (2) laqgħat informali tal-Ministri tal-Isport, disa’ (9) avvenimenti u konferenzi tal-Presidenza, u ħames (5) laqgħat tad-Diretturi tal-Isport. Barra minn hekk, ġew ippubblikati tmien (8) studji tal-Kummissjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma u biex dan jitmexxa ’l quddiem . Saret ukoll ħidma ta’ tħejjija fuq pledge board.

2.Riżultati

It-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport, fl-Anness I tiegħu, jiddefinixxi 16-il riżultat f’oqsma ewlenin li għandhom jiġu ppreżentati sa ċerta data fil-mira u jindika l-istrutturi ta’ ħidma korrispondenti. Ir-riżultati jkopru l-isport fid-dimensjonijiet kollha tiegħu (soċjali, ekonomika, organizzattiva). Ir-riżultati kollha twasslu jew qegħdin fil-proċess li jiġu realizzati sa tmiem l-2016 jew kmieni fl-2017. It-tabella annessa ma’ dan ir-rapport tiddeskrivi l-istatus ta’ kull wieħed minn dawn ir-riżultati tanġibbli (ara l-Anness 2).

Tajjeb li nsemmu xi ftit oqsma fejn sar progress sinfikanti:

Fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob fil-Grupp ta’ Esperti rilevanti laqqa’ flimkien il-partijiet interessati kollha, u b’hekk iffaċilita l-kondiviżjoni tal-iżviluppi fiż-żmien propizju fid-dawl tal-Konvenzjoni Macolin 8 li kienet ġiet adottata qabel il-bidu tal-Pjan ta’ Ħidma.

Rigward il-governanza tajba fl-isport, il-Grupp ta’ Esperti kkonċernat iċċara safejn kienu implimentati l-prinċipji tal-UE, u identifika wkoll modi kif jistgħu jimxu ’l quddiem fuq il-possibbiltà ta’ pledge board, u dan wassal għat-tnedija riċenti ta’ pledge dwar il-governanza tajba mill-Kummissjoni.

Dwar il-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (health-enhancing physical activity/HEPA) il-Grupp ta’ Esperti rilevanti ġabar u qassam il-prattiki tajba għall-promozzjoni tal-attività fiżika fl-Istati Membri, waqt li kkontribwixxa għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u pjanijiet ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali. Permezz tal-qafas ta’ monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-HEPA, l-Istati Membri rrapportaw li sa mill-2013 ġew adottati 37 linja ta’ politika u pjan ta’ azzjoni ġodda fis-setturi kollha rilevanti għall-HEPA (fuq total ta’ 152 politika u pjan ta’ azzjoni), b’enfasi fuq l-utilità u r-rilevanza f’waqtha ta’ dawn l-iskambji ta’ prattiki tajba.

Il-Grupp ta’ Esperti li jittratta d-dimensjoni ekonomika tal-isport ffoka b’mod speċifiku fuq il-benefiċċji ekonomiċi tal-isport, il-legat tal-avvenimenti sportivi kbar u l-iffinanzjar sostenibbli tal-isport. Biex jitkejjel u jintwera l-impatt ekonomiku tas-settur, sar aktar progress fil-qasam tal-Kontijiet Satellita għall-Isport (Sport Satellite Accounts - SSAs). Sadanittant, tmien Stati Membri (AT, CY, DE, LT, NL, PO, PT, UK) 9 u l-Iżvizzera għandhom SSAs nazzjonali; Il-Litwanja u r-Rumanija qed jiffinalizzaw l-SSAs nazzjonali tagħhom, filwaqt li xi Stati Membri oħra bdew ir-riflessjonijiet u n-negozjati mal-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika tagħhom.

Il-Grupp ta’ Esperti dwar ir-riżorsi umani ffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa ddiskuta strateġiji nazzjonali għal Karrieri Doppji tal-atleti u kkontribwixxa għat-tħejjija ta’ Oqsfa ta’ kwalifiki settorjali b’referenza għall-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki (NQFs) u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). Minbarra dan, l-isport irċieva rikonoxximent fil-livell politiku bħala wieħed mill-modi biex jiżdiedu l-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali taż-żagħżagħ.

3.Valutazzjoni

L-ewwel Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport ġeneralment kien ikkunsidrat bħala suċċess mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u l-partijiet interessati. Sussegwentement, it-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE kien ġeneralment kontinwità tal-ewwel wieħed, permezz tal-adattament ta’ prijoritajiet u ta’ tnaqqis żgħir fin-numru ta’ Gruppi ta’ Esperti (ħamsa (5) minflok sitta (6)). Il-valutazzjoni ta’ dan it-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE turi li l-kontinwità żgurata kienet approċċ tajjeb anki fil-każ li għandhom jiġu kkunsidrati xi riorjentazzjonijiet futuri.

Il-kontributi bil-miktub mibgħuta bi tweġiba għall-kwestjonarju indikaw li, b’mod ġenerali, l-attivitajiet imwettqa skont dan il-Pjan ta’ Ħidma wasslu għal riżultati tajbin fis-setturi prijoritarji ddefiniti. Il-maġġoranza l-kbira qablu li l-Pjan ta’ Ħidma ffoka fuq il-prijoritajiet it-tajbin (91%), li dan tejjeb il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-moviment tal-isport (69%) u li tejjeb il-koordinazzjoni politika fl-isport fil-livell tal-UE (69%). Perċentwal ta’ 70% qablu li l-Pjan ta’ Ħidma daħħal strutturi u metodi ta’ ħidma xierqa, filwaqt li 26% ma qablux. Meta kienu ġew mistoqsija jekk il-Pjan ta’ Ħidma wassalx għal eżiti siewja fil-proċess tat-tfassil tal-politika, 61% qablu filwaqt li 29% ma qablux. 46% tal-kontributuri qablu li l-Pjan ta’ Ħidma tejjjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-moviment tal-isport fil-livell nazzjonali, filwaqt li 38% ma qablux.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-ħidma tal-Gruppi ta’ Esperti, il-maġġoranza l-kbira qieset li l-Gruppi ta’ Esperti kellu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma (85 %). Kien hemm qbil mifrux li l-Kummissjoni pprovdiet għarfien espert rilevanti (84%) u appoġġ loġistiku u segretarjali (90%) adegwat għall-ħidma ta’ dawn il-Gruppi ta’ Esperti F’dak li għandu x’jaqsam mal-eżiti tal-Gruppi ta’ Esperti, 56% qablu li dawn kellhom impatt fuq is-settur tal-isport filwaqt li 32% kienu jemmnu li r-riżultati ma kellhomx impatt.

Il-maġġoranza tal-kontributi indikaw li l-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport kellu impatt pożittiv fuq is-settur tal-isport (80%) u li kien importanti għall-iżvilupp tal-politika tal-isport fil-livell tal-UE (93%). Fir-rigward tal-impatt fuq l-iżvilupp tal-isport fil-livell nazzjonali, 64% kienu tal-fehma li l-Pjan ta’ Ħidma kien rilevanti filwaqt li 26% kienu jemmnu li dan ma kienx il-każ. Meta ġew mistoqsija jekk il-Pjan ta’ Ħidma kellu impatt fuq il-politika dwar l-isport barra l-UE, l-opinjonijiet kienu diviżi (34 % vs 33 %).

B’kont meħud tal-kummenti bil-miktub mill-Istati Membri, jidher li:

Fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport, il-biċċa l-kbira tat-tweġibiet indikaw li l-perjodu attwali ta’ tliet (3) snin huwa xieraq. Madankollu diversi tweġibiet jissuġġerixxu wkoll li perjodu itwal sa erba’ (4) snin għandu jkun xieraq ukoll, filwaqt li għadd żgħir biss ta’ tweġibiet indikaw li perjodu ta’ tliet (3) snin huwa twil wisq;

L-arranġamenti relatati mal-Gruppi ta’ Esperti kienu meqjusa li jaħdmu tajjeb. Bosta minn dawk li wieġbu ssuġġerew li approċċ aktar iffukat, b’inqas temi li jridu jiġu ttrattati, inqas Gruppi ta’ Esperti u inqas laqgħat, ikun aħjar għal Pjan ta’ Ħidma futur għall-Isport;

Il-parteċipazzjoni ta’ osservaturi fil-ħidma tal-Gruppi ta’ Esperti kienet kwistjoni ta’ tħassib f’ħafna tweġibiet. Rimarka komuni kienet li xi osservaturi kellhom it-tendenza li jippromwovu l-fehmiet tal-organizzazzjoni minflok iżommu perspettiva newtrali;

Ir-riżultati mitluba mill-Gruppi ta’ Esperti ta’ spiss kienu wisq numerużi u t-temi li riedu jiġu ttrattati, speċjalment għal xi Gruppi ta’ Esperti, kienu wisq mifruxa. Bosta kummenti ssuġġerew ambitu aktar iffukat għall-ħidma tal-Gruppi ta’ Esperti u li jintalbu anqas riżultati.

Il-forma attwali tad-djalogu strutturat tal-UE mal-organizzazzjonijiet sportivi tista’ tiġi mtejba. Il-biċċa l-kbira rrikonnoxxew il-Forum annwali tal-Isport tal-UE bħala l-akbar avveniment siewi f’dan il-kuntest. Kien hemm min esprima xi dubji dwar il-valur miżjud reali tal-laqgħa tad-djalogu strutturat li ssir fil-marġini tal-Kunsill fil-format attwali tagħha.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni f’ħafna każijiet, tikkonferma l-kummenti prinċipali espressi waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li dan it-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport kellu suċċess fis-sens li r-riżultati kollha mitluba twasslu b’livell tajjeb ta’ kwalità. Il-metodi ta’ ħidma wrew li huma effiċjenti għall-ħolqien ta’ djalogu permanenti bejn il-partijiet interessati u l-Istati Membri dwar kwistjonijiet sportivi Ewropej ewlenin. Il-Gruppi ta’ Esperti kienu jikkostitwixxu opportunità privileġġjata għan-netwerking. Dawn ippermettew li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi. Oqsma ta’ politika differenti bħall-HEPA jew il-governanza tajba bbenefikaw direttament mill-ħidmiet magħmula fil-livell tal-Gruppi ta’ Esperti.

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-impatt tar-riżultati mhux dejjem kien sinifikanti. Ċerti riżultati, bħal dawk li jikkonċernaw l-avvenimenti sportivi ewlenin u l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, taw kontribut fil-proċess tat-tfassil tal-politika, b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill 10 . Xi wħud intużaw ukoll f’konferenzi, seminars u avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni. Madankollu, oħrajn ma ġewx ivvalutati wara li ġew ippreżentati lill-Kunsill. Barra minn hekk, s’issa hemm biss informazzjoni limitata dwar safejn dawn ġew influwenzati jew intużaw b’mod effikaċi fit-tfassil tal-politika nazzjonali.

Barra minn hekk, minn perspettiva tal-loġistika, l-organizzazzjoni tal-għadd kbir ta’ laqgħat tal-Gruppi ta’ Esperti kienet impenjattiva. Bl-istess mod, kienet ta’ sfida għall-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jiżguraw il-parteċipazzjoni f’dawn il-Gruppi ta’ Esperti. Mhux l-Istati Membri kollha setgħu jkunu rappreżentati fil-laqgħat fuq bażi regolari.

Il-Kummissjoni tqis li kien hemm kontradizzjoni bejn l-ambitu ambizzjuż ta’ wħud mill-Gruppi ta’ Esperti u l-ħtieġa biex jibbenefikaw minn għarfien espert speċjalizzat f’qasam partikolari. Il-portata tal-mandat mogħti lil xi gruppi (Governanza Tajba, Riżorsi Umani) wasslet għal grupp eteroġenji f’termini ta’ għarfien espert. De facto, l-ambitu wiesa’ tal-mandati tal-gruppi esperti mhux dejjem jippermetti lill-Istati Membri jaħtru rappreżentanti li jkollhom livell xieraq ta’ għarfien espert. Għall-kuntrarju, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-osservaturi ħafna drabi ġabu valur miżjud f’termini ta’ għarfien speċifiku.

Il-Kummissjoni tqis ukoll li d-diversifikazzjoni tal-metodi ta’ ħidma, jiġifieri lil hinn mill-Gruppi ta’ Esperti, setgħu kkontribwew għal titjib fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport.

C)    RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦALL-FUTUR

Il-Kummissjoni temmen li diversi elementi ta’ titjib jistgħu jitqiesu għal Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE għall-isport sabiex dan ikun aktar rilevanti u jħalli impatt. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jirreferu għall-prinċipji ġenerali, prijoritajiet u metodi ta’ ħidma.

1) Prinċipji ġenerali

L-ewwel nett, għandu jiġi ddefinit perjodu ċar għat-tul ta’ żmien tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport li jmiss. Għalkemm it-tul ta’ żmien tal-ewwel u t-tieni Pjanijiet ta’ Ħidma ma kienx speċifikat b’mod espliċitu, dawn effettivament kienu mifruxa fuq perjodi ta’ tliet snin. Madankollu, meta wieħed iqis il-fażi preparatorja ta’ ftit xhur u l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni u l-perjodu ta’ negozjar tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport li jmiss ta’ aktar minn sitt (6) xhur, il-ħidma attiva attwalment hija de facto limitata għal perjodu ta’ bejn sentejn u sentejn u nofs.

Għalhekk, il-ħin biex jinkisbu r-riżultati mitluba kien limitat. Dan ħoloq ċertu pressjoni ta’ żmien biex jitwasslu għadd ta’ riżultati u ma ppermettix l-adattament għal ċirkostanzi ġodda u għall-isfidi emerġenti. Jista’ għalhekk jitqies xieraq li t-tul ta’ Pjan ta’ Ħidma possibbli futur tal-UE jkun estiż bil-għan li l-benefiċċji jiġu massimizzati u l-eżiti tal-ħidma jitjiebu aktar. Il-valur miżjud ta’ perjodu ta’ żmien itwal huwa marbut wkoll mal-possibbiltà li dan joffri biex il-Pjan ta’ Ħidma jiġi allinjat mal-prijoritajiet definiti fil-livell tal-UE, kif ukoll mal-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE (QFP).

Sadanittant, minħabba li s-sena 2020 tirrappreżenta sena importanti immens f’ħafna modi, il-Kummissjoni tirrakkomanda li kwalunkwe tielet Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport iwassal sal-aħħar tal-2020, biex jikkoinċidi, inter alia, ma’ tmiem il-QFP attwali. Il-possibbiltà ta’ perjodu itwal għandha tibqa’ miftuħa fil-ġejjieni.

It-tieni nett, għandha tiġi introdotta aktar flessibilità biex il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-isport jiġi adattat matul l-implimentazzjoni tiegħu. Huwa importanti li jiġu eżaminati l-possibilitajiet għall-aġġustament tal-ħidma li għaddejja bħalissa tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport skont iċ-ċirkustanzi li qed jevolvu, bħal, pereżempju, il-kriżi tar-refuġjati mingħajr preċedent li l-Ewropa qiegħda tiffaċċja bħalissa jew l-isfidi ewlenin tar-radikalizzazzjoni vjolenti. Barra minn hekk, approċċ anqas riġidu f’termini tat-temi koperti effettivament għandu jippermetti, skont il-ħtieġa, reazzjoni għall-iżviluppi fil-qasam tal-isport. Il-flessibbiltà li approċċ bħal dan iġib miegħu, għandha tgħin biex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-ħidma fil-livell tal-UE fl-isport.

It-tielet nett, il-ħtieġa għal aktar interazzjoni ma’ oqsma ta’ politika oħra li għandhom impatt qawwi fuq l-isport (eż. il-kompetizzjoni, il-libertà tal-moviment, l-impjieg, il-protezzjoni tad-dejta, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa) għandhom ikunu kkunsidrati f’Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE għall-Isport. Il-kooperazzjoni transettorjali tista’ tiġi żviluppata aktar mill-Kummissjoni u l-Istati Membri u dawn jistgħu jiżguraw li oqsma ta’ politika oħrajn tal-UE jkunu involuti aktar mill-qrib fi kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-isport. Is-salvagwardja ta’ approċċ aktar ħolistiku għall-politika Ewropea tal-Isport u l-integrazzjoni tal-isport f’oqsma ta’ politika oħrajn jgħinu biex jiżguraw it-twassil tal-valur miżjud fl-isport fil-livell tal-UE. Il-politika dwar l-isport ma tistax taħdem f’iżolament; il-kooperazzjoni u l-komplementarjetà ma’ politiki relevanti oħra huma essenzjali.

Ir-raba’ nett, jistgħu jissaħħu s-sinerġiji mal-programm tal-isport: Erasmus+, inter alia billi jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet speċifiċi tal-isport għall-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Erasmus+, u billi jiżguraw korrelazzjoni aktar qawwija bejn il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE u l-għażla tal-proġetti. Fl-istess ħin, l-eżiti ta’ proġetti magħżula tal-Erasmus+ jistgħu jsostnu l-prijoritajiet tal-politika tal-isport (“approċċ minn isfel għal fuq”). Barra minn hekk, ta’ min wieħed jikkunsidra sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

2) Prijoritajiet

Il-kompetenzi fil-qasam tal-isport huma f’idejn l-Istati Membri. Għalhekk il-valur miżjud tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biss għandu jiġġustifika l-inklużjoni ta’ suġġett fil-Pjan ta’ Ħidma tal-UE. Ir-rwol li l-UE jista’ jkollha biex tikkontribwixxi fl-indirizzar tal-isfidi fl-isport għandu jkun element prinċipali ta’ ħsieb meta tiġi deċiża l-inklużjoni ta’ tema fil-Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE. Dan probabbilment, għandu jirriżulta fit-tnaqqis tal-għadd ta’ prijoritajiet.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jkun hemm rabta aħjar bejn il-prijoritajiet inklużi fil-Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE mal-prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, bħat-tkabbir u l-impjiegi, inkluż l-impjegabilità taż-żgħażagħ, l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-refuġjati, it-tibdil fil-klima, l-aġenda għall-ħiliet, eċċ. sabiex jiżdied l-impatt politiku tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE.

L-iżgurar tal-kontinwità ta’ prijoritajiet stabbiliti minn qabel għandu jiġi inkluż fil-Pjanijiet ta’ Ħidma futuri tal-UE sabiex tkompli tinbena l-ħidma li diġà saret. Barra minn hekk, huwa ferm irrakkomandat enfasi aktar qawwi fuq l-implimentazzjoni tal-eżiti prattiċi u r-riżultati eżistenti tal-UE (eż. linji gwida tal-UE, rakkomandazzjonijiet ta’ politika, pledge boards) miksuba fl-ewwel żewġ Pjanijiet ta’ Ħidma tal-UE, inkluż monitoraġġ fuq fuq tal-progress li sar f’dak ir-rigward. Fl-istess ħin, jenħtieġ li ssir korrelazzjoni aktar qawwija mal-problemi attwali fl-isport (eż. il-protezzjoni tad-dejta, id-drittijiet tal-bniedem, l-avvenimenti sportivi, id-doping, il-korruzzjoni, eċċ.), u din tinkludi il-possibbiltajiet li jingħaqdu l-isforzi fil-livell tal-UE sabiex it-tali kwistjonijiet topiċi jiġu ttrattati.

Għalkemm mhumiex eżawrjenti, prijoritajiet possibbli li jistgħu jiġu inklużi fil-Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE għall-Isport jinkludu l-użu tal-isport fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, il-governanza tajba, il-promozzjoni tal-isport għal kulħadd u r-rabta qawwija tal-attività fiżika permezz tal-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard. Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li jitqies l-użu tal-Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE għall-Isport biex jindirizza d-dimensjoni ekonomika tal-isport u biex itejjeb il-bażi tal-evidenza dwar l-isport 11 , inkluż ħidma lejn rikonoxximent akbar tal-kontribut tas-settur għall-ekonomija 12 u l-effetti ta’ benefiċċju tiegħu fuq is-soċjetà.

Il-Kummissjoni tqis li l-Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE għall-Isport jeħtieġ ukoll li jkun għodda li tippromwovi l-valuri pożittivi tal-isport, inklużi l-effetti ta’ ġid għas-saħħa, u għandu jevita li jiffoka biss fuq l-aspetti negattivi tal-attivitajiet sportivi. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll l-użu tal-Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE li jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jippromwovu soluzzjonijiet innovattivi għall-fenomeni kumplessi bħall-emarġinazzjoni, l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni.

Il-Kummissjoni temmen li d-definizzjoni ta’ prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati f’Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE tista’ tibbenefika minn djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet interessati fl-isport, u li jinkludi wkoll l-imsieħba soċjali rilevanti. Il-Parlament Ewropew għandu jkun assoċjat iktar mill-qrib mal-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE għall-Isport, pereżempju permezz ta’ rapportar regolari, skambju ta’ informazzjoni ma’ strutturi rispettivi tal-Parlament, u parteċipazzjoni f’laqgħat u avvenimenti.

Fl-aħħar nett, koordinazzjoni aħjar u konnessjoni aktar ċara bejn il-ħidma mwettqa skont il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport u l-Presidenzi tal-UE li jinbidlu b’rotazzjoni għandha ttejjeb l-utilità tal-eżiti tal-ħidma tagħna. Jenħtieġ li jkun hemm rabta aktar qawwija bejn l-eżiti tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE u l-prijoritajiet tal-Istati Membri li jippresjedu l-Presidenza tal-UE waqt l-andament tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport.

3) Metodi ta’ ħidma

Biex jiġu sfruttati l-esperjenzi pożittivi tal-ewwel u t-tieni Pjanijiet ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport u, fl-istess ħin, jiġu indirizzati l-isfidi identifikati, il-Kummissjoni tqis li jkun jaqbel li l-metodi ta’ ħidma jiġu rriveduti b’mod li jippermettu lill-atturi rilevanti jikkooperaw b’mod effettiv filwaqt li jkopru l-prijoritajiet inklużi fil-kuntest ta’ Pjan ta’ Ħidma ġdid tal-UE għall-Isport.

L-ewwel nett, il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għandu joffri l-possibilità li jiġu inklużi metodi ta’ ħidma differenti, minbarra l-Gruppi ta’ Esperti tradizzjonali li għad jistgħu, f’xi każijiet, jitqiesu bħala l-aktar mezzi xierqa ta’ kooperazzjoni. Fost il-metodi ta’ ħidma oħrajn possibbli, jistgħu jitqiesu konferenzi, pjattaformi, seminars, studji, Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni, tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki. Kjarifika aħjar tal-eżiti mistennija fil-livell tal-esperti u tal-politika se tmexxi l-għażla tal-aktar metodu ta’ ħidma adattat.

It-tieni nett, il-produzzjoni ta’ dokument bil-miktub ma għandhiex neċessarjament titqies li tkun l-uniku eżitu siewi. Kultant il-proċess innifsu jista’ jitqies bħala eżitu mixtieq. Il-valur tal-produzzjoni ta’ dokument bil-miktub, jinsilet mill-ħtieġa u l-użu mistennija tal-komunità sportiva b’mod ġenerali, jew minn bżonn definit b’mod ċar mill-Kunsill. Fi kliem ieħor, ir-rekwiżit għal kwalunkwe dokument bil-miktub li għandu jiġi prodott għandu jkun ċar. B’mod ġenerali huwa ferm irrakkomandat li jitnaqqas b’mod konsiderevoli l-għadd ta’ dokumenti bil-miktub li għandhom jiġu prodotti meta mqabbla mal-ewwel żewġ Pjanijiet ta’ Ħidma tal-UE.

It-tielet nett, filwaqt li t-tmexxija ta’ Gruppi ta’ Esperti skont il-Pjanijiet ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport wriet benefiċċji importanti, il-Kummissjoni temmen li l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE għandha tibbenefika mill-użu ta’ varjetà akbar ta’ metodi ta’ ħidma, b’mod partikolari biex tiffaċilita u timmonitorja l-integrazzjoni tal-isport f’oqsma ta’ politika u f’programmi ta’ finanzjament tal-UE rilevanti.

Ir-raba’ nett, jista jitqies ukoll mekkaniżmu li jippermetti li b’xi mod jiġu ttrattati temi ta’ interess attwali. Dan il-mekkaniżmu jista’ jieħu l-forma ta’ laqgħat annwali tal-partijiet interessati, pjattaformi jew seminars, li jinvolvu l-Istati Membri u l-moviment tal-isport u li jistgħu jkejlu l-progress li jkun sar fuq bażi regolari.

Il-ħames nett, għandu jiġi żviluppat djalogu strutturat tal-UE mal-organizzazzjonijiet sportivi. Għandha tinżamm u tiġi rrinforzata l-pożizzjoni ċentrali tal-Forum tal-UE dwar l-Isport. B’mod ġenerali, għandhom jissaħħu l-pożizzjoni u r-rwol tal-organizzazzjonijiet sportivi fil-Pjan ta’ Ħidma futur tal-UE għall-Isport. Il-laqgħa ta’ djalogu strutturat li jsir fil-marġni tal-Kunsill għandha tiġi kkunisdrata mill-ġdid sabiex tippermetti l-parteċipazzjoni usa’ ta’ Stati Membri u ta’ organizzazzjonijiet. L-organizzazzjoni ta’ laqgħat fi gruppi speċifiċi fuq oqsma differenti ta’ politika li jinvolvu, fost oħrajn, proġetti magħżula tal-Erasmus+ u esperti u partijiet interessati fl-isport oħrajn jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex ikun hemm aktar promozzjoni tal-isport għal kulħadd fl-Ewropa.

Fl-aħħar nett, filwaqt li huwa ċar li xi metodi ta’ ħidma previsti għandhom jippermettu skambju ta’ fehmiet bejn l-Istati Membri biss, għandu jiġi żgurat ukoll livell għoli u koerenti ta’ rappreżentattività tal-moviment tal-isport fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport, kif xieraq. Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-valur miżjud ta’ osservatur fil-Gruppi ta’ Esperti ntwera, għandu jiġi rikonoxxut ukoll li l-għadd ta’ organizzazzjonijiet involuti għandu jiġi limitat aktar għal dawk li għandhom konnessjoni ċara mat-tema. Għandu jiġi stabbilit proċess ta’ għażla ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti, ibbażat fuq l-attivitajiet u r-rappreżentattività tal-moviment tal-isport. Bl-istess mod, temi aktar iffukati għal xi Gruppi ta’ Esperti futuri għandhom jgħinu biex tkun żgurata rappreżentanza adegwata kemm fil-livell tal-Istat Membru kif ukoll fil-livell tal-osservatur, u sussegwentement għarfien xieraq tas-suġġett inkwistjoni.

(1)  COM (2010) 2020 tat-3 ta’ Marzu 2010.
(2)  Il-linji gwida politiċi stabbiliti mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, fil-15 ta’ Lulju 2014.
(3)  ĠU Ċ 162, 1.6.2011
(4)  ĠU C 183, 14.6.2014
(5) L-Anness I tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport
(6)

     Il-kwestjonarju ntbagħat lill-Istati Membri u lill-esperti tal-Istati Membri kif ukoll lil osservaturi ta’ kompetenza li kienu qed jipparteċipaw fil-Gruppi ta’ Esperti. Dan kien jinkludi mistoqsijiet dwar l-implimentazzjoni, l-arranġamenti tax-xogħol, ir-rilevanza u r-riżultati tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE, u suġġerimenti għall-futur. Waslu 105 tweġiba. Dawn kienu kkomplementati b’informazzjoni miġbura matul xi laqgħat u konferenzi (per eżempju mill-Forum tal-Isport tal-UE, The Hague fid-9-10 ta’ Marzu 2016). Baraa minn hekk, diversi partijiet interessati bagħtu l-kontributi spontanji tagħhom bil-miktub.

(7)  Grupp ta’ esperti dwar it-tbagħbis tal-logħob; Grupp ta’ Esperti dwar il-governanza tajba, Grupp ta’ Esperti dwar id-dimensjoni ekonomika, Grupp ta’ Esperti dwar l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa, Grupp ta’ Esperti dwar l-iżvilupp tar-riżorsi umani fl-isport.
(8)

     Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi;

        https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/215  

(9)   http://bookshop.europa.eu/en/sport-satellite-accounts-pbNC0213236/
(10) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba f’avvenimenti sportivi ewlenin, adottati mill-Kunsill fl-31 ta’ Mejju 2016;Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-ħiliet motorji, l-attivitajiet fiżiċi u sportivi għat-tfal, adottati mill-Kunsill fl-24 ta’ Novembru 2015.
(11)  Dan għandu jkompli jikkomplementa l-ħidma fuq l-istatistika tal-isport imwettqa mill-Eurostat fil-qasam tal-impjiegi, il-kummerċ internazzjonali u l-parteċipazzjoni.
(12)  F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni diġà nediet studju ffinanzjat mill-programm COSME, li se jappoġġa din il-prijorità. Dan l-istudju għandu l-għan li jtejjeb l-għarfien ekonomiku u tal-politika tal-industriji relatati mal-isport u li jifformula rakkomandazzjonijiet dwar kif tista’ tingħata spinta lill-kompetittività u tiġi adattata l-leġiżlazzjoni rilevanti.
Top

Brussell, 20.1.2017

COM(2017) 22 final

ANNESSI

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta’ Ħidma tal-
Unjoni Ewropea għall-Isport 2014-2017


Anness 1

Kompożizzjoni tal-Gruppi ta’ Esperti u n-numru ta’ laqgħat li saru waqt l-implimentazzjoni tat-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport (2014 – 2017)

Grupp ta’ Esperti

Stati Membri

Osservaturi

Numru ta’ laqgħat

Tbagħbis tal-logħob

24

24

5

Governanza Tajba

24

26

7

Dimensjoni Ekonomika

25

24

4

HEPA

28

17

5

Żvilupp tar-Riżorsi Umani fl-Isport

26

15

7

Anness 2

L-istatus tar-riżultati mwassla fil-qafas tat-tieni Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport (2014 – 2017)

(sa Ottubru 2016)

Riżultat

Stuttura ta’ Ħidma Responsabbli

Data fil-Mira

Status

Preżentazzjoni lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport

1

L-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim bejn il-pari abbażi tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-prevenzjoni tad-doping fl-isport rikreattiv (li saru fl-ewwel Pjan ta’ Ħidma għall-Isport)

Diretturi Ġenerali għall-Isport

It-tieni nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fid-09/04/2015

2

L-iskambju tal-aħjar prattiki rigward il-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob b’mod partikolari dwar Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni possibbli dwar l-aħjar prattiki fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob marbut mal-imħatri, segwita minn rapport dwar is-sitwazzjoni attwali

Grupp ta’ Esperti dwar it-Tbagħbis tal-Logħob

L-ewwel nofs tal-2016

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fil-05/12/2016

3

It-tħejjija ta’ Rakkomandazzjonijiet ta’ Grupp ta’ Esperti għall-protezzjoni ta’ atleti żgħażagħ u s-salvagwardja tad-drittijiet tat-tfal fl-isport

Grupp ta’ Esperti dwar il-Governanza Tajba

L-ewwel nofs tal-2016

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fit-02/09/2016

4

It-tħejjija ta’ prinċipji ta’ gwida relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, possibbilment segwiti permezz ta’ pledge board

Grupp ta’ Esperti dwar il-Governanza Tajba

It-tieni nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fil-15/01/2016

5

Il-promozzjoni ta’ prinċipji ta’ governanza tajba eżistenti, possibbilment segwita minn pledge board

Grupp ta’ Esperti dwar il-Governanza Tajba

It-tieni nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fit-02/09/2016

6

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ Grupp ta’ Esperti jew il-linji gwida dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-isport, possibbilment segwiti minn pledge board

Grupp ta’ Esperti dwar il-Governanza Tajba

It-tieni nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fil-15/02/2016

7

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ Grupp ta’ Esperti biex jitkejlu l-benefiċċji ekonomiċi tal-isport fl-UE bbażat fuq il-ħidma li għaddejja biex jiġi mħeġġeġ l-istabbiliment ta’ SSA fl-Istati Membri

Grupp ta’ Esperti dwar id-Dimensjoni Ekonomika

It-tieni nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fil-25/04/2016

8

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ Grupp ta’ Esperti dwar avvenimenti sportivi maġġuri, b’mod partikolari dwar l-aspetti tal-wirt b’enfasi fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali

Grupp ta’ Esperti dwar id-Dimensjoni Ekonomika

It-tieni nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fil-15/01/2016

9

It-tħejjija ta’ gwida prattika dwar kif tinkoraġġixxi l-investiment trasparenti u fit-tul fl-isport, inkluż il-finanzjament tal-UE, ibbażat inter alia fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-2012 dwar finanzjament sostenibbli għall-isport, inkluża l-għajnuna mill-Istat

Grupp ta’ Esperti dwar id-Dimensjoni Ekonomika

L-ewwel nofs tal-2016

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fl-24/10/2016

10

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ Grupp ta’ Esperti biex tiġi inkoraġġita l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, inklużi ħiliet motorji fit-tfulija bikrija, u biex jinħolqu interazzjonijiet ta’ valur mas-settur tal-isport, l-awtorita jiet lokali u s-settur privat

Grupp ta’ Esperti dwar il-HEPA

L-ewwel nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fis-06/07/2015

11

Il-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-HEPA

Grupp ta’ Esperti dwar il-HEPA

It-tieni nofs tal-2016

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fl-24/10/2016

12

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ Grupp ta’ Esperti biex jiġi inkoraġġut il-volontarjat fl-isport, inklużi l-aħjar prattiki dwar il-mekkaniżmi legali u fiskali

Grupp ta’ Esperti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Isport

It-tieni nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fl-04/11/2016

13

L-iskambju tal-aħjar prattiki u rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-inklużjoni tal-kwalifiki tal-isport fil-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki b’referenza għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki

Grupp ta’ Esperti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Isport

It-tieni nofs tal-2016

Fil-proċess

Għandu jiġi ppreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport

14

It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ Grupp ta’ Esperti dwar il-kontribut tal-isport għall-impjegabilità taż-żgħażagħ, inklużi atleti rġiel u nisa professjonali, u l-ħolqien ta’ impjiegi fis-suq tax-xogħol tal-isport u relatat mal-isport

Grupp ta’ Esperti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Isport

It-tieni nofs tal-2016

Fil-proċess

Għandu jiġi ppreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport

15

It-tħejjija ta’ gwida prattika dwar il-konformità tal-kwalifiki nazzjonali mal-istandards internazzjonali tal-kwalifiki tal-federazzjoni internazzjonali tal-isport

Grupp ta’ Esperti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Isport

It-tieni nofs tal-2015

Realizzat

Ippreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport fil-05/12/2016

16

It-tħejjija ta’ rapport dwar is-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar Karrieri Doppji

Grupp ta’ Esperti dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fl-Isport

L-ewwel nofs tal-2017

Fil-proċess

Għandu jiġi ppreżentat lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport

Top