EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE5324

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (COM(2017) 653 final — 2017/0291(COD))

EESC 2017/05324

OJ C 262, 25.7.2018, p. 58–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 262/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

(COM(2017) 653 final — 2017/0291(COD))

(2018/C 262/10)

Relatur:

Ulrich SAMM

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 30.11.2017

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 4.12.2017

Bażi legali

L-Artikolu 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

5.4.2018

Adottata fil-plenarja

19.4.2018

Sessjoni plenarja Nru

534

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

206/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprova r-raġunament għad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa — bħala parti mill-Pakkett dwar il-Mobbiltà Nadifa — għalkemm se jkollha biss impatt żgħir meta mqabbla mal-isforzi ġenerali meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-klima tal-UE u b’mod partikolari d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, billi din id-direttiva hija limitata għall-akkwist pubbliku biss. Din id-direttiva għandha l-għan li tippromovi ċerti kategoriji ta’ vetturi (emissjonijiet żero mill-iżbokk tal-egżost) li huma l-aktar teknoloġiji nodfa (aktar milli nodfa biss) permezz ta’ miri minimi eżiġenti għall-akkwist pubbliku ta’ vetturi bħal dawn.

1.2.

Il-KESE jikkritika n-nuqqas ta’ ċarezza f’din id-direttiva, b’mod partikolari tixrid ta’ informazzjoni, b’definizzjonijiet differenti, u l-metodi ta’ għadd ikkumplikati għal “vetturi nodfa” matul iż-żewġ perjodi ta’ żmien distinti li matulhom hemm probabbiltà kbira li d-definizzjonijiet għal-limiti tal-emissjonijiet jerġgħu jinbidlu. Din il-kumplessità se tqajjem inċertezzi serji fost il-partijiet interessati.

1.3.

Il-KESE jiddubita, fid-dawl tal-inċertezzi dwar il-limiti tal-emissjonijiet, jekk il-perjodu ta’ tranżizzjoni sal-2025 huwiex se jgħin verament biex jingħalaq id-distakk fit-teknoloġija sakemm emissjonijiet żero mill-iżbokk tal-egżost issir disponibbli fuq bażi wiesgħa u jemmen li dan se jkollu tendenza li jirrita aktar lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-akkwist pubbliku. Bħala konsegwenza, dan jista’ jwassal għal dewmien jew saħansitra aċċelerazzjoni fl-akkwisti, iżda b’teknoloġija antika, li mbagħad timblokka l-investimenti futuri possibbli fit-teknoloġija l-ġdida ta’ emissjonijiet żero.

1.4.

Għall-vetturi tqal l-inċertezzi huma l-akbar. M’hemm l-ebda standard tal-emissjonijiet disponibbli biex jintuża fil-perjodu ta’ tranżizzjoni u t-teknoloġija ta’ emissjonijiet żero mill-iżbokk tal-egżost hija inqas matura meta mqabbla mal-vetturi ħfief. Għall-ewwel fażi tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, huwa aċċettat gass naturali b’żidiet mill-bijometan iżda b’fattur ta’ ponderazzjoni mnaqqas, filwaqt li għall-fażi sussegwenti m’hemm l-ebda limitu jew definizzjoni mogħtija u l-ebda informazzjoni ma tingħata dwar kif jiġu dderivati l-limiti tal-emissjonijiet l-ġodda. Il-KESE jikkonkludi minn dawn il-fatti li d-direttiva hija prematura fir-rigward tal-vetturi tqal u jirrakkomanda s-separazzjoni ta’ din il-parti minn din il-proposta u li tiġi indirizzata fi stadju aktar tard.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-approċċ ġenerali newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, miftuħ lejn żviluppi ġodda, li nistgħu nistennew fid-dawl tal-isforzi fir-R&Ż kontinwi u b’saħħithom li huma appoġġjati mill-UE. Iżda l-KESE jixtieq jinnota, madankollu, li d-direttiva ma ssegwix dan l-approċċ b’mod sħiħ. It-teknoloġiji ta’ propulsjoni apparti l-vetturi elettriċi bil-batteriji, jipprovdu wkoll potenzjal kbir għal mobbiltà nadifa. Il-KESE jiddispjaċih li dan mhuwiex irrikonoxxut biżżejjed mid-direttiva, bħal pereżempju fjuwils ħielsa mill-fossili 100 % jew forsi fi fjuwils sintetiċi futuri minn skart jew CO2 li jiġi prodott b’elettriku żejjed.

1.6.

Fid-dawl tal-iżviluppi kontinwi fit-teknoloġija tat-trasport modern, għas-snin li ġejjin il-KESE jirrakkomanda għalhekk approċċ aktar flessibbli milli limiti tal-emissjonijiet u miri tal-akkwist fissi. Pereżempju, rieżami ta’ nofs it-terminu tal-miri minimi jidher li huwa l-inqas ħaġa li tista’ ssir biex jingħata lok għal adattament tal-valuri fi stadju aktar tard.

1.7.

Parti kbira mill-akkwist pubbliku huwa relatat ma’ korpi tat-trasport pubbliku lokali li huma f’idejn il-bliet u l-muniċipalitajiet, li l-kamp ta’ applikazzjoni finanzjarju tagħhom huwa pjuttost limitat. Il-KESE jixtieq iqajjem tħassib serju dwar il-proporzjonalità ta’ dan l-approċċ minħabba li ma jirrifletti xejn il-piż finanzjarju addizzjonali għal dawn il-korpi pubbliċi u ma jqabbilx il-proposta ma’ alternattivi oħrajn ta’ politika tal-industrija. Għalhekk, mhuwiex evidenti, li piż żejjed fl-akkwist pubbliku prinċipalment għal bliet u muniċipalitajiet huwa l-aktar mod effiċjenti ta’ kif jiġu skattati attivitajiet tal-industrija u żviluppi tas-suq.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe spiża addizzjonali tista’ twassal għal piż konsiderevoli għaċ-ċittadini permezz ta’ prezzijiet tal-biljetti ogħla, taxxi lokali ogħla jew saħansitra tnaqqis fl-offerta tat-trasport pubbliku. Barra minn hekk, l-isforzi b’saħħithom lejn arja nadifa li diġà saru mill-bliet u l-muniċipalitajiet, inkluż permezz tal-estensjoni tal-użu tat-trasport pubbliku, għandhom jiġu rikonoxxuti u m’għandhomx jiġu mxekkla minn regoli ġodda għall-akkwist li jitolbu miri minimi għall-Istati Membri kollha iżda li huma diffiċli biex jiġu ssodisfati u kkontrollati fil-livell tal-muniċipalitajiet bil-varjetà kbira tagħhom ta’ korpi żgħar u kbar tat-trasport pubbliku.

1.9.

Peress li s-sottokuntrattar ukoll jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, il-KESE huwa mħasseb dwar il-konsegwenzi li jista’ jkollha l-proposta fuq l-intrapriżi żgħar u medji; fil-fatt, bosta kumpaniji tax-xarabanks żgħar lokali jikkontribwixxu għall-għoti ta’ servizzi tat-trasport f’żoni urbani ikbar bħala sottokuntratturi għall-operaturi tat-trasport pubbliku lokali; dawn il-kumpaniji jaf ma jkollhomx il-vetturi disponibbli mitluba minn din id-direttiva u mbagħad jistgħu ma jibqgħux jikkwalifikaw bħala sottokuntrattur.

1.10.

Il-KESE jikkonkludi li l-ostakolu ewlieni għall-modernizzazzjoni tat-trasport pubbliku u l-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa huwa n-nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra mill-ġdid din il-proposta b’enfasi fuq il-finanzjament, b’mod partikolari billi jitqiesu l-istrumenti eżistenti. L-appoġġ finanzjarju speċifiku għandu jqis id-diversità tal-pajjiżi, tal-bliet u tar-reġjuni f’termini ta’ saħħa ekonomika u s-sehem tal-popolazzjoni li tgħix f’żoni urbani bl-objettiv ġenerali tal-armonizzazzjoni tal-akkwist ta’ vetturi nodfa fl-Istati Membri kollha.

1.11.

Il-KESE jinnota li minbarra l-ħtieġa li jkollna vetturi aktar nodfa fit-trasport pubbliku, huwa essenzjali li aktar ċittadini jiġu konvinti biex jużaw dan it-trasport billi jsir aktar attraenti (konnessjonijiet, kumdità), aktar milli ssir enfasi fuq prezzijiet tal-biljetti baxxi.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-UE hija impenjata lejn sistema tal-enerġija dekarbonizzata kif deskritt fil-“pakkett dwar l-enerġija nadifa”, li għandu l-għan li jaċċelera, jittrasforma u jikkonsolida t-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE lejn enerġija nadifa b’konformità mal-impenji COP21 tal-UE, filwaqt li jżomm l-għanijiet importanti tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tax-xogħol.

2.2.

L-UE diġà għamlet ħafna xogħol. L-emissjonijiet ta’ gass serra fl-UE tnaqqsu bi 23 % bejn l-1990 u l-2016, filwaqt li l-ekonomija kibret b’madwar 53 % fl-istess perjodu. Dan is-suċċess inkiseb f’bosta setturi għajr fit-trasport — settur li jikkontribwixxi madwar 24 % tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Ewropa (fl-2015) u li saħansitra esperjenza żieda fl-emissjonijiet hekk kif qed ikompli l-irkupru ekonomiku fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-urġenza fir-rigward li t-tniġġis tal-arja jiġi limitat fil-bliet titfa’ pressjoni addizzjonali fuq il-ħtieġa għal trasport nadif.

2.3.

Konsegwentement il-KESE approva l-Istrateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi (1)(2) inklużi l-għanijiet u l-metodi tagħha, li huma konformi mal-White Paper tal-UE dwar il-Politika tat-Trasport tal-2011 (3). Barra minn hekk, il-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” ta’ Novembru 2016 u l-istrateġija “L-Ewropa attiva” (2017) kienu jinkludu miżuri biex jiżdied l-użu ta’ vetturi nodfa, liema ġew milqugħa mill-KESE (4)(5).

2.4.

Il-Pakkett dwar il-Mobbiltà Nadifa (6) reċenti issa jinkludi inizjattivi legali speċifiċi bħad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa (koperta minn din l-opinjoni), standards ġodda tas-CO2 għall-vetturi, pjan ta’ azzjoni għall-użu trans-Ewropew tal-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat, ir-Regolament dwar is-Servizzi tal-Kowċis tal-Passiġġieri u inizjattiva dwar il-batteriji bħala strateġija importanti għall-politika industrijali integrata tal-UE.

2.5.

Fost il-bosta strumenti biex it-trasport jiġi ddekarbonizzat, l-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa bħala stimolu min-naħa tad-domanda jista’ jaqdi rwol importanti. L-akkwist pubbliku jista’ jagħti bidu għaż-żvilupp tas-suq, bħal pereżempju fis-settur tas-suq tax-xarabanks urbani. L-akkwist ta’ flotot pubbliċi ta’ vetturi nodfa jista’ jinfluwenza wkoll ix-xiri privat ta’ vetturi nodfa.

3.   Nuqqasijiet tad-direttiva attwali (antika)

3.1.

Sabiex ikun promoss l-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa, fl-2009 il-Kummissjoni introduċiet id-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, li ġiet milqugħa mill-KESE (7)(8).

3.2.

Madankollu, l-entitajiet pubbliċi fl-Ewropa, xtraw volumi pjuttost żgħar ta’ vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi jew li jaħdmu bi fjuwils alternattivi fl-ambitu tad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa. Pereżempju għall-perjodu 2009–2015, medja approssimattiva ta’ biss 1,7 % tax-xarabanks ġodda kollha kienu vetturi elettriċi bil-batterija, elettriċi biċ-celloli tal-fjuwil, ibridi rikarikabbli jew li jaħdmu bil-gass naturali.

3.3.

Xi Stati Membri jew reġjuni jew bliet individwali diġà stabbilixxew oqfsa tal-akkwist pubbliċi ambizzjużi li jistabilixxu rekwiżiti minimi ta’ akkwist għal vetturi nodfa, jiġifieri mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi jew vetturi bi fjuwils alternattivi oħrajn. Madankollu, dan mhuwiex biżżejjed biex jiġu stabbiliti biżżejjed inċentivi u stimolu tas-suq fl-Unjoni kollha.

3.4.

Evalwazzjoni ex post li saret fl-2015 identifikat nuqqasijiet sinifikanti fid-Direttiva. Id-direttiva kellha ftit effett fuq l-adozzjoni mis-suq ta’ vetturi nodfa fl-UE peress li sa issa għadha ma stimulatx l-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa. In-nuqqasijiet ewlenin identifikati huma:

Id-direttiva ma tagħtix definizzjoni ċara ta’ “vetturi nodfa”.

Id-direttiva ma tkoprix prattiki oħra għajr ix-xiri dirett tal-korpi pubbliċi u ma tindirizzax il-kiri, it-twellija jew ix-xiri bin-nifs ta’ vetturi u lanqas kuntratti tas-servizzi tat-trasport għajr dak għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri.

Il-metodoloġija tal-monetizzazzjoni kif deskritta fid-Direttiva rarament intużat minn korpi pubbliċi għax hija kumplessa wisq.

3.5.

Bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, il-partijiet interessati ġew ikkonsultati fl-2016 u fl-2017 dwar l-għażliet diversi proposti biex tittejjeb id-Direttiva. B’riżultat ta’ dan, ġie propost sett ta’ emendi biex tiġi pprovduta definizzjoni ta’vetturi nodfa, u miri minimi tal-akkwist għall-vetturi ħfief kif ukoll għall-vetturi tqal. Kriterji armonizzati bħal dawn applikati fil-livell tal-UE għadhom ma daħlux fis-seħħ.

4.   Proposti għal Direttiva riveduta

4.1.

Ir-reviżjoni tiżgura li d-direttiva l-ġdida tipprovdi definizzjoni ta’ vetturi nodfa u issa tkopri l-prattiki ta’ akkwist rilevanti kollha bi proċeduri aktar issimplifikati u effettivi. L-elementi ġodda importanti huma:

definizzjoni ta’ vetturi nodfa abbażi ta’ approċċ mingħajr emissjonijiet mill-iżbokk tal-egżost għall-vetturi ħfief u ta’ fjuwils alternattivi għall-vetturi tqal;

perjodu ta’ tranżizzjoni sal-2025 li matulu l-vetturi b’emissjonijiet baxxi ser ikunu kkunsidrati wkoll bħala vetturi nodfa, madankollu jingħaddu biss b’fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 0,5;

provvediment biex jiġi adottat att delegat skont din id-direttiva biex l-istess approċċ jiġi adattat għall-vetturi tqal bħall-vetturi ħfief wara li l-leġislazzjoni dwar l-istandards tal-emissjonijiet għal vetturi bħal dawn tkun ġiet adottata fil-livell tal-UE fil-futur;

estensjoni għal forom ta’ akkwist apparti mix-xiri, jiġifieri kiri ta’ vetturi, kuntratti tas-servizz pubbliku għal servizzi tat-trasport pubbliku bit-triq, trasport tal-passiġġieri mhux skedat u kiri ta’ xarabanks u kowċijiet bix-xufier.

id-definizzjoni tal-miri minimi tal-akkwist fil-livell tal-Istati Membri divrenzjati skont l-Istat Membru u l-kategoriji tas-segment tal-vetturi;

skartar tal-metodoloġija għall-monetizzazzjoni ta’ effetti esterni;

introduzzjoni ta’ skema ta’ rappurtar għall-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva kull tliet snin, li tibda b’rapport intermedju fl-2023 u b’rappurtar sħiħ fl-2026 dwar l-implimentazzjoni tal-mira għall-2025.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-KESE japprova r-raġunament għad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa, għalkemm din se jkollha biss impatt żgħir meta mqabbel mal-isforzi ġenerali meħtieġa biex jinkisbu l-objettvi tal-klima tal-UE, peress li din id-direttiva timmira biss lejn l-akkwist pubbliku u mhux lejn ix-xiri privat jew kummerċjali tal-vetturi. Madankollu, id-Direttiva tista’ taqdi rwol importanti peress li l-investimenti pubbliċi jistgħu jipprovdu mudell u jgħinu biex tiġi żviluppata l-infrastruttura, li tkun tista’ tintuża mis-settur privat u għaldaqstant tagħti bidu għal investimenti privati. L-investimenti pubbliċi f’vetturi nodfa għandhom ukoll impatt immedjat fuq l-arja nadifa għaċ-ċittadini, b’mod partikolari fiċ-ċentri tal-bliet (pereżempju qrib il-venda tax-xarabanks).

5.2.

Il-KESE jikkritika n-nuqqas ta’ ċarezza f’din id-direttiva (9), b’mod partikolari t-tixrid ta’ informazzjoni, b’definizzjonijiet differenti, u l-metodi ta’ għadd ikkumplikati għal “vetturi nodfa” matul iż-żewġ perjodi ta’ żmien distinti (sal-2025 u 2025–2030) li matulhom hemm probabbiltà kbira li d-definizzjonijiet għal-limiti tal-emissjonijiet jerġgħu jinbidlu. Din il-kumplessità se tqajjem inċertezzi serji fost il-partijiet ikkonċernati.

5.3.

L-unika regola sempliċi f’din id-direttiva hija d-definizzjoni u l-għadd ta’ vetturi b’emissjonijiet żero mill-iżbokk tal-egżost. Dan prinċipalment huwa relatat ma’ vetturi 100 % elettriċi; madankollu, dan jippermetti wkoll devjazzjoni minn dan il-prinċipju billi l-vetturi tqal li jaħdmu bil-gass jiġu aċċettati bħala “nodfa” dment li l-gass ikun 100 % bijometan. Ir-regoli l-oħra kollha huma aktar kumplessi bħall-għadd ta’ ċerti vetturi bħala nofs vettura biss u l-varjetà ta’ tipi ta’ fjuwils skont il-kategorija tal-vetturi u l-istandards tal-emissjonijiet li huma soġġetti għall-bidliet fil-futur qrib.

5.4.

Għal perjodu ta’ tranżizzjoni (sal-2025), vetturi ħfief b’emissjonijiet taħt ċertu limitu għall-emissjonijiet mill-iżbokk tal-egżost huma meqjusa wkoll bħala “vetturi nodfa”; madankollu, dawn jingħaddu biss b’fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 0,5. Il-limiti huma 40 CO2 g/km għall-vannijiet u 25 CO2 g/km għall-vannijiet tal-passiġġieri, li fil-preżent jistgħu jinkisbu biss minn karozzi ibridi rikarikabbli. Dawn il-limiti se jinbidlu hekk kif tiġi implimentata l-Proċedura ta’ Ttestjar Armonizzata Fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) li se jkun qabel l-2025 sew. Għalhekk il-perjodu ta’ tranżizzjoni jinqasam f’żewġ partijiet. Il-konsegwenzi ta’ bidla bħal din mhumiex prevedibbli għall-partijiet ikkonċernati abbażi tal-informazzjoni mogħtija fid-direttiva. Il-KESE jiddubita, fid-dawl ta’ dawn l-inċertezzi, jekk il-perjodu ta’ tranżizzjoni sal-2025 huwiex se jgħin verament biex jingħalaq id-distakk fit-teknoloġija sakemm emissjonijiet żero mill-iżbokk tal-egżost isiru disponibbli fuq bażi wiesgħa u jemmen li dan se jkollu tendenza li jirrita aktar lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-akkwist pubbliku. Bħala konsegwenza, dan jista’ jwassal għal dewmien jew saħansitra aċċelerazzjoni fl-akkwisti, iżda b’teknoloġija antika, li mbagħad jimblokka l-investimenti futuri possibbli fit-teknoloġija l-ġdida ta’ emissjonijiet żero.

5.5.

Għall-vetturi tqal l-inċertezzi huma saħanistra ikbar. M’hemm l-ebda standard tal-emissjonijiet disponibbli biex jintuża fil-perjodu ta’ tranżizzjoni u t-teknoloġija ta’ emissjonijiet żero mill-iżbokk tal-egżost hija inqas matura meta mqabbla mal-vetturi ħfief. Għall-ewwel fażi tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, huwa aċċettat gass naturali b’żidiet mill-bijometan iżda b’fattur ta’ ponderazzjoni mnaqqas, filwaqt li għall-fażi sussegwenti m’hemm l-ebda limitu jew definizzjoni mogħtija. Il-Kummissjoni trid timplimenta dawn il-limiti permezz ta’ att delegat ladarba jiġu ddefiniti, iżda m’hemm l-ebda informazzjoni mogħtija dwar il-kriterji għad-derivazzjoni ta’ dawn il-limiti ta’ emissjonijiet ġodda. Il-KESE jikkonkludi minn dawn il-fatti li d-direttiva hija prematura fir-rigward tal-vetturi tqal u jirrakkomanda s-separazzjoni ta’ din il-parti min din il-proposta u li din tiġi indirizzata fi stadju aktar tard.

5.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ ġenerali teknoloġikament newtrali, miftuħ għal żviluppi ġodda, li nistgħu nistennew fid-dawl tal-isforzi b’saħħithom li għaddejjin bħalissa fir-Riċerka u Żvilupp li huma appoġġati mill-UE. Iżda l-KESE jixtieq jinnota, madankollu, li d-direttiva ma ssegwix dan l-approċċ b’mod sħiħ, peress li, pereżempju, fjuwils likwidi ħielsa mill-fossili huma esklużi.

5.7.

Il-promozzjoni ta’ vetturi elettriċi (EV) li jaħdmu bil-batteriji bħalissa qiegħda tingħata spinta b’saħħitha ’l quddiem f’bosta pajjiżi madwar id-dinja flimkien ma’ għadd dejjem ikbar ta’ manifatturi tal-karozzi. Iż-żieda tas-suq għall-vetturi elettriċi, madankollu, tiddependi minn bosta fatturi, li l-industrija tal-karozzi tista’ tinfluwenzahom biss sa ċertu punt, bħall-ispejjeż tal-batteriji, ir-riċiklaġġ tal-batteriji, l-infrastruttura tal-iċċarġjar, il-prezzijiet tal-fjuwil u l-akkwist tas-settur pubbliku, kif huma promossi minn din id-direttiva.

5.8.

It-teknoloġiji ta’ propulsjoni apparti l-EVs bil-batteriji jipprovdu wkoll potenzjal kbir għal mobbiltà nadifa. Il-KESE jiddispjaċih li dan mhuwiex rikonoxxut biżżejjed mid-direttiva. Pereżempju, fjuwils ħielsa mill-fossili 100 % (bħal bijodiżil HVO100 li jintuża ħafna fl-Iżvezja u f’pajjiżi oħrajn) jew forsi fi fjuwils sintetiċi futuri minn skart jew CO2 li jiġu prodotti b’elettriku żejjed disponibbli f’ammonti dejjem jiżdiedu bl-estensjoni kontinwa tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fluttwanti.

5.9.

Fid-dawl tal-iżviluppi kontinwi fit-teknoloġija tat-trasport modern, għas-snin li ġejjin il-KESE jirrakkomanda, għalhekk, approċċ aktar flessibbli milli limiti tal-emissjonijiet u miri tal-akkwist fissi. Pereżempju, rieżami ta’ nofs it-terminu tal-miri minimi jidher li huwa l-inqas ħaġa li tista’ ssir biex jingħata lok għal adattament tal-valuri fi stadju aktar tard.

6.   Protezzjoni tal-klima jew politika dwar l-industrija

6.1.

Huwa ovvju li din id-direttiva — minkejja t-titolu tagħha — ma għandhiex bħala l-mira primarja tagħha l-vetturi nodfa, il-protezzjoni tal-klima u l-arja nadifa; pjuttost għandha fil-mira tagħha l-akkwist pubbliku u l-politika dwar l-industrija, bil-għan li tippromovi ċerti kategoriji tal-vetturi li huma l-aktar teknoloġiji nodfa (aktar milli nodfa biss) li għandhom jiġu akkwistati. Ħarsa aktar mill-qrib lejn id-diversi tipi ta’ “vetturi nodfa” u fjuwils alternattivi kif iddefiniti f’din id-direttiva turi din id-diskrepanza. Xi tipi ta’ fjuwils jistgħu jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-arja fil-bliet iżda mhumiex ta’ benefiċċju għall-klima, pereżempju meta l-elettriku jew l-idroġenu għall-EVs ikunu ġejjin minn impjanti elettriċi tal-faħam. Viċi versa, vetturi b’emissjoniet baxxi bil-gass naturali mill-bijometan, filwaqt li ma jagħmlux ħsara lill-klima, jistgħu madankollu jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja lokali. Fiż-żmien stipulat tal-2030 tad-direttiva, bijofjuwils kompletament ħielsa mill-fossili, għalkemm mhumiex aċċettati f’din id-direttiva, se jaqdu rwol kruċjali fis-sodisfazzjon tal-miri tal-klima tal-UE. Barra minn hekk, l-approċċ ta’ emissjonijiet żero mill-iżbokk tal-egżost ma jirrifletti xejn il-marka tal-karbonju ta’ vettura matul il-ħajja kollha tagħha.

6.2.

L-enfasi ewlenija tad-direttiva hija fuq il-politika dwar l-industrija permezz tal-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa bħala stimolu min-naħa tad-domanda sabiex jiġi pprovdut bidu għall-iżvilupp tas-suq, bħal pereżempju fis-settur tas-suq tax-xarabanks urbani. Il-Kummissjoni tassumi li l-akkwist ta’ flotot pubbliċi jista’ jinfluwenza wkoll ix-xiri privat ta’ vetturi nodfa ħfief peress li l-konsumaturi se jkunu influwenzati minn żieda fil-fiduċja taċ-ċittadini li t-teknoloġiji huma maturi u affidabbli u fuq kollox minn infrastruttura pubblika mtejba għall-iċċarġjar u r-riforniment ta’ fjuwil (iċċarġjar intelliġenti) disponibbli għall-utenti privati, b’mod partikolari għall-persuni li m’għandhomx garaxx privat.

6.3.

Madankollu, il-KESE jixtieq iqajjem tħassib serju dwar il-proporzjonalità ta’ dan l-approċċ. Il-proposta tiddikjara li hija f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu, ma tirrifletti xejn il-piż finanzjarju addizzjonali għal dawn il-korpi pubbliċi u ma tqabbilx il-proposta ma’ alternattivi ta’ politika tal-industrija oħrajn. Għalhekk, mhuwiex evidenti, li piż żejjed fl-akkwist pubbliku prinċipalment għal bliet u muniċipalitajiet huwa l-aktar mod effiċjenti ta’ kif jiġu skattati attivitajiet tal-industrija u żviluppi tas-suq. Ġie espress tħassib kbir mill-organizzazzjonijiet tat-trasport pubbliku lokali kif ukoll mir-rappreżentanti tal-bliet u l-muniċipalitajiet. Il-punti ewlenin li tqajmu minn dawn il-partijiet ikkonċernati huma:

il-ħtieġa ta’ flus addizzjonali konsiderevoli għall-investimenti, li tmur ferm lil hinn mill-kapaċitajiet tagħhom

bosta bliet diġà għamlu ħafna xogħol għal trasport nadif, iżda d-direttiva tinjora dawn l-isforzi kollha

ix-xarabanks bid-diżil Euro VI moderni ġew injorati, għalkemm kienu stabbiliti bħala standard ġdid fl-2011 (10) u jistgħu jġibu tnaqqis kosteffiċjenti tal-emissjonijiet tat-trasport pubbliku

l-ibridi rikarikabbli mhumiex aċċettati wara l-2025

l-infrastruttura għall-iċċarġjar elettriku tax-xarabanks u tat-trakkijiet hija pjuttost distintamill-iċċarġjar tal-vetturi ħfief bħal karozzi privati, għalhekk is-sinerġija hija pjuttost limitata

għandhom isiru eżenzjonijiet għall-vetturi tas-servizzi tat-tifi tan-nar, tal-pulizija u tal-ambulanza

f’xi muniċipalitajiet, l-akkwist pubbliku jinvolvi numru ta’ vetturi pjuttost baxx (inqas minn 10) li bihom il-miri minimi aktarx ma jiġux issodisfati

ir-rapport propost jista’ jiġi rrealizzat biss bi sforzi amministrattivi aċċettabbli meta kategorija ta’ “vetturi nodfa” tiġi introdotta fir-reġistri tal-karozzi uffiċjali.

6.4.

Parti kbira mill-akkwist pubbliku huwa relatat ma’ korpi tat-trasport pubbliku lokali li huma f’idejn il-bliet u l-muniċipalitajiet, li l-kamp ta’ applikazzjoni finanzjarju tagħhom huwa pjuttost limitat. Kwalunkwe investiment addizzjonali fl-aktar teknoloġija avvanzata bi spejjeż (u riskji) ogħla jista’ jwassal għal piż konsiderevoli għaċ-ċittadini minħabba prezzijiet tal-biljetti ogħla, taxxi lokali ogħla jew saħansitra tnaqqis tal-offerta tat-trasport pubbliku. Barra minn hekk, l-isforzi b’saħħithom lejn arja nadifa li diġà saru mill-bliet u l-muniċipalitajiet, inkluż permezz tal-estensjoni tal-użu tat-trasport pubbliku, għandhom jiġu rikonoxxuti u m’għandhomx jiġu mxekkla minn regoli ġodda għall-akkwist li jitolbu miri minimi għall-Istati Membri kollha iżda li huma diffiċli li jiġu ssodisfati u kkontrollati fil-livell tal-muniċipalitajiet bil-varjetà kbira tagħhom ta’ korpi żgħar u kbar tat-trasport pubbliku.

6.5.

Peress li s-sottokuntrattar ukoll jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, il-KESE huwa mħasseb dwar il-konsegwenzi li jista’ jkollha l-proposta fuq l-intrapriżi żgħar u medji; fil-fatt, bosta kumpaniji tax-xarabanks żgħar lokali jikkontribwixxu għall-għoti ta’ servizzi tat-trasport f’żoni urbani ikbar bħala sottokuntratturi għall-operaturi tat-trasport pubbliku lokali; dawn il-kumpaniji jaf ma jkollhomx il-vetturi disponibbli mitluba minn din id-direttiva u mbagħad jistgħu ma jibqgħux jikkwalifikaw bħala sottokuntrattur.

6.6.

Il-KESE jikkonkludi li l-ostakolu ewlieni għall-modernizzazzjoni tat-trasport pubbliku u l-akkwist pubbliku ta’ vetturi nodfa huwa n-nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra mill-ġdid din il-proposta fuq il-finanzjament, b’mod partikolari billi tqis l-istrumenti eżistenti bħall-fondi strateġiċi u strutturali (FEIS, FSIE) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u, fuq kollox, li jiġu ddefiniti l-prijoritajiet it-tajbin għall-QFP li jmiss. Dan l-appoġġ finanzjarju speċifiku għandu jqis id-diversità tal-pajjiżi, tal-bliet u tar-reġjuni f’termini ta’ saħħa ekonomika u s-sehem tal-popolazzjoni li tgħix f’żoni urbani bl-objettiv ġenerali li jiġi armonizzat l-akkwist ta’ vetturi nodfa fl-Istati Membri kollha. Il-KESE jinnota wkoll li minbarra l-ħtieġa li jkollna vetturi aktar nodfa fit-trasport pubbliku, huwa essenzjali li aktar ċittadini jiġu konvinti biex jużaw dan it-trasport billi jsir aktar attraenti (konnessjonijiet, kumdità), aktar milli ssir enfasi fuq prezzijiet tal-biljetti baxxi.

Brussell, id-19 ta’ April 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2016) 501 final.

(2)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 55.

(3)  COM(2011) 144 final.

(4)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 64.

(5)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 195.

(6)  COM(2017) 675 final.

(7)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 37.

(8)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 58.

(9)  COM(2017) 653 final Anness 1.

(10)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011.


Top