Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE3251

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Rieżami ta’ nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali” [COM(2017) 292 final]

OJ C 81, 2.3.2018, p. 117–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/117


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Rieżami ta’ nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali”

[COM(2017) 292 final]

(2018/C 081/16)

Rapporteur:

Daniel MAREELS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 5.7.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-Sezzjoni Speċjalizzata

5.10.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

19.10.2017

Sessjoni Plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

136/0/3

Preambolu

Din l-Opinjoni tagħmel parti minn pakkett usa’ ta’ erba’ opinjonijiet tal-KESE dwar il-ġejjieni tal-ekonomija Ewropea (L-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-politika ekonomika taż-żona tal-euro, L-Unjoni tas-Swieq Kapitali u Il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE)  (1) . Il-pakkett qiegħed fil-kuntest tal-proċess tal-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa mniedi reċentement mill-Kummissjoni Ewropea u jqis id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 tal-President Juncker. F’konformità mar-riżoluzzjoni tal-KESE dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa  (2) u opinjonijiet preċedenti dwar l-ikkompletar tal-UEM  (3) , dan il-pakkett ta’ opinjonijiet jenfasizza l-ħtieġa għal sens ta’ skop komuni fil-governanza tal-Unjoni, li tmur ferm lil hinn minn approċċi u miżuri tekniċi, u hija l-ewwel u qabel kollox kwistjoni ta’ rieda politika u perspettiva komuni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Peress li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija kruċjali kemm biex jinkisbu kif ukoll biex jissaħħu l-integrazzjoni Ewropea u l-progress f’kull Stat Membru, u peress li l-ħtieġa li jitqies il-kuntest internazzjonali li qed jinbidel, il-KESE huwa favur ħafna ta’ din l-Unjoni u huwa ambizzjuż li din titwettaq. Il-Kumitat jemmen li l-isfida hija biex isir kull sforz biex jagħmlu suċċess. Huwa importanti li jsir progress rapidu u li jinkisbu riżultati malajr sabiex jiġi pprovdut impetu ġdid lill-ekonomija tal-UE fuq perjodu qasir u sabiex tingħata dinamiżmu ġdid.

1.2.

Fil-fatt, il-Kumitat minn dejjem kien favur ħafna u b’mod espliċitu sejjaħ għal aktar tisħiħ u l-ikkompletar tal-UEM. Illum, il-Kumitat jagħmel dan għal darb’ oħra, bil-ħruġ ta’ sejħa urġenti għall-istess fl-interessi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Flimkien mal-unjoni bankarja, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha tiżgura unjoni finanzjarja u l-implimentazzjoni tagħha għalhekk għandha tikkontribwixxi wkoll sabiex tiżgura l-ħolqien tal-Unjoni Ekonomka u Monetarja peress li tikkostitwixxi waħda mill-bażijiet tagħha. Diġà nkisbu l-ewwel riżultati fil-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-unjoni bankarja għaddiet ukoll minn diversi stadji, bl-elaborazzjoni tal-ewwel u t-tieni pilastru u l-proposti li saru għat-tielet wieħed. Issa l-isfida hija li titkompla l-ħidma fiż-żewġ oqsma u li b’mod effettiv u mill-aktar fis possibbli jinkisbu dawk li huma l-għanijiet finali.

1.3.

Barra minn hekk, l-unjoni tas-swieq kapitali tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex isaħħaħ l-irkupru ekonomiku u tkun wieħed mill-fatturi li jwasslu għat-tkabbir, l-investiment u l-impjiegi. Dan għall-benefiċċju kemm tal-Istati Membri kollha individwali kif ukoll għall-UE kollha kemm hi. Strutturalment, it-tkabbir u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament għandhom jassiguraw integrazzjoni iktar b’saħħitha, li min-naħa tagħha tikkontribwixxi biex tiżgura t-tisħiħ mixtieq tal-istabbiltà, tas-sigurtà u tar-reżiljenza tas-sistema kemm ekonomika kif ukoll finanzjarja. Mhuwiex konċepibbli li nagħżlu li nibqgħu nippersistu fis-sitwazzjoni attwali ta’ frammentazzjoni, għaliex din iżżommna lura milli nisfruttaw l-opportunitajiet.

1.4.

Bl-istess mod, waqt li jitqiesu ċ-ċaqliq tas-setgħat u tal-bilanċ tal-poter fis-seħħ fil-livell internazzjonali u globali, kif ukoll il-proċess li jolqotna mill-viċin tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, huwa importanti li l-UE tadotta profil deċiż u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-livell ekonomiku. L-Ewropa tista’ ssegwi l-eżempju tar-reżiljenza u tad-dinamiżmu murija mill-ekonomija tal-Istati Uniti wara li l-kriżi.

1.5.

Għall-KESE, huwa ċar li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali m’għandhiex tkun għażla volontarju għall-benefiċċju ta’ ftit persuni, iżda għandha tkun realtà fl-Istati Membri kollha tal-UE. Din hija neċessità assoluta. Kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fl-Istati Membri, hemm bżonn li jkun hemm ir-rieda politika biex isiru l-isforzi kollha meħtieġa u jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa li huma meħtieġa. Ir-riżultat għandu jkun li tinkiseb Unjoni tas-Swieq Kapitali li filwaqt li titrawwem l-integrazzjoni fl-Unjoni kollha, tingħata wkoll l-attenzjoni għall-ħtiġijiet, in-neċessitajiet u l-ambizzjonijiet eżistenti, b’mod partikolari f’ċerti reġjuni u żoni. Huwa essenzjali li tiġi segwita politika konsistenti u koerenti fil-livelli kollha u joqogħdu lura minn kwalunkwe inizjattiva li ma taqax fil-loġika tal-għanijiet assenjati.

1.6.

Il-KESE jemmen li huwa ta’ importanza kbira li jinżammu f’livell massimu l-possibiltajiet ta’ suċċess tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Għal dan l-għan, huwa propost b’mod espliċitu jiġu previsti l-għodod essenzjali biex ikunu jistgħu jiġu indikati u jitkejlu fl-Istati Membri kollha, l-isforzi ġenwini li saru għal din l-unjoni u l-progress irrekordjat. B’mod aktar konkret, il-Kumitat huwa deċiżament favur l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni regolari tal-progress miksub u tas-sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali fl-Istati Membri, abbażi ta’ kriterji kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi u li r-riżultati jkunu pubbliċi, akkumpanjati minn miżuri u azzjonijiet adegwati li għandhom jiġu implimentati f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità

1.7.

Is-suċċess finali tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali ser jiddependi fuq il-punt sa fejn il-komponenti proposti jistgħu jiġu trasposti effettivament fir-realtà u li jirriżulta suq uniku u li jintuża sew mill-partijiet interessati kollha u, b’mod partikolari, il-fornituri tas-servizzi finanzjarji, il-kumpaniji, l-investituri u dawk li jfaddlu. Għaldaqstant, il-Kumitat huwa sodisfatt bl-evalwazzjoni attwali ta’ nofs it-terminu, li seħħet f’perjodu qasir, u jirrakkomanda li fil-futur għandhom ikomplu jsiru eżerċizzji simili fuq bażi regolari, bl-involviment ukoll, b’mod attiv u mill-qrib, tad-diversi partijiet interessati msemmija hawn fuq.

1.8.

Il-passi ulterjuri neċessarji biex jitqiegħdu s-sisien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali jeħtieġu li jsiru l-għażliet. Fil-fehma tal-Kumitat, għandha tingħata preferenza lill-miżuri u l-azzjonijiet li jiġġeneraw l-ogħla livell possibbli ta’ konverġenza u jħallu lill-Istati Membri l-inqas marġini possibbli biex imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ. Ikun neċessarju li wieħed iżomm f’moħħu l-approċċ REFIT, sabiex l-affarijiet jibqgħu kemm jista’ jkun sempliċi, mingħajr burokrazija bla bżonn u b’inqas spejjeż.

1.9.

Skont id-dokument tal-Kummissjoni, 38 komponent tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jeħtieġu li (jibqgħu) jiġu stabbiliti għall-2019. Jekk dan l-għadd kbir ta’ miżuri li għandhom jitwettqu fi żmien qasir jista’ jqajjem mistoqsijiet dwar l-approċċ li għandu jiġu adottat, il-Kumitat iqis li huwa importanti li l-fondazzjonijiet tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandhom, kemm jista’ jkun malajr, jiġu stabbiliti b’mod irrevokabbli u irriversibbli.

1.10.

F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob b’mod partikolari biex tingħata l-attenzjoni kollha dovuta lill-finanzjament tal-SMEs, li għalihom il-finanzjament bankarju jibqa’ kwistjoni importanti ħafna. Barra l-miżuri eżistenti, previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni oriġinali favur tagħhom (pereżempju t-tolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzata u d-Direttiva dwar il-Prospett), għandhom isiru sforzi biex jiġu żviluppati l-inizjattivi kollha msemmija f’din il-Komunikazzjoni li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu s-sitwazzjoni għal dawn l-intrapriżi. Barra minn hekk, jeħtieġ li għall-SMEs jiġu żviluppati u mħeġġa possibilitajiet oħra bħall-finanzjament alternattiv u l-promozzjoni ta’ strumenti ta’ politika oħra.

1.11.

Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ l-iffukar fuq it-tisħiħ ta’ investimenti sostenibbli u r-rwol ewlieni li għandha taqdi l-UE f’dan il-qasam. Il-Kumitat jappoġġja l-idea li l-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-reviżjonijiet leġislattivi futuri tal-leġislazzjoni fiannzjarja (azzjoni prijoritarja 6).

1.12.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat huwa kuntent li s-superviżjoni ser tkun ċentrali għall-isforzi li għandhom l-għan li tiġi żviluppata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Din is-sorveljanza eżerċitata fuq livell Ewropew għandha rwol ewlieni x’taqdi, kemm fir-rigward tas-sigurtà u l-istabbiltà kif ukoll biex tinkiseb l-integrazzjoni tas-swieq kif mixtieq u jiġu eliminati kwalunkwe tip ta’ ostaklu, u l-inugwaljanzi fi ħdan l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

2.   Kuntest

2.1.

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni Juncker li ingħatat meta bdiet il-ħidma tagħha hija l-promozzjoni tat-tkabbir, l-investiment u l-impjiegi. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li ħadmet sa mill-bidu nett sabiex jiġi żviluppat Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li jinkludi bosta elementi.

2.2.

Dan il-pjan jipprevedi, b’mod partikolari, li nimxu lejn unjoni omoġenja tas-swieq kapitali. L-ewwel passi f’din id-direzzjoni ġew meħuda fl-aħħar ta’ Settembru 2015 meta l-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (4), li jistabbilixxi l-elementi importanti għat-twaqqif ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali integrata u li tiffunzjona sew, li tkopri lill-Istati Membri kollha, fis-seħħ sal-2019.

2.3.

Anqas minn sena wara, il-Kunsill Ewropew appella għal “progress rapidu u determinat” fuq il-pjan, “biex jiġi żgurat aċċess aktar faċli għall-finanzjament għan-negozji u jingħata appoġġ għall-investiment fl-ekonomija reali billi tiġi promossa l-aġenda tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali” (5), u ftit wara li l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li titlob ukoll li r-riformi jiġu aċċellerati (6).

2.4.

Barra minn hekk, l-integrazzjoni finanzjarja kienet għadha qed tħabbat wiċċha ma’ għadd ta’ sfidi ġodda, bħat-tluq imminenti tal-akbar ċentru finanzjarju tal-UE (Brexit).

2.5.

Dawn l-iżviluppi (7) kollha wasslu lill-Kummissjoni biex tippubblika, riċentement, il-“Komunikazzjoni tagħha dwar Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali” (8). Barra minn hekk (a) biex tipprovdi valutazzjoni tal-qagħda attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni oriġinali u (b) tħabbar sett ta’ inizjattivi leġislattivi ġodda marbuta ma’ dispożizzjonijiet li għadhom pendenti, din l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tindika (c) diversi azzjonijiet prijoritarji ġodda.

2.5.1.

Dan ir-rieżami ta’ nofs it-terminu għandu b’mod partikolari jirrispondi għall-isfidi li tfaċċaw, ta’ natura li dejjem tinbidel, u kif ukoll jikkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li saret fil-bidu tal-2017.

2.5.2.

Skont l-iskeda ta’ żmien oriġinali, il-Kummissjoni ħadet aktar minn nofs (20 f’dan il-każ) tal-miżuri, mit-33 b’kollox, li kien jipprevedi l-pjan oriġinali (9). L-għan tal-proposti li saru, jikkonsisti b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ swieq ta’ kapital ta’ riskju, li jippermetti lin-negozji aċċess irħas u iktar faċli għas-swieq tal-ishma billi tiġi riveduta l-leġislazzjoni dwar il-prospetti, jitħassar it-trattament fiskali preferenzjali tad-dejn fuq l-ekwità, tiġi promossa s-sigurtà u l-likwidità tas-suq tat-titolizzazzjoni u l-intraprendituri onesti jingħataw il-possibbiltà li jirristrutturaw jew jingħataw ċans ieħor fil-każ ta’ falliment.

2.5.3.

Fir-rigward tal-miżuri pendenti (10), il-Kummissjoni beħsiebha, fost affarijiet oħra, tagħmel progress fuq tliet proposti leġislattivi li huma meqjusin ewlenin sabiex tiġi implimentata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali: proposta dwar Prodott ta’ Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP) (ippubblikata fid-29 ta’ Ġunju 2017), proposta li tispeċifika r-regoli dwar il-konflitti ta’ liġijiet għall-effetti tal-partijiet terzi fuq it-tranżazzjonijiet tat-titoli u tat-talbiet (ir-raba’ trimestru tal-2017) u proposta għal qafas tal-UE għal bonds koperti (l-ewwel trimestru tal-2018).

2.5.4.

Sabiex twieġeb għall-isfidi tal-iżviluppi, tniedu disa’ azzjonijiet prijoritarji ġodda (11), għat-tisħiħ tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali:

tingħata aktar setgħat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), sabiex titrawwem l-effiċjenza ta’ superviżjoni koerenti madwar l-UE u lil hinn mill-fruntieri tagħha,

tittejjeb il-proporzjonalità fil-qafas regolatorju dwar id-dħul fil-borża tal-SMEs,

jiġi rivedut it-trattament prudenzjali tad-ditti ta’ investiment,

tiġi eżaminata l-ipoteżi ta’ qafas Ewropew għall-approvazzjonijiet u l-passaporti tal-attivitajiet ta’ teknoloġija finanzjarja,

jittieħdu miżuri ta’ appoġġ għas-swieq sekondarji ta’ self mhux produttiv u tiġi analizzata l-possibilità li jiġu ppreżentati inizjattivi leġislattivi bl-għan li l-kredituri garantiti ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jirkupraw il-valur fuq l-għotjiet ta’ self garantiti lid-ditti u lill-intraprendituri,

jingħata segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar finanzjament sostenibbli,

tiġi faċilitata l-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali u s-superviżjoni ta’ ditti ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs),

tiġi pprovduta gwida dwar ir-regoli tal-UE dwar it-trattament ta’ investimenti transkonfinali fit-territorju tagħha u qafas adegwat ta’ riżoluzzjoni bonarja tat-tilwim dwar l-investiment,

tiġi proposta strateġija komprensiva tal-UE dwar miżuri possibbli ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ swieq lokali u reġjonali ta’ kapital.

2.6.

Il-mira għadha u tibqa’ li jingħata kontribut deċiżiv u sostenibbli fuq lill-istabbiliment tas-sisien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali reali sal-2019. Dan l-għan ser jiġi tradott fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018.

3.   Osservazzjonijiet u kummenti

3.1.

L-ewwel nett, il-Kumitat itenni (12) l-appoġġ tiegħu ta’ prinċipju u jfakkar fl-opinjoni preċedenti tiegħu favur Unjoni tas-Swieq Kapitali, li t-twettiq tagħha huwa ta’ importanza vitali sabiex tiġi approfondita l-integrazzjoni finanzjarja u ekonomika fi ħdan l-Unjoni. Wieħed ma jistax joqgħod lura milli jieħu vantaġġ mill-momentum attwali, b’mod partikolari meta jitqies li sensiela ta’ tibdil fil-poter u movimenti fis-setgħat qed iseħħu llum bejn il-Lvant u l-Punent. L-UE għandha tippożizzjona lilha nnifisha b’mod sħiħ.

3.2.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija parti indispensabbli minn programm aktar wiesa’ li għandu jgħin biex jiżdiedu t-tkabbir, l-investiment u l-impjiegi. Ir-rilanċ ekonomiku sod u sostenibbli għandu jibqa’ prijorità li għandha tiġi segwita mingħajr dewmien. Tabilħaqq jeħtieġ li jiġi kkonsolidat l-irkupru ekonomiku u li aktar nies jistgħu jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

3.3.

Barra minn hekk, permezz tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, għandu jkun possibbli, f’ambjent aktar omoġenu, li jiġi mobilizzat fuq skala kbira l-kapital fl-Ewropa u jiġi dirett lejn id-ditti, il-proġetti ta’ infrastruttura u l-inizjattivi sostenibbli kollha fuq medda twila ta’ żmien. L-ekonomija għandha ssir aktar dinamika u b’saħħitha permezz tat-tkabbir u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament, li huma r-raġunijiet ta’ din l-unjoni u li għalihom il-finanzjament kemm mill-banek kif ukoll mis-swieq jista’ jiżvolġi b’mod sħiħ ir-rwol tiegħu. Il-mudell Amerikan, li wera li huwa aktar flessibbli għal wara l-kriżi, jista’ jservi bħala sors ta’ ispirazzjoni dwar dan il-punt, b’mod parallel ma’ innovazzjonijiet oħra, fosthom dawk li jsellfu mhux mill-bank ser jassumu rwol aktar importanti.

3.4.

Fl-istess ħin, l-isfida hija li wieħed jistinka biex isir progress lejn il-konverġenza ekonomika u soċjali u b’hekk tiżdied l-istabbiltà interna tal-UE fil-qasam tal-finanzi u l-ekonomija. Jeħtieġ li jiġi privileġġat approċċ kwalitattiv, abbażi tat-tkabbir b’saħħtu u sostenibbli u tal-prosperità. In-negozji, l-investituri u dawk li jfaddlu wkoll għandhom ikunu jistgħu japprofittaw mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali iżda mhuwiex aċċettabbli li dawn ikollhom ibatu minħabba riskji eċċessivi.

3.5.

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali għandha wkoll importanza kruċjali għall-appofondiment u l-kisba tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u huwa indispensabbli li din titwettaq (13). Il-Kumitat jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tradizzjonali tiegħu f’dan ir-rigward (14). Flimkien ma’ unjoni bankarja kompluta, dan għandu jwassal għal unjoni finanzjarja, li tikkostitwixxi wieħed mill-erba’ pilastri (15) tal-UEM (16). Diversi stadji diġà ġew stabbiliti f’dawn l-oqsma, u hemm lok li jitkomplew bla heda l-isforzi kollha li saru.

3.6.

Il-kisba ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali hija, barra minn hekk, fl-interessi tal-Istati Membri kollha. Kif seta’ jiġi affermat aktar riċentement, “l-Unjoni tas-Swieq Kapitali timplika vantaġġ kbir ieħor, jiġifieri li tikkontribwixxi biex iġġib magħha t-tkabbir bejn id-diversi Stati Membri, minħabba t-titjib fiċ-ċirkolazzjoni u l-allokazzjoni ta’ tfaddil madwar l-Unjoni. B’konsegwenza, l-ekonomiji aktar dgħajfa għandhom ikunu kapaċi jlaħħqu aktar malajr mal-ekonomiji aktar b’saħħithom (17). F’din il-perspettiva, il-Brexit tagħmilha aktar kruċjali li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tiġi effettivament implimentata u li t-tkabbir Ewropew ikun jista’ jibbenefika mis-servizzi ta’ sistema finanzjarja integrata (18).

3.7.

Minħabba f’hekk il-Kumitat jemmen li hu mixtieq ħafna li jiġi rrekordjat malajr il-progress. Huwa japprova d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2016 (19) u oħrajn (20) ukoll li jmorru fl-istess direzzjoni.

3.8.

Fi żmien qasir (21), ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni jżomm l-attenzjoni dwar is-suġġett u jippermetti li jkun hemm reazzjoni malajr. Il-Kumitat jinsab sodisfatt, peress li dan joffri l-opportunità li jkun hemm rispons aktar qawwi u mmirat aħjar għall-isfidi varji, li jinkludi l-futur, li jinsab f’kuntest politiku u ekonomiku li qed jinbidel b’rata mgħaġġla. Inċidentalment, huwa mixtieq li jiġi previst fil-futur ukoll, li evalwazzjonijiet intermedji simili jiġu organizzati fuq bażi regolari. Il-Kumitat jemmen li d-diversi partijiet interessati għandu jkollhom rwol attiv u għandhom jiġu involuti mill-qrib f’dan. Dan il-punt huwa b’hekk aktar importanti għaliex ma jistax jintesa li s-suċċess finali tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali ser jiddependi fuq il-punt sa fejn l-elementi proposti jiġu trasposti f’realtà vera, u kif ukoll li jinħoloq verament suq uniku u jkun żgurat li jiġi użat mill-akbar numru possibbli ta’ provdituri tas-servizzi finanzjarji, ditti, investituri u dawk li jfaddlu.

3.9.

Sabiex tiġi implimentata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, għandha tingħata preferenza lill-miżuri li jagħtu l-akbar kontribut għall-konverġenza (22) u li jħallu lill-Istati Membri l-inqas marġini possibbli biex imorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ. Jeħtieġ li jiġu evitati d-differenzi dwar it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fil-liġijiet nazzjonali, kif ukoll l-applikazzjoni konkreta tagħha. Għandna wkoll niddependu kemm jista’ jkun fuq l-approċċ REFIT.

3.10.

Għall-Kumitat, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali ma tistax tikkostitwixxi għodda fakultattiva, li tkun ta’ benefiċċju għal ċerti pajjiżi biss, jeħtieġ li sin issir realtà fl-Istati Membri kollha tal-UE. Din hija neċessità assoluta. Għal dan l-għan, huwa ta’ importanza kbira li fil-livell Ewropew u f’kull wieħed mill-Istati Membri wieħed ikun jista’ jiddependi fuq ir-rieda (politika) li jinħolqu kundizzjonijiet adegwati u li jiġu stabbiliti l-inċentivi meħtieġa li se jagħmlu dan is-suċċess possibbli u jiġi konkretizzat.

3.11.

L-ebda konċessjoni mhija possibbli jekk mhux għan-neċessità imperattiva li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tiġi implimentata fl-Istati Membri kollha (ara l-punt 3.10 iktar ’il fuq). Huwa essenzjali li jkun hemm strumenti li jippermettu li fl-Istati Membri kollha tiġi evalwata l-kisba effettiva tal-għanijiet imsemmija u l-progress reali li sar. F’dak ir-rigward, il-Kumitat huwa deċiżament favur l-istabbiliment ta’ sistema ta’ evalwazzjoni regolari tal-progress miksub u tas-sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali fl-Istati Membri, abbażi ta’ kriterji kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi. Is-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni għandhom jiġu ppubblikati. Jekk jinstabu l-lakuni fil-leġislazzjoni, iridu jiġu stabbiliti azzjonijiet u miżuri xierqa.

3.12.

Ir-riżultat għandu jkun li tinkiseb Unjoni tas-Swieq Kapitali li tappoġġja l-integrazzjoni madwar l-UE, li filwaqt tingħata wkoll l-attenzjoni għall-ħtiġijiet, in-neċessitajiet u l-ambizzjonijiet eżistenti fi Stati Membri individwali, mingħajr ma dan iwassal għal frammentazzjoni mill-ġdid. F’dan il-kuntest, huwa ċar li l-iżvilupp ta’ swieq reġjonali tal-kapital għal ċerti reġjuni u l-intraprendituri li jkunu stabbiliti fiż-żona (miżura prijoritarja 9) huwa ta’ importanza kbira. Din il-miżura tista’ tgħin ukoll biex tingħata spinta lill-kummerċ u l-forniment ta’ servizzi fil-livell transkonfinali, li ħafna drabi jibqgħu aktar għaljin u kkumplikati milli fil-livell lokali.

3.13.

Mill-bqija, sabiex l-implimentazzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tirnexxi, huwa imperattiv li tiġi segwita politika konsistenti u koerenti fil-livelli kollha – u l-isfida issa ser tkun li tiġi evitata kwalunkwe inizjattiva li ma taqax fil-loġika ta’ din l-Unjoni jew tkun ta’ natura ta’ frammentazzjoni, li titfa’ l-ostakli quddiemha jew timponi ostakli oħrajn.

3.14.

Illum, ma hemmx inqas minn 38 miżura u azzjoni fil-ħarsa ġenerali komprensiva tal-komponenti tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali li (għad iridu) jiġu implimentati għall-2019, kif jinsabu fid-dokument tal-Kummissjoni (23). Jekk il-possibbiltajiet ta’ suċċess imsemmija hawn fuq għandhom jinżammu f’livell massimu, huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk iridx jagħmel iż-żejjed f’perjodu ta’ żmien qasir wisq u minflok jikkonċentra fuq numru limitat ta’ prijoritajiet (24). Tkun xi tkun ir-risposta għal din id-domanda, l-importanti jkun li ssir ħidma, fit-termini stabbiliti, bil-għan li wieħed jiffoka aktar fuq ir-riżultati u biex jinbnew bażijiet irriversibbli tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

3.15.

Kif il-KESE diġà indika fl-opinjoni oriġinali tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni, suġġett li huwa tassew għall-qalbu huwa l-finanzjament tal-SMEs li huma ta’ importanza kruċjali għall-ekonomija Ewropea u ta’ importanza kruċjali għall-impjiegi. Fi tmiem ta’ dan ir-rieżami ta’ nofs it-terminu, huwa jkompli jagħmel il-mistoqsijiet (25) dwar ir-rilevanza u l-effiċjenza tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-SMEs.

3.16.

B’mod partikolari, fil-każ tal-SMEs, speċjalment dawk ta’ daqs żgħir, huwa xieraq li jsir kull sforz biex ikun żgurat li l-finanzjament bankarju jsir jew jibqa’ faċilment aċċessibbli u attraenti għal dan it-tip ta’ intrapriża, fil-livell kemm lokali kif ukoll transkonfinali (26). Għandhom jitħeġġu u jissaħħu anke l-possibbiltajiet ta’ finanzjament alternattiv għall-SMEs. Il-proposti dwar it-titolizzazzjoni (titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata), li dwarhom il-KESE kien diġà esprima ruħu favur (27), bla dubju jirrappreżentaw pass fid-direzzjoni t-tajba imma ma nistgħux sempliċement nikkuntentaw ruħna u nieqfu hemm. Li jiġi żviluppat suq għal self mhux produttiv (miżura prijoritarja 4) u skema għal bonds koperti jista’ wkoll ikollu rwol importanti f’dan ir-rigward, bħall-promozzjoni tal-istrumenti li jeżistu fil-qasam tal-politika favur l-SMEs.

4.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi

4.1.

Mingħajr ebda pretensjoni ta’ lista eżawrjenti, il-Kumitat hawn jippreżenta sensiela ta’ osservazzjonijiet u kummenti dwar xi wħud mill-miżuri prijoritarji (28) elenkati fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li ġibdu l-attenzjoni tiegħu.

4.2.

Il-Kumitat jinsab kuntent ħafna li s-sorveljanza ser ikollha rwol ċentrali fl-isforzi maħsuba biex tiġi żviluppata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (azzjoni prijoritarja 1) u jittama li dan l-aspett ser ikompli jingħata attenzjoni prijoritarja. Din is-sorveljanza eżerċitata fuq livell Ewropew għandha rwol ewlieni x’taqdi, kemm fir-rigward tas-sigurtà u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u ekonomika u għall-kisba tal-integrazzjoni tas-swieq kif mixtieq u kif ukoll biex jiġu eliminati l-inugwaljanzi, u ostakli oħra, tkun xi tkun in-natura tagħhom, fi ħdan is-suq uniku.

4.3.

Din hija azzjoni ta’ min wieħed ifaħħarha ħafna u jixraqilha l-attenzjoni ta’ aktar proporzjonalità fir-regoli li jappoġġaw l-offerti pubbliċi inizjali u d-ditti ta’ investiment (azzjoni prijoritarja 2), iżda fl-istess ħin, għandhom jiġu difiżi l-interessi ta’ dawk li jfaddlu u l-investituri żgħar u jiġu protetti.

4.4.

B’mod ġustifikat ħafna hija l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija tal-UE fl-investimenti sostenibbli (azzjoni prijoritarja 6). Fil-fatt, huwa importanti li l-Ewropa tkun tista’ taqdi rwol minn ta’ quddiem nett fir-rigward ta’ tkabbir “tajjeb” u sostenibbli. F’dan il-qasam, huwa approċċ kwalitattiv li għandu jipprevali. Punt importanti huwa li dawk li jfaddlu u l-investituri jkollhom informazzjoni xierqa, li tkopri pereżempju perjodu twil biżżejjed. B’hekk, l-ebda informazzjoni ma tinżamm għal iktar minn tliet snin, rigward l-impatt ta’ investiment. Għandu jiġi eżaminat jekk dan il-limitu ta’ żmien ikunx jista’ jiġi mtawwal.

4.5.

Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja l-KE (29) meta jqis li l-kapital privat, il-finanzjament tal-FEIS u fondi oħrajn tal-UE għandhom jiġu kkombinati b’mod effiċjenti biex l-investimenti jiċċaqalqu lejn dawk l-SMEs li juru esternalitajiet soċjali u ambjentali pożittivi u, b’hekk, jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) u b’mod partikolari l-objettivi reċenti tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Il-pakkett jinkludi l-opinjonijiet tal-KESE “Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2017” (opinjoni addizzjonali) (ara paġna 216 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali), “Unjoni tas-Swieq Kapitali: rieżami ta’ nofs it-terminu, L-approfondiment tal-UEM sal-2025” (ara paġna 124 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali) u “Il-Finanzi tal-UE sal-2025” (ara paġna 131 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u lil hinn, 6 ta’ Lulju 2017. ĠU C 345, 13.10.2017, p. 11.

(3)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8.

(4)  COM(2015) 468 final.

(5)  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/28-euco-conclusions/

(6)  COM(2016) 601 final.

(7)  Nhar it-8 ta’ Ġunju 2017.

(8)  COM(2017) 292 final.

(9)  COM(2017) 292 final, punt 2.

(10)  Ibid, nota 9 f’qiegħ il-paġna.

(11)  COM(2017) 292 final, punt 4.

(12)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17.

(13)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10, punt I.

(14)  Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Approfondiment tal-UEM sal-2025” (ara paġna 124 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali). Għadha ma ġietx ippubblikata.

(15)  Minbarra l-ħolqien ta’ unjoni fiskali, issa jeħtieġ li tinkiseb unjoni ekonomika reali, jiġu stabbiliti unjoni fiskali u unjoni politika. Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti “L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, Ġunju 2015.

(16)  Ara wkoll “L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, Rapport tal-Ħames Presidenti, Ġunju 2015.

(17)  B’hekk, l-effetti asimettriċi tal-kriżi ekonomika jkunu jistgħu jiġu assorbiti aħjar.

(18)  Ara fost oħrajn Vítor Constâncio, Viċi President, Bank Ċentrali Ewropew, “Effectiveness of Monetary Union and the Capital Markets Union”, Malta, 6 ta’ April 2017. http://malta2017.eurofi.net/highlights-eurofi-high-level-seminar-2017/vitor-constancio-vice-president-european-central-bank/

(19)  Ara l-punt 2.3 ta’ din l-Opinjoni.

(20)  Ara nota 13 f’qiegħ il-paġna.

(21)  F’dan il-każ, inqas minn sentejn wara l-pubblikazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni.

(22)  B’hekk, pereżempju, jeħtieġ li, kull darba li jkun possibbli, għandna nirrikorru għar-Regolament minflok id-Direttiva.

(23)  Ara l-Anness għad-dokument tal-Kummissjoni, COM(2017) 292 final.

(24)  Saru diversi stħarriġiet fost il-parteċipanti għas-seminar ta’ livell għoli EUROFI organizzat fil-5, is-6 u s-7 ta’ April 2017 f’Malta. Waħda mill-mistoqsijiet kienet: “Kif tista’ titħaffef l-Unjoni tas-Swieq Kapitali?” Għal 37 % tal-parteċipanti, ir-risposta kienet “billi ssir enfasi fuq ftit prijoritajiet prinċipali”, filwaqt li 29 % irrispondew “jinbena momentum politiku sabiex jitneħħew l-ostakli interni”. 12 % tal-parteċipanti rrispondew “jinbena ċentru finanzjarju wieħed fl-UE 27” u l-istess perċentwali għażlu “mhux possibbli li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali titħaffef”. L-għażliet li ġew fir-raba’ u l-ħames post kienu li “tiżdied il-konverġenza fl-qasam ta’ sorveljanza” (8 %) u “ikun hemm aktar regolamentazzjoni bankarja fuq l-ispeċifiċitajiet tas-swieq finanzjarji tal-UE” (3 %).

Mistoqsija oħra kienet din: “Fl-UE27, liema huma iż-żewġ prijoritajiet essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali?” Dwar dan il-punt, it-tliet risposti prinċipali kienu: “tittejjeb il-koerenza tal-leġislazzjoni dwar l-insolvenza u t-titolu trasferibbli” (21 %), “jiġi żviluppat il-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma” (16 %) u “jintlaħqu l-prijoritajiet fuq perjodu qasir (titolizzazzjoni, prospett, eċċ.)” (15 %).

Dwar is-seminar ta’ livell għoli EUROFI (u b’mod partikolari r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ), ara https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2017/html/sp170406_2.en.html.

(25)  ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17, punt 1.6.

(26)  Is-sitwazzjoni tvarja skont l-Istati Membri.

(27)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 1.

(28)  Sakemm dawn ma ġewx imsemmija f’partijiet oħra ta’ din l-Opinjoni.

(29)  COM(2017) 292 final, punt 4.5.


Top