Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE1814

Opinjoni tal-Kumitat Eknomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-użu tal-art għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli u s-servizzi tal-ekosistema” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)

OJ C 81, 2.3.2018, p. 72–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/72


Opinjoni tal-Kumitat Eknomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-użu tal-art għall-produzzjoni tal-ikel sostenibbli u s-servizzi tal-ekosistema”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)

(2018/C 081/10)

Relatur:

Roomet SÕRMUS

Konsultazzjoni

Ittra mill-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Estonja bid-data tas-17.3.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

28.3.2017

 

 

Sezzjoni responsabbli

Sezzjoni Speċjalizzatagħall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

3.10.2017

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

18.10.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

126/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Għall-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-ħamrija agrikola huwa essenzjali li jkun hemm qafas ta’ referenza komuni tal-UE biex jimmonitorja l-progress fil-ġbir u l-użu tad-data; jista’ jintuża wkoll għad-definizzjoni ta’ kundizzjoni tajba tal-ħamrija, terminoloġija uniformi, kriterji uniformi għall-monitoraġġ kif ukoll il-prijoritajiet u l-miżuri ta’ politika differenti biex tinkiseb kundizzjoni tajba tal-ħamrija.

1.2.

Fl-Istati Membri kollha, it-telf tal-art agrikola hija problema sinifikanti minħabba d-degradazzjoni tal-ħamrija, l-abbandun tal-art, it-tibdil fil-klima u l-urbanizzazzjoni. Għalhekk il-KESE jipproponi li jiġġedded il-qafas eżistenti tal-UE sabiex jiġu protettti ż-żoni agrikoli u l-fertilità tagħhom fl-Istati Membri, li huma siewja għall-produzzjoni tal-ikel u l-provvista ta’ servizzi oħra tal-ekosistema, filwaqt li jittejjeb il-monitoraġġ u tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli.

1.3.

Il-bdiewa, bħala s-sidien u l-utenti tal-art agrikola, għandhom kompitu speċjali fil-provvista tas-servizzi tal-ekosistema, li għandha tiġi rikonoxxuta u appoġġjata. Il-ħamrija tipprovdi l-aktar servizzi tal-ekosistema importanti. Il-ħamrija hija l-bażi tal-parti ewlenija tal-produzzjoni tal-ikel globali u hija meħtieġa għall-produzzjoni tal-bijomassa. Il-ħamrija taħżen il-karbonju u għalhekk tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

1.4.

Il-modernizzazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), fost affarijiet oħra, għandha tibqa’ tkun immirata lejn it-titjib tas-saħħa u l-fertilità tal-ħamrija u l-art agrikola, li huwa essenzjali għaż-żamma u biex ikomplu jissaħħu l-produttività u s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu.

1.5.

Skont il-Ftehim dwar il-Klima, l-inizjattivi eżistenti u ġodda għandhom jiġu promossi biex iċ-ċiklu tal-karbonju tal-ħamrija jinżamm f’bilanċ, b’mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel. Sabiex jiżdied il-kontenut tal-karbonju tal-ħamrija, il-KESE jipproponi li l-prinċipji tal-ġestjoni tal-ħamrija sostenibbli jiġu inkorporati fil-miżuri politiċi tal-UE. Għandhom jiġu promossi, fost affarijiet oħra, il-produzzjoni tal-bijomassa permezz tat-titjib tal-aċċess għall-ilma u fatturi oħra tal-ħamrija (l-istruttura u l-ventilazzjoni tal-ħamrija, id-disponibbiltà tan-nutrijenti, il-valur tal-pH, l-attività bijoloġika tal-ħamrija), ħdim tar-raba’ partikolarment konservattiv, l-agrikoltura tal-mergħat u l-ġestjoni sostenibbli tal-bwar, produzzjoni agrikola integrata, bl-użu ta’ metodi ppruvati u ttestjati minn agrikoltura organika u konvenzjonali, bħalma huma n-newba tal-uċuħ tar-raba’, il-kultivazzjoni tal-għelejjel tal-legumi, l-irkupru tal-iskart organiku u l-kompost, kif ukoll il-ħolqien ta’ kopertura ta’ pjanti għax-xitwa għall-għelieqi. Il-ħamrija u l-bwar b’livell għoli ta’ karbonju għandhom jiġu mmaniġġjati b’mod sostenibbli sabiex jippromovu s-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija u fil-pjanti.

1.6.

L-Istati Membri għandhom jitħeġġu u jiġu motivati jadottaw miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ħamrija fil-qafas tat-tieni pilastru tal-PAK.

1.7.

L-investimenti addizzjonali fit-teknoloġiji favur l-ambjent u l-klima u fis-sistemi ta’ titjib tal-art għandhom jiġu appoġġjati bil-ħsieb tal-użu sostenibbli tal-art u tal-ħamrija.

1.8.

L-agrikoltura msejsa fuq l-għarfien (jiġifieri, l-agrikoltura ta’ preċiżjoni u l-approċċi agroekoloġiċi) għandha titħeġġeġ. Il-potenzjal tal-biedja ta’ preċiżjoni favur ir-riżorsi, il-ħamrija u l-ambjent jitwettaq permezz tal-integrazzjoni tad-data dwar il-ħamrija, il-fertilizzant, il-protezzjoni tal-pjanti, it-temp u r-rendiment, li fost l-oħrajn teħtieġ aċċess aħjar għad-data disponibbli fil-bażijiet tad-data nazzjonali, aktar mobbiltà u aktar faċilità biex tintuża, fejn japplika l-prinċipju li l-bdiewa huma s-sidien tad-data ġġenerata. Il-prerekwiżit għal dan huwa l-aċċess għall-Internet u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni mill-bdiewa.

1.9.

Id-data dwar il-ħamrija għandha tintuża aktar fit-tfassil tal-politika u fid-deċiżjonijiet tal-ippjanar relatati mal-użu tal-art. Fl-istess ħin, jeħtieġ li tittejjeb il-kwalità u d-disponibbiltà tad-data dwar il-ħamrija, b’mod speċjali f’żoni fejn sa issa għadha ma twettqitx biżżejjed riċerka. Fil-livell tal-UE, għandu jkun hemm qbil dwar monitoraġġ uniformi tal-ħamrija.

1.10.

Għandha tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-ħamrija fis-sistema edukattiva kollha. F’dan ir-rigward għandhom jintużaw riżorsi pedagoġiċi moderni u t-tema tal-ħamrija għandha tiġi inkuża fil-kurrikuli tad-diversi livelli edukattivi.

1.11.

Anke l-miżuri għall-għoti ta’ informazzjoni lill-bdiewa dwar il-ħamrija u l-prattiki agrikoli tajbin għandhom rwol importanti. Għal dan il-għan, l-involviment ta’ servizzi konsultattivi huwa ta’ importanza partikolari.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Din l-opinjoni tal-KESE qed titfassal fuq talba tal-presidenza Estonjana u għandha l-għan li tenfasizza l-importanza kruċjali tal-użu sostenibbli tal-art (1) u tal-ħamrija (2) għall-produzzjoni tal-ikel u għat-twettiq tas-servizzi tal-ekosistema.

2.2.

Fuq talba tal-Presidenza Estonjana, il-Kumitat se janalizza kif il-kwistjoni tal-art agrikola se tiġi trattata fid-diversi oqsma ta’ politika tal-UE. Se jikkunsidra wkoll x’jistgħu jagħmlu dawk li jfasslu l-politika u n-negozji fl-UE biex jippromovu l-użu sostenibbli u effettiv tal-ħamrija, riżorsa li hija essenzjali għall-produzzjoni tal-ikel u l-provvista ta’ servizzi oħra tal-ekosistema.

2.3.

Fil-livell tal-UE, f’dan l-istadju hemm varjetà ta’ regoli ta’ protezzjoni tal-ħamrija. Minkejja li d-diversi oqsma politiki tal-UE jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-art agrikola, il-protezzjoni tal-ħamrija fil-biċċa l-kbira mhijiex l-objettiv prinċipali tagħhom. Il-KESE jemmen li issa huwa ż-żmien propizju biex nibdew id-dibattitu dwar kif miżuri differenti jistgħu jiġu kkoordinati aħjar fil-livell tal-UE.

2.4.

Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri għandhom jibbażaw it-tfassil tal-politiki tagħhom fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-perjodu sal-2030 (3). Dawn l-għanijiet jinkludu l-promozzjoni tal-ekosistemi, il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, it-twaqqif u t-treġġigħ lura tad-deterjorament u d-degradazzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-użu effiċjenti tagħhom, u l-integrazzjoni tal-miżuri dwar it-tibdil fil-klima fil-politiki, l-istrateġiji u l-ippjanar nazzjonali. Prekundizzjoni indispensabbli għall-agrikoltura sostenibbli u l-produzzjoni tal-ikel hija l-protezzjoni tal-art agrikola, kif ukoll l-użu sostenibbli tal-ħamrija, li hija riżorsa finita u fil-prinċipju mhux rinnovabbli.

2.5.

Barra minn hekk, numru ta’ inizjattivi (4) ġew imnedija biex jippromovu l-ġestjoni tal-ħamrija sostenibbli u biex jissensibilizzaw dwar ir-rwol importanti tal-art agrikola għas-sigurtà alimentari u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

2.6.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għal-limiti tal-pjaneta tagħna. Dawn jistgħu jintużaw biex jiġu determinati l-limiti ekoloġiċi li l-individwi ma jistgħux josbqu jekk ma jridux jagħmlu ħsara lill-ambjent.. Jinnota li diġà nqabżu tlieta mid-disa’ limiti planetarji (it-tibdil fil-klima, it-telf ta’ bijodiversità, iċ-ċiklu tan-nitroġenu) (5). Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa konxju li l-iżgurar ta’ fornimenti globali tal-ikel huwa sfida li l-Ewropa teħtieġ li tieħu b’mod serju bħala parti mir-responsabbiltajiet globali tagħha.

3.   Il-kwistjonijiet prinċipali dwar l-użu tal-art u tal-ħamrija għall-produzzjoni agrikola

3.1.

Id-domanda globali għall-prodotti tal-ikel se tiżdied fid-deċennji li ġejjin. Għaldaqstant, l-art agrikola f’xi reġjuni tad-dinja inevitabbilment ser ikollha tiġi ġestita b’mod aktar intensiv, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-ħamrija u l-ambjent f’sens usa’, jekk il-ħamrija ma tinħadimx minn perspettiva ekoloġika. Sabiex tiġi żgurata provvista suffiċjenti tal-ikel, il-produttività taż-żoni agrikoli eżistenti għandha tinżamm u l-fertilità għandha tiġi preservata mil-lat bijoloġiku, kimiku u fiżiku.

3.2.

L-Opinjoni tal-KESE dwar “Sistemi tal-ikel aktar sostenibbli” (6) tiddeskrivi l-konsegwenzi ta’ ġesjoni tal-biedja mhux xierqa fil-produzzjoni tal-ikel: it-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-ħamrija, it-tniġġis tal-ilma u tal-arja u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Għalhekk għandu jiġi żgurat li dawn ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti u sostenibbli sabiex jiġu ssalvagwardjati l-provvisti tal-ikel. Dan għandu jkun parti wkoll minn politika komprensiva tal-provvista tal-ikel, kif stabbilit fl-Opinjoni tal-KESE dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE”.

3.3.

It-tibdil fil-klima għandu konsegwenzi wkoll għad-disponibbiltà tar-riżorsi naturali bażiċi – l-ilma u l-ħamrija. Minkejja li ttieħdu numru ta’ miżuri kontra t-tibdil fil-klima, il-kontenut tal-karbonju tal-ħamrija qed jonqos sena wara l-oħra, abbażi tad-data dwar il-ħamrija tal-wiċċ. Madankollu, aktar informazzjoni dwar l-aktar saffi fondi tirrifletti t-tendenza b’mod aktar realistiku.

3.4.

Fir-rapport tagħha “The European environment – state and outlook 2015” (L-ambjent Ewropew – il-qagħda u l-perspettiva 2015) (7), l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) twissi li s-servizzi tal-ekosistema tal-ħamrija – inkluż il-produzzjoni tal-ikel, il-protezzjoni tal-bijodiversità, u l-ħżin tal-karbonju, l-ilma u n-nutrijenti fil-ħamrija – qegħdin dejjem aktar taħt theddida. Skont ir-reġjun, il-problemi prinċipali identifikati fir-rapport huma l-erożjoni tal-ħamrija, it-telf tal-materja organika fil-ħamrija, il-kontaminazzjoni u l-issiġillar tal-ħamrija, kif ukoll l-urbanizzazzjoni, l-abbandun tal-art u l-konsegwenzi ta’ produzzjoni agrikola dejjem aktar intensiva fuq il-ħabitats naturali u seminaturali. It-tnaqqis tal-fertilità tal-ħamrija huwa wkoll fost it-theddidiet ġenerali rikonoxxuti għall-ħamrija.

4.   Il-kwistjoni tal-art agrikola f’diversi oqsma tal-politika tal-UE

4.1.

Ir-rapport imfassal mill-Kummissjoni Ewropea analizza l-miżuri għall-protezzjoni tal-ħamrija tat-28 Stat Membru tal-UE (8). L-analiżi identifikat 35 miżura politika tal-UE u 671 miżura politika nazzjonali għall-protezzjoni tal-ħamrija. Il-miżuri tal-UE jinkludu dokumenti ta’ strateġija, direttivi, regolamenti u diversi miżuri ta’ akkumpanjament. Tliet kwarti mill-miżuri nazzjonali huma primarjament regoli vinkolanti.

4.2.

Id-diversità tal-miżuri fl-Istati Membri toffri l-opportunità biex tindirizza l-problemi kumplessi tal-protezzjoni tal-ħamrija filwaqt li fl-istess ħin ittejjeb il-koordinazzjoni. Id-dritt tal-UE parzjalment jipprovdi regoli siewja u stretti dwar il-protezzjoni tal-ħamrija, imma s-sistema għandha xi dgħufijiet. Il-politiki nazzjonali mhumiex biżżejjed biex jagħlqu d-distakki fil-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħamrija u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-ħamrija jvarjaw b’mod sinifikanti minn pajjiż għal ieħor.

4.3.

Is-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE, fis-seħħ sa mill-bidu tal-2014, jirrikonoxxi d-degradazzjoni tal-ħamrija bħala problema serja u jistabbilixxi l-mira li sal-2020 l-UE jkollha ġestjoni tal-ħamrija sostenibbli u protezzjoni adegwata tal-ħamrija u tagħmel progress dwar ir-riabilitazzjoni tal-art kontaminata. L-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom ukoll li jżidu l-miżuri kontra l-erożjoni tal-ħamrija u jtejbu l-materja organika tal-ħamrija.

4.4.

Il-miżuri tal-UE li ġejjin, fost l-oħrajn, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala rilevanti għall-protezzjoni tal-ħamrija u relattivament effettivi: id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-ilma (id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma), id-Direttiva dwar in-Nitrati, is-sistema ta’ kundizzjonalità tal-PAK, kif ukoll ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba. Sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-ħamrija, l-implimentazzjon ita’ dawn il-miżuri jista’ jkollha impatt akbar jekk iċ-ċirkustanzi lokali jiġu kkunsidrati b’mod flessibbli u l-miżuri jiġu kkoordinati aħjar bejniethom.

4.5.

Il-kwistjonijiet tal-protezzjoni tal-ħamrija jistgħu jiġu indirizzati wkoll bl-użu ta’ diversi tipi ta’ appoġġ finanzjarju disponibbli permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Life + u l-programm Orizzont 2020.

4.6.

Il-pagamenti diretti taħt l-ewwel pilastru tal-PAK, li jkopru madwar 90 % tal-art agrikola utilizzata fl-UE, huma inċentiv ekonomiku importanti għal deċiżjonijiet dwar l-użu u l-ġestjoni tal-art mill-bdiewa. Il-pagamenti diretti huma strettament marbuta maż-żamma tal-art agrikola f’kundizzjoni agrikola u ekoloġika tajba u r-rispett tar-rekwiżiti dwar il-kundizzjonalità u l-ekoloġizzazzjoni skont ir-regolamenti bażiċi tal-PAK. L-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. 30 % tal-pagamenti diretti huma suġġetti għal rekwiżiti ambjentali li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħamrija, jipproteġu l-bijodiversità u jippromovu l-iffissar tal-karbonju (9). Huwa importanti li jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-ekoloġizzazzjoni ma jiġux imxejna minn burokrazija żejda meta tiġi implimentata l-miżura.

4.7.

Fi ħdan it-tieni pilastru tal-PAK, il-programmi ta’ żvilupp rurali joffru wkoll l-opportunità lill-Istati Membrili biex jimplimentaw il-miżuri tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħamrija, li huma mfassla skont l-ispeċifikazzjonijiet lokali f’kull Stat Membru.

4.8.

Il-perspettivi għall-protezzjoni tal-ħamrija, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għall-konsegwenzi tiegħu jistgħu jinkisbu wkoll permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi leġislattivi ppjanati (bħall-Pakkett tal-Klima u l-Enerġija, ir-Regolament dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u l-assorbimenti mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF), ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi eċċ.).

4.9.

Il-modernizzazzjoni tar-regolament tal-UE dwar il-fertilizzanti – li qed tiġi diskussa f’konnessjoni mal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari – li se tiżgura li l-fertilizzanti organiċi u bbażati fuq l-iskart ikunu jistgħu jintużaw b’mod aktar faċli, hija rilevanti ħafna wkoll għal kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-ħamrija. Il-materjal riċiklat li se jintuża bħala emenda jew fertilizzant tal-ħamrija m’għandux, madankollu, ikun fih sustanzi perikolużi (ksenobijotiċi). Għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixi valuri ta’ limitu għall-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi niġġiesa fil-fertilizzant minerali jew organiku, għad hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda u nodfa sabiex jiġu prodotti fertilizzanti u emendi tal-ħamrija li jkunu siguri għall-użu tal-art, mingħajr ma tiġi affettwata l-produttività primarja. Fl-Opinjoni tiegħu l-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni, u jindika li l-fertilità u l-protezzjoni tal-ħamrija huma objettivi ewlenin għar-reviżjoni tar-Regolament (10).

5.   Proposti li jippromovu l-użu sostenibbli tal-ħamrija bħala riżorsa essenzjali għall-produzzjoni tal-ikel u t-twettiq ta’ servizzi tal-ekosistema fl-Unjoni Ewropea

5.1.

Għall-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-ħamrija agrikola huwa essenzjali li jkun hemm qafas ta’ referenza komuni tal-UE biex jimmonitorja l-progress fil-ġbir u l-użu tad-data; dan jista’ jintuża wkoll għal terminoloġija komuni, id-definizzjoni ta’ kundizzjoni tajba tal-ħamrija, il-prijoritajiet, il-kriterji għall-monitoraġġ b’kunsiderazzjoni tal-kundizjonijiet differenti tal-ħamrija u tal-klima, u diversi miżuri ta’ politika differenti biex tinkiseb kundizzjoni tajba tal-ħamrija. Dan huwa prerekwiżit biex jiġu vvalutati b’mod xieraq il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u jittieħdu l-miżuri neċessarji.

5.2.

Fl-Istati Membri kollha, it-telf tal-art agrikola minħabba d-degradazzjoni tal-ħamrija, l-abbandun tal-art, it-tibdil fil-klima u l-urbanizzazzjoni hija problema sinifikanti. Qed jisparixxu dejjem aktar żoni agrikoli biex jagħmlu l-wisa’ għall-iżvilupp ta’ uċuħ artifiċjali. Bejn l-2006 u l-2012, it-teħid tal-art annwali fil-pajjiżi Ewropej kien madwar 107 000 ettaru/sena. It-tipi ta’ art li ttieħdu bl-aktar mod frekwenti għal żvilupp artifiċjali kienu l-art li tinħadem u r-raba’ permanenti, segwiti mill-mergħat u minn żoni agrikoli mħallta (11). Għalhekk il-KESE jipproponi li jiġġedded il-qafas eżistenti tal-UE sabiex jiġu protettti ż-żoni agrikoli u l-fertilità tagħhom fl-Istati Membri, li huma siewja għall-produzzjoni tal-ikel u l-provvista ta’ servizzi oħra tal-ekosistema. Għal dan il-għan għandhom jinħolqu aktar possibbiltajiet tekniċi għal monitoraġġ imtejjeb u l-provvista ta’ informazzjoni affidabbli.

Il-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea

5.3.

Bil-ħsieb tal-modernizzazzjoni tal-PAK, il-ġestjoni effiċjenti u sostenibbli tal-art agrikola għandha tiġi żgurata fil-perjodu ta’ programmazzjoni finanzjarja li jmiss. L-għan għandu jkun, fost affarijiet oħra, li jkomplu jiġu protetti s-saħħa u l-fertilità tal-art agrikola u l-ħamrija, li huwa essenzjali għaż-żamma u biex ikomplu jissaħħu l-produttività u s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu.

5.4.

Fil-qafas tal-miżuri tal-ekoloġizzazzjoni tal-ewwel pilastru tal-PAK, għandhom jinstabu soluzzjonijiet aħjar biex itejbu l-kundizzjoni tal-ħamrija. L-ewwel nett għandha tiġi promossa n-newba tal-uċuħ tar-raba’ bl-użu ta’ speċi leguminużi jew tal-ħaxix. Id-diskussjonijiet dwar l-effikaċja tal-ekoloġizzazzjoni jiffukaw l-aktar fuq il-kwistjoni tal-bijodiversità, imma l-impatt pożittiv tal-kultivazzjoni tal-uċuħ leguminużi fuq il-fertilità tal-ħamrija għandu jingħata aktar piż milli ngħata sa issa (12).

5.5.

L-agrikoltura ma tipproduċix biss ikel ta’ kwalità għolja. Hija responsabbli wkoll għall-bijodiversità u għall-pajsaġġi miftuħa. Għandha wkoll rwol importanti fl-adattament u fil-mitigazzjoni għat-tibdil fil-klima. Il-provvista ta’ beni pubbliċi hija primarjament żgurata permezz ta’ miżuri għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, li joħolqu valur miżjud u jindirizzaw l-impatt tal-agrikoltura fuq il-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità.

5.6.

L-Istati Membri għandhom jitħeġġu u jiġu motivati sabiex, fil-qafas tat-tieni pilastru tal-PAK, jadottaw miżuri għall-protezzjoni tal-ħamrija, li jippermettulhom il-flessibilità massima biex jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi lokali, il-kundizzjonijiet differenti (inklużi t-tipi ta’ ħamrija) u l-problemi speċifiċi.

5.7.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni akbar lill-proposti speċifiċi li saru mill-Istati Membri biex titjieb il-kwalità tal-ħamrija u l-użu sostenibbli tagħha (pereżempju bil-promozzjoni tat-trattament bil-ġir biex tiġi miġġielda l-aċidifikazzjoni tal-ħamrija, jew tal-irrigazzjoni u tad-drenaġġ biex tiġi miġġielda l-iskarsezza tal-ilma jew il-kontenut żejjed tal-ilma). Meta tiġi mmaniġġjata l-ħamrija organika, l-ebda għażla ta’ ġestjoni m’għandha tiġi eskluża, imma għandhom jiġu pprovduti diversi miżuri għall-protezzjoni u l-kura tal-ħamrija.

5.8.

L-investimenti addizzjonali fit-teknoloġiji favur l-ambjent u l-klima għandhom jiġu promossi bil-ħsieb tal-użu sostenibbli tal-art u tal-ħamrija. Għal produzzjoni sostenibbli tal-ikel għandha titħeġġeġ l-agrikoltura bbażata fuq l-għarfien (inkluża l-biedja bi preċiżjoni u l-approċċi agroekoloġiċi) li għandha tiżgura li l-inputs agrikoli jiġu applikati fil-kwantità t-tajba, fil-post it-tajjeb u fil-waqt it-tajjeb. Ta’ importanza kbira huwa t-tijib tal-attività bijoloġika permezz tal-introduzzjoni tal-materja organika u l-ksib ta’ bilanċ ta’ nutrijenti fil-ħamrija – il-fertilizzazzjoni żejda toħloq riskji ambjentali minħabba l-iskular tan-nutrijenti, filwaqt li, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ nutrijenti jnaqqas il-fertilità tal-ħamrija. Jeħtieġ ukoll li tiġi osservata l-liġi tal-minimu (13) peress li fin-nuqqas ta’ ċerti nutrijenti (bħall-fosfru) jiżdied ir-riskju tal-iskular ta’ nutrijenti oħra.

5.9.

It-trobbija tal-bhejjem għandha rwol importanti u spiss kruċjali fl-użu tal-art minħabba ċ-ċiklu tan-nutrijenti, iż-żamma tal-fertilità tal-ħamrija (14) u l-assorbiment tal-karbonju. Fl-UE hemm ħafna art agrikola, inkluż il-bwar, li hija adattata biss għall-agrikoltura tal-mergħat jew għall-għelejjel tal-foraġġ, u għaldaqstant f’ċerti reġjuni t-trobbija tal-annimali għandha tkompli tiġi inkoraġġuta sabiex il-bdiewa ma jċedux din l-art. Il-prattika, li hija mifruxa f’xi partijiet tal-UE, taż-żamma tal-bur permanenti permezz tal-ħsad biss ma toffri l-ebda alternattiva għall-agrikoltura tal-mergħat, jew bil-ħsieb tal-produzzjoni tal-ikel jew għall-effiċjenza tar-riżorsi jew il-ħamrija. Għalhekk fil-PAK jeħtieġ li jinstabu miżuri li jiżguraw il-profitabbiltà tat-trobbija tal-bhejjem fid-diversi reġjuni tal-UE, u għandhom jinstabu soluzzjonijiet li jippermettu l-użu attiv u sostenibbli tal-art għall-produzzjoni tal-ikel.

5.10.

F’xi reġjuni tal-UE, is-sistemi tad-drenaġġ agrikoli skaduti huma problema ewlenija; għalhekk, fir-rigward tat-tibdil fil-klima u aktar milli sar s’issa, l-investiment fit-tul fl-infrastruttura agrikola, bħall-modernizzazzjoni tas-sistemi tad-drenaġġ, għandu jintuża biex tiġi ppreservata l-art agrikola għall-produzzjoni tal-ikel u għaż-żamma tal-fertilità tal-ħamrija.

L-użu tal-art u s-servizzi tal-ekosistema

5.11.

Il-Valutazzjoni tal-Ekosistema għall-Millenju tal-2005 (15) tiddefinixxi s-servizzi tal-ekosistema bħala l-prodotti ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi pprovduti mill-ekosistemi lill-bnedmin. Il-formazzjoni tal-ħamrija hija servizz tal-ekosistema u prerekwiżit għas-servizzi l-oħra kollha tal-ekosistema, bħall-produzzjoni tal-ikel. Il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel hija għalhekk inkonċepibbli mingħajr il-protezzjoni tal-ħamrija.

5.12.

Il-bdiewa għandhom rwol essenzjali fil-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema, li għandu jiġi rikonoxxut u appoġġjat. Il-ħamrija tipprovdi l-aktar servizzi tal-ekosistema importanti (16). Hija s-sors tal-ħajja għall-mikrobi, il-pjanti u l-annimali u riżerva importanti tal-bijodiversità; tiffiltra l-ilma u taħżen l-ilma meħtieġ għat-tkabbir tal-pjanti, tirregola l-għargħar, taħżen in-nutrijenti u tagħmilhom disponibbli għall-pjanti; hija kapaċi wkoll tittrasforma t-tossini. Il-ħamrija hija l-bażi tal-parti ewlenija tal-produzzjoni tal-ikel globali u hija meħtieġa għall-produzzjoni tal-bijomassa. Il-ħamrija taħżen il-karbonju u għalhekk tista’ tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

5.13.

Għandha tingħata aktar attenzjoni għall-użu tal-art, li jinfluwenza l-funzjonament tal-ekosistemi u għalhekk it-twettiq tas-servizzi tal-ekosistema. Id-degradazzjoni tal-ħamrija, l-użu insostenibbli tal-art u l-frammentazzjoni tal-ħabitats minħabba l-urbanizzazzjoni u l-kostruzzjoni tad-djar u t-toroq qed jipperikolaw il-provvista ta’ bosta servizzi tal-ekosistema ewlenin, jheddu l-bijodiversità u jnaqqsu r-reżiljenza tal-Ewropa għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali. Qegħdin ukoll jiggravaw id-degradazzjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni (17). Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, il-prinċipji stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Guidelines on best practice to limit, mitigate or compensate soil sealing [Linji Gwida dwar Prttiki Tajba għal-limitazzjoni, il-mitigazzjoni u l-kumpens tal-issiġillar tal-ħamrija] għandhom jiġu kkunsidrati aktar (18).

5.14.

Il-funzjonijiet u s-servizzi tal-ekosistemi tal-ħamrija huma suġġetti li rari jiġu koperti mil-leġislazzjoni, peress li m’hemmx suq għal dawn is-servizzi u mhumiex rikonoxxuti biżżejjed mis-soċjetà. Pereżempju fir-Regolament bażiku tal-PAK dwar il-pagamenti diretti, isiru xi referenzi għall-kwalità tal-ħamrija, iżda ma ssir l-ebda indikazzjoni għall-bijodiversità tal-ħamrija u s-sinerġiji tagħha mal-produttività primarja. Barra mill-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tal-ħamrija, il-funzjonijiet ewlenin tal-ħamrija jiddependu mill-kundizzjoni tal-mikroorganiżmi u l-fauna fil-ħamrija, kif ukoll fuq il-proċessi bijoloġiċi inkluż l-iffissar tan-nitroġenu, is-sekwestru tal-karbonju, il-filtrazzjoni tal-ilma, u l-abbiltà ta’ prevenzjoni tat-tnixxija tan-nutrijenti. Minbarra l-karatteristiċi tal-ħamrija, is-saħħa tal-għelejjel hija importanti wkoll biex il-potenzjal tal-ħamrija jkun jista’ jintuża bis-sħiħ għall-produzzjoni tal-ikel u s-sekwestru tal-karbonju.

5.15.

Fl-Opinjoni tal-KESE dwar Tfassil mill-ġdid possibbli tal-PAK (19), il-KESE stqarr li l-miżuri ambjentali, dwar it-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità skont il-Pilastru 2 tal-PAK jistgħu jiġu mmirati aktar milli ġew sa issa lejn it-twettiq ta’ servizzi tal-ekosistema msaħħa mill-bdiewa. Fir-rigward tal-ħamrija u l-użu tal-art, il-miżuri ta’ appoġġ għandhom primarjament ikunu ffukati fuq il-ġestjoni tal-bwar u tal-ħamrija organika b’tali mod li jiġi promoss is-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija. Fl-interess ttal-ħamrija, il-ħart tal-wiċċ għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun. Madankollu, jinħtieġ ċertu grad ta’ ħart tal-wiċċ minħabba l-arrikkament tan-nutrijenti ta’ uċuħ tar-raba’ mhux maħduma sabiex jiġu introdotti n-nutrijenti fiż-żona tal-għeruq u jitnaqqas ir-riskju tat-tnixxija tan-nutrijenti. Il-kompressjoni tal-ħamrija tnaqqas il-kapaċità tal-ħamrija biex tipprevjeni t-telf ta’ nutrijenti.

5.16.

F’xi reġjuni tal-UE, għandhom jiġu promossi l-konverżjoni tal-art li tinħadem f’bur, it-tnaqqis tad-densità ta’ bhejjem fuq il-bur, filwaqt li tiġi rispettata densità ta’ bhejjem minima, iż-żamma ta’ torbiera umda tal-wiċċ u miżuri li jillimitaw l-erożjoni tal-ħamrija u jnaqqsu d-deżertifikazzjoni f’żoni nexfin.

5.17.

F’xi reġjuni, l-isfidi ewlenin li tiffaċċja l-agrikoltura huma ż-żamma tal-bijodiversità fuq l-art agrikola, aktar promozzjoni tal-prattiki tal-biedja sostenibbli u ż-żieda fl-effiċjenza tal-produzzjoni mingħajr ma tiġi intensifikata aktar il-biedja. Reġjuni oħra huma ffaċċjati bil-kompitu ewlieni tat-tnaqqis fil-pressjoni fuq l-użu tal-art, il-ħamrija u l-ekosistemi naturali. Fir-reġjuni tan-Nofsinhar, l-iskarsezza tal-ilma hija wkoll sfida ewlenija.

5.18.

Dawn l-aspetti tal-produzzjoni agrikola, li huma importanti ħafna għall-ekosistema, għandhom jitqiesu fit-tfassil u r-riforma tal-Politika Agrikola Komuni u oqsma oħra ta’ politika.

Il-ħamrija u t-tibdil fil-klima

5.19.

Billi l-ħamrija hija l-akbar riżerva ta’ karbonju terrestri fid-dinja (20), għandha parti importanti fit-trattament tat-tibdil fil-klima u fis-sekwestru tal-karbonju. Fil-qafas internazzjonali tal-protezzjoni tal-klima, il-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija hija assenjata rwol ewlieni fl-istabbilizzar u fiż-żieda tal-kontenut tal-materjali organiċi li jgħinu biex jippreservaw il-funzjonijiet tal-ħamrija u jipprevjenu d-degradazzjoni tal-ħamrija. Skont il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima (COP 21), l-inizjattivi eżistenti u ġodda għandhom jiġu promossi biex iċ-ċiklu tal-karbonju tal-ħamrija jinżamm f’bilanċ, b’mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.

5.20.

Skont il-Prinċipju 9 tal-World Soil Charter (Karta dwar il-Ħamrija Dinjija) (21) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), il-ħamrija kollha tipprovdi servizzi tal-ekosistema essenzjali għar-regolazzjoni tal-klima globali. Sabiex jiżdied il-kontenut tal-karbonju tal-ħamrija, il-KESE jipproponi li l-prinċipji tal-Linji Gwida Volontarji għall-Ġestjoni tal-Ħamrija Sostenibbli (22) adottati fl-2016 mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) jiġu inkorporati fil-miżuri politiċi tal-UE. Għandu jingħata appoġġ, fost l-oħrajn, lill-produzzjoni tal-bijomassa billi jittejjeb l-aċċess għall-ilma (eż. bil-kostruzzjoni ta’ sistemi ta’ irrigazzjoni b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet ambjentali lokali), jitnaqqas il-ħdim tar-raba’ għall-minimu, l-agrikoltura tal-mergħat, il-produzzjoni integrata, il-bini ekoloġiku, in-newba tal-uċuħ tar-raba’, il-kultivazzjoni ta’ uċuħ leguminużi, l-irkupru tal-iskart organiku, il-kompostjar u l-ħolqien ta’ kopertura ta’ pjanti għax-xitwa għall-għelieqi. Il-ħamrija b’livell għoli ta’ karbonju u l-bwar għandhom jiġu mmaniġġjati b’mod sostenibbli.

5.21.

L-inizjattivi ewlenin dwar it-tibdil fil-klima jeħtieġ li jkunu appoġġjati fil-livell Ewropew. M’għandux jintnesa, madankollu, li s-sitwazzjoni tal-ħamrija tvarja bil-kbir bejn l-Istati Membri, u għaldaqstant id-differenzi reġjonali għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-miżuri eżistenti u ġodda.

Disponibbiltà ta’ data relatata mal-ħamrija u l-użu tagħha

5.22.

Għandu jsir aktar użu mid-data dwar il-ħamrija fit-tfassil tal-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art sabiex jiġu implimentati politiki bbażati fuq il-fatti u għall-finijiet tal-ippjanar tal-użu tal-art fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-iskambju tad-data għandu jiġi kkoordinat filwaqt li tiġi rrispettata s-sjieda tad-data fi ħdan qafas regolatorju miftiehem.

5.23.

Fl-istess ħin, jeħtieġ li jittejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tad-data dwar il-ħamrija, b’mod speċjali f’oqsma fejn sa issa għadha ma twettqitx biżżejjed riċerka (pereżempju data dwar il-karbonju fil-ħamrija). Biex tittejjeb id-disponibbiltà tad-data jinħtieġu għanijiet ċari fuq perjodu qasir u twil ta’ żmien.

5.24.

Sabiex jittejjeb l-aċċess għad-data dwar il-ħamrija u biex jiġi promoss l-użu tagħha, il-mapep tal-ħamrija għandhom jiġu aġġornati u r-rekwiżiti minimi li għandhom jikkonformaw magħhom l-Istati Membri fir-rigward tal-iskala spazjali tal-mapep tal-ħamrija għandhom ikomplu jiżdiedu. Madankollu, għandhom jitqiesu l-isfidi tal-immappjar tal-ħamrija f’xi reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

5.25.

Il-monitoraġġ armonizzat u kontinwu tal-ħamrija għandu jiġi miftiehem fil-livell tal-UE, flimkien ma’ numru limitat ta’ indikaturi relatati mat-tibdil fl-istatus tal-ħamrija u mal-effikaċja tal-miżuri għall-protezzjoni tal-ħamrija.

5.26.

Il-bdiewa jkollhom jieħdu deċiżjonijiet kumplessi dwar l-ippjanar tal-produzzjoni tagħhom fuq bażi ta’ kuljum. Wieħed ma jistax jaħseb fil-biedja ta’ preċiżjoni favur ir-riżorsi, il-ħamrija u l-ambjent mingħajr l-użu ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. L-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali mill-bdiewa hija prekundizzjoni għal dan, bl-għażliet u bil-flessibilità skont il-kundizzjonijiet rispettivi tal-ħamrija u tal-klima.

5.27.

Il-potenzjal tal-biedja ta’ preċiżjoni jista’ jiġi realizzat permezz tal-integrazzjoni tad-data dwar il-ħamrija, il-fertilizzant, il-pestiċida, it-temp u l-produzzjoni, li teħtieġ, fost l-oħrajn, aċċess aħjar għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data nazzjonali, aktar mobbiltà u aktar faċilità biex tintuża mill-utent. Għandhom jiġu promossi soluzzjonijiet li jippermettu lill-bdiewa jkollhom aċċess għall-big data maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali matul il-ħidma tagħhom ta’ kuljum, bl-użu ta’ soluzzjonijiet tas-softwer minn fornituri pubbliċi jew privati, anke b’kooperazzjoni ma’ servizzi ta’ konsulenza. Il-fornituri tas-softwer għandhom, pereżempju, bil-kunsens ta’ dawk affettwati, jingħataw aċċess aktar faċli għall-aktar data preċiża possibbli dwar il-ħamrija agrikola u kampjuni tal-ħamrija. Il-bdiewa għandhom iżommu s-sjieda tad-data li jipproduċu.

Żvilupp tal-bażi tal-għarfien u applikazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni

5.28.

Ix-xjenza għandha rwol importanti fil-ħolqien ta’ għarfien ġdid, fid-disseminazzjoni tal-innovazzjonijiet, fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-użu sostenibbli tal-art u tal-ħamrija. Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna dwar il-Ħamrija (23) li “r-relazzjoni bejn l-attivitajiet tal-bniedem u l-ħamrija u l-effetti tagħhom fuq komponenti oħra tal-ambjent għandhom ikunu l-fokus ewlieni tax-xjenza tal-ħamrija”. Il-kollaborazzjoni bejn ix-xjenza tal-ħamrija u x-xjenzi alleati hija importanti wkoll.

5.29.

Inħolqu opportunitajiet ta’ finanzjament relattivament tajbin għar-riċerka dwar il-ħamrija u l-produzzjoni tal-ikel fil-qafas tal-programm tal-UE Orizzont 2020, li għandhom jinżammu meta jitħejja d-9 Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

5.30.

Għandha titqiegħed enfasi partikolari fuq it-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp lejn il-kumpaniji, li jiżguraw li l-art u l-ħamrija jintużaw għall-produzzjoni sostenibbli tal-ikel. Il-KESE jistieden lix-xjenzjati, lill-bdiewa, lill-konsulenti u lil partijiet ikkonċernati oħra jiżviluppaw kooperazzjoni f’dan il-qasam, billi jieħdu vantaġġ mill-possibbiltajiet offruti mis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP-AGRI).

5.31.

L-agrikoltura qed tagħmel użu dejjem akbar minn diversi bijostimulanti biex ittejjeb l-istruttura tal-ħamrija, l-effiċjenza nutrizzjonali tal-pjanti u l-provvista tal-ilma sabiex jitjiebu r-rendimenti u l-kwalità tal-uċuħ. Billi kull ħamrija hija unika u l-kompożizzjoni tagħha qed tinbidel b’mod kostanti, l-impatt tal-użu tal-bijostimulanti fuq il-bilanċ bijoloġiku tal-ħamrija mhuwiex riċerkat biżżejjed, u għandhom jitwettqu studji aktar indipendenti f’dan il-qasam.

Sensibilizzazzjoni

5.32.

Sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni fost il-bdiewa, fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u l-partijiet ikkonċernati oħra dwar l-importanza tal-ħamrija agrikola għall-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema, jinħtieġ dibattitu wiesa’, li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, dwar il-qagħda tal-ħamrija u l-opportunitajiet għall-protezzjoni tal-ħamrija. Aktar sensibilizzazzjoni tgħin biex tiżgura li jiġi investit aktar fl-użu sostenibbli tal-ħamrija u fir-riċerka.

5.33.

Is-sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tal-ħamrija għandha tiżdied fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, b’opportunitajiet li tinġabar l-esperjenza prattika. Meta jkunu qed jiġu trattati kwistjonijiet relatati mal-użu tal-art u l-protezzjoni tal-ħamrija għandhom jintużaw metodi ta’ tagħlim moderni.

5.34.

Il-miżuri li jissensibilizzaw lill-bdiewa dwar kompożizzjonijiet differenti tal-ħamrija, prattiki tal-biedja tajba, l-importanza tan-newba tal-uċuħ tar-raba’, il-fertilizzanti eċċ. għandhom rwol partikolarment importanti. Il-parteċipazzjoni u l-involviment tas-servizzi konsultattivi huma kruċjali.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  L-“art” tirreferi għall-parti tal-wiċċ tad-dinja li mhijiex mgħottija bl-ilma.

(2)  Il-“ħamrija” tista’ tiġi definita bħala s-saff ta’ fuq tal-qoxra tad-dinja, magħmul minn partiċelli ta’ minerali, materja organika, ilma, arja u organiżmi ħajjin. Hija l-interfaċċja bejn l-art, l-arja u l-ilma, u hija l-ħabitat tal-biċċa l-kbira tal-bijosfera. [http://eur-lex.europa.eu/legal-content/DE/TXT/?uri=CELEX:52006DC0231].

(3)  http://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-development-goals/

(4)  Dawn l-inizjattivi jinkludu, pereżempju, id-Deċennju Internazzjonali tal-Ħamrija, is-Sħubija Globali Favur il-Ħamrija tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), l-inizjattiva Franċiża 4 ‰: Ħamrija għas-Sigurtà Alimentari u għall-Protezzjoni tal-Klima, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “People4Soil” eċċ.

(5)  J. Rockström, et al., 2009, “Planetary Boundaries: Exploring the Safe Operating Space for Humanity, Ecology and Society [Il-limiti tal-pjaneta: nanalizzaw l-ispazju sigur li fih jistgħu joperaw l-umanità, l-ekoloġija u s-soċjetà]”, Vol. 14, https://www.consecol.org/vol14/iss2/art32/main.html

(6)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 64.

(7)  https://www.eea.europa.eu/soer.

(8)  L-Inventarju Aġġornat u l-Valutazzjoni tal-Istrumenti tal-Politika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija fl-Istati Membri tal-UE http://ecologic.eu/14567

(9)  https://ec.europa.eu/agriculture/direct-support/greening_en

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar il-fertilizzanti, ĠU C 389, 21.10.2016, p. 80.

(11)  https://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/land-take-2/assessment-1.

(12)  Ir-rhizobia, batterji li huma attivi fin-noduli tal-għeruq ta’ ħafna speċi ta’ uċuħ leguminużi (xnien, trew, lupini, piżelli, fażola, eċċ.), huma l-aktar organiżmi importanti involuti fl-iffissar tan-nitroġenu, li huwa ta’ importanza kbira għaż-żamma tal-fertilità tal-ħamrija.

(13)  https://en.wikipedia.org/wiki/Liebig%27s_law_of_the_minimum

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar “Sistemi tal-ikel aktar sostenibbli”, ĠU C 303, 19.8.2016, p. 64.

(15)  http://www.millenniumassessment.org/en/index.html

(16)  http://www.iuss.org/index.php?article_id=588

(17)  https://www.eea.europa.eu/soer-2015/synthesis/report/3-naturalcapital

(18)  http://ec.europa.eu/environment/soil/pdf/guidelines/en%20-%20Sealing%20Guidelines.pdf

(19)  ĠU C 288, 31.08.2017, p.10.

(20)  Hemm darbtejn aktar karbonju fil-ħamrija milli hemm fl-atmosfera, u tliet darbiet aktar milli hemm fil-flora matul l-istaġun tat-tkabbir.

(21)  http://www.fao.org/soils-2015/news/news-detail/en/c/293552/

(22)  http://www.fao.org/documents/card/en/c/5544358d-f11f-4e9f-90ef-a37c3bf52db7/

(23)  http://www.iuss.org/index.php?article_id=588


Top