Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC1012(01)

Notifika ta’ bidu ta’ rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

C/2016/6464

ĠU C 373, 12.10.2016, pp. 3–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/3


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2016/C 373/04)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reżami

It-talba ġiet ippreżentata fit-12 ta’ Lulju 2016 minn żewġ produtturi tal-Unjoni, Toyota Material Handling Manufacturing Sweden AB u PR Industrial S.r.l., flimkien imsejħa “l-applikant”, li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom.

2.   Il-prodott taħt rieżami

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u s-sistemi idrawliċi (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 (kodiċi TARIC 8427900011 u 8427900019) u ex 8431 20 00 (kodiċi TARIC 8431200011 u 8431200019).

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 (3), kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 946/2014 (4). Il-miżuri ġew estiżi għal importazzjonijiet ikkunsinnati mit-Tajlandja bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009 (5) u għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn kemm kemm modifikati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1346 (6).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija bbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-issoktar ta’ dumping u għall-kontinwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (imsejjaħ ukoll “il-pajjiż ikkonċernat”) titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, l-applikant stabbilixxa valur normali għall-produtturi esportaturi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Brażil. L-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri l-eżistenza ta’ dumping, l-applikant jallega li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping min-naħa tal-pajjiż ikkonċernat.

4.2.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ ħsara

L-applikant ipprovda wkoll evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni baqgħu sinifikanti f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-applikant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat taħt rieżami kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet imposti mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

Barra minn hekk, l-applikant jallega li kwalunkwe żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx li twassal għal aktar ħsara għall-industrija tal-Unjoni, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami tal-iskadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami tal-iskadenza se jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri hijiex probabbilment se twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għal kontinwazzjoni jew għal rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2015 sat-30 ta’ Settembru 2016 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami”). L-eżaminazzjoni ta’ xejriet rilevanti biex tiġi vvalutata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tal-ħsara se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2013 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping

Il-produtturi esportaturi (7) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li se jiġu investigati fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina involuti f’dan ir-rieżami tal-iskadenza, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward il-kampjunar, minbarra l-informazzjoni mitluba fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu raġonevolment jiġu investigati fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

5.2.2.   Proċedura addizzjonali marbuta mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

F’konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, rigward l-importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-valur normali se jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

Fl-investigazzjoni preċedenti, il-Brażil intuża bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq bil-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba, huwa previst li għal darb’oħra l-Brażil jintuża bħala pajjiż analogu. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, produtturi oħrajn b’ekonomija tas-suq jistgħu jkunu qegħdin inter alia fl-Indja, fil-Malasja, fl-Iżvizzera, fit-Tajwan u fit-Turkija. Il-Kummissjoni, bil-għan li fl-aħħar nett tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott taħt rieżami f’dawk il-pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq li dwarhom hemm indikazzjonijiet li teżisti l-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar l-għażla tal-pajjiż analogu fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.2.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (8)  (9)

Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward il-kampjunar, minbarra l-informazzjoni mitluba fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun.

5.3.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tal-ħsara lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi fl-Unjoni tal-prodott taħt rieżami huma mistednin jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami tal-iskadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.7 iktar ‘l isfel). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun.

5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, sal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom sal-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.5.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Struzzjonijiet għall-preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti”  (10). Kull talba għal trattament kunfidenzjali trid tiġi ġġustifikata b’mod xieraq.

Partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma rikjesti li jagħtu ġabriet fil-qosor mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn il-ġabriet fil-qosor iridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni fuq bażi kunfidenzjali ma tipprovdix ġabra fil-qosor mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u fil-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika u jinkludu dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Meta jużaw ittri elettroniċi, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Indirizzi tal-posta elettronika

:

TRADE-R654-HPT-DUMPING@ec.europa.eu

TRADE-R654-HPT-INJURY@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u l-konklużjonijiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll il-possibbiltà li jsir smigħ li jinvolvi lill-partijiet bil-għan li jippermettilhom jippreżentaw fehmiet differenti u li jressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u ħsara, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami tal-iskadenza qed jinbeda f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami tal-iskadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (11).


(1)  Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri antidumping (ĠU C 34, 29.1.2016, p. 15).

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 tal-10 ta’ Ottubru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħu mibgħuta mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 268, 13.10.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 946/2014 tal-4 ta’ Settembru 2014 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara analiżi tal-“esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 265, 5.9.2014, p. 7).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq l-importazzjonijiet tal-pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnati mit-Tajlandja, kemm jekk ikun iddikjarat li oriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (ĠU L 151, 16.6.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1346 tat-8 ta’ Awwissu 2016 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013, dwar l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn kemm kemm modifikati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 214, 9.8.2016, p. 1).

(7)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott taħt rieżami lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluż kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami.

(8)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relalati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom ir-relazzjonijiet segwenti bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv), (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità lbiex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(9)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll f’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

(10)  Dokument “Ristrett” huwa dokument trattat b’mod kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top